52005SC0834

Rakkomandazzjoni għal opinjoni tal-Kunsill skond l–Artikolu 5(3) tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Portugall, 2005-2009 /* SEK/2005/0834 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.6.2005

SEG(2005) 834 finali

Rakkomandazzjoni għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

skond l–Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Portugall, 2005-2009

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet tal-baġit u dwar is-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika[1] ekonomika jistipulaw illi l-Istati Membri parteċipanti, jiġifieri, dawk li jadottaw il-munita unika, kellhom jissottomettu programmi ta’ stabbiltà lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sa’ l-1 ta’ Marzu 1999. Skond l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill kellu jeżamina kull programm ta’ stabbiltà bbażat fuq l-estimi ppreparati mill-Kummissjoni u mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 114 tat-Trattat (il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju). Fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill ta opinjoni, wara li eżamina l-programm. Skond ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jissottomettu aġġornamenti annwali tal-programmi ta’ stabbiltà tagħhom, li jistgħu jiġu eżaminati wkoll mill-Kunsill bi qbil ma’ dawn l-istess proċeduri. L-ewwel programm ta’ stabbiltà tal-Portugall, li jkopri l-perjodu 1999-2002, kien sottomess fit-30 ta' Diċembru 1998 u ġie evalwat mill-Kunsill fit-8 ta' Frar 1999. Ġew ippreżentati aġġornamenti kull sena segwenti.

L-awtoritajiet Portugiżi ssottomettew l-iktar aġġornament riċenti tal-programm ta’ l-istabbilità tal-Portugall fid-9 ta’ Ġunju 2005. L-aġġornament ikopri l-perjodu mill-2005 sa l-2009 u kien sottomess mill-gvern elett wara l-elezzjonijiet ġenerali ta’ l-20 ta’ Frar 2005. Hu kien approvat mill-gvern fit-2 ta’ Ġunju b’mod konformi mal-proċeduri domestiċi Portugiżi (Il-Liġi dwar l-Istabbiltà tal-Baġit), u kien diskuss mill-Parlament fid-9 ta’ Ġunju 2005. Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu valutazzjoni teknika ta’ dan l-aġġornament, waqt li taw każ tar-riżultati tat-tħabbir ekonomiku tagħhom stess tar-rebbiegħa ta’ l-2005, wara li kkunsidraw il-kodiċi tal-kondotta[2], il-metodoloġija komuni mifthema għall-istima tal-produzzjoni potenzjali u tal-bilanċi aġġustati ċiklikament, ir-rakkomandazzjonijiet fil-linji ta' gwida tal-politika ekonomika wiesgħa għall-perijodu 2003-2005 u r-rapport tal-Kunsill Ecofin ta’ l-20 ta’ Marzu 2005 dwar ‘Titjib fl-implimentazzjoni tal-Patt ta’ l-Istabbilità u tat-Tkabbir’ approvat mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2005[3].Din l-evalwazzjoni jixirqilha l-valutazzjoni li gejja:

- L-aġġornament hu konformi mal-bżonnijiet tad-data tal-“kodiċi tal-kondotta dwar il-kontenut u l-format tal-programmi ta’ l-istabbiltà u tal-konverġenza”[4]. Madankollu, huwa ma jippreżentax projezzjonijiet dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubblici, imma minflok jirreferi biss għal task force stabbilita mill-gvern biex tevalwa s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tas-sigurtà socjali.

- L-aġġornament tal-programm ta’ l-istabbiltà hu mibni madwar il-bżonn li jikkoreġi l-iżbilanċ tal-gvern li hu ta’ 6.2% tal-PGD fl-2005 u li hu ppjanat li jeċċedi sew it-3% tal-PGD. Din iċ-ċifra ssegwi żbilanċ ta' 2.9% tal-PGD fis-snin 2002 sa l-2004, kif riċentament rapportat mill-awtoritajiet Portugiżi li jirriflettu d-diskussjonijiet ma’ l-Eurostat, u hija konsiderevolment agħar mill-mira ta' 2.2% tal-PGD għall-2005 fl-aġġornament tal-programm ta’ qabel. Din id-deterjorazzjoni kienet spjegata bi tkabbir iktar baxx minn dak mistenni, eżami mill-ġdid tat-tkabbir tan-nefqa, nefqa akbar mqabbla mal-baġit u n-nuqqas ta’ introduzzjoni tal-miżuri ta’ darba ppjanati fil-programm ta’ qabel[5], kif ukoll permezz ta’ pakkett korrettiv ta’ xi 0.6% tal-PGD addottat mill-gvern il-ġdid f’Ġunju 2005.

- Għat-tnaqqis ta’ l-iżbilanċ, l-aġġornament juri strateġija li taħseb għall-implimentazzjoni ta’ miżuri strutturali iktar milli wieħed jistrieħ fuq miżuri mdaqqsa ta’ darba u temporanji, li jindika bidla fir-rigward ta’ l-istrateġija tal-baġit spjegata fl-aġġornamenti ta’ qabel. L-iżbilanċ tal-gvern hu mistenni li jitjieb kontinwament fis-snin li gejjin, imma se jeċċedi t-3% tal-valur tar-referenza tal-PGD sa almenu l-2007.

- Il-kuntest makro-ekonomiku ppreżentat fil-programm jipproġetta tkabbir reali tal-PGD minn 1% fl-2004 u 0.8% fl-2005 għal 1.4% fl-2006, 2.2% fl-2007, 2.6% fl-2008 u 3.0% fl-2009. Dan il-profil hu mmexxi minn domanda domestika li qed taċċellera. Il-kontribuzzjoni esterna hi mistennija li tvarja ftit minn pożizzjoni newtrali, jew fuq in-naħa pożittiva jew dik negattiva. Il-projezzjonijiet tat-tkabbir għall-2005 u l-2006 huma ftit inqas mit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni, li jirriflettu l-aktar żviluppi riċenti. Għas-snin ta’ wara, jidher ċar li t-tkabbir proġettat tal-PGD hu żgur akbar mit-tendenza kkalkulata mis-servizzi tal-Kummissjoni skond il-metodoliġija komuni mifthema; id-differenza bejn il-produzzjoni potenzjali u dik reali se tonqos matul il-perjodu tal-programm, u mistennija li tispiċċa sa l-aħħar tal-programm. Madankollu, ma jistax ikun eskluż li l-isforzi tal-konsolidazzjoni tal-baġit jistgħu jaffettwaw it-tkabbir aktar milli wieħed jassumi b’mod impliċitu fil-programm. Min-naħa l-oħra, il-perċezzjoni li s-sitwazzjoni fiskali mhux sostenibbli qed tkun indirizzata tista’ tiġġenera effetti favorevoli ta’ konfidenza. Barra minn hekk, kompetittività dgħajfa fl-isfond ta’ kompetizzjoni akbar fuq is-swieq ta’ l-esportazzjoni Portugiżi tista’ tagħmel ħsara lill-kontribuzzjoni netta tas-settur estern għat-tkabbir. L-aċċellerazzjoni proġettata f’attività ekonomika għalhekk tiddependi fuq l-indirizz ta' defiċjenzi strutturali fil-prodottività u l-kompetittività, u fuq il-kapaċità li terġa’ tiddaħħal il-kunfidenza. Wara kollox, fid-dawl ta’ l-esperjenza ta’ l-aħħar snin, il-proġettazzjonijiet tat-tkabbir għall-2007 sa l-2009 jidhru li jirriflettu suppożizzjonijiet ottimistiċi u għalhekk għandhom element ta’ riskju. Il-proġettazzjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni għall-2005 u l-2006 jidhru wkoll li huma fuq in-naħa baxxa, meta wieħed iqis iż-żieda ppjanata fit-taxxi indiretti.

- L-aġġornament jipproġetta li l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern jilħaq 6.2% tal-PGD, wara proporzjonijiet ta’ żbilanċ ta’ 2.9% tal-PGD kemm fl-2003 kif ukoll fl-2004[6] (minbarra l-miżuri ta’ darba u dawk temporanji, dawn il-proporzjonijiet kienu jkunu 5.4% u 5.2% tal-PGD rispettivament). L-iżbilanċ hu proġettat li jonqos għal 4.8% tal-PGD fl-2006, 3.9% fl-2007 u 2.8% fl-2008. Għall-2009, il-programm jipproġetta iktar tnaqqis fil-proporzjon ta’ l-iżbilanċ għal 1.6% tal-PGD. Il-bilanċ primarju hu proġettat li jimxi fuq passi simili: -3.3% fl-2005, -1.6% fl-2006, u -0.5% tal-PGD fl-2007. Ammonti żejda primarji ta' 0.7 u ta’ 1.8% tal-PGD huma proġettati għall-2008 u l-2009. Il-programm jiffoka fuq miżuri li għandhom impatt ta’ terminu medju u ma jistrieħx fuq miżuri temporanji ta’ ċertu daqs bħala mezzi biex itejbu l-bilanċ tal-baġit. Għalhekk, l-isforz għall-konsolidazzjon se jseħħ matul il-perjodu tal-programm kollu b’enfażi aktar qawwija fil-bidu tiegħu, billi fl-2006 se jseħħ sforz sostanzjali ta’ konsolidazzjoni. Kalkulazzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni li japplikaw il-metodoloġija komuni mifthema għall-informazzjoni tal-programm juru li l-iżbilanċ aġġustat ċiklikament se jiżdied sostanzjalment għal 5.3% tal-PGD fl-2005 imma jonqos bil-mod għal 1.4% tal-PGD fl-2009. Il-proġettazzjonijiet dettaljati tad-dħul u n-nefqa sa l-2009 juru li l-isforzi ta’ konsolidazzjoni se jkunu megħjuna kemm min-naħa tad-dħul mit-taxxa u kemm min-naħa tan-nefqa primarja, b’kontribuzzjoni progressiva dejjem akbar minn din ta’ l-aħħar. Fl-ewwel parti tal-perjodu tal-programm, il-konsolidazzjoni tistrieħ prinċipalment fuq dħul li qed jiżdied, permezz ta' rati għola tat-taxxi (speċjalment żieda tar-rata standard tal-VAT minn 19% sa 21%), krediti tat-taxxa iktar baxxi u titjib fil-ġbir tat-taxxa, li parzjalment jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ miżuri ta’ dħul ta’ darba. Fis-snin tal-bogħod, il-kontribuzzjoni miżjuda min-nefqa miżmuma hi maħsuba li tiġi minn miżuri ta’ natura permanenti, bħal ma hi r-riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika, inkluż it-trażżin ta’ l-ispiża fuq il-pagi u t-tibdil fl-iskemi ta’ l-irtirar tas-sigurtà soċjali, li l-effetti tagħhom fuq il-baġit għandhom ikunu sinifikanti fit-terminu medju. Is-sehem ta’ investiment fin-nefqa totali tal-gvern għandu jonqos ftit matul il-perjodu tal-programm.

- Hemm diversi elementi ta’ riskju li jiddependu fuq il-proġettazzjonijiet tal-baġit. L-ewwelnett, l-aċċelerazzjoni fl-attività ekonomika, b’mod partikolari mill-2007 ‘il quddiem, tista’ tkun iktar bil-mod minn dik mistennija. It-tieni, it-trajettorji tad-dħul u n-nefqa jistgħu jkunu inqas favorevoli minn dawk ippjanati. Tabilħaqq, ir-rati iktar għolja tat-taxxi jżidu r-riskju ta’ l-evażjoni tat-taxxa, u ħafna mis-sikkatura mħabbra dwar in-nefqa għad hemm bżonn li tiġi implimentata legalment. Għall-2005, il-gvern jippjana li jissottometti baġit korrettiv sa l-aħħar ta’ Ġunju. Għas-snin imbegħda, ir-riformi fin-nefqa jistgħu madanakollu jieħdu iktar fit-tul biex jiġu implimentati, u, bħala riżultat, l-effetti tagħhom fit-terminu qasir u dak medju jistgħu jkunu inqas sinifikanti minn dawk mistennija. Fl-eventwalità, il-gvern jista’ jkun msejjaħ biex jaqdi l-parti tiegħu biex jieħu miżuri addizzjonali biex jevita li l-iżbilanċ jaqbeż it-3% tal-PGD għal iktar fit-tul minn dak ippjanat. Anke jekk wieħed iżomm mal-linja maħsuba, għall-2008 u l-2009, il-qagħda tal-baġit fil-programm ma tipprovdix marġini suffiċjenti ta’ sigurtà kontra l-ksur tal-limitu ta’ l-iżbilanċ bi flutwazzjonijiet makroeknomiċi normali. Hija wkoll insuffiċjenti biex tassigura li l-oġġettiv ta’ terminu medju tal-Patt ta’ l-Istabilità u t-Tkabbir tal-pożizzjoni tal-baġit ta’ viċin il-bilanċ jinkiseb sa l-aħħar tal-perjodu tal-programm.

- Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PGD qabeż is-60% tal-valur tar-referenza tal-PGD tat-Trattat fl-2003, u tela’ għal 61.9% fl-2004. Skond l-aġġornament, wara li laħaq 66.5% tal-PGD fl-2005, il-proporzjon tad-dejn għandu jilħaq il-quċċata fl-2007 b’ċifra ta’ 67.8% tal-PGD, u wara jonqos għal 64.5% fl-2009. L-evoluzzjoni tad-dejn gross tista’ tkun inqas favorevoli minn dik proġettata meta tqis ir-riskji għall-attività ekonomika u għall-miri ta’ l-iżbilanċ tal-gvern u l-probabbiltà, ibbażata fuq l-esperjenza tal-passat, ta’ l-aġġustamenti fiż-żieda fid-dejn tal-fluss ta’ l-ishma, b’mod partikolari l-akkumulazzjoni ta' l-assi finanzjarji.

- Fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, il-Portugall jidher li qiegħed fil-periklu minħabba l-ispejjeż tal-baġit immirati lejn popolazzjoni li qed dejjem tixjieħ. Fl-assenza ta’ iktar miżuri, l-iżbilanċ għoli u l-proporzjon li qed jiżdied bejn id-dejn u l-PGD se jhedded is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, għalhekk huwa għal kollox meħtieġ li tinkiseb fil-ħin pożizzjoni tal-baġit qrib il-bilanċ. Il-miżuri ta’ riformi strutturali li saru sa llum, b’mod partikolari fl-oqsma tal-pensjoni u l-kura tas-saħħa, għandhom itaffu l-impatt tal-baġit minħabba ix-xjuħija. Madanakollu, dawn ir-riformi ma jidhrux suffiċjenti biex jassiguraw is-sostenibbiltà. Ir-riformi spjegati fl-aġġornament, speċjalment dwar id-disposizzjonjiet ta’ l-irtirar għas-servizz ċivili, jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan jekk ikunu implimentati sew.

- Kollox ma’ kollox, il-politika ekonomika spjegata fl-aġġornament hija parzjalment konsistenti mal-Linji ta’ Gwida tal-Politika Ekonomika Wiesgħa fil-qasam tal-finanzi pubbliċi. Kif irrakkomandat, il-programm jipproġetta l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi li għandhom iseħħu l-aktar min-naħa tan-nefqa, għalkemm b’mod progressiv, u ma jiddependux fuq miżuri ta' ċertu daqs ta’ darba jew dawk temporanji. Barra minn hekk, il-proġettazzjonijiet tiegħu, jekk wieħed jimxi magħhom, jimplikaw titjib fil-bilanċ primarju aġġustat ċiklikament (nett ta’ miżuri ta’ darba u ta’ miżuri temporanji) ta’ iżjed minn 0.5% tal-PGD kull sena. Madanakollu, il-programm ma jippjanax li jnaqqas l-iżbilanċ taħt it-3% tal-PGD qabel l-2008, u t-trażżin ippjanat tan-nefqa se jkun insuffiċjenti biex jintlaħaq l-oġġettiv ta’ terminu medju tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-pożizzjoni ta’ baġit viċin il-bilanċ sa l-aħħar tal-perjodu tal-programm.

- Fid-dawl taċ-ċifri ta’ l-iżbilanċ u tad-dejn għall-2005 u s-snin ta’ wara ppreżentati fil-programm ta’ l-istabbiltà aġġornat, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ l-iżbilanċ eċċessiv għall-Portugall fit-22 ta’ Ġunju. Il-Kunsill, meta jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Portugall, għandu joħroġ ukoll rakkomandazzjoni għall-korrezzjoni ta’ l-iżbilanċ eċċessiv; tali rakkomandazzjoni għandha tkun tinkludi, inter alia, limitu taż-żmien għall-korrezzjoni ta’ l-iżbilanċ effettiv.

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, ikun xieraq għall-Portugall li: (i) jillimita d-deterjorament tal-pożizzjoni fiskali fl-2005, billi jassigura implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri korrettivi mħabbra; (ii) jikseb korrezzjoni konsistenti ta’ l-iżbilanċ eċċessiv malajr kemm jista’ jkun, billi jagħmel pass sostanzjali fl-2006 segwit bi tnaqqis sinifikanti kull sena, u jattwa b'mod deċisiv il-miżuri ppjanati biex inaqqas in-nefqa tal-gvern; jaħtaf kwalunkwe opportunità biex iżid it-tnaqqis ta’ l-iżbilanċ tal-baġit, b’mod partikolari biex joħloq marġini biex jilqa’ għall-impatt fil-baġit ta' tkabbir possibbli inqas minn dak proġettat; (iii) iġib il-proporzjon tad-dejn gross fi triq soda ‘l isfel, billi jassigura li l-iżviluppi tad-dejn jirriflettu l-progress fit-tnaqqis ta’ l-iżbilanċ u jevita transazzjonijiet finanzjarji li jżidu d-dejn; (iv) jikkontrolla l-evoluzzjoni tan-nefqa, possibilment permezz ta’ tħabbira ta’ limiti li jorbtu għall-katergoriji speċifiċi tan-nefqa, fi ħdan programm ta’ riforma komprensiva li jtejjeb il-kwalità u jassigura sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.(v) itejjeb aktar l-ipproċessar ta’ data ġenerali tal-gvern.

Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, l-Kummissjoni addottat ir-rakkomandazzjoni mehmuża għall-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbilità aġġornat tal-Portugall u qed tibagħtha lill-Kunsill.

Rakkomandazzjoni għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Portugall, 2005-2009

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet dwar il-baġit u s-sorveljanza u l-koordinament tal-politika ekonomika,[7] u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

1. Fil-[…],il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Portugall, li jkopri l-perjodu 2005 sa 2009. Il-programm hu konformi mal-bżonnijiet tad-data “tal-kodiċi tal-kondotta dwar il-kontenut u l-format tal-programmi ta’ stabbiltà u ta’ konvergenza”[8]. Madankollu, il-programm ma jipprovdix proġettazzjonijiet dwar is-sostenibbilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Għalhekk, il-Portugall hu mistieden li jkun konformi mal-bżonnijiet tad-data tal-kodiċi tal-kondotta.

2. L-aġġornament tal-programm ta’ l-istabbiltà hu mibni madwar il-bżonn li jikkoreġi l-iżbilanċ tal-gvern li hu 6.2% tal-PGD fl-2005 u li hu ppjanat li jeċċedi sew it-3% tal-PGD. Din il-figura ssegwi żbilanċ ta' 2.9% tal-PGD fis-snin 2002 sa l-2004, kif riċentament rapportat mill-awtoritajiet Portugiżi li jirriflettu d-diskussjonijiet ma’ l-Eurostat, u hija konsiderevolment agħar mill-mira ta' 2.2% tal-PGD għall-2005 fl-aġġornament tal-programm ta’ qabel. Din id-deterjorazzjoni hi spjegata bi tkabbir inqas minn dak mistenni, stima mill-ġdid tan-nefqa tat-tkabbir, nefqa akbarmqabbla mal-baġit, u n-nuqqas ta’ introduzzjoni ta’ miżuri ta’ darba ppjanati fil-programm ta’ qabel, kif ukoll pakkett korrettiv ta’ xi 0.6% tal-PGD addottat mill-gvern il-ġdid f’Ġunju 2005. Għat-tnaqqis ta’ l-iżbilanċ, l-aġġornament iħejji strateġija li taħseb għall-implimentazzjoni ta’ miżuri strutturali minflok li tistrieħ fuq miżuri temporanji u ta’ darba ta’ ċertu daqs, li tindika bidla fir-rigward ta’ l-istrateġija tal-baġit spejgata fl-aġġoramenti ta’ qabel. L-iżbilanċ tal-gvern hu mistenni li jitjieb kontinwament fis-snin li gejjin, imma se jeċċedi t-3% tal-valur tar-referenza tal-PGD sa almenu l-2007.

3. Il-kuntest makroekonomiku li fuqu huwa mfassal il-programm jipproponi li tkabbir reali tal-PGD se jiżdied progressivament minn 0.8% fl-2005 għal 3.0% fil-2009, b’rati tat-tkabbir ta’ 1.4%, 2.2% u 2.6% suċċessivament fis-snin intermedjarji. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni kurrenti, il-proġettazzjonijiet tat-tkabbir għall-ewwel parti tal-perjodu tal-programm huma plawsibbli, filwaqt li hemm iktar riskji għas-snin imbegħda tal-programm. Miżuri strutturali li jindirizzaw il-prodottività u l-kompetittività u li jġibu lura l-kunfidenza huma essenzjali jekk it-triq tat-tkabbir proġettata għandha tintlaħaq. Il-proġettazzjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni għall-2005 u l-2006 jidhru li huma baxxi, meta wieħed iqis iż-żieda ppjanata fit-taxxi indiretti.

4. Il-programm jimmira biex jilħaq żbilanċ tal-gvern taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3% tal-PGD sal-2008. Il-proporzjon ta’ l-iżbilanċ tal-gvern għandu jonqos minn 6.2% tal-PGD fl-2005 għal 4.8% fl-2006, 3.9% fl-2007, 2.8% fl-2008 u 1.6% fl-2009. Il-kalkulazzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni li japplikaw il-metodoloġija komuni mifthema għall-informazzjoni fil-programm juru li l-iżbilanċ aġġustat ċiklikament, wara li kiber għal 5.3% tal-PGD fl-2005, se jonqos progressivament għal 1.4% fl-2009. L-isforz ta’ konsolidmanent għandu jestendi matul il-perjodu tal-programm kollu b’aktar enfażi fuq l-ewwel parti, minħabba li fl-2006 se jseħħ sforz sostanzjali ta’ konsolidament. Fl-ewwel parti tal-perjodu tal-programm, il-konsolidazzjoni tistrieħ prinċipalment fuq dħul li qed jiżdied, permezz ta’ rati għola tat-taxxi (speċjalment żieda tar-rata standard tal-VAT minn 19% sa 21%), krediti ta’ taxxi iktar baxxi u titjib fil-ġbir tat-taxxa, li parzjalment jikkumpensa għad-dħul ta’ darba li mhux se jkun hemm. Fis-snin mbegħdin, il-kontribuzzjoni miżjuda min-nefqa mrażżna hi maħsuba li tiġi minn miżuri ta’ natura permanenti, bħal ma hi r-riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika, inkluż it-trażżin ta’ l-ispiża tal-pagi u t-tibdil fl-iskemi ta’ l-irtirar tas-sigurtà socjali, li l-effetti tagħhom fuq il-baġit għandhom ikunu sinifikati fit-terminu medju. Is-sehem ta’ investiment fin-nefqa totali tal-gvern għandu jonqos ftit matul il-perjodu tal-programm.

5. Ir-riżultat tal-baġit kif proġettat fil-programm hu suġġett għal diversi riskji. L-ewwelnett, l-aċċellerazzjoni ta’ l-attività ekonomika tista’ tkun iktar baxxa minn dik mistennija, tiddependi fuq l-impatt effettiv tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali u meta wieħed iqis iż-żieda mistennija fil-kompetizzjoni internazzjonali fis-swieq ta' l-esportazzjoni tal-Portugal. It-tieni, il-miżuri taż-żieda fid-dħul u miżuri li jirrestrinġu n-nefqa jistgħu jkunu inqas effettivi minn dawk proġettati jew jieħdu iktar fit-tul biex jipproduċu r-riżultati mixtieqa. Ir-rati aktar għolja tat-taxxi jżidu r-riskju ta’ l-evażjoni tat-taxxa, u ħafna mis-sikkatura mħabbra dwar in-nefqa għad hemm bżonn li tiġi implimentata legalment. Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-gvern jista’ jkun msejjaħ biex jaqdi l-impenn tiegħu biex jieħu miżuri addizzjonali biex jevita li l-iżbilanċ jeċċedi t-3% tal-PGD għal aktar miż-żmien ippjanat. Barra minn hekk, anke jekk wieħed iżomm mal-linji proġettati, il-pożizzjoni tal-baġit fil-programm ma tipprovdix marġini tas-sigurtà suffiċjenti kontra l-limitu ta’ l-iżbilanċ bi flussi makroekonomiċi normali sa almenu l-2009. Hija wkoll insuffiċjenti biex tassigura li l-oġġettiv ta’ terminu medju tal-Patt ta’ l-Istabbiltà u t-Tkabbir ta’ pożizzjoni fil-baġit li tkun viċin il-bilanċ tinkiseb sa’ l-aħħar tal-perjodu tal-programm. Analiżi sensittiva turi li l-iżbilanċ se jkun għadu 3%, jew viċin ħafna dan, fl-2009, fl-eventwalità ta’ żviluppi makroekonomiċi mhux favorevoli.

6. Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PGD qabeż is-60% tal-valur tar-referenza tal-PGD tat-Trattat fl-2003, u tela’ sa 61.9% fl-2004. Skond dan l-aġġornament, wara li laħaq 66.5% tal-PGD fl-2005, dan għandu jilħaq il-quċċata fl-2007 b’ammont ta’ 67.8% tal-PGD, u wara jonqos sakemm ikun 64.5% fl-2009. L-evoluzzjoni tal-proporzjon tad-dejn gross jista’ jkun inqas favorevoli minn dak proġettat, meta wieħed iqis ir-riskji għall-attività ekonomika, għall-miri tal-baġit u l-probabbiltà, ibbażata fuq l-esperjenza tal-passat, ta’ aġġustamenti tal-fluss ta’ l-ishma li jżidu d-dejn , b’mod partikolari l-akkumulazzjoni ta' l-assi finanzjarji.

7. Fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, il-Portugall jidher li hu fil-periklu minħabba raġunijiet ta’ l-ispiża tal-baġit ipproġettata għal popolazzjoni li qed dejjem tixjieħ. Il-miżuri ta’ riformi strutturali li saru sa llum, b’mod partikolari fl-oqsma tal-pensjoni u l-kura tas-saħħa, għandhom itaffu l-impatt tax-xjuħija fuq il-baġit. Madanakollu, dawn ir-riformi ma jidhrux suffiċjenti biex jassiguraw is-sostenibbiltà. Ir-riformi spjegati fl-aġġornament, speċjalment dwar id-dispożizzjonjiet ta’ l-irtirar għas-servizz ċivili, jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan jekk ikunu implimentati sew. Il-gvern ikkommissjona rapport biex jevalwa s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tas-sigurtà soċjali.

8. Kollox ma’ kollox, il-politika ekonomika spjegata fl-aġġornament hija parzjalment konsistenti mal-Linji ta’ Gwida tal-Politika Ekonomika Wiesgħa fil-qasam tal-finanzi pubbliċi. Kif irrakkomandat, il-programm jipproġetta l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi li għandha sseħħ l-aktar min-naħa tan-nefqa u ma tiddependix fuq miżuri ta’ darba ta' ċertu daqs, jew dawk temporanji. Il-proġettazzjonijiet tiegħu, jekk wieħed jimxi magħhom, jimplikaw ukoll titjib fil-bilanċ primarju aġġustat ċiklikament (nett ta’ miżuri ta’ darba u ta’ miżuri temporanji) ta’ iżjed minn 0.5% tal-PGD kull sena. Madankollu, dan ma jippjanax li jnaqqas l-iżbilanċ taħt it-3% tal-PGD qabel l-2008, u t-trażżin ippjanat tan-nefqa se jkun insuffiċjenti biex jintlaħaq l-oġġettiv ta’ terminu medju tal-Patt ta’ l-Istabilità u t-Tkabbir li tinkiseb pożizzjoni tal-baġit viċin il-bilanċ sa l-aħħar tal-perjodu tal-programm.

9. Fid-dawl tal-figuri ta’ l-iżbilanċ u tad-dejn għall-2005 u s-snin ta’ wara ppreżentati fil-programm ta’ l-istabbiltà aġġornat, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ l-iżbilanċ eċċessiv għall-Portugall fit-22 ta’ Ġunju. Il-Kunsill, meta jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Portugall, għandu joħroġ ukoll rakkomandazzjoni għall-korrezzjoni ta’ l-iżbilanċ eċċessiv; it-tali rakkomandazzjoni se tinkludi, inter alia , limitu taż-żmien għall-korrezzjoni ta’ l-iżbilanċ effettiv.

* * *

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kunsill hu ta’ l-opinjoni li l-Portugall għandu:

(i) jillimita d-deterjorament tal-pożizzjoni fiskali fl-2005, billi jassigura implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri korrettivi mħabbra;

(ii) jikseb korrezzjoni sostenibbli ta’ l-iżbilanċ eċċessiv malajr kemm jista’ jkun, billi jagħmel pass sostanzjali fl-2006 segwit bi tnaqqis sinifikanti kull sena, u jattwa b’mod deċiżiv il-miżuri ppjanati biex inaqqas in-nefqa tal-gvern; jaħtaf kwalunkwe opportunità biex iżid it-tnaqqis ta’ l-iżbilanċ tal-baġit, b’mod partikolari biex joħloq marġini biex jilqa’ fil-każ li t-tkabbir possibbli jkun inqas minn dak proġettat;

(iii) iġib il-proporzjon tad-dejn gross fi triq soda ‘l isfel, billi jassigura li l-iżviluppi tad-dejn jirriflettu l-progress fit-tnaqqis ta' l-iżbilanċ u jevita tranżazzjonijiet finanzjarji li jżidu d-dejn;

(iv) jikkontrolla l-evoluzzjoni tan-nefqa, possibilment permezz tat-tħabbir ta’ limiti li jorbtu għal kategoriji speċifiċi tan-nefqa, fi ħdan programm ta’ riforma komprensiva li jtejjeb il-kwalità u jassigura sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(v) itejjeb iżjed l-ipproċessar ta’ data ġenerali tal-gvern.

Tqabbil tal-projezzjonijiet ewlenin makroekonomiċi u tal-baġit

2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

[1] ĠU L 209, 2.8.1997. Id-dokumenti kollha msemmija f’dan it-test għandhom jinsabu fil-websajt li ġejja:

http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

[2] Opinjoni Riveduta tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar il-kontenut u l-format tal-programmi ta' stabbiltà u ta’ konvergenza, approvat mill-Kunsill ECOFIN ta' l-10.7.2001.

[3] Ara l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-22 u tat-23 ta’ Marzu 2005 (7619/05) u r-rapport tal-Kunsill (Ecofin) lill-Kunsill Ewropew ta’ l-20 ta’ Marzu 2005 (7423/05).

[4] L-awtoritajiet Portugiżi kienu ppreżentaw programm aġġornat f’Diċembru 2004, u b’hekk irrispettaw id-data stabbilita formalment għall-preżentazzjoni tiegħu. Madankollu, minħabba li kienu fil-qrib l-elezzjonijiet ġenerali fil-Portugall, dak iż-żmien kien ġie deċiż li ma kellhiex issir l-evalwazzjoni tal-programm u li din kellha ssir meta l-gvern il-ġdid jippreżenta l-aġġornament.

[5] Il-gvern li daħal fil-kariga f’Marzu 2005 qabbad kummissjoni ad-hoc taħt ir-responsabbilità globali tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali biex jagħmel valutazzjoni ta’ l-istat tal-finanzi tal-gvern għall-2005. F’nofs Mejju, il-kummissjoni ppreżentat is-sejbiet tagħha, u bassret għall-2005, b’politika mhix mibdula, żbilanċ ta’ 6.8% tal-PGD.

[6] Fl-istqarrija tiegħu għall-istampa Nru 34/2005 tat-18 ta’ Marzu 2005, il-Eurostat ħabbar l-eżistenza ta’ “diskussjonijiet għaddejjin bejn il-Eurostat u l-Portugall dwar il-konsistenza bejn id-data ibbażata fuq flus dovuti, u dik ibbażata fuq il-ħlas li jkun sar, ipprovduta mill-Portugall, għall-perijodu 2001-2004.” Informazzjoni sussegwenti pprovduta mill-awtoritajiet Portugiżi tindika reviżjonijiet żgħar ‘il fuq għas-snin 2000, 2002 u 2003, li jwasslu għal proporzjonjiet ta’ żbilanċ ta’ 2.9% tal-PGD għal kull waħda minn dawn is-snin. Bħalissa il-Eurostat qed tirrevedi dawn ir-reviżjonijiet.

[7] ĠU L 209, 2.8.1997. Id-dokumenti msemmija f’dan it-test jistgħu jinstabu fil-websajt li ġejja: http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

[8] L-awtoritajiet Portugiżi ssottomettew programm aġġornat f’Diċembru 2004, b’hekk huma konformi mad-data formalment meħtieġa għas-sottomissjoni. Madankollu, fid-dawl ta’ l-elezzjonijiet ġenerali li kienu waslu fil-Portugall, f’dak iż-żmien kien deċiż li ma jevalwawx dak il-programm, imma jistennew għall-aġġornament biex ikun ippreżentat mill-gvern il-ġdid.