52005PC0417

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2000 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw jew huma marbuta mal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea /* KUMM/2005/0417 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.9.2005

KUMM(2005) 417 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2000 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw jew huma marbuta mal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

I. Kuntest

1. Bir-Regolament (KE) Nru 2007/2000[1],il-Komunitajiet Ewropej taw aċċess eċċezzjonali u mingħajr limitu għall-eżenzjoni mid-dazju doganali għas-suq ta’ l-UE għal kważi l-prodotti kollha li joriġinaw fil-pajjiżi jew territorji li bbenefikaw mill-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

2. L-għan ewlieni ta' dawn il-miżuri huwa li terġa’ tingħata ħajja lill-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent permezz ta' aċċess privileġġat għas-suq ta’ l-UE. B’riżultat ta’ dan, żvilupp ekonomiku għandu jrawwem stabilità politika fir-reġjun kollu.

3. B’konformità mal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-UE, l-għoti ta' dawn il-preferenzi kummerċjali eċċezzjonali huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri r-rispett mill-pajjiżi u t-territorji benfiċjarji ta’ prinċipji fundamentali ta’ demokrazija u drittijiet tal-bniedem, ir-rieda tal-pajjiżi kkonċernati biex jiżviluppaw relazzjonijiet ekonomiċi bejniethom u li jinvolvu ruħhom f'riformi ekonomiċi u f’integrazzjoni reġjonali permezz tal-kummerċ. Id-dritt għall-preferenzi kummerċjali eċċezzjonali jiddependi fuq l-involviment tal-benefiċjarji f’kooperazzjoni amministrattiva effettiva mal-Komunità sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ frodi. Finalment, dawn il-preferenzi kummerċjali eċċezzjonali setgħu jinżammu biss f’każ li l-benefiċjarji kellu jirnexxilhom josservaw is-sitwazzjoni fejn jibblukkaw d-dazji doganali u l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għall-kummerċ ta’ importazzjoni li joriġina mill-UE.

4. Dawn il-preferenzi kummerċjali ngħataw għal perjodu li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2005, bil-għan li jippermettu reviżjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti u ta’ l-esperjenza miksuba fl-għoti ta' l-arranġamenti kkonċernati.

II. Ġustifikazzjoni għal din il-proposta

5. Il-proposta preżenti għandha l-għan li tkompli s-sistema attwali ta' preferenzi kummerċjali għal perjodu addizzjonali ta’ 5 snin, i.e. sal-31 ta’ Diċembru 2010. Ir-raġunijiet prinċipali għal din il-proposta huma li ġejjin.

6. Il-preferenzi kummerċjali kienu ta’ kontribut fiż-żieda ta’ l-esportazzjoni fil-Balkani tal-Punent lejn l-UE. S’issa b’dan il-mod l-għan tagħhom intlaħaq. Bla dubju, bejn l-2000 u l-2004, l-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi lejn l-UE żdiedet b'madwar 8% fuq bażi annwali.

7. Fil-laqgħa tiegħu ġewwa Liżbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li qabel il-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandu jkun hemm liberalizzazzjoni tal-kummerċ asimmetriku. Minn dak iż-żmien ’il hawn il-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ġew iffinalizzati ma’ l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonia u mal-Kroazja, imma mhux mal-pajjiżi l-oħra tal-Balkani tal-Punent. Għalhekk, il-konklużjonijiet hawn fuq imsemmija tal-Kunsill Ewropew isejħu għal tkomplija tas-sistema attwali ta’ preferenzi kummerċjali awtonomi.

8. Minkejja xi progress ta’ għanijiet, it-tranżizzjoni ekonomika u l-proċess ta’ riforma huma, ġeneralment, ’il bogħod sew milli jitwettqu fil-Balkani tal-Punent. Il-waqfien tal-preferenzi kummerċjali attwali jieħdu lura mill-benefiċjarji vantaġġ ekonomiku oġġettiv fil-kummerċ tagħhom ma’ l-UE. Fid-dawl ta’ l-importanza ta’ l-UE bħala d-destinazzjoni ta’ esportazzjoni dominanti tal-Balkani tal-Punent, dan il-waqfien jista’ jkollu konsegwenzi negattivi ħafna fuq il-ħidma ekonomika ġenerali ta’ dawn il-pajjiżi, b’riperkussjonijiet konsegwentement negattivi fuq ir-riforma domestika u l-proċessi tranżizzjonali tagħhom.

9. Il-kontinwazzjoni ta’ dawn il-preferenzi kummerċjali ma għandhiex toħloq effetti negattivi sinifikanti fuq is-suq domestiku ta’ l-UE. Filfatt, il-Balkani tal-Punent kumplessivament jibqgħu jirrappreżentaw porzjon vera żgħir (0.7%) tal-kummerċ ta’ importazzjoni totali ta’ l-UE.

III. Spjegazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta

10. Il-proposta preżenti testendi l-perjodu ta’ żmien tal-preferenzi kummerċjali awtonomi attwali, sal-31 ta’ Diċembru 2010. Timmodifika wkoll it-test tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 biex jirrifletti s-sitwazzjoni l-ġdida rigward il-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni għal tessuti mill-Montenegro u l-Kosovo [2],wara l-firma fil-31 ta’ Marzu 2005 ta’ ftehim bilaterali fil-kummerċ fit-tessuti bejn il-KE u r-Repubblika tas-Serbja. Finalment, il-proposta tqis il-bidla ta’ l-isem tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja f’ Is-Serbja u l-Montenegro, kif ukoll il-fatt li r-Repubblika tal-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja u l-Kosovo kollha jirrappreżentaw territorju doganali separat.

IV. Implikazzjonijiet baġitarji

11. Ir-Regolament ma jġarrabx spejjeż iddebitati lill-baġit tal-KE. L-applikazzjoni tiegħu lanqas ma timplika kwalunkwe telf ta’ dħul doganali meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament timplika telf ta’ dħul doganali meta mqabbla ma’ trattament kummerċjali mhux preferenzjali tal-pajjiżi u territorji li magħhom mhuwiex fis-seħħ Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Dan it-telf ta’ dħul doganali jammonta għal madwar € 105 miljun f’termini annwali.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2000 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw jew huma marbuta mal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004[4] li jintroduċi preferenzi kummerċjali eċċezzjonali għall-importazzjoni mill-pajjiżi u mit-territorji li jipparteċipaw jew huma marbuta mal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2005.

(2) Ladarba l-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom ma ġewx konklużi mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, huwa xieraq li l-perjodu ta’ validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 jittawwal.

(3) L-issuktar tal-ftuħ tas-suq huwa mistenni li jikkontribwixxi għall-proċess ta’ stabilizzazzjoni politika u ekonomika fir-reġjun filwaqt li ma joħloqx effetti negattivi għall-Komunità Għaldaqstant, dawn il-preferenzi japplikaw għal perjodu ulterjuri, mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2010.

(4) Karta Kostituzzjonali kienet adottata fir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja fl-4 ta' Frar 2003, li biddlet l-isem ta' dak il-pajjiż għal Serbja u Montenegro.

(5) Il-miżuri kummerċjali previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 għanhom jieħdu f’kunsiderazzjoni wkoll lir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja u l-Kosovo, kif definiti fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999)[5], kull wieħed minnhom jikkostitwixxi territorju doganali separat.

(6) Il-Komunità kkonkludiet Ftehim mar-Repubblika tas-Serbja dwar il-kummerċ fi prodotti tessili[6].

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2000 huwa emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1, paragrafu 1 u 3, il-kliem “u s-Serbja u l-Montenegro, inkluż il-Kosovo” irid jinbidel bil-kliem “u fit-territorji doganali tal-Montenegro, is-Serbja jew il-Kosovo".

2. Fl-Artikolu 3, paragrafi 1 u 2, “ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja” trid tinbidel bil-kliem “it-territorji doganali tal-Montenegro jew il-Kosovo”;

3. L-Artikolu 4 huwa mmodifikat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 2, punt d), il-kliem “fir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja inkluż il-Kosovo” irid jinbidel bil-kliem “fit-territorji doganali tal-Montenegro, is-Serbja jew il-Kosovo”.

(b) Fil-paragrafu 4, frażi introduttiva u, punt c), il-kliem “u s-Serbja u l-Montenegro, inkluż il-Kosovo” irid jinbidel bil-kliem “u fit-territorji doganali tal-Montenegro, is-Serbja jew il-Kosovo".

4. Fl-Artikolu 17, “31 ta’ Diċembru 2005” trid tinbidel b’ “31 ta’ Diċembru 2010”.

5. Fl-Anness I, taħt il-kolonna bit-titlu “Benefiċjarji”, ir-referenzi kollha għar-“Repubblika Federali tal-Jugoslavja inkluż il-Kosovo” irid jinbidel b’ “territorji doganali tal-Montenegro, is-Serbja jew il-Kosovo”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 240, tat-23.9.2000, p. 1, Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE)Nru 374/2005 (ĠU L 59, tal-5.3.2005, p. 1).

[2] Kif definita mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999)

[3] ĠU C [...], [...], p.[...].

[4] ĠU L 240, tat-23.9.2000, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-regolament tal-Kunsill 374/2005 (ĠU L 59, tal-5.3.2005, p. 1).

[5] http://www.un.org/Docs/scres/1999/sc99.htm

[6] ĠU L 90, tat-8.4.2005, p.36.