30.11.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/100


ID-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI TAL-QORTI TA' L-AWDITURI

(2005/C 302/02)

I.

Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 248 tat-Trattat il-Qorti eżaminat ir-“Rapporti Konsolidati dwar l-implimentazzjoni tal-budget u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati” tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja li għalqet 31 ta' Diċembru 2004 (1). Hija twettqet il-verifika tagħha skond il-politika u l-istandards tagħha stess, li huma bbażati fuq l-istandards internazzjonali li ġew adattati għall-kuntest Komunitarju. Bil-verifika tagħha, il-Qorti kisbet bażi raġonevoli għall-opinjoni espessa hawn taħt. Fil-każ tad-dħul l-iskop tax-xogħol ta' verifika tal-Qorti kien limitat. L-ewwel nett, ir-riżorsi proprji tal-VAT u PGN huma bbażati fuq statistiċi makroekonomiċi li għalihom id-data ta' bażi ma tistax tkun verifikata direttament mill-Qorti, u t-tieni nett, il-verifiki tar-riżorsi proprji tradizzjonali ma jistgħux ikopru l-importazzjonijiet li ma kienux soġġetti għal superviżjoni doganali.

L-AFFIDABILITÀ TAL-KONTIJIET

II.

Fl-opinjoni tal-Qorti, ir-“Rapporti Konsolidati dwar l-implimentazzjoni tal-budget u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati” tal-Komunitajiet Ewropej kienu mtella' skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-25 ta' Ġunju 2002 u mal-prinċipji ta' kontabilità, regoli u metodi mniżżla fl-annessi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati (2). Ħlief għar-riżultati ta' l-osservazzjoni fil-paragrafu III, dawn jirriflettu fedelment id-dħul u n-nefqa tal-Komunitajiet għas-sena u l-pożizzjoni finanzjarja tagħha fl-aħħar tas-sena.

III.

Fin-nuqqas ta' proċeduri ta' kontroll intern effettivi għal dħul u avvanzi varji, il-Qorti ma tistax tkun żgura li t-tranżazzjonijiet relatati mal-punt tad-debituri varji kienu reġistrati korretament u kompletament.

IV.

Mingħajr ma tpoġġi in diskussjoni l-opinjoni espressa fil-paragrafu II, il-Qorti tixtieq tiġbed l-attenzjoni għas-segwenti:

a)

Kif kien il-każ fil-passat, is-sistema ta' kontabilità użata biex ittella' l-kontijiet 2004 ma kienitx iddisinjata biex tassigura li l-assi u d-dejn kollha huma rreġistrati.

b)

Wara l-pjan ta' azzjoni tagħha għall-modernizzazzjoni tas-sistema ta' kontabilità tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kummissjoni kisbet progress sinifikanti lejn l-introduzzjoni ta' kontabilità bbażata fuq id-dovut sas-sena 2005. Madanakollu, adattamenti u validazzjonijiet neċessarji biex jassiguraw l-implimentazzjoni kompleta tal-qafas ta' kontabilità l-ġdid ġie ttardjat.

IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET TA' BAŻI

V.

Fuq il-bażi tar-riżultati tal-verifika tagħha, il-Qorti hija ta' l-opinjoni li f'oqsma fejn sistemi ta' kontroll u superviżjoni huma implimentati u jippermettu għal ġestjoni ta' riskju adegwata, jiġifieri, dħul, impenji, nefqa amministrattiva u strateġija ta' qabel l-adeżjoni, it-tranżazzjonijiet ta' bażi tal-kontijiet annwali konsolidati tal-Komunitajiet Ewropej, fit-totalità tagħhom, huma legali u regolari. Barra minn dan, għan-nefqa tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) il-verifika tal-Qorti wriet li, fejn applikata b'mod tajjeb, is-sistema integreta ta' kontroll u amministrazzjoni (IACS) hija sistema effettiva biex tillimita r-riskju ta' nefqa irregolari.

VI.

Mingħajr ma tpoġġi in diskussjoni l-opinjoni espressa fil-paragrafu V, il-Qorti tenfasizza li, fil-qasam ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, riskji ta' gradi differenti għadhom jeżistu fil-livell ta' l-organizzazzjonijiet ta' implimentazzjoni fil-pajjiżi kandidati għall-programmi u istrumenti kollha.

VII.

Sforz akbar huwa meħtieġ biex jiġu implimentati b'mod effettiv is-sistemi ta' kontroll u sorveljanza u ndirizzati n-nuqqasijiet tagħhom, sabiex tiġi mtejba l-ġestjoni tar-riskji li jistgħu jinqalgħu fl-oqsma segwenti, fejn il-pagamenti għadhom materjalment milquta minn żbalji:

a)

Fil-każ tan-nefqa CAP, il-Qorti sabet evidenza rikorrenti li nefqa li mhix soġġetta ma' l-IACS, jew fejn l-IACS kienet applikata inadegwatament, toħloq riskju akbar għaliex is-sistemi ta' kontroll mhumiex daqshekk effettivi. Kontroll ta' wara l-pagament għal sussidji CAP li mhumiex koperti mill-IACS ma jagħtux assigurazzjoni raġonevoli għall-konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja. Il-Qorti kkonkludiet li n-nefqa CAP, meta meħuda fit-totalità tagħha, kienet għadha materjalment milquta minn żbalji.

b)

Fil-każ tal-miżuri strutturali, il-Qorti reġgħet sabet nuqqasijiet fis-sistemi ta' kontroll u ġestjoni li wrew il-bżonn, fi gradi differenti, għal titjib sabiex jikkonformaw kompletament mal-ħtiġijiet regolatorji għal kontrolli ta' ġestjoni ta' kuljum u/jew kontrolli indipendenti ta' kampjuni ta' l-operazzjonijiet għall-perijodu ta' programmar 2000-2006. Għaż-żewġ perijodi ta' programmar (1994-1999 u 2000-2006), diversi żbalji ta' legalità u regolarità kienu misjuba fin-nefqa inkluża fid-dikjarazzjonijiet li jwasslu għal pagamenti mill-Kummissjoni.

ċ)

Fil-każ tal-politika interna, minkejja l-progress li sar f'ċerti oqsma s-sejbiet tal-verifika tal-Qorti relatati mas-sistemi ta' kontroll u sorveljanza u t-tranżazzjonijet ta' bażi ma jagħtux assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-legalità u regolarità tal-pagamenti. Huwa probbabli li r-riskju ta' żbalji ser ikompli jekk il-qafas legali ma jidbiddliex sabiex is-sistemi ta' rimborż ta' spejjeż ma jiġux semplifikati u l-proċeduri u istruzzjonijiet li jiggvernaw il-programmi differenti ma jiġux iċċarati.

d)

Fil-każ ta' l-azzjonijiet esterni, it-titjib tas-sistemi ta' kontroll u sorveljanza tal-Kummissjoni għadhom ma kellhomx impatt fil-livell ta' l-organizzazzjoni ta' implimentazzjoni, fejn numru relattivament għoli ta' żbalji fil-livell tal-pagamenti fir-rigward ta' impatt finanzjarju u frekwenza kienu misjuba li kienu marbuta ma' nuqqas ta' approċċ komprensiv mas-sorveljanza, kontroll u verifika ta' dawn l-organizzazzjonijiet.

VIII.

Il-Qorti tinnota l-progress li sar mill-Kummissjoni fir-rigward tar-riforma tas-sistema ta' kontroll intern tagħha u l-impatt pożittiv fuq il-legalità u r-regolarità tal-ġestjoni interni tal-Kummissjoni tan-nefqa. Madanakollu, għadu meħtieġ aktar progress fir-rigward ta' effikaċja operattiva.

28 ta' Settembru 2005

Hubert WEBER

President

Il-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri

12, rue Alcide De Gasperi, L-1615 Luxembourg


(1)  Ir-“Rapporti Konsolidati dwar l-implimentazzjoni tal-budget u d-dikjarazzjonijiet finanzajarji Konsolidati” jagħmlu l-Volum I tal-kontijiet annwali tal-Komunitajiet Ewropej, sena finanzjarja 2004.

(2)  Ara Anness 1, Volum I, tal-kontijiet finali tal-Komunitajiet Ewropej, sena finanzjarja 2004.