Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) /* KUMM/2005/0650 finali - COD 2005/0261 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 15.12.2005 KUMM(2005) 650 finali 2005/0261 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Sfond u għan tal-proposta Il-Konvenzjoni ta’ Brussell ta’ l-1968 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali fiha għażliet li jippermettu lil min jagħmel it-talba li jagħżel fost ħafna qrati, u dan joħloq ir-riskju li parti tagħżel il-qrati ta’ Stat Membru u mhux dawk ta’ xi ieħor għall-unika raġuni li l-liġi applikabbli f’dan l-Istat Membru tkun aktar favorevoli fir-rigward tagħha. Biex jitnaqqas dan ir-riskju, fl-1980 l-Istati Membri ffirmaw, fuq l-istess bażi legali, il-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. It-Trattat ta’ Amsterdam ta nifs ġdid lil-liġi internazzjonali privata tal-Komunità. Il-Komunità adottat ukoll b’mod partikolari fuq din il-bażi legali, ir-Regolament ta’ “Brussell I”[1], li ħa post il-Konvenzjoni ta’ Brussell ta’ l-1968 fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Nhar it-22 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali ("Ruma II")[2]. Issa, il-Konvenzjoni ta’ Ruma hija l-unika strument fil-qasam tal-liġi internazzjonali privata fil-livell tal-Komunità li għad għandu l-forma ta’ Trattat Internazzjonali. L-iżvantaġġi li dan jippreżenta huma inqas ġustifikati minħabba li l-istrumenti ta’ “Brussell I”, “Ruma II” u l-Konvenzjoni ta' Ruma ta’ l-1980 jiffurmaw totalità inseparabbli, li jindirizzaw ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata fil-materji ta’ l-obbligi, kuntrattwali u mhux kuntrattwali, ta’ natura ċivili u kummerċjali, fuq il-livell tal-Komunità. 1.2. Motivazzjoni tal-Proposta L-importanza tal-kompatibilità tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet biex jitlaħaq l-għan tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ġiet rikonoxxuta fil-pjan ta’ azzjoni ta’ Vjenna[3]. Il-Programm għar-rikonoxximent reċiproku[4] ta’ l-2000 jistabbilixxi miżuri dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet bħala miżuri kumplimentari, li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Iktar reċentement, il-Kunsill Ewropew[5] fakkar fil-Programm ta’ l-Aja li l-ħidmiet fil-qasam tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-obbligi kuntrattwali (“Ruma I”) għandhom jiġu “promossi b’determinazzjoni” . Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm jipprevedi l-adozzjoni ta’ proposta “Ruma I” għall-2005[6]. 2. RIżULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI U TA’ ISTITUZZJONIJIET OħRAJN – ANALIżI TA’ L-IMPATT Din il-proposta hija s-segwitu ta’ konsultazzjoni usa’ ma’ l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet l-oħrajn u s-soċjetà ċivili, partikolarment fil-qafas tal-Green Paper ta’ l-14 ta’ Jannar 2003[7], wara seduta pubblika fi Brussell fis-7 ta’ Jannar 2004. Il-madwar 80 risposta fil- Green Paper [8], li waslu mill-gvernijiet, mill-universitajiet, mill-professjonijiet legali, u minn atturi ekonomiċi differenti, ikkonfermaw li l-Konvenzjoni ta’ Ruma mhix biss strument magħruf sew, iżda wkoll apprezzat ħafna mill-oqsma kkonċernati li fil-parti l-kbira tagħhom esprimew ruħhom favur il-bidla tagħha f'Regolament tal-Komunità, waqt li kkonfermaw il-bżonn li jiġu mmodernizzati xi wħud mir-regoli tagħha. Barra minn hekk, fl-4 u l-5 ta’ Novembru 1999, il-Kummissjoni diġà organizzat seduta pubblika intitolata “Kummerċ elettroniku”: ġurisdizzjoni u liġi applikabbli”, fejn irċiviet madwar 75 kontribut bil-miktub. Fl-opinjonijiet tagħhom datati fid-29 ta’ Jannar[9] u fit-12 ta’ Frar 2004[10] rispettivament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Parlament Ewropew iddikjaraw ruħhom favur il-bidla tal-Konvenzjoni f’Regolament tal-Komunità kif ukoll l-immodernizzar tagħha. Fis-17 ta’ Frar 2005, esperti mill-Istati Membri ltaqgħu biex jeżaminaw abbozz preliminari għal Regolament "Ruma I” ippreparat mis-servizzi tal-Kummissjoni. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt limitat ta’ din il-proposta fuq il-qafas leġiżlattiv eżistenti u l-oqsma kkonċernati, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma twettaqx analiżi ta’ l-impatt formali. Fil-fatt, il-proposta m’għandhiex l-għan li toħloq sett ġdid ta’ regoli legali, iżda li tibdel il-Konvenzjoni eżistenti fi strument tal-Komunità. Barra minn hekk, l-emendi li saru jippermettu li jiġu modernizzati ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kif ukoll jagħmluhom aktar ċari u preċiżi u b’hekk tissaħħaħ is-sigurtà legali, mingħajr ma jiġu introdotti elementi ġodda li jistgħu iwasslu għal tibdil sostanzjali fis-sistema legali eżistenti. Għall-emendi kollha introdotti, it-tendenza adottata tieħu f’kunsiderazzjoni r-riżultati tal-bosta konsultazzjonijiet organizzati mill-Kummissjoni f’dan il-fajl, aċċessibbli għall-pubbliku. Għal aktar dettalji li jikkonċernaw in-natura ta’ l-impatt ta’ l-emendi introdotti, għandha ssir referenza għall-kummentarji speċifiċi dwar kull Artikolu (punt 4.2, hawn taħt). 3. ASPETTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi legali Ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet ġejjin, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, mill-Artikolu 61, punt c) TKE. Skond l-Artikolu 67 TKE, kif ġie emendat bit-Trattat ta’ Nizza, ir-Regolament għandu jiġi adottat skond il-proċedura ta’ kodeċiżjoni ta’ l-Artikolu 251 TKE. L-Artikolu 65, punt b) jispeċifika li: “ Il-Miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili ..., li għandhom jittieħdu ... għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, għandhom jinkludu: ... il-promozzjoni tal-kumpatibilità tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri li jikkonċernaw il-kunflitt bejn il-liġijiet ...”. Il-leġiżlatur tal-Komunità għandu għalhekk grad ta’ diskrezzjoni biex jiddetermina jekk miżura hijiex neċessarja għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. L-armonizzazzjoni tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet f’materji ta’ obbligi kuntrattwali hija neċessarja għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. It-titolu IV tat-TKE, li minnu ġejja l-materja koperta f’din il-proposta, ma japplikax għad-Danimarka skond il-Protokoll li jikkonċernaha. Dan ma japplikax ukoll għall-Irlanda u r-Renju Unit, ħlief jekk dawn il-pajjiżi ma jeżerċitawx il-fakultà tagħhom li jingħaqdu f’din l-inizjattiva fil-kondizzjonijiet definiti mill-Protokoll anness mat-Trattat. 3.2. Prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità L-għan tal-proposta, jiġifieri l-adozzjoni tar-regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali sabiex tkun żgurata previżjoni aħjar fid-deċiżjonijiet ta’ ġustizzja fil-materja, ma jistax jitwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti ta’ l-azzjoni, jiġi mwettaq aħjar fuq livell komunitarju. B’konsegwenza ta’ dan, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Barra minn hekk, billi tissaħħaħ is-sigurtà legali mingħajr ma jkun hemm l-eżiġenza ta’ armonizzazzjoni tal-liġi materjali tal-kuntratti, it-teknika ta' l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità msemmi f’dan l-Artikolu. Il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, f’punt 6 jistipula li “ mutatis mutandis..., għandha tingħata l-preferenza lid-Direttiva aktar milli lir-Regolamenti. ” Għal din il-proposta, madankollu jirriżulta li r-Regolament huwa l-istrument l-aktar xieraq għax id-dispożizzjonijiet tiegħu jistabbilixxu regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli, dettaljati, preċiżi u mhux kundizzjonali u li ma jeħtieġu l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali. Kieku għall-kuntrarju, l-Istati Membri kellhom il-flessibbilità għat-traspozizzjoni tal-liġijiet, kien jerġa’ jiġi introdott in-nuqqas ta’ sigurtà legali li l-proposta għandha telimina. 4. EżAMINAZZJONI TAD-DISPOZIZZJONIJIET TAL-PROPOSTA 4.1. Adattamenti marbutin man-natura ta’ l-istrument Minbarra l-emendi ta’ sostanza (punt 4.2), differenzi evidenti f’dik li hi n-natura legali bejn il-Konvenzjoni ta’ Ruma (minn issa ’l quddiem “il-Konvenzjoni”) u r-Regolament jiġġustifikaw ċertu numru ta’ adattamenti: minbarra dawk purament formali, hemm per eżempju, il-possibilità għall-Istati kuntrattwali li jesprimu riżervi (Artikolu 22), jadottaw regoli ġodda ta’ kunflitt wara proċedura ta’ notifika (Artikolu 23) jew tad-dewmien limitat taż-żmien tal-Konvenzjoni (Artikolu 30). Bl-istess mod, iż-żewġ Protokolli annessi mal-Konvenzjoni li jikkonċernaw l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, m’hemmx bżonnhom aktar. 4.2. Adattamenti bl-għan li jimmodernizzaw ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ruma Fid-dawl ta’ dan ix-xebh bejn il-Konvenzjoni u r-Regolament propost, l-eżaminazzjoni tad-dispożizzjonijiet tillimita ruħha għall-emendi sostantivi li saru lill-Konvenzjoni. Artikolu 1 – Skop L-emendi proposti jaraw li l-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-istrument ġejjieni “Ruma I” ikun jaqbel mar-Regolament “Brussell I”, u li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-ħidmiet tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-proġett “Ruma II”. Il-punt (e) jikkonferma l-esklużjoni tal-ftehim arbitrarju u l-ftehim dwar l-għażla tal-qorti, minħabba li l-maġġornaza tar-risposti fil- Green Paper ikkunsidraw li ta’ l-ewwel diġà jagħmel parti minn Regolament sodisfaċenti fuq il-livell internazzjonali waqt li l-kwistjoni tal-liġi applikabbli fil-klawsola ta' ġurisdizzjoni għandha, fuq medda ta’ żmien fit-tul, tiġi ddeterminata mir-Regolament “Brussell I”. Il-punt (f) igħaqqad f’regola waħda l-punt (e) kif ukoll l-elementi li għandhom x’jaqsmu mal-liġi tal-kumpaniji f’punt (f) tal-Konvenzjoni. L-ewwel frażi ta' punt (f) tal-Konvenzjoni tneħħiet minħabba l-introduzzjoni ta' regola speċifika fil-materja tar-rappreżentazzjoni (Artikolu 7). Punt (i) jipproponi definizzjoni ta’ l-obbligi prekuntrattwali li, skond il-kontribuzzjonijiet, jikkonfermaw l-analiżi tal-maġġoranza tas-sistemi legali fl-Unjoni kif ukoll il-kunċett restrittiv tal-kuntratt adottat mill-Qorti fil-ġudizzji tiegħu dwar l-Artikolu 5, paragrafu 1, tar-Regolament “Brussell I”: għall-għanijiet tal-liġi internazzjonali privata, dawn jikkwalifikaw bħala delitti u jibbażaw fuq l-istrument ġejjieni “Ruma II". Artikolu 2 – Applikazzjoni tal-liġi ta’ pajjiż terz Minn diskussjonijiet dwar il-proġett “Ruma II” jirriżulta li t-Titolu ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi li jitkellmu dwar in-“ natura universali ” huwa sors ta' konfużjoni: għalhekk, deher utli li jiġi emendat għal raġunijiet ta’ kjarifika. Artikolu 3 – Libertà ta’ l-għażla L-emendi proposti għall-paragrafu 1, frażijiet 2 u 3, jistiednu lill-imħallef biex ifittex l-għażla taċita minflok l-għażla purament ipotetika: dawn jissuġġerixxu li tittieħed f’kunsiderazzjoni l-imġieba tal-partijiet, min-naħa waħda, u jippruvaw jikkjarifikaw ir-rwol ta’ l-għażla tal-qorti, min-naħa l-oħra, b’tali mod li tissaħħaħ il-previżjoni tal-liġi. Biex tissaħħaħ aktar l-awtonomija ta’ l-għażla, meqjusa bħala prinċipju importanti fil-Konvenzjoni, il-paragrafu 2 jawtorizza lill-partijiet biex jagħżlu, bħala liġi applikabbli, liġi li mhijiex ta’ l-Istat. Il-formulazzjoni magħżula tara kif tawtorizza partikolarment l-għażla tal-prinċipji UNIDROIT, tal- Principles of European Contract Law jew ta’ xi strument fakultattiv tal-Komunità li jista’ jinħoloq fil-futur, waqt li tibbrojbixxi l-għażla tal- lex mercatoria , li mhix biżżejjed preċiża, jew tal-kodiċi privati li ma jkunux rikonoxxuti biżżejjed mill-Komunità Internazzjonali. Fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 7, paragrafu 2, tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-bejgħ internazzjonali tal-merkanziji, it-test jindika kif wieħed għandu jipproċedi meta ċerti aspetti tal-liġi tal-kuntratti mhumiex sfidati apposta mil-liġi mhux Statali magħżula. Il-paragrafu 4 jikkonċerna l-ipotesi tal-“frodi tal-liġi”, li fiha għandhom japplikaw mhux biss id-dispożizzjonijiet imperattivi internazzjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 8, iżda wkoll ir-regoli imperattivi fis-sens tal-liġi interna ta’ sistema legali. Il-paragrafu 5 huwa dwar il-prevenzjoni tal-frodi tal-liġi tal-Komunità. Artikolu 4 – Liġi applikabbli f’nuqqas ta’ għażla Ir-regola tal-Konvenzjoni, jiġifieri l-applikazzjoni tal-liġi tar-residenza normali tal-parti li tkun se twettaq il-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt, tinżamm iżda l-emendi proposti jaraw li jsaħħu s-sigurtà legali permezz tal-bidla ta' suppożizzjonijiet f’regoli fissi, min-naħa waħda, u li titneħħa l-klawsola ta’ eċċezzjoni min-naħa l-oħra. Fil-fatt, minħabba li l-libertà ta’ l-għażla hija l-pediment ta’ l-istrument, huwa xieraq li r-regoli applikabbli f’nuqqas ta’ għażla jkunu preċiżi u previdibbli kemm jista’ jkun sabiex il-partijiet jistgħu jsiru jafu jekk ikunux jixtiequ jeżerċitaw din il-libertà. Fir-rigward tas-soluzzjonijiet adottati għall-kategoriji differenti ta’ kuntratti, dawk biss proposti fil-punti (g) u (h) kienu suġġetti għal diskussjonijiet, saħansitra għal deċiżjonijiet tal-qorti fl-Istati Membri fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni tal-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt. Is-soluzzjonijiet adottati huma spjegati mill-fatt li l-liġi materjali tal-Komunità tara li tipproteġi l-konċessjonaru u d-distributur bħala partijiet dgħajfa. Fil-paragrafu 2, il-kriterju tal-"prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt" tibqa' rilevanti għall-kuntratti li għalihom paragrafu 1 ma jistabbilixxix regola speċifika, per eżempju għall-kuntratti kumplessi li ma jaqgħux taħt definizzjoni sempliċi jew għall-kuntratti li fihom il-partijiet jakkwistaw prestazzjonijiet reċiproċi li jistgħu jitqiesu kollha bħala karatteristiċi tal-kuntratt. Artikolu 5 –Kuntratti ta’ konsum Paragrafu 1 jipproponi regola ta’ kunflitt ġdida, sempliċi u prevedibbli, li tikkonsisti biss fl-applikazzjoni tal-liġi tar-residenza normali tal-konsumatur, mingħajr ma tiġi emendata fis-sustanza l-flessibilità tal-professjonist waqt it-tfassil tal-kuntratti. Fil-fatt, is-soluzzjoni tal-Konvenzjoni kienet suġġetti għal kritika fil-qafas tal- Green Paper għar-raġuni li ħafna drabi twassal għal “soluzzjonijiet ibridi” – jiġifieri l-applikazzjoni simultanja tal-liġi tal-professjonist u tad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi tal-konsumatur. F’każ ta’ tilwim, din is-soluzzjoni kumplessa timplika spejjeż ta’ proċedura supplimentari, li huma inqas ġustifikati minħabba li t-talba tal-konsumatur għandha t-tendenza li tkun iżgħar. Fost iż-żewġ soluzzjonijiet possibbli biex tiġi evitata s-soluzzjoni mħallta – l-applikazzjoni tal-liġi tal-professjonist fl-integrità tagħha, min-naħa waħda, u dik tal-konsumatur, min-naħa l-oħra – ta’ l-aħħar biss hija kompatibbli mal-livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur meħtieġ mit-Trattat. Din is-soluzzjoni tidher li hija ekwa wkoll fid-dawl tar-realtà ekonomika: waqt li l-konsumatur ma jagħmilx akkwisti transkonfinanti ħlief okkażjonalment, il-maġġoranza tal-professjonisti li jipprattikaw il-kummerċ transkonfinanti jistgħu jqassmu l-ispejjeż marbutin ma’ l-istudju ta’ liġi oħra fuq numru kbir ta’ operazzjonijiet. Fl-aħħarnett, fil-prattika din is-soluzzjoni ma temendax fis-sustanza s-sitwazzjoni tal-professjonist li għalih id-diffikultà waqt it-tfassil tal-kuntratti standard tinsab preċiżament fir-rispett tad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi tal-konsum; taħt il-Konvenzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet imperattivi diġà huma dawk tal-pajjiż ta’ residenza normali tal-konsumatur. Fir-rigward tal-klawsoli l-oħra, li huma għad-dispożizzjoni libera tal-partijiet, huwa fil-libertà tal-partijiet li jfasslu l-kuntratt tagħhom li għandu jkollu prijorità; għalhekk, ftit jimporta jekk dawn il-klawsoli huma bbażati fuq il-liġi ta’ parti waħda jew l-oħra. Paragrafu 2 jispeċifika l-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regola speċjali. L-ewwel frażi tfakkar li issa l-kuntrattur konġunt tal-konsumatur, kunċett irfinut mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa professjonist. Kif mixtieq mill-parti l-kbira tal-kontributuri tal- Green Paper , it-tieni frażi tieħu post il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5, paragrafi 2 u 4, punt b), tal-Konvenzjoni bil-kriterju ta “l-attività mmexxija”, li tissemma diġà fl-Artikolu 15 tar-Regolament “Brussell I”, biex jittieħed f’kunsiderazzjoni l-iżvilupp tat-tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni b’distanza, għalkemm mingħajr ma jiġi emendat fis-sustanza l-ambitu tar-regola speċjali. Fl-okkażjoni ta’ l-adozzjoni tar-Regolament “Brussell I”, dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[11] speċifikat li, biex id-dispożizzjonijiet li jipproteġu lill-konsumatur ikunu applikabbli, mhuwiex biżżejjed li intrapriża tmexxi l-attivitajiet tagħha lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur: hemm ukoll il-bżonn li kuntratt ikun ġie konkluż fi ħdan dawn l-attivitajiet. “ Is-sempliċi fatt li sit ta’ l-Internet ikun aċċessibbli mhuwiex biżżejjed biex l-Artikolu 15 isir applikabbli, ikun għadu neċessarju li dan is-sit ta l-Internet jitlob biex tintlaħaq konklużjoni tal-kuntratti b’distanza u li kuntratt jiġi effettivament konkluż b’distanza, b’kull mezz. F’dan ir-rigward, il-lingwa jew il-munita użata għal dan is-sit ta’ l-Internet mhumiex element rilevanti”. Is-siti msemmija minn din id-dikjarazzjoni mhumiex neċessarjament is-siti hekk imsejħa “interattivi”: għalhekk, sit li jitlob li tintbagħat ordni bil-faks għandu l-għan li jikkonkludi kuntratti b’distanza. Għall-kuntrarju ta’ dan, sit li jindirizza l-konsumaturi tad-dinja kollha bl-intenzjoni li jwassal informazzjoni dwar prodott iżda jibgħathom lil distributur jew aġent lokali għall-konklużjoni tal-kuntratt, m’għandux l-għan li jikkonkludi kuntratt b’distanza. Għall-kuntrarju ta’ l-Artikolu 5, paragrafu 2, tal-Konvenzjoni, ir-Regolament propost ma jeħtieġx li l-konsumatur ikun wettaq l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt fil-pajjiż ta’ residenza normali, kondizzjoni li m'għandhiex aktar sens għall-kuntratti li jiġu konklużi permezz ta' l-Internet. Għall-kuntrarju, l-aħħar frażi ta’ dan il-paragrafu tintroduċi klawsola ta’ salvagwardja biex tipproteġi lill-professjonist, per eżempju meta dan ikun aċċetta li jagħmel kuntratt ma’ konsumatur li jkun gideb dwar il-post ta’ residenza normali tiegħu; għal kuntratt li jiġi konkluż permezz ta’ l-Internet, huwa f’idejn il-professjonist li jiżgura li permezz tal-formola standard ikun jista’ jidentifika l-post ta’ residenza tal-konsumatur. Ir-Regolament propost ma fihx lista tal-kuntratti li għalihom tapplika r-regola speċjali; b’konsegwenza ta’ dan, l-ambitu tiegħu huwa mwessa' għall-kuntratti kollha li saru mal-konsumaturi, ħlief għal dawk espressament esklużi fil-paragrafu 3. Artikolu 6 – Kuntratti individwali ta’ impjieg Ir-regola bażika ta’ paragrafu 2, punt a), ġiet issupplimentata bit-termini “pajjiżi li minnhom...” sabiex tittieħed f’kunsiderazzjoni l-liġi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea fil-qafas ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament “Brussell” u tal-kunċett wiesa’ tiegħu tal-post normali ta’ impjieg. B’din l-emenda, per eżempju, tkun tista’ tiġi applikata r-regola lill-impjegati li jaħdmu abbord l-ajruplani, jekk teżisti bażi fissa li minnha huwa organizzat ix-xogħol u fejn l-impjegati jeżerċitaw obbligi oħra fir-rigward ta’ min iħaddem (reġistrazzjoni, kontroll ta’ sigurtà). Paragrafu 2, punt b), għalhekk għandu japplika iktar rarament. It-test imbagħad jagħti indikazzjonijiet kumplimentari biex jiġi determinat jekk impjegat mibgħut barra minn pajjiżu jsibx ruħu f’sitwazzjoni ta’ “assenjazzjoni temporanja”, mingħajr ma tingħata definizzjoni riġida. L-emenda titlob partikolarment lill-imħallef biex jieħu f’kunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-partijiet. Artikolu 7 - Kuntratti konklużi minn aġent Fost it-tliet relazzjonijiet legali li joħorġu minn kuntratt konkluż minn aġent – ir-relazzjoni bejn il-prinċipal u l-aġent, fuq naħa waħda, u dik bejn l-intermedjaru u terza persuna, fuq in-naħa l-oħra, u fl-aħħarnett bejn il-prinċipal u t-terza persuna – l-ewwel tnejn biss huma koperti mill-Konvenzjoni. Il-kwistjoni tas-setgħat ta’ l-aġent kienet eskluża permezz ta’ l-Artikolu 1, paragrafu 2, punt f); din l-esklużjoni hija spjegata kemm mid-diversità tar-regoli nazzjonali ta’ kunflitt waqt in-negozjat tal-Konvenzjoni kif ukoll mill-eżistenza tal-Konvenzjoni ta’ L-Aja ta’ l-14 ta’ Marżu 1978 dwar il-liġi applikabbli għall-kuntratti intermedjarji u għar-rappreżentazzjoni. Minħabba li tliet Stati Membri biss iffirmaw u/jew irratifikaw din il-Konvezjoni u minħabba li s-soluzzjonijiet nazzjonali tqarrbu, din l-esklużjoni m’għadhiex meħtieġa. Ir-Regolament propost jiġbor f’Artikolu wieħed ir-regoli kollha li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet legali li joħorġu minn kuntratt ta’ aġent. Artikolu 8 – Dispożizzjonijiet mandatorji Paragrafu 1 jipproponi definizzjoni tad-dispożizzjonijiet mandatorji internazzjonali għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 8 li huwa ispirat mill-ġurisprudenza Arblade tal-Qorti tal-Ġustizzja[12]. Punt 31 ta’ din is-sentenza jfakkar li l-inklużjoni tar-regoli nazzjonali fil-kategorija tar-regoli mandatorji ma tnaqqsilhomx mir-rispett tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat: ir-raġunijiet li jsejsu dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jittieħdu f’kunsiderazzjoni mil-liġi tal-Komunità ħlief f’eċċezzjonijiet bħal-libertajiet komunitarji stipulati fit-Trattat. Paragrafu 3 jispeċifika l-kriterji li jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni mill-imħallef biex jiddeċiedi jekk jixtieqx japplika r-regola mandatorja ta’ Stat Membru ieħor. Minħabba li r-risposti tal- Green Paper identifikaw deċiżjonijiet li ntużaw għall-kunċett tar-regoli mandatorji barranin, inkluż fl-Istati Membri li esprimew riżerva dwar l-Artikolu 7,l-ewwel § tal-Konvenzjoni, l-utilità ta’ din ir-regola tidher ikkonfermata, partikolarment minħabba li r-Regolament “Brussell I” xi kultant jipprevedi kompetenzi alternattivi; il-possibilità lill-qorti magħżula li tieħu f’kunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat Membru ieħor li jippreżenta rabtiet mill-qrib mat-tilwima u li l-qrati tagħhom setgħu kienu wkoll magħżulin minn min jagħmel it-talba jidher ukoll essenzjali f’żona ta’ ġustizzja Ewropea ta’ veru. Artikolu 10 – Validità formali tal-kuntratti Quddiem il-multiplikazzjoni tal-kuntratti konklużi b’distanza, ir-regoli fil-materja ta’ validità formali tal-kuntratti tal-Konvenzjoni jidhru restrittivi wisq. Sabiex tiġi ffaċilitata l-validità formali tal-kuntratti jew ta’ l-atti kollaterali, għandhom jiġu introdotti rabtiet alternattivi kumplimentarji. Ir-regoli speċifiċi għall-kuntratti konklużi permezz ta’ aġent ġew integrati fil-paragrafi 1 u 2. Artikolu 13 – Trasferiment tat-talbiet u subrogazzjoni konvenzjonali It-trasferiment tat-talba u s-subrogazzjoni konvenzjonali jaqdu l-istess funzjoni ekonomika, u issa huma trattati fl-istess Artikolu. Paragrafu 3 jintroduċi regola ġdida ta’ kunflitt dwar l-effetti fir-rigward tat-trasferiment tat-talba lil persuna terza; din hija s-soluzzjoni maħsuba mill-parti l-kbira tar-risposti, li ġiet meqjusa wkoll fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-UNCITRAL ta’ l-2001 dwar it-trasferimenti kummerċjali. Artikolu 14 – Subrogazzjoni legali Minħabba li s-subrogazzjoni konvenzjonali issa hija koperta mill-Artikolu 13, l-Artikolu 14 huwa riżervat għas-subrogazzjoni legali kif previst, per eżempju, meta l-assiguratur li kkumpensa l-vittma minn ħsara, huwa subrogat fid-drittijiet tal-vittma kontra dak li wettaq il-ħsara. L-emenda tieħu f’kunsiderazzjoni x-xogħlijiet tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-proposta “Ruma II”, li tara kif tispjega dan il-mekkaniżmu mhux magħruf ta’ ċerti sistemi legali f’termini aktar sempliċi. Artikolu 15 – Pluralità tad-debituri L-emenda tieħu f’kunsiderazzjoni dawn l-istess ħidmiet, sabiex tqis is-subrogazzjoni u r-responsabbiltà tad-debituri fiż-żewġ regoli separati u biex tippreżenta r-regola ta’ kunflitt fil-materja tar-responsabbiltà tad-debituri f’termini aktar sempliċi. L-aħħar frażi tara li tispeċifika s-sitwazzjoni ta' debitur li jibbenefika minn protezzjoni partikolari. Artikolu 16 – Kumpens legali Il-kontribuzzjonijiet ikkonfermaw l-analiżi tal- Green Paper dwar l-utilità ta’ regola fil-materja tal-kumpens legali, billi ġie speċifikat li l-kumpens konvenzjonali huwa, skond id-definizzjoni, sottomess għar-regoli ġenerali ta’ l-Artikoli 3 u 4. Is-soluzzjoni adottata tara li tiffaċilita l-kumpens, waqt li tirrispetta l-aspettattivi leġittimi tal-persuna li ma ħaditx l-inizjattiva tal-kumpens. Artikolu 18 – Assimilazzjoni mar-residenza normali Bħal fil-proposta “Ruma II”, l-Artikolu 18 fih definizzjoni tal-kunċett “residenza normali”, partikolarment għall-persuni legali. Artikolu 21 – Sistemi mhux unifikati Meta Stat ikollu bosta unitajiet territorjali li jkollhom ir-regoli proprji tagħhom tal-liġi materjali fil-materja ta’ l-obbligi kuntrattwali, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-kunflitti tal-liġijiet bejn dawn l-unitajiet territorjali, b’mod li jiggarantixxu l-previdibbiltà u s-sigurtà legali u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli Ewropej f’kull sitwazzjoni li timplika kunflitt tal-liġijiet. Artikolu 22 – Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Komunità Bħall-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni, l-Artikolu 22 jispeċifika r-rabta ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Komunità, Punt a) huwa dwar ir-regoli ta’ kunflitt li jinsabu fl-atti tal-liġi sekondarja tal-Komunità, f’materji partikolari li jerġgħu jissemmew fl-Anness 1. Punt b) jara kif jassigura l-koerenza ma’ strument fakultattiv li jista’ jinħoloq li jista’ jiġi elaborat fil-qafas tal-proġett “Liġi Ewropea tal-kuntratti”. Ir-rabta tar-Regolament propost mar-regoli li għandhom l-għan li jiffavorixxu l-funzjonament xieraq tas-suq intern hija koperta minn punt c). Artikolu 23 – Relazzjoni mal-Konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti L-emendi proposti jaraw li jistabbilixxu l-bilanċ xieraq bejn ir-rispett ta’ l-obbligi internazzjonali ta’ l-Istati Membri, min-naħa waħda, u l-għan ta’ żona ta’ ġustizzja ta’ veru, min-naħa l-oħra, waqt li jtejbu t-trasparenza tas-sistema legali fis-seħħ permezz tal-pubblikazzjoni tal-konvenzjonijiet li fihom l-Istati Membri huma partijiet. Paragrafu 2 jistabbilixxi r-regola tal-prinċipju, li tistipula li l-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ għandhom jgħelbu r-Regolament propost. Dan jintroduċi eċċezzjoni meta l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni huma lokalizzati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt fi Stat Membru jew aktar. Il-koeżistenza taż-żewġ sistemi paralleli – l-applikazzjoni tar-regoli tal-konvenzjonijiet għall-Istati Membri li rratifikawhom u l-applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament propost għall-oħrajn – tista’ tmur kontra l-funzjonament xieraq tas-Suq Intern. Paragrafu 3 jittratta partikolarment il-Konvenzjonijiet bilaterlai konklużi bejn l-Istati Membri l-ġodda. 2005/0261 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 61, punt c) u l-Artikolu 67, paragrafu 5, it-tieni inċiż tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[13], wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14], filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[15], Billi: (1) L-Unjoni Ewropea tat lilha nnifisha l-għan li żżomm u tiżviluppa spażju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Għal dan il-għan, il-Komunità għandha tadotta partikolarment miżuri li ġejjin mill-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, kemm ikun meħtieġ għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, u tara, fost affarijiet oħra, li tkun favorita l-kompetizzjoni tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri fil-materja tal-kunflitt tal-liġijiet. (2) Sabiex ikun hemm l-implimentazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat ta’ Amsterdam, nhar it-3 ta’ Diċembru 1998, il-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Barranin adotta pjan ta’ azzjoni dwar l-aqwa metodi ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijit tat-Trattat ta’ Amsterdam dwar l-istabbiliment ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja[16] waqt li jispeċifika l-importanza tal-kumpatibilità tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet u jitlob li ssir reviżjoni, jekk tkun meħtieġa, ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, filwaqt li jittieħdu f'kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet speċjali tar-regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet li jidhru fl-istrumenti l-oħra tal-Komunità. (3) Waqt il-laqgħa tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew approva l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet tal-ġustizzja bħala azzjoni prijoritarja għall-ħolqien ta’ żona ta’ ġustizzja Ewropea. Il-Programm tal-miżuri dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-materji ċivili u kummerċjali[17] jispeċifika li l-miżuri dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet jistabbilixxu miżuri kumplimentari li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Fil-Programm ta’ L-Aja[18], il-Kunsill Ewropew fakkar li l-ħidmiet fil-qasam tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-obbligi kuntrattwali għandhom jiġu mmexxija b’determinazzjoni. (4) Sabiex jiġi evitat ix-xkiel tal-kompetizzjoni bejn il-litiganti tal-Komunità u biex tkun favorita l-previdibilità tar-riżultati tat-tilwim, is-sigurtà legali u r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeħtieġ li r-regoli tal-kunflitti tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri jagħżlu l-istess liġi nazzjonali, tkun liema tkun il-Qorti magħżula. L-istess raġuni tmexxi l-akbar armonija bejn it-tliet strumenti li huma dan ir-Regolament, ir-Regolament tal-Kunsill 44/2001/KE tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet fil-materji ċivili u kummerċjali (“Brussell I”)[19] u r-Regolament tal-Parlament u l-Kunsill (KE) Nru [...] dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”). (5) Sabiex ikun hemm it-trasparenza tal-leġiżlazzjoni komunitarja jeħtieġ li l-akbar numri ta’ regoli tal-kunflitti tal-liġijiet ikunu miġburin fi strument wieħed jew, fin-nuqqas ta’ dan, li dan ir-Regolament ikun fih lista ta’ regoli speċjali miġburin fi strumenti settorjali. (6) L-ambitu tar-Regolamnt għandu jiġi stabbilit b’mod li jassigura l-koerenza mar-Regolament 44/2001/KE u r-Regolament tal-Parlament u l-Kunsill (KE) Nru [...] dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (“Ruma I”). (7) Il-libertà tal-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli għandha ssawwar il-pedament tas-sistema tar-regoli tal-kunflitti tal-liġijiet fil-materja ta’ l-obbligi kuntrattwali. (8) Sabiex jagħtu kontribut għall-għan ġenerali ta’ l-istrument li huwa s-sigurtà legali fiż-żona ta' ġustizzja Ewropea, ir-regoli tal-kunflitt għandhom jippreżentaw livell ogħla ta' previdibilità. Madankollu, l-imħallef għandu grad ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina, f’ipotesi limitati, il-liġi li tippreżenta l-eqreb rabtiet mas-sitwazzjoni. (9) Rigward kuntratti konklużi ma’ partijiet ikkunsidrati bħala dgħajfa, huwa xieraq li jiġu protetti permezz ta’ regoli ta’ kunflitt li huma aktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-regoli ġenerali. (10) Rigward partikolarment il-kuntratti tal-konsum, ir-regola ta’ kunflitt għandha twassal biex jitnaqqsu l-ispejjeż għas-soluzzjoni tat-tilwim marbutin magħhom, li ħafna drabi jkollhom valur dgħajjef, u jieħdu f’kunsiderazzjoni l-iżvilupp tat-tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni b’distanza. L-armonija mar-Regolament 44/2001/KE jeħtieġ, min-naħa waħda, li ssir referenza għall-kunċett ta’ “attività mmexxija” bħala kondizzjoni ta’ applikazzjoni tar-regola li tipproteġi lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett ikun soġġetti għal armonija fiż-żewġ testi, waqt li dikjarazzjoni konġunta[20] tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament 44/2001/KE tispeċifika li għall-Artikolu 15, il-paragrafu 1, inċiż c) ikun applikabbli”. Din id-dikjarazzjoni tfakkar ukoll li: “ Is-sempliċi fatt li sit ta’ l-Internet ikun aċċessibbli mhuwiex biżżejjed biex l-Artikolu 15 isir applikabbli, ikun għadu neċessarju li dan is-sit ta l-Internet jitlob biex tintlaħaq konklużjoni tal-kuntratti bdistanza u li kuntratt jiġi effettivament konkluż bdistanza, bkull mezz. F’dan ir-rigward, il-lingwa jew il-munita użata għal dan is-sit ta’ l-Internet mhumiex element rilevanti”. (11) Fir-rigward ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg, ir-regola tal-kunflitt għandha tagħmilha possibbli li tidentifika ċ-ċentru tal-gravità tar-relazzjoni ta’ impjieg. Din ir-regola hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli mandatorji tal-pajjiż fejn jinbagħat l-impjegat skond id-Direttiva 96/71/KE tas-16 ta' Diċembru dwar l-impjegati mibgħuta fil-qafas tad-dispożizzjoni tas-servizzi[21]. (12) Fir-rigward tal-kuntratti konklużi bejn l-intermedjarji, għandhom jiġu introdotti regoli tal-kunflitt biex imexxu t-tliet relazzjonijiet legali bejn il-prinċipal, l-aġent u l-parti terza. Il-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u l-parti terza jibqa’ suġġett għar-regoli ġenerali tar-Regolament. (13) Ir-rispett ta’ l-ordni pubbliku ta’ l-Istati Membri jeħtieġ regoli speċifiċi li jikkonċernaw ir-regoli mandatorji u l-eċċezzjoni fuq il-bażi ta’ l-ordni pubbliku. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għandha ssir fir-rispett tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. (14) Is-sigurtà legali teħtieġ definizzjoni ċara tar-residenza normali, speċjalment għall-persuni morali. Għall-kuntrarju ta’ l-Artikolu 60, paragrafu 1, punt c), Tar-Regolament 44/2001/KE, li jipproponi tliet kriterji, ir-regola tal-kunflitt tal-liġijiet għandha tiġi llimitati għal kriterju wieħed; inkella, ikun impossibbli għall-partijiet li jipprevedu l-liġi applikabbli għas-sitwazzjoni tagħhom. (15) Għandha tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u ċerti dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Komunità. (16) Ir-rispett ta’ l-impenji internazzjonali li l-Istati Membri daħħlu fihom jiġġustifikaw li r-Regolament ma jaffettwax il-konvenzjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet speċifiċi li l-Istati Membri huma Partijiet minnhom. Madankollu, meta fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, aspetti materjali huma lokalizzati fi Stat Membru jew aktar, l-applikazzjoni ta’ ċerti konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom xi wħud biss mill-Istati Membri huma Partijiet, imorru kontra l-għan ta’ żona vera ta’ ġustizzja Ewropea. Għalhekk ikun xieraq li tiġi applikata r-regola stipulata f’dan ir-Regolament. Biex tiġi żgurata trasparenza aħjar fir-rigward tal-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ, il-Kummissjoni, billi tibbaża fuq l-informazzjoni mwassla mill-Istati Membri, għandha tippubblika lista tal-konvenzjonijiet ikkonċernati fil- Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . (17) Minħabba li l-għan ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-adozzjoni tar-regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali biex tassigura previżjoni aħjar tad-deċiżjonijiet tal-qorti fil-kwistjoni, ma jistax jitwettaq b’mod suffiċjenti mill-istati Membri u jista’, minħabba l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fuq il-livell komunitarju, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stipulat fl-Artikolu 5 tat-trattat. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stipulat f’dak l-Artikolu, ir-Regolament, li jsaħħaħ is-sigurtà legali mingħajr ma jeħtieġ armonizzazzjoni tar-regoli materjali tal-liġi interna, ma jmurx lil’hinn minn dak li huwa neċessarju biex jitlaħaq dan l-għan. (18) [L-Irlanda u r-Renju Unit, f’konformità ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit anness mat-trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. /L-Irlanda u r-Renju Unit, f’konformità ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit anness mat-trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropa, ma jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, li għalhekk ma jorbotx lil u ma japplikax għal dawn iż-żewġ Stati Membri.] (19) B’mod konformi ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhix marbuta bi jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Kapitolu I - Ambitu Artikolu 1 – Skop 1. Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt tal-liġijiet, għall-obbligi kuntrattwali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Dan m’għandux japplika, partikolarment, għall-kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi. 2. Ir-Regolament m’għandux japplika għal: a) kwistjonijiet li jinvolvu persuni fiżiċi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12; b) l-obbligi kuntrattwali li jikkonċernaw relazzjonijiet ta’ familja jew relazzjonijiet li, f’konformità mal-liġi li tapplika għalihom, għandhom effetti simili, inklużi l-obbligi ta’ manteniment; c) l-obbligi li joħorġu minn relazzjonijiet matrimonjali jew minn skema ta’ pussess ta’ propjetà li, taħt il-liġi li tapplika għalihom, għandhom effetti simili għal żwieġ, testmenti u suċċessjonijiet; d) l-obbligi li joħorġu minn kontijiet ta’ skambju, ċekkijiet, kambjali kif ukoll strumenti oħra negozjabbli sakemm l-obbligi li joħorġu minn dawn l-istrumenti negozjabbli l-oħra joħorġu min-natura negozjabbli tagħhom; e) l-arranġamenti ta’ arbitraġġ u ta’ għażla tal-qorti; f) kwistjonijiet irregolati mil-liġi tal-kumpaniji, intrapriżi u persuni legali, bħall-ħolqien tagħhom, il-kapaċità legali, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ kif ukoll ir-responsabbiltà personali legali ta’ l-assoċjati u ta’ l-entitajiet għad-djun tal-kumpanija, l-intrapriża jew il-persuna legali kif ukoll il-kwistjoni li jsir magħruf jekk entità ta’ kumpanija, intrapriża jew persuna legali tistax torbot, il-persuni terzi, din il-kumpanija, intrapriża jew persuna legali; g) il-ħolqien ta' fondi, ir-relazzjonijiet li joħolqu bejn il-persuni li jmorru jgħixu barra minn pajjiżhom, id-depożitarji u l-benefiċjarji; h) il-prova u l-proċedura, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17; i) l-obbligi li joħorġu minn relazzjoni prekuntrattwali. 3. F’dan ir-Regolament, it-terminu “Stat Membru” jfisser l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka [, l-Irlanda u r-Renju Unit]. Artikolu 2 – Applikazzjoni tal-liġi ta’ pajjiż terz Il-liġi magħżula minn dan ir-Regolament tapplika anke jekk din mhijiex dik ta’ Stat Membru. Kapitolu II – Regoli uniformi Artikolu 3 – Libertà ta’ l-għażla 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5, 6 u 7, il-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa u tirriżulta b’ċarezza raġonevoli mit-termini tal-kuntratt jew miċ-ċirkustanzi tal-każ. Jekk il-partijiet ikunu qablu li jagħtu ġurisdizzjoni lil waħda mill-qrati jew mit-tribunali ta’ l-Istati Membri biex ikun iddeterminat it-tilwim li qam jew li jista’ jqum fir-rigward tal-kuntratt, ikun meqjus li l-partijiet għażlu l-liġi ta’ dan l-Istat Membru. B’din l-għażla l-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt tagħhom. 2. Il-partijiet jisgħu ukoll jagħżlu bħala l-liġi applikabbli l-prinċipji u r-regoli tal-liġi materjali tal-kuntratti, rikonoxxuti fuq il-livell internazzjonali jew komunitarju. Madankollu, oqsma li jikkonċernaw il-kwistjonijiet irregolati minn dawn il-prinċipji jew regoli u li mhumiex solvuti eċċezzjonalment minnhom għandhom ikunu rregolati skond il-prinċipji ġenerali li minnhom huma ispirati, jew, fin-nuqqas ta’ dawn il-prinċipji, f’konformità mal-liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla skond dan ir-Regolament. 3. Il-partijiet jistgħu jaqblu f’kull mument, li jorbtu l-kuntratt b’liġi oħra barra dik li kienet tirregolah qabel, kemm jekk minħabba riżultat ta’ għażla preċedenti taħt dan l-Artikolu kif ukoll minħabba dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe bidla fir-rigward tal-liġi applikabbli, li ssir wara l-konklużjoni tal-kuntratt, m’għandhiex taffettwa l-validità formali tal-kuntratt fis-sens ta’ l-Artikolu 10 u hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuni terzi. 4. L-għażla minn partijiet terzi ta’ liġi f’konformità mal-paragrafi 1 jew 2, li hija jew mhix akkumpanjata mill-għażla ta’ qorti barranija, meta l-elementi kollha l-oħra rilevanti għas-sitwazzjoni fil-mument ta’ l-għażla jkunu marbutin ma’ pajjiż wieħed biss, m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi ta’ dak il-pajjiż li ma jistgħux ikunu derogati minnhom bil-kuntratt, minn issa ’l quddiem “regoli mandatorji”. 5. L-għażla mill-partijiet tal-liġi ta’ Stat mhux membru ma tistax tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli mandatorji tal-liġi tal-Komunità kif inhuma applikabbli għall-każ. 6. L-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom ikunu ddeterminati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12. Artikolu 4 – Liġi applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla 1. Fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, il-kuntratti li jiġu wara għandhom ikunu rregolati kif ġej: a) il-kuntratt ta’ bejgħ għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li fih il-bejjiegħ għandu r-residenza normali tiegħu; b) il-kuntratt tal-forniment tas-servizzi għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz għandu r-residenza normali tiegħu; c) il-kuntratt ta’ transport għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li fih it-trasportatur għandu r-residenza normali tiegħu; d) il-kuntratt li jikkonċerna dritt in rem jew dritt ta’ użu ta’ propjetà immobbli għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li fih tinsab il-propjetà; e) minkejja punt d), il-kera deċiża għall-użu temporanju ta’ proprjetà immobbli għal perjodu massimu ta’ sitt xhur konsekuttivi għandha tiġi rregolata bil-liġi tal-pajjiż li fih il-proprjetarju għandu r-residenza normali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-kerrej huwa persuna naturali u għandu r-residenza normali tiegħu f’dan l-istess pajjiż; f) il-kuntratt li jikkonċerna l-proprjetà intellettwali jew industrijali għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li fih il-persuna li trasferiet jew li tat id-drittijiet għandha r-residenza normali tagħha; g) il-kuntratt ta’ konċessjoni għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li fih il-konċessjonarju għandu r-residenza normali tiegħu; h) il-kuntratt tad-distribuzzjoni għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li fih id-distributur għandu r-residenza normali tiegħu; 2. Il-kuntratti li ma jissemmewx fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rregolati bil-liġi tal-pajjiż li fih il-parti li trid twettaq il-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt ikollha, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għandha r-residenza normali tagħha. Meta t-twettiq ta’ din il-prestazzjoni li tikkaratterizza l-kuntratt ma tistax tiġi identifikata, il-kuntratt għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li miegħu għandu l-eqreb rabta. Artikolu 5 –Kuntratti ta’ konsum 1. Il-kuntratti ta’ konsum fl-ambitu tat-tifsira u skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu li ġej, għandhom jiġi rregolati bil-liġi ta' l-Istat Membru li fih il-konsumatur għandu r-residenza normali tiegħu. 2. L-ewwel paragrafu japplika għall-kuntratti konklużi bejn persuna fiżika, il-konsumatur li għandu r-residenza normali tiegħu fi Stat Membru, għal raġuni li tista’ titqies bħala waħda li mhijiex marbuta ma’ l-attività professjonali tiegħu, u persuna oħra, il-professjonist, li teżerċita l-attività professjonali tagħha. Dan għandu japplika bil-kondizzjoni li l-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tar-residenza normali tal-konsumatur jew li jkunu bi kwalunkwe mod maħsuba għal dan l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt ikun jaqa' fl-ambitu ta' dawn l-attivitajiet, sakemm il-persuna jew il-professjonist ma kinitx taf fejn il-konsumatur kellu r-residenza normali tiegħu u li dan in-nuqqas kien attribwibbli għan-negliġenza tiegħu. 3. L-ewwel paragrafu ma japplikax għal dawn il-kuntratti: (a) il-kuntratti għall-forniment ta’ servizzi fejn is-servizzi dovuti lill-konsumatur għandhom jiġu fornuti esklussivament f’pajjiż barra minn dak li fih għandu r-residenza normali tiegħu; (b) il-kuntratti ta’ trasport barra minn dawk il-kuntratti li jikkonċernaw vjaġġi kollox kompriż fl-ambitu tat-tifsira tad-Direttiva 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990; (c) il-kuntratti li jikkonċernaw id-dritt in rem jew dritt ta’ użu ta’ propjetà immobbli barra dawk il-kuntratti li jikkonċernaw id-dritt ta’ użu fuq bażi ta’ timeshare fl-ambitu tat-tifsira tad-Direttiva 94/47/KE tas-26 ta’ Ottubru 1994. Artikolu 6 – Kuntratti individwali ta’ impjieg 1. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3, fil-kuntratt individwali ta' impjieg, l-għażla mill-partijiet tal-liġi applikabbli ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz tar-regoli mandatorji tal-liġi li għandha tkun applikabbli skond dan l-Artikolu fin-nuqqas ta’ għażla. 2. Fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun irregolat: (a) bil-liġi tal-pajjiż li fih jew minnu l-impjegat normalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-post ta’ eżekuzzjoni normali ta’ l-impjieg m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna hija impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor. It-twettiq ta’ l-impjieg f’pajjiż ieħor huwa kkunsidrat bħala wieħed temporanju meta l-impjegat huwa mistenni li jerġa' lura għall-impjieg fil-pajjiż ta' oriġini meta jkun wettaq l-inkarigu tiegħu fil-pajjiż barrani. Il-konklużjoni ta’ kuntartt ġdid ta’ impjieg ma’ min iħaddem oriġinarjament jew minn persuna li tħaddem li tagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpaniji ta’ dak li jħaddem oriġinarjament, ma teskludix li l-impjegat jeżerċita l-impjieg tiegħu f’pajjiż ieħor b’mod temporanju; (b) jekk normalment l-impjegat ma jeżerċitax l-impjieg tiegħu fi jew minn pajjiż partikolari wieħed jew jekk huwa normalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fi jew minn territorju li mhux suġġetti għal sovranità nazzjonali, bil-liġi tal-pajjiż fejn jinsab l-istabbiliment li fih ikun impjegat. 3. Il-liġi magħżula mill-paragrafu 2 tista’ titwarrab meta mit-totalità taċ-ċirkostanzi jirriżulta li l-kuntratt ta' impjieg jippreżenta rabtiet aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor; f’dan il-każ, il-liġi ta’ dak il-pajjiż hija applikabbli. Artikolu 7 - Kuntratti konklużi minn aġent 1. Fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, il-kuntratt bejn il-prinċipal u l-aġent għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż li fih l-aġent għandu r-residenza normali tiegħu, sakemm l-aġent ma jeżerċitax jew ma jkollux jeżerċita l-attività prinċipali tiegħu fil-pajjiż li fih il-prinċipal għandu r-residenza normali tiegħu, f’liema każ għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż. 2. Ir-relazzjoni bejn il-prinċipal u l-persuni terzi li toħroġ mill-fatt li l-aġent ikun aġixxa fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu, lil hinn mis-setgħat tiegħu jew mingħajr setgħat, għandha tiġi rregolata bil-liġi tal-pajjiż li fih l-aġent għandu r-residenza normali tiegħu meta dan aġixxa. Madankollu, il-liġi applikabbli hija dik tal-pajjiż li fih l-aġent ikun aġixxa jekk jew il-prinċipal li f'ismu jkun aġixxa, jew il-persuni terzi li jkollhom ir-residenza normali tagħhom f'dan il-pajjiż jew jekk l-aġent ikun aġixxa f’permuta jew f’irkant. 3. Minkejja l-paragrafu 2, fejn il-liġi applikabbli għal relazzjoni koperta minn dak il-paragrafu ġiet magħżula bil-miktub mill-prinċipal jew mill-aġent u li ġiet aċċettata mill-parti terza, il-liġi magħżula għandha tapplika għal dawn il-kwistjonijiet. 4. Il-liġi magħżula minn paragrafu 2 tirregola wkoll ir-relazzjoni bejn l-aġent u l-persuna terza li toħroġ mill-fatt li l-aġent ikun aġixxa fl-eżerċiżżju tas-setgħat tiegħu, lil hinn mis-setgħat tiegħu jew mingħajr setgħat. Artikolu 8 – Regoli mandatorji 1. Ir-regoli mandatorji huma regoli li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn huma applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, tkun xi tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament. 2. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli mandatorji. 3. Jista’ jingħata effett lir-regoli mandatorji ta’ pajjiż ieħor minn dak tal-forum, li miegħu din is-sitwazzjoni tippreżenta rabta mill-qrib. Biex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn il-liġijiet, l-imħallef għandu jieħu f’kunsiderazzjoni n-natura u l-għan tagħhom skond id-definizzjoni ta’ l-ewwel paragrafu, kif ukoll il-konsegwenzi li ġejjin mill-applikazzjoni jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom għall-għan miksub mir-regoli mandatorji kif ukoll għall-partijiet. Artikolu 9 – Kunsens u validità materjali 1. L-eżistenza u l-validità tal-kuntratt jew ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt, għandha tiġi ddeterminata mil-liġi li għandha tkun applikabbli skond dan ir-Regolament kieku l-kuntratt jew id-dispożizzjoni kienu validi. 2. Madankollu, biex jiġi stabbilit li parti ma tkunx tat il-kunsens tagħha, din tista’ tirreferi għal-liġi tal-pajjiż li fih din għandha r-residenza normali tagħha jekk miċ-ċirkostanzi jirriżulta li ma jkunx raġonevoli li jiġi ddeterminat l-effett tal-komportament ta' din il-parti skond il-liġi stipulata fil-paragrafu preċedenti. Artikolu 10 – Validità formali tal-kuntratti 1. Kuntratt huwa formalment validu jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet formali tal-liġi li tirregolah fis-sustanza tiegħu taħt dan ir-Regolament jew il-liġi tal-pajjiż li fih tjinsabu naħa jew oħra tal-partijiet jew l-aġent tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew tal-liġi tal-pajjiż li fih naħa jew oħra tal-partijiet għandhom ir-residenza normali tagħhom. 2. Att legali unilaterali maħsub li jkollu effett legali fir-rigward ta’ kuntratt eżistenti jew maħsub huwa formalment validu jekk jissodissfa l-kondizzjonijiet formali tal-liġi li tirregolah fis-sustanza tiegħu taħt dan ir-Regolament jew il-liġi tal-pajjiż li fih jitwettaq l-att jew il-liġi tal-pajjiż li fih il-persuna li fasslitu jkollha r-residenza normali tagħhha f’dak il-mument. 3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għall-kuntratti li jidħlu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 5. Il-forma ta’ dawn il-kuntratti għandha tiġi rregolata bil-liġi tal-pajjiż li fih il-konsumatur għandu r-residenza normali tiegħu. 4. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe kuntratt li jikkonċerna dritt ta’ proprjetà immobbli jew dritt ta' użu ta’ proprjetà immobbli għandu jkun suġġetti għall-bżonnijiet mandatorji tal-forma tal-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà jekk skond din il-liġi dawn il-bżonnijiet huma dispożizzjonijiet mandatorji fl-ambitu ta' l-Artikolu 8. Artikolu 11 – Skop tal-liġi applikabbli 1. Il-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament għandha tirregola partikolarment: a) l-interpretazzjoni tiegħu; b) it-twettiq ta’ l-obbligi li joħorġu minnu; c) fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti mil-liġi ta’ proċedura tagħha, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq totali jew parzjali ta’ dawn l-obbligi, inkluża l-valutazzjoni tad-dannu sakemm din hija rregolata minn regoli tal-liġi; d) il-modi varji ta’ twettiq ta’ l-obbligi, kif ukoll il-preskrizzjoni u l-limiti ta’ żmien ta' l-azzjonijiet; e) il-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt. 2. Fir-rigward tal-modalitajiet ta' twettiq u l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-kreditur fin-nuqqas ta’ twettiq għandha tiġi kkunsidrata l-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ it-twettiq. Artikolu 12 - Inkapaċità F’kuntratt konkluż bejn persuni li jinsabu fl-istess pajjiż, persuna fiżika li jkollha l-kapaċità skond il-liġi ta' dan il-pajjiż tista' tinvoka l-inkapaċità tagħha li tirriżulta minn liġi oħra biss jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-parti l-oħra kienet konxja minn din l-inkapaċità jew jekk ma kinitx konxja minn dan minħabba negliġenza min-naħa tagħha. Artikolu 13 – Ċessjoni tat-talbiet u surroga kuntrattwali 1. L-obbligi reċiproċi taċ-ċedent u ċ-ċessjonarju f’ċessjoni jew surroga kuntrattwali ta’ dritt kontra persuna oħra għandhom ikunu rregolati bil-liġi li taħt dan ir-Regolament tapplika għall-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju. 2. Il-liġi li tirregola l-kuntratt oriġinali għandha tiddetermina l-effettività tal-limitazzjonijiet kuntrattwali fuq iċ-ċessjoni bejn iċ-ċessjonarju u d-debitur, ir-relazzjoni bejn iċ-ċessjonarju, is-surrogant u d-debitur, il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni jew is-surroga tista’ tiġi invokati kontra d-debitur jew jekk l-obbligi tad-debitur jiġu eżegwiti. 3. Il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċessjoni jew is-surroga jistgħux jiġu invokati kontra terzi persuni għandha tkun irregolata bil-liġi tal-pajjiż li fih iċ-ċedent jew is-surrogant ikollu r-residenza normali tiegħu fil-mument taċ-ċessjoni jew tas-surroga. Artikolu 14 – Surroga legali Meta persuna jkollha talba kuntrattwali lejn persuna oħra u persuna terza jkollha d-dmir li tissodissfa l-kreditur, il-liġi li tirregola d-dmir tal-persuna terza li tissodissfa l-kreditur għandha tiddetermina jekk it-terza persuna hix intitolata li tipproċedi kontra d-debitur. Artikolu 15 – Pluralità ta’ debituri Meta kreditur ikollu d-drittijiet fir-rigward ta’ diversi debituri li huma responsabbli b’mod konġunt, u meta wieħed minn dawn id-debituri diġà ssodissfa l-kreditur, il-liġi li tirregola d-dmir tat-terza persuna li tissodissfa l-kreditur għandha tiddetermina jekk il-persuna terza hix intitolata li teżerċita kontra d-debitur id-drittijiet li l-kreditur kellu kontra l-d-debitur. Meta l-liġi applikabbli għal obbligu ta’ debitur lejn il-kreditur jipprevedi regoli indirizzati biex jipproteġuh kontra azzjonijiet biex jiżgura r-responsabbiltà tiegħu, dan jista’ joqgħod fuqhom kontra debituri oħrajn. Artikolu 16 – Kumpens legali 1. Il-liġi applikabbli għall-kumpens legali hija dik ta’ l-obbligu li kontriha huwa invokat il-kumpens. Artikolu 17 - Prova 1. Il-liġi li tirregola l-kuntratt skond dan ir-Regolament għandha tapplika, fil-kwistjoni ta’ l-obbligi kuntrattwali, sakemm din tistabbilixxi suppożizzjonijiet legali jew tiddetermina l-prova. 2. L-atti legali jistgħu jiġu ppruvati b’kull mod ta’ prova aċċettat mil-liġi tal-forum, jiġifieri minn waħda mil-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 10, li skond din l-att huwa formalment validu, sakemm dan il-mod ta’ prova jista’ jiġi amministrat mill-forum. Kapitolu III – Dispożizzjonijiet oħrajn Artikolu 18 – Assimilazzjoni mar-residenza normali 1. Għal kumpanija, intrapriża jew persuna legali, l-istabbiliment prinċipali għandu jitqies bħala l-post ta’ residenza normali għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Meta l-kuntratt huwa konkluż matul l-operazzjoni ta’ sussidjarju, fergħa jew kwalunkwe stabbiliment ieħor, jew jekk, skond il-kuntratt, il-prestazzjoni taqa' taħt ir-responsabilità ta' l-istabbiliment, dan l-istabbiliment għandu jieħu post il-residenza normali. 2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, meta kuntratt huwa konkluż matul l-attività professjonali ta’ persuna fiżika, l-istabbiliment professjonali għandu jieħu post ir-residenza normali ta’ din il-persuna. Artikolu 19 – Esklużjoni ta’ renvoi L-applikazzjoni tal-liġi ta’ kwalunkwe pajjiż speċifikata minn din il-Konvenzjoni timplika l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f’dak il-pajjiż minbarra r-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu. Artikolu 20 – Ordni pubbliku L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi magħżula minn dan ir-Regolament tista’ titwarrab biss jekk din l-applikazzjoni hija b’mod ċar inkompatibbli ma’ l-ordni pubbliku tal-forum. Artikolu 21 – Sistemi mhux unifikati Fejn Stat ikun fih diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom għandha r-regoli proprji tagħha fil-qasam ta’ l-obbligi ta’ manteniment, kull unità territorjali hija kkunsidrata bħala pajjiż għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skond dan ir-Regolament. Artikolu 22 – Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Komunità Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni jew l-adozzjoni ta’ atti li ġejjin mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej li: (a) fi kwistjonijiet partikolari, isolvu l-kunflitti tal-liġijiet fil-kwistjonijiet ta’ l-obbligi kuntrattwali; il-lista ta’ dawn l-atti fis-seħħ attwalment jinsabu fl-Anness 1; (b) imexxu l-obbligi kuntrattwali u li, skond il-volontà tal-partijiet, japplikaw fis-sitwazzjonijiet fejn ikun hemm kunflitt tal-liġijiet; (c) jistipulaw regoli biex jiffavorixxu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fejn dawn ir-regoli ma jistgħux japplikaw b’mod konġunt għal-liġi magħżula mir-regoli tal-liġi internazzjonali privata Artikolu 23 – Relazzjoni mal-Konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti 1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, bil-lista tal-konvenzjonijiet multilaterali li, fi kwistjonijiet partikolari, jirregolaw il-kunflitti tal-liġijiet fi kwistjonijiet ta' obbligi kuntrattwali, li minnhom huma Partijiet. Il-Kummissjoni għandha tippubblika din il-lista fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mill-wasla tagħha. L-Istati Membri għandhom imbagħad jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull denunzja ta’ dawn il-konvenzjonijiet, li l-Kummissjoni għandha tippubblika fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mill-wasla tagħhom. 2. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet imsemmija f’paragrafu 1. Madankollu, meta l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni huma lokalizzati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jkollu prijorità fuq dawn il-Konvenzjonijiet: - Il-Konvenzjoni ta’ L-Aja tal-15 ta’ Ġunju 1955 dwar il-liġi applikabbli għall-bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija; - Il-Konvenzjoni ta’ L-Aja ta’ l-14 ta’ Marzu 1978 dwar il-liġi applikabbli għall-aġent. 3. Dan ir-Regolament għandu jkollu prijorità fuq il-konvenzjonijiet internazzjonali bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u mniżżla fl-Anness II jekk jikkonċernaw kwistjonijiet irregolati minn dan ir-Regolament. Kapitolu IV – Dispożizzjonijiet finali Artikolu 24 – Dħul fis-seħħ u applikazzjoni Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolametn għandu japplika minn [sena waħda wara d-dħul fis-seħħ tiegħu]. Dan għandu japplika għall-obbligi kuntrattwali li joħorġu mid-dħul fl-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, għall-obbligi kuntrattwali li joħorġu qabel id-dħul fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dan għandu japplika metan id-dispożizzjonijiet tiegħu iwasslu għall-istess liġi li kienet tkun applikabbli skond il-Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, [...] Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS 1: Lista ta’ l-atti msemmija fl-Artikolu 22, punt a) - Direttiva dwar l-għoti lura ta’ oġġetti kulturali meħuda illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru (Direttiva 93/7/KEE tal-15.3.1993) - Direttiva li tikkonċerna l-kollokament tal-ħaddiema fil-qafas tad-dispożizzjoni tas-servizzi (Direttiva 96/71/KE tas-16.12.1996) - It-tieni Direttiva dwar assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja (Direttiva 88/357/KEE tat-22.6.1988, kif ġiet kompletata u emendata bid-Direttivi Nru 92/49/KEE u 2002/13/KE) - It-tieni Direttiva dwar assigurazzjoni fuq il-ħajja (Direttiva 90/619/KEE tat-8.11.1990, kif ġiet kompletata u emendata bid-Direttivi Nru 92/96/KEE u 2002/12/KE) - ANNESS II: Lista tal-Konvenzjonijiet bilaterali msemmija fl-Artikolu 23, paragrafu 3 - […] [1] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22.12.2000, ĠU L tat-12 sas-16.1.2001, p.1. [2] COM(2003) 427 finali. [3] ĠU C 19 tat-23.1.1999, p.1, punt 40 c). [4] ĠU C 12 tal-15.1.2001, p.8. [5] Programm ta’ The Hague, Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-5.11.2004, punt 3.4.2. [6] Punt 4.3.c). [7] COM(2002) 654 finali. [8] Disponibbli f’dan l-indirizz: http://europa.eu.int/comm/justice_home/news/consulting_public/rome_i/news_summary_rome1_en.htm [9] Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq il-Green Paper dwar il-bidla tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali fi strument tal-Komunità u l-immodernizzar tagħha. INT/176 tad-29.01.2004 [10] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-perspettivi ta’ tqarrib tad-dispożizzjonijiet tal-liġi proċedurali fil-qasam ċivili fl-Unjoni Ewropea (COM(2002) 654 - (2002) 746 – C5-0201/2003 – 2003/2087(INI)), A5-0041/2004. [11] Disponibbli f’dan l-indirizz: http://europa.eu.int/comm/justice_home/unit/civil/justciv_conseil/justciv_fr.pdf. [12] ECJ, 23.11.1999, Aff. C-369/96 u C-374/96. [13] ĠU C [...], tal- [...], p. [...]. [14] ĠU C [...], tal- [...], p. [...]. [15] ĠU C [...], tal- [...], p. [...]. [16] ĠU C 19 tal-23.1.1999, p.1. [17] ĠU C 12 tal-15.1.2001, p.1. [18] Anness 1- Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-5.11.2004 [19] ĠU L 12 tas-16.1.2001, p. 1. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament 2245/2004/KE (ĠU L 381 tal-28.12.2004, p. 1). [20] Disponibbli f’dan l-indirizz: http://europa.eu.int/comm/justice_home/unit/civil/justciv_conseil/justciv_fr.pdf. [21] ĠU L 18, tat-12.6.1997, p. 1.