52005PC0375

Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill rigward l-istatistiki tal-Komunità dwar l-emigrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali /* KUMM/2005/0375 finali - COD 2005/0156 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.9.2005

KUMM(2005) 375 finali

2005/0156 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

rigward l-istatistiki tal-Komunità dwar l-emigrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Raġunijiet u obbjettivi tal-proposta

L-iżvilupp tal-politiki tal-Komunità u l-leġiżlazzjoni dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju enfasizza l-bżonn ta’ statistiki Ewropej komprensivi u komparabbli fuq firxa ta’ kwistjonijiet relatati ma’ l-emigrazzjoni. L-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-immonitorjar addizzjonali ta’ sistemi komuni għall-immigrazzjoni u r-refuġju jimplikaw bżonn ta’ informazzjoni ta’ l-istatistika aħjar milli hi disponibbli attwalment. Il-Kunsill Ewropew ta’ Thessaloniki ta’ l-20 ta’ Ġunju 2003 kkonkluda li mekkaniżmi aktar effettivi kienu meħtieġa għall-ġbir u l-analiżi ta’ l-informazzjoni dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju fl-Unjoni Ewropea.

Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tas-6 ta’ Novembru 2003 nnota li kienet meħtieġa leġiżlazzjoni biex tiżgura l-produzzjoni ta’ statistiki komprensivi neċessarji għall-iżvilupp ta’ politiki Komunitarji ġusti u effettivi dwar l-emigrazzjoni.

- Kuntest ġenerali

Saru sforzi kbar minn meta t-Trattat ta’ Amsterdam daħal fis-seħħ biex ikunu żviluppati sistemi komuni għar-refuġju u l-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Dawn iffurmaw parti importanti minn programm ambizzjuż ta’ ħidma biex tkun imwaqqfa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li kienet stabbilita bħala prijorità għall-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ewropew ta’ Tampere fl-1999. F’April 2003, il-Kummissjoni ppubblikat Pjan ta’ Azzjoni (COM (2003) 179 finali)[1] li stabbilixxa l-għanijiet fuq medda ta’ żmien qasir kif ukoll ta’ żmien medju għall-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’ l-istatistika tagħha dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju. Hawnhekk il-proposta ssegwi l-intenzjoni tal-Kummissjoni ddikjarata fil-Pjan ta’ Azzjoni biex tkun introdotta bażi leġiżlattiva għal dawn l-istatistiki.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta / Revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-bżonnijiet Komunitarji ġodda għall-istatistiki dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju juru li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 tad-9 ta’ Frar 1976 rigward il-ġbir ta’ l-istatistiki dwar il-ħaddiema barranin[2] qdiemu, u li għalhekk għandhom ikunu revokati.

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

L-obbjettiv tar-Regolament għandu jkun li jistabbilixxi qafas komuni għall-ġbir u l-kumpilazzjoni ta’ l-istatistiki Komunitarji dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju internazzjonali. Hu magħruf li l-Istati Membri jvarjaw bi kbir f’termini ta’ kif l-istatistiki dwar l-emigrazzjoni qed ikunu maħduma, u dan hu minnu, f’termini ta’ kif il-persuni huma definiti bħala emigranti fl-istatistiki. Is-sitwazzjoni rigward il-bżonnijiet ta’ tipi differenti ta’ statistiki dwar l-emigrazzjoni u d-disponibilità ta’ sorsi differenti ta’ data mhix statika. Dan ir-Regolament jipprova jirrikonċilja d-differenzi kbar li jeżistu minn naħa għall-oħra ta’ l-Ewropa f’termini ta’ sistemi amministrattivi u ta’ sorsi ta’ data , mal-bżonn li kull ma jmur aktar qed jiżdied ta’ statistiki komparabbli dwar l-emigrazzjoni għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Minkejja li l-għan tal-leġiżlazzjoni hu li jitnaqqas l-impatt ta’ dawn id-differenzi fid-definizzjoni u s-sorsi tad- data fuq il-komparabilità ta’ l-istatisitiki, hu mifhum li l-progress lejn l-armonizzazzjoni għandu jsir gradwalment. Il-leġiżlazzjoni proposta tobbliga lill-Istati Membri li jagħmlu l-aħjar użu mid- data disponibbli biex jipproduċu statistiki li javviċinaw kemm jista’ jkun possibbli d-definizzjonijiet armonizzati. Mhux propost, għaldaqstant, li jitpoġġa dover fuq l-Istati Membri biex jintroduċu sorsi kompletament ġodda ta’ data jew li jkunu obbligati bidliet fis-sistemi amministrattivi għall-immigrazzjoni jew ir-refuġju. Minkejja dan l-Istati Membri se jkollhom jispjegaw l-għażla tas-sors ta’ data u jispjegaw l-effetti antiċipati tas-sors ta’ data fuq il-livell ta’ osservanza mad-definizzjonijiet armonizzati. Din l-informazzjoni se tkun użata bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ l-istatistiki.

- Bażi legali: l-Artikolu 285 tat-Trattat tal-KE

L-Artikolu 285 jipprovdi l-bażi legali għall-istatistiki Komunitarji. Il-Kunsill, billi jaġixxi skond il-proċedura ta’ ko-deċiżjoni, għandu jadotta miżuri għall-produzzjoni ta’ l-istatistiki fejn meħtieġ għall-prestazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-Komunità. Dan l-Artikolu jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mal-produzzjoni ta’ l-istatistiki tal-Komunità u jeħtieġ konformità ta’ l-istandards ta’ l-imparzjalità, fiduċja, oġġettività, indipendenza xjentifika, effettività tan-nefqa u l-konfidenzjalità ta’ l-istatistika.

- Prinċipju ta’ sussidjarjetà

Is-sitwazzjoni attwali tinvolvi ħafna definizzjonijiet statistiċi u kunċetti ta’ emigrazzjoni differenti. Dan jimpedixxi l-produzzjoni ta’ statistiki komparabbli ta’ emigrazzjoni. Saru tentattivi għal numru ta’ snin biex tinġabar data bbażata fuq definizzjonijiet armonizzati bl-użu ta’ sensiela ta’ ftehimiet bil-kelma iżda l-Istati Membri ma rnexxilhomx japplikaw dawn id-definizzjonijiet. B’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE, l-obbjettiv ta’ l-azzjoni proposta, bażikament il-produzzjoni sistematika ta’ statistiki Komunitarji armonizzati dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju internazzjonali, ma jistax ikun imwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jkunu qed jaġixxu b’mod individwali u jista’ għalhekk ikun imwettaq aħjar mill-Komunità. Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tas-6 ta’ Novembru 2003 kkonkluda li progress addizzjonali lejn titjib fl-istatistiki ta’ l-emigrazzjoni jirrikjedi leġiżlazzjoni. Minbarra l-kalkoli mtejba tan-numri ta’ l-emigranti, hemm il-bżonn li kulma jmur qed jiżdied għal informazzjoni demografika u soċjo-ekonomika aħjar dwar l-emigranti. Pereżempju, fil-każ ta’ l-istatistiki dwar il-miżuri infurzati kontra l-emigrazzjoni illegali, huwa importanti li jkun żviluppat il-ġbir tad- data sabiex dan jipproduċi l-informazzjoni dwar l-età u s-sess tal-persuni kkonċernati. Dawn id-dettalji, li mhumiex attwalment disponibbli, huma meħtieġa biex ikunu evalwati l-politiki kontra t-traffikar tal-bnedmin. Bl-istess mod, informazzjoni soċjo-ekonomika aħjar hi meħtieġa biex ikunu riċerkati l-kwistjonijiet bħalma huma l-integrazzjoni ta’ l-emigranti u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-swieq tax-xogħol.

Azzjoni mill-Istati Membri weħedhom se tkun insuffiċjenti biex tiżgura d-disponibilità ta’ statistiki komparabbli meħtieġa għall-iżvilupp u l-immonitorjar ġusti u effettivi tal-politiki dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju. L-importanza li qed tiżdied ta’ l-emigrazzjoni bħala fattur f’ħafna oqsma ta’ politiki pubbliċi jfisser li statistiki ta’ fiduċja u komparabbli huma meħtieġa mill-Istati Membri. Pereżempju, informazzjoni tajba dwar l-emigrazzjoni hi meħtieġa meta jitħabbru żviluppi futuri fis-suq tax-xogħol. Azzjoni mill-Istati Membri weħedhom, mingħajr koordinazzjoni u armonizzazzjoni fil-livell ta’ l-Unjoni, se jkun avviċinament ineffiċjenti u ineffettiv biex jintleħaq dan il-bżonn.

L-introduzzjoni ta’ statistiki Komunitarji armonizzati dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju se tkun proċedura komplessa li għandha tikkunsidra l-ħtiġijiet tal-politika għall-istatistiki, prattiki internazzjonali u rakkomandazzjonijiet, u l-prattikalitajiet li jkunu applikati d-definizzjonijiet f’kull wieħed mill-Istati Membri. Din teħtieġ konsultazzjoni, koordinazzjoni u ppjanar fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea li l-Kummissjoni tinstab fl-aqwa pożizzjoni li tassumihom. Hu essenzjali li l-informazzjoni mifruxa ma’ l-UE tkun disponibbli għall-għanijiet ta’ l-immonitorjar ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika Komunitarja. Essenzjalment, il-prattika attwali ma tiżgurax it-twassil u l-promulgazzjoni tad- data b’mod suffiċjenti, uniformi, fil-ħin u rapidu , jew id-disponibilità pubblika. L-istatistiki li għandhom ikunu miġbura taħt il-leġiżlazzjoni proposta, safejn hu possibbli, se jkunu skond ir-Rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatistiki għall-Emigrazzjoni Internazzjonali. L-istatistiki koperti huma bbażati b’mod wiesa’ fuq il-ġbir annwali eżistenti tad- data dwar l-emigrazzjoni ta’ l-Eurostat, u l-ġbir tad- data ta’ kull xahar dwar ir-refuġju u l-miżuri ta’ infurzar kontra l-emigrazzjoni illegali. Tema addizzjonali relatata ma’ l-emigrazzjoni li għandha tkun koperta hi l-immigrazzjoni legali ta’ dawk li mhumiex ċittadini ta’ l-UE. Din hija s-suġġett ta’ numru ta’ żviluppi leġiżlattivi u ta’ politika tal-Kummissjoni.

Peress li kienu qed jaġixxu b’mod individwali, u minkejja t-tentattivi estensivi mhux leġiżlattivi mill-Kummissjoni biex tkun imtejba l-koordinazzjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri ma kinux kapaċi jipprovdu lill-Kummissjoni d- data armonizzata neċessarja għall-istatistiki komparabbli tal-Komunità dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju. Għalkemm kien hemm żviluppi u titjib minn ftit tas-snin ’l hawn, hu ċar li l-istatistiki Ewropej disponibbli dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju mhumiex adegwati għall-preżentazzjoni u l-immonitorjar tal-leġiżlazzjoni u l-politika. Hemm tħassib partikulari dwar l-ammonti kbar ta’ data li huma nieqsa mill-ġbir tad- data. Hemm ukoll problemi serji relatati ma’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni – kemm f’termini tas-sorsi użati ta’ data u tad-definizzjonijiet applikati għall-istatistiki.

Għalkemm il-Kummissjoni hi fl-aqwa pożizzjoni biex torganizza l-ġbir ta’ l-istatistiki Komunitarji, l-Istati Membri huma kompetenti fl-organizzazzjoni u l-operazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ l-istatistiki. Il-proposta għandha x’taqsam biss ma’ l-istatistiki dwar l-emigrazzjoni internazzjonali u r-refuġju li għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni għall-produzzjoni ta’ l-istatistiki Komunitarji. Mhemmx impatt dirett fuq il-produzzjoni ta’ l-istatistiki għall-għanijiet nazzjonali jew fuq tip ta’ statistiki oħra dwar il-popolazzjoni bħalma hija l-emigrazzjoni interna fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru. Regoli adatti huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-istatistiki tal-Komunità[3].

Din il-leġiżlazzjoni hi meqjusa bħala azzjoni essenzjali biex tittejjeb id-disponibilità ta’ l-istatistiki Komunitarji armonizzati dwar tema li kienet rikonoxxuta li hi prijorità għolja ferm kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell ta’ l-Istat Membru. In-nuqqas ta’ suċċess biex ikun introdott ir-Regolament u miżuri ta’ implimentazzjoni sussegwenti se jħalli impatt negattiv serju fuq l-iżvilupp u l-immonitorjar tal-politika.

- Prinċipju ta’ proporzjonalità

B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament jillimita lilu nnifsu għall-minimu meħtieġ biex ikun imwettaq dan l-obbjettiv u ma jmurx ’l hinn minn dak li hu neċessarju għal dan l-għan. Meta tkun meqjusa l-varjazzjoni minn tarf għall-ieħor ta’ l-UE rigward is-sorsi użati ta’ data biex ikunu maħduma l-istatistiki dwar l-emigrazzjoni, mhux possibbli li wieħed jilleġiżla dwar sors speċifiku ta’ data biex dan ikun użat f’kull Stat Membru. Minflok, l-għan hu li jkun mogħti xi livell ta’ flessibbiltà bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni lill-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jużaw l-aħjar sorsi disponibbli ta’ data biex jipprovdu statistiki bbażati fuq definizzjonijiet armonizzati. Aspett importanti se jkun il-provvediment ta’ metadata ddettaljata biex ikunu spjegati s-sorsi użati ta’ data u biex ikun possibbli l-assessjar ta’ l-effetti possibbli ta’ dawn is-sorsi ta’ data fuq il-livell li fih l-istatistiki josservaw id-definizzjonijiet armonizzati.

Ir-Regolament propost japplika biss definizzjonijiet armonizzati ta’ l-istatistika dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju. L-Istati Membri se jibqgħu liberi li jiġbru dawn l-istatistiki filwaqt li jużaw is-sorsi nazzjonali adatti ta’ data , filwaqt li jikkunsidraw is-sistemi u l-prattiki nazzjonali ta’ l-istatistika. Mhemm l-ebda obbligu li jsiru bidliet fis-sistemi amministrattivi relatati ma’ l-emigrazzjoni u r-refuġju. Fil-livell nazzjonali, ir-responsabbiltà għall-istatistiki dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju tibqa’ tiddipendi fuq varjetà wiesgħa ta’ aġenziji differenti. Hu apprezzat li l-leġiżlazzjoni tista’, għal xi Stati Membri, timplika xi żviluppi għall-attivitajiet eżistenti tagħhom ta’ l-istatistika dwar l-emigrazzjoni – pereżempju, il-ġbir ta’ fatturi varjabbli jew it-tnaqqis fid-dewmien taż-żmien biex id- data tkun disponibbli. L-Eurostat se jkompli jaħdem mill-qrib ma’ l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli u se jfittex li jimminimizza d-diffikultajiet potenzjali kkawżati mir-regolament ta’ qafas u aktar ’il quddiem il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

2005/0156 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

rigward l-istatistiki tal-Komunità dwar l-emigrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[4],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew[5],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[6],

Skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[7],

Billi:

1. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-28-29 ta’ Mejju 2001 ikkunsidraw, rigward l-analiżi komuni u l-iskambju mtejjeb ta’ l-istatistiki dwar ir-refuġju u l-emigrazzjoni, li hemm il-bżonn għal qafas komprensiv u koerenti għal azzjoni futura dwar it-titjib ta’ l-istatistiki.

2. F’April 2003, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, li tistabbilixxi Pjan ta’ Azzjoni għall-ġbir u l-analiżi ta’ l-Istatistiki Komunitarji fil-qasam ta’ l-emigrazzjoni[8]. Din kienet tinkludi numru importanti ta’ bidliet ippjanati biex itejbu l-kompletezza u l-livell ta’ l-armonizzazzjoni ta’ dawn l-istatistiki. Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni timmira li tipproponi leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-istatistiki Komunitarji dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju.

3. Il-Kunsill Ewropew ta’ Thessaloniki ta’ l-20 ta’ Ġunju 2003 kkonkluda li mekkaniżmi aktar effettivi kienu meħtieġa għall-ġbir u l-analiżi ta’ l-informazzjoni dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju fl-Unjoni Ewropea.

4. Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Novembru 2003 nnota li hi meħtieġa leġiżlazzjoni biex tiżgura l-produzzjoni ta’ statistiki komprensivi neċessarji għall-iżvilupp ta’ politiki Komunitarji ġusti u effettivi dwar l-emigrazzjoni. Ir-riżoluzzjoni tappoġġa l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tkun proposta leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-istatistiki dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju.

5. It-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea ġab miegħu dimensjoni ġeografika u politika konnessa mal-fenomeni assoċjati ma’ l-emigrazzjoni. Ħoloq ukoll impetu addizzjonali fuq id-domanda għal informazzjoni korretta, fil-ħin u armonizzata ta’ l-istatistika. Hemm ukoll bżonn li qed jiżdied għal informazzjoni ta’ l-istatistika li tirrigwarda l-professjoni, l-edukazzjoni, il-kwalifiki u t-tip ta’ attività ta’ l-emigranti.

6. Statistiki Komunitarji armonizzati u komparabbli dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju huma essenzjali għall-iżvilupp u l-immonitorjar tal-leġiżlazzjoni u l-politiki Komunitarji relatati ma’ l-immigrazzjoni u r-refuġju, u mal-moviment ħieles tal-persuni.

7. Hemm bżonn li jkun imsaħħaħ l-iskambju ta’ l-informazzjoni ta’ l-istatistika dwar ir-refuġju u l-emigrazzjoni u li tkun imtejba l-kwalità tal-ġbir u l-produzzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja, li s’issa, saru abbażi ta’ sensiela ta’ “ftehimiet bil-kelma”.

8. Hu essenzjali li informazzjoni mifruxa ma’ l-Unjoni Ewropea tkun disponibbli għall-għanijiet ta’ l-immonitorjar ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika Komunitarja. Essenzjalment, il-prattika attwali ma tiżgurax it-twassil u l-promulgazzjoni b’mod suffiċjenti, uniformi, fil-ħin u rapidu ta’ data armonizzata.

9. Il-bżonnijiet Komunitarji ġodda għall-istatistiki dwar l-emigrazzjoni u r-refuġju juru li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 tad-9 ta’ Frar 1976 dwar il-ġbir ta’ l-istatistiki dwar il-ħaddiema barranin qdiemu[9] .

10. Ir-Regolament (KEE) Nru 311/76 għandu għalhekk ikun revokat.

11. Peress li l-obbjettivi ta’ l-azzjoni li trid tittieħed bl-iskop li jkunu stabbiliti regoli komuni għall-ġbir u l-kumpilazzjoni ta’ l-istatistiki Komunitarji dwar l-emigrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali ma tistax tkun imwettqa b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u tista’ għalhekk, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, tkun imwettqa aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif previst f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-obbjettivi.

12. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-Istatistiki Komunitarji jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikulari hu jitlob konformità ma’ l-istandards ta’ l-imparzjalità, fiduċja, oġġettività, indipendenza xjentifika, effettività tan-nefqa u l-konfidenzjalità ta’ l-istatistika[10].

13. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħaddim ta’ poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[11].

14. Il-Kumitat tal-Programm Statistiku, imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, l-Euratom tad-19 ta’ Ġunju 1989 li jwaqqaf Kumitat għall-Programmi Statistiċi tal-Komunitajiet Ewropej[12], kien ikkunsultat skond l-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għall-ġbir u l-kumpilazzjoni ta’ l-istatistiki Komunitarji dwar:

(a) l-immigrazzjoni lejn u l-emigrazzjoni minn territorji ta’ l-Istat Membru, inklużi l-influssi mit-territorju ta’ Stat Membru għal dak ta’ Stat Membru ieħor u l-influssi bejn Stat Membru u t-territorju ta’ pajjiż terz

(b) iċ-ċittadinanza u l-pajjiż ta’ twelid ta’ persuni fiżiċi li s-soltu huma residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri

(c) il-proċeduri ġudizzjali u amministrattivi u l-proċessi fl-Istati Membri relatati ma’ l-immigrazzjoni, l-għoti tal-permess għar-residenza, iċ-ċittadinanza, ir-refuġju u l-forom l-oħrajn ta’ protezzjoni internazzjonali u l-prevenzjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw:

(a) “residenza tas-soltu” tfisser il-post li fih persuna normalment tqatta’ l-perjodu tal-mistrieħ tagħha matul il-ġurnata, irrispettivament minn assenzi temporanji għal finijiet ta’ rikreazzjoni, vakanza, żjarat lill-ħbieb u l-qraba, negozju, kura medika jew pellegrinaġġ reliġjuż

(b) “immigrazzjoni” tfisser l-azzjoni li biha persuna fiżika tistabbilixxi r-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru għal perjodu li hu, jew li hu mistenni li jkun, ta’ l-anqas tnax-il xahar, filwaqt li qabel kienet normalment residenti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz

(c) “emigrazzjoni” tfisser l-azzjoni li biha persuna fiżika, li qabel kienet normalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru, tħalli r-residenza tagħha f’dak l-Istat Membru għal perjodu li hu, jew li hu mistenni li jkun, ta’ l-anqas tnax-il xahar

(d) “immigrant” ifisser persuna fiżika involuta fl-immigrazzjoni

(e) “emmigrant” ifisser persuna fiżika involuta fl-emigrazzjoni

(f) “resident għal tul ta’ żmien” ifisser ir-resident għal tul ta’ żmien kif definit fl-Artikolu 2 (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE[13]

(g) “ċittadin ta’ pajjiż terz” ifisser kull persuna li mhix ċittadin ta’ l-Unjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat, inklużi l-persuni li ma jappartjenu għall-ebda stat

(h) “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” tfisser l-applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali kif definita fl-Artikolu 2 (g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE[14]

(i) “status ta’ refuġjat” ifisser l-istatus ta’ refuġjat kif definit fl-Artikolu 2 (g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE

(j) “status mogħti bi protezzjoni sussidjarja” tfisser l-istatus mogħti bi protezzjoni sussidjarja kif definit fl-Artikolu 2 (f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE

(k) “membri tal-familja” jfissru il-membri tal-familja kif definiti fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/343/KE[15]

(l) “protezzjoni temporanja” tfisser protezzjoni temporanja kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE[16]

(m) “minuri mhux akkumpanjat” ifisser il-minuri mhux akkumpanjat kif definit fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE

(n) “riallokazzjoni” tfisser l-għoti ta’ awtorizzazzjoni lill-ċittadini ta’ pajjiż terz biex jabitaw f’wieħed mill-Istati Membri bi skop ta’ protezzjoni internazzjonali fi ħdan il-qafas ta’ skema ta’ riallokazzjoni nazzjonali jew Komunitarja.

2. Fejn meħtieġ, id-definizzjonijiet f’paragrafu 1 jistgħu jkunu adattati, skond il-proċedura indikata fl-Artikolu 11 (2).

3. Fejn meħtieġ biex tkun żgurata l-armonizzazzjoni ta’ l-istatistiki indikati f’dan ir-Regolament, definizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk mogħtija f’paragrafu 1 jistgħu jkunu adottati b’konformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 11 (2).

4. Il-fatt li Stat Membru mhux marbut b’wieħed jew b’aktar minn wieħed mit-testi legali indikati fid-definizzjonijiet f’paragrafu 1 ma għandux jeżenta lill-Istat Membru milli jipprovdi l-istatistiki li jaqgħu taħt l-iskop ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Statistiki dwar l-emigrazzjoni internazzjonali, popolazzjoni normalment residenti u l-akkwist taċ-ċittadinanza

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) l-istatistiki dwar in-numri ta’:

(a) immigranti deħlin fit-territorju ta’ l-Istat Membru, imqassma f’rubriki kif ġej:

(i) iċ-ċittadinanza skond l-età u s-sess

(ii) il-pajjiż ta’ twelid skond l-età u s-sess

(iii) il-pajjiż tar-residenza tas-soltu preċedenti skond l-età u s-sess

(b) emigranti ħerġin mit-territorju ta’ l-Istat Membru, imqassma f’rubriki kif ġej:

(i) iċ-ċittadinanza skond l-età u s-sess

(ii) il-pajjiż ta’ twelid skond l-età u s-sess

(iii) il-pajjiż tar-residenza tas-soltu segwenti skond l-età u s-sess

(c) il-persuni fiżiċi li għandhom ir-residenza tas-soltu tagħhom fl-Istat Membru mqassma f’rubriki kif ġej:

(i) iċ-ċittadinanza skond l-età u s-sess

(ii) il-pajjiż ta’ twelid skond l-età u s-sess

(d) persuni fiżiċi li akkwistaw iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li qabel kellhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz jew li qabel ma kinux jappartjenu għall-ebda stat, imqassma f’rubriki skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza preċedenti tal-persuni kkonċernati u skond jekk qabel il-persuna ma kinitx tappartjeni għall-ebda stat.

2. L-istatistiki indikati f’paragrafu 1 għandhom ikunu relatati ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni (l-Eurostat) fi żmien għaxar xhur li jsegwu t-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2006.

Artikolu 4

Statistiki dwar il-protezzjoni internazzjonali

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) l-istatistiki dwar in-numri ta’:

(a) persuni li ssottomettew applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li qed ikunu inklużi f’applikazzjoni ta’ din ix-xorta bħala membri tal-familja

(b) persuni koperti bl-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li qed tkun ikkunsidrata mill-awtorità nazzjonali responsabbli fl-aħħar tal-perjodu ta’ referenza

(c) deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li ma jilqgħux l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, inklużi d-deċiżjonijiet li jikkunsidraw l-applikazzjonijiet bħala inammissibbli jew bla bażi

(d) deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw l-istatus ta’ refuġjat

(e) deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw l-istatus mogħti bi protezzjoni sussidjarja

(f) deċiżjonijiet ta’ l-ewwel istanza li jagħtu jew jirtiraw il-protezzjoni temporanja

(g) deċiżjonijiet oħra ta’ l-ewwel istanza li jagħtu, jirrifjutaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni għar-residenza minħabba raġunijiet umanitarji jew raġunijiet oħrajn skond il-liġi nazzjonali

(h) applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li kienu rtirati.

Dawn l-istatistiki għandhom ikunu mqassma f’rubriki skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati. Huma għandhom ikunu relatati mal-perjodi ta’ referenza ta’ xahar kalendarju u għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni (l-Eurostat) fi żmien xahrejn li jsegwu t-tmiem tax-xahar ta’ referenza. L-ewwel xahar ta’ referenza għandu jkun Jannar ta’ l-2006.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) l-istatistiki dwar in-numri ta’:

(a) applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li huma kkunsidrati mill-awtorità nazzjonali responsabbli bħala minuri mhux akkumpanjati

(b) deċiżjonijiet li ma jilqgħux l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, inklużi d-deċiżjonijiet li jikkunsidraw l-applikazzjonijiet bħala inammissibbli jew bla bażi, meħudin mill-entitajiet ta’ l-appell amministrattivi jew ġudizzjali jew fil-qafas ta’ analiżi mill-ġdid

(c) deċiżjonijiet li jagħtu jew jirtiraw l-istatus ta’ refuġjat meħudin mill-entitajiet ta’ l-appell amministrattivi jew ġudizzjali jew fil-qafas ta’ analiżi mill-ġdid

(d) deċiżjonijiet li jagħtu jew jirtiraw status mogħti bi protezzjoni sussidjarja meħudin mill-entitajiet ta’ l-appell amministrattivi jew ġudizzjali jew fil-qafas ta’ analiżi mill-ġdid

(e) deċiżjonijiet li jagħtu jew jirtiraw l-istatus ta’ protezzjoni temporanja meħudin mill-entitajiet ta’ l-appell amministrattivi jew ġudizzjali jew fil-qafas ta’ analiżi mill-ġdid

(f) deċiżjonijiet oħrajn meħudin mill-entitajiet ta’ l-appell amministrattivi jew ġudizzjali jew fil-qafas ta’ l-analiżi mill-ġdid biex jingħataw, ma jintlaqgħux jew ikunu irtirati l-awtorizzazzjonijiet ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji jew raġunijiet oħrajn skond il-liġi nazzjonali

(g) id-domandi u t-trasferimenti koperti bir-Regolament (KE) Nru 343/2003 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003[17]

(h) persuni magħżula għar-riallokazzjoni fl-Istat Membru.

Dawn l-istatistiki għandhom ikunu mqassma f’rubriki skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati. Huma għandhom ikunu relatati mal-perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni (l-Eurostat) fi żmien it-tliet xhur li jsegwu t-tmiem tax-xahar ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2006.

Artikolu 5

Statistiki dwar il-prevenzjoni ta’ dħul jew residenza illegali

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) l-istatistiki dwar in-numri ta’:

(a) ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu rifjutati d-dħul fit-territorju ta’ l-Istat Membru fil-fruntiera esterna

(b) ċittadini ta’ pajjiż terz li jinstabu li qed jgħixu b’mod illegali fit-territorju ta’ l-Istat skond il-liġijiet nazzjonali relatati ma’ l-immigrazzjoni.

Dawn l-istatistiki għandhom ikunu mqassma f’rubriki skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati.

2. L-istatistiki indikati f’paragrafu 1 għandhom ikunu relatati ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni (l-Eurostat) fi żmien it-tliet xhur li jsegwu t-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2006.

Artikolu 6

Statistiki dwar il-permessi ta’ residenza u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) statistiki dwar:

(a) in-numru ta’ permessi ta’ residenza maħruġa lill-persuni li huma ċittadini ta’ pajjiż terz, imqassma f’rubriki kif ġej:

(i) il-permessi maħruġa matul il-perjodu ta’ referenza li bih il-persuna qed tingħata l-permess biex tirresjedi għall-ewwel darba, imqassma f’rubriki skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni għala l-permess qed ikun maħruġ u skond it-tul tal-validità tal-permess

(ii) il-permessi maħruġa matul il-perjodu ta’ referenza u mogħtija minħabba l-fatt li persuna tkun qed tibdel l-istatus ta’ l-immigrazzjoni jew ir-raġuni għala trid tibqa’, imqassma f’rubriki skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni għala l-permess qed ikun maħruġ u skond it-tul tal-validità tal-permess

(iii) il-permessi validi fid-data ta’ referenza (in-numru tal-permessi maħruġa, mhux irtirati u mhux skaduti), imqassma f’rubriki skond iċ-ċittadinanza, skond ir-raġuni tal-ħruġ tal-permess u skond it-tul tal-validità tal-permess

(b) in-numru ta’ residenti għal tul ta’ żmien, imqassma f’rubriki skond iċ-ċittadinanza.

2. Fejn il-liġijiet nazzjonali u l-prattiki amministrattivi ta’ l-Istat Membru jippermettu kategoriji speċifiċi ta’ viża għal tul ta’ żmien jew status ta’ immigrazzjoni li jrid jingħata minflok permessi ta’ residenza, l-għadd tal-viżi u l-għoti ta’ l-istatus ta’ din ix-xorta għandhom ikunu inklużi fl-istatistiki meħtieġa skond paragrafu 1.

3. L-istatistiki indikati f’paragrafu 1 għandhom ikunu relatati ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni (l-Eurostat) fi żmien sitt xhur li jsegwu t-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2006.

Artikolu 7

Statistiki dwar ir-ritorni

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (l-Eurostat) l-istatistiki relatati man-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom, f’pajjiż ta’ tranżizzjoni, jew f’pajjiż terz ieħor, kemm jekk b’mod voluntarju jew ta’ bilfors, wara deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja jew att li jimponi l-obbligu tar-ritorn, imqassma f’rubriki skond l-età u s-sess, u skond iċ-ċittadinanza tal-persuni ritornati.

2. L-istatistiki indikati f’paragrafu 1 għandhom ikunu relatati ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandhom ikunu pprovduti lill-Kummissjoni (l-Eurostat) fi żmien it-tliet xhur li jsegwu t-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2006.

Artikolu 8

Tqassim f’rubriki addizzjonali

1. Tqassim f’rubriki addizzjonali kif previst hawn taħt jista’ jkun adottat mill-Kummissjoni skond il-proċedura indikata fl-Artikolu 11(2) għall-istatistiki li ġejjin:

(a) għall-istatistiki meħtieġa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 mqassma f’rubriki skond:

(i) l-istatus ta’ l-impjieg,

(ii) l-okkupazzjoni,

(iii) il-qasam ta’ l-attività,

(iv) il-livell ta’ edukazzjoni u taħriġ,

(v) is-sena ta’ l-ewwel wasla,

(b) għall-istatistiki meħtieġa fil-punti (a), (b) u (c) ta’ l-Artikolu 3(1) imqassma f’rubriki skond:

ir-reġjun tar-residenza attwali tas-soltu,

(c) għall-istatistiki meħtieġa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4 mqassma f’rubriki skond:

(i) in-numru ta’ persuni kkonċernati bid-deċiżjoni amministrattiva,

(ii) il-kategorija tal-protezzjoni li għaliha qed issir l-applikazzjoni,

(iii) is-sena li fiha tkun sottomessa l-applikazzjoni,

(d) għall-istatistiki meħtieġa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5 mqassma f’rubriki skond:

(i) ir-raġuni tar-rifjut jew l-arrest,

(ii) il-post tar-rifjut jew l-arrest,

(e) għall-istatistiki meħtieġa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 mqassma f’rubriki skond:

(i) is-sena li fiha l-permess biex jirresjedi kien mogħti l-ewwel darba,

(ii) l-okkupazzjoni,

(iii) l-attività ekonomika,

(iv) l-età,

(v) is-sess,

(f) għall-istatistiki meħtieġa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7 mqassma f’rubriki skond:

ir-raġuni tar-ritorn.

2. Meta jkun qed jiġi deċiż jekk tqassim f’rubriki addizzjonali għandux ikun stabbilit b’konformità ma’ paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-bżonn għal din l-informazzjoni għall-għanijiet ta’ żvilupp u mmonitorjar tal-politiki Komunitarji u għandha tikkunsidra d-disponibilità ta’ sorsi adatti ta’ data .

Artikolu 9

Sorsi ta’ data u standards ta’ kwalità

1. L-istatistiki għandhom ikunu bbażati fuq is-sorsi ta’ data li ġejjin skond id-disponibilità fl-Istati Membri u b’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali:

(a) ir-rekords ta’ l-azzjonijiet amministrattivi u ġudizzjali

(b) ir-reġistri relatati ma’ l-azzjonijiet amministrattivi

(c) ir-reġistri tal-popolazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ta’ sotto-grupp partikulari ta’ dik il-popolazzjoni

(d) ċensimenti

(e) servejs kampjuni

(f) sorsi adatti oħrajn.

2. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat) dwar is-sorsi użati ta’ data , ir-raġunijiet għas-selezzjoni ta’ dawn is-sorsi u l-effetti tas-sorsi selezzjonati ta’ data fuq il-kwalità ta’ l-istatistiki.

3. Fuq talba tal-Kummissjoni (l-Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovdulha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tevalwa l-kwalità, il-komparabilità u l-kompletezza ta’ l-informazzjoni ta’ l-istatistika.

4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (l-Eurostat) mingħajr telf ta’ żmien bir-reviżjonijiet u l-korrezzjonijiet ta’ l-istatistiki pprovduti bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, u dwar kull bidliet fil-metodi u s-sors użati ta’ data .

5. Il-formati adatti għat-trażmissjoni tad- data għandhom ikunu stabbiliti b’konformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 10

Miżuri ta’ implimentazzjoni

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi miżuri biex ikunu kkunsidrati l-bidliet ekonomiċi u tekniċi, għandhom ikunu adottati b’konformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 11(2). Miżuri ta’ din ix-xorta għandhom jinkludu b’mod partikulari:

(a) l-adozzjoni tad-definizzjonijiet u l-adozzjoni ta’ definizzjonijiet addizzjonali kif indikat fl-Artikolu 2

(b) it-tqassim addizzjonali f’rubriki u l-livelli ta’ tqassim f’rubriki li għandhom ikunu applikati għall-fatturi varjabbli kif indikat fl-Artikolu 8

(c) il-limiti taż-żmien għat-trażmissjoni tad- data lill-Kummissjoni

(d) ir-regoli li jistabbilixxu l-eżattezza u l-istandards tal-kwalità

(e) ir-regoli li jistabbilixxu l-formati adatti għat-trażmissjoni tad- data kif indikat fl-Artikolu 9.

Artikolu 11

Proċedura

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Programmi Statistiċi stabbilit bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom.

2. Fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, il-proċedura regolatorja indikata fl-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandha tapplika, wara li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħhom.

Iż-żmien indikat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 12

Rapport

Sa ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u kull tliet snin minn dak in-nhar ’il hawn, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistiki miġbura skond dan ir-Regolament u l-kwalità tagħhom.

Artikolu 13

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 311/76 hu hawnhekk revokat.

Artikolu 14

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] Adottat mill-Kummissjoni fil-15.4.2003.

[2] ĠU L 39, ta’ l-14.2.1976, p.1

[3] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 61 ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p.1)

[4] ĠU C , ,p. .

[5] ĠU C , , p. .

[6] ĠU C , , p. .

[7] ĠU C , , p. .

[8] COM (2003) 179.

[9] ĠU L 39, ta’ l-14.2.1976, p. 1.

[10] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[11] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[12] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

[13] ĠU L 16, tat-23.1.2004, p. 44.

[14] ĠU L 304, tat-30.9.2004, p. 12.

[15] ĠU L 50, tal-25.2.2003, p. 1.

[16] ĠU L 212, tas-7.8.2001, p.1.

[17] ĠU L 222, tal-5.9.2003, p. 3.