52005PC0267(01)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru /* KUMM/2005/0267 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.06.2005

KUMM(2005)267 finali

2005/0113(CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

.

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Ir-relazzjonijiet ta' l-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kienu tradizzjonalment immexxija minn ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, l-Annessi tagħhom u arranġementi oħra relatati, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-kawżi K-466/98, K-466/98, K-467/98, K-468/98, K-471/98, K-472/98, K-475/98 u K-476/98, il-Komunità għandha l-kompetenza esklussiva f'dak li għandu x'jaqsam ma' aspetti varji ta' l-avjazzjoni esterna. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll id-dritt tal-kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità li jgawdu mid-dritt li jistabbilixxu ruħhom fil-Komunità, inkluż id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għas-suq.

Il-klawżoli tad-deżinjazzjoni tradizzjonali fi ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru ta' l-Istati Membri jiksru l-liġi Komunitarja. Jagħtu l-lok lill-pajjiż terz li jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' kumpanija ta' l-ajru li kienet ġiet iddeżinjata minn Stat Membru iżda li mhijiex proprjetà sostanzjali u kkontrollata effettivament minn dak l-Istat Membru jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-kumpaniji ta' l-ajru li, filwaqt li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru, jkunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru ieħor.u kkontrollati minnhom Dan imur kontra l-Artikolu 43 tat-Trattat li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jistabbilixxu ruħhom b'mod ħieles, l-istess trattament fl-Istat Membru li jilqagħhom bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni f'Ġunju ta' l-2003 biex tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċertu dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.[1]

F'konformità mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċertu dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim man-New Zealand li jieħu post ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru eżistenti bejn l-Istati Membri u n-New Zealand. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jieħu post il-klawżoli ta' deżinjazzjoni tradizzjonali bi klawżola ta' deżinjazzjoni Komunitarja, li tippermetti lill-kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità li jibbenefikaw mid-dritt ta' stabbiliment. L-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim jirrisolvu żewġ tipi ta' klawżoli li jikkonċernaw kwistjonijiet tal-kompetenza Komunitarja. L-Artikolu 4 jitratta t-tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni, kwistjoni li ġiet armonizzata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirristruttura l-qafas ta' ħidma Komunitarja għat-tassazzjoni tal-prodotti ta' l-enerġija u l-elettriku, partikolarment l-Artikolu 14 tal-paragrafu 2 tiegħu. L-Artikolu 5 (Tariffi) isolvi kunflitti bejn ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru eżistenti u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2409/92 dwar tariffi u rati għas-servizzi ta' l-ajru li jipprojbixxu kumpaniji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi milli jkollhom pożizzjoni dominanti fuq is-servizzi ta' l-ajru għall-ġarr li jseħħ kollu kemm hu fil-Komunità.

Il-Kunsill huwa mitlub japprova d-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja u dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru u jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-ftehim f'isem il-Komunità.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 80(2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

Billi:

(1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità ftehim man-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkanizmi u d-Direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(3) Suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar 'il quddiem, il-ftehim negozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

1. Suġġett għal konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem, il-President tal-Kunsill b'dan qed jiġi awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw f'isem il-Komunità l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru.

2. Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim ser jiġi applikat b'mod provviżorju mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar li jiġi wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan. Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(2) tal-Ftehim.

3. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2005/0113(CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Billi:

(1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità ftehim man-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru fi qbil mal-mekkanizmi u d-Direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(3) Il-ftehim ġie ffirmat f'isem il-Komunità fi [...] suġġett għall-possibiltà tal-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, konformi mad-deċiżjoni .../.../KE tal-Kunsill fi [...][5];

(4) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru huwa approvat f'isem il-Komunità.

2. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa tagħmel in-notifika prevista fl- Artikolu 8(1) tal-Ftehim.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand

dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

minn naħa waħda, u

IN-NEW ZEALAND

min-naħa l-oħra

(minn hawn 'il quddiem 'il-Partijiet Kontraenti')

INNUTAW li ftehimiet bilaterali dwar servizzi ta' l-ajru ġew konklużi bejn bosta Stati Membri tal-Komunità Ewropea u n-New Zealand li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi Komunitarja,

INNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

INNUTAW li taħt il-liġi tal-Komunità Ewropea kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità stabbiliti fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għal rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

WARA LI KKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu sehem f'kumpaniji ta' l-ajru liċenzjati f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea,

GĦARFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u n-New Zealand, li nstabu li jmorru kontra l-liġi tal-Komunità Ewropea, iridu jinġiebu f'konformità sħiħa magħha sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand u sabiex tiġi ppreservata l-kontinwità ta' dawn is-servizzi ta' l-ajru,

INNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea f'dan il-Ftehim, li jiżdied il-volum totali tat-traffiku ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u n-New Zealand, li jiġi affettwat il-bilanċ bejn kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità u kumpaniji ta' l-ajru tan-New Zealand, jew li jiġu negozjati emendi għad-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali eżistenti dwar servizzi ta' l-ajru li jikkonċernaw id-drittijiet tat-traffiku,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1. Għall-għanjiet ta' dan il-Ftehim, 'Stati Membri' tfisser Stati Membri tal-Komunità Ewropea; ‘Parti Kontraenti’ tfisser parti kontraenti ta’ dan il-Ftehim; “parti” tfisser il-parti kontraenti tal-ftehim bilaterali rilevanti dwar is-servizzi ta’ l-ajru; "kumpanija ta’ l-ajru” tfisser ukoll linja ta’ l-ajru; 'it-territorju tal-Komunità Ewropea’ tfisser it-territorji ta’ l-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

2. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li huma partijiet fil-ftehim jinftiehmu bħala li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

3. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għall-kumpaniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istati Membri li huma partijiet fil-ftehim jinftiehmu bħala li qed jirreferu għall-kumpaniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ddeżinjati mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Deżinjazzjoni, Awtorizzazzjoni u Revoka

1. Jgħoddu d-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu u mhux id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-Artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni ta’ kumpanija ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi mogħtija min-New Zealand, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tal-kumpanija ta' l-ajru, rispettivament.

2. Jgħoddu d-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu u mhux id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) ta’ dan il-Ftehim rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni ta’ kumpaniji ta' l-ajru min-New Zealand, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tal-kumpanija ta' l-ajru, rispettivament.

3. Mal-wasla ta' deżinjazzjoni bħal din, jew ta' applikazzjonijiet mill-kumpanija(i) ta' l-ajru ddeżinjata(i), fil-forma u l-mod preskrit għall-awtorizzazzjonijiet għat-tħaddim u permessi tekniċi, il-parti l-oħra għandha, soġġetta għall-paragrafi 4 u 5, tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa b’dewmien proċedurali mill-inqas, bil-kundizzjoni li:

a) fil-każ ta' linja ta' l-ajru ddeżinjata minn Stat Membru:

i. il-kumpanija ta' l-ajru tkun stabbilita fit-territorju ta' l-Istat Membru deżinjat taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u li għandu Liċenzja Operattiva valida f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea; kif ukoll

ii. jiġi eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu u l-awtorità aeronawtika rilevanti tkun identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; kif ukoll

iii. il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpanija ta’ l-ajru jkun fl-Istat Membru mingħand min tkun irċeviet il-Liċenzja Operattiva; kif ukoll

iv. il-kumpanija ta' l-ajru hija proprjetà ta’, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u kkontrollata effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-istati oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra.

b) fil-każ ta' kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata min-New Zealand:

i. In-New Zealand jkollha, u żżomm, kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta’ l-ajru; kif ukoll

ii. il-post ewlieni tan-negozju tagħha u l-post ta’ l-inkorporazzjoni tagħha jkunu fin-New Zealand.

4. Kull waħda mill-partijiet tista' tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjoni ta' l-operat jew il-permessi tekniċi ta' kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata mill-Parti l-oħra fejn:

a) fil-każ ta' kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata minn Stat Membru:

i. il-kumpanija ta' l-ajru ma tkunx stabbilita fit-territorju ta' l-Istat Membru li ddeżinjaha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jew m’għandhiex Liċenzja Operattiva valida minn Stat Membru f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea;

ii. ma jiġix eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità aeronawtika rilevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; jew

iii. il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpanija ta’ l-ajru ma jkunx fit-territorju ta’ l-Istat Membru mingħand min irċeviet il-Liċenzja Operattiva; jew

iv. il-kumpanija ta' l-ajru ma tkunx proprjetà ta’ u kkontrollata effettivament minn, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, l-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra; jew

v. il-kumpanija ta' l-ajru tkun diġà awtorizzata biex topera taħt ftehim bilaterali bejn in-New Zealand u Stat Membru ieħor u n-New Zealand tkun tista' turi li, billi teżerċita drittijiet tat-traffiku taħt dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor, tkun qed tevita restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-ftehim l-ieħor; jew

vi. il-kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata jkollha Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru maħruġ minn Stat Membru u ma jkunx hemm ftehimiet bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn in-New Zealand u dak l-Istat Membru, u dak l-Istat Membru jkun ċaħad id-drittijiet tat-traffiku lill-kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata min-New Zealand; jew

b) fil-każ ta' kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata min-New Zealand:

i. In-New Zealand ma tkunx iżżomm kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta’ l-ajru; jew

ii. il-post ewlieni tan-negozju tagħha u l-post ta’ l-inkorporazzjoni tagħha ma jkunux fin-New Zealand.

5. Fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha taħt il-paragrafu 4, u mingħajr preġudizzju tad-drittijiet tagħha taħt il-paragrafu 4(a)(v) u (vi) ta’ dan l-Artikolu, in-New Zealand ma tiddiskriminax bejn kumpaniji ta’ l-ajru ta’ Stati Membri fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

Artikolu 3

Drittijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll regolatorju

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jikkomplimentaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2(c).

2. Meta Stat Membru jkun iddeżinja kumpanija ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju tagħha jkun eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tan-New Zealand taħt id-dispożizzjonijiet ta' sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li jkun iddeżinja l-kumpanija ta' l-ajru u n-New Zealand japplika b'mod ugwali fir-rigward ta' l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew iż-żamma ta' standards ta' sikurezza minn dak l-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta' dik il-kumpanija ta' l-ajru.

Artikolu 4

It-tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jikkomplimentaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(d).

2. Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 2(d) ma jżomm Stati Membri jew in-New Zealand milli jimponu fuq bażi mhux diskriminatorja taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorji rispettivi tagħhom għall-użu f'inġenju ta' l-ajru ta' kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata ta’ Stat Membru jew tan-New Zealand li topera bejn żewġ punti fit-territorji rispettivi tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 5

Tariffi

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jikkomplimentaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2(e).

2. It-tariffi li jiġu imposti mill-kumpanija/i ta' l-ajru deżinjata/i min-New Zealand permezz ta' ftehim elenkat fl-Anness 1 li fih dispożizzjoni elenkata fl-Anness 2(e) għal ġarr li jseħħ kollu kemm hu fil-Komunità Ewropea jkunu suġġetti għal-liġi tal-Komunità Ewropea. Il-liġi tal-Komunità Ewropea tiġi applikata fuq bażi mhux diskriminatorja.

3. It-tariffi li jiġu imposti mill-kumpanija/i ta' l-ajru deżinjata/i mill-Istati Membri permezz ta' ftehim elenkat fl-Anness 1 li fih dispożizzjoni elenkata fl-Anness 2(e) għal ġarr li jseħħ kollu kemm hu fin-New Zealand ikunu suġġetti għal-liġi tan-New Zealand. Il-liġi tan-New Zealand tiġi applikata fuq bażi mhux diskriminatorja.

Artikolu 6

Annessi għal dan il-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim jifformaw parti integrali minnu.

Artikolu 7

Reviżjoni jew emendi

Il-Partijiet jistgħu, f'kull ħin, jirrivedu jew jemendaw dan il-Ftehim b'kunsens reċiproku.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

1. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu ġew mitmuma.

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet qablu biex japplikaw b'mod provviżorju dan il-Ftehim mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

3. Ftehimiet u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u n-New Zealand li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, ma kinux daħlu fis-seħħ u li mhumiex qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Dan il-Ftehim japplika għal kull Ftehim u arranġament bħal dawn mad-dħul fis-seħħ jew applikazzjoni provviżorja tagħhom.

Artikolu 9

Tmiem

1. Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Ftehim li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim kkonċernat elenkat fl-Anness 1 jiġu tterminati fl-istess ħin.

2. Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu tterminati, dan il-Ftehim jiġi tterminat fl-istess ħin.

B'XIEHDA TA' DAN, il-firmatarji hawn taħt, bl-awtorizzazzjoni meħtieġa, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [….] b'żewġ kopji, f'din il-[...] ġurnata ta' [..., ...] fil-lingwa Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża. F'każ ta' diverġenza, it-test Ingliż jgħodd l-aktar fost it-testi bil-lingwi l-oħra.

Ladarba l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jkunu marbuta li jippubblikaw l-atti uffiċjali kollha bil-Malti fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, il-ftehim ikun ukoll redatt b'żewġ kopji bil-Malti.

GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA, GĦAN-NEW ZEALAND:

ANNESS 1

Lista ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim

(a) Ftehimiet tas-servizzi ta' l-ajru bejn in-New Zealand u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament

- Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern Federali Awstrijak u l-Gvern tan-New Zealand magħmul fi Vjenna fl-14 ta' Marzu 2002; minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim New Zealand-Awstrija”.

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tan-New Zealand marbut mas-servizzi ta’ l-Ajru magħmul f’Wellington fl-4 ta’ Ġunju 1999; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Belġju”.

- Ftehim dwar is-servizzi ta’ l-Ajru bejn ir-Renju tad-Danimarka u n-New Zealand magħmul f’Wellington fis-7 ta’ Frar 2001; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Danimarka”.

Issupplimentat bil-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Skandinavi fir-rigward, iffirmat f’Wellington fis-7 ta’ Frar 2001.

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tan-New Zealand rigward is-Servizzi ta' l-Ajru magħmul f'Pariġi fid-9 ta' Novembru 1967; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Franza”;

Immodifikat l-aħħar bl-Iskambju ta’ Noti, it-tnejn iddatati id-9 ta’ Awissu 1971.

- Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u n-New Zealand iffirmat f’Bonn fit-2 ta’ Novembru 1987 kif emendat; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Ġermanja”.

- Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern ta’ l-Irlanda u l-Gvern tan-New Zealand magħmul f’Dublin fis-27 ta’ Mejju 1999; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Irlanda”.

- Ftehim bejn il-Gvern tan-New Zealand u l-Gvern tar-Repubblika Taljana dwar is-Servizzi ta' l-Ajru iffirmat f'Ruma f'Settembru 2001; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Italja”.

- Ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tan-New Zealand dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ; magħmul f’Wellington fit-2 ta' Novembru 1992; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Lussemburgu”.

- Abbozz ta' Ftehim bejn il-Gvern tan-New Zealand u l-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda għas-Servizzi ta’ l-Ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom , kif inhu anness mal-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat f’The Hague fil-11 ta’ Mejju 1999; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Olanda”.

- Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn ir-Renju ta’ Spanja u n-New Zealand magħmul f’Madrid fis-6 ta’ Mejju 2002; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Spanja”.

- Ftehim dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru bejn ir-Renju ta’ l-Iżvezja u n-New Zealand ; magħmul f’Wellington fis-7 ta’ Frar 2001; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Żvezja".

Issupplimentat bil-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Skandinavi fir-rigward ta', iffirmat f’Wellington fis-7 ta’ Frar 2001.

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Gvern tan-New Zealand dwar is-Servizzi ta' l-Ajru magħmul f'Londra fl-4 ta' Ottubru 1982, kif emendat; minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim New Zealand-Renju Unit”.

(b) Ftehimiet tas-servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn in-New Zealand u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu għadhom ma' daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament

[Anness 1b tħalla intenzjonalment vojt.]

ANNESS 2

Lista ta' artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Ftehim

(a) Deżinjazzjoni minn Stat Membru:

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Italja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu;

- L-Artikolu 4 ta’ l-Abbozz tal-Ftehim New Zealand-Olanda;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Renju Unit.

(b) Rifjut, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta' Awtorizzazzjonijiet jew Permessi:

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim New Zealand-Franza;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Italja;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu;

- L-Artikolu 5 ta’ l-Abbozz tal-Ftehim New Zealand-Olanda;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Renju Unit.

(c) Kontroll Regolatorju:

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

- L-Artikolu 13 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

- L-Artikolu 11a tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda;

- L-Artikolu 11 tal-Ftehim New Zealand-Italja;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu;

- L-Artikolu 12 ta’ l-Abbozz tal-Ftehim New Zealand-Olanda;

- L-Artikolu 11 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

- L-Artikolu 13 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja.

(d) It-tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

- L-Artikolu 10 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Franza;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja;

- L-Artikolu 9 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim New Zealand-Italja;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu;

- L-Artikolu 10 ta’ l-Abbozz tal-Ftehim New Zealand-Olanda;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim New Zealand-Renju Unit.

(e) Tariffi għall-ġarr fil-Komunità Ewropea:

- L-Artikolu 11 tal-Ftehim New Zealand-Awstrija;

- L-Artikolu 13 tal-Ftehim New Zealand-Belġju;

- L-Artikolu 9 tal-Ftehim New Zealand-Danimarka;

- L-Artikolu 10 tal-Ftehim New Zealand-Franza;

- L-Artikolu 10 tal-Ftehim New Zealand-Ġermanja;

- L-Artikolu 12 tal-Ftehim New Zealand-Irlanda;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim New Zealand-Italja;

- L-Artikolu 10 tal-Ftehim New Zealand-Lussemburgu;

- L-Artikolu 6 ta’ l-Abbozz tal-Ftehim New Zealand-Olanda;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim New Zealand-Spanja;

- L-Artikolu 9 tal-Ftehim New Zealand-Żvezja;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim New Zealand-Renju Unit u dispożizzjonijiet marbuta ma’ tariffi kif previst fil-Paragrafi 4 u 5 tal-Memorandum ta’ Ftehim konfidenzjali iffirmat f’Londra fit-22 ta’ Ottubru 1989 u kif emendat mill-Paragrafu 10 tal-Memorandum ta' Ftehim iffirmat f’Londra fis-7 ta’ Awissu 1997.

ANNESS 3

Lista ta' stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim

(a) Ir-Repubblika ta' l-Iżlanda (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b) Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(c) Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d) Il-Konfederazzjoni Żvizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport ta' l-Ajru).

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 11323/03 tal-5 ta' Ġunju 2003 (dokument riservat)

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU C [...], [...], p. [...].

[4] ĠU C [...], [...], p. [...].

[5] ĠU C [...], [...], p. [...].