52005PC0634

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ vetturri tat-trasport bit-triq nodfa {SEG(2005) 1588} /* KUMM/2005/0634 finali - COD 2005/0283 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.12.2005

KUMM(2005) 634 finali

2005/0283 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-promozzjoni ta’ vetturri tat-trasport bit-triq nodfa

(preżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2005) 1588}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) Kuntest tal-proposta

- Bażijiet għal u għanijiet tal-proposta

Il-Kummissjoni, fil- Green Paper tagħha dwar is-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija (KUMM(2000) 769: " Towards a European strategy for the security of energy supply " /Lejn strateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija) ippubblikata fl-2000, enfasizzat it-tkabbir kontinwu tas-settur tat-trasport u l-livell għoli ta’ konsum ta’ enerġija relatat miegħu, l-emissjonijiet tad-CO2 u d-dipendenza fuq iż-żejt. Id-dokument enfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni min-naħa tal-provvista, imma wkoll min-naħa tad-domanda sabiex tiġi influwenzata d-domanda għal fjuwils u teknoloġiji alternattivi. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu azzjoni biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ vetturi.

Fl-2001, il- White Paper tal-Kummissjoni fuq il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010 (KUMM(2001) 370: " European Transport policy for 2010: time to decide "/Il-politika Ewropea tat-Trasport għall-2010: żmien li niddeċiedu) għamlet nota wkoll tal-ħtieġa għal iktar miżuri biex jiġu miġġielda l-emissjonijiet mit-trasport u stqarret li l-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ suq għal “vetturi nodfa”.

Il- Green Paper fuq l-effiċjenza ta’ l-enerġija (KUMM(2005) 265: " Energy Efficiency or Doing More With Less "/L-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija jew Li Jsir Aktar B’Inqas) tipproponi azzjonijiet konkreti, bħalma huma l-akkwist pubbliku ta’ vetturi li jniġġsu inqas u li huma iktar effiċjenti fl-enerġija sabiex jinbena suq għal dawn it-tipi ta’ vetturi.

Hemm potenzjal konsiderevoli għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-vetturi. Madankollu, f’dan il-mument dawn it-teknoloġiji għadhom ogħla minn dawk użati fil-vetturi konvenzjonali.

Safejn għandha x’taqsam l-industrija Ewropea tal-produzzjoni bil-massa tal-vetturi, il-manifatturi x’aktarx li mhumiex se jipproduċu serje speċjali ta’ vetturi li jwieġbu għall-inċentivi lokali jew saħansitra dawk nazzjonali mmirati lejn it-titjib ta’ l-effiċjenza fl-enerġija jew it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu. Għalhekk tinħtieġ azzjoni fil-livell tal-Komunità sabiex tinkoraġġixxi l-investimenti meħtieġa għall-manifattura ta’ vetturi li huma iktar effiċjenti fl-enerġija u jniġġsu inqas.

Id-domanda akbar li tirriżulta tkun tista’ tipprovdi appoġġ għall-manifatturi tal-vetturi biex jiżviluppaw vetturi bi prestazzjonijiet aħjar f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum ta’ l-enerġija u l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu. Imbagħad dan ikun jista’ jippermetti bidla fid-direzzjoni tad-domanda u joħloq swieq ta’ daqs suffiċjenti u l-ekonomiji ta’ skala neċessarji biex titwessa’ l-produzzjoni industrijali għal serje kbira.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu mis-settur tat-trasport u li jingħata kontribut lit-twaqqif ta’ suq għall-vetturi nodfa. Dan huwa rilevanti b’mod partikulari għall-agglomerazzjonijiet u ż-żoni f’diffikultajiet biex jilħqu r-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kwalità ta’ l-Arja (Direttiva 1996/62/KE dwar il-kwalità ta’ l-arja u Direttiva 1999/30/KE dwar il-valuri tal-limitu ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ambjentali).

Standard ta’ prestazzjoni mtejba ambjentalment diġà ġie stabbilit fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE għall-vetturi li huma ta’ iktar minn 3.5 t fil-piż għall-użu opzjonali, bħalma huma inċentivi tat-taxxa. Din il-proposta tagħmel pass ieħor u tuża l-“Vettura ekoloġika mtejba” (“EEV” – “ Enhanced Environmentally Friendly Vehicle ”) eżistenti għal Vetturi Heavy Duty , ta’ iktar minn 3.5 t fil-piż, hekk kif inhu definit fid-Direttiva 2005/55/KE (ĠU L 275/1, ta’ l-20.10.2005) biex timplimentaha fuq bażi obbligatorja għal parti mill-flotta. Il-korpi pubbliċi huma obbligati jallokaw kwota minima ta’ l-akkwisti annwali tagħhom (xiri jew kiri) ta’ vetturi heavy duty għall-vetturi li jilħqu l-istandard ta’ prestazzjoni ta’ vetturi ekoloġiċi mtejba.

L-obbligu ta’ l-akkwist ta’ vetturi nodfa propost f’din id-Direttiva huwa limitat, fl-ewwel stadju, għall-vetturi ta’ iktar minn 3.5 t fil-piż sabiex jippermetti l-introduzzjoni mingħajr xkiel ta’ kriterji ta’ premju ambjentali fil-proċess ta’ l-akkwist tal-vettura u biex jipprepara lill-korpi pubbliċi u lill-industrija għal estensjoni possibbli għal kategoriji oħra ta’ vetturi fl-istadji ta’ wara. Il-valutazzjoni ta’ l-impatt imwettqa għal din il-proposta leġiżlattiva wriet li impatt pożittiv fuq il-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea bi qligħ ekonomiku nett u l-aħjar riżultat spiża/benefiċċju jista’ jintlaħaq b’dan it-tip ta’ obbligu ta’ akkwist iffokat. Din il-kategorija ta’ vetturi tinkludi l-karozzi tal-linja u ħafna mill-vetturi ta’ utilità, bħalma huma t-trakkijiet tal-ġbir ta’ l-iskart.

Estensjoni ta’ l-obbligu ta’ l-akkwist ta’ vetturi nodfa għall-karozzi tal-passiġġieri u vetturi light duty abbażi ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt bir-reqqa għandha tkun ikkunsidrata fi stadju iktar tard, ladarba l-istandards ta’ prestazzjoni ekoloġikament imtejba jkunu żviluppati għalihom.

Din id-Direttiva hija mistennija li tirriżulta matul il-medda twila f’titjib ġenerali fil-prestazzjoni ambjentali tal-flotta kollha permezz ta’ ekonomiji ta’ skala, spejjeż irħas u użu aktar mifrux ta’ teknoloġiji ta’ vetturi ekoloġiċi mtejba.

- Kuntest ġenerali

Il-Kunsill Ewropew, f’bosta okkażjonijiet, impenja ruħu biex jieħu miżuri f’dan il-qasam. B’mod partikulari, il-Kunsill Ewropew ta’ Ħelsinki fl-1999 qabel dwar strateġija dwar l-integrazzjoni ta’ l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli fil-politika tat-trasport (Dokument tal-Kunsill 11717/99). Fost l-iktar oqsma urġenti għall-azzjoni, il-Kunsill identifika t-tkabbir ta’ l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra mit-trasport kif ukoll minn inkonvenjenzi tat-trasport oħra. Il-Kunsill Ewropew ta’ Gothenburg fl-2001 afferma mill-ġdid l-importanza ta’ strateġija tal-Komunità għall-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri pro-attivi fis-settur tat-trasport.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-9 ta’ Frar 2005 dwar ir-reviżjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ l-Unjoni Ewropea (KUMM(2005) 37) affermat mill-ġdid l-importanza ta’ politika tat-trasport pro-attiva. Skond dik il-Komunikazzjoni, l-evoluzzjoni tat-trasport għandha impatti f’bosta oqsma, bħalma huma s-saturazzjoni tat-traffiku, il-problemi tas-saħħa kkawżati mis-sustanzi li jniġġsu l-arja, u miż-żieda ta’ l-emissjonijiet tad-CO2, li b’hekk iħallu impatt fuq l-għanijiet tat-tibdil fil-klima ta’ l-UE. Il-Komunikazzjoni tirreferi għall-iżvilupp ta’ vetturi iktar nodfa u l-immaniġġjar tat-traffiku f’żoni urbani u tinkoraġġixxi l-akkwist pubbliku bħala mezz li jippromwovi l-innovazzjonijiet ambjentali u tirrakkomanda b’mod espliċitu ċaqliqa lejn karozzi tal-linja “nodfa”.

(A5-0054/2001) huwa argumenta li ttieħdet azzjoni insuffiċjenti fuq il-livell ta’ l-UE biex ikun indirizzat l-użu ta’ l-enerġija tat-trasport. Huwa stqarr li “l-esperjenza turi li l-programmi ta’ akkwist pubbliku li huma mmirati sew għandhom il-potenzjal li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-prezz ta’ apparat li huwa effiċjenti fl-enerġija, li għadu mhux vijabbli kummerċjalment, u li għalhekk jagħmlu kompetittiv mat-teknoloġiji konvenzjonali”. Huwa sejjaħ ukoll lill-Kummissjoni biex tesplora oqsma tat-teknoloġija adattati fejn l-inizjattivi ta’ akkwist fuq skala kbira jistgħu jirriżultaw fi qligħ ta’ effiċjenza maġġuri.

Din il-proposta twieġeb għax-xewqat tal-Kunsill u l-Parlament biex jiġu promossi vetturi li huma nodfa u effiċjenti fl-enerġija, u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati għal approċċ li huwa newtrali fit-teknoloġija u tirrispondi b’mod dirett għall-prijoritajiet imfassla mill-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta’ Marzu 2005 fil-kuntest ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE rregolat l-emissjonijiet tal-vetturi permezz ta’ l-hekk imsejħa standards “Euro”, b’valuri ta’ limitu li jsiru iktar stretti tul is-snin. L-aħħar standards implimentati huma l-istandards Euro 4 għall-karozzi tal-passiġġieri u l-Vetturi Light Duty , minn Jannar 2005. Proposta għall-Euro 5 għall-karozzi tal-passiġġieri u l-Vetturi Light Duty se ssegwi fl-2006. F’dak li għandu x’jaqsam mal-Vetturi Heavy Duty , l-istandards Euro 4 daħlu fis-seħħ minn Ottubru 2005 u l-istandards Euro 5 se jidħlu fis-seħħ fl-2008.

L-effett tal-miżuri fuq livelli tat-tniġġis mit-trasport kien sinifikanti. L-emissjonijiet tas-sustanzi varji rregolati li jniġġsu waqgħu b’medja bejn 20 u 50% mill-1995. Iktar tnaqqis huwa mistenni, li jġib il-livelli ’l isfel għal 25-50% tal-livell ta’ l-2000 sa l-2020 (L-immudellar tal-CAFE ( Clean Air For Europe /Arja Nadifa għall-Ewropa), 2005).

Madankollu, f’ħafna postijiet il-kwalità ta’ l-arja ambjentali għadha ma tilħaqx ir-rekwiżiti legali stipulati mid-Direttivi ta’ l-UE. Valuri ta’ limitu għall-partikuli, li ġew fis-seħħ minn Jannar 2005, jippreżentaw il-problemi u l-istess jista’ jkun mistenni fil-futur bl-ossidu nitruż meta l-valuri tal-limitu jitnaqqsu minn Jannar 2010. Restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-vetturi diġà ġew imposti mill-bliet sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE fid-Direttiva 2005/55/KE tipprovdi definizzjoni ta’ “Vettura ekoloġika mtejba” (“EEV”) għall-Vetturi Heavy Duty , ’il fuq minn 3.5 t fil-piż, li tiffissa valuri ta’ limitu iktar baxxi minn dawk previsti s’issa għall-istandards Euro 5 għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu. Introduzzjoni obbligatorja ta’ vetturi ekoloġiċi mtejba tista’ tgħin lill-korpi pubbliċi biex jilħqu l-obbligi li ħerġin mid-Direttivi tal-Kwalità ta’ l-Arja.

- Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn ta’ l-Unjoni

Il-proposta hija komplementari għall-miżuri ta’ l-UE fuq l-istandards minimi ta’ l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, fuq it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tad-CO2 permezz ta’ ftehimiet volontarji, tikkettjar, u miżuri fiskali, u fuq il-promozzjoni ta’ l-introduzzjoni fis-suq tal-bijofjuwils.

Din id-Direttiva hija skond l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-vetturi. Fil-fatt, id-Direttiva 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku diġà tħalli, taħt ċerti kundizzjonijiet, rati ta’ dwana u sisa divrenzjati għal fjuwils alternattivi bħalma huma l-bijofjuwils, il-gass naturali, u l-LPG. Barra dan, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat proposta għal Direttiva (KUMM(2005) 261 tal-5 ta’ Lulju 2005) li titlob li t-tassazzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri tkun ibbażata għall-inqas parzjalment fuq l-emissjonijiet tad-CO2 sabiex tinkoraġġixxi l-akkwist ta’ vetturi li huma iktar nodfa u iktar effiċjenti fl-enerġija. Hija tinkludi wkoll, fit-tielet “billi” (premessa) tagħha, invit lill-Istati Membri biex japplikaw inċentivi fiskali koordinati għall-karozzi tal-passiġġieri li jissodisfaw limiti ta’ emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu iktar stretti mill-Euro 4 u biex iħaffu t-tqegħid fis-suq ta’ karozzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri (Euro 5).

It-titjib tat-teknoloġiji konvenzjonali u l-iżvilupp tat-teknoloġiji alternattivi tal-vetturi li ġejjin kellhom l-appoġġ mill-fondi tal-Komunità mill-Programmi ta’ Qafas ta’ l-iżvilupp tar-riċerka u dak tekniku u mill-Fondi Strutturali, u promossi mill-karti tal-politika tal-Kummissjoni dwar fjuwils alternattivi:

a) Il-vetturi li jużaw il-bijofjuwils, jew f’taħlit għoli f’vetturi ordinarji jew f’taħlit għoli f’vetturi li huma adattati b’mod speċjali.

b) Il-vetturi li jimxu bil-gass naturali mħaddmin minn magna modifikata għall-kombustjoni tal-metanu, il-komponent prinċipali tal-gass naturali.

c) Il-vetturi mħaddmin minn magna ta’ kombustjoni li taħdem fuq gass ta’ żejt mhux raffinat likwefatt (LPG) li jikkonsisti minn taħlita ta’ idrokarburi ħfief, l-iktar il-propan u l-butan.

d) Il-vetturi mħaddmin minn muturi elettriċi li jużaw l-enerġija maħżuna f’batteriji li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid.

e) Il-vetturi ibridi, li jużaw żewġ tipi ta’ muturi, magna ta’ kombustjoni u mutur elettriku, li jippermettu l-irkupru ta’ l-enerġija moħlija fl-ibbrejkjar permezz ta’ ħżin fil-batteriji.

f) Il-vetturi bl-idroġenu/b’ċelloli tal-fjuwil li jużaw l-idroġenu bħala mezz għat-twassil ta’ l-enerġija jew bħala fjuwil f’magna ta’ kombustjoni jew f’reazzjoni kimika li tipproduċi s-sħana u l-elettriku f’ċellola tal-fjuwil.

Iż-żieda fl-użu tal-bijofjuwils għall-vetturi huwa wkoll għan tal-pjan ta’ azzjoni tal-bijomassa, li l-Kummissjoni adottat reċentement (KUMM(2005)628 finali), u li għandha tkun komplementata minn Komunikazzjoni dwar il-bijofjuwils sal-bidu ta’ l-2006. Iż-żieda fil-konsum tal-bijofjuwils, li l-UE tixtieq tara (b’mira ta’ 5.75% ta’ sehem fis-suq sa l-2010), tinħtieġ qafas stabbli, li jinkludi ż-żieda fil-ġibda tas-suq mill-konsumaturi. Numru ikbar ta’ vetturi li huma adattati għall-bijofjuwils b’taħlita għolja jista’ jagħti appoġġ addizzjonali għat-twessigħ tas-suq tal-bijofjuwil.

L-obbligu ta’ l-akkwist ta’ vetturi nodfa mdaħħal b’din l-inizjattiva għall-korpi pubbliċi se jikkontribwixxi għal titjib ġenerali tal-prestazzjonijiet tal-vetturi mqiegħda fis-suq, waqt li jinkoraġġixxi lill-manifatturi biex jinvestu fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji iktar nodfa.

2) Konsultazzjoni tal-partijiet interessati u valutazzjoni ta’ l-impatt

- Konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi prinċipali mmirati u profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu

Il-Kummissjoni kellha konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-Istati Membri fuq miżuri possibbli biex jippromwovu l-iżvilupp u l-penetrazzjoni fis-suq ta’ vetturi nodfa. Saru valutazzjonijiet ta’ l-impatt fuq approċċi differenti, ibbażati jew fuq l-istandards tat-teknoloġija jew fuq dawk tal-prestazzjoni.

Konsultazzjonijiet twettqu fil-qafas ta’ studji ta’ għarfien espert irrealizzati fuq żewġ approċċi differenti għal din l-inizjattiva leġiżlattiva u kienu akkumpanjati minn grupp intern ta’ interservizz tal-Kummissjoni. Approċċ li huwa orjentat lejn it-teknoloġija kien ibbażat fuq is-selezzjoni ta’ teknoloġiji speċifiċi. Approċċ li huwa newtrali lejn it-teknoloġija kien ibbażat fuq l-integrazzjoni ta’ spejjeż għall-konsum tal-fjuwil u l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu fl-ispiża tax-xiri tal-vettura. Darbtejn saru seduti ma’ partijiet interessati u esperti nazzjonali. Iktar informazzjoni estiża nġabret permezz ta’ kwestjonarji mqassma u vvalutati fil-qafas ta’ l-istudji ta’ għarfien espert.

Saru kuntratti bilaterali ma’ xi partijiet interessati sabiex jaqsmu l-informazzjoni.

L-inizjattiva għall-azzjoni leġiżlattiva dwar il-promozzjoni ta’ vetturi nodfa ġiet ippreżentata wkoll lill-Grupp ta’ Livell Għoli tal-grupp CARS 21 tal-Kummissjoni u l-industrija.

Taqsira ta’ tweġibiet u kif dawn ġew ikkunsidrati

Il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 tal-Kummissjoni u l-industrija appoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar il-promozzjoni ta’ vetturi li huma nodfa u effiċjenti fl-enerġija, bil-kundizzjoni li jittieħed approċċ li huwa teknoloġikament newtrali u li huwa bbażat fuq il-prestazzjoni.

Appoġġ għall-proposta ta’ obbligu ta’ l-akkwist għall-korpi pubbliċi ġiet espressa fl-istadji kollha tal-konsultazzjoni, bir-rakkomandazzjoni li jittieħed approċċ teknoloġikament newtrali.

Punt fokali fuq parti mis-suq bħala tip ta’ introduzzjoni sperimentali tal-miżura, li jippermetti l-ittestjar tal-metodi u l-ħtiġijiet tat-teknoloġija, kien appoġġjat.

- Ġbir u użu tal-kompetenza

Oqsma xjentifiċi/ta’ għarfien espert ikkonċernati

L-istudji li saru pprovdew analiżi kwalitattiva u kwantitattiva ta’ l-impatt ta’ tali inizjattiva permezz ta’ analiżi ta’ spiża/benefiċċju, u ġabru data biex jevalwaw il-qafas ġenerali ta’ din l-inizjattiva.

Il-metodoloġija użata

Żewġ approċċi għal azzjoni leġiżlattiva kienu vvalutati b’mod indipendenti minn żewġ konsulenti, COWI u PriceWaterhouse Coopers. Approċċ orjentat lejn it-teknoloġija ħa bħala bażi s-selezzjoni ta’ teknoloġiji speċifiċi kkunsidrati bħala nodfa u effiċjenti fl-enerġija. Approċċ li huwa newtrali lejn it-teknoloġija kkunsidra assimilazzjoni ta’ l-ispejjeż għall-konsum tal-fjuwil u l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu fl-ispiża tax-xiri tal-vettura.

Organizzazzjonijiet/esperti prinċipali kkonsultati

L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi ta’ l-Awtomobbli (ACEA), l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ l-LPG (AEGPL), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-fornituri ta’ komponenti ta’ l-awtomobbli (CLEPA), l-assoċjazzjoni Ewropea tal-kumpaniji taż-żejt għall-ambjent, is-saħħa, u s-sikurezza fl-irfinar u d-distribuzzjoni (CONCAWE), il-bliet rappreżentanti taċ-CIVITAS (Stokkolma, Bremen, Rotterdam), DEUTSCHER STÄDTETAG, L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifattur ta’ l-Emulsjoni tal-Fjuwil (EEFMA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Vetturi tal-Gass Naturali (ENGVA), il-Kunsill Ewropew għall-Awtomottiv R&D (EUCAR), il-Federazzjoni Ewropea għat-Trasport u l-Ambjent (T&E), l-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku (UITP), u l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ l-Industrija (UNICE) ġew ikkonsultati.

Esperti nazzjonali ta’ l-Istati Membri kollha ġew ikkonsultati permezz ta’ Grupp Espert Konġunt tat-Trasport u l-Ambjent.

Taqsira tal-pariri rċevuti u użati

L-eżistenza ta’ riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi irreversibbli ma ssemmietx.

Il-konklużjonijiet prinċipali kienu li din id-direttiva seta’ jkollha impatt pożittiv fuq is-suq ta’ vetturi nodfa u fuq l-ambjent, li l-effett ta’ tali inizjattiva kien l-aħjar għal ċerti kategoriji ta’ vetturi, u li seta’ jappoġġja l-industrija fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji iktar nodfa. Approċċ li huwa newtrali lejn it-teknoloġija kien rakkomandat sabiex iħalli l-flessibilità għall-industrija biex taġġusta l-progress tekniku u ekonomiku.

Mezzi użati biex il-parir ta’ l-esperti jsir disponibbli għall-pubbliku

Tqassmu minuti lill-organizzazzjonijiet kollha involuti.

- Valutazzjoni ta’ l-impatt

L-opzjonijiet prinċipali tal-politika li ġew ikkunsidrati kienu ftehimiet volontarji, tixrid ta’ l-informazzjoni, u azzjonijiet regolatorji. Il-każ ta’ politika xejn ipprovda punt ta’ referenza ma’ xiex tqabblu x-xenarji l-oħra tal-politika.

o Ftehimiet volontarji jimplikaw inċertezza fuq ir-riżultat u d-diffikultajiet fil-valutazzjoni ta’ l-evoluzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-impenji biex jintlaħaq l-għan. Madankollu huma inċentiv biex il-manifatturi jagħmlu progress. Fuq kollox, inizjattiva volontarja tkun tinvolvi biss parti mill-korpi pubbliċi u dan jista’ jfisser li l-effett tagħha fuq is-suq globali tkun iżgħar minn obbligu ġenerali. Problema oħra tista’ tkun li l-vetturi li jirrispondu għall-inizjattiva ta’ l-akkwist jistgħu ma jkunux offruti mill-manifatturi fl-UE kollha. Billi l-għan tal-politika huwa li jippromwovi s-suq għal vetturi tat-trasport bit-triq nodfa ma jidhirx effettiv li jgħaddi ftehim volontarju ġdid ma’ l-industrija tal-manifattura tal-karozzi. Skema volontarja tkun timplika li jkunu infurzati kampanja ta’ informazzjoni u persważjoni bl-għan li jorjentaw deċiżjonijiet ta’ xiri.

o Tixrid ta’ informazzjoni fuq l-użu ta’ kriterji ambjentali fil-proċess ta’ l-akkwist tal-vetturi: din l-opzjoni ta’ politika ma tkunx tinvolvi rekwiżiti diretti. Madankollu, l-informazzjoni u l-għarfien imxerrda għandhom ikunu organizzati u l-UE tista’ tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri. Aċċess għall-informazzjoni se jagħmilha iktar faċli għall-korpi pubbliċi biex jieħdu f’konsiderazzjoni kriterji ambjentali meta jingħataw kuntratti u jinxtraw vetturi. Disponibilità ta’ informazzjoni dwar karatteristiċi tekniċi u spejjeż finanzjarji addizzjonali se jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet meta jinxtraw il-vetturi. Tista’ tgħin li jkunu megħluba n-nuqqas ta’ barrieri ta’ l-għarfien u jiżdiedu s-setturi pubbliċi li jakkwistaw vetturi nodfa.

o Rekwiżit espliċitu li l-akkwist pubbliku tal-vetturi tat-triq jikkunsidra l-konsum ta’ l-enerġija u l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu.

Approċċi differenti għal inizjattiva leġiżlattiva biex jippromwovu vetturi tat-trasport bit-triq nodfa ġew analizzati: approċċ newtrali lejn it-teknoloġija bbażat fuq l-integrazzjoni ta’ l-enerġija u l-ispejjeż tas-sustanzi li jniġġsu fid-deċiżjonijiet ta’ l-akkwist; approċċ orjentat lejn it-teknoloġija bbażat fuq teknoloġiji magħżula; approċċ newtrali lejn it-teknoloġija bbażat fuq standard eżistenti ta’ emissjonijiet.

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt wera li impatt pożittiv fuq l-ambjent u fuq il-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea jista’ jkun mistenni. Profitt ekonomiku nett u l-aħjar riżultat ta’ spiża/benefiċċju jista’ jkun akkwistat b’obbligu ta’ akkwist iffukat fuq il-kategorija ta’ vetturi iktar minn 3.5 tunnellata, li jinkludi karozzi tal-linja u ħafna mill-vetturi ta’ utilità bħalma huma t-trakkijiet tal-ġbir ta’ l-iskart.

Kwota ta’ 25% ta’ l-akkwist ta’ vetturi nodfa jkun fuq naħa waħda kompromess tajjeb bejn l-għanijiet ta’ impatti kbar ħafna fuq it-titjib tal-kwalità ta’ l-arja u l-iżvilupp ta’ suq ta’ vetturi nodfa, u fuq in-naħa l-oħra spiża żejda ta’ investiment li tista’ ssir u disponibilità ta’ suq bil-massa ta’ vetturi nodfa. L-awtoritajiet pubbliċi għad għandhom bżonn jingħataw il-flessibilità għall-akkwist skond ir-rekwiżiti speċifiċi li għalihom l-ebda vettura EEV ma huma disponibbli s’issa.

Il-kwota ta’ 25% fis-suq ta’ Vetturi Heavy Duty b’sehem ta’ 1/3 ta’ l-akkwist pubbliku, tirrappreżenta madwar 10% tas-suq totali. Dan ikun madwar il-minimu meħtieġ għal serje ta’ produzzjoni bil-massa kbira biżżejjed biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala. L-akkwist ta’ vetturi li għandhom prestazzjoni ambjentali aħjar ukoll m’għandux imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex l-ispiża titbaxxa sabiex l-użu tal-flejjes pubbliċi jkun ottimizzat u jillimitahom għall-appoġġ neċessarju biex dawn it-teknoloġiji jsiru ekonomikament vijabbli sabiex jittieħdu minn swieq privati usa’ fuq bażi kompetittiva. Dan l-ammont usa’ fis-suq imbagħad se jipprovdi wkoll qligħ ambjentali ħafna akbar.

Is-settur tal-Vetturi Heavy Duty biss bil-forza kbira tas-suq ta’ l-akkwist pubbliku joffri l-possibbiltà ta’ poter effettiv tas-suq b’sehem raġonevolment żgħir ta’ l-ordnijiet. Għalhekk l-obbligu għall-akkwist ta’ vetturi nodfa għandu jkun limitat għal dan is-settur fl-ewwel stadju abbażi ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt bir-reqqa. Żieda fil-kwota u estensjoni għal setturi oħra ta’ vetturi jistgħu jkunu kkunsidrati fi stadju iktar tard fuq il-bażi ta’ l-iżvilupp tekniku u ekonomiku permess minn din l-inizjattiva.

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni ta’ l-impatt imniżżel fil-Programm ta’ Xogħol, li r-rapport tiegħu huwa aċċessibbli fuq SEG(2005) 1588.

3) Elementi legali tal-proposta

- Taqsira ta’ l-azzjoni proposta

Jinħtieġ li l-korpi pubbliċi jallokaw kwota minima ta’ l-akkwisti annwali tagħhom (xiri jew kiri) ta’ vetturi heavy duty għall-vetturi li jilħqu l-istandard ta’ prestazzjoni ta’ Vettura Ekoloġika Mtejba (EEV).

L-obbligu ta’ l-akkwist ta’ vetturi nodfa propost f’din id-Direttiva huwa limitat, fl-ewwel stadju, għall-vetturi ta’ iktar minn 3.5 t fil-piż sabiex jippermetti l-introduzzjoni mingħajr xkiel ta’ kriterji ta’ premju ambjentali fil-proċess ta’ l-akkwist tal-vettura u biex jipprepara lill-korpi pubbliċi u lill-industrija għal estensjoni possibbli għall-kategoriji oħra ta’ vetturi.

- Il-bażi legali

L-Artikolu 175(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

Politiki biex jippromwovu l-akkwist pubbliku ekoloġiku u iktar effiċjenza fl-enerġija u vetturi iktar nodfa diġà ġew adottati f’xi postijiet fuq livell lokali. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-industrija Ewropea tal-produzzjoni ta’ vetturi bil-massa, ma jidhirx li l-manifatturi se jipproduċu serje speċjali ta’ vetturi biex jirrispondu għall-inċentivi lokali jew saħansitra nazzjonali. Miri obbligatorji għall-akkwist pubbliku ambjentali fil-livell ta’ l-UE jistgħu jipprovdu lis-suq b’assigurazzjoni sinifikanti għall-futur ta’ vetturi nodfa u għalhekk jipprovdu stimulu reali lill-manifatturi tal-vetturi. Dan jista’ jgħin b’mod konsiderevoli fit-titjib ta’ l-ekonomija tal-produzzjoni tal-vetturi fejn massa kritika trid tintlaħaq biex jitħallew l-ispejjeż jinżlu għal-livelli kompetittivi. Barra dan, din l-azzjoni fuq livell ta’ l-UE tkun tappoġġja l-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-industrija awtomottiva ta’ l-UE, kif enfasizzat fir-rapport ta’ l-2004 tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività.

Azzjoni fuq livell nazzjonali biss tirriskja frammentazzjoni tas-suq intern u twassal għall-iżvilupp ta’ mini-serje differenti ta’ vetturi li jirrispondu għar-rekwiżiti nazzjonali u reġjonali differenti. Dan jista’ jwassal għal spejjeż għoljin u jipprevjeni l-ekonomiji ta’ skala. L-ispiża għall-pubbliku tista’ tkun għolja b’mod mhux neċessarju, u l-industrija tkun żvantaġġjata fil-kompetittività tagħha.

L-akkwist pubbliku ffokat fuq livell Ewropew joffri suq kbir biżżejjed għall-vetturi nodfa. Huwa jista’ jkun ukoll segwitu loġiku għall-finanzjament Komunitarju tal-flotot piloti ta’ vetturi nodfa, appoġġjati mill-Programmi ta’ Qafas ta’ Riċerka u Żvilupp u minn Fondi Strutturali. Il-finanzjament Komunitarju, per eżempju l-fondi strutturali u ta’ koeżjoni jistgħu jintużaw għall-promozzjoni ta’ l-izviluppi teknoloġiku ta’ vetturi nodfa, għall-iżvilupp ta' trasport pubbliku nadif f’żoni urbani, u għall-provvista ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni għal fjuwils alternattivi tal-vetturi.

L-abbozz tal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi Komunitarji għall-Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 jgħid li dawn l-investimenti fi trasport nadif għandu jiġi akkumpanjat minn ġestjoni tajba tat-traffiku, u għandha tingħat attenzjoni partikolari lis-sikurezza, skond l-istandards nazzjonali u Komunitarji. Strateġij nazzjonali jew reġjonali jistgħu jqisu wkoll il-ħtieġa li jinkiseb tqassim modal ibbilanċjat (u nadif) li jservi kemm il-ħtiġijiet ekonomiċi kif ukoll dawk ambjentali.

Il-korpi pubbliċi li jiksbu b’mod kollettiv vetturi iktar nodfa jistgħu jipprovdu stimulu sinifikanti għall-manifatturi tal-vetturi u jipprovdu assigurazzjoni ta’ suq għal dawn it-tipi ta’ vetturi, kif mistqarr fil- Green Paper fuq l-effiċjenza fl-enerġija. B’din id-Direttiva, fl-ewwel stadju, kwota ta’ akkwist minima ta’ 25% ta’ vetturi nodfa hija introdotta għall-kategoriji tal-vetturi fejn l-akkwist pubbliku għandu sehem tas-suq sinifikanti. Hekk kif tinkiseb l-esperjenza tas-suq, l-obbligu ta’ l-akkwist jista’ jkun estiż għall-kategoriji kollha tal-vetturi.

L-industrija awtomottiva tipproduċi għal suq wiesa’ ta’ l-UE li huwa integrat sew. Appoġġ lill-iżvilupp ta’ swieq ta’ vetturi nodfa għandu għalhekk ikun armonizzat fuq livell ta’ l-UE biex jipprovdi struttura li tagħti profitt għall-industrija. Il-limiti tal-kwalità ta’ l-arja huma ffissati mil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE. Għalhekk it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu għandu jkun appoġġjat minn azzjonijiet applikabbli madwar l-Unjoni.

L-akkwist totali mill-korpi pubbliċi jammonta għal xi 16% tal-GDP ta’ l-UE. L-akkwist totali annwali tal-vetturi mill-awtoritajiet pubbliċi ġie stmat li hu fl-ordni ta’ 110 000 karozza tal-passiġġieri, 110 000 vettura light duty , 35 000 trakk u 17 000 karozza tal-linja għall-UE-25. L-ishma tas-suq korrispondenti huma ftit inqas minn 1% għall-karozzi, madwar 6% għall-vannijiet u t-trakkijiet, u madwar terz għall-karozzi tal-linja.

Impatt sinifikanti fuq is-suq tal-vetturi jista’ jintlaħaq biss billi jkunu akkumulati l-akkwisti pubbliċi permezz ta’ kriterji armonizzati fuq livell ta’ l-UE.

L-objettiv li jkunu promossi vetturi nodfa ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, imma jeħtieġ azzjoni fuq livell tal-Komunità sabiex jipprovdi massa kritika ta’ vetturi għal żviluppi li jħallu profitt mill-industrija Ewropea.

Għalhekk il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

- Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

Din l-inizjattiva tintroduċi azzjonijiet ta’ akkwist obbligatorju iktar milli volontarju għall-korpi pubbliċi sabiex tipprovdi ġibda fis-suq għall-vetturi nodfa. Id-Direttiva tistipula numru wieħed biss għall-kwota ta’ vetturi nodfa f’kategorija waħda ta’ vetturi.

L-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà li jġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Kwota għal parti biss mill-akkwisti (25%) ġiet introdotta sabiex l-impatti ta’ l-ispiża u tas-suq ikunu mill-aqwa, biex tippermetti introduzzjoni mingħajr xkiel u biex iżżomm marġni ta’ flessibilità għall-korpi pubbliċi għall-akkwist skond rekwiżiti speċifiċi.

- L-għażla ta’ l-istrumenti

Strumenti proposti: direttiva.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja(ġejjin).

Approċċ obbligatorju huwa essenzjali biex jinħoloq l-inċentiv neċessarju għall-manifatturi biex jiżviluppaw vetturi nodfa għal suq usa’.

Obbligu fuq l-awtoritajiet pubbliċi biex jallokaw ċerta kwota ta’ l-akkwist annwali tagħhom tal-vetturi tat-trasport bit-triq għall-vetturi nodfa jista’ jagħmel impatt sostanzjali fuq il-kwalità ta’ l-arja u jipprovdi l-appoġġ neċessarju għall-introduzzjoni f’suq usa’ ta’ teknoloġiji innovattivi. Operaturi indipendenti li jipprovdu servizzi tat-trasport taħt il-konċessjoni jew il-permess ta’ l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jingħataw obbligi simili biex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta.

Introduzzjoni obbligatorja ta’ vetturi ekoloġiċi mtejba tista’ tgħin lill-korpi pubbliċi biex jilħqu l-obbligi li ġejjin mid-Direttivi tal-Kwalità ta’ l-Arja.

4) Implikazzjoni għall-baġit

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

5) Informazzjoni addizzjonali

- Analiżi mill-ġdid/reviżjoni/ sunset clause

Din il-proposta tinkludi klawsola ta’ reviżjoni.

- Tabella ta’ korrelazzjoni

L-Istati Membri huma meħtieġa li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu traspożizzjoni tad-Direttiva kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

- Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-għan tad-Direttiva.

L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-korp pubbliku u l-vetturi nodfa għall-iskopijiet tad-Direttiva.

L-Artikolu 3 joħloq obbligu għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-korpi pubbliċi u l-operaturi indipendenti li jipprovdu servizzi tat-trasport taħt il-konċessjoni jew il-permess minn korp pubbliku jallokaw kwota ta’ 25% tax-xiri jew il-kiri totali annwali tagħhom ta’ vetturi li għandhom piż ikbar minn 3.5 t għal vetturi nodfa.

L-Artikolu 4 jipprovdi għal definizzjoni ta’ vetturi nodfa fl-Artikolu 2, punt (b) u l-kwota stabbilita fl-Artikolu 3 biex tkun adattata biex tikkunsidra l-iżviluppi tekniċi. Il-Kummissjoni se tkun assistita minn kumitat regolatorju.

L-Artikolu 5 jikkonċerna l-ħolqien ta’ kumitat regolatorju u r-regoli tiegħu ta’ l-operazzjoni.

L-Artikolu 6 joħloq obbligi għall-Istati Membri li jirrapportaw fuq l-akkwist u l-istokk ta’ vetturi nodfa u għall-Kummissjoni biex tiġbor u tippubblika din l-informazzjoni, u tivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva kif ukoll azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri biex jippromwovu x-xiri u l-kiri ta’ vetturi ekoloġiċi mtejba ta’ inqas minn 3.5 tunnellati u tipproponi azzjonijiet oħra possibbli li jinkludu l-estensjoni tad-Direttiva biex tkopri kategoriji oħra ta’ vettura.

L-Artikoli 7, 8 u 9 huma d-dispożizzjonijiet normali li għandhom x’jaqsmu mad-dħul fis-seħħ tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

2005/0283 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-promozzjoni ta’ vetturri tat-trasport bit-triq nodfa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Ir-riżorsi naturali u l-utilizzazzjoni prudenti u razzjonali tagħhom kif hemm referenza għalihom fl-Artikolu 174(1) tat-Trattat tal-KE, jinkludu ż-żejt, li qiegħed fl-ewwel post fil-konsum ta’ l-enerġija Ewropea imma huwa wkoll sors ewlieni ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu.

(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “ A sustainable Europe for a Better World: a European Union strategy for Sustainable Development " (Ewropa sostenibbli għal Dinja Aħjar: strateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli)[5], ippreżentata lill-Kunsill Ewropew ta’ Gothenburg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001, identifikat l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra u t-tniġġis ikkawżat mit-trasport fost l-ostakli prinċipali għall-iżvilupp sostenibbli.

(3) Il- Green Paper tal-Kummissjoni “ Towards a European strategy for the security of energy supply ” (Lejn strateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija)[6] enfasizzat il-potenzjal kbir għall-iffrankar ta’ l-enerġija fis-settur tat-trasport u l-ħtieġa għall-azzjoni urġenti fil-qasam. Hija pproponiet azzjoni biex tinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġiji li huma iktar effiċjenti u jniġġsu inqas.

(4) Il- White Paper tal-Kummissjoni “ European transport policy for 2010: time to decide ” (Il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: żmien li niddeċiedu) tattribwixxi r-responsabilità prinċipali għaż-żieda kontinwa ta’ l-emissjonijiet tad-CO2 li għandhom x’jaqsmu mat-trasport lit-trasport bit-triq. Il- White Paper ikkonkludiet li l-miżuri meħudin sa llum biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra tal-vetturi bil-mutur u d-dipendenza ta’ l-enerġija Ewropea nstabu mhux adegwati.

(5) Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent tal-Komunità[7] tagħraf il-bżonn ta’ miżuri speċifiċi biex ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar ta’ l-enerġija, l-integrazzjoni ta’ miri għall-bidla fil-klima fil-politiki tat-trasport u l-enerġija kif ukoll il-bżonn ta’ miżuri speċifiċi fis-settur tat-trasport biex jiġi indirizzat l-użu ta’ l-enerġija u l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra.

(6) Il- Green Paper tal-Kummissjoni dwar L-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġijajew Li Jsir Aktar B’Inqas[8] ipproponiet miżuri speċifiċi biex ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija fit-trasport u ssuġġeriet bħala azzjoni konkreta l-akkwist pubbliku ta’ vetturi li jniġġsu inqas u li huma iktar effiċjenti fl-enerġija sabiex tibni suq għal dawn it-tipi ta’ vetturi.

(7) Il-Komunità impenjat ruħha għal tnaqqis ta’ 8% fl-emissjonijiet tad-CO2 bejn l-1990 u l-2008-2012 taħt il-Protokoll ta’ Kyoto. Il-miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-effiċjenza fl-enerġija u ma’ sorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli huma elementi importanti ta’ l-azzjoni meħtieġa biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto, hekk kif huwa pprovdut fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-politiki ta’ l-UE u l-miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra: lejn Programm Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (ECCP – European Climate Change Programme )[9].

(8) L-istandards ta’ prestazzjoni għandhom jintużaw għall-promozzjoni ta’ vetturi nodfa. Standard għall-Vetturi Ekoloġiċi Mtejba (EEV – Enhanced Environmentally Friendly Vehicles ) hekk kif ġie ddefinit fid-Direttiva 2005/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2005 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu li fihom il-gass u f’sura ta’ partikuli separati minn magni ta’ tqabbid bil-kompressjoni għall-użu fil-vetturi, u l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu li fihom il-gass minn tqabbid pożittiv b’gass naturali jew gass miż-żejt mhux raffinat imdewweb għall-użu fil-vetturi[10] għall-vetturi ta’ iktar minn 3.5 t fil-piż. Fil-preżent, dan l-istandard jidher li hu l-iktar xieraq biex jintuża għad-definizzjoni ta’ vettura nadifa f’din id-Direttiva. Madankollu, għandu jkun ipprovdut għall-possibbiltà li tkun emendata din id-definizzjoni biex jiġi kkunsidrat l-aħħar progress tekniku.

(9) Vetturi b’konsum baxx ta’ fjuwil jew li jużaw fjuwils alternattivi, li jinkludu l-bijofjuwils, il-gass naturali, l-LPG jew l-idroġenu, u teknoloġiji differenti, li jinkludu sistemi elettriċi jew ibridi ta’ kombustjoni/elettriċi, jistgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis ta’ emissjonijiet u tniġġis.

(10) L-akkwist obbligatorju ta’ vetturi nodfa għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tniġġis u l-konsum ta’ l-enerġija u jiffavorixxi l-introduzzjoni iktar mgħaġġla fis-suq ta’ dawn it-teknoloġiji tal-vetturi.

(11) Din id-Direttiva ma tfixkilx lill-Istati Membri milli jippromwovu wkoll l-akkwist ta’ vetturi bi prestazzjoni ambjentali mtejba fil-kategoriji taħt it-3.5 t fil-piż, billi jagħtu preferenza lill-aħħar standards Euro ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu skond id-Direttiva 70/220/KE u, fil-kategorija tal-karozzi tal-passiġġieri, għall-vetturi bl-emissjonijiet ta’ CO2 li huma inqas minn 120 g/km, li tieħu f’kunsiderazzjoni t-teknoloġiji kollha tal-vetturi li jinkludu dawk ibbażati fuq il-gażolina u d-diżil kif ukoll fjuwils u teknoloġiji alternattivi, bħalma huma l-bijofjuwils, il-gass naturali, l-LPG, l-idroġenu, u s-sistemi elettriċi jew ibridi ta’ kombustjoni/elettriċi.

(12) L-obbligi biex jinxtraw jew jinkrew vetturi għandhom ikunu applikati b’mod simili għal dawk kollha li jipprovdu servizzi ta’ trasport pubbliku.

(13) Il-vetturi nodfa għandhom prezz ta’ xiri ogħla minn dawk konvenzjonali għax is-suq għal dawn it-tipi ta’ vetturi mhux żviluppat sew. Il-ħolqien ta’ domanda minima ta’ vetturi bħal dawn għandu jiżgura li l-manifatturi jwieġbu b’mod pożittiv, li twassal għall-introduzzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji iktar effiċjenti u effettivi. Hekk kif id-domanda tikber, l-ekonomija fil-kobor għandha twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż.

(14) Spejjeż ogħla għall-vetturi nodfa m’għandhomx iwasslu għal degradazzjoni tal-kwalità tas-servizz tat-trasport pubbliku. Għalhekk l-appoġġ finanzjarju mill-fondi nazzjonali u fondi xierqa tal-Komunità jista’ jpatti għall-ispejjeż ogħla ta’ l-akkwisti li jsiru. Riżultat globali pożittiv tal-benefiċċju meta mqabbel ma’ l-ispiża huwa mistenni għas-soċjetà permezz ta’ tnaqqis ta’ l-impatti ambjentali u tas-saħħa.

(15) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni[11].

(16) Billi l-għan tal-promozzjoni tal-vetturi nodfa ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, imma għandu bżonn ta’ azzjoni fuq livell tal-Komunità sabiex tkun pprovduta massa kritika ta’ vetturi għall-iżviluppi li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż mill-industrija Ewropea, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex tilħaq dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Is-suġġett

Din id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni xierqa biex jiżguraw li l-korpi pubbliċi jakkwistaw ċerta kwota ta’ vetturi nodfa.

Artikolu 2Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) "Korpi pubbliċi" għandha tfisser l-awtoritajiet ta’ l-Istat, reġjonali jew lokali, korpi ggvernati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn awtorità waħda jew iktar bħal din jew minn korp wieħed jew iktar bħal dan iggvernat mil-liġi pubblika; l-impriżi pubbliċi.

"Korp iggvernat mil-liġi pubblika" tfisser kwalunkwe korp:

- stabbilit għall-għan speċifiku li jintlaħqu l-ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali,

- li għandu personalità legali u

- li hu ffinanzjat, mill-parti l-kbira, mill-awtoritajiet ta’ l-Istat, reġjonali jew lokali, jew korpi oħra ggvernati mil-liġi pubblika; jew suġġett għas-superviżjoni ta’ l-immaniġġjar minn dawk il-korpi; jew li għandu bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, fejn iktar minn nofs tal-membri tiegħu huma maħtura mill-awtoritajiet ta’ l-Istat, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra ggvernati mil-liġi pubblika.

“ Impriża pubblika " hija kwalunkwe impriża li fuqha l-korpi pubbliċi jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti b’mod dirett jew indirett b’virtù tal-pussess tagħhom fuqha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jiggvernawha. Influwenza dominanti mill-parti tal-korpi pubbliċi għandha tkun preżumibbli meta dawn l-awtoritajiet, b’mod dirett jew indirett, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ impriża:

- iżommu l-maġġoranza tal-kapital sottoskritt ta’ l-impriża, jew

- jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ishma maħruġa mill-impriża, jew

- jistgħu jlaħħqu iktar minn nofs tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ l-impriża.

(b) "Vettura nadifa" tfisser vettura ġdida għat-trasport bit-triq li hi skond l-istandard “EEV” (Vettura Ekoloġika Mtejba) kif inhu mfisser fl-Artikolu 1 (c) u kkwantifikat fis-Sezzjoni 6.2.1 ta’ l-Anness I tad-Direttiva 2005/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-verżjoni kurrenti tiegħu.

Artikolu 3Il-promozzjoni ta’ vetturi nodfa

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwota ta’ 25% tal-vetturi tat-trasport bit-triq b’piż mgħobbi totali massimu li huwa teknikament permissibbli ta’ iktar minn 3.5 tunnellati, li huma mixtrija jew mikrija f’sena partikolari minn korpi pubbliċi u operaturi li jipprovdu servizzi tat-trasport taħt il-konċessjoni jew il-permess ta’ korp pubbliku, minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala operaturi, jkunu vetturi nodfa kif iddefiniti fl-Artikolu 2.

Artikolu 4Adattamenti għall-progress tekniku

1. Id-definizzjoni ta’ vettura nadifa kif stipulata fl-Artikolu 2(b), tista’ tkun adattata għall-progress tekniku skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 6(2).

2. Il-kwota ta’ vetturi nodfa stabbilita fl-Artikolu 3 tista’ tiżdied skond il-progress tekniku u biex jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-iżviluppi fis-suq tal-vetturi skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 5Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni hija assistita minn kumitat.

2. Fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, li jikkunsidraw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 ta’ din.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stipulat għall- …[ma jistax jaqbeż it-3 xhur]

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

Artikolu 6 Rappurtar u reviżjoni

1. Fuq bażi annwali, b’effett mid-data msemmija fl-Artikolu 7(1), l-Istati Membri għandhom jiġbru, għas-sena kalendarja kkonċernata, statistika fuq in-numri u l-ishma relattivi ta’ vetturi ekoloġiċi mtejba mixtrija jew mikrija minn korpi pubbliċi jew operaturi.

Kull sena, l-Istati Membri għandhom jgħaddu din l-informazzjoni, mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru, lill-Kummissjoni.

2. Fuq il-bażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport annwali fuq il-konformità mar-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva.

Sa mhux iktar tard minn tliet snin mid-data fl-Artikolu 7(1), il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva u fuq l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri individwali li jimmiraw lejn l-akkwist ta’ vetturi nodfa ta’ inqas minn 3,5 t fil-piż. Ir-rapport għandu jivvaluta l-effetti ta’ din id-Direttiva, ir-rappurtar mill-Istati Membri u l-ħtieġa għal iktar azzjoni, u jagħmel proposti kif xieraq, b’mod partikulari fuq estensjoni ta’ obbligu ta’ l-akkwist ta’ vetturi nodfa lill-karozzi tal-passiġġieri u vetturi light duty ta’ inqas minn 3.5t fil-piż.

Artikolu 7 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard minn 12-il xahar mid-data fl-Artikolu 8. Minn hawn ’il quddiem huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma jrid ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 8Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 9Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] KUMM(2001) 264.

[6] KUMM(2000) 769.

[7] ĠU L 242, ta’ l-10.9.2002, p. 1.

[8] KUMM(2005).

[9] KUMM(2000) 88.

[10] ĠU L 44, tas-16.2.2000, p.1

11 ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.