52005PC0496

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus jew il-Federazzjoni Russa /* KUMM/2005/0496 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.10.2005

KUMM(2005)496 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus jew il-Federazzjoni Russa

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Raġunijiet għall-proposta u għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien mill-importazzjonijiet iddumpjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat-8 ta' Marzu 2004 (“ir-Regolament bażiku”) fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-klorur tal-potassju li joriġina, inter alia, fir-Russja. |

Kuntest ġenerali Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija riżultat ta’ stħarriġ li twettaq bi qbil mal-ħtiġijiet sostantivi u proċedurali mfassla fir-Regolament bażiku. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Bir-Regolament (KE) Nru 3068/92, il-Kunsill impona miżuri antidumping definittivi fuq il-klorur tal-potassju li joriġina inter alia fir-Russja. Bir-Regolament (KE) Nru 858/2005, il-Kummissjoni aċċettat impenji ta’ prezzijiet minn, inter alia, kumpaniji fir-Russja. |

Konsistenza mal-politika u l-għanijiet l-oħra ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. |

KONSULTAZZJONI MA' PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT |

Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati diġà kellhom il-possibilità li jiddefendu l-interessi tagħhom, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Ġbir u użu ta' kompetenza |

Ma kien hemm ebda ħtieġa ta’ kompetenza esterna. |

Valutazzjoni ta' l-Impatt Din il-proposta hi r-riżultat ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni ġenerali ta’ impatt għaċ-ċirkostanzi li hemm madwar il-proposta preżenti. |

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

Taqsira ta' l-azzjoni proposta Bir-Regolament (KEE) Nru 3068/92, il-Kunsill impona dazji antidumping definittivi fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-potassju li joriġinaw, inter alia, fir-Russja ('il-miżuri eżistenti'). F’Jannar ta’ l-2004, waslu talbiet separati minn għand JSC Silvinit u JSC Uralkali (‘l-applikanti’) għal reviżjonijiet interim parzjali individwali tal-miżuri eżistenti skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ta’ l-Antidumping. Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-inizjazzjoni ta’ reviżjonijiet interim parzjali, il-Kummissjoni ppublikat avviżi ta’ inizjazzjoni u tat bidu għal investigazzjoni. L-abbozz ta’ Regolament mehmuż jemenda r-Regolament 3068/92 u fih ir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet tar-reviżjoni interim parzjali. Il-konklużjonijiet prinċipali jirrigwardaw marġnijiet imnaqqsa ta’ dumping għall-kumpaniji kkonċernati. Barra minn hekk, issa qiegħda tingħata eżenzjoni mid-dazji antidumping soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet peress li ċerti impenji ġew aċċettati mill-Kummissjoni mingħand il-kumpaniji Russi kkonċernati. L-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar din il-linja ta’ azzjoni. 23 Stat Membru appoġġja l-proposta. 2 Stati Membri astjenew. Huwa għalhekk propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament. |

Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet taħt il-prezz minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 tat-8 ta' Marzu 2004. |

Prinċipju ta' sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Prinċipju ta' proporzjonalità |

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: It-tip ta’ intervent huwa deskritt fir-Regolament imsemmi hawn fuq u ma jħalli ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa mminimizzat u proporzjonat ma’ l-għan tal-proposta mhix applikabbli. |

Għażla ta' strumenti |

Strumenti proposti: regolament. |

Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni(ijiet) li ġejja(in): Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

1. Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3068/92 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' klorur tal-potassju li joriġina fil-Belarus jew il-Federazzjoni Russa

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-ħarsien minn importazzjonijiet dumped minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea [1]('ir-Regolament bażiku'), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri eżistenti

(1) Wara investigazzjoni (‘l-investigazzjoni preċedenti’), il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 969/2000[2], emenda l-miżuri oriġinarjament imposti bir-Regolament (KEE) Nru 3068/92[3] dwar importazzjonijiet ta’ klorur ta’ potassju li joriġina, inter alia, fir-Russja (‘il-miżuri eżistenti’).

(2) F'Marzu ta’ l-2004, permezz ta’ avviż ippubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l- Unjoni Ewropea [4], il-Kummissjoni nidiet, fuq inizjattiva tagħha stess, reviżjoni interim parzjali tal-miżuri fis-seħħ biex teżamina jekk għandhomx ikunu emendati biex jitqies it-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea għal 25 Stat Membru fl-1 ta’ Mejju 2004 ('it-Tkabbir').

(3) Ir-riżultati tar-reviżjoni interim parzjali wrew li kien fl-interess tal-Komunità li jsir provvediment għall-adattament temporanju tal-miżuri eżistenti sabiex jiġi evitat, impatt ekonomiku negattiv ħesrem u eċċessiv fuq l-importaturi u l-utenti fl-għaxar Stati Membri ġodda immedjatament wara t-Tkabbir.

(4) Għal dan il-għan, f’Mejju ta’ l-2004, skond ir-Regolament (KE) Nru 1002/2004[5], il-Kummissjoni aċċettat impenji minn żewġ produtturi esportaturi fir-Russja, jiġifieri JSC Silvinit u JSC Uralkali għal perjodu ta’ sena. F’Ġunju 2005, bir-Regolament (KE) Nru 858/2005 [6]impenji ġodda, li jiskadu fit-13 ta’ April 2006, ġew aċċettati miż-żewġ produtturi esportaturi fir-Russja. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm stipulazzjoni għall-eżenzjoni mid-dazji anti-dumping imposti bir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 dwar importazzjonijiet magħmula skond il-kondizzjonijiet ta’ l-impenji, ir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 992/2004[7].

(5) Ta’ min jinnota wkoll li r-referenzi kollha għal ‘il-Komunità’ jew ‘il-Komunità ta’ 15’ fir-Regolament preżenti għandhom jinftiehmu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, bħala l-Komunità kif kostitwita immedjatament qabel it-Tkabbir.

2. Raġunijiet għar-reviżjonijiet preżenti

(6) F’Jannar ta’ l-2004, waslu talbiet separati minn għand JSC Silvinit u JSC Uralkali (‘l-applikanti’) għal reviżjonijiet interim parzjali individwali tal-miżuri eżistenti skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(7) L-applikanti allegaw u pprovdew biżżejjed evidenza prima facie li paragun tal-valur normali bbażat fuq il-prezzijiet domestiċi/ta’ produzzjoni tagħhom stess u l-prezzijiet tagħhom ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità jwassal għal tneħijja tad- dumping . Għalhekk, l-impożizzjoni ssoktata tal-miżuri eżistenti fil-livelli eżistenti, li kienu bbażati fuq il-livell tad- dumping stabbilit qabel, mhix aktar meħtieġa biex tikkumpensa għad- dumping .

(8) Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-inizjazzjoni ta’ reviżjonijiet interim parzjali, il-Kummissjoni ppublikat avviżi ta’ inizjazzjoni u tat bidu għal investigazzjoni[8].

3. Perjodu ta’ Investigazzjoni

(9) L-investigazzjoni kienet limitata għad- dumping u kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2003 sat-30 ta’ Marzu 2004 (il-‘perjodu investigattiv’ jew l-‘PI’).

4. Il-partijiet interessati fl-investigazzjoni

(10) Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, l-applikanti u l-industrija tal-Komunità dwar il-bidu tar-reviżjoni interim parzjali u tat l-opportunità lill-partijiet kollha li huma interessati direttament li jagħtu l-fehma tagħhom bil-miktub u jitolbu li jinstemgħu. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji lill-applikanti. It-tweġibiet tal-kwestjonarji waslu mill-applikanti u minn negozjant esportatur fir-Russja li għandu rbit ma’ waħda mill-kumpaniji applikanti.

(11) Il-Kummissjoni tkixxfet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa bil-għan li tiddetermina d- dumping u wettqet kontrolli fuq it-tweġibiet tal-kwestjonarju fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a) Produtturi esportaturi fir-Russja:

JSC Silvinit, Solikamsk, Perm Region, Russia,

JSC Silvinit, Solikamsk, Perm Region, Russia,

(b) Esportatur b’rabtiet ma’ JSC Silvinit:

International Potash Company, Moscow, Russia

B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1. Il-Prodott ikkonċernat

(12) Il-prodott huwa l-istess bħal dak f’investigazzjonijiet preċedenti, i.e. il-klorur tal-potassju (‘potassa’ jew KCI) u huwa użat b’mod ġenerali fil-biedja bħala fertilizzant, direttament, imħallat ma’ fertilizzanti oħra jew wara trasformazzjoni f'fertilizzant kompless magħruf bħala NPK (nitroġenu, fosfru, potassju). Il-kontenut ta’ potassju huwa varjabbli u jitfisser bħala perċentwali tal-piż ta’ ossidu tal-potassju (fuq il-prodott anidru xott. Jintuża wkoll bħala materja prima fil-manifattura ta’ ċerti prodotti industrijali u farmaċewtiċi.

(13) Il-potassa hija ġeneralment kummerċjalizzata jew taħt forma standard/trab (‘potassa normali’) jew taħt forma oħra li mhix standard u li tinkludi – iżda mhix limitata għal – forma mrammla (‘potassa mrammla’). Il-prodott huwa ġeneralment ikklassifikat fi tliet kategoriji bażiċi, ibbażati fuq il-kontenut ta’ K2O, jiġifieri:

- kontenut ta’ potassju li ma jaqbiżx l-40% ta’ K2O – li jaqa’ fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda(‘NM’) kodiċi 3104 20 10,

-kontenut ta’ potassju li jaqbeż l-40% K2O iżda inqas minn jew ugwali għal 62% - li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 3104 20 50,

-kontenut ta’ potassju ’l fuq minn 62% K2O – li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 3104 20 90.

(14) Ta’ min ifakkar li fl-investigazzjoni preċedenti nstab li xi importazzjonijiet ta’ ċerti taħlitiet jew mixxeli speċjali b’kontenut ta’ potassa ogħla mis-soltu u li ma jaqawx taħt ebda kodiċi NM għall-potassa kif jidher hawn fuq, għandhom jitqiesu wkoll bl-istess mod tal-prodott ikkonċernat. Din il-konklużjoni ntlaħqet peress li taħlitiet u mixxeli bħal dawn kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u għandhom l-istess użu bħall-kategoriji bażiċi msemmija hawn fuq. Għalhekk, taħlitiet u mixxeli bħal dawn li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 3105 20 10, ex 3105 20 90, ex 3105 60 90, ex 3105 90 91 u ex 3105 90 99 iddaħlu wkoll fl-investigazzjoni preżenti u jikkostitwixxu parti mill-prodott ikkonċernat.

2. Il-prodott simili

(15) Ġie stabbilit li, peress li ma kien hemm ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi jew kimiċi bejn il-prodott esportat mir-Russja lejn il-Komunità u l-prodott magħmul fir-Russja u mibjugħ fis-suq domestiku Russu, dawn tqiesu bħala prodotti simili għall-għanijiet ta’ l-investigazzjoni preżenti.

C. ID- DUMPING FIR-RIGWARD TA’ L-APPLIKANTI

1. Il-Valur normali

(16) Sa fejn għandu x’jaqsam il-kalkolu tal-valur normali, l-ewwel ġie stabbilit jekk il-volum totali tal-bejgħ totali tal-prodott simili ta’ kull wieħed mill-applikanti kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volumi totali rispettivi tagħhom ta’ bejgħ esportat lejn il-Komunità. Bi qbil ma’ l-Artikolu 2(2) tar-Regoalment bażiku, il-bejgħ domestiku tqies rappreżentattiv meta kull wieħed mill-volumi domestiċi ta’ bejgħ ta’ l-applikanti tal-prodott simili kkostitwixxa ta’ l-inqas 5% tal-volumi totali rispettivi tagħhom ta’ bejgħ esportat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, għaż-żewġ applikanti, il-bejgħ domestiku ġenerali tal-prodott ikkonċernat matul il-PI nstab li sar fi kwantitajiet rappreżentattivi.

(17) Sussegwentement, bid-definizzjoni tat-tipi tal-prodott skond il-kodiċi TARIC li taħtu l-prodott huwa kklassifikat (i.e. bil-grad standard jew li mhux grad standard, inkluż l-imrammel) u l-ippakkjar jew il-forma li fiha jiġi ttrasportat (i.e. fi kwantitajiet kbar, f’boroż jew f’kontenituri), saret analiżi dwar jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull prodott kienx rappreżentattiv jew le. Il-bejgħ domestiku ta’ xi tip ta’ prodott partikolari ġie ikkunsidrat biżżejjed rappreżentattiv meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dan it-tip matul il-PI rrappreżenta 5% jew iżjed tal-volum totali ta’ bejgħ tat-tip komparabbli tal-prodott esportat lejn il-Komunità.

(18) Bħala riżultat ta’ din l-analiżi, instab li produttur esportatur wieħed, JSC Silvinit, kien biegħ biss tip wieħed ta’ prodott esportat fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku. Rigward l-esportatur produttur l-ieħor, JSC Uralkali, instab li t-tipi kollha esportati ta’ prodott kienu nbiegħu fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku.

(19) Sar ukoll eżami sabiex jinstab jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott jistax jitqies bħala li sar fil-kors normali tal-kummerċ billi jiġi stabbilit il-proporżjon ta’ bejgħ bi profitt lill-klijenti indipendenti tat-tip imsemmi.

(20) F’dan ir-rigward, instab li fil-każ ta’ JSC Uralkali l-prezzijiet domestiċi ta’ bejgh għat-tip ta’ prodott l-aktar mibjugħ esportat lejn il-Komunità (‘it-tip esportat l-aktar mibjugħ’) li jirrappreżenta ’l fuq minn 99% ta’ esportazzjonijiet bħal dawn, urew tendenzi mhux tas-soltu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Ġie stabbilit li, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, 77% tal-bejgħ domestiku tat-tip esportat l-aktar mibjugħ sar lil klijient wieħed fir-Russja u li l-prezz tal-bejgħ lil dan il-klijent partikolari, f'temp ta’ xahar f’nofs il-perjodu ta’ investigazzjoni, kien aktar milli rdoppja. Iż-żidiet fil-prezz għall-istess tip ta’ prodott mibjugħ lil klijienti domestiċi oħra żdiedu wkoll fl-istess ħin, iżda b’marġini biss ta’ madwar 40%. Verifika ta’ żidiet fil-prezz għal tipi oħra ta’ potassa mibjugħa domestikament uriet żidiet simili fil-prezz ta’ madwar 40% matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(21) Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni partikolari tas-suq fir-rigward ta’ prezzijiet għal tip ta’ prodott mudell użat biex jiġi kkalkulat il-marġini ta’ dumping , skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus li bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq. Minħabba s-sinfikat ta’ dan il-bejgħ fil-volumi ta’ bejgħ domestiku tat-tip imsemmi, u l-importanza ta’ dan it-tip fil-volum ġenerali ta’ esportazzjoni ta’ potassa esportata mill-kumpanija kkonċernata lejn il-Komunità, jinħass li jkun raġjonevoli li ma jitqiesx dan il-bejgħ speċifiku lill-klijent immsemmi. Il-bqija tal-bejgħ domestiku ta’ dan it-tip ta’ prodott lil klijenti oħra nstab li kien taħt il-limiti ta’ 5% li huwa kkunsidrat meħtieġ biex jitqies bħala rappreżentattiv. Għaldaqstant, il-valur normali għal dan il-prodott ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz ta’ produzzjoni tal-produttur esportatur ikkonċernat, minbarra ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta' bejgħ, ġenerali u amministrattivi u l-profitt. L-ammonti għall-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għall-profitt kienu bbażati fuq id- data attwali ta’ produzzjoni u bejgħ, fil-kors normali ta’ kummerċ, tal-prodott simili, mill-produttur esportatur investigat skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

(22) Uralkali bagħtu sottomissjoni li “is-sitwazzjoni partikolari tas-suq” prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku mhijiex applikabbli fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-klijent imsemmi u għalhekk kellhom jintużaw il-prezzijiet domestiċi għat-tip ta’ prodott ikkonċernat biex jiġi stabbilit il-valur normali. F’dan ir-rigward l-argument li sar kien (i) li d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regoloment bażiku ma tapplikax fil-każ ta’ “prezzijiet għolja artifiċjalment” u (ii) li kondizzjonijiet speċjali applikati fil-każ ta’ klijient speċifiku wieħed ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu “sitwazzjoni partikolari tas-suq” għas-suq domestiku Russu bħala wieħed sħiħ. Barra minn hekk, kien hemm min sostna li l-prezzijiet imsemmija kienu ġejjin minn “forzi tas-suq” u kienu jirriflettu “is-sitwazzjoni attwali fis-suq”.

(23) Fir-rigward ta’ dan ta’ hawn fuq, xieraq li wieħed jinnota li s-sitwazzjonijiet partikolari tas-suq imsemmija fl-artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku mhumiex eżawrjenti u li l-partikolarità tas-suq għandha tiġi vvalutata, inter alia , f’dawl ta’ varjazzjonijiet ta’ prezz u tendenzi aktar milli unikament fuq il-bażi tal-livell assolut tal-prezzijiet. F’dan il-każ sew it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bi prezz baxx kif ukoll it-tranżazzjonijiet bi prezz għoli tħallew barra mill-kalkoli peress li ma kinux jirriflettu livell ta’ prezzijiet ta’ natura dejjiema u peress li dawn il-prezzijiet ma dehrux li jirriflettu l-forzi tas-suq billi tendenzi bħal dawn ma nstabu għal ebda tip ieħor ta’ prodott jew għal ebda klijent ieħor ta’ l-Uralkali. It-tieni, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jistipula li l-valur normali jista’ jinbena f’sitwazzjonijiet fejn “... minħabba xi sitwazzjoni ta’ suq partikolari bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq ...”. Dan b’mod ċar jippermetti li, bħal fis-sitwazzjoni preżenti, il-bejħ lil klijent meqjus li ma jagħtix lok għal paragun xieraq jista’ jitwarrab bħala bażi biex ikun stabbilit il-valur normali. Din il-konklużjoni mhijiex marbuta mas-suq Russu bħala wieħed sħiħ iżda ma’ dan il-bejgħ ta’ l-Uralkali.

(24) Fir-rigward ta’ JSC Silvinit, fejn il-volum ta’ bejgħ ta’ tip wieħed ta’ prodott, mibjugħ bi prezz nett ta’ bejgħ daqs il-prezz ta’ unità jew aktar, irrappreżenta aktar minn 80% tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip, u fejn il-prezz medju mwieżen ta’ dan it-tip kien daqs jew ogħla mill-prezz aġġustat ta’ unità, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, ikkalkulat bħala medja mwieżna tal-prezzijiet tal-bejgħ kollu domestiku ta’ dan it-tip ta’ prodott imwettaq matul il-PI, kemm jekk dan il-bejgħ ħalla profitt kif ukoll jekk ma ħalliex .

(25) Għat-tip ta’ prodott l-ieħor tal-JSC Silvinit, li nbiegħ fi kwantitajiet mhux suffiċjenti biex il-prezzijiet domestiċi jipprovdu bażi xierqa biex jiġi stabbilit il-valur normali, metodu ieħor kellu jiġi applikat. F’dan il-każ, intuża l-valur normali kostrutt, bi qbil ma’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali ġie kostrutt biż-żieda mal-prezz aġġustat ta’ unità tat-tip esportat, ta’ perċentwali raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi u ta' marġini raġjonevoli ta’ profitt, fuq il-bażi tad- data attwali ta’ produzzjoni u bejgħ, fil-kors normali ta’ kummerċ, tal-prodott simili, mill-produttur esportatur investigat skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

(26) L-Uralkali sostnew li fil-marġini ta’ profitt użat fil-kostruzzjoni tal-valur normali ma tteħidx kont b’mod xieraq ta’ l-aġġustamenti ta’ l-ispejjeż tal-gass, peress li l-profitti użati għall-valuri normali kostrutti nkisbu mill-kontijiet tal-kumpanija qabel ma saru l-aġġustamenti. Iżda, dan l-argument ma setax jiġi aċċettat peress li skond ix- chapeau ta' l-Artikolu 2(6) għall-kostruzzjoni tal-valur normali għandhom jintużaw l-ammonti attwali ta’ profitt miksuba mill-kumpanija fis-suq domestiku.

(27) Fir-rigward ta’ spejjeż marbuta ma’ l-enerġija, bħall-elettriku u l-gass użati fil-proċessi ta’ estrazzjoni u produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-investigazzjoni stabbiliet li dawn l-ispejjeż jiffurmaw proporzjon sinifikanti ta’ l-ispejjeż totali ta’ manifattura tal-produtturi tal-potassa, mhux biss fir-Russja iżda f’pajjiżi produtturi oħra wkoll. F’dan ir-rigward, l-industrija tal-Komunità bagħtet sottomissjoni li l-ispejjeż ta’ enerġija għal kull unità ta’ elettriku u gass imħallsa mill-kumpaniji Russi lill-fornituri tagħhom ma kinux jirriflettu b’mod raġjonevoli l-ispejjeż attwali ta’ produzzjoni ta’ elettriku u gass mixtri.

(28) Minħabba dawn l-allegazzjonijiet, inħass li kien xieraq fil-każ preżenti li kellu jsir paragun ta’ l-ispejjeż għal kull unità ta’ xiri ta’ enerġija ta’ l-applikanti ma’ dawk ta’ produttur prinċipali ieħor ta’ potassa b’metodi simili ta’ produzzjoni, livelli ta’ produzzjoni u vantaġġi naturali simili. Billi m’hemmx produtturi oħra ta’ potassa fir-Russja, din l-informazzjoni ntalbet u nkisbet minn produttur kbir tal-potassa fil-Kanada.

(29) Id- data pprovduta wriet li l-ħtiġijiet ta’ enerġija tal-produttur Kanadiż kienu simili għal dawk tal-produtturi Russi applikanti u li l-elettriku u l-gass mixtri minn din il-kumpanija kienu ġejjin minn oqsma domestiċi ta’ enerġija idro-elettrika u produtturi ewlenija tal-gass, bħalma huwa l-elettriku u l-gass użat mill-kumpaniji Russi. Il-paragun wera li l-prezz għal kull unità ta’ elettriku mħallas mill-produttur Kanadiż ma kienx wisq ’il bogħod minn dak li ħallsu l-produtturi Russi.

(30) Għal dak li għandu x’jaqsam mal-provvisti ta’ gass, instab fuq il-bażi tad- data li tinstab fir-rapport annwali ppublikat għall-2003 tal-fornitur Russu tal-gass OAO Gazprom (li d-distributur reġjonali tiegħu kien ukoll il-fornitur tal-produtturi esportaturi msemmija), li l-prezz domestiku tal-gass imħallas miż-żewġ Produtturi Russi kien madwar wieħed minn ħamsa tal-prezz esportat mir-Russja. L-istess rapport stqarr b’mod ċar li “Gazprom OAO m’għamel l-ebda profitt fis-suq domestiku”. Filwaqt li m’hemm ebda informazzjoni uffiċjalment disponibbli fir-rigward ta’ kapaċità ta’ profitt fuq il-prezzijiet Russi ta’ gass domestiku, kwotazzjonijiet minn sorsi governattivi Russi fl-istampa flimkien ma’ data miksuba minn sorsi speċjalizzati ta’ tagħrif dwar is-suq u l-websajts governattivi kollha jagħtu x’jifhmu li l-prezzijiet tal-gass li l-klijenti domestiċi huma mitluba jħallsu kienu bbażati fuq prezzijiet li kienu ’l bogħod sew mil-livelli ta’ rkupru ta’ l-ispejjeż. Barra minn hekk, il-prezz tal-gass imħallas miż-żewġ Produtturi Russi kien b’mod sinifikanti aktar baxx mill-prezz tal-gass imħallas mill-produtturi Kanadiżi.

(31) Minħabba dan ta’ hawn fuq, inħass għalhekk li l-prezzijiet mitluba mill-fornitur reġjonali Russu tal-gass lill-produtturi Russi tal-potassa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ma setgħux b’mod raġjoneveoli jirriflettu l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tal-gass meta mqabbla mal-prezz esportat ta’ gass mir-Russja u l-prezz ta’ fornitur Kanadiż tal-gass lil xi klijent industrijali prinċipali fil-Kanada. Għalhekk b’ konformità, ma’ l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, sar aġġustament fil-kost ta’ produzzjoni għal kull wieħed mill-applikanti. Fin-nuqqas ta’ xi bażi oħra raġjonevoli, sar dan it-tip ta' aġġustament bl-użu ta’ tagħrif li jirrigwarda l-prezz tal-gass ta’ esportazzjoni, esklużi l-ispejjeż ta’ trasport, it-taxxa doganali ta’ esportazzjoni, it-taxxa tal-valur miżjud u t-taxxa tas-sisa.

(32) F’dan ir-rigward, intbagħtet sottomissjoni minn wieħed mill-applikanti li l-prezz mħallas għall-gass kien rifless b’mod xieraq fir-reġistri ta’ kontabilità tiegħu, b’hekk ebda aġġustament ma’ kien ġustifikabbli skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Bħala tweġiba għal dan l-argument il-kwistjoni mhijiex jekk il-kumpanija żammitx kont kif xieraq jew le tal-prezzijiet fatturati mħallsa, iżda aktar minn hekk l-aġġustament huwa ġustifikat mill-fatt li l-prezz tal-gass mixtri ma jirriflettix b’mod raġjonevoli l-prezz ta’ produzzjoni u distribuzzjoni tal-gass.

(33) Dwar l-aġġustament għall-ispejjeż tal-gass, intbagħtet ukoll sottomissjoni mill-Awtoritajiet Russi li l-Kummissjoni ma kinitx qieset l-ispejjeż differenti ta’ trasport tal-gass mibjugħ domestikament għall-użu industrijali u l-gass mibjugħ għall-esportazzjoni. Ta’ min ifakkar (ara l-premessa (31) li l-paragun li wassal għall-aġġustament sar bejn il-prezzijiet tal-gass fil-fatt imħallsa mill-kumpaniji u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni mitluba mill-fornitur Russu tal-gass OAO Gazprom għall-esportazzjoni mir-Russja, eskluzi l-ispejjeż ta’ trasport, it-taxxa doganali ta’ esportazzjoni, it-taxxa tal-valur miżjud u t-taxxa tas-sisa. Għaldaqstant, din it-talba ġiet irrifjutata.

(34) Wieħed mill-applikanti bagħat sottomissjoni li huwa kellu prezz ta’ unità ta’ produzzjoni aktar baxx b’mod sinifikanti matul l-ewwel kwart ta’ l-2004 (i.e. l-aħħar kwart tal-perjodu ta’ investigazzjoni) minħabba effiċjenza mtejba u spejjeż ta’ manutenzjoni aktar baxxi u li dan il-prezz ta’ unità aktar baxx għandu jitqies bħala l-bażi għall-kost ta’ produzzjoni għall-perjodu kollu ta’ investigazzjoni. Din it-talba ma ntlaqgħetx billi l-bażi xierqa biex jiġu stabbiliti dawn l-ispejjez huwa l-perjodu sħiħ ta’ investigazzjoni, aktar milli spejjeż li seħħu f’perjodu, eċċezzjonalment iqsar.

(35) F’dak li wkoll għandu x’jaqsam mal-kost ta’ produzzjoni, tressqet sottomissjoni mill-industrija tal-Komunità li d-deprezzament ta’ l-assi kapitali, għall-għan tal-kost ta’ produzzjoni ta’ l-applikanti, għandu jkun ibbażat fuq il-prezz ta’ rimpjazzament ta’ dawn l-assi (e.g. xaftijiet ġodda tal-minjiera u makkinarju ġdid eċċ). F’dan ir-rigward, inġab l-argument li d-deprezzament ibbażat konvenzjonalment fuq il-valur ta’ akkwiżizzjoni (storiku) ta’ l-assi kapitali ma jirriflettix, skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, b’mod raġjonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Tressqet sottomissjoni, għalhekk, li kien meħtieġ aġġustament aktar għoli fl-ispejjeż tal-produtturi Russi.

(36) Fir-rigward ta’ din is-sottomissjoni, ġie nnutat li d-deprezzament ibbażat fuq il-valur ta’ akkwiżizzjoni u l-ħajja ekonomika residwa ta’ l-assi kapitali jidher li huwa konformi mal-prassi tal-kontabilità fl-industrija tal-minjieri. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk id-deprezzament inkluż fid- data tal-kost ta’ produzzjoni jirriflettix b’mod raġjonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-investigazzjoni ffukat fuq il-mod kif il-valuri storiċi ta’ l-assi kienu ġew stabbiliti.

(37) F’dan ir-rigward, iż-żjarat ta’ verifika fuq il-post lill-produtturi Russi wrew li l-valur oriġinali ta’ l-assi tagħhom kien ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet imwettqa matul il-proċess ta’ privatizzazzjoni li seħħ fl-1993. Dawn il-valuri ta’ l-assi ġew sussegwentement eżaminati mill-ġdid bejn l-1993 u l-1997 bħala riżultat tal-‘Koeffiċjenti ta’ Rivalutazzjoni’ maħruġa mill-Gvern Russu biex jieħu ħsieb l-iperinflazzjoni. Fl-aħħar ta’ l-1997, wara Digriet tal-Gvern Russu, twettqu evalwazzjonijiet indipendenti ta’ l-assi minn evalwaturi indipendenti. Tliet kriterji bażiċi ġew adottati biex jiġu stabbiliti dawn il-valuri ta’ l-assi, wieħed minnhom kien il-valur ta’ rimpjazzament ta’ l-assi. Ir-riżultat ta’ dawn l-evalwazzjonijiet indipendenti huwa rifless fil-Karta tal-Bilanċ tal-bidu ta’ l-applikanti fl-1998.

(38) Madankollu, minkejja din l-evalwazzjoni aktar għolja tal-valuri oriġinali, ġie nnutat li l-valuri ta’ l-assi ta’ l-applikanti, meta maħruġa bħala proporzjon ta’ produzzjoni mal-valur ta’ l-assi, għadhom s’issa jidhru aktar baxxi b’mod sinifikanti mill-valuri ta’ l-assi tal-kumpaniji magħmula mill-Industrija tal-Komunità u produttur prinċipali b’kapaċità simili ta’ produzzjoni u estrazzjoni fil-Kanada. Evalwazzjoni bħal din, iżda, ma tqiesx il-ħruġ mill-użu u l-livell teknoloġiku aktar baxx ta’ l-assi tal-produtturi Russi miksub qabel il-privatizzazzjoni li seħħet fl-1993.

(39) Għalhekk fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza sostanzjali li turi li d-deprezzament ma kienx rifless b’mod xieraq fil-kontabilità tal-produtturi esportaturi, mhux jitqies possibbli fil-mument preżenti li jsir kwalunkwe aġġustament fl-ispejjeż ta’ deprezzament fid- data tal-prezz ta’ produzzjoni użata biex jiġi stabbilit il-valur normali ta’ l-applikanti.

(40) L-industrija tal-Komunità ressqet ukoll li allokazzjoni għal spejjeż ta’ ħarsien ta’ l-ambjent paragunabbli ma’ dawk li jidħlu għalihom il-produtturi tal-Komunità wkoll għandhom ikunu fatturati fil-kost tal-kalkoli ta’ produzzjoni. Instab, iżda, li l-applikanti kienu sofrew dawn l-ispejjeż u żammew kont tagħhom fil-kost tal-kalkoli ta’ produzzjoni. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ jekk dawn l-ispejjeż għandhomx ikunu ta’ proporzjon jew kobor simili għal dawk tal-produtturi tal-Komunità, il-konsiderazzjoni hi li sakemm l-applikanti ssodisfaw il-livelli ta’ ħarsien ta’ l-ambjent mitluba mill-awtoritajiet Russi u li l-ispejjeż involuti biex jiġu sodisfatti dawn il-livelli jidhru b'mod xieraq fir-reġistri tagħhom, mhu meħtieġ l-ebda aġġustament. Billi nstab li kien hekk fil-każ taż-żewġ applikanti, ebda aġġustament ma kien iġġustifikat minħabba spejjeż ta’ ambjent.

2. Il-prezz ta’ esportazzjoni

JSC Silvinit (‘Silvinit’)

(41) Fir-rigward ta’ Silvinit, instab li l-parti l-kbira tal-bejgħ ta’ potassa tal-kumpanija lill-Komunità fil-perjodu ta’ investigazzjoni sar lil kumpanija kummerċjali Żvizzera li magħha ma kellha ebda rbiet. Għall-għanijiet ta’ l-investigazzjoni preżenti u skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet, imħallsa fil-fatt jew li għandhom jitħallsu lil Silvinit minn din il-kumpanija kummerċjali, ittieħdu bħala l-bażi għall-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni.

(42) Iżda, instab li ż-żewġ tranżazzjonijiet saru permezz tal-kumpanija kummerċjali Russa marbuta ma’ Silvinit, l-International Potash Company (‘IPC’), lil kumpanija b’rabtiet magħha fil-Belġju msejħa Ferchimex AS (‘Ferchimex’), li tipproċessa l-potassa impurtata fi prodott li mhux kopert mill-investigazzjoni. Skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet mitluba mill-IPC lill-Ferchimex jistgħu ma jitqisux jekk jinstab li m’humiex ta’ min joqgħod fuqhom. Ġie nnutat li għaż-żewġ tranżazzjonijiet, il-prezz tal-bejgħ lill-Ferchimex kien b’mod ġenerali simili għal dak ta’ l-istess tip f’bejgħ lil klijenti indipendenti fil-Komunità. Barra minn hekk, iż-żewġ tranżazzjonijiet kienu jikkonċernaw kwantitajiet żgħar biss. Għalhekk, ġew inklużi t-tnejn li huma fil-kalkolu tal-prezz ta’ esportazzjoni.

JSC Uralkali (‘Uralkali’)

(43) Fir-rigward ta’ l-Uralkali, instab li l-bejgħ kollu ta’ potassa tal-kumpanija lill-Komunità fil-perjodu ta’ investigazzjoni sar direttament lil negozjant li jinsab Ċipru bl-isem ta’ Fertexim Ltd li għamilha ta’ distributur esklużiv għall-Uralkali. Għal dan il-bejgħ, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, i.e. fuq il-bażi tal-prezzijiet imħallsa fil-fatt jew li għandhom jitħallsu mill-Fertexim.

3. Paragun

(44) Il-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni għaż-żewġ applikanti ġew imqabbla fuq bażi tal-prezz mill-fabbrika. Bil-għan li jkun żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, ittieħed kont xieraq tad-differenzi li jeffettwaw il-komparabilità tal-prezz skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(45) Għalhekk, ingħataw konċessjonijiet għal differenzi fir-rigward ta’ skonti, trasport, assigurazzjoni, spejjeż ta’ maniġġjar, tagħbija u oħrajn anċillari, spejjeż ta’ ippakkjar u ta’ kreditu fejn applikabbli u flimkien ma’ dokumenti ta’ evidenza.

4. Il-marġni ta’ dumping

(46) Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, għal kull produttur esportatur il-valur normali medju aġġustat u mwieżen skond it-tip ta’ prodott tqabbel mal-prezz ta’ esportazzjoni medju aġġustat u mwiezen ta’ kull tip li jikkorrispondi tal-prodott ikkonċernat mibjugħ lill-Komunità.

(47) Il-paragun wera l-eżistenza ta’ dumping għaż-żewġ kumpaniji kkonċernati, iżda, fuq livelli bil-wisq aktar baxxi minn dawk stabbiliti qabel. Bħala medja mwieżna tat-tipi kollha esportati lejn il-Komunità, espressi bħala perċentwali tal-prezz totali CIF ta’ fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, il-marġini ta’ dumping ikkalkolati kienu kif ġej:

Produttur esportatur % Marġni ta' Dumping

JSC Silvinit 23,0%

JSC Uralkali 12,3%

D. KEMM IDUMU Ċ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

(48) Skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, saret analiżi dwar jekk iċ-ċirkostanzi fir-rigward tad- dumping kinux inbidlu b’mod sinifikanti u jekk kwalunkwe tibdil jistax wieħed jgħid li hu tat-tip li jdum. F’dan ir-rigward, instab li l-bidla fil-marġini ta’ dumping kienet ġejja minn tnaqqis tal-valuri normali ta’ l-applikanti.

(49) F’dan ir-rigward, tajjeb li wieħed jinnota li fl-investigazzjoni preżenti, il-valur normali ġie kkalkulat fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż u l-prezzijiet ta’ l-applikanti. Barra minn hekk, bil-maqlub ta’ dak li nstab fl-investigazzjoni ta’ qabel, il-konsum domestiku għall-potassa qed jiżdied sewwa f’dawn l-aħħar snin u, b’mod ġenerali, il-prezzijiet domestiċi ta’ bejgħ taż-żewġ produtturi Russi jħallu qliegħ.

(50) Dwar kemm idumu l-prezzijiet ta’ bejgħ għall-esportazzjoni fis-swieq għajr dawk tal-Komunità, ebda wieħed mill-applikanti ma seta’ jipprovdi data ddettaljata fuq bażi ta’ tranżazzjoni-bi-tranżazzjoni f’livell ta’ produttur. Id- data komplessiva ġiet, iżda, ipprovduta skond il-pajjiż ta’ destinazzjoni u skond it-tip ta’ prodott. Dan tqies suffiċjenti għall-għanijiet ta’ din ir-reviżjoni interim parzjali peress li m’hemmx ħtieġa assoluta ta’ kalkolu eżatt tal-prezzijiet ta’ bejgħ f'dawn is-swieq. Fin-nuqqas ta’ data ddettaljata, u minħabba (i) il-varjetà ta’ kondizzjonijiet ta’ kunsinja użati f’dawn l-arranġamenti ta’ bejgħ (eż CIF, FOB, FCA eċċ) (ii) l-arranġamenti u s-sekwenzi koordinati loġistiċi differenti (eż.. ferrovija + baħar, ferrovija biss eċċ) (iii) id-differenzi fid-distanzi u l-ispejjeż ta’ trasport u maniġġjar lejn destinazzjonijiet varji fl-Asja u l-Amerika t’Isfel, il-Kummissjoni ma kinitx f’qagħda li tiddetermina b’eżatezza l-prezzijiet ta’ bejgħ lejn kull pajjiż. Kien hemm, madankollu, indikazzjonijiet li l-livelli ta’ prezzijiet ta’ bejgħ lis-swieq mhux tal-Komunità kienu, meqjusa l-ispejjeż ta’ trasport, ta’ l-istess ordni ta’ kobor bħall-bejgħ lill-Komunità.

(51) Minħabba dawn il-fatturi, jinħass li jkun xieraq li jiġu emendati l-miżuri eżistenti sa fejn jikkonċernaw l-applikanti bit-tnaqqis tal-marġini ta’ dumping biex dawn ikunu daqs dawk stabbiliti fl-investigazzjoni preżenti.

(52) Skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazji antidumping m’għandux jaqbeż il-marġini stabbiliti ta’ dumping , iżda għandhom ikunu inqas minn dawn il-marġini jekk dawn id-dazji inferjuri jkunu xierqa biex jitwarrab id-dannu ta’ l-Industrija tal-Komunità. Billi d-dażji eżistenti għall-applikanti kienu ġew ikkalkulati fuq il-bażi tal-marġini ta’ dumping , u billi l-marġini ġodda ta’ dumping huma aktar baxxi minn dawk ikkalkulati qabel, id-dażji għandhom jiġu aġġustati skond il-marġini aktar baxxi ta’ dumping kif instabu f’din l-investigazzjoni, jiġifieri 23,0% għal JSC Silvinit u 12,3 % għal JSC Uralkali.

(53) Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ir-rieda li ssir rakkomandazzjoni li d-dażji antidumping li kienu ġew oriġinarjament imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3068/92 jiġu emendati. Ingħataw l-opportunità li jikkummentaw u li jitolbu seduta. Il-kummenti kollha li waslu ttieħed kont tagħhom fejn xieraq.

E. IMPENJI

(54) Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ir-rieda li ssir rakkomandazzjoni li d-dazji ant-dumping oriġinarjament imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3068/92 jiġu emendati, iż-żewġ applikanti offrew impenji ta’ prezz skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(55) Il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni 2005/ .../KE [9], aċċettat l-impenji offruti mill-applikanti. Ir-raġunijiet l-għala ġew aċċettati dawn l-impenji huma stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

F. IL-FORMA TAL-MIŻURI FIR-RIGWARD TA’ L-APPLIKANTI

(56) Il-miżuri eżistenti huma applikabbli għal tmien kodiċi NM u huma magħmula minn ammonti fissi li jvarjaw minn 19,61 €/it-tunnellata sa 40,63 €/it-tunnellata, skond it-tip ta’ prodott. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kurrenti, iżda, instab li kważi l-esportazzjonijiet kollha mill-applikanti lill-Komunità kienu limitati għal tip ta’ prodott li jaqa’ taħt kodiċi NM wieħed.

(57) Għal din ir-raġuni, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar it-tipi l-oħra ta’ prodott, u billi t-tip partikolari ta’ potassa kkonċernat jidher issa li huwa l-aktar fil-kummerċ, l-aktra strateġija raġjonevoli għall-implimentazzjoni tad-dazji emendati qiegħda titqies li hi s-sostituzzjoni ta’ l-ammonti fissi kollha b’dazju wieħed ad valorem għat-tipi kollha ta’ potassa manifatturati mill-applikanti.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Fir-Regolament (KEE) Nru 3068/92 l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 għandu jiġi emendat biex jinqara’ hekk:

‘Dazju antidumping definittiv huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ klorur tal-potassju li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 3104 20 10, 3104 20 50, 3104 20 90, u fuq taħlitiet speċjali li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 3105 20 10 (il-kodiċi TARIC 3105 20 10 10 u 3105 20 10 20), ex 3105 20 90 (il-kodiċi TARIC 3105 20 90 10 u 3105 20 90 20), ex 3105 60 90 (kodiċi TARIC 3105 60 90 10 u 3105 60 90 20), ex 3105 90 91 (kodiċi TARIC 3105 90 91 10 u 3105 90 91 20), ex 3105 90 99 (kodiċi TARIC 3105 90 99 10 u 3105 90 99 20), li joriġinaw fil-Belarus jew ir-Russja.’

2. Fir-Regolament (KEE) Nru 3068/92, l-intestatura tat-tabella li tirrigwarda r-‘Russja’ fit-tielet paragrfu ta’ l-Artikolu 1 għandha tiġi emendata kif ġej:

‘Ir-Russja (il-kumpaniji kollha għajr għal JSC Silvinit u JSC Uralkali – Kodiċi TARIC addizzjonali A999)’

3. Fir-Regolament (KEE) Nru 3068/92, dan li ġej għandu jidħol bħala r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 1:

‘Għall-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi msemmija hawn taħt, ir-rata tad-dazju antidumping applikabbli għall-prezz nett, frank fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun kif ġej:

Rata ta’ dazju | Kodiċi addizzjonali TARIC |

Kumpanija: |

- JSC Silvinit, Solikamsk, Russja, | 23,0% | A665 |

- JSC Uralkali, Berezniki, Russja | 12,3% | A666 |

4. Fir-Regolament (KEE) Nru 3068/92, Artikolu 1, il-paragrafi 4 u 5 għandhom jiġu numerati mill-ġdid bħala l-paragrafi 5 u 6 rispettivament.

5. Fir-Regolament (KEE) Nru 3068/92, l-Artikolu 1a, il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

‘L-importazzjonijiet dikjarati għal ħruġ fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa għandhom ikunu eżenti mid-dazji antidumping imposti bl-Artikolu 1, sakemm ikunu prodotti ta’ kumpaniji li l-Kummissjoni tkun aċċettat impenji minn għandhom u li isimhom huwa elenkat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 858/2005 u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2005//[INSERT]/KE, kif emendati minn żmien għal żmien, u jkunu ġew impurtati b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-istess atti tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p.1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

[2] ĠU L 112, 11.5.2000, p.4.

[3] ĠU L 308, 24.10.1992, p.41.

[4] ĠU C 70, 20.3.2004, p. 15.

[5] ĠU L 183, 20.5.2004, p.16. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 588/2005 (ĠU L 98, 16.4.2005, p. 11).

[6] ĠU L 143, 7.6.2005, p.11.

[7] ĠU L 182, 19.5.2004, p.23.

[8] ĠU Ċ 93, 17.4.2004, p.2 u p.3.

[9] ĠU ……..