Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Ġermanja biex tikkonkludi ftehim ma’ l-Iżvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw minn Artikolu 2 u 3 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat /* KUMM/2005/0392 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.8.2005 KUMM(2005) 392 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Ġermanja biex tikkonkludi ftehim ma’ l-Iżvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw minn Artikolu 2 u 3 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI KONTENUT TAL-PROPOSTA | Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2005, il-Ġermanja talbet awtorizzazzjoni, skond l-Artikolu 30(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, biex tikkonkludi ftehim ma’ l-Iżvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet tat-taxxa li jidderogaw minn Artikolu 2 u 3 ta’ l-imsemmija Direttiva. B’konformità ma’ l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra fis-17 ta’ Jannar 2005 b’talba li saret, u permezz ta' ittra li ġġib id-data tad-19 ta' Jannar 2005, innotifikat lill-Ġermanja li kellha l-infomrazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba. | Kuntest ġenerali Il-ftehim bejn il-Ġermanja u l-Iżvizzera se jkun fuq il-bini u l-manutenzjoni ta’ pont fuq il-fruntiera li jaqsam ir-Rhine bejn Laufenburg (Baden-Württemberg) u Laufenburg (Aargau), li jgħaqqad it-triq federali Ġermaniża B 34 mat-triq tal-canton Svizzeru K 130. Il-ftehim jipprovdi li l-prodotti u s-servizzi fornuti għall-bini u l-manutenzjoni tal-pont se jkunu suġġetti għall-VAT ta’ l-Iżvizzera u li ebda VAT tal-Ġermanja mhi se tiġi imposta fuq dawn il-provvisti. Jipprovdi wkoll li l-prodotti importati mill-Iżvizzera fil-Ġermanja se jkunu eżentati mill-VAT, dejjem jekk il-prodotti użati jiġu użati għall-bini u l-manutenzjoni ta' dan il-pont fuq il-fruntiera. Id-deroga ma tapplikax għal prodotti importati għall-istess raġunijiet minn awtorità pubblika. Il-prinċipji ta’ territorjalità stipulati fid-Direttiva 77/388/KEE jeħtieġu li l-provvista ta’ prodotti u s-servizzi mwettqa fit-territorju Ġermaniż ikunu suġġetti għall-VAT Ġermaniża filwaqt li x-xogħol korrispondenti mwettaq fit-territorju Żvizzeru mhux se jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE. L-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tfisser it-taqsim ta’ dawn l-operazzjonijiet skond it-territorju li fih twettqet kull parti mix-xogħol. Il-prodotti kollha importati mill-Iżvizzera fil-Ġermanja għall-bini u l-manutenzjoni tal-pont se jkunu suġġeti wkoll għall-VAT fil-Ġermanja. L-Istati kuntrattwali jikkunsidraw li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tfisser kumplikazzjonijiet kbar tat-taxxa għal dawk in-negozji responsabbli mit-twettiq tax-xogħol ikkonċernat. Huma għalhekk jikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet tat-taxxa fl-abbozz tal-ftehim huma ġġustifikati u li dawn se jissimplifikaw r-responsabbiltajiet tat-taxxa tan-negozji. Il-Kummissjoni taċċetta li l-mod li bih huwa propost li jiġi intaxxat ix-xogħol ta’ bini u manutenzjoni u t-tneħħija tal-VAT fuq prodotti importati għall-użu f’dak ix-xogħol huwa simplifikazzjoni li se jagħmilha aktar sempliċi għan-negozji kkonċernati biex japplikaw ir-regoli tat-taxxa aktar milli fil-każ li kieku r-regoli normali kellhom jiġu applikati. | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Għandu jiġi osservat li f’bosta okkażjonijiet preċedenti l-Kunsill awtorizza lill-Ġermanja biex twettaq ftehimiet simili ma’ pajjiżi terzi dwar proġetti f’żoni ta’ fruntiera u li dawn il-ftehimiet preċedenti jinkludu dispożizzjonijiet tat-taxxa simili għal dawk proposti hawnhekk. | Il-konsistenza ma' politika u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. | IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT | Konsultazzjoni tal-partijiet interessati | Mhux rilevanti. | Ġbir u użu ta' għarfien espert | Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern. | Valutazzjoni ta' l-impatt Id-Deċiżjoni proposta timmira li tissimplifika l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa fir-rigward tal-bini u l-manutenzjoni ta’ pont fuq il-fruntiera u għalhekk għandha impatt ekonomiku potenzjalment pożittiv. F'kull każ l-impatt se jkun limitat minħabba l-firxa dejqa tad-deroga. | ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA | Taqsira ta' l-azzjoni proposta Awtorizzazzjoni lill-Ġermanja biex tikkonkludi ftehim ma’ l-Iżvizzera li tinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE fir-rigward ta’ l-applikazzjoni territorjali tal-VAT. | Bażi legali L-Artikolu 30 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima. | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-fatt ma japplikax. | Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejjin. | Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma timplika l-ebda obbligu. | Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata ma’ l-għan li għandu jinkiseb. | Għażla ta' strumenti | Strumenti proposti: oħrajn. | Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejjin: Skond l-Artikolu 30 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat, Deċiżjoni tal-Kunsill biss hija possibbli. | IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA | Jekk tingħata awtorizzazzjoni, il-proġett ikollu impatt totalment insinifikanti fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità miksuba mit-taxxa fuq il-valur miżjud. | - Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Ġermanja biex tikkonkludi ftehim ma’ l-Iżvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw minn Artikolu 2 u 3 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa fuq il-fatturat - Sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): bażi uniformi ta' stima[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2], Billi: (1) Skond l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill, li jopera unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex jikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz li jista' jkun fih derogi minn dik id-Direttiva. (2) F’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2005, il-Ġermanja talbet awtorizzazzjoni biex tikkonkludi ftehim ma’ l-Iżvizzera dwar il-bini u l-manutenzjoni ta’ pont fuq il-fruntiera li jaqsam ir-Rhine bejn Laufenburg (Baden-Württemberg) u Laufenburg (Aargau). (3) B’konformità ma’ l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Jannar 2005 bit-talba magħmula mill-Ġermanja. B’ittra li ġġib id-data tad-19 ta' Jannar 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba. (4) Il-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-VAT mill-Artikoli 2(2) u 3 tad-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta’ prodotti u servizzi fornuti għall-bini u l-manutenzjoni ta’ pont fuq il-fruntiera u ta’ prodotti importati għall-istess raġunijiet. (5) Jekk id-derogi tad-Direttiva 77/388/KEE ma ġewx mogħtija, il-bini u l-manutenzjoni mwettqa fil-Ġermanja jkunu suġġetti għall-VAT Ġermaniża filwaqt li l-bini u l-manutenzjoni mwettqa fl-Iżvizzera ma jkunux suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE. Prodotti importati mill-Iżvizzera fil-Ġermanja għall-bini jew l-manutenzjoni tal-pont fuq il-fruntiera jkunu wkoll suġġetti għall-VAT Ġermaniża. (6) L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli normali tfisser kumplikazzjonijiet serji tat-taxxa għan-negozji responsabbli mit-twettiq tax-xogħlijiet. (7) Din id-deroga hija maħsuba biex tissimplifika l-ġbir tat-taxxi mix-xogħlijiet involuti fil-bini u l-manutenzjoni tal-pont ikkonċernat. (8) Id-deroga se jkollha effett totalment insinifikanti fuq ir-riżorsi Komunitarji proprji li jirriżultaw mill-VAT. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Ġermanja hija hawnhekk awtorizzata li tikkonkludi Ftehim ma’ l-Iżvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE li jkopri l-bini u l-manutenzjoni ta' pont fuq il-fruntiera li jaqsam ir-Rhine bejn Laufenburg (Baden-Württemberg) u Laufenburg (Aargau). Id-dispożizzjonijiet tat-taxxa li jidderogaw mill-Ftehim huma stipulati fl-Artikoli 2 u 3. Artikolu 2 B’deroga mill-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, il-parti tal-pont li tinsab fit-territorju Ġermaniż se tiġi kkunsidrata li tifforma parti mit-territorju Żvizzeru għall-iskopijiet tal-provvista ta' prodotti u servizzi għall-bini u l-manutenzjoni tal-pont. Artikolu 3 B’deroga mill-Artikolu 2(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, il-prodotti importati mill-Iżvizzera fil-Ġermanja mhux se jkunu suġġetti għall-VAT, dejjem jekk huma użati għall-bini jew il-manutenzjoni tal-pont imsemmi fl-Artikolu 1. Madankollu, id-deroga ma tapplikax għal prodotti importati għall-istess raġunijiet minn awtorità pubblika. Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p.35). [2] ĠU C [...], [...], p. [...].