52005PC0194

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għal din il-produzzjoni fuq prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel /* KUMM/2005/0194 finali - CNS 2005/0094 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.05.2005

KUMM(2005) 194 finali

2005/0094 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għal din il-produzzjoni fuq prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jistipola li awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 2005, jagħtu awtorizzazzjoni għat-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti importati minn pajjiż terz li mhuwiex inkluż fil-lista li tissemma fil-paragrafu (1) punt (a) ta’ dak l-Artikolu.

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Ġunju ta’ l-2004 li tikkonċerna l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organika, il-Kummissjoni ħabbret li sejra tipproponi emenda tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 li, minflok id-derogi kurrenti li jikkonċernaw l-importazzjonijiet, tistabbilixxi sistema permanenti ġdida li tagħmel użu minn evalwazzjonijiet ta’ ekwivalenza teknika minn korpi inkarigati mill-Komunità għal dak il-għan.

L-iżvilupp u l-istabbiliment ta’ din is-sistema permanenti ġdida jeħtiġilhom żmien suffiċjenti. Sa ma dan jitwettaq, il-kummerċ tal-prodotti organiċi m’għandux jiġi mfixkel bla ħtieġa, u għalhekk il-miżuri tranżizzjonali eżistenti għandhom jiġġeddu għal sena oħra.

Il-miżura ma tinvolvi l-ebda konsegwenza finanzjarja għall-baġit tal-Komunità.

2005/0094 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għal din il-produzzjoni fuq prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,[1]

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,[2]

Billi:

(1) L-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91[3] jistipola li, sal-31 ta’ Diċembru 2005, awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni għat-tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti importati min pajjiż terz li mhuwiex inkluż fil-lista li tissemma fil-paragrafu (1)(a) ta’ dak l-Artikolu.

(2) Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organika[4], il-Kummissjoni ħabbret li sejra tipproponi emenda tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 li minflok id-derogi kurrenti li jikkonċernaw l-importazzjonijiet tistabbilixxi sistema permanenti ġdida li tagħmel użu minn evalwazzjonijiet ta’ ekwivalenza teknika minn korpi inkarigati mill-Komunità għal dak il-għan.

(3) L-iżvilupp u l-istabbiliment ta’ din is-sistema permanenti ġdida jeħtiġilhom żmien suffiċjenti.

(4) Sa ma dan jitwettaq, il-kummerċ tal-prodotti organiċi m’għandux jiġi mfixkel bla ħtieġa, u għalhekk il-miżuri tranżizzjonali eżistenti għandhom jiġġeddu għal sena oħra.

(5) Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 11(6)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, id-data "il-31 ta’ Diċembru 2005" hija sostitwita mid-data "il-31 ta’ Diċembru 2006".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C […] […], p. […]

[2] ĠU C […] […], p. […]

[3] ĠU L 198, tat-22.7.1991, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2254/2004 (ĠU L 385, tad-29.12.2004, p. 20).

[4] KUMM(2004) 415 finali.