52005PC0061(01)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja dwar ċertu aspetti tas-servizzi ta' l-ajru /* KUMM/2005/0061 finali */


Brussel 25.2.2005

KUMM(2005) 61 finali

2005/0009 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja dwar ċertu aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja dwar ċertu aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-relazzjonijiet ta' l-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kienu tradizzjonalment immexxija minn ftehimiet bilaterali dwar servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati membri u l-pajjiżi terzi, l-Annessi tagħhom u arranġamenti oħra relatati, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-każijiet K-466/98, K-467/98, K-468/98, K-471/98, K-472/98 u K-475/98 u K-476/98, il-Komunità għandha l-kompetenza esklussiva f'dak li għandu x'jaqsam ma' aspetti varji ta' l-avjazzjoni esterna. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll id-dritt tal-kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità li jgawdu mid-dritt li jistabbilixxu ruħhom fil-Komunità, inkluż id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għas-suq.

Il-klawżoli tad-deżinjazzjoni tradizzjonali fi ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru ta' l-Istati Membri jiksru l-liġi Komunitarja. Jagħtu l-lok lill-pajjiż terz li jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' kumpanija ta' l-ajru li kienet ġiet iddeżinjata minn Stat Membru iżda li mhijiex proprjetà sostanzjali tiegħu u mhijiex ikkontrollata effettivament minnu jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-kumpaniji ta' l-ajru stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru iżda proprjetà ta’, u kkontrollati minn, ċittadini ta' Stat Membru ieħor. Dan imur kontra l-Artikolu 43 tat-Trattat li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jistabbilixxu ruħhom b’mod ħieles, l-istess trattament fl-Istat Membru li jilqagħhom bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni f'Ġunju ta' l-2003 biex tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċertu dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.[1]

Fi qbil mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċertu dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mal-Ġeorġja li jieħu post ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Ġeorġja. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jieħu post il-klawżoli ta' deżinjazzjoni tradizzjonali bi klawżola ta' deżinjazzjoni Komunitarja, li tippermetti lill-kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità li jibbenefikaw mid-dritt ta' stabbiliment. L-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim jirrisolvu irregolaritajiet legali li joħorġu minn ksur tal-kompetenza Komunitarja. L-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim jirrisolvu żewġ tipi ta’ klawżoli li jikkonċernaw kwistjonijiet tal-kompetenza Komunitarja. L-Artikolu 4 jitratta t-tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni, kwistjoni li ġiet armonizzata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirristruttura l-qafas ta' ħidma Komunitarja għat-tassazzjoni tal-prodotti ta' l-enerġija u l-elettriku, partikolarment il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 14 tagħha. L-Artikolu 5 (Tariffi) isolvi kunflitti bejn ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru eżistenti u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2409/92 dwar tariffi u rati għas-servizzi ta' l-ajru li jipprojbixxu kumpaniji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi milli jkollhom pożizzjoni dominanti fuq is-servizzi ta' l-ajru għall-ġarr magħmul kollu kemm hu fil-Komunità.

Il-Kunsill huwa mitlub japprova d-deċiżjonijiet dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja u dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru u jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-ftehim f'isem il-Komunità.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja dwar ċertu aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 80, paragrafu 2, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300, paragrafu 2,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Billi:

(1) Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni fil-5 ta' Ġunju ta' l-2003 tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità ftehim mal-Ġeorġja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru fi qbil mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(3) Suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar ‘il quddiem, il-ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

1. Suġġett għal konklużjoni tiegħu f'data aktar ‘il quddiem, il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw f'isem il-Komunità l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja dwar ċertu aspetti tas-servizzi ta' l-ajru.

2. Sakemm jidħol fis-seħħ, il-ftehim ser ikun applikat b'mod provviżorju mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-partijiet innotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan. Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8.2 tal-ftehim.

3. It-test tal-ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2005/0009 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja dwar ċertu aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 80, paragrafu 2, flimkien ma' l-Artikolu 300, paragrafu 2, l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu tiegħu u l-Artikolu 300, paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Billi:

(1) Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni fil-5 ta' Ġunju ta' l-2003 tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità ftehim mal-Ġeorġja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru fi qbil mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(3) Dan il-ftehim ġie ffirmat f'isem il-Komunità fit-22 ta’ Settembru 2004 suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar tard, konformi mad-deċiżjoni .../.../KE tal-Kunsill fi [...][5]

(4) Dan il-ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja dwar ċertu aspetti tas-servizzi ta' l-ajru huwa approvat f'isem il-Komunità.

2. It-test tal-ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8.1 tal-Ftehim.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS FTEHIM bejn il-Komunità Ewropea, u l-Gvern tal-Ġeorġja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

min-naħa waħda, u

IL-GVERN TAL-ĠEORĠJA

(minn hawn 'il quddiem 'il-Ġeorġja')

min-naħa l-oħra

(minn hawn 'il quddiem 'il-Partijiet')

INNUTAW li ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru ġew konklużi bejn bosta Stati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi Komunitarja,

INNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

INNUTAW li taħt il-liġi Komunitarja Ewropea kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità stabbiliti fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għal rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

WARA LI KKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibiltà għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu sehem f’kumpaniji ta' l-ajru liċenzjati bi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea,

GĦARFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja, li jmorru kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, iridu jinġiebu f’konformità sħiħa ma' dawn sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja u biex tiġi ppreservata l-kontinwità ta' dawn is-servizzi ta' l-ajru,

INNUTAW li d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja, li ma jmorrux kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, ma għandhomx bżonn jiġu emendati jew mibdula,

INNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea, bħala parti minn dawn negozjati, li jiżdied il-volum totali tat-traffiku ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġeorġja, li jiġi affettwat il-bilanċ bejn kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità u kumpaniji ta' l-ajru tal-Ġeorġja, jew li jiġu nnegozjati emendi għad-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta' l-ajru dwar drittijiet tat-traffiku.

FTEHMU KIF ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Dispożizzjonijiet Ġenerali

1. Għall-għanjiet ta' dan il-Ftehim, 'Stati Membri' ser tfisser Stati Membri tal-Komunità Ewropea.

2. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li huma parti tal-ftehim ser jinftiehmu bħala li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

3. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 lil kumpaniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istati Membri li huma parti tal-ftehim ser jinftiehmu bħala li qed jirreferu għal kumpaniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ddeżinjati mill-Istati Membri.

4. L-għoti tad-drittijiet tat-traffiku jibqa’ jitwettaq permezz ta’ ftehimiet bilaterali.

ARTIKOLU 2

Nomina minn Stat Membru:

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu ser jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni ta’ kumpanija ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi mogħtija mill-Ġeorġja, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tal-kumpaniji ta' l-ajru, rispettivament.

2. Malli tirċievi deżinjazzjoni mingħand Stat Membru, il-Ġeorġja ser tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa bl-anqas dewmien proċedurali, pprovdut li:

i. il-kumpanija ta' l-ajru hija stabbilita fit-territorju ta' l-Istat Membru li ddeżinjaha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u għandha Liċenzja Operattiva valida fi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea;

ii. huwa eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tagħha u l-awtorità aeronawtika relevanti hija identifikata b'mod ċar fid-deżinjazzjoni; u

iii. il-kumpanija ta' l-ajru hija proprjetà u ser tkompli tkun proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, ta’ Stati Membri u/jew ta’ ċittadini ta' stati oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew ta’ ċittadini ta' tali stati oħra, u ser tkun il-ħin kollu effettivament ikkontrollata minn dawn l-istati u/jew iċ-ċittadini.

3. Il-Ġeorġja tista' tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta' kumpanija ta' l-ajru minn Stat Membru f’każ li:

i. il-kumpanija ta' l-ajru mhijiex stabbilita fit-territorju ta' l-Istat Membru li ddeżinjaha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew m'għandhiex Liċenzja Operattiva valida fi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea; jew

ii m'huwiex eżerċitat jew m'huwiex miżmum kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tagħha, jew l-awtorità aeronawtika relevanti mhijiex identifikata b'mod ċar fid-deżinjazzjoni; jew

iii il-kumpanija ta' l-ajru mhijiex proprjetà ta’, u mhijiex effettivament ikkontrollata minn, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, Stati Membri u/jew ċittadini ta' Stati Membri, jew stati oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew iċ-ċittadini ta' tali stati oħra.

Waqt li qed teżerċita d-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, il-Ġeorġja mhix ser tiddiskrimina bejn kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità fuq il-bażi ta' nazzjonalità.

ARTIKOLU 3

Drittijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll regolatorju

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ser jikkomplimentaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2(c).

2. Meta Stat Membru ddeżinja kumpanija ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju tagħha huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tal-Ġeorġja taħt id-dispożizzjonijiet ta' protezzjoni tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ddeżinja l-kumpanija ta' l-ajru u l-Ġeorġja, ser japplikaw b'mod ugwali fir-rigward ta' l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew iż-żamma ta' standards ta' sigurtà mill-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta' dik il-kumpanija ta' l-ajru.

ARTIKOLU 4

It-tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ser jikkomplimentaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(d).

2. Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 2(d) mhu ser iżomm Stat Membru milli jimponi taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f’ vettura ta' l-ajru ta’ kumpanija ta' l-ajru ddeżinjata tal-Ġeorġja li topera bejn punt fit-territorju ta' Stat Membru u punt ieħor fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

ARTIKOLU 5

Tariffi għall-ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea:

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ser jikkomplimentaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2(e).

2. It-tariffi li ser jiġu ddebitati mill-kumpanija(kumpaniji) ta' l-ajru ddeżinjata mill-Ġeorġja permezz ta' ftehim elenkat fl-Anness 1 li fih dispożizzjoni elenkata fl-Anness 2(e) għal ġarr li jseħħ kollu kemm hu fi ħdan il-Komunità Ewropea, ser ikunu suġġetti għal-liġi Komunitarja Ewropea.

ARTIKOLU 6

Annessi għal dan il-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim ser jifformaw parti integrali minnu.

ARTIKOLU 7

Reviżjonijiet jew emendi

Il-Partijiet jistgħu, f'kull ħin, jirrivedu jew jemendaw dan il-Ftehim b'kunsens reċiproku.

ARTIKOLU 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

1. Dan il-Ftehim ser jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu ġew kompluti.

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet qablu biex japplikaw b'mod provviżorju dan il-Ftehim mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

3. Ftehimiet u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u l-Ġeorġja li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, ma kinux daħlu fis-seħħ u li mhumiex qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Dan il-Ftehim ser japplika għal kull tali Ftehim u arranġament mad-dħul fis-seħħ jew applikazzjoni provviżorja tiegħu.

ARTIKOLU 9

Tmiem

1. Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi fi tmiemu, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Ftehim li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim elenkat fl-Anness 1 ikkonċernat ser jintemmu fl-istess ħin.

2. Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu fi tmiemhom, dan il-Ftehim ser jintemm fl-istess ħin.

B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji hawn taħt, bl-awtorizzazzjoni meħtieġa, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [....] b'żewġ kopji, fi [...] jum ta' [..., ...] fil-lingwa Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u Ġeorġjana. F'każ ta' diverġenza, it-test Ingliż ser jgħodd l-aktar fost it-testi bil-lingwi l-oħra.

GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA: | GĦALL-GVERN TAL-ĠEORĠJA: |

ANNESS 1

Lista tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim

(a) Ftehimiet dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn il-Ġeorġja u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament

- Ftehim bejn il-Gvern Federali Awstrijaku u l-Gvern tal-Ġeorġja dwar Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi Vjenna fil-15 ta' Diċembru 1997 (data tad-dħul fis-seħħ: 01.10.2002), minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – l-Awstrija” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-Gvern tal-Ġeorġja dwar Servizzi ta' l-Ajru ffirmat fi Vjenna fi Tbilisi fit-30 ta' Ġunju 1997 (data tad-dħul fis-seħħ: 05.11.1998), minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – Ċipru" fl-Anness 2;

- Ftehim bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Ġeorġja dwar it-Trasport ta’ l-Ajru ffirmat f’Bonn fil-25 ta' Ġunju 1993 (data tad-dħul fis-seħħ: 27.11.1994), minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġermanja” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Ellenika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ġeorġja dwar it-Trasport ta’ l-Ajru ffirmat fi Tbilisi fl-10 ta' April 1997 (data tad-dħul fis-seħħ: 27.05.1998), minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġreċja” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern ta’ l-Irlanda u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ġeorġja dwar it-Trasport ta’ l-Ajru ffirmat f’Dublin fit-2 ta' Marzu 1995 (data tad-dħul fis-seħħ: 02.03.1995), minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – l-Irlanda” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ġeorġja dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi Tbilisi fit-12 ta' April 1996 (data tad-dħul fis-seħħ: 12.01.1999), minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – il-Litwanja” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Ġeorġja dwar Servizzi ta' l-Ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom iffirmat f’Wassenaar fit-3 ta’ April 1995 (data tad-dħul fis-seħħ: 01.05.1997), minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – l-Olanda” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Gvern ta’ l-Awtorità Eżekuttiva (il-Gvern) tal-Ġeorġja dwar Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat fi Tbilisi fis-17 ta' Settembru 2003, minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – ir-Renju Unit” fl-Anness 2;

Issupplimentat mill-Memorandum ta’ Ftehim magħmul fi Tbilisi fis-17 ta’ Settembru 2003, u tal-Verbal Miftiehem iffirmat fi Tbilisi fit-2 ta’ Novembru 2004.

(b) Ftehimiet dwar is-servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Ġeorġja u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament

- Ftehim bejn il-Gvern tal-Belġju u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ġeorġja dwar it-Trasport ta’ l-Ajru inizjalat fl-24 ta' Frar 1995, minn hawn ‘il quddiem, "il-Ftehim il-Ġeorġja – il-Belġju” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Ungerija u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ġeorġja dwar it-Trasport ta’ l-Ajru inizjalat fid-29 ta' Ġunju 1995, minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim il-Ġeorġja – l-Ungerija” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ġeorġja dwar it-Trasport ta’ l-Ajru inizjalat fis-6 ta' Diċembru 1996, minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim il-Ġeorġja – il-Latvja” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ġeorġja dwar it-Trasport ta’ l-Ajru inizjalat f’Varsavja fis-26 ta' April 1993, minn hawn ‘il quddiem "il-Ftehim il-Ġeorġja – il-Polonja” fl-Anness 2;

Anness 2

Lista ta' l-artikoli fil-ftehim iet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Ftehim

(a) Deżinjazzjoni minn Stat Membru:

- Artikolu 3 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Awstrija;

- Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Belġju;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – Ċipru;

- Artikolu 3 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġermanja;

- Artikolu 3 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġreċja;

- Artikolu 3 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Ungerija;

- Artikolu 3 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Irlanda;

- Artikolu 3 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Latvja;

- Artikolu 3 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Litwanja;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Olanda;

- Artikolu 3 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Polonja;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – ir-Renju Unit;

(b) Rifjut, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta' l-Awtorizzazzjonijiet jew il-Permessi:

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Awstrija;

- Artikolu 5 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Belġju;

- Artikolu 5 tal-Ftehim il-Ġeorġja – Ċipru;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġermanja;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġreċja;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Ungerija;

- Artikolu 3, paragrafu 5 u 6, tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Irlanda;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Latvja;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Litwanja;

- Artikolu 5 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Olanda;

- Artikolu 4 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Polonja;

- Artikolu 5 tal-Ftehim il-Ġeorġja – ir-Renju Unit;

(c) Kontroll regolatorju:

- Artikolu 7 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Belġju;

(d) Tassazzjoni tal-Fjuwil għall-Avjazzjoni:

- Artikolu 7 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Awstrija;

- Artikolu 10 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Belġju;

- Artikolu 7 tal-Ftehim il-Ġeorġja – Ċipru;

- Artikolu 6 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġermanja;

- Artikolu 9 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġreċja;

- Artikolu 9 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Ungerija;

- Artikolu 11 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Irlanda;

- Artikolu 6 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Latvja;

- Artikolu 11 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Litwanja;

- Artikolu 10 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Olanda;

- Artikolu 6 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Polonja;

- Artikolu 8 tal-Ftehim il-Ġeorġja – ir-Renju Unit;

(e) Tariffi għall-Ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea:

- Artikolu 11 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Awstrija;

- Artikolu 13 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Belġju;

- Artikolu 17 tal-Ftehim il-Ġeorġja – Ċipru;

- Artikolu 10 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġermanja;

- Artikolu 12 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Ġreċja;

- Artikolu 8 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Ungerija;

- Artikolu 6 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Irlanda;

- Artikolu 11 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Latvja;

- Artikolu 9 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Litwanja;

- Artikolu 6 tal-Ftehim il-Ġeorġja – l-Olanda;

- Artikolu 10 tal-Ftehim il-Ġeorġja – il-Polonja;

- Artikolu 7 tal-Ftehim il-Ġeorġja – ir-Renju Unit;

ANNESS 3

Lista ta' stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim

(a) Ir-Repubblika ta' l-Iżlanda (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b) Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(c) Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d) Il-Konfederazzjoni Svizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport ta' l-Ajru).

[1] Deċiżjoni tal-Kunsill 11323/03 tal-5 ta’ Ġunju 2003 (dokument ristrett)

[2] ĠU K […], […]. p. […].

[3] ĠU L […], […], p. […].

[4] ĠU L […], […], p. […].

[5] ĠU K […], […]. p. […].