Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - L-azzjoni li ħadet il-Greċja b’risposta għad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar, 2005 skond l-Artikolu 104(9) tat-Trattat dwar it-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tkun irranġata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv /* SEK/2005/0443 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 6.4.2005 SEC(2005) 443 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL L-azzjoni li ħadet il-Greċja b’risposta għad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar, 2005 skond l-Artikolu 104(9) tat-Trattat dwar it-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tkun irranġata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv IL-PROċEDURA DWAR DEFIċIT EċċESSIV GħALL-GREċJA Il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni rispettiva tal-Kummissjoni, iddikjara li l-Greċja qiegħda f’pożizzjoni ta’ defiċit eċċessiv fil-5 ta’ Lulju, 2004, u, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat, ressaq rakkomandazzjonijiet lill-Greċja bil-ħsieb li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tintemm sa’ l-2005. Fit-18 ta’ Jannar, 2005, il-Kunsill iddeċieda skond l-Artikolu 104(8), li l-Greċja ma ħaditx azzjoni effettiva bi tweġiba għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Fis-17 ta’ Frar, 2005, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(9), il-Kunsill iddeċieda li jagħti avviż lill-Greċja biex tieħu miżuri ħalli jonqos id-defiċit, azzjoni meqjusa bħala meħtieġa biex is-sitwazzjoni tkun rimedjata. Il-Kunsill ta lill-Greċja żmien sal-21 ta’ Marzu, 2005 biex tieħu azzjoni effettiva ħalli timplimenta din id-deċiżjoni. Speċifikament, il-Kunsill iddeċieda li ‘Il-Greċja għandha ttemm is-sitwazzjoni ta’ bħalissa ta’ defiċit eċċessiv kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard mill-2006 permezz ta’: (i) implimentazzjoni bir-reqqa tal-baġit għall-2005 kif approvat mill-Parlament, u (ii) timplimenta fl-2006 miżuri ta’ aġġustament ta' natura permanenti li jwasslu għal korrezzjoni fid-defiċit ta’ mill-inqas 0.6 punti perċentwali tal-PGD’. Il-Kunsill talab ukoll li l-Greċja tkompli bl-isforzi biex ‘tidentifika u tikkontrolla fatturi oħra barra s-self, li jwasslu għal tibdil fil-livelli tad-dejn’ kif ukoll ‘biex ittejjeb il-ġbir u l-ipproċessar ta' l-informazzjoni ġenerali ta’ l-amministrazzjoni pubblika’. Il-Kunsill appella biex ‘Il-Greċja tieħu l-miżuri meħtieġa biex tara li l-konsolidazzjoni baġitarja li twassal għal sitwazzjoni li fiha l-finanzi pubbiċi jkunu qrib il-bilanċ, jew f’bilanċ favorevoli, f’terminu ta’ żmien medju, tkun sostnuta permezz ta’ tnaqqis fid-defiċit, aġġustat skond iċ-ċiklu, b’mill-anqas 0.5 fil-mija tal-PGD kull sena wara li jkun irranġat id-defiċit eċċessiv’. Fl-aħħarnett, il-Kunsill talab lill-Greċja biex ‘tissottometti sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Marzu, 2005, rapport bid-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu biex ikunu rispettati r-rakkomandazzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni’. Din il-komunikazzjoni tevalwa d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Griegi bi tweġiba għal din id-deċiżjoni tal-Kunsill. L-AZZJONI MEħUDA MILL-GREċJA BI TWEġIBA GħAD-DEċIżJONI TAL-KUNSILL Fil-21 ta’ Marzu ta’ din is-sena l-awtoritajiet Griegi ssottomettew aġġornament rivedut tal-programm ta’ stabbiltà għall-perjodu 2004-2007. Il-miri fil-programm jieħdu kont ta’ l-impatt fuq il-baġit ta' pakkett fiskali mibgħut lill-Kumissjoni fl-istess data u mxandar mill-gvern fid-29 ta’ Marzu, biex l-implimentazzjoni tal-programm rivedut tabilħaqq titwettaq. Il-pakkett jinkludi miżuri addizzjonali li għandhom jiġu mplimentati fl-2005, barra dawk imdaħħla fil-baġit għall-2005, u jikkonfermaw l-impenn tal-gvern biex jimmira lejn defiċit taħt it-3% tal-PGD fl-abbozz ta’ baġit għall-2006. Il-Kummissjoni tqis dan l-aġġornament rivedut tal-programm ta’ stabbiltà flimkien ma’ l-impenn mistqarr fid-29 ta' Marzu bħala r-rapport meħtieġ bl-artikolu 2(1) tad-deċiżjoni tal-Kunsill. Skond l-informazzjoni ġenerali dwar l-amministrazzjoni pubblika mxandra mill-Gvern Grieg fin-notifika PDE ta’ Marzu[1], il-PGD reali kiber b’4.2% fl-2004 u d-defiċit laħaq 6.1% tal-PGD[2]. Dawn iċ-ċifri juru li kien hemm anqas dħul mit-taxxa, u li kien hemm spejjeż akbar, milli ppjanat meta kien qed jitwettaq il-baġit għall-2004, barra n-nuqqasijiet li kienu diġà dehru fin-notifika PDE ta’ Settembru 2004, li fuq il-bażi tagħha d-defiċit ġie meqjus li hu 5.3% tal-PGD. L-aġġornament rivedut tal-programm ta’ stabbiltà jevalwa l-impatt baġitarju tal-miżuri implimentati u mħabbra[3] fi ħdan tliet kuntesti makro-ekonomiċi differenti. Fil-kuntest ta’ referenza, użat biex il-programm jiġi evalwat[4], il-PGD reali mistenni li jikber bir-rata ta’ 2.9% fl-2005 u 3% fl-2006 u l-2007. Id-defiċit mistenni li jilħaq 3.7% tal-PGD fl-2005 u jinżel għal 2.9% fl-2006 u għal 2.4% fl-2007. Il-previżjoni għad-defiċit, aġġustat skond iċ-ċiklu, hi li dan jitjieb bi 2.5, 0.9 u 0.5 punti perċentwali tal-PGD fl-2005, l-2006 u l-2007 rispettivament. Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PGD tilħaq 109.5% tal-PGD fl-2005, biex wara tinżel għal biss 105% tal-PGD fi tmiem żmien il-programm. Dawn il-previżjonijiet fil-programm huma bbażati fuq implimentazzjoni sħiħa sew tal-baġit għall-2005 kif ukoll tal-pakkett fiskali addizjonali li tħabbar fid-29 ta’ Marzu. Speċifikament, għall-2005, il-Gvern Grieg ħabbar miżuri permanenti li jinkludu żieda fir-rata medja tal-VAT ta’ punt perċentwali wieħed fl-2005, li għandha ġġib dħul addizzjonali ta’ €610 miljun, flimkien ma’ żieda fis-sisa fuq tabakk, xorb alkoħoliku u prodotti taż-żejt li għandha trendi €280 miljun. Il-pakkett jinkludi wkoll tnaqqis fl-infiq għas-safar tal-ħaddiema taċ-ċivil (€45 miljun) u tnaqqis fis-sussidji lil kumpaniji tat-trasport urban (€50 miljun). Kollox ma’ kollox, jekk ikun implimentat kollu, il-pakkett għandu jwassal għal tnaqqis ta’ €985 miljun fid-defiċit, 0.5% tal-PGD[5] – fl-2005. Skond il-gvern Grieg, dawn il-miżuri għandhom ikattru d-dħul b’€1,655 miljun fl-2006 (madwar 0.9% tal-PGD), meta jkunu ilhom fis-seħħ tul is-sena sħiħa. Fid-29 ta’ Marzu, il-gvern ħabbar ukoll l-impenn tiegħu biex fl-abbozz għall-baġit ta’ l-2006 idaħħal miżuri possibbli meħtieġa biex id-defiċit jitniżżel għal taħt l-għatba ta’ 3% s-sena d-dieħla. Miżuri bħal dawn ikunu jiddependu fuq it-tkabbir ekonomiku u jkunu jolqtu l-aktar l-ispejjeż primarji speċjalment fl-oqsma tan-nefqa militari, is-sehem li jagħti l-gvern lill-fondi tas-sigurtà soċjali, l-amministrazzjonijiet lokali u l-investimenti pubbliċi. Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dinamika tad-djun, l-aġġornament rivedut tal-programm ta’ stabbiltà jipprovdi informazzjoni dwar minn fejn ġej, u kif qed jiżviluppa, l-aġġustament ta’ l- istock-flow (SFA). Speċifikament, l-SFA fl-2004 għandu jkun madwar 2.9% tal-PGD. Peress li dan jinkludi dħul mill-privatizzazzjoni li jilħaq 0.5 punti perċentwali tal-PGD, l-attivitajiet li jkabbru d-djun jirrappreżentaw 3.4 punti perċentwali tal-PGD. Din iċ-ċifra tkopri żieda fid-depożiti (1.5 pp), differenzi bejn ħlasijiet li fil-fatt ikunu saru u dawk li jkunu għadhom ma sarux (1.4 pp), u żieda fl-ishma u aġġustamenti oħrajn zgħar (0.5 pp). L-SFAs huma pproġettati li jibqgħu neżlin, minn 1.9% tal-PGD fl-2005, meta d-dħul mill-privatizzazzjoni għandu jkun ta’ 0.6 punti perċentwali tal-PGD, għal 0.9% tal-PGD fl-2007, meta d-dħul mill-privatizzazzjoni huwa pproġettat li jilħaq iċ-ċifra marġinali ta’ 0.1% tal-PGD. Għad fadal problemi fil-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-amministrazzjoni pubblika kif ingħad fi stqarrija għall-istampa mill-Eurostat fit-18 ta’ Marzu. Il-Eurostat ma tax l-approvazzjoni tiegħu għaċ-ċifri dwar id-defiċit fin-notifika Griega tal-PDE ta’ Marzu din is-sena minħabba inkonsistenzi fil-mod kif huma mniżżla l-flus li jgħaddu bejn il-Greċja u l-baġit ta’ l-EU. Il-Eurostat innota wkoll li n-nefqa li għandha x’taqsam mas-saħħa – u mal-Logħob Olimpiku – għas-snin li għaddew għadha ma ġietx iffinalizzata. Għalhekk, iċ-ċifri dwar id-defiċit tal-gvern għall-2004 u s-snin ta’ qabel jistgħu jkunu aġġustati ‘l fuq. EVALWAZZJONI TAD-DEċIżJONIJIET MEħUDA L-evalwazzjoni ta’ kemm u kif twettqu l-miżuri msemmija hawn fuq bid-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(9) qed issir fuq il-bażi tat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2005, li ħareġ fl-4 ta’ April, u li jieħu f’kunsiderazzjoni n-notifika PDE ta’ Marzu, kif ukoll tal-programm aġġornat ta’ stabbiltà li jkopri l-perjodu 2004-2007. L-evalwazzjoni għandha wkoll tieħu f’kunsiderazzjoni l-impatt fuq il-baġit tal-pakkett fiskali addizzjonali, li ma setax ikun inkluż fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2005, peress li ġie ppubblikat wara t-terminu ta’ żmien tat-tbassir. It-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2005 jipprevedi defiċit ta’ 4.5% tal-PGD għall-2005, u 4.4 % għall-2006. Il-proporzjon tad-dejn mistenni li jilħaq il-110.5% tal-PGD fl-2005 u 108.9% tal-PGD fl-2006. Dan huwa msejjes fuq tkabbir fil-PGD ta’ 2.9% fl-2005 u fuq il-kundizzjoni li l-baġit għall-2005 jkun implimentat għal kollox. Għall-2006, it-tkabbir ekonomiku huwa maħsub li jkun ta’ 3.1%. Iċ-ċifra tad-defiċit ta’ 4.4% fl-2006 hija bbażata fuq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda tibdil ta’ politika, fejn fl-2005 il-mira tad-defiċit tkun ta' 4.5% tal-PGD, u wieħed jassumi li ma jiġu implimentati l-ebda miżuri ta’ diskrezzjoni. Il-previżjonijiet dwar id-defiċit fl-aġġornament rivedut tal-programm ta’ stabbiltà (3.7% tal-PGD fl-2005 u 2.9% fl-2006) u dawk fit-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni (4.5% u 4.4% rispettivament) m’humiex l-istess peress li, kif ingħad aktar ‘il fuq, it-tbassir ma jqisx l-impatt fuq il-baġit tal-pakkett fiskali addizzjonali. Barra minn dan, it-tbassir tar-Rebbiegħa huwa msejjes fuq evalwazzjoni aktar kawta ta’ l-iżviluppi dwar il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u xi elementi ta’ nfiq primarju. Dawn id-differenzi jidhru fit-tabella hawn taħt. Evalwazzjoni baġitarja tal-miżuri mħabbra 2005 | 2006 | Defiċit (% tal-PGD) | Tbassir tar-Rebbiegħa (1) | 4.5 | 4.4 | L-impatt tal-miżuri addizzjonali (2)=(2a)+(2b) | 0.5 | 0.9 | Dħul (2a) | 0.4 | 0.8 | Ħruġ (2b) | 0.1- | 0.1 | Differenzi fl-evalwazzjoni ta’ miżuri oħra (3)=(3a)+(3b)+(3c)-(3d) SSC Anqas (3a) | 0.3 0.1 | 0.6 0.4 | Nefqa primarja preżenti ogħla | 0.2 | 0.3 | (l-aktar il-kura tas-saħħa u s-salarji taċ-ċivil; 3b) | Dħul kapitali anqas (3c) | - | 0.1 | Ħlas anqas ta’ interessi (3d) | 0.2 | Mira fil-programm (1)-(2)-(3) | 3.7 | 2.9 | Dejn (% tal-PGD) | Ipprogrammat | 109.5 | 107.2 | Tbassir tar-Rebbiegħa | 110.5 | 108.9 | Fejn tidħol l-2005, it-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 ma jiħux f’kunsiderazzjoni l-miżuri addizzjonali dwar id-dħul, li ġew ippubblikati wara li għalaq iż-żmien li ttieħed f'kunsiderazzjoni fit-tbassir. Skond il-gvern Grieg, l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri għandha twassal għal titjib ta’ madwar 0.5 punti perċentwali tal-PGD fid-defiċit imbassar għall-2005. Barra minn dan, skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2005, l-aġġornament rivedut tal-programm ta’ stabbiltà jidher li jipprevedi żieda qawwija wisq fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, relattiva mal-kumpens lill-impjegati fl-2005, ħaġa li ma tidhirx possibbli la fuq il-bażi tal-miżuri mniżżla fil-programm u lanqas fuq il-bażi tax-xejriet ta’ qabel[6]. Aktar minn hekk, il-previżjonijiet fil-programm dwar il-konsum pubbliku, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa u l-pagi, jidhru wisq ottimisti[7]. Madanakollu, differenzi bħal dawn bejn l-awtoritajiet Griegi u s-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-baġit 2005 ma jipperikolawx l-implimentazzjoni rigoruża tal-miżuri maħsuba fil-baġit 2005 u, għalhekk, l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 1, subinċiż (i) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. B’żieda ma’ dan il-gvern Grieg huwa impenjat, mhux biss biex jimplimenta bir-reqqa l-baġit għall-2005, iżda wkoll biex jimplimenta miżuri addizzjonali, li jiswew nofs punt tal-PGD fl-2005, li jpattu b'mod parzjali għall-effetti li kien hemm fuq is-sena-bażi meta ma ntlaħqux il-miri kollha fl-2004. Skond il-gvern, l-effetti tal-miżuri addizzjonali li għandhom ikunu implimentati fl-2005, u li jibqgħu jinħassu fl-2006, għandhom inaqqsu d-defiċit b’0.9 punti perċentwali tal-PGD. Dan ma jinkludix il-miżuri potenzjali assoċjati ma’ l-impenn tal-gvern biex iniżżel id-defiċit għal taħt it-3% tal-PGD fl-2006, peress li dawn ma ġewx deskritti b'mod dettaljat, u l-impatt tagħhom fuq il-baġit jiddependi fuq ir-riżultati tat-tkabbir ekonomiku. Fid-dawl tat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni ghar-Rebbiegħa 2005 ta’ defiċit ta’ 4.4% tal-PGD għall-2006 u tar-rimarki tal-Eurostat fl-istqarrija tiegħu għall-istampa tat-18 ta’ Marzu, jista' jkun li miżuri bħal dawn ikunu inevitabbli biex jiġi rranġat id-defiċit eċċessiv fl-2006 anki f’każ li jkun hemm tkabbir ekonomiku pożittiv. F'kuntest tas-soltu fejn ma jkunx hemm tibdil fil-politika, it-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 huwa bbażat fuq evalwazzjoni aktar kawta mill-Kummissjoni ta’ l-iżviluppi f’ċerti elementi tal-baġit, bħal ma huma l-kontribuzzjonijiet soċjali, il-pagi taċ-ċivil, u l-għotjiet mill-UE[8], għalkemm, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-pagamenti ta’ l-interessi jistgħu jkunu pjuttost anqas minn kemm huma previsti li jkunu fil-programm[9]. Kollox ma’ kollox, id-defiċit fl-2006 jista’ jispiċċa jkun 0.6 punti perċentwali tal-PGD ogħla minn kemm qed jipproġettaw l-awtoritajiet Griegi. Fuq dan kollu, l-istqarrija għall-istampa tal-Eurostat tat-18 ta’ Marzu tindika li ċ-ċifra tad-defiċit għall-2004 għandha mnejn ikollha tiġi aġġustata ‘l fuq. Peress li l-awtoritajiet Griegi ma pprevedewx mizuri ta’ kumpens biex ikunu implimentati fl-2005 biex ipattu għal meta ma jintlaħqux miri bħal dawn, xi effetti potenzjali li jibqgħu għaddejjin ta’ xi reviżjonijiet fl-istatistika jistgħu iwasslu għal riżultat tad-defiċit ogħla fl-2005, u għalhekk anki fl-2006. Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni tqis li hemm riskji li jieħdu l-forma ta’ dħul anqas, spejjeż aktar, u reviżjonijiet fl-istatistika li, jekk iseħħu, jispiċċaw biex iwasslu għal riżultati tad-defiċit fl-2005 u l-2006 li jkunu ogħla minn kemm maħsub fil-programm ta’ stabbiltà. Fil-waqt li dawn l-eventwalitajiet fl-2005 m'humiex se jaffettwaw l-implimentazzjoni tan-notifika tal-Kunsill indirizzata lejn il-Greċja fis-17 ta’ Frar, 2005, jekk dawn iseħħu fl-2006 ikunu mbagħad meħtieġa miżuri addizzjonali, f’konformità ma’ l-impenn tal-gvern Grieg. Biex jiġi determinat jekk il-pakkett addizzjonali mħabbar għall-2006 ikunx biżżejjed biex id-defiċit effettivament jitnaqqas għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3% s-sena d-dieħla, trid issir evalwazzjoni fuq il-bażi ta’ l-abbozz tal-baġit għall-2006. Fejn jidħol id-dejn, jidher li ttieħdu passi sinifikanti biex ikunu identifikati s-sorsi differenti ta’ l-SFAs. Skond it-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-informazzjoni mogħtija fl-aġġornament rivedut tal-programm ta’ stabbiltà tindika li l-SFAs, anki jekk jibqgħu sinifikanti fl-2005 u l-2006, qed jonqsu meta mqabbla ma’ l-2004. Dan jidher li jikkonferma l-impenn ta’ l-awtoritajiet Griegi biex ikomplu bl-isforzi ħalli jidentifikaw u jikkontrollaw l-operazzjonijiet ta’ ‘taħt il-linja’ (below-the-line operations). Imqabbla man-notifika ta’ Marzu, 2004, il-kwistjonijiet pendenti dwar il-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-amministrazzjoni pubblika, kif imsemmi fl-istqarrija għall-istampa tal-Eurostat tat-18 ta’ Marzu, jidher li huma identifikati aħjar u, f’ċerti każi, huma marbuta ma’ problemi ta’ darba, bħar-reġistrar tan-nefqa fuq il-Logħob Olimpiku. Ma' dan, għadd ta’ reviżjonijiet statistiċi saru fuq inizjattiva ta’ l-awtoritajiet Griegi, fi ħdan qafas ta’ koperazzjoni mill-qrib mal-Eurostat. Madankollu, l-eżistenza ta’ kwistjonijiet bħal dawn li għadhom miftuħa jindikaw li hemm il-ħtieġa ta’ aktar sforzi bil-ħsieb li jittejjbu l-mekkaniżmi biex l-informazzjoni ġenerali dwar l-amministrazzjoni pubblika titwassal fil-ħin u b’mod korrett. KONKLUżJONIJIET Mill-informazzjoni li teżisti bħalissa, jidher li l-gvern Grieg ħa d-deċiżjonijiet li kellu jieħu sal-21 ta’ Marzu, 2005, meħtieġa biex ikunu rispettati r-rakkomandazzjonijiet fid-Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(9). B’mod speċifiku, barra l-implimentazzjoni b’mod rigoruż tal-baġit għall-2005, kif mitlub mid-Deċiżjoni, il-gvern ħabbar ukoll miżuri addizzjonali biex ikompli jnaqqas id-dejn. Rigward l-2006, l-informazzjoni mogħtija tindika li tista’ tkun meħtieġa l-implimentazzjoni ta’ miżuri addizzjonali fi ħdan il-baġit għall-2006 biex id-defiċit jitniżżel taħt it-3% tal-PGD. Madankollu, l-impenn li l-gvern ħabbar fid-29 ta’ Marzu, biex jara li d-defiċit eċċessiv jiġi rranġat sa l-2006, jekk ikun hemm bżonn billi jittieħdu miżuri addizzjonali, jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ żviluppi dwar id-dejn u informazzjoni ġenerali dwar l-amministrazzjoni pubblika, jidher li jinħtieġu sforzi addizzjonali biex ikunu identifikati u kkontrollati aħjar il-fatturi, apparti s-self nett, li jikkontribwixxu għal tibdil fil-livelli tad-dejn u biex jitjieb il-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni ġenerali dwar l-amministrazzjoni pubblika. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li bħalissa m’huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura dwar id-defiċit eċċessiv tal-Greċja. In-notifika PDE ta’ Settembru ta’ din is-sena, il-preżentazzjoni ta’ l-abbozz tal-baġit għall-2006, u t-tbassir għall-Ħarifa 2005 tas-servizzi tal-Kummissjoni, flimkien mar-rapport li għandu jiġi ppreżentat f’Ottubru mill-awtoritajiet Griegi, kif previst mid-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar, 2005, jagħtu aktar informazzjoni li fuq il-bażi tagħha ssir evalwazzjoni ġdida sa qabel tmiem is-sena dwar kemm din id-Deċiżjoni tkun qed titwettaq. [1] Dawn iċ-ċifri għall-2004 ma ġewx ivvalidati mill-Eurostat fit-18.3.2005. Għandhom jitqiesu bħala proviżorji u soġġetti għal reviżjonijiet ‘il fuq. Il-kwistjonijiet dwarhom huma spjegati aktar ‘l isfel f’din is-sezzjoni. [2] Iċ-ċifra hija 6.0% tal-PGD fuq il-bażi ta’ Kont Nazzjonali (ESA95), jiġifieri mingħajr kurrenti swap-related . [3] Inklużi dawk imħabbra fid-29 ta’ Marzu. [4] Ara r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Opinjoni tal-Kunsill ‘Dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Greċja 2004-2007’, adottat mill-Kummissjoni fis-6 ta’ April 2005, SEC(2005) 440. [5] Fuq il-bażi tal-PGD nominali fil-kuntest ta’ referenza użat biex ikun evalwat il-programm, kif previst mit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa 2005, iċ-ċifra reali għandha tkun eqreb lejn 0.55% tal-PGD. [6] Speċifikament, il-previżjonijiet fil-programm jimplikaw żieda fir-rata effettiva tal-kontribuzzjonijiet soċjali (il-proporzjon bejn id-dħul mis-sigurtà soċjali u l-kumpens totali lill-impjegati) ta’ aktar minn punt perċentwali wieħed. Il-programm jidher li jipprevedi għall-futur iż-żidiet qawwija li kien hemm fil-passat, ħaġa li ma jidhirx li hi ġustifikata. [7] It-tnaqqis kbir, f’termini ta’ PGD, ta’ l-ispejjeż fuq pagi u konsum intermedjarju previsti fl-abbozz tal-baġit ikunu f’kuntrast serju ma’ żviluppi li seħħew m’ilhomx, meta elementi bħal dawn urew reżistenza kbira u kienu l-kawża biex ħafna miri fil-baġit ma jintlaħqux. [8] Dwar kontribuzzjonijiet soċjali u pagi, id-diverġenzi bejn il-gvern Grieg u t-tbassir tar-Rebbiegħa 2005 huma dovuti għall-istess fatturi bħal dawk ta’ l-2005 (ara n-noti 4 u 5 aktar 'il fuq), amplifikati, fil-każ tal-kontribuzzjonijiet soċjali, mill-effetti tad-diverġenza ta' l-2005. Fejn jidħlu għotjiet ta’ l-UE, il-kwistjonijiet li ġibdet l-attenzjoni għalihom il-Eurostat, flimkien mal-kapaċità baxxa ta’ assorbiment ta’ fondi li ntweriet fil-passat, jiġġustifikaw din l-istima aktar kawta min-naħa tal-Kummissjoni. [9] Skond il-programm, il-ħlasijiet ta’ l-interessi għandhom jiżdiedu b’aktar minn 9% f’termini nominali fl-2006..Żieda bħal din ma tidhirx li hi konsistenti mal-previżjonijiet għad-dejn u r-rati ta’ l-interessi. Għalhekk, f’termini tal-PGD, ir-riżultat jista’ jkun anqas miċ-ċifra fil-programm.