52005PC0676

Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità u r-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 /* KUMM/2005/0676 finali - COD 2005/0258 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.12.2005

KUMM(2005) 676 finali

2005/0258 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta Din il-proposta hija mmirata li taġġorna r-Regolament tal-Komunità (KEE) Nru 1408/71 biex jirrifletti bidliet fil-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Kuntest ġenerali Il-proposta hija aġġornament regolari tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, b’mod iktar preċiż ta’ l-annessi tiegħu, biex jirrifletti bidliet tas-sitwazzjoni legali fuq livell nazzjonali b’mod korrett, u b’hekk tkun żgurata l-koordinazzjoni tal-Komunità kif suppost ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali. Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71, li kien aġġornat bir-Regolament (KE) Nru 118/97 u emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Din il-proposta qed taġġorna u temenda r-referenzi f’ċerti annessi mar-Regolament għaliex il-leġiżlazzjoni nazzjonali li jirreferu għaliha ġiet emendata. Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħrajn ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT Konsultazzjoni tal-partijiet interessati Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi prinċipali fil-mira u profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu L-Istati Membri kienu mistednin biex jippreżentaw talbiet għal emendi li jaġġornaw r-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u 574/72 biex jirriflettu l-bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. L-istaff tal-Kummissjoni vvaluta t-talbiet, iddiskutihom mar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri f’laqgħa tal-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Emigranti u, fejn meħtieġ, iċċara iktar dettalji mar-rappreżentanti mill-Istati Membri individwali kkonċernati. Sunt tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati It-talbiet li huma kkunsidrati bħala kompatibbli mal-liġi ta’ l-UE u li magħhom qablet il-Kummissjoni Amministrattiva kienu aċċettati u inkorporati. Il-ġbir u l-użu ta’ tagħrif espert Dominji xjentifiċi/ta’ tagħrif espert ikkonċernati Il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Il-metodoloġija użata Diskussjonijiet f’laqgħat tal-Kummissjoni Amministrattiva fuq is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Emigranti u, fejn kien hemm il-ħtieġa, iktar diskussjonijiet biex tinkiseb kjarifika, b’mod partikolari dwar id-dettalji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma’ rappreżentanti fil-Kummissjoni Amministrattiva mill-Istati Membri kkonċernati. Organizzazzjonijiet/esperti prinċipali kkonsultati Il-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Emigranti, kif ukoll xi rappreżentanti fil-Kummissjoni Amministrattiva. Sunt tal-pariri mogħtija u adottati L-eżistenza ta’ riskji potenzjali serji b’konsegwenzi irreversibbli ma ssemmietx. Ftehim biex ikunu aġġornati ċerti annotazzjonijiet għall-Istati Membri fl-Annessi mar-Regolament 1408/71. Mezzi użati biex il-parir espert isir pubblikament disponibbli L-ebda. Valutazzjoni ta’ l-impatt L-Istati Membri spiss jemendaw il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali tagħhom. Bħala konsegwenza, ir-referenzi magħmula għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE li tikkoordina l-iskemi tas-sigurtà soċjali jsiru antikwati u joħolqu inċertezza legali. Dan huwa għad-detriment taċ-ċittadini ta’ l-UE li jiċċaqalqu fi ħdan l-UE, għaliex ma jkunux infurmati kif suppost dwar id-drittijiet tagħhom u jagħmilha iktar diffiċli għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali biex japplikaw kif suppost id-dispożizzjonijiet ta’ l-UE li jikkoordinaw is-sigurtà soċjali. Għalhekk ir-referenzi fil-leġiżlazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ l-UE, b’mod partikolari fir-Regolamenti 1408/71 u 574/72, jeħtieġu li jkunu aġġornati biex jirriflettu l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod korrett. Ir-Regolamenti ta’ l-UE jistgħu jkunu aġġornati biss b’Regolament. Huwa fl-interess taċ-ċittadini kkonċernati li r-Regolamenti tal-Komunità jkunu aġġornati eżatt wara t-tibdiliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. B’mod speċifiku għal dak li għandu x’jaqsam mar-riformi fundamentali tal-pensjoni fl-Iżvezja u l-Finlandja kif ukoll ir-riforma ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa ta’ l-Olanda, ir-Regolament 1408/71 jeħtieġ li jkun aġġornat mill-iktar fis possibbli, minkejja d-dħul fis-seħħ, fl-20 ta’ Mejju 2004, tar-Regolament 883/2004 minfloku: dan ir-Regolament il-ġdid ma japplikax sa ma l-implimentazzjoni tar-Regolament tidħol fis-seħħ, probabbilment mhux qabel l-2007. F’termini tax-xogħol jew l-ispejjeż li hemm, ir-Regolament propost għal din l-emenda ma jagħmel l-ebda differenza speċifika fis-sitwazzjoni preżenti ta’ l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet tas-sigurtà soċjali, tal-ħaddiema jew ta’ dawk li jħaddmu. Bil-kuntrarju, l-għan ta’ dan l-aġġornament huwa li jtejjeb il-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Komunità, b’hekk tingħata protezzjoni aħjar liċ-ċittadini ta’ l-UE li jiċċaqalqu fi ħdan l-UE. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Sunt ta’ l-azzjoni proposta Il-proposta hija intenzjonata li taġġorna xi annessi tar-Regolament 1408/71 biex jirriflettu tibdiliet fil-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Għalhekk għandha tiffaċilita l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità li tikkoordina l-iskemi tas-sigurtà soċjali billi jkun żgurat li tiġi riflessa kif suppost il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Bażi legali L-Artikoli 42 u 308 tat-Trattat tal-KE Prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. L-għanijiet tal-proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba xi raġuni(jiet) kif ġej. Xi azzjoni tal-Komunità tal-forma ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali hija meħtieġa skond l-Artikolu 42 tat-Trattat u hi neċessarja biex tiggarantixxi li d-dritt taċ-ċaqliq ħieles għall-ħaddiema stabbilit fit-Trattat jista’ jkun eżerċitat bis-sħiħ. Mingħajr it-tali koordinazzjoni, jista’ jkun hemm ir-riskju li l-libertà taċ-ċaqliq ma tkunx operabbli, minħabba li jkun hemm inqas ċans li n-nies jagħmlu użu minn dan id-dritt jekk ikun ifisser, fil-prinċipju, li jintilfu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali diġà akkwistati fi Stat Membru ieħor. Mhux l-iskop tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità eżistenti dwar is-sigurtà soċjali li tieħu post l-iskemi nazzjonali differenti. Għandu jkun enfasizzat li r-Regolament propost għal din l-emenda mhuwiex miżura ta’ armonizzazzjoni u ma jmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ għall-koordinazzjoni effettiva. Bażikament l-iskop tal-proposta huwa li taġġorna r-regoli ta’ koordinazzjoni eżistenti biex jirriflettu t-tibdiliet li saru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, għalkemm il-proposta hija bbażata prinċipalment fuq il-kontribut ta’ l-Istati Membri, l-Istati Membri ma setgħux jadottaw dawn id-dispożizzjonijietfuq livell nazzjonali minħabba li dan seta’ jkun ta’ konflitt mar-Regolament. Għalhekk hemm il-ħtieġa li jkun żgurat li l-annessi mar-Regolament huma adattati kif suppost sabiex ir-Regolament jista’ jiġi applikat b’mod effettiv fl-Istati Membri kkonċernati. Il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għandha x’taqsam ma’ sitwazzjonijiet transkonfinali fejn l-ebda Stat Membru ma jista’ jaġixxi waħdu. Ir-Regolament tal-Komunità għal din il-koordinazzjoni jieħu post il-bosta ftehimiet bilaterali eżistenti. Dan mhux biss jissimplifika l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-Istati Membri imma jiżgura wkoll trattament ugwali għall-persuni li huma assigurati skond il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali. Il-ħidma tal-Komunità tkun tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għal xi raġuni(jiet) kif ġej. Il-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali jagħmlu sens biss fil-livell tal-Komunità. L-iskop huwa li jkun żgurat li l-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali topera b’mod effettiv fost l-Istati Membri kollha. Il-bażi u l-ġustifikazzjoni ta’ dan huma ċ-ċaqliq ħieles tal-persuni fi ħdan l-UE. M’hemm l-ebda indikaturi kwalitattivi, imma r-Regolament jikkonċerna kull ċittadin ta’ l-UE li jiċċaqlaq, għal kwalunkwe raġuni, fi ħdan l-UE. Il-proposta hija purament miżura ta’ koordinazzjoni li tista’ tittieħed biss fuq livell tal-Komunità. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-organizzazzjoni u l-iffinanzjar ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom stess. Għalhekk il-proposta hija skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija skond il-prinċipju tal-proporzjonalità għal xi raġuni(jiet) kif ġej. Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jeħtieġ din il-forma ta’ azzjoni għaliex Regolament jista’ jkun emendat biss b’Regolament. Imma l-Istati Membri jibqgħu responsabbli huma biss għall-organizzazzjoni u l-iffinanzjar ta’ l-iskemi tas-sigurta’ soċjali tagħhom stess. Il-proposta tagħmilha iktar faċli għall-Istati Membri biex jikkoordinaw l-iskemi tas-sigurtà soċjali u għalhekk hija ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kif ukoll għall-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet speċjali huma bbażati fuq proposti mill-Istati Membri li jfisser li kwalunkwe piż potenzjali finanzjarju u amministrattiv ikun imminimizzat u proporzjonat għall-għan imsemmi hawn fuq. Bil-maqlub, hemm iċ-ċans li mingħajr dan it-tip ta’ aġġornament tar-Regolament 1408/71 il-piżijiet finanzjarji u amministrattivi jkunu ikbar. L-għażla ta’ l-istrumenti Strumenti proposti: ir-Regolament. Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba xi raġuni(jiet) kif ġej. M’hemm l-ebda alternattiva għaliex Regolament bħal Regolament (KEE) Nru 1408/71 jista’ jkun emendat biss b’Regolament. IMPLIKAZZJONI FL-ESTIMI Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. AKTAR INFORMAZZJONI Iż-Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea. Spjegazzjoni ddettaljata tal-proposta A. L-Artikolu 2 (Id-dħul fis-seħħ) Kif l-Att ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa l-ġdid fl-Olanda jsir japplika mill-1 ta’ Jannar 2006, l-emendi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Olanda fl-Annessi I u VI jeħtieġu li jkunu applikati mill-1 ta’ Jannar 2006. B. Anness I. L-emenda ta’ l-Anness I 1. L-emenda tal-Parti I L-Anness I tal-Parti I jagħti d-definizzjoni tat-termini “persuni impjegati” jew “persuni li jaħdmu għal rashom” fejn dawn ma jistgħux ikunu ddeterminati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-għażla tal-kliem użat fit-taqsima "X. L-IŻVEZJA" għandu jinġieb jaqbel ma’ l-Att tas-Sigurtà Soċjali l-ġdid (1999:799) u għandha tiżdied referenza ma’ l-Att tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali biex ikunu identifikati l-persuni li jaħdmu għal rashom. 2. L-emenda tal-Parti II L-Anness I tal-Parti II jagħti d-definizzjoni tat-terminu “membru tal-familja” fejn fil-leġiżlazzjoni nazzjonali m’hemmx il-fakultà għal distinzjoni bejn il-membri tal-familja u persuni oħra. L-għażla tal-kliem użat fit-taqsima "Q. L-OLANDA" għandu jinġieb skond l-Att ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa l-ġdid. II. L-emenda ta’ l-Anness IIa L-Anness IIa jelenka benefiċċji speċjali mhux kontributorji mogħtija lill-persuni kkonċernati b’mod esklussiv fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn joqogħdu, taħt l-Artikolu 10a tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71. 1. Il-Liġi tal-Litwanja ta’ l-1994 dwar il-Pensjonijiet Soċjali ġiet emendata u l-pensjoni soċjali li bħalissa hemm elenkata fl-Anness IIa nqasmet f’bosta sussidji separati. Minn dawn is-sussidji, il-pensjoni l-ġdida ta’ l-assistenza soċjali u s-sussidju ta’ għajnuna speċjali huma benefiċċji mħallta li jikkonsistu f’elementi ta’ sigurtà soċjali u assistenza soċjali u mhumiex kontributorji billi huma ffinanzjati mill-gvern, b’hekk jilħqu l-kriterji li għandhom ikunu kkunsidrati bħala benefiċċji mhux kontributorji speċjali. Ir-referenza fit-taqsima "M. IL-LITWANJA" għandha tkun emendata biex tirrifletti din il-bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. 2. Għalkemm il-leġiżlatura Slovakka abolixxiet il-pensjoni soċjali bl-Att 461/2003 mill-31 ta’ Diċembru 2003, il-benefiċċju qed ikompli jitħallas skond l-Att l-antik 100/1988 Coll. lill-persuni li qabel kienu intitolati għalih. Dan il-benefiċċju mhuwiex kontributorju, jiggarantixxi dħul minimu għall-persuni li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja tax-xjuħija jew għall-pensjoni ta’ l-invalidità u huwa suġġett għal eżami tal-mezzi. Għalhekk dan jissodisfa kriterji biex ikun ikkunsidrat bħala benefiċċju mhux kontributorju speċjali u għalhekk għandu jkun inkluż fit-taqsima "V. IS-SLOVAKKJA". III. L-emenda ta’ l-Anness III, tal-Parti A L-Anness III jelenka d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali eżistenti li kienu fis-seħħ qabel l-applikazzjoni tar-Regolament fl-Istati Membri kkonċernati. Il-Parti A telenka d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali li għadhom japplikaw, minkejja l-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali ġeneralment jinbidlu bir-Regolament (KEE) 1408/71. Id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 1952 bejn l-Italja u l-Olanda elenkata fl-Anness III, tal-Parti A tikkonċerna l-esportazzjoni ta’ benefiċċji lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE. Imma, din għandha titħassar għaliex jew il-pagament ta’ pensjoni f’pajjiż li mhuwiex fl-UE jaqa’ fl-ambitu tar-Regolament (jekk il-pensjoni taqa’ fl-ambitu materjali u l-benefiċjarju fl-ambitu personali tiegħu), f’liema każ ikun applikat il-prinċipju ta’ trattament ugwali inkella jekk le, din il-kwistjoni ma tistax tkun ittrattata aktar fl-Anness III. IV. L-emenda ta’ l-Anness IV 1. L-emenda ta’ l-Anness IV, tal-Parti A L-Anness IV, tal-Parti A jelenka l-"leġiżlazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament li taħtu l-ammont ta’ benefiċċji ta’ invalidità huwa indipendenti mit-tul tal-perjodi ta’ l-assigurazzjoni." Fir-Repubblika Slovakka, il-livell ta’ pensjonijiet ta’ invalidità jiddependi fuq it-tul tal-perjodi ta’ assigurazzjoni (is-sistema tat-“tip “B”), bl-eċċezzjoni tal-pensjoni ta’ invalidità għall-persuni li jkunu invalidaw irwieħhom meta kienu tfal dipendenti u ma kienux assigurati għall-perjodu meħtieġ imma li huma xejn inqas minn meqjusa li jkunu għamlu l-perjodu ta’ assigurazzjoni meħtieġ. Għalhekk dan il-benefiċċju għandu jkun inkluż fit-taqsima "V. IS-SLOVAKKJA". 2. L-emenda ta’ l-Anness IV, tal-Parti B L-Anness VI, tal-Parti B jelenka l-iskemi speċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom li għalihom japplikaw provvedimenti speċjali dwar l-aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni li wieħed ikun għamel fi Stat Membru ieħor. Il-liġi Spanjola li bħalissa hemm elenkata fl-Anness IV, tal-Parti B ġiet emendata u, konsegwentement, ir-referenza fit-taqsima"G. SPANJA" għandha tkun aġġornata skond dan. 3. L-emenda ta’ l-Anness IV, tal-Parti C L-Anness IV, tal-Parti C jelenka l-"każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 46(1)(b) tar-Regolament fejn il-kalkulazzjoni tal-benefiċċju skond l-Artikolu 46(2) tar-Regolament tista’ ma ssirx" billi din ma twassal qatt għal riżultat ogħla. Jekk il-pensjoni Slovakka tal-persuna superstiti hija bbażata fuq il-pensjoni tax-xjuħija jew ta’ l-invalidità li tkun fil-fatt tħallset lill-persuna mejta, kemm il-kalkulazzjoni pro rata u kemm dik nazzjonali dejjem iwasslu għall-istess riżultat. Għalhekk il-pensjoni tal-persuna superstiti għandha tkun inkluża fit-taqsima "V. IS-SLOVAKKJA". Skond is-sistema ta’ pensjoni Żvediza kif ġiet irriformata, il-pensjoni tad-dħul tiddependi mill-kontribuzzjonijiet pjuttost milli tiddependi mill-benefiċċji u hija indipendenti mill-perjodi ta’ l-assigurazzjoni. Għalhekk kalkulazzjoni pro rata bbażata fuq ir-Regolament mhijiex possibbli. Il-pensjoni ggarantita Żvediza tiddependi mill-perjodi ta’ residenza fl-Iżvezja, u kalkulazzjoni pro rata dejjem tirriżulta fl-istess ammont bħall-kalkulazzjoni nazzjonali. Għalhekk l-annotazzjoni li hemm bħalissa fit-taqsima "X. L-IŻVEZJA" għandha tkun emendata skond dan. 4. L-emenda ta’ l-Anness IV, tal-Parti D L-Anness IV, tal-Parti D jelenka l-benefiċċji (il-punti 1 u 2) u l-ftehim (il-punt 3) li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46b(2) tar-Regolament, b’hekk jingħata lok għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha x’taqsam mat-tnaqqis, is-sospensjoni u t-tneħħija tal-benefiċċji. Minħabba l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-pensjoni Żvediza, l-annotazzjonijiet li hemm bħalissa taħt l-Anness IV, tal-Parti D, il-punti 1(i) u 2(i) jeħtieġu li jkunu aġġornati. Barra dan, benefiċċji tal-mard li għandhom x’jaqsmu mad-dħul u sussidji ta’ attività għandhom jiżdiedu mal-punt 1(i). Il-punt 3 għandu jkun emendat biex jirrifletti l-fatt li l-Konvenzjoni Nordika l-qadima ġiet mibdula u li l-ftehim bilaterali dwar is-sigurtà soċjali bejn il-Finlandja u l-Lussemburgu daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2002. V. L-emenda ta’ l-Anness VI L-Anness VI jistipula proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ ċerti Stati Membri. It-taqsima "E. L-ESTONJA" għandha tkun emendata biex jiġu miżjuda r-regoli għall-kalkoli tal-benefiċċji tal-ġenituri meta ħaddiema migranti ma jkunux ħadmu fl-Estonja s-sena ta’ referenza tulha kollu kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. It-taqsima "Q. L-OLANDA" għandha tkun emendata biex tirrifletti d-dħul fis-seħħ tar-riforma l-ġdida tal-kura tas-saħħa mill-1 ta’ Jannar 2006. Il-punt 1(a) jispeċifika l-kategoriji ta’ persuni li huma intitolati għall-kura tas-saħħa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Olanda. Il-punt 1(b) jispeċifika l-istituzzjoni li magħha t-tali persuni għandhom ikunu assigurati. Il-punt 1(c) jippermetti l-ġbir ta’ premiums jew kontribuzzjonijiet mingħand it-tali persuni assigurati u l-membri tal-familja tagħhom. Il-punt 1(d) jikkonċerna l-konsegwenzi ta’ reġistrazzjoni trattenuta għall-assigurazzjoni. Il-punt 1(e) jispeċifika l-benefiċċji f’beni li għalihom persuna assigurata fi Stat Membru ieħor hija intitolata matul perjodu ta’ żjara jew perjodu ta’ residenza fl-Olanda. Il-punt 1(f) jelenka l-benefiċċji u l-pensjonijiet ta’ l-Olanda li jagħtu l-possibbiltà lir-reċipjenti li jkunu kkunsidrati bħala pensjonanti fit-tifsira tar-Regolament, b’hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-kapitolu tal-mard tar-Regolament 1408/71. Il-punt 1(g) jiċċara li r-rifużjoni li tingħata meta ma ssir l-ebda talba għandha tkun ikkunsidrata bħala benefiċċju tal-mard fi flus kontanti għall-iskop tar-Regolament. Dan ifisser li l-benefiċċju jkun pagabbli mill-Olanda lill-persuni assigurati li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor. It-taqsima "W. IL-FINLANDJA" għandha tkun emendata biex tirrifletti r-riforma tal-leġiżlazzjoni Finlandiża tal-pensjoni ta’ l-impjieg. Din tipprovdi li meta perjodi ta’ assigurazzjoni li wieħed jagħmel fi Stati Membri oħra jkollhom ikunu kkunsidrati biex jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-jedd ta’ pensjoni, il-qligħ għall-perjodu akkreditat ikun ikkalkulat biss mid-dħul ta’ matul il-perjodu ta’ referenza fil-Finlandja billi d-dħul ikun diviż bin-numru tax-xhur ta’ l-assigurazzjoni fil-Finlandja. It-taqsima "X. L-IŻVEZJA" għandha tkun emendata biex tirrifletti l-leġiżlazzjoni l-ġdida li għandha x’taqsam mal-kopertura taħt il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Żvediza u r-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-pensjoni Żvediza. Mill-1 ta’ Jannar 2001, l-Att tas-Sigurtà Soċjali l-ġdid (1999:799) emenda l-leġiżlazzjoni dwar il-benefiċċji tal-ġenituri fil-Kapitolu 4 ta’ l-Att tas-Sigurtà Nazzjonali. Għall-iskop tal-kalkulazzjoni tal-benefiċċju tal-ġenituri, il-Punt 1(a) tat-taqsima "X. L-IŻVEZJA" jistipula kif ikun iddeterminat id-dħul jekk ġenitur ikun ħadem fl-Iżvezja u fi Stat Membru ieħor matul perjodu ta’ referenza. Il-punt 1(b) jistipula kif ikun iddeterminat id-dħul jekk ġenitur ma jkun ħadem xejn fl-Iżvezja matul il-perjodu ta’ referenza. Il-punt 2 tat-taqsima "X. L-IŻVEZJA" jikkonċerna ċerti dispożizzjonijiet ta’ transizzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-pensjonijiet Żvediżi. Taħt il-leġiżlazzjoni Żvediza persuna teħtieġ li tkun ilha mill-inqas tliet snin residenti fl-Iżvezja biex issir intitolata għal pensjoni ggarantita. Biex tkun intitolata għal pensjoni ggarantita sħiħa persuna teħtieġ li tkun ilha 40 sena residenti fl-Iżvezja. Imma, il-persuni kollha li twieldu fl-1937 jew qabel, u li kienu residenti fl-Iżvezja għal mhux inqas minn 10 snin, anke dawk li ma ħadmu qatt, huma intitolati għall-pensjoni sħiħa ggarantita. Din l-emenda tipprovdi li l-prinċipju ta’ l-aggregazzjoni ma japplikax għall-pensjonijiet iggarantiti għat-tali persuni li jkunu twieldu fl-1937 jew qabel. Il-punt 3 jikkonċerna l-benefiċċju tal-mard Żvediż u s-sussidju ta’ attività. Il-jedd għal dawn il-benefiċċji huwa bbażat fuq id-dħul ta’ persuna matul perjodu ta’ referenza. L-emenda (a) tispeċifika kif id-dħul għandu jkun ikkalkulat, meta l-persuna tkun ħadmet fi Stat Membru ieħor u l-emenda (b) tispeċifika kif il-perjodu ta’ referenza għandu jkun iddeterminat meta l-persuna tkun ħadmet fi Stat Membru ieħor. Il-punt 4 jiċċara r-regoli għall-kalkulazzjoni tal-benefiċċji tas-superstiti fejn il-kondizzjoni meħtieġa għall-kwalifika ma tistax tintlaħaq matul perjodu ta’ referenza skond il-leġiżlazzjoni Żvediza. Il-punt (a) jistipula kif jiġu rikonoxxuta d-drittijiet tal-pensjoni akkwistati mill-persuna mejta fl-Istati Membri barra l-Iżvezja matul il-perjodu ta’ referenza għall-pensjoni tal-persuna superstiti li għandha x’taqsam mal-qligħ, filwaqt li l-punt (b) jistipula kif jiġu rikonoxxuta t-tali drittijiet b’konnessjoni mad-dritt ta’ pensjoni ta’ l-armla fejn il-mewt tkun seħħet fl-1 ta’ Jannar 2003 jew wara.E-14572 |

- 2005/0258 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 308 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Fil-waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[3],

Billi:

(1) Biex xi tibdiliet fil-leġiżlazzjoni ta’ ċerti Stati Membri jingħataw għarfien, ċerti annessi mar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jeħtieġu jkunu adattati.

(2) Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għalhekk għandu jkun emendat skond dan.

(3) Biex ikun żgurat li r-riforma fundamentali ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa ta’ l-Olanda b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006 tkun riflessa kif suppost fid-dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni Ewropej mid-data li tidħol fis-seħħ u b’hekk tinħoloq ċertezza legali għal dak li għandu x’jaqsam mal-koordinazzjoni tal-benefiċċji tal-mard, jinħtieġ provvediment biex l-emendi ta’ l-Annessi I u VI mar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 li għandhom x’jaqsmu mar-riforma ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa ta’ l-Olanda għandhom jistgħu jiġu applikati b’mod retroattiv b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006.

(4) It-Trattat ma jipprovdix poteri oħrajn barra dawk taħt l-Artikolu 308 biex jittieħdu miżuri kif suppost fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal persuni barra persuni impjegati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, IIa, III, IV u VI mar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 qed ikunu emendati kif stipulat fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Il-punt 2 u l-punt 6(b) ta’ l-Anness, li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Olanda, għandhom jiġu applikati b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament għall-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

L-annessi mar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 qed ikunu emendati kif ġej:

1. Fl-Anness I, tal-Parti I, it-taqsima "X. L-IŻVEZJA" qed tiġi mibdula b’dan li ġej:

"X. L-IŻVEZJA

Persuni li jkunu qed jaħdmu f’impjieg bi qligħ u li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom stess fuq dan id-dħul konformi mal-Kapitolu 3 ta’ l-Att tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali (2000:980) għandhom ikunu kkunsidrati bħala persuni li jaħdmu għal rashom."

2. Fl-Anness I, tal-Parti II, it-taqsima "Q. L-OLANDA" qed tiġi mibdula b’dan li ġej:

"Q. L-OLANDA

Għall-iskop li jkun iddeterminat il-jedd għall-benefiċċji konformi mal-Kapitoli 1 u 4 tat-Titolu III tar-Regolament, "membru tal-familja" tfisser wieħed mill-konjuġi, sieħ(eb)/(ba) reġistrat(a) jew wild taħt l-età ta’18."

3. L-Anness IIa qed ikun emendat kif ġej:

(a) It-taqsima "M. IL-LITWANJA" qed tiġi mibdula b’dan li ġej:

"M. IL-LITWANJA

(a) Pensjoni ta’ l-assistenza soċjali (il-Liġi ta’ l-2005 dwar is-Sussidji Soċjali ta’ l-Istat, l-Artikolu 5).

(b) Kumpens speċjali ta’ għajnuna (il-Liġi ta’ l-2005 dwar is-Sussidji Soċjali ta’ l-Istat, l-Artikolu 15).

(c) Kumpens speċjali tat-trasport għall-persuni b’diżabilità li għandhom problemi ta’ mobilità (il-Liġi ta’ l-2000 dwar il-Kumpens tat-Trasport, l-Artikolu 7)."

(b) Fit-taqsima "V. IS-SLOVAKKJA", l-annotazzjoni li hemm bħalissa ssir punt (a) u jiżdied il-punt ġdid li ġej:

"(b) Il-pensjoni soċjali li ngħatat qabel l-1 ta’ Jannar 2004."

4. L-Anness III, tal-Parti A qed ikun emendat kif ġej:

Il-punt 187 qed ikun imħassar.

5. L-Anness IV qed ikun emendat kif ġej:

(a) Fil-Parti A, fit-taqsima"V. IS-SLOVAKKJA", il-kelma "Xejn" qed tiġi mibdula b’dan li ġej:"Pensjoni ta’ invalidità għal persuna li tkun invalidat ruħha bħala wild dipendenti u li dejjem kienet meqjusa li għamlet il-perjodu meħtieġ ta’ assigurazzjoni (l-Artikolu 70(2), l-Artikolu 72(3) u l-Artikolu 73(3) u (4) ta’ l-Att Nru 461/2003 dwar is-sigurtà soċjali, kif emendat)."

(b) Fil-Parti B, it-taqsima "G. SPANJA" qed tiġi mibdula b’dan li ġej:"G. SPANJASkema biex titbaxxa l-età ta’ l-irtirar mix-xogħol tal-persuni li jaħdmu għal rashom imqabbda f’attivitajiet tat-tbaħħir kif deskritti fid-Digriet Irjali Nru 2930/2004 tat-30 ta’ Diċembru 2004."

(c) Il-Parti C qed tkun emendata kif ġej:

(i) Fit-taqsima "V. IS-SLOVAKKJA", il-kelma "Xejn" qed tiġi mibdula b’dan li ġej:

"Il-pensjoni tal-persuna superstiti (il-pensjoni ta’ l-armla, ta’ l-armel u ta’ l-orfni) li s-somma tagħha tkun ġejja mill-pensjoni tax-xjuħija, il-pensjoni tax-xjuħija ta’ qabel l-irtirar mix-xogħol jew il-pensjoni ta’ invalidità li kienet titħallas lill-mejjet."

(ii) It-taqsima "X. L-IŻVEZJA" qed tiġi mibdula b’dan li ġej:"X. L-IŻVEZJA"Pensjonijiet ta’ xjuħija li għandhom x’jaqsmu mal-qligħ (l-Att 1998:674) u pensjonijiet iggarantiti tal-forma ta’ pensjonijiet tax-xjuħija (l-Att 1998:702)"

(d) Il-Parti D qed tkun emendata kif ġej:

(i) Il-punt 1(i) qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

"(i) Il-pensjoni ggarantita Żvediza u s-suppliment iggarantit li ħadu post il-pensjonijiet Żvediżi sħaħ ta’ l-istat li hemm dispożizzjonijiet dwarhom taħt il-leġiżlazzjoni fuq il-pensjoni ta’ l-istat li kienu qed jiġu applikati qabel l-1 ta’ Jannar 1993, u l-pensjoni sħiħa ta’ l-istat li tingħata taħt ir-regoli transizzjonali tal-leġiżlazzjoni li japplikaw minn dik id-data, u l-benefiċċju Żvediż tal-mard li għandu x’jaqsam mad-dħul u s-sussidju ta’ l-attività."

(ii) Il-punt 2(i) qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

"(i) Il-benefiċċju tal-mard u s-sussidju ta’ l-attività tal-forma ta’ sussidju ggarantit (l-Att 1962:381, kif emendat bl-Att 2001:489), il-pensjoni ta’ persuna superstiti, kif ikkalkulata a bażi tal-perjodi ta’ assigurazzjoni (l-Atti 2000:461 u 2000:462) u l-pensjoni tax-xjuħija tal-forma ta’ pensjoni ggarantita kkalkulata a bażi tal-perjodi akkreditati qabel (l-Att 1998:702)."

(iii) Il-punt 3(a) qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

"(a) Il-Konvenzjoni Nordika dwar is-Sigurtà Soċjali tat-18 ta’ Awissu 2003"

u jiżdied il-punt ġdid li ġej:

"(c) Il-Ftehim tas-Sigurtà Soċjali ta’ l-10 ta’ Novembru 2000 bejn ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu."

6. L-Anness VI qed ikun emendat kif ġej:

(a) Fit-taqsima"E. L-ESTONJA", il-kelma "Xejn" qed tiġi mibdula b’dan li ġej:"Għall-iskop tal-kalkulazzjoni tal-benefiċċju tal-ġenituri l-perjodi ta’ l-impjieg fl-Istati Membri barra l-Estonja għandhom ikunu kkunsidrati li huma bbażati fuq l-istess ammont medju ta’ taxxa soċjali li tkun tħallset matul il-perjodi ta’ l-impjieg fl-Estonja, li magħhom ikunu aggregati. Jekk matul is-sena ta’ referenza l-persuna kienet impjegata biss fi Stati Membri oħra l-kalkulazzjoni tal-benefiċċju għandha tkun kkunsidrata li hija bbażata fuq it-taxxa soċjali medja li tkun tħallset fl-Estonja bejn is-sena ta’ referenza u l- leave tal-maternità."

(b) Fit-taqsima"Q. L-OLANDA", il-punt 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. L-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa

(a) Għal dak li għandu x’jaqsam mal-jedd għal benefiċċji f’beni taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Olanda, persuni intitolati għal benefiċċji f’beni għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni tal-Kapitoli 1 u II tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament għandha tfisser:

(i) persuni li, skond l-Artikolu 2 taz- Zorgverzekeringswet (l-Att ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa), huma obbligati li jkunu koperti b’assigurazzjoni ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa,u

(ii) sakemm ma jkunux jaqgħu diġà taħt il-punt (i), persuni li huma residenti fi Stat Membru ieħor u li, taħt ir-Regolament, huma intitolati għall-kura tas-saħħa fl-istat tar-residenza tagħhom, billi l-Olanda tkun qed tagħmel tajjeb għall-ispejjeż.

(b) Il-persuni li hemm referenza għalihom fil-punt (a)(i) għandhom, skond id-dispożizzjonijiet taz- Zorgverzekeringswet (l-Att ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa) jassiguraw irwieħhom ma’ kumpanija ta’ l-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa, u l-persuni li hemm referenza għalihom fil-punt a(ii) għandhom ikunu rreġistrati mal- College voor zorgverzekeringen (il-Bord ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa).

(c) Id-dispożizzjonijiet taz- Zorgverzekeringswet (l-Att ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa) u l- Algemene wet bijzondere ziektekosten (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Ġenerali Kontra Spejjeż Mediċi Speċjali) li jikkonċernaw l-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għandhom jiġu applikati għall-persuni li hemm referenza għalihom taħt il-punt (a) u l-membri tal-familji tagħhom. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-membri tal-familja, il-kontribuzzjonijiet għandhom jinġabru mingħand il-persuna li minnha jkun ġej id-dritt għall-kura tas-saħħa.

(d) Id-dispożizzjonijiet taz- Zorgverzekeringswet (l-Att ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa) li jikkonċernaw assigurazzjoni trattenuta għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-każ ta’ reġistrazzjoni trattenuta mal- College voor zorgverzekeringen (il-Bord ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa) għal dak li għandu x’jaqsam mal-persuni li hemm referenza għalihom fil-punt a(ii).

(e) Persuni intitolati għal benefiċċji f’beni bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra dak ta’ l-Olanda li jkunu joqogħdu l-Olanda jew ikunu qed joqogħdu l-Olanda għal żmien temporanju għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji f’beni skond il-polza li tkun ipprovduta lill-persuni assigurati fl-Olanda mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza jew tal-post taż-żjara, fil-waqt li jkunu kkunsidrati l-Artikolu 11(1), (2) u (3) u l-Artikolu 19(1) taz- Zorgverzekeringswet (l-Att ta’ l-Assigurazzjoni tal-Kura tas-Saħħa), kif ukoll għal benefiċċji f’beni li dwarhom hemm dispożizzjonijiet fl- Algemene wet bijzondere ziektekosten (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Ġenerali Kontra Spejjeż Mediċi Speċjali).

(f) Għall-iskopijiet ta’ l-Artikoli 27 u 34 ta’ dan ir-Regolament, il-benefiċċji li ġejjin għandhom ikunu ttrattati bħala pensjonijiet dovuta taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Olanda:

– il-pensjonijiet li qed jingħataw skond il-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1996 dwar il-pensjonijiet għall-ħaddiema tal-gvern u s-superstiti tagħhom (l- Algemene burgerlijke pensioenwet ) (l-Att ta’ Pensjonijiet għas-Servizz Ċivili ta’ l-Olanda);

– il-pensjonijiet li qed jingħataw skond il-Liġi tas-6 ta’ Ottubru 1966 dwar il-pensjonijiet għall-personàl militari u s-superstiti tagħhom (l- Algemene militaire pensioenwet ) (l-Att tal-Pensjonijiet Militari);

– il-benefiċċji minħabba inkapaċità għax-xogħol li qed jingħataw skond il-Liġi tas-7 ta’ Ġunju 1972 dwar il-benefiċċji minħabba inkapaċità għax-xogħol għall-istaff militari (il- Wet arbeidsongeschiktheidsvoorziening militairen ) (l-Att ta’ l-Inkapaċità għax-Xogħol ta’ Personàl Militari);

– il-pensjonijiet li qed jingħataw skond il-Liġi tal-15 ta’ Frar 1967 dwar pensjonijiet għall-impjegati ta’ l- NV Nederlandse Spoorwegen (il-Kumpanija tal-Ferroviji ta’ l-Olanda) u s-superstiti tagħhom (l-i Spoorwegpensioenwet ) (l-Att tal-Pensjonijiet tal-Ferroviji);

- il-pensjonijiet li qed jingħataw skond ir- Reglement Dienstvoorwaarden Nederlandse Spoorwegen (ir-Regolament li jiddetermina l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg tal-Kumpanija tal-Ferroviji ta’ l-Olanda);

– il-benefiċċji li qed jingħataw lill-persuni rtirati mix-xogħol qabel ikunu laħqu l-età tal-pensjoni ta’ 65 sena taħt skema tal-pensjoni mfassla biex tipprovdi dħul għal persuni fix-xjuħija tagħhom li qabel kienu impjegati, jew benefiċċji pprovduti fil-każ ta’ ħruġ prematur mis-suq tax-xogħol taħt skema mfassla mill-istat jew minn ftehim industrijali għall-persuni li għandhom 55 sena jew iktar fejn il-benefiċċju perċentwali jkun stabbilit daqs mill-inqas 70% ta’ l-aħħar salarju.

(g) Għall-iskopijiet tal-Kapitoli 1 u 4 tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament, ir-rifużjoni li tingħata meta ma ssir l-ebda talba li hemm provvedimenti għaliha fl-iskema Olandiża fil-każ ta’ użu limitat ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa għandha titqies bħala benefiċċju tal-mard fi flus kontanti."

(c) Fit-taqsima"W. IL-FINLANDJA", il-punti 1 u 2 għandhom jitħassru u jiddaħħal il-punt li ġej:

"1. Meta jkun qed jiġi applikat l-Artikolu 46(2)(a) għall-iskop tal-kalkulazzjoni tal-qligħ għall-perjodu akkreditat taħt il-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar pensjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qligħ, fejn individwu għandu perjodi ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni bbażati fuq impjieg fi Stat Membru ieħor għall-parti mill-perjodu ta’ referenza skond il-leġiżlazzjoni Finlandiża, il-qligħ għall-perjodu akkreditat għandu jkun ekwivalenti għas-somma tal-qligħ akkwistat matul il-parti tal-perjodu ta’ referenza fil-Finlandja diviża bin-numru tax-xhur li għalihom kien hemm perjodi ta’ assigurazzjoni fil-Finlandja matul il-perjodu ta’ referenza."

Il-punti 3, 4 u 5 huma l-punti 2, 3 u 4 innumerati mill-ġdid.

(d) It-taqsima "X. L-IŻVEZJA" qed tkun emendata kif ġej:

(i) Il-punt 1 qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

"1. Għall-iskop biex ikun iddeterminat id-dħul ta’ ġenitur matul il-240 ġurnata qabel it-twelid ta’ wild taħt il-Kapitolu 4 taqsima 6 tal- Lag (1962:381) om allmän försäkring (l-Att tas-Sigurtà Nazzjonali):

(a) fejn matul parti minn dak il-perjodu l-ġenitur kellu d-dħul fl-Iżvezja, u matul parti oħra minn dak il-perjodu kellu dħul fi Stat Membru ieħor, id-dħul annwali tal-ġenitur fl-Istat Membru l-ieħor għandu jitqies bħala ugwali għad-dħul annwali tal-ġenitur fl-Iżvezja;

(b) fejn matul dak il-perjodu l-ġenitur ma kellux dħul fl-Iżvezja imma kellu dħul fi Stat Membru ieħor, dan id-dħul għandu jitqies li hu iktar mil-livell minimu ggarantit (il- lägsta nivå ) jekk il-ġenitur kien attiv ekonomikament f’dak l-Istat Membru l-ieħor sa fejn l-attività tkun iġġenerat dħul ogħla mil-livell minimu ggarantit meħtieġ (lägsta nivå ) jekk din tkun ġiet esegwita fl-Iżvezja."

(ii) Il-punt 2 qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

"2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar l-aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni m’għandhomx japplikaw għad-dispożizzjonijiet transitorji fil-leġiżlazzjoni Żvediza dwar il-jedd ta’ pensjoni ggarantita ta’ persuni mwielda fl-1937 jew qabel li kienu residenti fl-Iżvezja għall-perjodu speċifikat qabel applikaw għal pensjoni (l-Att 2000:798)."

(iii) Il-punt 3 qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

"3. Għall-iskop ta’ kalkulazzjoni ta’ dħul spekulattiv għal benefiċċju tal-mard li għandu x’jaqsam mal-qligħ u sussidju ta’ attività li għandu x’jaqsam mal-qligħ skond il-Kapitolu 8 tal- Lag (1962:381) om allmän försäkrings (l-Att tas-Sigurtà Nazzjonali), għandu jiġi applikat dan li ġej:

(a) fejn il-persuna assigurata, matul il-perjodu ta’ referenza, kienet ukoll suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar minħabba attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha, id-dħul fl-Istat(i) Membru(i) ikkonċernat(i) għandu jitqies bħala ekwivalenti għad-dħul gross medju tal-persuna assigurata fl-Iżvezja matul il-parti tal-perjodu ta’ referenza fl-Iżvezja, ikkalkulat billi jiġi diviż il-qligħ fl-Iżvezja bin-numru tax-xhur li fihom ikun akkumula dan il-qligħ;

(b) meta l-benefiċċji huma kkalkulati konformi ma’ l-Artikolu 40 tar-Regolament u l-persuni mhumiex assigurati fl-Iżvezja, il-perjodu ta’ referenza għandu jkun iddeterminat skond il-Kapitolu 8(2) u (8) ta’ l-Att imsemmi hawn fuq daqs li kieku l-persuna kkonċernata kienet assigurata fl-Iżvezja. Jekk il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dħul li jista’ jiġġenera pensjoni matul dan il-perjodu skond l-Att dwar il-pensjoni tax-xjuħija li għandha x’taqsam mal-qligħ (1998:674), il-perjodu ta’ referenza jitħalla jibda mill-punt fiż-żmien iktar kmieni meta l-persuna assigurata kellha d-dħul minn impjieg bi qligħ fl-Iżvezja."

(iv) Il-punt 4 qed jiġi mibdul b’dan li ġej:

"4. a) Għall-iskop tal-kalkulazzjoni ta’ dħul spekulattiv tal-pensjoni ta’ persuna superstiti għall-pensjoni li għandha x’taqsam mal-qligħ (l-Att 2000:461), jekk ma tkunx issodisfata l-kondizzjoni meħtieġa fil-leġiżlazzjoni Żvediza għall-jedd tal-pensjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ mill-inqas tlieta minn ħames snin kalendarji eżatt qabel il-mewt tal-persuna assigurata (il-perjodu ta’ referenza), għandhom ikunu rrikonoxxuti ukoll il-perjodi ta’ assigurazzjoni li wieħed ikun għamel fi Stati Membri oħra daqs li kieku jkun għamilhom fl-Iżvezja. Il-perjodi ta’ assigurazzjoni fi Stati Membri oħra għandhom jitqiesu li huma bbażati fuq il-medja tal-bażi tal-pensjoni Żvediza. Jekk il-persuna kkonċernata għandha fl-Iżvezja biss sena b’bażi ta’ pensjoni, kull perjodu ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru ieħor għandu jitqies li jikkostitwixxi l-istess ammont.

b) Għall-iskop tal-kalkulazzjoni ta’ krediti ta’ pensjoni spekulattiva għall-pensjonijiet ta’ l-armla li għandhom x’jaqsmu ma’ mwiet fl-1 ta’ Jannar 2003 jew wara, jekk ma tkunx issodisfata l-kondizzjoni meħtieġa fil-leġiżlazzjoni Żvediza għall-krediti tal-pensjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ mill-inqas tnejn mill-erba’ snin eżatt qabel il-mewt tal-persuna assigurata (il-perjodu ta’ referenza) u wieħed ikun għamel il-perjodi ta’ l-assigurazzjoni fi Stat Membru ieħor matul il-perjodu ta’ referenza, dawk is-snin għandhom jitqiesu bħala bbażati fuq l-istess krediti tal-pensjoni bħas-sena Żvediza."

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .