52005SC0014

Rakkomandazzjoni għal Opinjoni tal-Kunsill skond it-tielet paragrafu ta' Art. 9 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 Dwar il-programm ta' konverġenza aġġornat ta' l-Iżvezja, 2004-2007 /* SEK/2005/0014 finali */


Brussel 11.1.2005

SEG(2005) 14 finali

Rakkomandazzjoni għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

skond it-tielet paragrafu ta' Art. 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 Dwar il-programm ta' konverġenza aġġornat ta' l-Iżvezja, 2004-2007

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljenza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika[1] tistipula li Stati Membri li m’humiex qed jieħdu sehem, jiġifieri, dawk li ma adottawx il-munita unika, kellhom jippreżentaw programmi ta' konverġenza lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sa l-1 ta' Marzu 1999. Skond l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, il-Kunsill kellu jeżamina kull programm ta' konverġenza fuq il-bażi ta' evalwazzjonijiet preparati mill-Kummissjoni u mill-Kumitat inwaqqaf mill-Artikolu 114 tat-Trattat (Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju). Fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill ta opinjoni, wara li kien studja l-programm. Skond ir-Regolament, l-Istati Membri jridu jippreżentaw aġġornamenti annwali tal-programmi ta' konverġenza tagħhom, li jistgħu jiġu wkoll studjati mill-Kunsill skond dawn l-istess proċeduri.

L-ewwel programm ta' konverġenza għall-Iżvezja, li kien ikopri l-perjodu 1998-2001, kien ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 1998 u evalwat mill-Kunsill fit-8 ta' Frar 1999. Aġġornamenti kienu ppreżentati f’kull sena ta' wara din. L-Iżvezja ppreżentat l-aktar aġġornament reċenti tal-programm ta' konverġenza tagħha fit-18 ta' Novembru 2004. Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu evalwazzjoni teknika ta’ dan l-aġġornament, li fih żammew f’moħħhom ir-riżultati tal-previżjonijiet ekonomiċi tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2004, u kkunsidraw il-kodiċi tal-kondotta[2], il-metodoloġija li hemm qbil komuni fuqha dwar l-istima tal-produzzjoni potenzjali u l-bilanċi aġġustati għaċ-ċiklu ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet fil-linjigwida ġenerali għall-politika ekonomika għall-perjodu 2003-2005 u l-prinċipji mnedija fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika baġitarja[3], approvati mill-Kunsill. Din il-valutazzjoni hija kif ġej:

- Is-sitt programm ta' konverġenza aġġornat ta' l-Iżvezja intbagħat lill-Kummissjoni fit-18 ta' Novembru u jkopri l-perjodu 2004 sa 2007. Il-programm huwa bbażat fuq l-Abbozz ta' Liġi tal-Baġit għall-2005 adottat mill-Parlament fis-16 ta' Diċembru 2004. Il-programm huwa parzjalment konformi mar-rekwiżiti ta' l-informazzjoni tal-“kodiċi ta' kondotta dwar il-kontenut u l-preżentazzjoni tal-programmi ta' stabbiltà u konverġenza”[4] b’xi informazzjoni ma tkunx kompletament konformi man-normi ta' l-ESA95.

- L-aġġornament ta' l-2004 jbassar tkabbir fil-PGD ta' 3.5% fl-2004, 3.0% fl-2005, 2.5% fl-2006 u 2.3% fl-2007. Minkejja tkabbir ekonomiku qawwi fl-2004, it-tkabbir fl-impjiegi kien negattiv imma huwa mistenni li jirkupra fis-snin li ġejjin. Kollox ma' kollox, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li hija disponibbli bħal issa, ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa bbażat l-aġġornament jidher wieħed plawżibbli u huwa fil-biċċa l-kbira konsistenti mal-valutazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni inkluża l-previżjoni tal-Ħarifa ta' l-2004. Barra minn dan, għas-snin ta' l-aħħar il-premessi ta' tkabbir ekonomiku jidhru kawti u inqas mill-estimi tar-rati ta' tkabbir ekonomiku potenzjali.

- L-inflazzjoni fl-Iżvezja waqgħet gradwalment mill-bidu ta' l-2003, b’parti mir-raġuni tkun li ż-żidiet li seħħew aktar kmieni fil-prezzijiet ta' l-enerġija waqgħu barra mill-perjodu ta' referenza bażi, u huwa ċar li bħal issa hija taħt il-livell ta' 2% li huwa l-mira tar-Riksbank Il-Krona kienet relattivament stabbli fil-konfront ta' l-euro fl-2003 u l-2004 imma żdiedet fil-valur reċentament, b’riflessjoni ta' l-ambjent makroekonomiku stabbli ta' l-Iżvezja u l-prospetti tajbin ta' tkabbir ekonomiku, il-bilanċ kurrenti favorevoli tagħha u l-aspettattivi tas-suq għal rati ta' interessi fl-Iżvezja relattivament aktar għolja matul l-2005. Matul is-sena li għaddiet, l-iżviluppi fir-rendiment tal-bonds Żvediżi kienu konsistenti mat-tendenzi fis-swieq prinċipali tal-bonds. Id-differenzjal tar-rendiment pożittiv bejn il-bonds tal-gvern għal perjodu fit-tul fl-Iżvezja u fiż-żona ta' l-euro kien fir-reġjun ta' 50 punt bażi imma naqas matul l-2004.

- Il-qafas baġitarju ta' l-Iżvezja jinkludi mira ta' bilanċ favorevoli ta' medja ta' 2% tal-PGD matul iċ-ċiklu ekonomiku, limiti massimi multi-annwali nominali għan-nefqa tal-gvern ċentrali u rekwiżit ta' baġit bilanċjat għall-gvernijiet lokali. L-aġġornament ibassar bilanċ favorevoli tal-gvern ta' 0.7% fl-2004, 0.6% fl-2005, 0.4% fl-2006 u 0.9% fl-aħħar sena, l-2007. Sew il-proporzjon tan-nefqa u kif ukoll dak tad-dħul jinsabu fuq tendenza ta' tnaqqis gradwali matul il-perjodu kopert mill-previżjoni. Meta wieħed jaġġusta għall-impatt mistenni taċ-ċiklu ekonomiku billi juża l-metodoloġija komuni, il-bilanċ baġitarju aġġustat għaċ-ċiklu jkun pożittiv matul il-perjodu kollu kopert mill-previżjoni. Meta mqabbla ma' aġġornamenti preċedenti, il-miri tal-baġit għall-2005 u l-2006 kienu riveduti 'l isfel minkejja li l-ipoteżi tat-tkabbir ekonomiku issa huma ogħla b'mod sostanzjali. Dan jista’ sa ċertu punt jiġi spjegat minn dħul previst mit-taxxi imnaqqas f'konsistenza mar-riżultati reċenti. It-tnaqqis fit-taxxi introdott fl-Abbozz ta' Liġi tar-Rebbiegħa u l-baġit ta' l-2005 jikkontribwixxi wkoll għal din id-deterjorazzjoni żgħira fl-2005 u l-2006. Filwaqt li s-sistema tal-pensjonijiet u s-sotto-settur tal-gvern lokali huma mistennija li jirreġistraw bilanċi favorevoli stabbli, l-iżbilanċ tal-gvern ċentrali se jiżdied fl-2005 u l-2006, u b'hekk iwassal għad-deterjorazzjoni fil-pożizzjoni tal-gvern ġenerali f'dawn is-snin. Fl-2007, hija mbassra nefqa tal-gvern imnaqqsa.

- Ir-riskji għall-previżjonijiet baġitarji fil-programm jidhru fil-biċċa l-kbira bbilanċjati. Fuq naħa waħda, il-previzjonijiet baġitarji jidhru plawżibbli u l-Izvezja għandha passat konsistenti ta' rispett tal-limiti massimi stabbiliti fuq in-nefqa. Barra minn dan, is-sitwazzjoni finanzjarja fuq il-livell tal-gvernijiet lokali tidher li qed titjieb. Fuq in-naħa l-oħra, id-dħul mit-taxxa kien pjuttost instabbli matul l-aħħar ftit snin. Barra minn hekk, il-marġini baġitarju mal-limiti tan-nefqa tal-gvern ċentrali huwa dejjaq ħafna mhux biss għall-2004 imma, skond il-baġit ta' l-2005, anki għall-2005 u l-2006. Barra minn dan, l-elezzjonijiet li huma ppjanati li jsiru fl-2006 jistgħu jinfluwenzaw il-baġit għal dik is-sena. Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni tar-riskju, il-politika baġitarja fil-programm tidher biżżejjed biex tinżamm pożizzjoni baġitarja għal perjodu ta' tul medju matul il-perjodu tal-programm ta' ‘qrib il-bilanċ jew f’bilanċ favorevoli’ kif mitlub mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku. Toffri wkoll marġini suffiċjenti ta' sigurtà kontra li jinqabeż il-limitu għall-iżbilanċ ta' 3% tal-PGD f’kuntest ta' ċaqliq makroekonomiku normali. Madankollu, l-pożizzjonijiet tal-baġit aġġustati għaċ-ċiklu ekonomiku u kif ukoll il-bilanċ favorevoli medju matul il-perjodu tal-programm jibqgħu inqas mill-mira domestika ta' bilanċ favorevoli ta' 2% tal-PGD.

- Il-proporzjon tad-dejn gross – li ilu taħt is-60% tal-PGD mill-2000 – huwa previst li jkompli nieżel u jilħaq id-49% fl-2007. Id-dejn huwa maħruġ prinċipalment mis-settur tal-gvern ċentrali – li għandu żbilanċi baġitarji - u l-bilanċ favorevoli fis-sistema tal-pensjonijiet huwa l-aktar investit f’assi li m'humiex tal-gvern u dan għalhekk iwassal għal tnaqqis aktar bil-mod tal-proporzjon tad-dejn gross. Il-proporzjon tad-dejn wara li jitnaqqsu l-assi finanzjarji huwa mistenni li jitjieb minn madwar -2% tal-PGD fl-2004 għal inqas minn -4% fl-2007. Dawn il-previżjonijiet jidhru raġonevoli.

- Il-programm jirrevedi l-programm aktar wiesa' tal-gvern għal riformi strutturali li jikkonċentra fuq it-titjib ta' kif jaħdem is-suq tax-xogħol, iż-żieda fl-impjiegi u t-tnaqqis tan-numru ta' ġranet mitlufa minħabba leave għall-mard. Ġiet implimentata firxa wiesgħa ta' miżuri imma s’issa r-riżultati kienu mħallta. Pass ieħor ittieħed biex titlesta r-riforma tat-taxxi u tkompli titnaqqas it-taxxa fuq ix-xogħol fil-qafas ta' l-istrateġija ta' ‘sostituzzjoni b'taxxi favur l-ambjent’, għalkemm dan ġie parzjalment innewtralizzat minn żidiet fir-rati tat-taxxi lokali sew fl-2003 u fl-2004. It-tlestija tar-riforma tat-taxxi u l-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet importanti ta' politika li tiżdied l-okkupazzjoni, b’mod li jonqos in-numru ta' dawk li jirċievu għajnuna mis-sigurtà soċjali u n-numru ta’ ġranet ta' leave għall-mard jkomplu jkunu ta' prijorità fil-qafas ta’ finanzi pubbliċi b'saħħithom.

- L-Iżvezja tidher li tinsab f’pożizzjoni relattivament tajba fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, li fihom in-nefqa baġitarja prevista ta' popolazzjoni li qed tixjieħ hija element importanti. Jeżisti marġini ta' sostenibbiltà ta' madwar 2% tal-PGD jekk il-pajjiż irid jiżgura sostenibbiltà sħiħa matul iż-żmien. Dan hu bbażat fuq iż-żieda prevista fir-relazzjoni tad-dipendenza tax-xjuħija u fuq xejriet eżistenti fin-nefqa relatata mas-saħħa, il-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol u l-okkupazzjoni. Jekk ma jkunx hemm aktar riformi li jimmodifikaw dawn ix-xejriet, se jsir fattur essenzjali għas-sostenibbiltà fit-tul li wieħed jimmira għal bilanċ pożittiv ta' 2% fuq l-10 snin li ġejjin, skond il-miri baġitarji tal-gvern.

Tqabbil ta' previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji importanti

2004 | 2005 | 2006 | 2007 |

PGD Reali (% bidla) | PK Nov 2004 | 3.5 | 3.0 | 2.5 | 2.3 |

KUMM | 3.7 | 3.1 | 2.9 | n.a. |

PK Nov 2003 | 2.0 | 2.6 | 2.5 | n.a. |

inflazzjoni HICP (%) | PK Nov 20042 | 1.3 | 1.5 | n.a. | n.a. |

KUMM | 1.1 | 1.5 | 1.9 | n.a. |

PK Nov 20032 | 1.7 | n.a. | n.a. | n.a. |

Bilanċ ġenerali tal-gvern (% of GDP) | PK Nov 2004 | 0.7 | 0.6 | 0.4 | 0.9 |

KUMM | 0.6 | 0.6 | 0.8 | n.a. |

PK Nov 20033 | 0.6 | 1.4 | 1.9 | n.a. |

Bilanċ primarju (% of GDP) | PK Nov 20041 | 2.8 | 2.8 | 2.7 | 3.3 |

KUMM | 2.7 | 2.8 | 3.0 | n.a. |

PK Nov 2003 | 0.9 | 1.7 | 2.1 | n.a. |

Bilanċ aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku (% of GDP) | PK Nov 20044 | 0.8 | 0.5 | 0.5 | 1.2 |

KUMM | 0.7 | 0.4 | 0.6 | n.a. |

PK Nov 20034 | 1.3 | 1.8 | 2.0 | n.a. |

Dejn gross tal-gvern (% tal-PGD) | PK Nov 2004 | 51.7 | 50.5 | 50.0 | 49.0 |

KUMM | 51.6 | 50.6 | 49.7 | n.a. |

PK Nov 2003 | 51.5 | 50.0 | 48.3 | n.a. |

1 Fl-aġġornament, l-awtoritajiet Żvediżi jipprovdu bilanċi primarji li jeskludu l-interessi netti u mhux l-interessi grossi kif isir konvenzjonalment. Madankollu, fit-tabella ta' hawn fuq, jingħataw il-bilanċi primarji mingħajr l-interessi grossi, bl-użu ta' informazzjoni mill-aġġornament. 2 % bidla Diċ-Diċ 3 Għall-komparabbiltà, is-self nett irrappurtat għall-aġġornamenti ta' l-2002 u l-2003 jirreferi għal figuri kkalkulati billi tittieħed in kunsiderazzjoni il-perjodizzazzjoni sħiħa tat-taxxi (filwaqt li din il-bidla fil-kontabbiltà ma ġietx introdotta formalment sa l-2004). 4 Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta' informazzjoni fil-programm. Sorsi: Il-Programm ta' Konverġenza Aġġornat għall-Iżvezja, Novembru 2003 u Novembru 2004 (PK); previżjonijiet ekonomiċi tal-Ħarifa 2004 tas-servizzi tal-Kummissjoni (KUMM); kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni. |

Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, l-Kummissjoni adottat ir-rakkomandazzjoni mehmuża għal Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' konverġenza ta' l-Iżvezja u qed tippreżentaha lill-Kunsill.

Rakkomandazzjoni għal

OPINJONI TAL-KUNSILL

skond it-tielet paragrafu ta' Art. 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 Dwar il-programm ta' konverġenza aġġornat ta' l-Iżvezja, 2004-2007

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljenza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika[5], u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

1. Fit-[18 ta' Jannar] 2005 il-Kunsill eżamina l-programm ta' konverġenza aġġornat ta' l-Iżvezja, li jkopri l-perjodu mill-2004 sa l-2007. Il-programm huwa parzjalment konformi mar-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni tal-“kodiċi ta' kondotta dwar il-kontenut u l-format tal-programmi ta' stabbiltà u konverġenza”. B’mod partikolari, xi informazzjoni m'hix kompletament konformi man-normi ta' l-ESA95. Għaldaqstant, l-Iżvezja hija mistiedna li tilħaq konformità sħiħa mar-rekwiżiti ta’ l-informazzjoni.

2. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu hu bbażat il-programm jassumi li t-tkabbir reali fil-PGD jnaqqas mill-figura qawwija ta' 3.5% fl-2004 għal 3.0% fl-2005 u għal medja ta' 2.4% fl-2006-07. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli bħalissa, dan ix-xenarju jidher li qed jirrifletti ipoteżi plawżibbli għat-tkabbir ekonomiku. Il-previżjonijiet tal-programm għall-inflazzjoni jidhru realistiċi.

3. Il-qafas baġitarju jinkludi mira għal bilanċ favorevoli tal-gvern ġenerali ta' medja ta' 2% tal-PGD fuq it-tul taċ-ċiklu ekonomiku, limiti massimi multi-annwali nominali għan-nefqa tal-gvern ċentrali u rekwiżit ta' baġit bilanċjat għall-gvernijiet lokali. L-aġġornament ibassar bilanċ favorevoli tal-gvern ta' 0.7% fl-2004, 0.6% fl-2005, 0.4% fl-2006 u 0.9% fl-aħħar sena, l-2007. Sew il-proporzjon tan-nefqa u kif ukoll dak tad-dħul jinsabu fuq xejra ta' tnaqqis gradwali matul il-perjodu kopert mill-previżjoni. Meta wieħed jaġġusta għall-impatt mistenni taċ-ċiklu ekonomiku billi juża l-metodoloġija komuni, il-bilanċ baġitarju aġġustat għaċ-ċiklu huwa pożittiv matul il-perjodu kollu kopert mill-previżjoni. Madankollu, il-pożizzjonijiet tal-baġit aġġustati għaċ-ċiklu ekonomiku u kif ukoll il-bilanċ favorevoli medju matul il-perjodu tal-programm jibqgħu inqas mill-mira domestika ta' bilanċ favorevoli ta' 2% tal-PGD. Filwaqt li s-sistema tal-pensjonijiet u s-sotto-settur tal-gvern lokali huma mistennija li jirreġistraw bilanċi favorevoli, l-iżbilanċ tal-gvern ċentrali se jiżdied fl-2005 u l-2006, u b'hekk iwassal għad-deterjorazzjoni fil-pożizzjoni tal-gvern ġenerali f'dawn is-snin. Fl-2007, hija mbassra nefqa tal-gvern imnaqqsa.

4. Ir-riskji għall-previżjonijiet baġitarji fil-programm jidhru fil-biċċa l-kbira bbilanċjati. Fuq naħa waħda, l-previzjonijiet baġitarji jidhru plawżibbli u l-Izvezja għandha passat konsistenti ta' rispett tal-limiti massimi stabbiliti fuq in-nefqa. Barra minn dan, is-sitwazzjoni finanzjarja fuq il-livell tal-gvernijiet lokali tidher li qed titjieb. Fuq in-naħa l-oħra, id-dħul mit-taxxa kien pjuttost instabbli matul l-aħħar ftit snin. Barra minn hekk, il-marġini baġitarju mal-limiti tan-nefqa tal-gvern ċentrali huwa dejjaq ħafna mhux biss għall-2004 imma, skond il-baġit ta' l-2005, anki għall-2005 u l-2006. Barra minn dan, l-elezzjonijiet li huma ppjanati li jsiru fl-2006 jistgħu jinfluwenzaw il-baġit għal dik is-sena.

5. Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni tar-riskju, il-politika baġitarja fil-programm tidher li hija biżżejjed biex jitkomplew il-bilanċi favorevoli matul il-perjodu mill-2004 sa l-2007 f'konsistenza ma' l-għan għal perjodu ta' tul medju tal-Patt għall-Istabbiltà u t-Tkabbir Ekonomiku għal pożizzjoni ta' qrib il-bilanċ jew ta' bilanċ pożittiv. Toffri wkoll marġini suffiċjenti ta' sigurtà kontra li jinqabeż il-limitu għall-iżbilanċ ta' 3% tal-PGD f'kuntest ta' ċaqliq makroekonomiku normali matul il-perjodu tal-programm.

6. Il-proporzjon tad-dejn huwa stmat li laħaq il-51.7% tal-PGD fl-2004, anqas sew mill-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 60% tal-PGD. Il-programm ibassar li l-proporzjon tad-dejn se jonqos għal 49.0% tal-PGD sa l-2007.

7. L-Iżvezja tidher li tinsab f’pożizzjoni relattivament tajba fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, minkejja nefqa baġitarja importanti prevista minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ. Distakk ta' sostenibbiltà ta' madwar 2% tal-PGD jeżisti jekk il-pajjiż irid jiżgura sostenibbiltà sħiħa matul iż-żmien. Dan hu bbażat fuq iż-żieda prevista fir-relazzjoni tad-dipendenza tax-xjuħija u fuq tendenzi eżistenti fin-nefqa relatata mas-saħħa, il-parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol u l-okkupazzjoni. Jekk ma jkunx hemm aktar riformi li jimmodifikaw dawn ix-xejriet, se jsir fattur essenzjali għas-sostenibbiltà fit-tul li wieħed jimmira għal bilanċ pożittiv ta' 2% fuq l-10 snin li ġejjin, skond il-miri baġitarji tal-gvern.

Previżjonijiet prinċipali mill-programm ta' konverġenza aġġornat ta' l-Iżvezja

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 |

Tkabbir reali tal-PGD (%) Inflazzjoni HICP (%) Bilanċ ġenerali tal-gvern (% tal-PGD) Bilanċ primarju (% tal-PGD) Bilanċ aġġustat għaċ-ċiklu (% tal-PGD)1 Dejn gross tal-gvern (% tal-PGD) | 1.6 1.8 0.5 2.7 1.4 52.0 | 3.5 1.3 0.7 2.8 0.8 51.7 | 3.0 1.5 0.6 2.8 0.5 50.5 | 2.5 n.a 0.4 2.7 0.5 50.0 | 2.3 n.a 0.9 3.3 1.2 49.0 |

1 Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni li japplikaw il-metodoloġija li hemm qbil komuni fuqha għall-informazzjoni fil-programm.

[1] ĠU L 209, 2.8.1997. Id-dokumenti li ssir referenza għalihom f’dan it-test jinstabu fuq is-sit elettroniku: http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm.

[2] Opinjoni Riveduta tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar il-kontenut u l-format tal-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, approvata mill-Kunsill ta' l-ECOFIN fl-10.7.2001.

[3] KUMM(2002) 668, 27.11.2002.

[4] Opinjoni Riveduta tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar il-kontenut u l-format tal-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, dokument EFC/ECFIN/404/01-REV 1 of 27.6.2001 approvata mill-Kunsill ta' l-ECOFIN fl-10.7.2001.

[5] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Id-dokumenti li ssir referenza għalihom f’dan it-test jinstabu fuq is-sit elettroniku: http://europa.eu.int/comm/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm.