52005PC0618

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-perfluorooctane sulfonates (emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE) /* KUMM/2005/0618 finali - COD 2005/0244 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.12.2005

KUMM(2005) 618 finali

2005/0244 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-perfluorooctane sulfonates (emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE)

.

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. INTRODUZZJONI U KUNTEST

Il- perfluorooctane sulfonates (PFOS) huma anijoni li huma disponibbli kummerċjalment fl-għamla ta’ komposti ( salts ), derivattivi u polimeri. L-użi prinċipali tas-sustanzi konnessi mal-PFOS kienu fil-forniment ta’ reżistenza kontra l-griż, iż-żejt u l-ilma ta' materjali bħat-tessuti, it-twapet, il-karta u fil-kisi ġenerali. Is-sustanzi użati f’dawn l-oqsma kienu l-biċċa l-kbira polimeri tal-PFOS għat-tessuti u sustanzi tal-PFOS għall-kisi u t-trattament tal-karta. Użi oħra fi kwantitajiet iżgħar huma fil-plejting bil-kromju, il-fotografija, il-fotolitografija, fil-fowms għat-tifi tan-nar u l-fluwidi idrawliċi għall-avjazzjoni.

Il-proposta hija primarjament ibbażata fuq l-istudji li ġejjin:

- Evalwazzjoni tal-perikli ta’ l-OECD ġiet approvata fl-34 Laqgħa Konġunta tal-Kumitat tal-Kimiċi u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kimiċi, il-Pestiċidi u l-Bijoteknoloġija (mill-5-8 ta’ Novembru 2002). Skond din l-evalwazzjoni, il-PFOS huma persistenti fl-ambjent, bijoakkumulattivi u tossiċi għall-ispeċi mammiferi.

- Ir-Renju Unit ħejja rapport dwar l-evalwazzjoni tar-riskji u strateġija dwar it-tnaqqis tar-riskji li tinkludi evalwazzjoni ta' l-impatt skond il-prinċipji tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji minn sustanzi eżistenti[1].

- Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji u Ambjentali (SCHER - Scientific Committee on Health and Environmental Risks ) xtarr l-aspetti xjentifiċi ta’ l-istrateġija għat-tnaqqis tar-riskji msemmija hawn fuq u fl-opinjoni tiegħu tat-18 ta' Marzu 2005 kkonferma li d- data tindika li l-PFOS kienu persistenti ħafna, tossiċi u bijoakkumulattivi ħafna.

Saru stimi ta' l-emissjonijiet minn kull qasam ta' l-użu. L-evalwazzjoni tar-riskji identifikat il-bżonn li jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa u l-ambjent mill-PFOS. L-istrateġija għat-tnaqqis tar-riskji rrakkomandat it-trażżin tat-tqegħid fis-suq u l-użu għal ċerti użi. Id-Direttiva proposta tkun tkopri l-parti l-kbira tar-riskji mill-esponiment billi tipprevjeni l-użu tal-PFOS fit-twapet, it-tessuti, it-tapizzerija, il-ġlud, l-ilbies, il-karta, il-materjali ta' l-ippakkjar u applikazzjonijiet oħra. Dawn l-użi diġà jidher li ġew mitmuma gradwalment u l-proposta żżomm milli jerġħu jiġu introdotti. Hemm ukoll xi użi oħra speċifiċi u fi kwantitajiet iżgħar fil-plejting tal-kromju, il-fotografija, il-fotolitografija, il-fowms għat-tifi tan-nar u l-fluwidi idrawliċi għall-avjazzjoni. Il-kwantitajiet użati f’dawn l-oqsma limitati, u l-emissjonijiet fl-ambjent, jeħtieġ li jkomplu jiġu assessjati, iżda attwalment mistennija li jkunu żgħar ħafna. Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tar-regolazzjoni ta’ dawn l-użi għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ta’ l-impatt.

Proġett ta’ riċerka li jinsab għaddej imsejjaħ PERFORCE ( http://www.science.uva.nl/perforce/ ) li huwa ffinanzjat mill-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka qed jiġġenera data ġdida, p.eż. dwar l-esponimenti, is-sorsi u r-rotot u l-parametri fiżikokimiċi tal-PFOS.

Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar it-tqarrib tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri konnessi mar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi[2] għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

Għan id-Direttiva jkun li tintroduċi dispożizzjonijiet armonizzati rigward il-PFOS, biex b'hekk tippriserva s-suq intern filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ta' saħħet il-bniedem u ta' l-ambjent, kif rikjest mill-Artikolu 95 tat-Trattat.

2. IL-ĠUSTIFIKAZZJONI GĦALL-PROPOSTA

X’inhuma l-għanijiet tal-proposta inkonnessjoni ma’ l-obbligi tal-Komunità?

Minħabba l-fatt li ċerti użi ta’ kimiċi ma jistgħux jiġu kkontrollati taħt ċerti kundizzjonijiet, is-sigurtà sanitarja u ambjentali tista’ tiġi żgurata biss billi jiġu pprojbiti t-tali użi tas-sustanzi u l-preparazzjonijiet ikkonċernati.

Għan il-proposta huwa li jiġi ppriservat is-Suq Intern. Meta l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jrażżnu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, ikun hemm ostakli għall-kummerċ minħabba d-differenzi fil-leġiżlazzjoni bejn l-Istati Membri. L-Abbozz ta' Proposta jimmira li jtejjeb il-kundizzjonijiet għat-tħaddim tas-Suq Intern għall-benefiċċju tal-protezzjoni sanitarja u ambjentali.

X’inhuma is-serje ta' azzjonijiet disponibbli għall-Komunità?

L-unika serje ta’ azzjoni disponibbli hija li ssawwar proposta għal emenda tad-Direttiva 76/769/KEE li tipprevedi regoli armonizzati dwar l-użu tal-PFOS.

Jinħtieġu regoli uniformi? Ma jkunx biżżejjed likieku jiġu stabbiliti miri biex jiġu implimentati mill-Istati Membri?

Id-Direttiva proposta tkun tistabbilixxi regoli uniformi dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-PFOS. Din tiggarantixxi wkoll livell għoli ta’ protezzjoni sanitarja u ambjentali. L-emenda proposta għad-Direttiva 76/769/KEE hija l-uniku mod kif jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-miri ma jkunux biżżejjed.

3. IL-LOĠIKA WARA L-PROPOSTA

Id-Direttiva proposta tkun testendi l-Anness I għad-Direttiva 76/769 billi żżid is-sustanza PFOS. It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dis-sustanza jkun għalhekk ristrett.

4. L-ISPEJJEŻ U L-BENEFIĊĊJI

4.1. Spejjeż

Id-Direttiva proposta għandha tikkawża biss problemi minuri lill-industrija jew il-kummerċ, billi l-użi tal-PFOS qed jonqsu fil-każi kkonċernati, u l-kumpaniji diġà żviluppaw alternattivi.

4.2. Benefiċċji

Il-benefiċċji tal-proposta huma li jiġi stabbilit Suq Intern kif ukoll li jitħarsu saħħet il-bniedem u l-ambjent. Ir-restrizzjoni proposta se tiżgura li għal ċerti użi li jikkawżaw riskju għal saħħet il-bniedem jew għall-ambjent, il-PFOS ma jibqgħux fis-suq.

5. PROPORZJONALITÀ

Id-Direttiva proposta tkun ta’ benefiċċju f’dik li hija protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u ta’ l-ambjent. Dan se jinkiseb bi spejjeż żgħar.

6. IL-KONSULTAZZJONIJIET IMWETTQA FIT-TĦEJJIJA TA' L-ABBOZZ TA' L-EMENDA

Ittieħdu pariri dwar it-tħejjija tal-proposta permezz ta' laqgħat bl-involviment ta' esperti mill-Istati Membri u l-Kunsill Ewropew ta' l-Industrija Kimika (CEFIC), li l-eżitu tagħhom huwa rifless fil-proposta. L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi, il-BEUC, kienet mistiedna wkoll sabiex tagħmel il-kummenti tagħha.

7. IL-KONFORMITÀ MAT-TRATTAT

Din il-proposta hija maħsuba sabiex tħares is-Suq Intern u fl-istess waqt tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għal saħħet il-bniedem u l-ambjent. Għaldaqstant, hija konformi ma’ l-Artikolu 95(3) tat-Trattat.

8. IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

B’konformità ma’ l-Artikolu 95 tat-Trattat, hija applikabbli l-Proċedura ta' Kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jiġi kkonsultat.

2005/0244 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu tal- perfluorooctane sulfonates (emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE) (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[3],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[5],

Billi:

(1) L-OECD wettqet evalwazzjoni tal-perikli abbażi ta' l-informazzjoni li kienet dispobibbli sa Lulju 2002. Din l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-perikli potenzjali tal- perfluorooctane sulfonates (PFOS) jindikaw kawża ta’ tħassib.

(2) Ir-riskji għas-saħħa u l-ambjent ikkawżati mill-PFOS ġew assessjati skond il-prinċipji tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji minn sustanzi eżistenti[6]. L-evalwazzjoni tar-riskji identifikat il-bżonn li jitnaqqsu r-riskji sanitarji u ambjentali.

(3) Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji u Ambjentali (SCHER) ġie kkonsultat. Ix-SCHER ħass il-ħtieġa għal aktar evalwazzjoni xjentifika tar-riskji tal-PFOS, imma qabel ukoll li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta’ tnaqqis tar-riskji sabiex jiġi evitat milli jidħlu mill-ġdid l-użi preċedenti. Skond ix-SCHER, l-użi kritiċi li għadhom għaddejjin fl-industrija ta’ l-avjazzjoni, l-industrija tas-semikondutturi, u l-industrija fotografika ma jidhrux li jistgħu jikkawżaw xi riskju relevanti għall-ambjent jew saħħet il-bniedem, jekk l-emissjonijiet fl-ambjent u l-postijiet tax-xogħol jiġu mminimizzati. Fir-rigward ta’ fowms għat-tifi tan-nar, ix-SCHER jaqbel li għandhom jiġu assessjati r-riskji sanitarji u ambjentali tas-sostituti qabel ma tittieħed deċiżjoni finali. Fir-rigward tal-plejting tal-kromju, għandhom jiġu assessjati l-miżuri ħalli jitnaqqsu l-emissjonijiet.

(4) Sabiex jitħarsu s-saħħa u l-ambjent, jidher għalhekk neċessarju li t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFOS għandhom jitrażżnu. Id-Direttiva proposta tkun tkopri l-biċċa l-kbira tar-riskji mill-esponiment. L-użi l-oħrajn tal-PFOS ma jidhrux li jikkawżaw xi riskju u dawn għalhekk huma attwalment eżentati. Dawn se jkomplu jinxtarru u se jkunu s-suġġett ta' evalwazzjoni speċifika ta' l-impatt.

(5) Il-prodotti li fihom il-PFOS għandhom jitrażżnu wkoll sabiex jitħares l-ambjent. Id-Direttiva preżenti għandha trażżan biss il-prodotti l-ġodda u m’għandhiex tapplika għal prodotti li diġà qed jintużaw jew li jinsabu għal bejgħ second hand .

(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar it-tqarrib tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri konnessi mar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi[7] għandha tiġi emendata skond dan.

(7) Għan din id-Direttiva hu li tintroduċi dispożizzjonijiet armonizzati rigward il-PFOS, biex b'hekk tippriserva s-suq intern filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni ta' saħħet il-bniedem u ta' l-ambjent, kif rikjest mill-Artikolu 95 tat-Trattat.

(8) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tistabbilixi r-rekwiżiti minimi għall-ħarsien tal-ħaddiema, bħad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol[8], u direttivi individwali bbażati fuqha, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji konnessi ma’ l-esponiment għal-karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Is-sitt Direttiva individwali fis-sens tat-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (verżjoni kkodifikata)[9] u d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma' l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)[10],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE huwa emendat kif jidher fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn xx xx 200x [ sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha ], il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom, mingħajr ebda telf ta' żmien, jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni ta' bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn xx xx 200x [tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] .

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati minn tali referenza dakinnhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS

Il-punt li ġej [XX] jinżied ma' l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE:

“[XX]. Perfluorooctane sulfonates C8F17SO2X (X = OH, Kompost (salt) ta' metall, halide, amide, u derivati oħra li jinkludu l-polimeri) | ((1) Ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jintuża bħala sustanza jew kostitwent fi preparazzjonijiet f'konċentrazzjoni ta’ 0.1 % jew aktar skond il-massa. "(2) M'għandux jitqiegħed fis-suq fi prodotti jew partijiet minnhom f'konċentrazzjoni ta’ 0.1 % jew aktar skond il-massa.” (3) Bħala deroga minn dan, il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għal - fotoreżisti jew kisjiet antiriflessivi għall-proċessi fotolitografi, - kisjiet fotografiċi industrijali applikati għall-films, il-karti, jew il-plejts ta' l-istampar, - is-suppressant tal-foga fil-pjejting tal-kromju, - il-fluwidi idrawliċi għall-avjazzjoni, - il-fowms għat-tifi tan-nar, - sistemi magħluqa kkontrollati fejn il-konċentrazzjoni tal-PFOS li toħroġ fl-ambjent ma tisboqx il-1µg kull kg, u fejn dik l-emissjoni tkun tikkorrespondi għal anqas minn 0.1% skond il-massa tal-PFOS użati fis-sistema. |

[1] ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1.

[2] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201.

[3] ĠU L […], […], p. […].

[4] ĠU L […], […], p. […].

[5] ĠU L […], […], p. […].

[6] ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 57, tal-25.2.2003, p. 2003).

[7] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/21/KE (ĠU L 57, tal-25.2.2004, p. 4).

[8] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. Id-Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[9] ĠU L 158, tat-30.4.2004, p. 50.

[10] ĠU L 131, tal-5.5.1998, p. 11.