[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 31.05.2005 KUMM(2005)237 finali 2005/0104(COD) . Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi . (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Kuntest tal-Proposta Għan Fil-21 ta’ Awissu 2003, il-Kummissjoni ssottomettiet Proposta għal Regolament li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni Schengen”) fir-rigward ta’ aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni Schengen (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“SIS”) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi[1]. Din il-proposta ġiet sottomessa lill-Parlament Ewropew għat-tieni qari. L-għan prinċipali tal-proposta attwali hu l-istess bħal dak ippreżentat għall-konsiderazzjoni f'Awissu 2003, jiġifieri li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, ibbażat fuq skambju effettiv ta’ informazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi u l-kummerċ illegali ta’ vetturi misruqa fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, imsemmija fit-Titolu V tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Trattat tal-KE”) u, b'mod aktar partikolari, fl-interess tat-tħaddim tas-suq intern. Il-miżura konkreta proposta tibqa’ l-istess ukoll, jiġifieri, l-għoti tad-dritt lis-servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi ta’ l-Istati Membri li jikkonsultaw ċerti kategoriji ta’ data li jinsabu fis-SIS. Il-Kummissjoni segwiet b’mod sħiħ il-linja tal-proposta msemmija qabel u għamlet biss emendi formali sabiex tassigura l-koerenza ma’ l-istrumenti legali ġodda għall-istabbiliment, il-ħidma u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“SIS II”). Ir-referenzi għall-Konvenzjoni Schengen li jinsabu fil-proposta ta’ qabel ġew emendati sabiex jinkwadraw fil-qafas legali tas-SIS II. L-iskop hu li jiġi garantit li s-servizzi responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għandu jkollhom aċċess għall-istess data tas-SIS taħt il-qafas legali l-ġdid għas-SIS II kif se jkollhom meta r-Regolament propost ta’ l-2003 jidħol fis-seħħ. [2] Kuntest ġenerali Is-SIS Is-SIS hi sistema ta’ informazzjoni stabbilita taħt il-Konvenzjoni Schengen li tippermetti li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jikkooperaw, billi jiskambjaw informazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ diversi politiki meħtieġa, biex jistabbilixxu żona mingħajr kontrolli tal-fruntieri interni mingħajr ma jnaqqsu l-livell ta’ sigurtà f’din iż-żona. Hi tippermetti li dawn l-awtoritajiet, permezz ta’ proċedura awtomatika ta’ mistoqsijiet, jiksbu informazzjoni relatata ma’ sejħiet ta’ allarm dwar persuni u oġġetti. L-iskambju ta’ l-informazzjoni jsir għal kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, biex jitwettqu kontrolli fuq persuni fil-fruntieri esterni jew f’territorju nazzjonali, u għall-ħruġ ta’ viżi u ta’ permessi ta’ residenza. Fl-2001, fil-kuntest tal-proċess ta’ tkabbir, il-Kunsill iddeċieda li jiżviluppa s-SIS II u inkariga lill-Kummissjonu b’din il-ħidma. Din is-sistema għandha tibbenefika mill-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tippermetti l-integrazzjoni teknika faċli ta’ l-Istati Membri l-ġodda u ta’ ftit funzjonalitajiet ġodda. Dispożizzjonijiet eżistenti u proposti relatati L-Artikoli 92 – 119 tal-Konvenzjoni Schengen huma d-dispożizzjonijiet legali bażiċi li jirregolaw is-SIS. Adottati f’qafas intergovernattiv, dawn kienu inkorporati fil-qafas legali u istituzzjonali ta’ l-Unjoni Ewropea wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam[3]. Madankollu, huma jvarjaw mil-liġi tal-Komunità f’xi aspetti. L-ewwelnett, billi huma ma jiħdux il-forma klassika ta’ l-istrumenti tal-KE, bħar-regolamenti u d-direttivi, jistgħu jqumu xi ambigwitajiet dwar il-valur legali tagħhom. Barra minn hekk, bla dubju huma ġew adottati mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Komunità[4], b’mod partikolari l-Parlament Ewropew. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċiediet li tissottometti żewġ proposti minħabba n-natura ta’ tas-SIS li taqa’ taħt kompetenzi differenti: Regolament ibbażat fuq it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE u Deċiżjoni bbażata fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ it-Trattat ta’ l-UE”), għall-istabbiliment, il-ħidma u l-użu tas-SIS II. Kien hemm bżonn li dawn iż-żewġ strumenti, li huma maħsuba li jieħdu post l-Artikoli 92 sa 119 tal-Konvenzjoni Schengen, jiġu kompluti bi strument li jippermetti aċċess għas-SIS II mis-servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. Dan ta’ l-aħħar, ibbażat fuq it-Titolu V tat-Trattat għalhekk għandu jikkompleta l-qafas legali tas-SIS II u għandu jieħdu post l-Artikolu 102a li għandu jiddaħħal fil-Konvenzjoni Schengen wara l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni ta’ Awissu 2003. Il-proposta preżenti, għalkemm tipprovdi għall-aċċess għas-SIS II, tirreferi biss għad-Deċiżjoni dwar l-istabbiliment, il-ħidma u l-użu tas-SIS II fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, minħabba li dak l-istrument, jistabbilixxi sistema ta’ allarmi fir-rigward ta' oġġetti misruqa, miżapproprjati jew mitlufa, inklużi regoli dwar l-iskop ta’ l-allarmi u l-identifikazzjoni ta’ l-awtoritajiet bid-dritt ta’ aċċess għal dawn l-allarmi. Ir-referenzi għall-proposta preżenti ta’ din id-Deċiżjoni huma koerenti mal-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda li jipparteċipaw fiż-żewġ strumenti legali. Kalendarju L-istrumenti legali li jirregolaw is-SIS II għandhom ikunu adottati fi żmien opportun biex jippermettu l-preparazzjonijiet neċessarji għal din is-sistema ġdida u, b’mod partikolari, il-bidla mis-sistema preżenti għas-SIS II. ASPETTI LEGALI Bażi legali Il-bażi legali għall-proposta hi l-Artikolu 71(1)(d) tat-Trattat tal-KE. Dan l-artikolu jistipula li għall-iskop li tiġi implimentata l-politika komuni tat-trasport, il-Kunsill għandu jadotta “kwalunkwe dispożizzjonjiet xierqa oħra”, b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-artikolu 251 tat-Trattat tal-KE u wara konsultazzjonjiet mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni. L-aċċess tas-servizzi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi għas-SIS II għandu jkun ikkunsidrat bħala dispożizzjoni xierqa għal iżjed implimentazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, b’mod aktar speċifiku billi jippermetti li dawn is-servizzi jiċċekkjaw l-istat tal-vettura qabel jirreġistrawha. L-istess bażi legali kienet magħżula għall-Proposta ta’ Awwissu 2003 għal Regolament li jemenda l-Konvenzjoni Schengen fir-rigward ta’ l-aċċess għas-SIS mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. Skond l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll li jintegra l- acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, proposti u inizjattivi mibnija fuq l- acquis ta’ Schengen għandhom ikunu bla ħsara għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattati, anke jekk, skond il-paragrafu 2 ta’ l-istess artikolu, il-Kunsill m’adottax il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(1), it-tieni sottoparagrafu ta’ dak il-Protokoll. Dan bħalissa hu l-każ għall-Artikoli 92 sa 119 tal-Konvenzjoni Schengen. L-għażla ta' l-Artikolu 71 tat-Trattat tal-KE bħala bażi legali għal din il-proposta tfisser li l-aċċess għas-SIS mis-servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għandu bażi fit-Trattat tal-KE. Sussidjarjetà u proporzjonalità B’mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-għan ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri il-provvista ta’ aċċess mis-servizzi responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-vetturi għas-SIS II, jista’ jinkiseb biss minn miżuri fil-livell tal-Komunità. Huma neċessarji regoli komuni li jirregolaw id-dritt ta' aċċess għal sistema fejn l-Istati Membri jdaħħlu informazzjoni komuni dwar persuni u oġġetti li tgħin fl-implimentazzjoni ta’ diversi politiki fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja kif ukoll tal-fruntieri esterni, viżi u politiki oħrajn marbuta mal-moviment tal-persuni. Il-konsultazzjoni tad- data tas-SIS II hi ristretta għas-servizzi kompetenti f’kull Stat Membru fuq il-bażi ta’ l-iskopijiet kif spjegati f’dan ir-Regolament u limitata sa fejn id- data tkun meħtieġa għat-twettiq tal-ħidmiet b’mod konformi ma’ dawn l-iskopijiet. Għażla ta’ l-istrument legali L-istrument tar-Regolament instrument hu garantit fid-dawl tal-bżonn li jiġu applikati regoli uniformi u li jkunu applikabbli b’mod dirett, b’mod partikolari fejn jidħol l-aċċess għad- data fis-sistema. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għandom jikkostitwixxu sett ta’ dispożizzjonijiet preċiżi u mingħajr kondizzjonijiet li huma applikabbli b’mod dirett u uniformi b’mod mandatarju u, li bin-natura proprja tagħhom, ma jinħtieġu l-ebda azzjoni mill-Istati Membri biex jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali. Il-parteċipazzjoni tan-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera Fir-rigward tal-pożizzjoni tan-Norveġja u l-Islanda, l-Artikolu 1 punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta’ Schengen[5] jiddetermina li s-SIS, inklużi d-dispożizzjonijiet relevanti dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad- data , id-dispożizzjonijiet dwar it-tħaddim tat-taqsimiet nazzjonali tas-SIS u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawk it-taqsimet nazzjonali (SIRENE), u l-effett ta’ l-allarmi fis-SIS għall-persuni mfittxija għall-arrest għal skopijiet ta’ estradizzjoni, hu wieħed mill-oqsma ta’ l- acquis ta’ Schengen li fih jipparteċipaw dawn iż-żewġ pajjiżi. Minkejja l-bażi legali doppja tiegħu, ikun inkonċepibbli li n-Norveġja u l-Islanda jiġu esklużi minn wieħed mill-aspetti ta’ l-iżvilupp tas-SIS li hi, fuq kollox, sistema waħdanija ta’ informazzjoni u ta’ mistoqsijiet. Għalhekk, in-Norveġja u l-Islanda huma assoċjati b’mod sħiħ ma’ l-iżvilupp tagħha, inklużi l-aċċess għas-servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l- acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fil-parti msemmija fl-Artikolu 1 punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 4 (1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonjiet ta’ dan il-Ftehim[6] u ma’ l-Artikolu 4 (1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE dwar l-iffirmar, f’isem l-unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim[7]. KONSEGWENZI FINANZJARJI L-Istati Membri għandhom joħolqu konnessjoni bejn is-servizzi nazzjonali tar-reġistrazzjoni tal-vetturi u s-SIS II taħt ir-responsabilità ta’ l-uffiċċju nazzjonali tas-SIS II li għandu jkun nominat b’mod konformi mad-Deċiżjoni proposta dwar l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-SIS II. Il-Kummissjoni spjegat l-implikazzjoni prinċipali tal-baġit u ppreparat rendikont finanzjarju komuni anness mal-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-SIS II. 2005/0104 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[8], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[10], Jaġixxu b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[11], Billi: 1. L-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi[12] jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva u jistgħu jiskambjaw informazzjoni fuq livell bilaterali jew multilaterali, b’mod partikolari, sabiex jiċċekjaw, qabel kwalunkwe reġistrazzjoni ta’ vettura, l-istat legali ta’ din ta’ l-aħħar, fl-Istat Membru li fih hi kienet irreġistrata qabel. Dan l-iċċekkjar jista’ jinvolvi l-użu ta’ netwerk elettroniku. 2. Ir-Regolament XX/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[13] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/XX/JHA[14] dwar l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“SIS II”) jikkostitwixxu l-bażi leġiżlattiva li tirregola l-SIS II, li tifforma database maqsum bejn l-Istati Membri li fih, inter alia, data dwar vetturi bil-mutur b’kapaċità ċilindrika ta’ aktar minn 50 cc li kienu ġew misruqa, miżapproprjati jew mitlufa. 3. Ir-Regolament XX/2006/KE u d-Deċiżjoni 2006/XX/JHA ħadu post l-Artikoli 92 sa 119 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li jimplimentaw il-Ftehim Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-unjoni ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ l-ispezzjonijiet fil-fruntieri komuni tagħhom[15] (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni ta' Schengen”) minbarra l-Artikolu 102a tagħha. Dak l-Artikolu jikkonċerna l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen mill-awtoritajiet u mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. 4. Issa huwa neċessarju li jiġi adottat it-tielet strument, ibbażat fuq it-Titolu V tat-Trattat tal-KE li jikkumplimenta r-Regolament XX/2006/KE u d-Deċiżjoni 2006/XX/JHA sabiex jiġi permess l-aċċess għas-SIS II mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi, u biex jinbidel l-Artikolu 102a tal-Konvenzjoni ta’ Schengen. 5. L-allarmi dwar oġġetti inklużi vetturi bil-mutur jiddaħlu fis-SIS II għall-iskopijiet ta’ qbid jew ta’ użu bħala evidenza fi proċeduri kriminali, skond id-Deċiżjoni 2006/XX/JHA. 6. Skond id-Deċiżjoni 2006/XX/JHA, l-aċċess għall-allamri dwar oġġetti mdaħħla fis-SIS II hu esklussivament riservat għall-awtoritajiet responsabbli għall-pulizija, għall-awtoritajiet tal-fruntieri u tad-dwana, kif ukoll awtoritajiet ġudizzjarji u l-Ewropol. 7. Is-servizzi governattivi jew mhux governattivi li huma identifikati b'mod ċar għal dan l-iskop u responsabbli fl-Istati Membri għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għandu jkollhom aċċess għad- data ikluża fis-SIS II dwar vetturi bil-mutur b’kapaċità ċilindrika li teċċedi 50cc, trejlers u karavans b’piż mingħajr tagħbija li jeċċedi 750 kg u ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura u pjanċi tan-numri tal-vetturi li jkunu ġew misruqa, miżapproprjati, mitlufa jew invalidati sabiex huma jkunu jistgħu jiċċekjaw jekk il-vetturi preżentati lilhom għar-reġistrazzjoni kienux ġew misruqa, miżpproprjati jew mitlufa. 8. Għal dak il-għan huwa neċessarju li dawk is-servizzi jingħataw aċċess għal dik id- data , u li dawn ikunu jistgħu jużaw dik id- data għal skopijiet amministrattivi tal-ħruġ kif xieraq ta' ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi. 9. Fejn is-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi ikunu korpi mhux governattivi, dan l-aċċess għandu jingħata b'mod indirett, jiġifieri permezz ta' intermedjarju ta' awtorità li jingħata aċċess skond id-Deċiżjoni 2006/XX/JHA, li jkun responsabbbli li jassigura l-konformità mar-regoli tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta’ l-Istati Membri. 10. Id-Deċiżjoni 2006/XX/JHA tiddefinixxi l-azzjoni li għandha tittieħed jekk xi aċċess għas-SIS II iwassal għas-sejbien ta’ allarm dwar oġġett imdaħħal fis-Sistema. 11. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment ħieles ta’ dik id- data [16] tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tad- data personali dwar is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u ż-żamma ta’ log fajls li jinsabu fid-Deċiżjoni 2006/XX/JHA jissupplimentaw jew jikkjarifikaw il-prinċipji stabbiliti f’dik id-Direttiva meta d- data personali tkun proċessata minn dawk is-servizzi fil-kuntest tas-SIS II. 12. Minħabba li l-oġġettiv ta’ l-azzjoni li għandha tkun meħuda, jiġifieri l-għoti ta’ aċċess għas-SIS II lis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni, sabiex jiffaċilita l-ħidmiet tagħhom taħt id-Direttiva 1999/37/KE, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’, minħabba n-natura proprja tas-SIS bħala sistema ta’ informazzjoni konġunta, jintlaħaq biss fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadota miżuri, b’mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B’mod konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-oġġettiv. 13. Fir-rigward ta’ l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l- acquis ta’ Schengen li jaqa’ fil-parti msemmija fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti ghall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l- acquis ta' Schengen.[17] 14. Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l- acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-parti riferruta fl-Artikolu 4 punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinnqara flimkien ma' l-Artikolu 4 (1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim[18] u ma’ l-Artikolu 4 (1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea, u fuq l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti diżpożizzjonjiet ta’ dan il-Ftehim[19]. 15. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew huwa b’xi mod ieħor relat miegħu fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 16. Minkejja l-Artikoli 35, 37 u 40 (1) tad-Deċiżjoni 2006/XX/JHA, is-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi kif imsemmija fid-Direttiva 1999/37/KE, għandu jkollhom aċċess għad- data mdaħħla fis-SIS II b’mod konformi ma’ l-Artikolu 35 (a) (b) u (f) ta’ dik id-Deċiżjoni għall-iskop waħdieni li jiċċekkjaw jekk il-vetturi preżentati lilhom għar-reġistrazzjoni kinux ġew misruqa, miżapproprjati jew mitlufa.Bla ħsara għall-paragrafu 2, il-liġi nazzjonali ta’ kull Stat Membru għandha tirregola l-aċċess għal dik id- data minn dawk is-servizzi ta’ dak l-Istat Membru. 17. Is-servizzi msemmija fil-pargafu 1 li huma servizzi governattivi għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess dirett għad-data mdaħħla fis-SIS II. 18. Servizzi msemmija fil-paragarfu 1 li mhumiex servizzi governattivi għandu jkollhom aċċess biss għad- data mdaħħla fis-SIS II permezz ta’ intermedjarju ta’ awtorità msemmija fl-Artikolu 37 ta’ dik id-Deċiżjoni. Dik l-awtorità għandu jkollha d-dritt ta’ l-aċċess dirett u tgħaddih lis-servizz. L-Istat Membru kkonċernat għandu jassigura li s-servizz u l-impjegati tiegħu jintalbu jirrispettaw kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu permissibli ta’ data fdata lilhom mill-awtorità pubblika. 19. L-Artikolu 36 tad-Deċiżjoni 2006/XX/JHA m’għandux japplika għall-aċċess magħmul b’mod konformi ma’ dan l-Artikolu. Il-komunikazzjoni ma’ l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji mis-servizzi riferruti fil-paragrafu 1 ta’ kwalunkwe informazzjoni li ġiet magħrufa permezz ta' l-aċċess għas-SIS II u li tqajjem suspett ta' offiża kriminali għandha tkun regolata mil-liġi nazzjonali. Artikolu 2 Dan ir-Regolament jieħu post l-Artikolu 102a tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jkun ġie ppubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Dan għandu japplika mid-data stabbilita b’mod konformi ma’ l-Artikolu 65 (3) tad-Deċiżjoni 2006/XX/JHA. Dan ir-Regolament ghandu jorbot fl-intier tieghu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] COM(2003) 510 finali - COD 2003/0198. [2] It-test għandu jkun rivedut fil-każ li l-Proposti ta’ Awissu 2003 jiġu addottati [3] Ara l-Protokoll li jintegra l- acquis ta’ Schengen fil-qafasqafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati tal-KE u l-UE mit-Trattat ta’ Amsterdam. [4] Il-Kummissjoni kellha, madankollu, l-istatus ta’ osservatur fil-korpi ta' Schengen. [5] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31. [6] ĠU L 370, 17.12.2004, p.78. [7] ĠU L 368, 15.12.2004 p. 26 . [8] ĠU C […], […], p. […]. [9] ĠU C […], […], p. […]. [10] ĠU C […], […], p. […]. [11] ĠU C […], […], p. […]. [12] ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/127/KE (ĠU L 10, 16.1.2004, p.29). [13] ĠU L […], […], p. […]. [14] ĠU L […], […], p. […]. [15] ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 871/2004 (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 29) u d-Deċiżjoni 2005/211/JHA (ĠU L 68, 15.3.2005, p. 44). [16] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31; Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003(ĠU L 284, 31.10.2003, p.1). [17] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31. [18] ĠU L 370, 17.12.2004, p.78. [19] ĠU L 368, 15.12.2004 p. 26.