52005PC0661

Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi {SEC(2005) 1657} /* KUMM/2005/0661 finali - ACC 2005/0254 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.12.2005

KUMM(2005) 661 finali

2005/0254 (ACC)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi {SEC(2005) 1657}

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

F-Diċembru 2003 il-Kummissjoni ressqet dokument ta’ ħidma lill-Kumitat 133 tal-Kunsill dwar il-possibilità ta’ skema ta’ l-UE tal-marka ta’ l-oriġini, wara interess imġedded li ntwera dwar is-suġġett minn ċerti Stati Membri u minn xi setturi. L-Istati Membri u s-setturi kkonċernati kienu qegħdin jesprimu b’talba li dejjem qed tikber dwar l-inċidenza li kull ma jmur qiegħda tiżdied, ta’ marki ta’ l-oriġini qarrieqa u/jew foloz li qed ikun hemm fil-prodotti importati. Saru talbiet għal regoli li jeħtieġu l-marka ta’ l-oriġini għall-importazzjonijiet u/jew għall-prodotti ta' l-UE.

Fl-ewwel nofs ta’ l-2004 il-Komunità nediet proċess ta’ konsultazzjoni dwar din il-kwistjoni li tinvolvi l-partijiet ewlenin interessati – l-industrija, it- trade union, il-konsumaturi u istituzzjonijiet oħrajn – li tagħha r-riżultati ġew diskussi fil-Kumitat 133 ta’ Lulju 2004. Il-Kumitat 133 stieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta aktar dwar il-vijabilità ta’ skema tal-marka ta’ l-oriġini applikabbli għal kategoriji magħżula ta’ importazzjoni, kif ukoll għal possibilitajiet oħrajn, u biex tressaq il-konklużjonijiet tagħha u rakkomandazzjoni lill-Kunsill. Għaldaqstant, saru aktar konsultazzjonijiet minn Settembru 2004 sa April 2005.

Filwaqt li tqiesu r-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni imsemmija hawn fuq, l-abbozz ta’ Regolament mehmuż jipproponi l-introduzzjoni ta’ skema tal-marka ta’ l-oriġini obbligatorja li tkopri għadd ta’ setturi li għandhom igawdu minn din l-inizjattiva (ara l-anness), u applikabbbli biss fuq merkanzija importata. Din hija l-possibilità li, fuq bilanċ, tqis l-aktar l-interessi tal-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati (l-industrija, it- trade unions , u parti mill-moviment tal-konsumaturi), hija possibilità li tillimita l-ispejjeż kollha u l-effetti negattivi għal partijiet interessati oħra (industriji ta’ l-UE li ddelokalizzaw il-produzzjoni tagħhom, in-negozjanti), u li tiżgura fl-istess ħin impatt pożittiv rigward l-għanijiet tal-politika ta’ l-inizjattiva.

Attwalment, il-Komunità Ewropea m’għandhiex leġiżlazzjoni dwar l-użu tal-marka ta’ l-oriġini (“magħmul fi” (“ made in ”)) għal prodotti industrijali. Direttiva ta' dan l-aħħar li timmira lejn l-armonizzazzjoni tal-kontroll fis-suq ta’ prassi kummerċjali inġusta tindirizza wkoll każijiet ta’ l-użu qarrieqi ta’ l-indikazzjoni ta’ l-oriġini. Madankollu, din id-direttiva ma tiddefinixxix it-tifsira “magħmul fi”, u lanqas ma tippermetti li jsiru kontrolli mill-awtoritajiet doganali. Ir-regoli dwar l-użu volontarju tal-marki ta’ l-oriġini li jeżistu f’xi uħud mill-Istati Membri ukoll ivarjaw.

Il-qagħda attwali tpoġġi lill-KE fi żvantaġġ meta mqabbla ma' l-imsieħba kummerċjali tagħha li jeħtieġu l-marka ta’ l-oriġini għall-importazzjonijiet. Iċċaħħad lill-produtturi tal-KE ta’ merkanzija għall-konsumatur li l-oriġini tagħha huwa sensittiv milli jirrealizzaw il-benefiċċji assoċjati mal-produzzjoni fil-Komunità Ewropea, u qed tintilef opportunità sabiex tipprevjeni b’mod aktar effettiv id-dikjarazzjonijiet ta’ l-oriġini foloz/jew qarrieqa. Il-KE qegħda għalhekk titlef l-opportunità biex ittejjeb it-tagħrif lill-konsumatur dwar l-oriġini ta’ ċerti prodotti li jista' jkun ukoll utli fl-infurzar tad-direttiva msemmija qabel. L-abbozz tar- regolament attwali għandu l-għan li jindirizza dawn in-nuqqasijiet.

L-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-KE, bħalma huma l-Kanada, iċ-Ċina, il-Ġappun, u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, diġà qed jimponu l-marka ta’ l-oriġini fuq merkanzija importata. L-esportaturi tal-KE jridu jaqblu ma' dawk ir-rekwiżiti u jridu jimmarkaw il-prodotti tagħhom. Il-proposta attwali għalhekk tpoġġi lill-KE fuq l-istess livell ma’ l-imsieħba kummerċjali billi tħejji leġiżlazzjoni ekwivalenti.

In-nuqqas ta’ definizzjoni komuni ta’ l-oriġini għall-għanijiet ta' l-immarkar, ta' regoli ta' l-immarkar u ta' regoli komuni fuq kontrolli jeffettwa mhux biss lill-konsumaturi, li jistgħu jiġu mqarrqa rigward l-oriġini ta' l-akkwisti tagħhom, jew it-tagħrif imċaħħad dwar l-oriġini tal-merkanzija importata, iżda wkoll lill-kompetittività ta’ l-industrija tal-KE.

Il-marka ta’ l-oriġini għandha tgħin ukoll biex tħares ir-reputazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja li hija imċappsa b’dikjarazzjonijiet ta’ l-oriġini mhux eżatti jew kjarament qarrieqa.

Il-marka ta’ l-oriġini għandha tiffaċilita l-għażla tal-konsumatur, u tikkontribwixxi fit-tnaqqis ta' dikjarazzjonijiet foloz ta' l-oriġini. It-titjib fit-trasparenza u t-tagħrif lill-konsumatur dwar l-oriġini tal-merkanzija għandu wkoll jikkontribwixxi għall-għan fl-aġenda ta’ Liżbona ta' tisħiħ fil-kompetittività tal-prodotti Ewropej li attwalment qegħdin isofru minn kompetizzjoni inġusta fis-suq.

Ir-regolament jagħżel definizzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini bbażata fuq ir-regoli ta’ l-oriġini mhux preferenzjali tal-KE, kif applikat għall-għanijiet doganali oħra. L-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-oriġini mhux preferenzjali tal-KE għall-kwistjonijiet tal-marka ta’ l-oriġini hija konsistenti ma’ l-impenji tal-KE idderivati mill-Ftehim tad-WTO dwar ir-regoli ta’ l-oriġini.

Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż ta’ l-iskema l-ġdida, ir-Regolament jillimita r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-immarkar ta’ prodotti għal minimu meħtieġ biex jiżgura li l-marka ta’ l-oriġini tintgħaraf u tinftiehem faċilment mill-konsumatur, iżda li fl-istess ħin ma tkunx tista' tiġi mibdula jew iffalsifikata faċilment. Rigward il-verżjoni tal-lingwa, ir-Regolament jagħti l-għażla li jintużaw il-kelmiet “magħmul fi” jew espressjonijiet simili f’kull lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, li jinftiehmu mix-xerrej aħħari.

Waqt li jirrikonoxxi li l-mezzi speċifiċi ta’ l-iffissar ta’ marka ta’ l-oriġini jistgħu jiddependu mit-tip ta’ prodott, ir-Regolament jintitola lill-Kummissjoni biex tirregola aktar dan l-aspett. Waqt li jqis li setturi oħrajn jistgħu jkunu interessati li jissieħbu fl-iskema ta’ l-immarkar ta’ l-oriġini, jew li l-marka ta’ l-oriġini tista’ titqies bħala anqas rilevanti għal oħrajn, ir-Regolament jintitola lill-Kummissjoni wkoll li tinkludi jew li trażżan is-setturi.

2005/0254 (ACC)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Billi:

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti industrijali importati, esklużi prodotti tas-sajd u akwakultura kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti tas-sajd u l-akwakultura[2], u esklużi wkoll il-prodotti ta’ l-ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari u li jistipula l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel[3].

2. L-assenza ta’ regoli Komunitarji u d-differenzi bejn is-sistemi fis-seħħ fl-Istati Membri, rigward l-indikazzjoni ta’ ċerti prodotti dwar il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, wasslet għal sitwazzjoni fejn f’għadd ta’ setturi, parti ewlenija tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi u distribwiti fi ħdan is-suq Komunitarju jinsabu mingħajr l-ebda tagħrif jew li għandhom tagħrif qarrieqi rigward il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom.

3. Is-sinifikat ekonomiku tal-marka ta’ l-oriġini għad-deċiżjoni tal-konsumatur u għall-kummerċ huwa rikonoxxut mill-prassi ta’ sħab kummerċjali ewlenin oħrajn li daħħlu r-rekwiżiti obbligatorji tal-marka ta’ l-oriġini. L-esportaturi fil-Komunità jridu jkunu konformi ma' dawk ir-rekwiżiti u għandhom jimmarkaw l-oriġini fuq il-prodotti li jixtiequ jesportaw lil dawn is-swieq.

4. IL-Komunitajiet Ewropej għandhom jitpoġġew fuq termini indaqs ma’ l-imsieħba kummerċjali billi jħejju leġiżlazzjoni ekwivalenti li tkun tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-prevenzjoni ta’ klejms ta’ l-origini foloz jew qarrieqa ta’ ċerti prodotti importati.

5. Skond id-Direttiva 2005/29.KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li tikkonċerna prassi kummerċjali inġusta bejn in-negozji u l-konsumaturi fis-suq intern[4], il-konsumaturi jistgħu jorbtu valur kummerċjali mat-tagħrif dwar l-oriġini ġeografika ta’ prodott. Skond dik id-Direttiva, fejn tagħrif falz jew qarrieqi dwar l-oriġini ġeografika jwassal biex konsumatur jixtri prodott li ma kienx bi ħsiebu jixtri, dan jista' jikkostitwixxi prassi kummerċjali inġusta. Din id-direttiva ma tagħtix mandat li t-tagħrif dwar l-oriġini ġeografika tal-merkanzija għandu jkun ipprovdut, u lanqas ma tiddefinixxi l-kunċett ta’ oriġini.

6. Il-ħolqien ta’ definizzjoni komuni ta’ l-oriġini għall-għanijiet ta’ mmarkar, ta’ regoli ta’ l-immarkar, u ta’ regoli komuni dwar kontrolli għandu għalhekk joħloq bilanċ ġust, jiffaċilita l-għażla għall-konsumatur fis-setturi koperti, u jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-livelli ta’ klejms qarrieqa dwar l-oriġini.

7. It-tnedija ta' marka ta' l-oriġini tista tikkontribwixxi biex tħaddem l-istandards Komunitarji favur l-industrija Komunitarja, speċjalment l-intrapriżi zgħar u ta’ daqs medju. Għandha tgħin ukoll biex tħares ir-reputazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja milli tiċċappas bi klejms ta’ oriġini mhux eżatti. Titjib fit-trasparenza kif ukoll tagħrif lill-konsumatur dwar l-oriġini tal-prodotti għandhom għalhekk jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ l-aġenda ta’ Liżbona.

8. L-Artikolu IX tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 jistipula li l-membri tad-WTO jistgħu jadottaw u jinfurzaw liġijiet u regolamenti li għandhom x’jaqsmu mal-marka ta’ l-oriġini ta’ l-importazzjonijiet, notevolment biex iħarsu lill-konsumaturi kontra indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa.

9. Taħt il-Ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija, u l-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa meħtieġ li jiġu esklużi l-prodotti li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi mill-ambitu tar-Regolament attwali.

10. Il-regoli ta’ l-oriġini mhux preferenzjali tal-Komunità Ewropea huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità[5] u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità[6]. Ikun aħjar li wieħed joqgħod fuq dawn ir-regoli ta’ l-oriġini biex jiddetermina l-oriġini tal-merkanzija importata għall-għan ta’ dan ir-regolament. L-użu ta’ kunċett li miegħu l-operaturi u l-amministraturi kummerċjali huma familjari sew għandu jiffaċilita aktar l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu. Ir-regoli ta’ l-oriġini mhux preferenzjali għandhom jiġu applikati għall-għanijiet kollha ta’ politika kummerċjali mhux preferenzjali. Id-duplikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u dokumentazzjoni għandha tiġi evitata.

11. Sabiex il-piż fuq l-industrija, l-kummerċ u l-amministrazzjoni jkun limitat, l-immarkar ta’ l-oriġini għandu jsir obbligatorju għal dawk is-setturi li għalihom il-Kummissjoni, fil-każijiet ta’ konsultazzjoni li saret qabel, sabet li kien hemm il-valur miżjud. Għandha ssir dispożizzjoni għal adattament ħafif ta’ l-ambitu settorjali ta’ dan ir-Regolament. Għandha wkoll tingħata attenzjoni għall-eżenzjoni ta’ prodotti speċifiċi għal raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi jew fejn il-marka ta’ l-oriġini mhijiex għaldaqstant meħtieġa għall-għan ta’ dan ir-Regolament. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari fejn il-marka ta’ l-oriġini tista tħassar il-prodotti kkonċernati, jew fil-każ ta’ ċerti materji prima.

12. Għandha tingħata attenzjoni li d- data dwar l-oriġini tal-prodotti iġġenerata u/jew ivverifikata matul il-kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti tista’ tiġi skambjata, inkluż ma’ l-awtoritajiet u ma’ persuni u organizzazzjonijiet oħrajn, li għalihom l-Istati Membri jipprevedu rwol ta’ infurzar skond id-Direttiva 2005/29/KE. Għandhom jitqiesu l-ħarsien tad- data personali, is-segretezza kummerċjali u industrijali, u l-kunfidenzjalità professjonali u amministrattiva.

13. Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri implementattivi konferiti fuq il-Kummisjoni[7].

14. Oġġetti fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi għall-użu personali għandhom jiġu eżentati mill-applikazzjoni tar-Regolament preżenti fi ħdan il-limiti stipulati fir-rigward tar-riljiev mid-dazju doganali, u jekk ma hemmx indikazzjonijiet li juru li l-oġġetti huma parti mit-traffiku kummerċjali. Għandha tingħata attenzjoni li anke l-każijiet l-oħra koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 918/83 tat-28 ta’ Marzu 1983 li joħloq sistema Komunitarja tar-reljiev mid-dazju doganali jistgħu ukoll jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1. Dan ir-regolament għandu japplika għal prodotti industrijali għajr għas-sajd u l-prodotti ta’ akwakultura kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000, u għal prodotti ta’ l-ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2. Il-prodotti li jeħtieġu l-marka huma dawk imniżżla fl-Anness ta' dan ir-Regolament, u dawk importati minn pajjiżi terzi, għajr prodotti li joriġinaw fit-Territorju tal-Komunitajiet Ewropej, fil-Bulgarija, fit-Rumanija, fit-Turkija, u fil-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim taż-ŻEE.

Il-prodotti jistgħu jiġu eżentati mill-marka ta’ l-oriġini, meta, għal raġunijiet tekniċi jew kummerċjali, jidher li jkun impossibbli li jiġu mmarkati.

3. It-termini ‘oriġini’ u ‘li joriġinaw’ għandhom jirreferu għall-oriġini mhux preferenzjali skond l-Artikoli 22 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

4. ‘It-tqegħid fuq is-suq’ għandu jfisser tagħmel disponibbli fis-suq Komunitarju prodott individwali intenzjonat għall-użu aħħari, bil-ħsieb ta’ tqassim u/jew użu, sew jekk bi ħlas jew mingħajr.

5. ‘Awtoritajiet kompetenti’ għandha tfisser l-awtoritajiet involuti fil-kontroll tal-prodotti jew fil-waqt ta’ l-importazzjoni jew meta dawn it-tali prodotti jitpoġġew fuq is-suq.

6. Dan ir-Regolament m’’għandux japplika għal prodotti ta’ natura mhux kummerċjali li jinstabu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi fi ħdan il-limiti stipulati fir-rigward ta’ riljiev mid-dazji doganali, u jekk ma hemmx indikazzjonijiet materjali li jissuġġerixxu li l-prodotti huma parti mit-traffiku kummerċjali.

Fejn il-merkanzija importata tingħata eżenzjoni mid-dazji ta’ l-importazzjoni skond ir-Regolament (KEE) Nru 918/83 [8] , u ma hemm l-ebda indikazzjonijiet materjali li jissuġġerixxu li l-merkanzija hija parti mit-traffiku kummerċjali, din il-merkanzija tista’ wkoll tiġi eskluża mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2), biex tiddetermina l-kategoriji speċifiċi ta’ prodotti li għalihom għandu japplika l-paragrafu 6.

Artikolu 2

L-importazzjoni jew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti għandha tkun suġġetta għall-marka ta’ l-oriġini taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 3

1. Il-pajjiż ta’ l-oriġini għandu jiġi mmarkat fuq dawn il-prodotti. Fil-każ fejn il-prodotti huma ppakkeġġjati, il-marka għandha ssir separatament fuq il-pakkett.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2), biex tiddetermina każijiet fejn il-marka fuq il-pakkett għandha tiġi aċċettata minflok ma ssir marka fuq il-merkanzija nnifisha. Dan għandu, b’mod partikolari, ikun il-każ meta l-merkanzija normalment tilħaq il-konsumatur finali jew l-utenti meta tkun ippakkeġġata bħas-soltu.

2. Il-kliem "magħmula fi” flimkien ma’ l-isem tal-pajjiż ta’ l-oriġini għandu jndika l-oriġini tal-merkanzija. Il-marka tista ssir fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li tinftiehem faċilment mill-klijent finali fl-Istat Membru li fih il-merkanzija se titpoġġa fuq is-suq.

3. Il-marka ta’ l-oriġini għandha tidher f’karattri ċari li jinqraw u li ma jitħassrux, għandha tkun tidher waqt il-maniġġ normali, distinta b’mod ċar minn tagħrif ieħor, u tkun preżenti b’tali mod li ma jkunx qarrieqi jew li jista’ joħloq impressjoni falza rigward l-oriġini tal-prodott.

4. Il-merkanzija għandu jkollha l-marka mitluba ma' l-importazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda skond l-Artikolu 5 paragrafu 3, il-marka ma tistax titneħħa jew tiġi mbagħbsa sakemm il-merkanzija tkun inbiegħet lill-konsumatur jew lill-utent finali.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2), b’mod partikolari, biex:

- Tidditermina il-forma fid-dettal u l-modalitajiet tal-marka ta’ l-oriġini.

- Tistabbilixxi lista ta’ termini fil-lingwi kollha Komunitarji li jesprimu b’mod ċar li l-merkanzija toriġina fil-pajjiż indikat fuq il-marka.

- Tiddetermina l-każijiet fejn taqsiriet użati ta’ spiss jindikaw unikament il-pajjiż ta’ l-oriġini u jistgħu jintużaw għall-għan ta’ dan ir-Regolament.

- Tiddetermina l-każijiet fejn il-merkanzija ma tistax jew m’għandhiex għalfejn tiġi mmarkata għal raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi

- Tiddetermina regoli oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa meta l-merkanzija tinstab li ma tkunx konformi ma’ dan ir-regolament

- Taġġorna l-Anness ta’ dan ir-Regolament fejn l-evalwazzjoni inbidlet rigward jekk il-marka ta’ l-oriġini hijiex meħtieġa għal settur speċifiku.

Artikolu 5

1. Il-merkanzija mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament, jekk:

- M’għandhiex marka ta’ l-oriġini.

- Il-marka ta’ l-oriġini ma tikkorrispondix ma’ l-oriġini tal-merkanzija.

- Il-marka ta’ l-oriġini tbiddlet jew tneħħiet, jew ġiet imbagħbsa, għajr fejn kienet meħtieġa l-korrezzjoni skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2. Il-Kummissjoni tista’ tadotta aktar miżuri ta’ implimentazzjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2) rigward dikjarazzjonijiet u dokumenti rilevanti li jistgħu jitqiesu li huma konformi mar-Regolament preżenti.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Il-penali li hemm provvediment dwarhom għandhom ikunu effettivi, propozjonati u disswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 9 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikaw dan mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li taffetwahom.

4. Fejn il-merkanzija mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom flimkien ma’ dan, jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jitolbu lil sid il-merkanzija jew lil kull persuna oħra responsabbli għaliha li jimmarka din il-merkanzija skond ir-Regolament u għall-ispiża tiegħu/tagħha.

5. Fejn meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiskambjaw id- data riċevuta meta jikkontrollaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż ma’ l-awtoritajiet u ma’ persuni oħra jew ma' organizzazzjonijiet li ġew mogħtija s-setgħa mill-Istati Membri skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/29/KE.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Marka ta’ l-Oriġini (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’).

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea . L-Artikoli 2, 3 u 5 għandhom japplikaw għal 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perjodu għaż-żmien meħtieġ għall-operaturi biex ipoġġu fil-prattika ir-rekwiżiti tal-marka ta’ l-oriġini stipulati mid-dispożizzijonijiet ta’ implimentazzjoni, li fl-ebda każ m’għandu jkun inqas minn sitt xhur.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Il-prodotti li għalihom ghandu japplika dan ir-Regolament huma ddefiniti bil-kodiċi tan-NM tagħhom.

Kodiċi tan-NM | Deskrizzjoni |

4104 41 / 4104 49 / 4105 30 / 4106 22 / 4106 32 / 4106 40 / 4106 92 / 4107 to 4114 / 4302 13 / ex4302 19 (35, 80) | Qoxra u Ġilda Maħduma Lesta |

4008 21 / 4008 11 / 4005 99 / 4204 / 4302 30 (25, 31) 8308 10(00) / 8308 90(00) / 9401 90 / 9403 90 | Tkaken, Qigħan, Żagarelli, Partijiet, sintetiċi, oħrajn |

4201 / 4202 / 4203 / 4204/ 4205 / 4206 | Oġġetti ta’ sarraġ u xedd, oġġetti għas-safar, boroż ta’ l-idejn u kontenituri simili, oġġetti tal-korda tal-musrana (għajr musrana tad-dudu tal-ħarir) |

4303 / 4304 | Oġġetti ta’ l-ilbies u aċċessorji tal-ħwejjeġ u oġġetti oħra tal-fer, fer artifiċjali u oġġetti magħmula minnu |

Ch 50 - 63 | Tessuti u oġġetti tat-tessuti |

6401 / 6402 / 6403 / 6404 / 6405 / 6406 | Xedd tas-saqajn, gettijiet u bħalhom |

6907 / 6908 / 6911 / 6912 / 6913 / 691490100 | Prodotti taċ-ċeramika |

7013 21 11 / 7013 21 19 / 7013 21 91 / 7013 21 99 / 7013 31 10 / 7013 31 90 / 7013 91 10 / 7013 91 90 | Oġġetti tal-ħġieġ ta’ tip użati għall-mejda, kċina, twaletta, uffiċċju, tiżjin ta’ ġewwa jew għanijiet simili (għajr dawk ta’ titolu 7010 jew 7018) ta’ kristall taċ-ċomb. |

7113/7114/7115/7116 | Oġġetti ta’ ġojjelli u bċejjeċ tagħhom, ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż, Oġġetti ta’ arġentiera jew ta’ min jaħdem il-fidda u bċejjeċ tagħhom, ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż, Oġġetti oħra ta’ metall prezzjuż miksi b’metall prezzjuż, Oġġetti ta’ perli naturali jew kultivati, ħaġar prezzjuż jew semi-prezzjuż (naturali, artifiċjali jew rikostrutt) |

Ch. 94 | Għamara, friex, imtieraħ, kuxxini, lampi u tagħmir tad-dawl, sinjali tad-dawl u oħrajn bħalhom, bini pprefabbrikat. |

9603 | Xkupi, pniezel (inklużi pniezel li jagħmlu parti minn magni, tagħmir jew vetturi), kenniesa ta’ l-art mekkaniċi mħaddmin bl-idejn, mingħajr mutur, moppijiet u pniezel tat-tfarfir tar-rix; għoqod u trofof imħejjijin għall-manifattura ta’ xkupi jew pniezel; pads u rombli taż-żebgħa; squeegees (għajr squeegees bir-romblu) |

[1] ĠU C [...], [...], p. [...].

[2] ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

[3] ĠU L 31, 1.2.2002, p.1.

[4] ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

[5] ĠU L 302, 19.10.1992, p.1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.

[6] ĠU L 253, 11.10.1993, p.1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 837/2005 (ĠU L 139, tat-2.6.2005, p. 1).

[7] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[8] ĠU L 105, 23.4.1983, p. 1 Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni 2003.