52005PC0047

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (test b’relevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2005/0047 finali - COD 2005/0007 */


Brussel 16.2.2005

KUMM(2005) 47 finali

2005/0007 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar id-drittijiet ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

(test b’relevanza għaż-ŻEE)

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. INTRODUZZJONI

1. Is-suq uniku tat-trasport bl-ajru ġab miegħu benefiċċji importanti għall-Ewropej, li jinkludu għażla akbar ta’ destinazzjonijiet u kumpaniji ta’ l-ajru u nollijiet aktar baxxi. Għen biex jinfetaħ it-trasport bl-ajru għall-maġġoranza taċ-ċittadini, li għalihom issa huwa f’ħafna każi indispensabbli għall-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja ekonomika u soċjali. L-ivjaġġar bl-ajru, per eżempju, huwa ħafna drabi indispensabbli għax-xogħol, għal żjarat lill-familji u lill-ħbieb u għar-rilassament u t-turiżmu; u l-aċċess inadegwat għal dan jista’ jfixkel severament l-integrazzjoni ta’ ħafna ċittadini, għad-detriment tas-soċjetà b’mod ġenerali. Konsegwentement, opportunitajiet simili għall-ivjaġġar bl-ajru għandhom ikunu miftuħa għal nies li jsofru mill-iżvantaġġ ta’ mobilità mnaqqsa, ikkawżata minn diżabilità, età jew xi fattur ieħor. Passiġġieri b’mobilità mnaqqsa għandhom ikunu kunfidenti li l-bżonnijiet tagħhom jiġu ssodisfatti f’kull parti tal-Komunità Ewropea, ikunu liema jkunu l-linji ta’ l-ajru u l-ajruporti li biħsiebhom jużaw.

2. Il-Kummissjoni għalhekktat prijorità għolja lill-garanzija tad-drittijiet tal-persuni b’mobilità mnaqqsa. Diġà, fl-2000, kienet qajmet il-kwistjoni ġenerali f’komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-passiġġieri ta’ l-ajru[1], fl-2001 ħabbret l-intenzjoni tagħha li taġixxi fuq id-drittijiet ta’ l-utenti fil- white paper tagħha fuq il-politika dwar it-trasport għall-2010[2], u fl-2002 ippubblikat dokument ta’ konsultazzjoni fuq il-kuntratti tal-linji ta’ l-ajru mal-passiġġieri; fejn kienu diskussi kwistjonijiet dwar l-operat[3]. Dan id-dokument identifika titjib possibbli għad-drittijiet tal-passiġġieri u stieden lil dawk interessati f’din il-kwistjoni biex jikkummentaw dwar dawk il-kwistjonijiet li dwarhom kienet meħtieġa azzjoni mill-Unjoni Ewropea. Wara analiżi bir-reqqa tal-ħafna risposti u wara li nstemgħu dawk interessati, il-Kummissjoni waslet għall-fehma li l-protezzjoni ta’ nies b’mobilità mnaqqsa hija l-ewwel prijorità.

3. Madankollu, il-Kummissjoni ma temminx li l-politika favur persuni b’mobilità mnaqqsa għandha tkun illimitata għat-trasport bl-ajru. Hija appoġġjat programmi ta’ riċerka dwar l-adattament ta’ mezzi differenti ta’ trasport għall-bżonnijiet tagħhom, li jkopru karozzi tal-linja b’qiegħ baxx u l-aċċessibilità ta’ kowċis u karozzi tal-linja li jivvjaġġaw fit-tul u tal-ferroviji, li wasslu jew se jwasslu għal inizjattivi leġislattivi[4]. Fil-każ tal-ferroviji, inbdew aktar azzjonijiet. L-ewwelnett, fuq il-bażi tad-direttiva dwar l-interoperabilità tas-sistema tal-ferrovija konvenzjonali[5], qed ikunu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità li jkopru l-aċċessibilità għall-persuni b’mobilità mnaqqsa, bil-għan li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni fl-2005. It-tieni, kif imħabbar fil-komunikazzjoni tagħha dwar żona ta’ linji tal-ferroviji integrata[6], f’Marzu 2004 il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament dwar id-drittijiet ta’ passiġġieri li jużaw servizzi internazzjonali, li jinkludu nies b’mobilità mnaqqsa[7]. Għat-trasport marittimu, id-direttiva emendata fuq regoli u standards ta’ sigurtà għall-vapuri tal-passiġġieri introduċiet ħtiġijiet li jikkonċernaw is-sigurtà ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa[8].

4. Dawn l-inizjattivi għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-politika tal-Komunità kontra d- diskriminazzjoni. L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jsemmi prinċipju ġenerali li kull diskriminazzjoni bbażata fuq tkun liema tkun ir-raġuni bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fattizzi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew xort’oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali għandha tkun ipprojbita. Flimkien ma’ dan, l-Artikolu 13 tat-Trattat tal-KE jagħti s-setgħa lill-Komunità tiġġieled id-diskriminazzjoni, hiex fuq il-bażi ta’ sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età u orjentazzjoni sesswali, fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Komunità. Fis-27 ta’ Novembru 2002, il-Kunsill adotta d-Direttiva 2000/78/KE[9] "li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament indaqs fl-impjiegi u fix-xogħol". Id-Direttiva tipprojbixxi kull diskriminazzjoni, kemm jekk tkun diretta u kemm jekk tkun indiretta, fuq il-bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali[10]. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ diżabilità, din id-Direttiva tagħraf li n-nuqqas li tingħata akkomodazzjoni raġonevoli fil-post tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni. F’termini prattiċi, obbligazzjoni bħal din teħtieġ lil min jimpjega biex jieħu passi pożittivi biex jiggarantixxi li nies b’diżabilitajiet ikunu trattati b’mod ġust. Il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva biex tagħmel l-2003 is-Sena Ewropea tan-Nies b’Diżabilità u sussegwentement il-Kunsill għamel bħalha. Sabiex ikunu miskuba riżultati wara l-2003 u biex tikseb metodu sostenibbli u operattiv għall-kwistjonijiet ta’ diżabilità, f’Ottubru 2003 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni [KUMM(2003) 650] fuq "Opportunitajiet indaqs għal nies b’diżabilitajiet: Pjan ta’ Azzjoni Ewropew". Flimkien ma’ dan tqis li jenħtieġ li jiġu sfidati l-attitudnijiet negattivi, jitkabbar l-għarfien, jitħeġġeġ l-iskambju ta’ l-esperjenzi u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha.

2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI

5. Kien hemm rispons qawwi għad-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kuntratti tal-linji ta’ l-ajru. Hija rċeviet mhux inqas minn erba’ u sebgħin kontribuzzjoni minn diversi partijiet interessati, b’mod partikulari, il-linji ta’ l-ajru u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, il-ministeri u l-aġenziji tal-gvern. Mill-proċess ta’ konsultazzjoni ħareġ konsensus estensiv li l-liġi tal-Komunità għandha tipproteġi d-drittijiet ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa. Kien hemm qbil ġenerali li r-rifjut għall-ġarr għar-raġuni ta’ mobilità mnaqqsa għandu jkun ipprojbit, sabiex ma jkunx hemm trattament li mhux ġust. Min-naħa l-oħra, b’mod ġenerali kien aċċettat li kumpaniji ta’ l-ajru għandhom jitħallew jirrifjutaw li jipprovdu t-trasport minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, jekk ikollhom ġustifikazzjoni tajba u meħtieġa bil-liġi ħalli jkun evitat l-abbuż. Kien hemm ukoll konsensus li passiġġieri b’mobilità mnaqqsa m’għandhomx jintalbu ħlasijiet għall-assistenza meħtieġa biex jużaw it-trasport bl-ajru, imma li l-ispejjeż għandhom ikunu mifruxa fuq il-passiġġieri b’mod ġenerali.

6. B’daqstant qbil, l-ostaklu kien id-disgwid qalil dwar jekk humiex l-ajruporti jew il-linji ta’ l-ajru li għandhom ikunu responsabbli għall-assistenza fl-ajruporti. Il-linji ta’ l-ajru kellhom it-tendenza li jemmnu li l-ajruporti għandhom jipprovdu l-assistenza qabel u wara t-titjira, peress li din kienet il-kompetenza tagħhom. Din l-assistenza għandha tkun organizzata b’mod ċentrali f’kull ajruport u ffinanzjata permezz ta’ ħlas minn kull linja ta’ l-ajru li jkun proporzjonali għan-numru ta’ passiġġieri li l-linja ġġorr lejn u minn dak l-ajruport. L-ajruporti argumentaw li l-kumpaniji ta’ l-ajru għandhom jieħdu r-responsabbilità, minħabba li kienu huma li kellhom il-kuntatti mal-passiġġieri u kellhom l-informazzjoni fuq il-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa u l-bżonnijiet tagħhom.

7. Id-dibattitu ilu għaddej għal xi żmien, imma l-kwistjoni għada ma ġietx solvuta. Għalkemm l-impenni volontarji tal-linji ta’ l-ajru u ta’ l-ajruporti[11] jkopru t-trattament ta’ nies b’mobilità mnaqqsa, huma ma jwieġbux il-mistoqsija dwar min għandu jkun responsabbli biex jipprovdi l-assistenza fl-ajruporti. Meta tqis l-importanza tal-mobilità għall-integrazzjoni soċjali, il-kwistjoni m’għandiex titħalla miftuħa u soluzzjoni għaliha tista’ tinstab biss permezz ta’ leġislazzjoni, u kien għalhekk li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta din il-proposta għal regolament. Din għandha tikseb żewġ għanijiet essenzjali: l-ewwel, li twaqqaf it-trattament mhux ġust, jiġifieri ir-rifjut tal-ġarr fuq il-bażi ta’ mobilità mnaqqsa u, it-tieni, li tiggarantixxi l-għoti, mingħajr ħlas, ta’ l-assistenza li l-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa għandhom bżonn biex ikollhom opportunitajiet effettivi għall-ivjaġġar bl-ajru.

8. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi serji li l-parti l-kbira tal-linji ta’ l-ajru u l-ajruporti jagħmlu biex jakkomodaw il-bżonnijiet ta’ nies b’mobilità mnaqqsa. Tassew, f’dan il-qasam it-trasport bl-ajru huwa aktar `il quddiem minn bosta setturi oħra. Tirrikonoxxi wkoll ix-xogħol siewi magħmul mill-Konferenza Ewropea ta’ l-Avjazzjoni Ċivili matul is-snin sabiex tiffaċilita t-trasport ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa[12]. Madankollu, hija kkonċernata li tiggarantixxi li tkun segwita l-aħjar prassi fl-ajruporti kollha tal-Komunità u fuq it-titjiriet kollha li jitilqu minnhom, u li dan ikompli minkejja ż-żjieda fil-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa kkawżata mill-popolazzjoni li qed tixjieħ u mill-pressjoni bla heda fuq il-linji ta’ l-ajru biex inaqqsu l-ispejjeż sabiex ikunu jistgħu jikkompetu.

3. L-ELEMENTI TAR-REGOLAMENT

Klawżola ta’ trattament ġust

9. Sakemm ma ntalabx ħlas lill-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa għall-ispejjeż kollha ta’ l-assistenza, li tkun kompletament inaċċettabbli, linja ta’ l-ajru tista’, sabiex tiffranka, tkun imħajra li tirrifjuta li ġġorrhom. Tista’ tkun ukoll ikkonċernata dwar ir-riskji potenzjali għas-sigurtà jew ir-reazzjoni mhux iġġustifikata tal-passiġġieri l-oħra. Mingħajr ma jkun issuġġeriet li prattiki bħal dawn huma mifruxa, il-Kummissjoni temmen li l-passiġġieri għandhom jingħataw garanzija li ma jkunux rrifjutati milli jinġarru għar-raġuni tal-mobilità mnaqqsa. Jista’ jkun li linja ta’ l-ajru jew operatur turistiku jirrifjutaw li jaċċettaw postijiet ibbukkjati minn nies b’mobilità mnaqqsa jew li jimbarkawhom ġaladarba jkunu fl-ajruport. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li, fil-każ ta’ titjiriet li jitilqu minn ajruporti li qegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika għalih it-Trattat, dawn m’għandhomx ikunu permessi li jirrifjutaw li jaċċettaw il-bukings jew l-imbark tal-passiġġieri għar-raġuni ta’ mobilità mnaqqsa. Il-projbizzjoni li jkun irrifjutat post ibbukkjat jew l-imbark għandha teżisti wkoll fil-każ ta’ passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jkun f’pajjiż terz għal ajruport li jkun f’territorju ta’ Stat Membru li japplika għalih it-Trattat, jekk it-titjira tkun parti minn vjaġġ, li jkun beda fil-Komunità u jekk il-kumpanija ta’ l-ajru li qed topera t-titjira hija kumpanija ta’ l-ajru tal-Komunità.

10. Madankollu, din il-garanzija ma tistax tkun assoluta. It-trasport ta’ persuni b’mobilità limitata b’mod qawwi jew ta’ passiġġieri numerużi b’mobilità mnaqqsa fuq l-istess titjira jista’ ma jaqbilx ma’ ħtiġijiet ta’ sigurtà stabbiliti b’mod korrett. Dan, per eżempju, jista’ jdewwem l-evakwazzjoni ta’ ajruplan f’każ ta’ emerġenza u jagħmilha diffiċli, ħaġa li mhix aċċettabbli. Konsegwentament, ir-regolament propost għandu jippermetti lil-linji ta’ l-ajru u lill-kumpaniji ta’ l-ajru li jirrifjutaw il-ġarr sabiex jikkonformaw ma’ regoli ta’ sigurtà preskritti. Madankollu, biex jiskoraġġixxu l-abbuż, huma għandhom ikunu obbligati kemm li jinfurmaw bil-miktub lill-passiġġieri li jkunu ġew irrifjutati milli jinġarru, bir-raġunijiet għal dak ir-rifjut u kif ukoll li r-regoli ta’ sigurtà li huma japplikaw għat-trasport ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa jkunu disponibbli għall-pubbliku.

L-assistenza fl-ajruporti: xi distinzjonijiet

11. Sabiex ikunu jistgħu jaqbdu t-titjiriet, persuni b’mobilità mnaqqsa jista’ jkollhom bżonn assistenza biex jintlaħqu l-bżonnijiet partikulari tagħhom. Per eżempju, huma jistgħu jkunu jeħtieġu għajnuna biex jiċċaqalqu mill-post tal-wasla tagħhom f’ajruport għall-ajruplan tagħhom u, mal-wasla, mill-ajruplan għall-post tat-tluq tagħhom mill-ajruport. Assistenza bħal din xi kultant hija meqjusa bħala l-forniment ta’ siġġu tar-roti b’xi ħadd li jieħu ħsieb fil-bank fejn issir ir-reġistrazzjoni f’ajruport, imma din il-fehma hija semplifikazzjoni li tinjora d-diversità tal-bżonnijiet.

12. L-ewwelnett, hi tikkunsidra xi ħadd b’mobilità mnaqqsa daqs persuna b’diżabilità li ma tistax timxi u għalhekk teħtieġ siġġu tar-roti. Filwaqt li dan hu veru għal xi nies, oħrajn għandhom diżabilitajiet li ma jaffettwawx il-ħila tagħhom li jimxu, bħal min hu għami jew min ma jismax. Il-bżonnijiet tagħhom jistgħu x’aktarx ikunu għall-gwida, ħalli jkunu jistgħu jsibu t-triq tagħhom, jew għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni essenzjali f’forma aċċessibbli li, per eżempju, tikkonċerna l-bank ta’ reġistrazzjoni f’ajruport, il-bieb tat-tluq u l-ħin biex jitilgħu fuq l-ajruplan. Min-naħa l-oħra, passiġġieri li għandhom bżonn għajnuna biex imorru minn post għall-ieħor f’ajruport mhux neċessarjament ikollhom diżabilità. Per eżempju, ħafna anzjani m’għandhomx bżonn assistenza fil-ħajja ta’ kuljum, imma mhumiex kapaċi jimxu distanzi twal madwar l-ajruporti. Id-daqs u l-komplessità dejjem jikbru ta’ l-ajruporti moderni jġiegħlu nies li fil-biċċa l-kbira għandhom fiduċja fihom infushom, jitolbu l-assistenza. Il-Konferenza Ewropea ta’ l-Avjazzjoni Ċivili żviluppat definizzjoni li tfisser din id-diversità għax-xogħol tagħha dwar it-tħaffif, li fuqha qed timxi l-Kummissjoni f’din il-proposta.

13. It-tieni, l-assistenza mhux bilfors tibda fil-bank ta’ reġistrazzjoni f’ajruport mat-tluq, jew tieqaf fis-sala tal-bagalji mal-wasla. Xi passiġġieri b’mobilità mnaqqsa jistgħu jaslu f’parkeġġi jew stazzjonijiet tal-karozzi tal-linja jew tal-ferrovija u mbagħad ikollhom bżonn l-għajnuna biex jaslu sal-bank ta’ reġistrazzjoni f’ajruport. Bl-istess mod, huma jistgħu jeħtieġu aktar għajnuna biex imorru mis-sala tal-bagalji, fejn ġeneralment ma jkun hemm ħadd magħhom, għall-post tat-tluq mill-ajruport. Passiġġieri li jkollhom trasferiment minn titjira għall-oħra jista’ jkollhom bżonn l-assistenza biex jiċċaqalqu minn bieb tat-tluq għal ieħor u possibilment minn terminal għal ieħor. Barra dan, persuni b’mobilità mnaqqsa jistgħu jeħtieġu aktar għajnuna tul il-proċess, per eżempju biex ilestu l-proċeduri għar-reġistrazzjoni, permessi tas-sigurtà, kontroll tal-passaport, ġbir tal-bagalji u dokumenti tad-dwana. Dan ma jfissirx li l-passiġġieri kollha b’mobilità mnaqqsa jkunu jridu servizzi estiżi bħal dawn; pjuttost li dawn għandhom ikunu disponibbli għal meta jkun hemm bżonn. Lanqas ma jimplika bilfors li l-assistenza għandha tingħata tul iż-żona kollha ta’ ajruport, iżda aktar lejn u minn postijiet fejn il-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa jistgħu jsaqsu għaliha faċilment.

14. Biex tagħti lil persuni b’mobilità mnaqqsa opportunitajiet tassew għall-ivvjaġġar bl-ajru, l-assistenza għandha tkun interpretata b’mod wiesa’. Biex ikun iggarantit li l-firxa kollha hija dejjem disponibbli, ir-regolament propost għandu jsemmi lista ta’ servizzi standard li għandhom ikunu pprovduti f’ajruporti fil-Komunità. Fl-interess ta’ sens ta’ ġustizzja u inklużjoni soċjali, nies b’mobilità mnaqqsa m’għandhomx jintalbu ħlas għal din l-assistenza; iżda l-ispiża għandha tinqasam bejn il-passiġġieri ta’ l-ajru b’mod ġenerali. Kif kien spjegat, il-konsultazzjoni wriet li dawk kollha li l-partijiet interessati jappoġjaw dan il-prinċipju, imma l-linji ta’ l-ajru u l-ajruporti ma jaqblux fuq ir-responsabbilità għall-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ din l-assistenza. Tista’ tinstab soluzzjoni għali din il-problema biss permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Komunità.

L-assistenza fl-ajruporti: l-għażliet

15. Liema għażla tkun l-iktar siewja għall-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa li jitilqu minn u jaslu f’ajruporti li qegħdin fl-Istati Membri: li tagħmel l-ajruporti responsabbli mill-assistenza jew li tagħti din il-biċċa xogħol lil-linji ta’ l-ajru? Biex ikunu jistgħu jgawdu mill-opportunitajiet kollha tat-trasport bl-ajru, persuni b’mobilità mnaqqsa għandhom ikunu fiduċjużi li se jirċievu l-assistenza li jkollhom bżonn, ikun liema jkun l-ajruport jew tkun liema tkun il-linja ta’ l-ajru li huma jużaw. Fiduċja bħal din tista’ tinħoloq biss permezz tal-garanziji li huma jkunu se jingħataw, mingħajr ħlas, u b’assistenza ta’ kwalità għolja fl-ajruporti kollha li qegħdin fl-Istati Membri. Passiġġieri b’mobilità mnaqqsa għandhom ikunu ggarantiti wkoll li, tkun liema tkun il-linja ta’ l-ajru li jagħżlu, għandhom jingħataw l-istess għajnuna u standard għoli ta’ trattament.

16. Għan konkret għandu jkun li jassigura li l-assistenza tingħata f’forma estiża u sħiħa fl-ajruporti kollha. Dan jimplika li interruzzjonijiet fis-servizz u t-trasferimenti minn fornitur għall-ieħor għandhom ikunu evitati kemm jista’ jkun, peress li dawn ħafna drabi jikkawżaw dewmien u jisfurzaw lill-passiġġieri biex joqogħdu jistennew xi ħadd ġdid min jgħinhom. Id-dispożizzjoni ta’ servizz sħiħ bi spiża raġonevoli jitħaffef bil-kbir jekk korp wieħed biss ikun responsabbli f’kull ajruport. Dan ikun qed jgħin ukoll l-utilizzazzjoni ta’ l-ekonomiji ta’ l-iskala, per eżempju fid-dispożizzjoni u l-operazzjoni ta’ vetturi u ta’ tagħmir ta’ rfigħ.

17. Il-korp tat-tmexxija għandu responsabilitajiet wiesa’ tul l-ajruport u għalhekk ikun f’pożizzjoni tajba li jipprovdi servizz komprensiv u sħiħ. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li dan il-korp jingħata r-responsabbilità biex jorganizza u jiffinanzja l-assistenza li persuni b’mobilità mnaqqsa għandhom bżonn biex jużaw it-trasport bl-ajru. Imbagħad ikun jista’ jforni l-assistenza hu nnifsu jew jidħol f’kuntratti mal-fornituri biex dan isir. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għażla l-oħra, ma jkunx raġonevoli li wieħed jistenna li linja ta’ l-ajru waħda tipprovdi l-assistenza tul xi ajruport, għall-passiġġieri tagħha stess u għal dawk ittrasferiti bejn il-kumpaniji ta’ l-ajru, fit-terminals li hi tuża u f’oħrajn.

18. It-tieni għan għandu jkun li jiġi evitat li jingħataw inċentivi lil-linji ta’ l-ajru biex inaqqsu n-numru ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa li jistgħu jġorru. Jekk linja ta’ l-ajru kienet responsabbli għall-assistenza f’kull ajruport li taqdi u għalhekk kellha teħel bl-ispejjeż li kienu bejn wieħed u ieħor proporzjonali man-numru ta’ passiġġieri b’mobilità mnaqqsa ttrasportati, xi wħud jistgħu jitħajru li jġorru mill-inqas possibbli. Għalkemm huma ma setgħux jirrifjutaw il-ġarr b’mod dirett mingħajr ma jiksru l-klawżola ta’ trattament ġust, huma jistgħu jiskoraġġixxu nies b’mobilità mnaqqsa billi jipprovdu servizz fqir jew jabbużaw mir-regoli ta’ sigurtà. Jekk ikunu kisbu reputazzjoni li jagħmlu hekk, nies b’mobilità mnaqqsa malajr jibdew jevitawhom. Ħafna mill-kumpaniji ta’ l-ajru jirreżistu b’mod qawwi prattiki bħal dawn imma, jekk ftit minnhom kellhom jadottawhom u jiffrankaw l-ispejjeż b’mod qawwi, l-oħrajn jiġu taħt pressjoni qawwija biex isegwuhom. B’riżultat ta’ dan, l-opportunitajiet effettivi għall-ivvjaġġar bl-ajru jonqsu.

19. Dan jista’ jkun evitat kieku l-linji ta’ l-ajru kellhom iħallsu ħlas barrani proporzjonali għan-numru ta’ passiġġieri li jkunu ġarrew lejn u mill-ajruport, ħalli jkunu indipendenti min-numru ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa ttrasportati. Metodu bħal dan inaqqas bil-kbir l-inċentivi għal-linji ta’ l-ajru biex inaqqsu n-numru li jġorru (dan mhux se jeliminahom kollha peress li l-linji ta’ l-ajru jkollhom jipprovdu xi assistenza fuq l-inġenju ta’ l-ajru). Dan jista’ jinkiseb billi tkun stabbilita sistema ċċentralizzata f’kull ajruport u mbagħad jingħata permess lill-organizzatur li jiġbor ħlas mingħand il-linji ta’ l-ajru kollha fi proporzjon man-numru ta’ passiġġieri li l-linja tkun ittrasportat lejn u minn dak l-ajruport. Mill-ġdid, il-korp tat-tmexxija ta’ ajruport huwa f’pożizzjoni tajba li jiġbor ħlas bħal dan, li għandu jkun irrelatat ma’ l-ispejjeż, ikun trasparenti u stabbilit wara konsultazzjoni mal-kumpaniji ta’ l-ajru. Il-linji ta’ l-ajru kollha li jużaw ajruport ikollhom iħallsuh, humiex kumpaniji ta’ l-ajru tal-Komunità jew ta’ pajjiż terz.

20. Ir-regolament imbagħad jobbliga lill-korpi ta’ tmexxija ta’ l-ajruport biex jipprovdu servizzi speċifikati għall-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa (ara l-Anness I tal-proposta), sabiex jintlaħqu ċerti għanijietsoċjali. Dan ma jfissirx li hu jimponi mudell wieħed għaċ-ċirkostanzi kollha; tabilħaqq pjuttost jippermetti aktar flessibilità. L-ewwelnett, l-istandards ta’ kwalità ma jkunux imposti b’mod ċentrali imma kull korp tat-tmexxija jiddefenixxihom hu nnifsu flimkien mal-ħtiġijiet ta’ riżorsi assoċjati, wara li jikkonsulta mal-kumpaniji ta’ l-ajru li jużaw l-ajruport u l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lill-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa. Dan jippermetti li l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet jaqblu fid-daqs u l-forma ma’ l-ajruporti differenti u t-tipi ta’ inġenji ta’ l-ajru użati.

21. It-tieni, ir-regolament propost iħalli lil kull korp tat-tmexxija fil-libertà li jagħżel jekk jipprovdix l-assistenza hu jew jekk jiksibx servizzi minn fornituri li jinkludu l-linji ta’ l-ajru, sakemm jirrispetta t-termini tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità fuq ix-xiri pubbliku[13]. Jekk jikseb assistenza minn barra, il-korp tat-tmexxija jkun liberu li jagħżel bejn li jħalli kuntratt wieħed u jaqsam ix-xiri tiegħu bejn id-diversi fornituri skond it-terminal, il-linja ta’ l-ajru jew kif jidher li jkun l-aħjar. Għandu jkun osservat li s-servizzi fornuti lill-korpi ta’ tmexxija ta’ l-ajruporti ma jaqgħux taħt id-direttiva tal- ground-handling [14]. Din tkopri servizzi pprovduti mill-fornituri għal utent ta’ l-ajruport (essenzjalment il-kumpaniji ta’ l-ajru), bl-għan li jinħoloq aċċess liberu għal dan is-suq fi ħdan ċerti limiti. Iż-żewġ liġijiet, għalhekk, ma jikkoinċidux u lanqas iqajmu kwistjonijiet ta’ konsistenza.

L-assistenza fuq l-inġenju ta’ l-ajru

22. Xi servizzi għall-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa jingħataw fuq l-inġenju ta’ l-ajru u għalhekk naturalment huma r-responsabbilità tal-kumpaniji ta’ l-ajru. Eżempji ta’ dawn is-servizzi huma t-trasport ta’ siġġijiet tar-roti u tagħmir ieħor li jgħin fit-trasport u l-ġarr ta’ klieb gwida għall-għomja, li ħafna linji ta’ l-ajru jaċċettaw fil-kabina (ara l-Anness II tar-regolament propost). Fil-każ ta’ titjiriet li jitilqu minn ajruport li qiegħed fi Stat Membru, il-Kummissjoni tipproponi li l-linji ta’ l-ajru jkunu meħtieġa li jipprovdu dawn is-servizzi mingħajr ħlas.

Notifika tal-bżonn għall-assistenza

23. Il-fatt li jkunu jafu l-bżonnijiet partikulari tal-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa minn qabel il-vjaġġ tgħin lill-ajruporti u lil-linji ta’ l-ajru biex jorganizzaw l-assistenza, jipprovdu servizz fil-pront u jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tagħhom. Fil-preżent, sikwit ma jirċevux avviż minn qabel u jkollhom jorganizzaw lilhom infushom mill-aħjar li jistgħu. Tkun xi ftit biċċa xogħol żejda jekk twissija minn qabel issir il-kundizzjoni ta’ assistenza, peress li ħafna ajruporti u linji ta’ l-ajru issa jipprovdu servizz sodisfaċenti mingħajrha. Pjuttost, il-leġiżlazzjoni tal-Komunità għandha tinkoraġġixxi lill-passiġġieri biex javżaw minn qabel, mingħajr ma joħolqu obbligazzjoni biex jagħmlu dan. Il-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu li joħloq bilanċ. Jekk il-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa javżaw minn qabel dwar il-bżonnijiet taghom, l-ajruporti jkunu obbligati li jassistuhom b’mod li jkunu qabdu t-titjiriet tagħhom. Fin-nuqqas ta’ notifika minn qabel, huma jkollhom biss jagħmlu l-aħjar sforz tagħhom biex jassiguraw li dawn ikunu qabdu t-titjiriet tagħhom. Dan jinkoraġġixxi n-notifika, mingħajr ma joħloq obbligazzjoni, li tkun ikkunsidrata bħala pass lura mill-prattika preżenti.

L-infurzar

24. Passiġġieri b’mobilità mnaqqsa huma f’pożizzjoni dgħajfa jekk il-linji ta’ l-ajru u l-ajruporti jonqsu milli jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom, għalhekk ikun neċessarju infurzar strett tar-regolament propost. Il-proposta tal-Kummissjoni għalhekk tinkludi artikolu fejn hemm ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet għall-ksur u li jaħtru korpi responsabbli biex jinfurzaw ir-regolament u biex jieħdu ħsieb ta’ l-ilmenti tal-passiġġieri. Inċidentalment, dawn id-dispożizzjonijiet huma qrib ħafna ta’ dawk tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ imbark miċħud u t-tħassir jew id-dewmien fit-tul tat-titjiriet[15].

4. IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

25. Il-Komunità ħolqot suq intern fit-trasport ta’ l-ajru fejn kumpaniji ta’ l-ajru joperaw taħt regoli uniformi. Dawn mhux biss jirregolaw l-aċċess għas-suq imma wkoll il-protezzjoni tal-passiġġieri. Bħall-passiġġieri ta’ l-ajru l-oħra, ħafna nies b’mobilità mnaqqsa jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri u għalhekk jibbenifikaw bil-kbir minn protezzjoni li hija armonizzata f’livell għoli. Mingħajr armonizzazzjoni, l-iktar l-iktar jistgħu jgawdu minn drittijiet differenti u fl-agħar każ, ma jkollhom l-ebda protezzjoni legali. Barra dan, isibuha diffiċli li jkunu jafu d-drittijiet tagħhom kulfejn jivvjaġġaw fl-Ewropa u għalhekk biex jinsistu dwarhom. F’dak li għandhom x’jaqsmu l-linji ta’ l-ajru, mingħajr armonizzazzjoni huma jkollhom jaħdmu taħt varjetà ta’ regoli differenti, u għalhekk jiffaċċjaw spejjeż ogħla u proċeduri skomdi. Għalhekk regoli nazzjonali, anke jekk nassumu li jifilħu livell għoli ta’ protezzjoni, ma jilħqux oġġettivi essenzjali tal-Komunità u jistgħu wkoll jiskoraġġixxu l-ksib tagħhom.

26. Il-Komunità ilha li rrikonoxxiet il-bżonn ta’ regoli armonizzati dwar il-protezzjoni tal-passiġġieri ta’ l-ajru. Hi adottat leġiżlazzjoni fuq il-kumpens għall-imbark miċħud[16], fuq l-obbligazzjonijiet tal-kumpaniji ta’ l-ajru[17] u l-iktar riċenti, fuq il-kumpens u l-assistenza fil-każ ta’ imbark miċħud u tħassir u dewmien fit-tul ta’ titjiriet[18]. Barra dan, il-Komunità adottat leġiżlazzjoni fuq vjaġġar organizzat, li frekwentament ikun jinkludi t-trasport bl-ajru[19]. Għalhekk ir-regolament propost ikun l-aħħar wieħed f’serje. Il-Komunità m’għandha l-ebda mezz ieħor ħlief il-leġiżlazzjoni biex toħloq drittijiet għall-passiġġieri ta’ l-ajru.

27. Il-passiġġieri, l-ajruport u l-linji ta’ l-ajru kollha jistgħu jibbenifikaw minn regoli preċiżi u kompleti. It-trasport bl-ajru huwa industrija estremament internazzjonalizzata, għalhekk id-differenza bejn ir-regoli nazzjonali jistgħu jikkawżaw diffikultajiet serji. Barra dan, deċiżjonijiet li jinvolvu d-drittijiet tal-passiġġieri ta’ sikwit ittieħdu malajr u immedjatament, li jżid mal-valur tar-regoli eżatti fil-livell tal-Komunità. Konsegwentament, regolament huwa għodda aħjar minn direttiva, kif instab f’miżuri oħra biex jipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri ta’ l-ajru.

28. Il-Kummissjoni illimitat il-proposta tagħha għall-oqsma fejn huma neċessarji regoli preċiżi tal-Komunità, u dawn huma tabilħaqq mixtieqa mill-partijiet interessati. Ir-regolament jelenka l-assistenza li għandha tingħata fl-ajruporti u fuq l-inġenju ta’ l-ajru, imma ma jiddefinixxihiex fid-dettal u lanqas jispeċifika kif din għandha tingħata; lanqas ma jkopri suġġetti oħra bħal faċilitajiet fuq l-inġenju ta’ l-ajru. Għalkemm taċċetta li armonizzazzjoni aktar dettaljata ħa jieħdu ġid minnha kemm il-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa kif ukoll l-kumpaniji ta’ l-ajru, il-Kummissjoni tikkunsidra li meta tagħmel dan permezz ta’ rakkmandazzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment, tippreserva l-flessibilità u tippermetti adattament għal ċirkustanzi speċifiċi.

29. Għalhekk il-Kummisjoni appoġġjat ix-xogħol tal-Konferenza Ewropea ta’ l-Avjazzjoni Ċivili fuq it-tħaffif tat-trasport ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha jipprovdu gwida komprensiva għall-assistenza ta’ nies b’mobilità mnaqqsa, li tkopri informazzjoni għalihom u għal min jaħdem mal-linja ta’ l-ajru u fl-ajruport, faċilitajiet ta’ komunikazzjoni, taħriġ ta’ l-impjegati, aċċessibilità ta’ l-ajruporti, arranġamenti għall-imbark u l-iżbark, assistenza fuq l-ajruplan u tagħmir fl-ivjaġġar fuq l-inġenju ta’ l-ajru u fi grupp. Il-kodiċi ta’ imġiba tajba tagħha adottata reċentament fil- ground handling għall-persuni b’mobilità mnaqqsa tistabbilixxi aktar prinċipji u standards.

30. Il-proposta tal-Kummissjoni tevita suġġetti bħal dawn, li jkun aħjar li jitħallew għal rakkmandazzjonijiet, u hija llimitata għal oqsma fejn il-bżonn ta’ azzjoni tal-Komunità hija ċara u aċċettata b’mod estensiv. Għalhekk hija proporzjonali ma’ l-għan meħtieġ u adattata għaċ-ċirkustanzi li fihom hija segwita.

5. IL-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT SOĊJALI U EKONOMIKU

L-impatt soċjali

31. Persuni b’mobilità mnaqqsa ma jinkludux biss persuni b’diżabilità, li huma stmati li huma madwar 45 miljun ruħ fil-Komunità jew 10% tal-popolazzjoni, imma wkoll oħrajn li ma jistgħux jużaw it-trasport bl-ajru mingħajr assistenza. Dawn ġeneralment huma anzjani li ma jistgħux jimxu għal distanzi twal madwar ajruporti kbar u moderni, għalkemm huma mobbli għall-għanijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Huwa stmat limill-passiġġieri li jimbarkaw u jiżbarkaw f’ajruporti fl-Istati Membri, madwar 1% ta’ dawk fuq titjiriet skedati [20] u 1.6% ta’ dawk fuq servizzi ta’ divertiment jingħataw l-għajnuna[21], madwar seba’ miljun każ ta’ għajnuna mogħtija kull sena. Fl-aħħar mill-aħħar, il-popolazzjoni li qed tixjieħ se żżid kemm in-numru ta’ persuni b’diżabilità – il-prevalenza ta’ diżabilità hija kemm-il darba ikbar fost l-anzjani milli fost il-popolazzjoni b’mod ġenerali – u ta’ persuni li mhumiex biżżejjed mobbli biex jużaw l-ivvjaġġar bl-ajru mingħajr għajnuna.

32. Il-proposta għandha tmexxi `l quddiem bil-kbir il-ksib ta’ għan soċjali importanti, li persuni b’mobilità mnaqqsa jgawdu opportunitajiet li jistgħu jitqabblu għat-trasport bl-ajru, minkejja ż-żjieda fin-numru tagħhom u l-pressjonijiet ta’ kompettitività fuq il-linji ta’ l-ajru. Mingħajr opportunitajiet bħal dawn, huma mhux biss jitilfu l-benefiċċji diretti ta’ l-ivvjaġġar bl-ajru imma wkoll dik indiretta ta’ inklużjoni aktar sħiħa fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-komunità. Per eżempju huma ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw għal xogħol, biex iżuru lill-familja u l-ħbieb u jmorru vaganza bħal ċittadini oħra. Għalhekk huma għandhom jirċievu, assistenza mingħajr ħlas fl-ajruporti u fuq l-inġenju ta’ l-ajru biex ikunu ssodisfatti l-bżonnijiet partikulari tagħhom.

33. Ir-regolament jiggarantixxi assistenza mhux biss biex imorru mill-bank ta’ reġistrazzjoni f’ajruport għall-inġenju ta’ l-ajru u mill-inġenju ta’ l-ajru għas-sala tal-bagalji, kif is-soltu hija l-prattika fil-preżent, imma wkoll minn post magħżul tal-wasla fl-ajruport għall-inġenju ta’ l-ajru u mill-inġenju ta’ l-ajru għall-post magħżul tat-tluq mill-ajruport. Il-fatt li tingħata r-responsabbilità lill-korp wieħed f’kull ajruport toħloq il-kondizzjonijiet għal servizz sħiħ, mingħajr interruzzjonijiet u dewmien, anke meta passiġġier ibiddel bejn kumpanija ta’ l-ajru u oħra u jkun ittrasferit bejn terminal u ieħor.

34. Il-korp tat-tmexxija għandu responsabbilitajiet wiesa’ għas-servizzi fl-ajruport u għalhekk qiegħed f’qagħda aħjar biex jaħdem f’dan ir-rwol milli huma l-linji individwali ta’ l-ajru, u kien dan li wassal għall-proposta tal-Kummissjoni. Minkejja diskussjonijiet twal, il-linji ta’ l-ajru u l-ajruporti ma rnexxilhomx jaqblu fuq min għandu jkun responsabbli u ma tantx jidher li hemm ċans li jagħmlu dan fil-futur. Konsegwentament jekk l- istatus quo jkompli sejjer, il-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa jirċievu servizz li la hu komplet u lanqas sħiħ.

L-impatt ekonomiku

35. Passiġġieri b’mobilità mnaqqsa għandhom ikunu ggarantiti assistenza ta’ livell għoli fl-ajruporti kollha, mingħajr ħlas. Huma għandhom ikunu assigurati wkoll li dan għandu jkompli fil-futur minkejja l-ispejjeż li qed jikbru u l-pressjoni fuq il-linji ta’ l-ajru biex inaqqsu l-ispejjeż sabiex jibqgħu kompetittivi. L-ispiża ta’ l-assistenza f’ajruport għall-passiġġieri bis-siġġijiet tar-roti kienet stmata li hija € 24[22] jew € 30[23], mat-tluq u l-istess mal-wasla li tirrapreżenta spiża modesta jekk l-ispiża ġenerali għall-persuni b’mobilità mnaqqsa tkun maqsuma fost il-passiġġieri kollha fl-Ewropa (madwar 590 miljun passiġġier fl-2003). Fil-preżent, il-linji ta’ l-ajru s-soltu jipprovdu dan b’xejn, biex b’hekk ir-regolament ma jimponix sett ta’ spejjeż ġodda fuq is-settur. Wieħed għandu jqis li, minn-naħa l-waħda, mhux il-passiġġieri kollha b’mobilità mnaqqsa għandhom bżonn din l-assistenza kollha u, minn-naħa l-oħra, ir-regolament għandu bżonn żjieda fil-firxa ta’ servizzi disponibbli.

36. Fil-preżent, l-assistenza lill-persuni b’mobilità mnaqqsa taffettwa l-profitti tal-linji ta’ l-ajru, partikularment meta dawn jivvjaġġaw b’biljetti li jiswew inqas. Bil-pressjoni ta’ kompetittività biex inaqqsu l-ispejjeż u, fl-aħħar mill-aħħar, biż-żjieda fin-numri ta’ passiġġieri b’mobilità mnaqqsa kkawżata mill-popolazzjoni li qed tixjieħ, hemm dubju jekk il-linji ta’ l-ajru jistgħux ikomplu bil-livelli preżenti ta’ assistenza fl-ajruporti. Il-mistoqsija kruċjali, f’dan il-każ, hi dwar kif għandhom jitqassmu l-ispejjeż fost il-protagonisti differenti, biex titnaqqas l-inċentiva ekonomika biex jitnaqqsu n-numru ta’ nies b’mobilità mnaqqsa li jiġu ttrasportati.

37. Iż-żamma ta’ l- istatus quo ma twassal imkien. Taħtha, kull linja ta’ l-ajru tipprovdi assistenza limitata għall-passiġġieri tagħha stess, is-soltu mingħajr ħlas. Linja ta’ l-ajru jkollha inċentiv ekonomiku biex tnaqqas in-numru ta’ passiġġieri b’mobilità mnaqqsa li ġġorr u ħafna drabi tkun tista’ tagħmel dan mingħajr ma tikser il-projbizzjoni li tirrifjuta li ġġorr. Fil-preżent il-kumpaniji ta’ l-ajru kollha jaċċettaw ir-responsabilità biex jittrasportaw u jassistu nies b’mobilità mnaqqsa, u jidħlu fi spiża konsiderevoli biex jagħmlu dan. Madankollu, jekk wieħed kellu jbiddel il-politika, pressjoni kompettitiva tobbliga oħrajn biex jew jagħmlu bħalhom jew inkella jitolbu ħlas għall-assistenza. It-tnejn li huma ma jkunux aċċettabbli.

38. Is-soluzzjoni proposta tevita dawn il-problemi peress li l-ħlas mitlub mingħand kull linja ta’ l-ajru jkun proporzjonali mal-kwantità totali ta’ passiġġieri li hi tkun imbarkat u żbarkat f’ajruport. Il-ħlas ikun indipendenti min-numru ta’ passiġġieri b’mobilità mnaqqsa li hi ġġorr, ħalli l-linja ta’ l-ajru jkollha ftit inċentivi ekonomiċi biex tnaqqas in-numru tagħhom. Il-proposta timponi spiża addizzjonali waħda fuq is-settur, dik ta’ assistenza estiża meta n-nies ikollhom bżonnha. L-effett prinċipali ekonomiku tagħha jkun li jinbidel l-mod kif kienet organizzata u ffinanzjata l-assistenza fl-ajruport. Ir-responsabilità tkun ittrasferita mill-kumpaniji ta’ l-ajru għall-korpi ta’ tmexxija ta’ l-ajruport. Madankollu, il-korpi ta’ tmexxija ma jġorrux l-ispiża huma stess imma pjuttost jitolbu ħlas lil-linji ta’ l-ajru li jużaw l-ajruporti tagħhom. Il-linji ta’ l-ajru jgħaddu l-ħlas mitlub fuq il-passiġġieri tagħhom kollha, ħalli tkun imqassma fost numru kbir ta’ ċittadini. U persuna b’mobilità mnaqqsa ma titqiesx bħala spiża żejda imma tkun milqugħa bħala passiġġier, fl-istadji kollha minn meta tibbukkja biljett sa ma tasal fid-destinazzjoni.

6. KUMMENTI ARTIKOLU B’ARTIKOLU

Artikolu 1 jiddikjara l-għan u l-iskop bażiku tar-regolament.

L-Artikolu 2 jfisser it-termini wżati fir-regolament.

L-Artikolu 3 jipprojbixxi lill-kumpaniji ta’ l-ajru u lill-operaturi turistiċi milli jirrifjutaw li jġorru persuni b’mobilità mnaqqsa għal raġunijiet marbuta mal-mobilità mnaqqsa. Dan hu mingħajr preġudizzju għal ċerti eċċezzjonijiet u derogi partikolarment għal raġunijiet ta’ sigurtà ġġustifikati stabbiliti mill-liġi, kif previsti fl-Artikolu 4.

L-Artikolu 5 jagħti d-dritt lill-persuni b’mobilità mnaqqsa għal pakkett ta’ assistenza fl-ajruporti speċifikati fl-Anness I, mat-tluq, mal-wasla u waqt il-ġarr; fih ukoll dispożizzjonijiet dwar notifika minn qabel tal-bżonn għal din l-assistenza.

L-Artikolu 6 jagħmel lill-korpi ta’ tmexxija ta’ l-ajruporti responsabbli biex jipprovdu l-assistenza msemmija fl-Artikolu 5 mingħajr ħlas għall-persuni b’mobilità mnaqqsa, u jippermetti li huma jitolbu ħlas mingħand il-kumpaniji ta’ l-ajru biex jiffinanzjawha.

L-Artikolu 7, jitlob lill-korp tat-tmexxija ta’ ajruport, wara konsultazzjoni xierqa, jagħmel standards ta’ kwalità għall-assistenza.

L-Artikolu 8 jitlob li l-kumpaniji ta’ l-ajru jipprovdu assistenza fuq l-inġenju ta’ l-ajru kif speċifikat fl-Anness II, mingħajr ħlas lill-persuni b’mobilità mnaqqsa.

L-Artikolu 9 jitlob li l-kumpaniji ta’ l-ajru u l-operaturi turistiċi jagħmlu ċerti arranġamenti li jikkonċernaw notifika minn qabel tal-bżonn għal assistenza.

L-Artikolu 10 jipprojbixxi l-limitazzjoni jew ir-rinunzja ta’ obbligazzjonijiet maħluqa mir-regolament.

L-Artikolu 11 jitlob lill-Istati Membri biex jaħtru korpi responsabbli għall-infurzar tar-regolament u biex jieħdu ħsieb l-ilmenti.

L-Artikolu 12 jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet għall-ksur tar-regolament.

L-Artikolu 13 jitlob lill-Kummissjoni tirraporta fuq l-operazzjoni u r-riżultati tar-regolament.

L-Artikolu 14 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament.

2005/0007 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar id-drittijiet ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

(test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[24],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[25],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[26],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 251 tat-Trattat[27],

Billi:

(1) Is-suq komuni għas-servizzi ta’ l-ajru għandhom igawdu minnu ċ-ċittadini b’mod ġenerali. Konsegwentament persuni li għandhom l-iżvantaġġ ta’ mobilità mnaqqsa, hiex ikkawżata minn diżabilità, età jew fattur ieħor, għandhom ikollhom opportunitajiet għall-ivvjaġġar bl-ajru li jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ ċittadini oħra;

(2) Persuni b’mobilità mnaqqsa għalhekk għandhom ikunu aċċettati biex jinġarru u ma jkunux irrifjutati t-trasport għar-raġuni tan-nuqqas ta’ mobilità tagħhom, ħlief għal raġunijiet ġustifikati ta’ sigurtà stabbiliti b’liġi.

(3) Dan ir-regolament m’għandux jaffettwa d-drittijiet l-oħra tal-passiġġieri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità u b’mod partikulari mid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE fuq vjaġġar organizzat, vaganzi organizzati u tours organizzati[28] u mir-Regolament (KE) Nru. 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli komuni dwar kumpens u assistenza lill-passiġġieri ta’ l-ajru fil-każ ta’ imbark miċħud u ta’ tħassir jew dewmien fit-tul ta’ titjiriet[29].

(4) Sabiex jingħataw opportunitajiet lill-persuni b’mobilità mnaqqsa għall-ivjaġġar bl-ajru li jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ ċittadini oħra, l-assistenza biex ikunu sodisfatti l-bżonnijiet partikulari fl-ajruporti u fuq l-inġenju ta’ l-ajru għandhom ikunu pprovduti u, fl-interessi ta’ l-inklużjoni soċjali, il-persuni kkonċernati għandhom jirċievu din l-assistenza mingħajr ħlas.

(5) L-assistenza li tingħata f’ajruporti li qegħdin fit-territorju ta’ xi Stat Membru li għalih japplika t-Trattat għandha, fost affarijiet oħra, tagħmilha possibbli għall-persuni b’mobilità mnaqqsa biex jipproċedu mill-post magħżul tal-wasla f’ajruport għall-inġenju ta’ l-ajru u mill-inġenju ta’ l-ajru għall-post magħżul tat-tluq mill-ajruport, li jinkludu imbarkar u żbarkar. Għandha tkun organizzata sabiex ikunu evitati interruzzjonijietu dewmien, filwaqt li jkunu assigurati standards għoljin u ekwivalenti madwar il-Komunità u jsir l-aħjar użu mir-riżorsi, ikun liema jkun l-ajruport involut jew il-kumpanija ta’ l-ajru involuta.

(6) Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, l-assistenza fl-ajruporti għandha tingħata minn korp iċċentralizzat. Peress li l-korpi ta’ tmexxija ta’ l-ajruporti għandhom rwol ċentrali biex jipprovdu servizzi madwar l-ajruporti tagħhom, għandhom jingħataw din ir-responsabbilità.

(7) L-assistenza għandha tkun iffinanzjata b’mod li tifrex il-piż ġustament fuq il-passiġġieri kollha li jużaw ajruport u li tevita nuqqas ta’ inċentivi għall-ġarr ta’ passiġġieri b’mobilità mnaqqsa. Ħlas mitlub mingħand kull linja ta’ l-ajru li tuża ajruport, proporzjonata man-numru ta’ passiġġieri li ġġorr lejn u mill-ajruporti jidher li huwa l-aktar metodu effettiv ta’ iffinanzjar.

(8) Biex jagħtu lill-persuni b’mobilità mnaqqsa opportunitajiet effettivi għall-ivvjaġġar bl-ajru, il-kumpaniji ta’ l-ajru għandhom ikunu mitluba jipprovdu ċerti forom ta’ assistenza fuq l-inġenju ta’ l-ajru.

(9) Minħabba li l-għanijiet ta’ l-azzjoni li trid tittieħed, biex ikunu assigurati livelli għoljin u ekwivalenti ta’ protezzjoni u assistenza madwar l-Istati Membri u biex ikun assigurat li aġenti ekonomiċi joperaw skond kondizzjonijiet armonizzati f’suq komuni, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk tista’, minħabba l-iskala jew l-effetti ta’ l-azzjoni, tkun milħuqa aħjar fil-livell ta’ Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif speċifikat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif speċifikat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-oġġettivi.

(10) L-Istati Membri għandhom jagħmlu sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur ta’ dan ir-regolament u jiggarantixxu li dawn is-sanzjonijiet ikunu applikati. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(11) L-Istati Membri għandhom jikkontrollaw u jiggarantixxu konformità ma’ dan ir-regolament u jaħtru korp adattat biex jagħmel ix-xogħlijiet ta’ infurzar. Dan il-kontroll m’għandux jaffettwa d-drittijiet ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa li jfittxu riparazzjoni legali mill-qrati skond il-liġi nazzjonali.

(12) Dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikulari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-għan u l-iskop

1. Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli għall-protezzjoni u l-assistenza ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa li jivvjaġġaw bl-ajru.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-persuni b’mobilità mnaqqsa li jivvjaġġaw bl-ajru u li jitilqu minn, jaslu fi jew jgħaddu minn ajruport li huwa fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.

3. Minkejja l-paragrafu 2, l-Artikolu 3, 4 u 8 għandhom japplikaw ukoll għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li qiegħed f’pajjiż terz għal ajruport li qiegħed fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika għalih it-Trattat, jekk it-titjira hija parti minn vjaġġ li beda fil-Komunità u jekk il-kumpanija ta’ l-ajru li qed topera hija kumpanija ta’ l-ajru tal-Komunità.

4. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE fuq vjaġġi organizzati, vaganzi organizzati u tours organizzati skond ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar kumpens u assistenza lill-passiġġieri ta’ l-ajru fil-każ ta’ imbark miċħud u ta’ tħassir jew dewmien fit-tul ta’ titjiriet.

Artikolu 2

Id-Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a) "persuna b’mobilità mnaqqsa" tfisser kull persuna li l-mobilità tagħha hija mnaqqsa minħabba inkapaċità fiżika (tas-sensi jew relatata mal-lokomozzjoni), indeboliment intelletwali, età, mard jew kull kawża oħra ta’ diżabilità meta jintuża t-trasport u li s-sitwazzjoni tagħha għandha bżonn attenzjoni speċjali u l-adattament għall-bżonnijiet tal- persuna tas-servizz ta’ li jkun disponibbli għall-passiġġieri kollha;

(b) "kumpanija ta’ l-ajru” tfisser intrapriża ta’ trasport bl-ajru b’liċenzja ta’ operat valida;

(c) "kumpanija ta’ l-ajru li topera” tfisser kumpanija ta’ l-ajru li tagħmel, jew bi ħsiebha tagħmel, titjira skond kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li jkollu kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

(d) “Kumpanija ta’ l-ajru tal-Komunità” tfisser kumpanija ta’ l-ajru b’liċenzja ta’ operat valida, mogħtija minn Stat Membru skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar l-għoti ta’ liċenzja lill-kumpaniji ta’ l-ajru;[30]

(e) "operatur turistiku” ifisser, bl-eċċezzjoni ta’ kumpanija ta’ l-ajru, organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut kif imfissra fil-punti 2 u 3 ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar vjaġġar organizzat, vaganzi organizzati u tûrs organizzati;

(f) "korp tat-tmexxija ta’ l-ajruport” tfisser korp li b’mod partikulari għandu bħala l-oġġettiv tiegħu skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali l-amministrazzjoni u t-tmexxija ta’ l-infrastrutturi ta’ l-ajruport, u l-koordinament u l-kontroll ta’ l-attivitajiet ta’ l-operaturi differenti preżenti fl-ajruport jew is-sistema ta’ l-ajruport ikkonċernata;

(g) "utent ta’ l-ajruport” ifisser kull persuna normali jew legali responsabbli għall-ġarr ta’ passiġġieri bl-ajru mill-ajruport jew lejn l-ajruport ikkonċernat;

(h) "Kumitat ta’ l-Utenti ta' ta’ l-Ajruport” tfisser kumitat ta’ rappreżentanti ta’ l-utenti ta’ l-ajruport jew l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentawhom;

(i) “post irriservat fuq l-ajruplan” tfisser il-fatt li passiġġier għandu biljett, jew prova oħra, li tindika li l-post irriservat kien aċċettat u rreġistrat mill-kumpanija ta’ l-ajru jew l-operatur turistiku.

Artikolu 3

Il-prevenzjoni ta’ rifjut tal-ġarr

1. Kumpanija ta’ l-ajru jew aġent tagħha jew operatur turistiku m’għandhomx jirrifjutaw, għar-raġuni ta’ mobilità mnaqqsa, li jaċċettaw li jirriservaw post fuq titjira li titlaq minn ajruport li għalih japplika dan ir-regolament.

2. Kumpanija ta’ l-ajru jew l-aġent tagħha jew operatur turistiku m’għandhomx jirrifjutaw li jħallu l-imbark ta’ persuna b’mobilità mnaqqsa li se titlaq minn ajruport li r-regolament japplika għalih:

a) meta din il-persuna għandha post irriservat fuq it-titjira kkonċernata u tippreżenta lilha nfisha għar-reġistrazzjoni:

fil-ħin stipulat minn qabel u bil-miktub (inkluż b’mezzi elettroniċi) mill-kumpanija ta’ l-ajru, l-operatur turistiku jew l-aġent ta’ l-ivvjaġġar awtorizzat, jew

jekk l-ebda ħin ma jkun stipulat, mhux iktar tard minn sittin minuta qabel il-ħin tat-tluq ppubblikat, jew

b) meta l-persuna tkun ittrasferita, tkun xi tkun ir-raġuni, minn kumpanija ta’ l-ajru jew operatur turistiku mit-titjira li għaliha hu jew hi għandu/ha post irriservat fuq titjira oħra.

Artikolu 4

Id-derogi, il-kondizzjonijiet speċjali u l-informazzjoni

1. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 kumpanija ta’ l-ajru jew aġent tagħha jew operatur turistiku jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw li jirriservaw post mingħand, jew li jimbarkaw persuna b’mobilità mnaqqsa, jew jitlobu li persuna b’mobilità mnaqqsa li tivvjaġġa għandha tkun akkompanjata minn persuna oħra, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ sigurtà stabbiliti mil-liġi jew jekk id-daqs ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jew l-assenza ġġustifikata ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-inġenju ta’ l-ajru timpedixxi l-ġarr ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa, inkluż l-imbarkar u l-iżbarkar tagħhom.

2. Meta kumpanija ta’ l-ajru, jew l-aġent tagħha jew operatur turistiku jutilizzaw id-derogi skond il-paragrafu 1, għandhom jinformaw bil-miktub lill-persuna b’mobilità mnaqqsa kkonċernata bir-raġunijiet tagħhom għaliex qed jagħmlu hekk, fi żmien ħames ġranet tax-xogħol minn meta l-ibbukkjar jew l-imbarkar kien irrifjutat jew kienet imposta l-kondizzjoni li dik il-persuna tkun akkumpanjata.

3. Kumpanija ta’ l-ajru jew l-aġent tagħha għandha tipprovdi immedjatament, meta tintalab tagħmel dan, ir-regoli ta’ sigurtà minnha applikati għall-ġarr ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa, kif ukoll kull restrizzjonit fuq il-ġarr tagħhom jew fuq dak ta’ tagħmir li jiffaċilita l-mobilità minħabba d-daqs ta’ l-ajruplan jew l-assenza ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-inġenju ta’ l-ajru. Operatur turistiku għandu jipprovdi immedjatament regoli ta’ sigurtà u restrizzjonijiet bħal dawn meta jintalab jagħmel dan, għal titjiriet inklużi fi vjaġġi organizzati, vaganzi organizzati u tours organizzati, li hu jorganizza, ibigħ jew joffri għall-bejgħ.

Artikolu 5

Dritt għall-assistenza fl-ajruporti

1. Mat-tluq ta’ persuna b’mobilità mnaqqsa minn ajruport li għalih japplika dan ir-Regolament, il-korp tat-tmexxija ta’ l-ajruport għandu jipprovdi l-assistenza speċifikata fl-Anness I, b’mod li l-persuna tkun tista’ taqbad it-titjira li fuqha hu jew hi għandu/ha post irriservat, bil-kondizzjoni li l-avviż tal-bżonnijiet partikulari tal-persuna għal din l-assistenza jsiru lill-kumpanija ta’ l-ajru jew lill-operatur turistiku kkonċernat minn ta’ l-inqas erba’ u għoxrin siegħa qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq tat-titjira.

2. Jekk ma jkun sar l-ebda avviż skond il-paragrafu 1, il-korp tat-tmexxija għandu jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex jipprovdi l-assistenza speċifikata fl-Anness I b’mod li l-persuna kkonċernata tkun titsa’ taqbad it-titjira li fuqha hu/hi għandu/ha post irriservat.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw bil-kondizzjoni li:

a) il-persuna tippreżenta lilha nfisha għar-reġistrazzjoni:

- fil-ħin stipulat minn qabel u bil-miktub (inkluż b’mezzi elettroniċi) mill-kumpanija ta’ l-ajru jew l-operatur turistiku, jew

- jekk l-ebda ħin ma jkun stipulat, mhux aktar tard minn siegħa qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq, jew

b) il-persuna tasal f’post fl-ajruport magħżul skond il-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 6:

- fil-ħin stipulat minn qabel u bil-miktub (inkluż b’mezzi elettroniċi) mill-kumpanija ta’ l-ajru jew mill-operatur turistiku, jew

- jekk l-ebda ħin ma jkun stipulat, mhux aktar tard minn sagħtejn qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq.

4. Meta persuna b’mobilità mnaqqsa tgħaddi minn post għall-ieħor fl-ajruport, jew tkun ittrasferita minn kumpanija ta’ l-ajru jew operatur turistiku mit-titjira li fuqha għandu/ha post irriservat għal titjira oħra, il-korp tat-tmexxija għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex jipprovdi l-assistenza speċifikata fl-Anness I, b’mod li l-persuna tkun tista’ taqbad it-titjira li fuqha hi jew hu għandu/ha post irriservat.

5. Mal-wasla bl-ajru ta’ persuna b’mobilità mnaqqsa f’ajruport li għalih japplika dan ir-Regolament, il-korp tat-tmexxija ta’ l-ajruport għandu jipprovdi l-assistenza speċifikata fl-Anness I, b’mod li tkun tista’ tmur fil-post tat-tluq tiegħu jew tagħha mill-ajruport kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 6.

Artikolu 6

Ir-responsabbilità għall-assistenza fl-ajruporti

1. Il-korp tat-tmexxija ta’ ajruport għandu jipprovdi l-assistenza speċifikata fl-Anness I mingħajr ħlas għall-persuni b’mobilità mnaqqsa. Il-korp tat-tmexxija jista’ jipprovdi l-assistenza hu nnifsu jew jidħol f’kuntratt ma’ partijiet oħra għall-forniment tagħha.

2. Il-korp tat-tmexxija ta’ ajruport li jipprovdi assistenza skond il-paragrafu 1 jista’ jiġbor ħlas mingħand il-kumpaniji ta’ l-ajru li jużaw l-ajruport għall-għan ta’ l-iffinanzjar ta’ din l-assistenza.

3. Il-ħlas imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun relatat ma’ l-ispiża, trasparenti u stabbilit wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ l-Utenti ta’ l-Ajruport ta’ dak l-ajruport, fejn jeżisti wieħed. Għandu jitqassam fost il-kumpaniji ta’ l-ajru li jużaw l-ajruport bi proporzjon tan-numru ta’ passiġġieri li kull waħda minnhom iġorr minn u lejn dak l-ajruport.

4. Wara konsultazzjoni ma’ l-utenti ta’ l-ajruport, permezz tal-Kumitat ta’ l-Utenti ta’ l-Ajruport, fejn jeżisti wieħed, u ma’ l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa, il-korp tat-tmexxija ta’ ajruport għandu jagħżel postijiet tal-wasla u tat-tluq fi ħdan u barra mill-bini tat-terminal, fejn persuni b’mobilità mnaqqsa jistgħu, b’faċilità, iħabbru l-wasla tagħhom fl-ajruport u jitolbu għall-assistenza. Huwa għandu jagħżel postijiet bħal dawn minn ta’ l-inqas fid-dħul tal-bini tat-terminals, fil-bankijiet ta’ reġistrazzjoni f’ajruport, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, tal-metro u tal-karozzi tal-linja, fil-venda tat-taksis u fil-parkeġġi tal-karozzi li huma l-eqreb tal-bini tat-terminal.

Artikolu 7

L-istandards ta’ kwalità għall-assistenza

1. Bl-eċċezzjoni ta’ ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom huma ta’ inqas minn żewġ miljun moviment ta’ passiġġieri, il-korp tat-tmexxija għandu jistabbilixxi standards ta’ kwalità għall-assistenza speċifikata fl-Anness I u jiddetermina ħtiġijiet ta’ riżorsi biex jissodisfahom, wara li jikkonsulta ma’ utent ta’ l-ajruport, permezz tal-Kumitat ta’ l-utenti ta’ l-ajruport, fejn jeżisti wieħed, u organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lill-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa. Fit-twaqqif ta’ standards bħal dawn, għandhom ikunu kkunsidrati l-politiki kollha rrikonoxxuti internazzjonalment u l-kodiċijiet ta’ kondotta li jikkonċernaw it-tħaffif ta’ trasport ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa. Il-korp tat-tmexxija ta’ ajruport għandu jippubblika l-istandards ta’ kwalità tiegħu.

2. Kumpanija ta’ l-ajru u korp tat-tmexxija ta’ ajruport jistgħu jaqblu li, għall-passiġġieri li kumpanija ta’ l-ajru ġġorr minn u lejn l-ajruport, il-korp tat-tmexxija għandu jipprovdi assistenza ta’ standard aktar għoli minn dawk stabbiliti fl-istandards msemmija fil-paragrafu 1 jew jipprovdu servizzi addizzjonali ma’ dawk speċifikati fl-Anness I. Għall-għan ta’ l-iffinanzjar ta’ kull waħda minn dawn, il-korp tat-tmexxija jista’ jiġbor ħlas mingħand il-kumpanija ta’ l-ajru li hu addizzjonali għal dak imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 6, li għandu jkun trasparenti, relatat ma’ l-ispiża u stabbilit wara konsultazzjoni mal-kumpanija ta’ l-ajru kkonċernata.

Artikolu 8

L-assistenza mill-kumpaniji ta’ l-ajru

Kumpanija ta’ l-ajru għandha tipprovdi l-assistenza speċifikata fl-Anness I mingħajr ħlas għal persuna b’mobilità mnaqqsa li titlaq minn jew tinġarr f’ajruport li japplika għalih dan ir-Regolament bil-kondizzjoni li l-persuna tissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmiija fil-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 5.

Artikolu 9

In-notifika tal-bżonn għall-assistenza

1. Kumpanija ta’ l-ajru jew operatur turistiku għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tilqa’, fil-postijiet kollha ta’ bejgħ fit-territorju ta’ Stat Membru li japplika għalih it-Trattat, inkluż il-bejgħ permezz tat-telefown u permezz ta’ l-Internet, in-notifiki ta’ bżonn għall-assistenza minn persuni b’mobilità mnaqqsa.

2. Meta kumpanija ta’ l-ajru jew operatur turistiku jirċievu notifika ta’ bżonn għall-assistenza, huma għandhom immedjatament jikkomunikaw in-notifika:

- lill-korpi ta’ tmexxija ta’ l-ajruporti tat-tluq, tal-wasla u tat-tranżitu, u

- lill-kumpanija ta’ l-ajru li qed topera t-titjira, jekk il-post irriservat ma kienx ibbukkjat ma’ dik il-kumpanija ta’ l-ajru.

3. Immedjatament wara t-tluq tat-titjira, kumpanija ta’ l-ajru li qed topera għandha tinforma lill-korp tat-tmexxija ta’ l-ajruport tad-destinazzjoni, jekk qiegħed f’territorju ta’ Stat Membru li japplika għalih it-Trattat, bin-numru ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa li jeħtieġu l-assistenza speċifikata fl-Anness I u n-natura ta’ dik l-assistenza.

Artikolu 10

Il-projbizzjoni tar-rinunzja

Obbligazzjonijiet lejn persuni b’mobilità mnaqqsa skond dan ir-regolament m’għandhomx ikunu llimitati jew irrinunzjati.

Artikolu 11

Il-ksur tar-regolament

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar korp responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam ma’ titjiriet minn, jew li jaslu fl-ajruporti, li qegħdin fit-territorju tiegħu. Fejn hu xieraq, dan il-korp għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiggarantixxi li d-drittijiet ta’ persuni b’mobiltà mnaqqsa jkunu rrispettati, inkluża l-konformità ma’ l-istandards ta’ kwalità mnsemmija fl-Artikolu 7, fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-korp li ġie maħtur.

2. L-ilmenti għandhom isiru lil kwalunkwe korp maħtur skond il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp kompetenti ieħor maħtur minn xi Stat Membru, fuq allegat ksur ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinfurmaw lin-nies b’mobilità mnaqqsa bid-drittijiet tagħhom skond dan ir-regolament u bil-possibilità li jressqu lment lil dan il-korp maħtur.

Artikolu 12

Il-pieni

L-Istat Membru għandu jagħmel ir-regoli dwar il-pieni li japplikaw għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiggarantixxi li huma jkunu implimentati. Il-pieni maħsuba għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet sad-data tad-dħul fis-seħħ, l-aktar tard, u għandhom javżawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.

Artikolu 13

Ir-rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2010, dwar l-operat u r-riżultati ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkompanjat, fejn hu neċessarju, bi proposti leġislattivi li jimplimentaw b’aktar dettal id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew li jirreveduh.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fil- --[31].

Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

Assistenza mill-korpi ta’ tmexxija ta’ l-ajruporti

Assistenza u arranġamenti neċessarji biex jagħmluha possibbli għall-persuni b’mobilità mnaqqsa biex:

- jikkomunikaw il-wasla tagħhom f’ajruport u t-talba tagħhom għall-assistenza f’postijiet magħżula ġewwa jew barra l-bini tat-terminal imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ l-Artikolu 5;

- jiċċaqalqu minn post magħżul sal-bank ta’ reġistrazzjoni f’ajruport;

- jirreġistraw lilhom nfushom u l-bagalji tagħhom;

- jipproċedu mill-bank ta’ reġistrazzjoni f’ajruport għall-inġenju ta’ l-ajru, bit-twettiq tal-proċeduri ta’ immigrazzjoni, dwana u sigurtà;

- jitilgħu fuq l-ajruplan permezz ta’ lifts, siġġijiet tar-roti jew assistenza oħra li jkun hemm bżonn;

- jipproċedu mill-bieb ta’ l-ajruplan għall-postijiet tagħhom;

- iqiegħdu u jerġgħu jieħdu lura l-bagalji fuq l-inġenju ta’ l-ajru;

- jipproċedu mill-postijiet tagħhom għall-bieb ta’ l-inġenju ta’ l-ajru;

- jiżbarkaw mill-inġenju ta’ l-ajru, permezz ta’ lifts, siġġijiet tar-roti u assistenza oħra li jkun hemm bżonn;

- jipproċedu mill-inġenju ta’ l-ajru għas-sala tal-bagalji u jerġgħu jieħdu lura l-bagalji, bit-twettiq tal- proċeduri ta’ immigrazzjoni u dwana;

- jipproċedu mis-sala tal-bagalji għall-post magħżul;

- jaslu sat-titjiriet ta’ koinċidenza meta jkunu sejrin minn post għall-ieħor, bl-assistenza min-naħat ta’ l-ajru u ta’ l-art, fi ħdan u bejn it-terminals, kif ikun hemm bżonn.

Ground handling ta’ tagħmir li jiffaċilita l-mobilità, li jinkludu siġġijiet tar-roti li jaħdmu bl-elettriku (soġġetti għal twissija minn qabel ta’ erba’ u għoxrin siegħa u għal-limitazzjonijiet probabbli ta’ spazju fuq l-inġenju ta’ l-ajru).

Bdil temporanju ta’ tagħmir li jiffaċilita l-mobilità li jkun ġralu xi ħsara jew li jkun intilef.

Ground handling ta’ klieb ta’ servizz iċċertifikat, meta jkun relevanti.

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni li jkun hemm bżonnha biex wieħed jaqbad titjira f’suriet aċċessibbli.

ANNESS II

Assistenza mill-kumpaniji ta’ l-ajru

Ġarr fil-kabina ta’ klieb ta’ servizz iċċertifikati , soġġett għar-regolamenti nazzjonali u għal titjiriet li d-dewmien skedat tagħhom huwa inqas minn ħames sigħat.

Trasport ta’ biċċa waħda ta’ tagħmir li jiffaċilita l-mobilità għal kull passiġġier b’mobilità mnaqqsa, li jinkludu siġġijiet tar-roti li jaħdmu bl-elettriku (soġġetti għal twissija minn qabel ta’ erba’ u għoxrin siegħa u għal limitazzjonijiet probbabli ta’ spazju fuq l-inġenju ta’ l-ajru).

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna titjira f’suriet aċċessibbli.

Arranġament ta’ postijiet biex ikunu ssodisfati l-bżonnijiet ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa individwali meta dan jintalab u soġġett għall-ħtiġijiet ta’ sigurtà.

[1] Protezzjoni tal-passiġġieri ta’ l-ajru fl-Unjoni Ewropea - KUMM(2000) 365, 21.6.2000.

[2] Politika Ewropea għat-trasport għall-2010: iż-żmien li niddeċiedu - KUMM(2001) 370, 12.9.2001.

[3] Il-kuntratti tal-linji ta’ l-ajru mal-passiġġieri. Dokument ta’ konsultazzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport, 21.6.2002. Id-dokument ta’ konsultazzjoni, ir-risposti u s-sommarju dettaljat dwar ir-reazzjonijiet jista’ jinksieb mill-Internet:http://europa.eu.int/comm/trasport/air/rights/consult_contract_en.htm.

[4] Id-Direttiva 2001/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Novembru 2001 li għandha x’taqsam mad-dispożizzjoni speċjali għall-vetturi wżati li jkun fihom iktar minn tminn postijiet i li jintużaw għall-ġarr tal-passiġġieri (ĠU L 42, 13.2.2002); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/735/KE, Speċifikazzjonijiet Tekniċi fuq l-Interoperabilità (TSI) li għandhom x’jaqsmu mas-sistema sekondarja tal-vaguni tal-ferrovija meħudin ilkoll flimkien tas-sistema tal-ferroviji ta’ veloċità għolja trans-Ewropea msemmija fl-Artikolu 6 (1) tad-Direttiva 96/48/KE (ĠU L 275, 11.10.2002); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/732/KE tat-30 ta’ Mejju 2002 li tikkonċerna l-ispeċifikazzjoni teknika ta’ l-interoperabilità tas-sistema sekondarja ta’ l-infrastruttura tas-sistema tal-ferroviji b’veloċità għolja trans-Ewropea msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 96/48/KE (ĠU L 245, 12.9.2002).

[5] Id-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 fuq l-interoperabilità tas-sistema konvenzjonali tal-ferrovija trans-Ewropea - ĠU L 110, 20.4.2001

[6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Lejn żona ta’ linja tal-ferroviji Ewropea integrata - KUMM(2002) 18, 23.1.2002.

[7] Proposta għar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji internazzjonali - KUMM(2004) 143, 3.3.2004.

[8] Id-Direttiva 2003/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/18/KE fuq regoli ta’ sigurtà u standards fuq vapuri tal-passiġġieri - ĠU L 123, 17.5.2003.

[9] ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

[10] Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u oriġini etnika jew razzjali hija ttrattata taħt direttivi oħra.

[11] Impenn ta’ Servizz tal-Linji ta’ l-Ajru tal-Passiġġieri u Impenn Volontarju ta’ l-Ajruporti fuq is-Servizz tal-Passiġġieri, djalogu ppreżentat tal-Konferenza Ewropea ta’ l-Avjazzjoni Ċivili/l-Unjoni Ewropea, Liżbona, 10 ta’ Mejju 2001.

[12] Konferenza Ewropea ta’ l-Avjazzjoni Ċivili: Dokument 30, Parti 1 Tħaffif, b’Kodiċi ta’ imġiba tajba fil- ground-handling għall-persuni b’mobilità mnaqqsa, mehmuż miegħu.

[13] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-ksib ta’ proċeduri ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet - ĠU L 199, 9.8.1993

[14] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 t’Ottubru 1996 fuq l-aċċess għas-suq tal- ground-handling fl-ajruporti tal-Komunità - ĠU L 272, 25.10.1996.

[15] Ir-Regolament (KE) Nru. 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi r-regoli komuni fuq il-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ imbark miċħud u ta’ taħsir jew dewmien fit-tul ta’ titjiriet, u r-Regolament irrevokat (KEE) Nru. 295/91 - ĠU L 46, 17.2.2004.

[16] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 295/91 ta’ l-4 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għall-imbark miċħud fit-trasport ta’ l-ajru skedat - ĠU L 36, 8.2.1991.

[17] Ir-Regolament (KE) Nru. 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2027/97 fuq ir-responsabbilità ta’ kumpanija ta’ l-ajru fil-każ ta’ inċidenti - ĠU L 140, 30.5.2002.

[18] Ir-Regolament (KE) Nru. 261/2004.

[19] Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 fuq vjaġġi organizzati, vaganzi organizzati u tours organizzati - ĠU L 158, 23.6.1990.

[20] Sors: Assoċjazzjoni tal-Linji ta’ l-Ajru Ewropej li tirrapreżenta l-operaturi ta’ servizzi skedati, barra minn linji ta’ l-ajru reġjonali.

[21] Sors: Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kumpaniji ta’ l-Ajru li tirrapreżenta l-operaturi ta’ servizzi ta’ divertiment.

[22] Sors : Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kumpaniji ta’ l-Ajru.

[23] Sors: Assoċjazzjoni tal-Linji ta’ l-Ajru Ewropej.

[24] ĠU C XX, XX, pġ. XX

[25] ĠU C XX, XX, pġ. XX

[26] ĠU C XX, XX, pġ. XX

[27] ĠU C XX, XX, pġ. XX

[28] ĠU L 158, 23.6.1990, pġ. 59

[29] ĠU L 46, 17.2.2004, pġ. 1.

[30] ĠU L 240, 24.8.1992, pġ. 1.

[31] Sena wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.