52005PC0221

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam /* KUMM/2005/0221 finali - CNS 2005/0099 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.05.2005

KUMM(2005) 221 finali

2005/0099 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

( Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

It-trobbija tat-tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam tirrappreżenta settur agrikolu importanti fi ħdan l-UE. Dan jidher mill-fatt li fl-UE-15 jinqatlu ’l fuq minn 4 biljun tiġieġa għall-produzzjoni tal-laħam kull sena[1], numru akbar ta’ annimali minn f’kwalunkwe sistema agrikola oħra. Bl-adeżjoni ta’ l-għaxar Stati Membri Ġodda nhar l-1 ta' Mejju 2004, dan in-numru żdied b'bejn wieħed u ieħor 18 %. Meta mqabbla ma’ setturi ta’ bhejjem oħra, il-produzzjoni tat-tiġieġ għal-laħam hija waħda mis-sistemi agrikoli l-aktar intensivi. Madankollu, din it-tip ta' produzzjoni tippreżenta sfidi għall-benesseri u s-saħħa ta' l-annimali in kwistjoni. Dan is-settur mhuwiex kopert minn leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika; japplikaw biss ir-rekwiżiti ġenerali tad-Direttiva 98/58/KE li tikkonċerna l-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet agrikoli. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi Direttiva tal-Kunsill speċifika li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam.

( Il-kuntest ġenerali

Ir-rapport tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u l-Benesseri ta’ l-Annimali ta’ Marzu 2000, “The Welfare of Chickens Kept for Meat Production (Broilers)”, identifika għadd ta’ problemi ta’ benesseri, bħall-mard metaboliku li jirriżulta fi problemi tas-saqajn, l-axxite, is-sindromu ta' mewt ħabta ( sudden death syndrome ) u sabta u problemi ta' saħħa oħrajn.

Il-proposta tal-Kummissjoni li takkumpanja lil din il-komunikazzjoni għandha l-għan li tintroduċi titjib fil-benesseri ta’ l-annimali fit-trobbija intensiva tat-tiġieġ permezz ta’ rekwiżiti tekniċi u maniġerjali għall-istabbilimenti, inkluż monitoraġġ imtejjeb tal-farms u fluss akbar ta’ informazzjoni bejn il-produtturi, l-awtoritajiet kompetenti u l-biċċeriji abbażi ta’ monitoraġġ tal-karkassi tat-tiġieġ wara l-qatla speċifiku għall-kwistjoni tal-benesseri. Din il-proposta se tkun element ewlieni fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Benesseri ta' l-Annimali li jrid jitħejja mill-Kummissjoni matul l-2005. Dan juri b’mod ċar l-impenn tal-Kummissjoni sabiex tmexxi 'l quddiem proposti ta' politika bil-għan li jittejbu l-istandards ta' benesseri ta' l-annimali, filwaqt li jitqiesu l-problemi ta' benesseri bis-sistemi attwali ta' produzzjoni identifikati mill-esperti xjentifiċi. Dan iwieġeb ukoll għad-domanda li qed tikber min-naħa tas-soċjetà ċivili ta’ l-UE sabiex timxi lejn standards ogħla ta’ protezzjoni ta’ l-annimali.

( Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Il-benesseri tat-tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam mhux kopert b'leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika; japplikaw biss ir-rekwiżiti ġenerali tad-Direttiva 98/58/KE li tikkonċerna l-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet agrikoli. Il-Kummissjoni hija konxja li l-eżistenza madwar l-Ewropa ta’ rekwiżiti nazzjonali diverġenti għall-protezzjoni tat-tiġieġ u ta’ skemi volontarji varji ta’ assikurazzjoni tal-kwalità, li fihom ċerti aspetti marbuta mal-benesseri, tista' tħarbat il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u għandha mnejn tagħti lok għal tfixkil fit-tmexxija bla skossi ta’ l-organizzazzjoni tas-suq. Iċ-ċittadini Ewropej huma dejjem aktar ikkonċernati dwar is-saħħa u l-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam. B’mod partikolari, għadd ta’ organizzazzjonijiet tal-benesseri ta’ l-annimali bdew kampanji li jsejħu għal standards imtejba f'dak li huwa benesseri.

Huwa magħruf sew ukoll li l-prassi tajba fit-tmexxija tal-farms m’għandhiex biss il-potenzjal li ttejjeb il-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-benesseri għall-annimali, imma tista’ tgħin ukoll sabiex tipprevjeni l-mard u timmitiga kwalunkwe impatti ambjentali negattivi ta’ l-attività agrikola.

Filwaqt li jitqiesu l-konklużjonijiet ippreżentati fir-rapport tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u l-Benesseri ta’ l-Annimali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam.

( Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni

Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri ta’ l-annimali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jirrikjedi li fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika agrikola, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom iqisu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-benesseri ta’ l-annimali, filwaqt li jirrispettaw id-drawwiet u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi ta’ l-Istati Membri partikolarment dawk konnessi ma' riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u patrimonju reġjonali. It-tjur ta’ l-irziezet ħajjin huma elenkati fl-Anness I tat-Trattat li b’hekk jipprovdi bażi legali għal miżuri li jtejbu l-protezzjoni ta' dawn it-tipi ta' annimali.

2. IL-KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-EVALWAZZJONI TA’ L-IMPATT

( Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati

Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi fil-mira ewlenin u l-profil ġenerali tar-rispondenti

Il-ħidma bi tħejjija għall-proposta inkludiet konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti ewlenin ta’ l-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u dawk għall-benesseri ta' l-annimali kif ukoll diskussjonijiet ma' l-esperti rilevanti mill-Istati Membri. F’dan il-qafas, ġew organizzati għadd ta’ gruppi ta’ ħidma tal-Kummissjoni flimkien ma’ rappreżentanti mill-Istati Membri, inkluża żjara ta’ studju fl-Iżvezja, organizzata mill-Ministru ta’ l-Agrikoltura Żvediż, li wriet l-applikazzjoni prattika tal-programm tal-benesseri ta’ l-annimali tagħhom għat-tiġieġ inkluża s-sistema ta’ punti għall-feriti fil-kuxxinett ta’ qiegħ is-sieq ( foot pad lesion scoring system ). Ittellgħu wkoll laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ partijiet interessati speċifiċi f’Settembru 2003 u Diċembru 2004.

Sommarju tar-rispons u kif dan ittieħed in konsiderazzjoni

L-eżiti tal-konsultazzjonijiet li twettqu jappoġġaw il-metodu li bih il-problemi ta’ benesseri ta’ l-annimali jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' l-implimentazzjoni ta’ awtomonitoraġġ aħjar fil-farms u bl-inkorporazzjoni ta’ indikaturi tal- benesseri ta’ l-annimali fl-ispezzjoni post-mortwarja.

L-organizzazzjonijiet għall-benesseri ta’ l-annimali enfasizzaw bħala l-aktar problemi relevanti għall-annimali r-rata għolja ta’ tkabbir (minħabba s-selezzjoni ġenetika) u l-mard tas-saqajn marbut ma' dan, id-densitajiet għoljin fl-istokkjar u l-għalf ristrett ta’ l-istokks għat-tgħammir. Abbażi ta’ aktar pariri xjentifiċi, il-Kummissjoni beħsieba tressaq rapport speċifiku lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-influwenza tal-parametri ġenetiċi fuq id-defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f'nuqqas ta’ benesseri tat-tiġieġ.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għarfu li l-problemi ta’ benesseri kienu seħħew u semmew li l-industrija qiegħda taħdem attivament fuq titjib f’dan ir-rigward. F’dan l-isfond, ir-rappreżentanti tal-produtturi stqarrew li l-azzjoni leġiżlattiva sabiex jiġu armonizzati aħjar il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni fil-livell Ewropew tintlaqa' tajjeb, sakemm tintgħażel strateġija pass-pass realistika.

Il-parteċipanti kollha qablu dwar l-importanza tat-taħriġ tal-persuni responsabbli mill-annimali. Ġie rikonoxxut ukoll il-benefiċċju tal-monitoraġġ ta’ l-indikaturi tal-benesseri fil-biċċeriji bħala mezz sabiex ikunu identifikati il-problemi ta’ benesseri fil-farms.

( Il-ġbir u l-użu ta’ l-għarfien

Id-dominji xjentifiċi/kapaċitarji kkonċernati

Il-pariri xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali.

Il-metodoloġija użata

F’Marzu 2000, bi tweġiba għal talba mill-Kummissjoni, il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u l-Benesseri ta’ l-Annimali adotta rapport dwar “Il-Benesseri tat-Tiġieġ Miżmuma għall-Produzzjoni tal-Laħam (Brojlers)" (" The Welfare of Chickens Kept for Meat Production (Broilers) ").

L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u l-Benesseri ta' l-Annimali

Sommarju tal-pariri li ġew irċevuti u użati

L-eżistenza ta' riskji potenzjalment serji b'konsegwenzi irreversibbli ma ssemmietx.

Ir-rapport tal-Kumitat Xjentifiku kkonkluda li l-aktar problemi ta' benesseri li wieħed jiltaqa' magħhom fit-tiġieġ huma marbuta direttament ma' l-għażla ta' rati ogħla ta' tkabbir u konverżjoni aħjar ta’ l-ikel. Firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi metaboliċi u ta’ l-imġieba ġew mibdula permezz tas-selezzjoni ġenetika. L-okkorrenza tal-mard metaboliku twassal għall-problemi fis-saqajn, l-axxite, is-sindromu ta’ mewt ħabta u sabta jew problemi ta’ saħħa oħrajn.

Indikatur għall-okkorrenza tal-problemi ta’ benesseri użat fir-rapport xjentifiku huwa t-tqabbil tal-mortalità bejn tiġieġ standard użati fil-produzzjoni tal-laħam (mortalità fil-ġimgħa ta’ 1 %), tiġieġ ta' varjetajiet li jikbru bil-mod użati taħt l-iskema "Label rouge" (0.25 % fil-ġimgħa) u tiġieġ li ma qabżux is-sena ( pullets ) ta’ varjetajiet ta’ tiġieġ li jbidu (0.14 %).

Dawn li ġejjin jistgħu jiġu identifikati bħala l-problemi ta’ saħħa u benesseri ewlenin:

Il-mortalità f’unitajiet ta’ produzzjoni ta’ brojlers standard hija ogħla minn f’tipi oħra ta’ stabbilimenti tat-tiġieġ (għat-tismin ta' varjetajiet ta' tiġieġ li jikbru bil-mod jew it-trobbija ta’ tiġieġ li jbidu). Il-mortalità tat-tiġieġ żgħar tista’ tkun marbuta ma' fatturi qabel it-tifqis bħalma hija il-kwalità tal-bajd. Fi tjur ixjeħ, il-mard metaboliku assoċjat mat-tkabbir rapidu għandu influwenza importanti.

Il-mard skeletali, f’forom differenti partikolari ta’ dgħjufija fis-saqajn jista’ jgħarraq il-benesseri tat-tjur billi jnaqqsilhom l-abbiltà li jimxu, u f'każi gravi hu assoċjat ma' wġigħ u skumdità. Id-dgħjufija u d-diformazzjonijiet fl-għadam għandhom imnejn iwasslu għal ksur ta' l-għadam waqt li jkunu qed jinqabdu jew matul il-proċess tal-qatla. Il-kawżi tal-mard skeletali jistgħu jkunu infettivi, deġenerattivi jew marbuta ma’ l-iżvilupp.

Id-dermatite tal-kuntatt tidher fl-għamla ta’ nfafet fuq is-sider, ħruq fil-ħokk jew l-aktar komuni bħala dermatite fil-kuxxinett tas-sieq. Feriti gravi jistgħu jikkawżaw l-uġigħ u huma pontijiet għal infezzjonijiet oħrajn li jwasslu għal status sanitarju ridott u nuqqas ta’ produttività. Il-kwalità tal-mifrex ( litter quality ) tidher li hija fattur importanti li jikkontribwixxi għall-problema.

L-axxite hija marda letali importanti ta’ oriġini metabolika. Il-kwalità ta’ l-arja, il-kundizzjonijiet tad-dawl, it-temperatura u n-nutriment huma fattur importanti li jaffettwaw ir-riskju ta' l-axxite.

Firxa wiesgħa ta' kawżi u fatturi ta’ riskju huma komuni għas-Sindromu ta’ Mewt Ħabta u Sabta u l-axxite. Billi dan is-sindromu fi ftit minuti jwassal għall-mewt ta’ tjur li ħlief għal dan ikunu f’kundizzjoni ġeneralment tajba, ir-rilevanza għall-benesseri tista’ tkun anqas meta mqabbla ma’ l-axxite li tikkawża tbatija kronika.

Problemi respiratorji u tal-membrana mukuża jistgħu jiġu assoċjati sew ma' kawżi infettivi kif ukoll kawżi mhux infettivi, inklużi dawk marbuta ma’ kwalità ħażina ta’ l-arja. Il-patoloġiji respiratorji jirrappreżentaw indikatur għall-istandards ta’ l-iġjene fi stabbiliment u jistgħu jindikaw problemi fil-kontroll tal-klima.

L-iskumdità termali għandha impatt importanti fuq il-benesseri tat-tjur. It-tiġieġ jesperjenzaw l-iskumdità termali biss f'firxa dejqa ħafna ta’ temperatura ambjentali. Ir-riskju ta’ stress minħabba s-sħana jiżdied aktar ma’ jikbru t-tjur billi togħla l-produzzjoni tas-sħana metabolika u jonqos l-ispazju disponibbli għal kull tiġieġa. Il-kumdità termali ma sserraħx biss fuq it-temperatura, iżda hija influwenzata wkoll mill-umdità relattiva.

Ir-restrizzjonijiet fl-imġiba kkawżati mid-densitajiet għoljin fl-istokkjar jistgħu jwasslu għal inabbiltà li jitwettqu attivitajiet lokomotriċi u oħrajn diretti lejn il-mifrex, u b’hekk tista’ taffettwa ħażin il-benesseri tat-tiġieġ.

Il-mezzi użati sabiex il-pariri ta’ l-esperti isiru disponibbli għall-pubbliku

L-opinjoni ta’ l-SCAHAW hija disponibbli f'din il-websajt:

http://europa.eu.int/comm/food/fs/sc/scah/out39_en.pdf

( L-evalwazzjoni ta’ l-impatt

L-għażliet ta’ politika identifikati kienu kif ġej:

- L-ebda azzjoni:

Din l-għażla ma tkunx qed tirrispondi għat-tħassib pubbliku dejjem jikber dwar il-benesseri tat-tiġieġ. Fl-istess waqt, l-industrija tippreferi armonizzazzjoni aħjar fil-livell Ewropew sabiex tevita tfixkil fis-suq minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti u l-iskemi ta’ assikurazzjoni tal-kwalità volontarji fil-livell nazzjonali imposti mit-talbiet tal-bejjiegħa u l-konsumaturi.

- L-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi ta’ benesseri ta’ l-annimali għall-produzzjoni tat-tiġieġ: Direttiva jew Regolament b’deskrizzjoni dettaljata tat-tagħmir u l-akkomodazzjoni li għandhom jintużaw fit-trobbija tat-tiġieġ.

Din l-għażla tista’ tissodisfa l-istennijiet tal-pubbliku f’dak li huwa benesseri tat-tiġieġ. Madankollu, regolamentazzjoni strettissma tad-dettalji tekniċi tal-metodi tat-trobbija applikati tista’ tkun nieqsa mill-flessibilità meħtieġa f’dak li għandu x’jaqsam mal-varjetà tas-sistemi ta' trobbija applikati. L-iżvilupp ta’ prattiki ta’ trobbija aktar effiċjenti u favorevoli għall-benesseri jeħtieġ qafas leġiżlattiv li joffri biżżejjed flessibilità. Leġiżlazzjoni li tirregola wisq dettalji tekniċi tkun qed tilgħabha li ttellef l-evoluzzjoni teknika dejjem għaddejja f’dan is-settur.

- Metodu integrat: L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi li jikkonċernaw il-fatturi ewlenin għall-benesseri tat-tiġieġ flimkien ma’ monitoraġġ ibbażat fuq l-indikaturi tal-qatgħat wara l-qatla integrati fl-ispezzjoni post-mortwarja għall-aktar produzzjoni intensiva.

Dan il-metodu bbażat fuq il-produzzjoni ntgħażel għall-proposta.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

( Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

Hija proposta Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam.

( Il-bażi legali

L-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

( Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

Id-differenzi fir-regoli eżistenti f’dan is-settur jistgħu jfixklu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u jinterferixxu billi joħolqu skossi fit-tmexxija ta' l-organizzazzjoni tas-suq komuni fil-laħam tat-tiġieġ. Minħabba n-natura transnazzjonali ta’ dan is-suq, l-azzjoni min-naħa ta’ Stat Membru individwali mhix biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet deskritti f'din il-proposta.

L-azzjoni Komunitarja tikseb b'mod aħjar l-għanijiet tal-proposta minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

Hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli minimi komuni għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam ħalli jiżguraw l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni. Minħabba d-daqs ta' dan is-settur, dan jista' jinkiseb bl-aħjar mod permezz ta' azzjoni fil-livell ta' l-UE.

Illum, it-trobbija tat-tiġieġ taqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 98/58/KE dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet agrikoli. Filwaqt li skemi ta’ produzzjoni volontarji li jinkludu rekwiżiti għall-benesseri ta' l-annimali jeżistu f'għadd ta' Stati Membri, huma biss l-Iżvezja u d-Danimarka li għandhom leġiżlazzjoni speċifika fis-seħħ għall-protezzjoni ta’ dawn it-tiġieġ.

Armonizzazzjoni aħjar fil-livell Komunitarju tar-regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam tgħin sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti u skemi ta' assikurazzjoni tal-kwalità volontarji fil-livell nazzjonali.

Il-proposta hija, għalhekk konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

( Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

Il-proposta tistipula standards minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-protezzjoni tal-laħam. L-Istati Membri jistgħu, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli ġenerali stabbiliti fit-Trattat, iżommu għaddejjin jew japplikaw fit-territorji tagħhom dawk id-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam li huma aktar stretti minn dawk previsti b’din id-Direttiva.

Il-proposta tal-Kummissjoni li takkumpanja lil din il-komunikazzjoni għandha l-għan li tintroduċi titjib fil-benesseri ta’ l-annimali fit-trobbija intensiva tat-tiġieġ permezz ta’ rekwiżiti tekniċi u maniġerjali għall-istabbilimenti, inkluż monitoraġġ imtejjeb tal-farms u fluss akbar ta’ informazzjoni bejn il-produtturi, l-awtoritajiet kompetenti u l-biċċeriji abbażi ta’ monitoraġġ tal-qatgħat tat-tiġieġ wara l-qatla speċifiku għall-kwistjoni tal-benesseri.

Huwa importanti li jiġi enfasiżżat li llum diġà tinġabar informazzjoni komprensiva dwar il-parametri tal-produzzjoni fi ħdan din is-sistema ta' produzzjoni ferm integrata. Li din id- data tintuża mhux biss għal għanijiet kummerċjali jew għas-superviżjoni tar-rekwiżiti ta' l-iġjene, iżda wkoll għall-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-benesseri fil-farms jidher li huwa mezz effettiv u effiċjenti fil-kuntest ta’ prezzu sabiex jittejjeb il-benesseri ta’ l-annimali.

Dan il-metodu integrat huwa wkoll motiv-gwida importanti tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-iġjene alimentari u l-kontrolli veterinarji. Il-leġiżlazzjoni ġenerali, li tkopri wkoll l-aspetti tal-benesseri ta’ l-annimali, tipprevedi wkoll fluss ta' informazzjoni bejn il-farms u l-biċċeriji. Waqt il-konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati li seħħu matul l-elaborazzjoni tal-proposta, dan il-metodu ntlaqa’ fuq bażi wiesgħa mill-partijiet interessati kollha.

( L-għażla ta’ l-istrumenti

L-istrumenti proposti: Direttiva.

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin.

Regolament għad-dettalji tekniċi tal-metodi tat-trobbija applikati jista’ jkun nieqes mill-flessibilità meħtieġa f’dak li għandu x’jaqsam mal-varjetà tas-sistemi ta' trobbija applikati. L-iżvilupp ta’ prattiki ta’ trobbija aktar effiċjenti u favorevoli għall-benesseri jeħtieġ qafas leġiżlattiv li joffri biżżejjed flessibilità. Leġiżlazzjoni li tirregola wisq dettalji tekniċi tkun qed tilgħabha li ttellef l-evoluzzjoni teknika dejjem għaddejja f’dan is-settur.

Regolament joffri l-vantaġġi li jkollu applikazzjoni ġenerali, li jkun ta’ natura li torbot fl-intier tagħha u li jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha, mingħajr il-piż amministrattiv addizzjonali tan-neċessità ta’ att nazzjonali sabiex jiġi traspost. Madankollu, fil-qasam speċifiku tal-leġiżlazzjoni tal-benesseri u s-saħħa ta’ l-annimali, għadd ta’ Stati Membri fil-passat esprimew il-preferenza tagħhom għal Direttivi li huma ta’ natura li torbot f’dak li jirrigwarda r-riżultat li għandu jintlaħaq, iżda li jħallu l-għażla tal-forma u l-metodi sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet f’idejn l-Istati Membri. Għandu għalhekk jitħejja att ta’ traspożizzjoni taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li joffri l-possibilità li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata sabiex tieħu in konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi.

4. L-IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

( Klawsola ri-eżaminatorja/reviżjonarja/terminatorja ( sunset clause )

Il-proposta tinkudi klawsola ri-eżaminatorja.

( Tabella ta’ korelazzjoni

L-Istati Membri huma mitluba jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll tabella ta' korelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

( Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għandu għalhekk jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2005/0099 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5],

Billi:

(1) Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri ta’ l-annimali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jirrikjedi li fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika agrikola, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom iqisu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-benesseri ta’ l-annimali, filwaqt li jirrispettaw id-drawwiet u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi ta’ l-Istati Membri partikolarment dawk konnessi ma' riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u patrimonju reġjonali.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali miżmuma għal għanijiet agrikoli[6], imfassla abbażi tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni ta’ l-Annimali miżmuma għal Għanijiet Agrikoli[7] (‘il-Konvenzjoni’) tistabbilixxi l-istandards minimi għall-protezzjoni ta’ annimali mrobbija jew miżmuma għal għanijiet agrikoli inklużi d-dispożizzjonijiet dwar l-akkomodazzjoni, l-ikel, l-ilma u l-attenzjoni xierqa lill-ħtiġijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi ta' l-annimali.

(3) Il-Komunità hija parti mill-Konvenzjoni li fil-qafas tagħha ġiet adottata Rakkomandazzjoni speċifika dwar it-tiġieġa domestika ( Gallus gallus ) li tinkludi dispożizzjonijiet addizzjonali għat-tjur ta’ l-irziezet miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam.

(4) Ir-rapport tal-Kumitat Xjentifiku fuq is-Saħħa u l-Benesseri ta’ l-Annimali tal-21 ta’ Marzu 2000 dwar il-Benesseri tat-Tiġieġ Miżmum għall-Produzzjoni tal-Laħam (Brojlers) ikkonkluda li r-rata ta’ tkabbir mgħaġġla tal-varjetajiet tat-tiġieġ użati attwalment għal dan il-għan mhix akkumpanjata minn livell sodisfaċenti ta’ saħħa u benesseri ta’ l-annimali, u li l-effetti negattivi tar-rati għolja ta’ l-istokkjar jitnaqqsu f’bini fejn jistgħu jiġu sostnuti kundizzjonijiet klimatiċi ta’ ġewwa tajbin.

(5) Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli fil-livell Komunitarju għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam sabiex jiġi evitat tfixkil għall-kompetizzjoni li jista' jinterferixxi fit-tmexxija mingħajr skossi ta' l-organizzazzjoni tas-suq komuni f'dak is-settur u wkoll sabiex jiġi aċċertat l-iżvilupp razzjonali tas-settur.

(6) Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u sabiex jinkiseb l-għan bażiku li jiġu introdotti titjibiet fit-trobbija intensa tat-tiġieġ, jeħtieġ u jixraq li jiġu stabbiliti regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ għall-produzzjoni tal-laħam. Id-Direttiva ma tmurx ’il hinn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxija, bi qbil mat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat.

(7) Ir-regoli għandhom jikkonċentraw fuq il-problemi ta’ benesseri fis-sistemi tat-trobbija intensiva. Sabiex jiġi evitat li jkun hemm miżuri diżproporzjonali applikabbli għaż-żamma ta' qatgħat żgħar ta' tiġieġ, għandu jiġi ffissat limitu minimu għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(8) Minbarra dan, ċerti tipi ta’ sistemi ta' produzzjoni estensivi għandhom jiġu eżentati minn ċerti rekiwiżiti speċifiċi ta' din id-Direttiva. It-tali eżenzjonijiet għandhom ikunu msejsa fuq ir-referenzi għat-tiġieġ mrobbija fl-arja aperta jew fil-libertà fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1538/91 tal-5 ta’ Ġunju 1991 li jintroduċi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1906/90 dwar ċerti standards għat-tqegħid fis-suq tal-laħam tat-tjur ta' l-irziezet[8].

(9) Huwa importanti li dawk il-persuni li jieħdu ħsieb it-tiġieġ ikuni jifhmu fir-rekwiżiti relevanti tal-benesseri ta' l-annimali u jingħataw taħriġ xieraq sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom.

(10) Fl-istabbiliment tar-regoli għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, għandu jinżamm bilanċ bejn l-aspetti varji li jridu jiġu ikkunsidrati, f'dawk li huma benesseri u saħħa ta' l-annimali, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali u l-impatt ambjentali.

(11) Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel, saħħet l-annimali u r-regoli tal-benesseri ta' l-annimali[9] jistabbilixxi qafas għall-kontrolli uffiċjali inklużi l-konformità mar-regoli tal-benesseri ta' l-annimali bħad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Barra minn dan, ir-Regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali multi-annwali, inklużi r-riżultati tal-kontrolli u l-verifiki tal-kontijiet imwettqa.

(12) Għadd ta’ skemi voluntarji jeżistu diġà fi Stati Membri differenti għat-tikkettar ta’ laħam tat-tiġieġ ibbażat fuq il-konformità ma’ l-istandards tal-benesseri ta’ l-annimali u parametri oħra.

(13) Fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tat-tali skemi voluntarji ta' ttikkettar, jixraq li l-Kummissjoni tissottometti rapport dwar l-introduzzjoni possibbli ta' sistema ta' ttikkettar mandatorja armonizzata speċifika fil-livell Komunitarju għal-laħam tat-tiġieġ, prodotti tal-laħam u preparazzjonijiet bbażati fuq il-konformità ma’ l-istandards tal-benesseri ta’ l-annimali, inklużi l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi possibbli, l-effetti fuq il-partners ekonomiċi tal-Komunità u l-konformità tat-tali sistema ta' ttikkettar mar-regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(14) Jixraq li l-Kummissjoni tissottemetti rapport ibbażat fuq l-evidenza xjentifika ġdida bil-kunsiderazzjoni ta’ aktar riċerka u esperjenza prattika sabiex jitkompla jitjieb il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam inkluż l-istokk ta’ parentela tat-tali tiġieġ, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-aspetti mhux koperti minn din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu jikkusidra b’mod speċifiku l-influwenza tal-parametri ġenetiċi fuq id-defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f’nuqqas ta' benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam.

(15) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.

(16) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi proċeduri għall-eżerċizzju ta’ l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni[10],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam.

Madankollu, m’għandhiex tapplika għal:

a) stabbilimenti b’anqas minn 100 tiġieġa;

b) stabbilimenti bi stokks ta’ tiġieġ għat-tgħammir;

c) imfaqas.

L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jieħdu miżuri aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a) ‘sid’ jew ‘kustodjant’ ifisser kwalunkwe persuna naturali jew legali jew persuni li jippossjedu jew li b'xi mod ieħor huma responsabbli jew inkarigati mit-tiġieġ sew fuq bażi permanenti kemm fuq bażi temporanja;

b) ‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti li twetttaq il-kontrolli veterinarji jew żutekniċi jew kwalunkwe awtorità li din tkun għadditilha l-kompetenzi tagħha;

c) ‘veterinarju uffiċjali’ ifisser veterinarju li jkun ikkwalifikat skond l-Anness I, Taqsima III, Kapitolu IV (A) għar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11] sabiex jaġixxi fit-tali kapaċità u li jkun maħtur mill-awtorità kompetenti;

d) ‘tiġieġa’ tfisser annimal ta’ l-ispeċi Gallus gallus miżmum għall-produzzjoni tal-laħam;

e) ‘stabbiliment’ ifisser lok tal-produzzjoni fejn jinżammu t-tiġieġ;

f) ‘unità ta’ stabbiliment’ tfisser binja għat-tjur ta’ l-irziezet jew parti separata ta’ binja għat-tjur ta’ l-irziezet fejn tinżamm qatgħa tiġieġ;

g) ‘żona użabbli’ tfisser żona mifruxa f’maqjel aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għat-tiġieġ.

2. Id-definizzjoni ta’ ‘żona użabbli’ fil-paragrafu 1 punt (g) tista’ tiġi emendata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9 sabiex tinkludi wċuħ ta’ l-art li ma jkunux mifruxa, iżda li jipprovdu standard ta’ benesseri għallanqas ekwivalenti għal dak ta’ żoni mifruxa.

Artikolu 3 Ir-rekwiżiti għaż-żamma tat-tiġieġ

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sid jew il-kustodjant ikun konformi mar-rekwiżiti ffissati fl-Anness I.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-densità ta’ l-istokkjar tat-tiġieġ għal kull metru kwadru ta’ żona użabbli (‘densità ta’ l-istokkjar’) fi stabbilimenti jew unitajiet individwali ta’ stabbiliment ma taqbiżx it-30 kilogramma fil-piż ta’ annimali ħajjin ( liveweight ).

3. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li t-tiġieġ jinżammu f’densità ta’ l-istokkjar li ma taqbiżx it-38 kilogramma fil-piż ta’ annimali ħajjin fi stabbilimenti jew unitajiet individwali ta’ stabbiliment sakemm is-sid jew il-kustodjant ikun konformi mar-rekwiżiti ffissati fl-Anness II, flimkien mar-rekwiżiti ffissati fl-Anness I.

F'tali każi ta' deroga, l-Istat Membru għandu jiżgura li:

a) jitwettqu l-ispezzjonijiet, il-monitoraġġ u s-segwiment previsti fl-Annessi III u IV mill-awtorità kompetenti; u

b) il-veterinarju uffiċjali responsabbli mill-kontrolli uffiċjali fil-biċċerija jkun konformi mar-rekwiżiti ffissati fl-Anness IV.

4. Il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu u l-punti 6 u 7 ta' l-Anness I għal din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għal tiġieġ imrobbija fl-arja aperta jew fil-libertà, kif imsemmi fil-punti (c), (d) jew (e) ta' l-Anness IV għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1538/91.

Artikolu 4 It-taħriġ u l-gwida għall-persuni involuti fil-qasam tat-tiġieġ

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a) is-sidien jew il-kustodjanti u l-persuni impjegati jew imqabbdin minnhom sabiex jieħdu ħsieb it-tiġieġ jew sabiex jaqbduhom u jgħabbuhom ikunu rċevew:

i) istruzzjonijiet u gwida dwar ir-rekwiżiti relevanti għall-benesseri ta’ l-annimali, inklużi dawk dwar il-metodi ta’ qtil biex titnaqqas il-qatgħa ( culling ) ipprattikati fl-istabbilimenti; u

ii) biżżejjed taħriġ sabiex iwettqu dmirijiethom.

b) ikunu disponibbli korsijiet ta’ taħriġ xierqa għall-persuni msemmija fil-punt (a).

2. Il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafu 1 (b) (‘il-korsijiet ta’ taħriġ’) għandhom jikkonċentraw fuq l-aspetti tal-benesseri u jkopru b’mod partikolari l-kwistjonijiet elenkati fl-Anness V.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun stabbilita sistema għall-kontroll u l-approvazzjoni tal-korsijiet ta’ taħriġ. Is-sid jew il-kustodjant tat-tiġieġ għandu jkun fil-pussess ta’ ċertifikat rikonoxxut mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru, li jafferma li dan ikun temm it-tali korsijiet ta’ taħriġ jew kiseb esperjenza ekwivalenti għal dan it-taħriġ.

4. L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-esperjenza miksuba qabel [l-1 ta’ Diċembru 2006] bħala ekwivalenti għall-parteċipazzjoni fit-tali korsijiet ta’ taħriġ u għandhom joħorġu ċertifikati li jaffermaw it-tali ekwivalenzi.

5. Jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 5 L-ittikkettar tal-laħam tat-tiġieġ

Fi żmien sentejn mid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-introduzzjoni possibbli tas-sistema ta' ttikkettar mandatorja armonizzata speċifika fil-livell Komunitarju għal-laħam tat-tiġieġ, il-prodotti tal-laħam u l-preparazzjonijiet bbażati fuq il-konformità ma' l-istandards tal-benesseri ta' l-annimali.

Dak ir-rapport għandu jqis l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi possibbli, l-effetti fuq il-partners ekonomiċi tal-Komunità u l-konformità tat-tali sistema ta' ttikkettar mar-regoli ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi xierqa li jqisu t-tali kunsiderazzjonijiet u l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fl-applikar ta’ l-iskemi voluntarji ta’ ttikkettar.

Artikolu 6 Is-sottomissjoni tad- data mill-Istati Membri u r-rapport sussegwenti mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

1. Fi żmien ħames snin mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni sommarju tad- data miġbura kif previst fil-punti 1 u 2 ta’ l-Anness IV.

Abbażi ta’ dik id- data u ta’ opinjoni xjentifika min-naħa ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-influwenza tal-parametri ġenetiċi fuq id-defiċjenzi identifikati li jirriżultaw f’nuqqas ta’ benesseri tat-tiġieġ. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat mill-proposti leġiżlattivi xierqa, jekk ikun meħtieġ.

2. Il-format tad- data li għandha tiġi sottomessa, kif previst fil-paragrafu 1, għandu jkun iddeterminat mill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 7 Il-penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-[1 ta’ Diċembru 2006] u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun taffettwahom.

Artikolu 8 Il-poteri implimentattivi

1. Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva tista’ tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9. B’mod partikolari għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikar tas-sistema ta’ punti stipulata fil-punt 4 ta’ l-Anness IV skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9.

2. L-Annessi jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9.

Artikolu 9 Il-Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Fejn jissemma dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KEE u l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

Artikolu 10 It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-[1 ta’ Diċembru 2006]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati mit-tali referenza dak in-nhar tal-pubblikazjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir it-tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 11 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-publikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 12

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS I

IR-REKWIżITI APPLIKABBLI GħALL-ISTABBILIMENTI KOLLHA

(kif imsemmija fl-Artikolu 3)

It-tagħmir min fejn jixorbu l-annimali

1. It-tagħmir minn fejn jixorbu l-annimali għandu jitqiegħed u jkun mantenut b’tali mod li jiġi evitat li jinxtered il-likwidu.

L-għalf

2. L-għalf għandu jkun disponibbli l-ħin kollu u m'għandux jitneħħa minn ħdejn it-tiġieġ aktar minn 12-il siegħa qabel il-ħin previst tal-qatla.

Il-mifrex

3. It-tiġieġ kollha għandhom ikollhom aċċess permanenti għal mifrex niexef b’wiċċ li jitrammel malajr.

Il-ventilazzjoni u t-tisħin

4. Il-ventilazzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex ma jkux hemm sħana żejda u, fejn jeħtieġ tkun ikkombinata ma' sistemi tat-tisħin, sabiex titneħħa l-indewwa.

L-istorbju

5. Il-livell tal-ħoss għandu jiġi mminimizzat. Il-fannijiet għall-ventilazzjoni, il-makkinarju ta’ l-għalf jew tagħmir ieħor għandu jinbena, jitqiegħed, jitħaddem u jiġi mantenut b'tali mod li dan jikkawża l-anqas ammont ta’ storbju possibbli.

Id-dawl

6. Il-binjiet kollha għandhom ikollhom dawl b’intensità ta’ almenu 20 lux matul il-perjodi mdawwla, ikkalkulat fil-livell tal-vista tat-tjur u li jdawwal l-erja ta’ l-art kollha. Meta jkun meħtieġ jista' jingħata permess għal tnaqqis temporanju fil-livell tad-dawl wara parir veterinarju.

7. Fi żmien tlett ijiem minn dakinhar li t-tiġieġ ikunu tpoġġew fil-bini u sa tlett ijiem qabel il-ħin previst għall-qatla, id-dawl għandu jsegwi ritmu ta' 24 siegħa u jkun jinkludi perjodi ta' dlam li b’kollox idumu għal almenu 8 sigħat, b'mhux anqas minn perjodu wieħed ta' almenu 4 sigħat ta’ dlam kontinwu.

L-ispezzjoni

8. It-tiġieġ kollha miżmuma fl-istabbiliment għandhom jiġu spezzjonati almenu darbtjen kuljum. Il-kustodjant għandu jistabbilixxi proċedura li tiżgura li l-persuna li tagħmel l-ispezzjonijiet tgħaddi qrib it-tiġieġ kollha f’distanza mhux aktar ’il bogħod minn tliet metri.

9. It-tiġieġ li jkunu korruti gravi jew li juru sinjali ta’ nuqqas ta’ saħħa, bħal dawk li jkollhom diffikultajiet biex jimxu, axxite gravi jew malformazzjonijiet gravi, u li aktarx li jkunu qed ibatu, għandhom jingħataw il-kura adatta jew jinqatlu minnufih.

It-tindif

10. Dawk il-partijiet tal-bini, it-tagħmir jew l-għodod li jkollhom kuntatt mat-tiġieġ għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati sew wara kull darba li titwettaq id-depopolazzjoni, qabel ma tiddaħħal qatgħa ġdida f’dik l-unità.

Iż-żamma tar-rekords

11. Flimkien mar-rekords miżmuma skond il-punt 5 ta' l-Anness għad-Direttiva 98/58/KE, is-sid jew il-kustodjant għandu jżomm rekord ta’ dawn li ġejjin għal kull unità ta' l-istabbiliment:

a) in-numru ta’ tiġieġ introdotti;

b) l-oriġini tat-tiġieġ;

c) id-data, il-kwantità u t-tip ta’ għalf li jingħata;

d) it-trattamenti mediċi u veterinarji li jingħataw;

e) il-mortalità abbażi ta’ jum b’jum b’indikazzjoni tal-kawżi, jekk ikunu magħrufa;

f) it-temperaturi ta’ ġewwa abbażi ta’ jum b’jum (massimi u minimi);

g) il-piż medju fil-mument meta t-tiġieġ jintbagħtu għall-qatla;

h) in-numru ta’ tiġieġ mibgħuta għall-qatla u n-numru ta’ tiġieġ mejta mal-wasla fil-biċċerija.

Dawn ir-rekords għandhom jinżammu għal perjodu ta' almenu tliet snin u għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti meta din twettaq spezzjoni jew meta jintalbu għal xi raġuni oħra.

L-interventi kirurġiċi

12. L-interventi kirurġiċi kollha mwettqa għal raġunijiet oħra għajr għal għanijiet terapewtiċi jew djanjostiċi li jirriżultaw f'dannu għall-parti sensittiva tal-ġisem jew fit-telfien tagħha jew fl-alterazzjoni ta’ l-istruttura skeletali huma projbiti.

Madankollu, sabiex jiġi prevenut it-tnaqqir tar-rix u l-kannibaliżmu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li jiġi llixxat il-munqar, sakemm dan jitwettaq minn staff kwalifikat fuq tiġieġ li ma jkunux għadhom qabżu l-10 t’ijiem. Flimkien ma’ dan, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kastrazzjoni tat-tiġieġ irġiel. Il-kastrazzjoni għandha titwettaq biss taħt superviżjoni veterinarja minn persunal li jkun ingħata taħriġ speċifiku awtorizzat mill-awtorità kompetenti.

ANNESS II

IR-REKWIżITI GħALL-UżU TA’ DENSITAJIET OGħLA TA’ STOKKJAR

(kif imsemmija fl-Artikolu 3(3))

In-notifika u d-dokumentazzjoni

1. Is-sid jew il-kustodjant għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar l-intenzjoni tiegħu li juża densità ta' l-istokkjar ta' aktar minn 30 kilogramma f'piż ta' annimali ħajjin.

Dik in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn dokument li jagħti sommarju ta’ l-informazzjoni misjuba fid-dokumentazzjoni mitluba taħt il-punt 2. In-notifikazzjoni għandha tiġi approvata mill-veterinarju li jkun inkarigat mill-istabbiliment. Madankollu, din l-approvazzjoni ma teħlisx lis-sid jew il-kustodjant minn kwalunkwe obbligu legali taħt din id-Direttiva.

2. Is-sid u l-kustodjant għandhom iżommu u jħallu disponibbli fl-istabbiliment dokumentazzjoni kompilata li tiddeskrivi fid-dettall is-sistemi ta' produzzjoni. B’mod partikolari din għandha tinkludi informazzjoni dwar il-materji li ġejjin:

a) id-dettalji tekniċi ta’ l-istabbiliment u t-tagħmir tiegħu:

i) pjanta ta' l-istabbiliment inklużi d-dimensjonijiet ta’ l-uċuħ okkuppati mit-tiġieġ;

ii) is-sistema ta’ ventilazzjoni, iffriskar u tisħin, inkluż fejn jinsabu, il-pjan ta' ventilazzjoni, parametri dettaljati tal-kwalità ta' l-arja mistennija, bħall-fluss ta' l-arja, il-veloċità ta' l-arja u t-temperatura;

iii) is-sistemi ta’ għalf u tisqija u fejn jinsabu;

iv) is-sistemi ta’ alarms u s-sistemi ta' kontinġenza f’każ ta’ qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku;

v) it-tip ta’ l-art u l-mifrex li normalment jintuża;

b) il-miri tal-produzzjoni;

c) il-ġestjoni:

i) in-numru ta’ impjegati li jieħdu ħsieb it-tiġieġ inklużi d-dettalji fejn jistgħu jiġu kkuntattjati f’każ ta’ emerġenza;

ii) il-kwalifiki tas-sid jew il-kustodjant u ta' persuni oħra li jieħdu ħsieb it-tiġieġ;

iii) il-fornituri tat-tiġieġ u l-għalf;

iv) il-veterinarju inkarigat mill-istabbiliment;

v) il-pjan u l-proċeduri ta’ spezzjoni dwar il-ġestjoni ta’ kuljum ta’ l-istabbiliment, inklużi l-proċeduri tal-qatla;

vi) il-pjan ta’ spezzjoni u manutenzjoni tat-tagħmir tekniku;

vii) il-proċeduri ta’ depopolazzjoni, inkluż il-qbid;

viii) il-proċeduri tat-tindif u d-diżinfezzjoni;

ix) il-pjan ta’ emerġenza li għandu jintuża fil-każ ta' qtugħ fil-provvista ta’ l-elettriku.

Id-dokumentazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti kull meta tintalab u għandha tinżamm aġġornata. B’mod partikolari, għandhom jiġu rreġistrati l-ispezzjonijiet tekniċi tas-sistema ta' l-alarms u l-ventilazzjoni.

Is-sid jew il-kustodjant għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidliet sostanzjali fl-istabbiliment, it-tagħmir jew il-proċeduri deskritti.

Ir-rekwiżiti għall-istabbilimenti u l-impjegati

3. Is-sid jew il-kustodjant għandhom jiżguraw li kull unità ta’ stabbiliment tkun mgħammra b'sistemi ta' ventilazzjoni, tisħin u ffriskar imfassla, mibnija u mħaddma b'tali mod li:

a) il-konċentrazzjoni ta’ NH3 ma taqbiżx l-20 ppm u l-konċentrazzjoni ta’ CO2 ma taqbiżx it-3,000 ppm imkejla fil-livell ta’ ras it-tiġieġ;

b) it-temperatura ta’ ġewwa, meta t-temperatura ta' barra mkejla fid-dell taqbeż it-30°, ma taqbiżx din it-temperatura ta’ barra b’aktar minn 3° C;

c) meta t-temperaturi ta’ barra jaqgħu taħt l-10° C, l-umdità relattiva interna ta’ l-unità ta’ l-istabbiliment ma taqbiżx is-70 %.

Is-sistema ta’ ventilazzjoni, tisħin u ffriskar għandha tiġi spezzjonata fl-intervalli ta’ żmien indikati fid-dokumentazzjoni rekwiżita taħt il-punt 2(c).

Il-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni ta’ l-informazzjoni fl-istabbiliment

4. Fl-istabbiliment, il-varjabbli li ġejjin għandhom jiġu mmoniterjati u rreġistrati mis-sid jew il-kustodjant fir-rigward ta’ kull unità ta’ stabbiliment:

a) it-temperatura u l-umdità relattiva f’kull unità ta’ l-istabbiliment fuq bażi kontinwa;

b) il-konsum ta’ l-ilma mit-tiġieġ f’kull unità ta’ l-istabbiliment fuq bażi ta’ jum b’jum.

Dawn ir-rekords għandhom jinżammu mis-sid jew il-kustodjant għal perjodu ta' almenu tliet snin u għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti meta din twettaq spezzjoni jew meta jintalbu għal xi raġuni oħra.

ANNESS III

L-ISPEZZJONI U L-AZZJONI TA’ SEGWITU TAD-DEFIĊJENZI FL-ISTABBILIMENT F’KAŻ TA’ L-UŻU TA’ DENSITAJIET OGĦLA TA’ STOKKJAR

(kif imsemmija fl-Artikolu 3(3))

1. L-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjonijiet sabiex tivverifika:

a) jekk it-tagħmir u l-ġestjoni ta’ l-istabbiliment jew ta’ l-unità individwali ta’ l-istabbiliment ikkonċernat humiex adatti sabiex jiżguraw livell ta’ benesseri aċċettabbli;

b) il-plawżabilità tad-daqsijiet tal-qatgħat irreġistrati u r-rati ta' mortalità.

c) jekk apparti r-rekwiżiti ta’ l-Anness I, hemmx konformità wkoll mar-rekwiżiti ffissati fl-Anness II.

B’mod partikolari, l-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjoni f'kwalunkwe stabbiliment li għalih tirċievi notifika taħt il-punt 3 ta' l-Anness IV li tindika defiċjenza gravi jew defiċjenza li diġà kienet is-suġġett ta' notifika preċedenti.

Il-proċedura fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità

2. Kemm wara spezzjoni skond il-punt 1 ta' dan l-Anness, meta t-tali spezzjoni ssib li r-rekwiżiti ffissati fl-Anness II m'humiex issodisfati, jew inkella wara notifika skond il-punt 3 ta’ l-Anness IV, l-awtorità kompetenti tista’ titlob lis-sid jew lill-kustodjant sabiex jelimina l-fatturi prevalenti fl-istabbiliment li aktarx ikunu kkontribwew għad-defiċjenzi rrapportati. F’każi bħal dawn, is-sid jew il-kustodjant għandu jressaq pjan ta’ azzjoni, approvat mill-veterinarju inkarigat mill-istabbiliment.

Flimkien ma’ dan, l-awtorità kompetenti tista’ tordna t-tnaqqis tad-densità massima ta’ l-istokkjar għall-istabbiliment jew l-unitajiet ta’ l-istabbilimenti kkonċernati sa punt adegwat ħalli titranġa d-defiċjenza, normalment għal densità ta’ l-istokkjar ta’ bejn it-30 u t-38 kilogramma f’piż ta’ annimali ħajjin, meta spezzjoni ssib li m’hemmx konformità mar-rekwiżiti ffissati fl-Anness II jew meta taslilha notifika taħt il-punt 3 ta’ l-Anness IV li tindika defiċjenza gravi jew it-tieni notifika ta’ defiċjenza li tkun ġiet notifikata preċedentement għall-istess stabbiliment. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lis-sid jew il-kustodjant dwar id-deċiżjoni meħuda, u b'mod partikolari dwar il-mument li fih għandu jidħol fis-seħħ it-tnaqqis fid-densitajiet ta' l-istokkjar.

Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li d-densità ta' l-istokkjar ma titnaqqasx meta s-sid jew il-kustodjant jipprovdi spjegazzjoni suffiċjenti tan-natura eċċezzjonali tad-defiċjenza jew juri li l-kawżi huma 'l hinn mill-isfera tal-kontroll tiegħu. F’każ bħal dan, is-sid jew il-kustodjant għandu juri li l-persuni relevanti, bħall-operatur tal-mafqas jew il-fornitur ta' l-għalf, ikunu ġew infurmati dwar l-okkorrenza tad-defiċjenza sabiex din tinżamm milli terġa' titfaċċa.

3. Is-sid jew il-kustodjant ta’ l-istabbiliment jista’ jitlob reviżjoni ta’ l-ordni għat-tnaqqis tad-densitajiet massimi ta’ l-istokkjar kif imsemmi fil-punt 2, sakemm:

a) iż-żewġ qatgħat preċedenti jkunu kkonformaw mal-limiti ffissati fil-punt 3 ta’ l-Anness IV; u

b) il-veterinarju li jkun inkarigat mill-istabbiliment ikun ta opinjoni favorevoli dwar it-talba.

L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar it-talba abbażi ta' spezzjoni ta' l-istabbiliment, inkluża evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni pprovduta skond il-punti 1 u 2 ta' l-Anness II.

ANNESS IV

IL-MOINTORAĠĠ U L-AZZJONI TA’ SEGWITU FIL-BIĊĊERIJA

(kif imsemmija fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1))

1. Fil-biċċerija, kull kunsinja għandha tgħaddi, taħt is-superviżjoni tal-veterinarju uffiċjali, minn spezzjoni ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ almenu 200 tiġieġa f'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-okkorrenza tad-dermatite tal-kuxxinett tas-sieq, li tistabbilixxi punteġġ skond il-punt 4.

Ir-rati tal-mortalità indikati fid-dokumentazzjoni li takkumpanja l-kunsinja kif ukoll in-numru ta’ tiġieġ mejta mal-wasla għandhom jiġu rreġistrati, flimkien ma’ indikazzjoni ta' l-istabbiliment u l-unità ta’ l-istabbiliment. Ir-rati tal-mortalità għandhom jinkludu dawk it-tjur kollha li jkunu nqatlu.

2. Il-veterinarju uffiċjali għandu jevalwa r-riżultati ta' l-ispezzjoni post-mortwarja sabiex jidentifika indikazzjonijiet oħra possibbli ta' kundizzjonijiet ta' nuqqas ta' benesseri fl-istabbiliment jew fl-unità ta' l-istabbiliment ta' l-oriġini.

3. Meta jinqabżu l-livelli ta’ mortalità aċċettabbli jew il-livelli ta’ dermatite tal-kuxxinett tas-sieq iffissati fit-tabella 1 fl-istabbiliment jew fl-unità ta’ l-istabbiliment ta’ l-oriġini, il-veterinarju uffiċjali għandu jinnotifika lis-sid jew il-kustidjant ta' dak l-istabbiliment, il-veterinarju inkarigat minn dak l-istabbiliment u l-awtorità kompetenti.

Il-veterinarju uffiċjali għandu wkoll jinnotifika lis-sid jew il-kustodjant ta’ l-istabbiliment, il-veterinarju inkarigat mill-istabbiliment u l-awtorità kompetenti meta l-evalwazzjoni mwettqa taħt il-punt 2 tindika defiċjenzi fl-istabbiliment jew meta l-mortalità waqt it-trasportazzjoni taqbeż iz-0.5 %.

Tabella 1:

Aspett | Punt jew perċentwal |

Dermatite tal-kuxxinett tas-sieq | 50 punt |

Mortalità (fl-istabbiliment) | 1 % u 0.06% immultiplikat bl-età tal-qatgħa dakinhar tal-qatla kkalkulata f’jiem |

4. Il-punteġġ għad-dermatite tal-kuxxinett tas-sieq għandu jiġi stabbilit skond dan il-punt. Għandha tiġi ċċekjata sieq waħda minn kull tajra u kull waħda tiġi kkategorizzata fi tliet gruppi:

Grupp 0: l-ebda ġrieħi fil-kuxxinett tas-sieq;

Grupp 1: ġrieħi żgħar fil-kuxxinett tas-sieq;

Grupp 2: ġrieħi gravi fil-kuxxinett tas-sieq;

In-numru ta’ saqajn mill-Grupp 0 m’għandux jiddaħħal fil-punteġġ. In-numru ta' saqajn minn Grupp 1 għandu jiġi mmultiplikat b'0.5, in-numru ta’ saqajn minn Grupp 2 għandu jiġi mmultiplikat bi 2 u dawk il-punteġġi għandhom jingħaddu flimkien. Imbagħad, it-total għandu jiġi diviż bid-daqs tal-kampjun u jiġi mmultiplikat b’100.

ANNESS V

IT-TAħRIġ

(kif imsemmi fl-Artikolu 4(2))

Il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 4(1) għandhom almenu jkopru l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tat-tiġieġ u b’mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin:

a) l-Annessi I u II;

b) il-fiżjoloġija, b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ l-għalf u t-tisqija, l-imġiba ta' l-annimali u l-kunċett ta' l-istress;

c) l-aspetti prattiċi tal-maniġġjar tat-tiġieġ, inklużi l-qbid u t-trasportazzjoni;

d) it-trattament tat-tiġieġ f'każ ta’ emerġenza, il-qtil u t-tbiċċir f’emerġenza.[pic][pic][pic]

[1] Fl-2001 u l-2002, 4.59 u 4.485 biljun fellus (brojler) tpoġġew fl-UE-15 (sors Kummissjoni Ewropeja, Eurostat).

[2] ĠU C […] […], p. .

[3] ĠU C […] […], p. .

[4] ĠU C […] […], p. .

[5] ĠU C […] […], p. .

[6] ĠU L 221, tat-8.8.1998, p. 23. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 806/2003, (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 1).

[7] ĠU L 323, tas-17.11.1978, p. 14.

[8] ĠU L 143, tas-7.6.1991, p. 11. Ir-Regolament kif emendad l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 814/2004 (ĠU L 153, tat-30.4.2004, p. 1); verżjoni kkoreġuta (ĠU L 231, tat-30.6.2004, p. 3).

[9] ĠU L 165, tat-30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 191, tat-28.5.2004, p. 1).

[10] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[11] ĠU L 139, tat-30.4.2004, p. 206); verżjoni kkoreġuta (ĠU L 226, tal-25.6.2004, p. 83).