52005DC0594

Rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar attivitajiet ta’ antidumping, ta’ kontra s-sussisdji u ta’ salvagwardja ta' pajjiżi terzi kontra l-Komunitá {SEG(2005) 1519} /* KUMM/2005/0594 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.11.2005

KUMM(2005) 594 finali

RAPPORT ANNWALI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

DWAR ATTIVITAJIET TA’ ANTIDUMPING, TA’ KONTRA S-SUSSISDJI U TA’ SALVAGWARDJA TA' PAJJIŻI TERZI KONTRA L-KOMUNITÁ{SEG(2005) 1519}

Daħla

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jagħti perspettiva ġenerali tal-miżuri tad-difiża tal-kummerċ ta’ pajjiżi terzi, jiġifieri l- antidumping (‘AD’), il-miżuri ta' kontro-bilanċ (- ' CVD ') u l-każijiet ta’ salvagwardja, kontra l-Komunità fis-sena 2004. Ir-rapport huwa maqsum f’żewġ taqsimiet, l-ewwel waħda tiġbor fil-qosor it-tendenzi ewlenin tas-sena, filwaqt li t-tieni taqsima, f’forma ta’ anness, għandha x’taqsam ma’ pajjiżi speċifiċi jew gruppi ta’ pajjiżi, li b’mod partikolari jiffokaw fuq l-aktar każijiet importanti.

PARTI I : TENDENZI ĠENERALI

Is-sena 2004 kkonfermat iż-żieda fit-tendenza fl-għadd ta’ miżuri tad-difiża tal-kummerċ immirati lejn l-esportaturi tal-Komunità. In-numru ta’ miżuri fis-seħħ kontra l-Komunità żdiedet minn 192 sa l-aħħar ta’ l-2003 għal 199 fl-2004. Fil-fatt, it-tnaqqis ta’ tariffi u ostakli kummerċjali oħra jżid l-inċentiva f’pajjiżi individwali li jkollhom jirrikorru għal difiża kummerċjali. B’kuntrast, il-KE għadha waħda mill-utenti l-aktar dixxiplinati u moderati tad-TDI madwar id-dinja. Fil-prinċipju, aħna ma għandniex oġġezzjoni li pajjiżi terzi jieħdu azzjonijiet ta' difiża kummerċjali kontra l-KE, sakemm dawn isiru b'mod oġġettiv u korrett u konformi ma' regoli stabbiliti internazzjonalment. Sfortunatament, dan mhux dejjem ikun il-każ. Il-KE jkollha ta’ sikwiet tirrikorri għall-arbitraġġ tad-WTO dwar it-tilwim biex tiżgura li dawn il-pajjiżi jaderixxu mar-regoli internazzjonali tal-kummerċ.

Iż-żieda ta’ miżuri ta’ antidumping ta’ pajjiżi terzi kontra l-esportaturi tal-KE tidher diffiċli ħafna biex tiġġustifikaha ladarba f’bosta setturi industrijali s-suq tal-KE huwa miftuħ għal kompetizzjoni internazzjonali (dazji baxxi għall-importazzjoni). Il-produtturi tal-KE joperaw taħt kondizzjonijiet kompetittivi għolja fis-suq ta’ pajjiżhom, b’riżultat li l-kapaċità jew l-inċentiva tagħhom għall-esportazzjoni jonqsu b’mod sinifikanti taħt kondizzjonijiet ta’ dumping fi swieq terzi. Apparti dan, xi pajjiżi terzi jkomplu japplikaw miżuri ta’ salvagwardja fuq bażi regolari. Din hija ta’ tħassib partikolari għall-KE ladarba l-istrument ta’ salvagwardja huwa dirett lejn importazzjonijiet korretti u għal din ir-raġuni għandu jintuża eċċezzjonalment f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Il-KE, fil-kuntest ta’ l-Aġenda ta’ Doha dwar l-Iżvilupp, saħqet bil-qawwa favur l-applikazzjoni ta’ standards ogħla fl-istħarriġ dwar difiża ta' kummerċ.

Interessanti li wieħed jinnota li numru dejjem akbar ta’ pajjiżi terzi issa qegħdin eklussivament jiftħu kawżi ta’ antidumping kontra l-Komunità bħala entità waħda u mhux kontra Stati Membri individwali. Bħala effett ta’ dan, id-dazji ta' l- antidumping li jirriżultaw jolqtu l-esportaturi kollha tal-KE. Fil-prinċipju, il-proċedimenti kontra l-KE bħala entità waħda huma legali ladarba l-KE fiha nnifisha hija membru tad- WTO . Apparti dan, hemm għarfien dejjem akbar min-naħa tal-pajjiżi terzi li l-KE hija suq integrat. Il-benefiċċju jew in-nuqqas tiegħu għall-esportaturi tal-KE ta' dawn iż-żewġ possibilitajiet mhuwiex ċar biżżejjed: kawża li nfetħet kontra l-KE bħala entità waħda tista’ tagħmilha aktar diffiċli biex jinstab li qed isir dumping u dannu (pereżempju l-prezz ogħla ta' esportazzjoni ta' Stat Membru jikkumpensa l-prezz aktar baxx ta' esportazzjoni ta’ Stat Membru ieħor). Minn dan isegwi li jekk timmira biss lejn l-esportazzjonijiet bi prezzijiet baxxi ta' Stat Membru wieħed tista' tiffaċilita s-sejba ta’ dannu. Wieħed għandu jiftakar ukoll li l-pożizzjoni tagħna tista’ tiġi influwenzata mill-fatt li aħna napplikaw il-miżuri tad-difiża tal-kummerċ tagħna fuq bażi Komunitarja sħiħa, għalhekk huwa diffiċli li tikkonfronta pajjiżi terzi li jsegwu l-istess prinċipju.

F’termini ta’ statistika, ir-ripatrijazzjoni tibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess bħal fis-snin ta’ qabel: l-Istati Uniti fl-2004 kellhom 27% tal-miżuri kontra l-KE, warajhom l-Indja (18%), il-Brażil (7%), il-Kanada (6%) u l-Afrika t’Isfel (5%).

PARTI II : ATTIVITAJIET

1. Pajjiżi

2. L-Istati Uniti

Meta mqabbla mas-sena ta’ qabel – iddominata mill-każ ta' salvagwardja ta' l-azzar - l-attività ta’ l-Istati Uniti f’dan il-qasam kienet relattivament kwieta fl-2004. L-Istati Uniti ma fetħux investigazzjonijiet ġodda kontra l-KE, imma wettqu numru ta’ reviżjonijiet ta’ qabel l-iskadenza ( sunset reviews ) ta’ każijiet eżistenti ta’ antidumping u ta’ kontro-bilanċ. Il-Kummissjoni ilha attiva partikolarment f' ħames reviżjonijiet ta’ qabel l-iskadenza ( sunset reviews ) rigward miżuri ta’ kontro-bilanċ, li f’każ minnhom wasslu għat-tneħħija tad-dazji stabbiliti.

L-attivitajiet ewlenin fl-2004 għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri soġġetti għal proċedimenti ta’ soluzzjoni ta’ tilwim u, partikolarment, il-ftuħ ta’ każ tad- WTO dwar “zeroing” u ta’ bord ta’ implimentazzjoni fil-“każ ta’ privatizzazzjoni”. Fil-“każ zeroing”, il-KE qed tikkuntesta l-metodu li jippermetti lill-awtoritajiet investigattivi ta’ l-Istati Uniti biex ma jqisux tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni mhux iddumpjata fil-kalkoli tagħhom (metodu magħruf bħala “zeroing”) b’riżultat li l-marġini ta’ dumping jikbru b’mod sinifikanti. Mingħajr din il-prassi, probabbli li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti mhux se jkunu kapaċi jsibu każijiet ta’ dumping u lanqas jimponu dazji f’għadd sinifikanti ta’ każijiet bħal dan. Il-prassi ta’ “zeroing” tolqot bosta mijiet ta’ miljuni ta’ Dollari Amerikani f’volum kummerċjali għall-esportaturi tal-KE. Il-proċedimenti tal-bord bdew f’Ottubru ta’ l-2004. Ir-rapport finali tal-bord huwa mistenni fl-aħħar ta’ Settembru 2005.

Avveniment ewlieni ieħor fl-2004 kien il-ħolqien ta’ bord ta’ implimentazzjoni fil-każ ta’ privatizzazzjoni. Minkejja t-titjib miġjub mill-Istati Uniti lill-metodoloġija ta’ privatizzazzjoni tagħha bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-bord tad- WTO fl-2002, xi aspetti tad-deċiżjoni ma ġewx implimentati, eż. ir-reviżjoni ta’ qabel l-iskadenza fejn l-Istati Uniti naqsu milli jimmodifikaw il-miżuri. Sfortunatament, għal din l-implimentazzjoni li dwarha kien hemm tilwima l-unika triq għall-KE hija li titlob għal bord ieħor kontra l-Istati Uniti. Dan il-bord kien stabbilit fis-27 ta’ Settembru 2004 u r-rapport finali huwa mistenni fl-14 ta’ Ġunju 2005.

L-Istati Uniti hija l-membru tad- WTO li l-miżuri tagħha huma l-aktar ikkonfrontati fis-sistema ta’ soluzzjoni ta’ tilwim. Dan jikxef ċerta inkompatibilità bejn il-prassi ta’ l-Istati Uniti dwar l-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ ( TDI ) u r-regoli tad- WTO . Dan il-kuntrast qed jinħass iżjed minħabba li l-Istati Uniti qed issibha bi tqila li timplimenta d-deċiżjonijiet tad- WTO (eż. l-att ta’ l- antidumping ta’ l-1916 u l-Emenda ta’ Byrd) Parti mill-ispjegazzjoni tinsab fil-fatt li l-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti qiegħda taħt pressjoni intensa mil- lobby domestiku u l-Kungress tagħha li jagħmilha diffiċli li turi li qiegħda tħaddan fil-miftuħ id-deċiżjonijiet tal-bord tad- WTO li jmorru kontra l-interessi ta’ l-industrija domestika ta’ l-Istati Uniti.

3. Ir-Russja, l-Ukraina u l-Belarus

Żvilupp konsiderevoli fl-2004 kienet iż-żieda sinifikanti fl-attività tad-difiża tal-kummerċ mir-Russja, l-Ukraina u l-Belarus. Fl-2004, il-Belarus fetħet erba' każijiet ta' salvagwardja dwar varjetà ta’ prodotti filwaqt li r-Russja u l-Ukraina kellhom 2 investigazzjonijiet kull wieħed. Barra dan, fl-2004 kemm ir-Russja u l-Ukraina fetħu għall-ewwel darba proċedimenti ta' antidumping kontra esportaturi tal-KE dwar l-azzar galvanizzat u screw compressors.

Problema ewlenija f’dawn il-proċedimenti kienet in-nuqqas ta’ trasparenza u l-għoti ta’ l-informazzjoni. Tħassib speċifiku ieħor, enfasizzat fir-rapport tas-snin li għaddew, f'dawn il-pajjiżi, komplew jużaw salvagwardji erga omnes biex jieħdu azzjoni għaż-żieda fl-importazzjonijiet miġjuba minn inizjattivi ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ reġjonali, i.e. fiż-żona CIS. Il-Kummissjoni ilha attiva ħafna f'dawn il-każijiet u involviet ruħha f'bosta diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet biex ittejjeb it-trasparenza tal-proċediment’.

Bħala riżultat taż-żieda ġenerali fl-esportazzjonijiet tal-KE lejn ir-Russja u l-Ukraina – li żdiedu minħabba t-tkabbir – dawn il-każijiet ħolqu inkwiet sinifikanti fost l-esportaturi tal-KE. Huma wrew it-tħassib tagħhom li dawn il-miżuri huma użati biex iġibu 'l quddiem l-industriji nazzjonali. L-Istati Membri tal-KE, b’mod partikolari l-Polonja u l-Istati tal-Baltiku, f'bosta okkażjonijiet qajmu l-kwistjoni rigward ir-rispett ta' regoli tal-kummerċ internazzjonali minn dawn il-pajjiżi, speċjalment wara d-dħul tagħhom fid- WTO.

4. Iċ-Ċina

Għalkemm ir-rapporti ta’ l-aħħar snin bassru żieda fl-għadd ta' miżuri ta' difiża tal-kummerċ meħuda miċ-Ċina kontra l-KE, is-sena 2004 ma kkonfermatx din it-tendenza. Iċ-Ċina għamlet użu relattivament żgħir mid-difiża tal-kummerċ kontra l-KE, u 7 prodotti tal-KE biss kienu suġġetti fl-2004 għal azzjonijiet. Madankollu, globalment iċ-Ċina qiegħda dejjem aktar tuża l-istrumenti ta' difiża tal-kummerċ, speċjalment fis-settur tal-kimika. Pereżempju, il-kumpaniji tal-KE li jesportaw għaċ-Ċina minn pajjiżi oħra ta’ l-Ażja huma ta’ spiss involuti fil-proċedimenti Ċiniżi ta’ antidumping . Ir-rata sinifikanti tat-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina ma kellhiex żieda korrispondenti fl-importazzjonijiet. Id-defiċit tal-kummerċ tal-KE għadu qiegħed jikber, parzjalment għaliex l-esportaturi tal-KE ġeneralment ikomplu jiffaċċjaw għadd sinifikanti ta’ ostakli biex jippenetraw is-suq Ċiniż.

5. L-Indja

L-Indja tibqa’ waħda mill-akbar utenti ta’ l-istrumenti ta’ difiża tal-kummerċ mad-dinja kollha, imma s-sena 2004 kienet xhieda ta' l-anqas numru ta' każijiet miftuħa kontra l-KE min-naħa ta' l-Indja f'għadd ta' snin. L-għadd ta’ investigazzjonijiet ġodda kienu biss tlieta fl-2004 meta mqabbla ma’ 7 ta’ l-2003. It-tilwima tad- WTO miġjuba mill-KE fl-aħħar ta’ l-2003 dwar 27 miżura ta’ antidumping imposti mill-Indja kontra l-esportaturi tal-KE probabbilment kellha impatt fuq il-prassi ġenerali ta’ antidumping ta’ l-Indja. B’mod parallel mal-proċess ta’ konsultazzjoni, l-Indja involviet ruħha f’għadd ta’ reviżjonijiet ta’ miżuri eżistenti ta’ antidumping kontra produtturi tal-KE. Xi wħud minn dawn il-miżuri bħala riżultat intemmu fl-ewwel xhur ta’ l-2005.

6. L-Amerka Latina

Tnaqqis baxx fl-attività ta’ difiża tal-kummerċ ġiet ossrvata fl-2004 meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. L-Arġentina, li normalment tirrapreżenta l-maġġoranza ta’ l-attività ta’ difiża tal-kummerċ diretta kontra l-KE, ma fetħet ebda negozjati ġodda fl-2004. Probabbli r-reċessjoni ekonomika li ġiet wara d-devlutazzjoni ta' l-2002 kellha effett ta' deterrent naturali fuq l-importazzjonijiet. Madankollu, l-Arġentina wettqet reviżjonijiet ta’ qabel l-iskadenza ta’ tliet miżuri ta' kontro-bilanċ kontra esportazzjonijiet tal-KE ta’ prodotti agrikoli pproċessati (glutina tal-qamħ, ħawħ tal-bott u żejt taż-żebbuġa) li fl-aħħar ta’ l-2004 wasslu għal estensjoni tal-miżuri minkejja oppożizzjoni qawwija min-naħa tal-KE. IL-KE qed issegwi t-tliet każijiet kollha fid- WTO fejn konsultazzjonijiet huma skedati għal Lulju 2005.

7. Oqsma

8. L-agrikoltura

F’termini ta’ oqsma milquta minn miżuri ta' difiża tal-kummerċ, għandha tissemma b’mod speċjali l-agrikoltura. Għad hemm numru għoli ta’ azzjonijiet CVD li għandhom fil-mira tagħhom l-esportazzjonijiet tal-KE ta’ prodotti agrikoli pproċessati, pereżempju, żejt taż-żebbuġa, frott u ħaxix ipproċessat, zokkor u derivattivi ta’ ċereali. Naturalment, il-KE ma tikkuntestax il-fatt li jeżistu sussidji fuq l-agrikoltura jew li dawn is-sussidji jistgħu jkunu suġġetti għal dazji ta’ kontrobilanċ. Madankollu, is-sempliċi eżistenza ta’ sussidji m’għandiex tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ dazji CVD mingħajr analiżi aktar fil-fond ta' jekk tabilħaqq is-sussidji msemmija kinux ta' benefiċċju għall-prodott esportat. F’ħafna mill-każijiet CVD mibdija fl-2004 (pereżempju: żejt taż-żebbuġa, ħawħ fil-bottijiet) pajjiżi terzi allegaw li l-prodotti agrikoli esportati awtomatikament jibbenefikaw minn sussidji mogħtija lill-bdiewa individwali u mhux lill-esportaturi tal-prodotti pproċessati. Il-KE fl-2004 ddedikat attenzjoni partikolari lil dawn il-każijiet biex tiżgura li kwalunkwe azzjoni CVD minn pajjiżi terżi tkun ibbażata fuq prova sħiħa li l-prodotti esportati bbenefikaw b’mod ċar minn għajnuna bħal din.

Ta’ min jinnota li r-riformi b’medda wiesgħa tal-Politika Komuni ta’ l-Agrikoltura mwettqa mill-KE mill-2000 ’il hawn se jsawwru mill-ġdid in-natura ta’ l-appoġġ mogħti. Minħabba f'hekk, ammont dejjem jiżdied ta' għajnuna ser jinxteħet mill-appoġġ għall-produzzjoni għal fuq forom "mifrudin" ta' għajnuna (ħlas wieħed għal kull azjenda) mingħajr ebda rabta mal-produzzjoni u ebda effett ta’ tgħawwiġ tal-kummerċ. Naturalment, il-Kummissjoni se jkollha r-rwol li tiżgura li kull tibdil ta’ dan it-tip jitqies b’mod xieraq mill-pajjiżi li japplikaw l-istrument tas- CVD . Il-ħtieġa li tintwera l-eżistenza ta’ “passaġġ” tal-benefiċċju mill-biedja għall-prodotti pproċessati għandha tagħmilha aktar iebsa għall-pajjiżi terzi li jikkontrobilanċjaw l-iskemi ta’ għajnuna kkonċernati.

9. Azzar u kimika

Wara ħidma intensiva fil-qasam ta’ l-azzar bħala segwitu tas-salvagwardja ta' l-Istati Uniti fl-2003, dan il-qasam kellu sena kwieta fl-2004. Minħabba t-talba ma taqta’ xejn minn madwar id-dinja kollha għall-azzar b’mod partikolari miċ-Ċina, kien hemm ftit każijiet li jinvolvu l-azzar fl-2004 għajr għall–għadd kbir li baqa’ ta’ dazji AD u CVD fis-seħħ fl-Istati Uniti u żewġ każijiet Russi magħrufa, jiġifieri, il-każ ta’ salvagwardja kontra pajpijiet ta’ dijametru kbir u każijiet ta’ anti - dumping kontra l-azzar. Kif kien innutat fis-snin ta’ qabel, il-qasam tal-kimika u l-farmaċewtika jissokta jkun wieħed mill-oqsma l-aktar milquta minn miżuri ta’ difiża tal-kummerċ.

PARTI III: RIżULTATI KONKRETI

Is-sena 2004 rat bosta riżultati pożittivi għall-esportaturi tal-KE milquta minn proċeduri mibdija f’pajjiżi terzi. Għadd ta’ każijiet importanti spiċċaw mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri, filwaqt li f’każijiet oħra l-miżuri ġew irtirati. Il-Kummissjoni kienet involuta b’mod qawwi f’dawn il-proċeduri kollha u dan juri li l-involviment attiv u dirett jista’ jkollu impatt sinjifikanti fuq l-eżitu ta’ proċeduri ta’ TDI mnieda minn pajjiżi terzi.

Il-każijiet ewlenin li ġejjin jixraq li jissemmew:

- L-Indja: it-tmiem ta’ investigazzjoni AD fl-importazzjonijiet ta’ karta miksija mill-KE u l-Indoneżja;

- L-Awstralja: it-tmiem ta’ investigazzjonijiet AD u CVD fuq żejt taż-żebbuġa mill-Greċja, l-Italija u Spanja;

- Ir-Russja: esklużjoni tal-KE minn miżuri ta’ salvagwardja fuq iz-zokkor abjad;

- It-Turkija: it-tmiem ta’ 5 investigazzjonijiet ta’ salvagwardja mingħajr miżuri;

- Il-Korea: it-tmiem ta’ investigazzjoni ta’ l- AD fuq twavel mill-Belġju, l-Italja u Spanja;

- L-Istati Uniti: it-tmiem ta’ dazji tas- CVD fuq vireg ta’ l-azzar li ma jissaddux mill-Italija

M’hemmx għalfejn wieħed isemmi li l-involviment tal-Kummissjoni u l-Istati Membri f’dawn il-każijiet ma kienx l-uniku fattur li ġab riżultat pożittiv jew imtejjeb għall-esportaturi tal-KE. Sorveljanza attiva tal-każijiet kollha importanti u intervent bla waqfien b’appoġġ għall-esportaturi tal-KE abbinat ma’ djalogu regolari ma’ l-awtoritajiet tat- TDI ta’ pajjiżi terzi jgħinu biex jinħolqu l-kondizzjonijiet biex jinstabu soluzzjonijiet aċċettabbli għall-esportaturi tal-KE.

Fir-rigward ta’ relazzjonijiet ma’ Stati Membri dwar miżuri minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni ssuktat matul l-2004 tfittex modi kif ittejjeb il-koordinazzjoni. L-Istati Membri, direttament jew permezz tar-rappreżentanzi tagħhom f’pajjiżi terzi huma strument importanti għall-Kummissjoni biex issir taf bil-problemi li l-esportaturi tal-KE jiltaqgħu magħhom barra mill-pajjiż, billi jistabilixxu kuntatti bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-esportaturi tal-KE, jew jqajmu problemi dwar azzjonijiet tat- TDI speċifiċi b’mod bilaterali ma’ pajjiżi terzi.

In-netwerk ta’ kuntatt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, formalizzat bit-twaqqif ta’ punti ta' kuntatt speċjali fl-Istati Membri, wera kemm hu siewi fit-tixrid ta’ tagħrif dwar każijiet ta’ pajjiżi terzi (eż. dwar investigazzjonijiet ġodda, impożizzjoni ta’ miżuri jew azzjoni tad- WTO fuq kwistjonijiet tat- TDI ) u biex jagħti lok għal azzjoni bla dewmien meta jkun hemm fin-nofs l-interessi tal-KE. Mill-1 ta’ Mejju ta’ l-2004, din il-“lista ta’ kuntatti” żdiedet biex tinkludi l-Istati Membri ġodda. B’mod ġenerali, il-komunikazzjoni diretta ma’ l-Istati Membri kienet partikolarment ta’ siwi meta l-prodotti kkonċernati huma ta' natura partikolari ħafna. Bħala eżempju, fil-każ ta' l-investigazzjoni ta' antidumping miftuħ mill-Ukraina dwar l-importazzjonijiet ta’ screw compressors . L-istati Membri rexxilhom jillokalizzaw l-esportaturi kkonċernati eżatt qabel ma skadiet id-data stabbilita mill-awtoritajiet Ukraini. Dan ta lok biex l-esportaturi jieħdu sehem fil-proċedura ta’ investigazzjoni.

Ittieħed l-impenn li jkun hemm diskussjonijiet matul l-2004 ma’ l-industrija tal-KE sabiex jiġu identifikati l-miżuri addizzjonali li għandhom jittieħdu mill-KE biex titjieb il-komunikazzjoni. Passi konkreti diġà ttieħdu fir-rigward ta’ l-Impriżi ta’ Daqs Żgħir u Medju ( SMEs ) fejn id-DG TRADE qiegħdet fuq il-websajt tagħha sett ta’ linjigwida għall- SMEs għal meta jintlaqtu minn azzjonijiet ta’ difiża tal-kummerċ f’pajjiżi terzi.[1].

PARTI IV: KWISTJONIJIET ġENERALI MA’ PAJJIżI TERZI

10. Nuqqasijiet tipiċi

11. Standards baxxi ta’ bidu ta’ proċeduri

Il problemi identifikati fir-rapport tas-sena l-oħra jibqgħu l-istess. Għalkemm hemm xi varjazzjonijiet, xi problemi huma komuni għal ħafna każijiet ta’ pajjiżi terzi. Fuq livell ta' proċedura, l-istandard biex investigazzjoni tingħata bidu spiss huwa baxx. Xi pajjiżi jidhru li jeħtieġu ftit li xejn evidenza sabiex min jagħmel l-ilment jipprova prima facie l-każ tiegħu. F’dak li għandu x’jaqsam mas-sustanza, l-aktar nuqqas komuni li kien innutat huwa n-nuqqas ta’ analiżi fil-fond tad-dannu u l-kawżalità. B’mod partikolari, spiss qed jiġu traskurati “fatturi oħrajn” li xi drabi b’mod ċar qed jagħmlu aktar ħsara mill-importazzjonijiet. Minħabba f’hekk, il-miżuri imposti spiss huma mhux proporzjonati mad-dannu li allegatament jiġġarrab mill-industrija lokali.

12. Nuqqas ta’ Trasparenza

Bl-istess mod hemm problema rikorrenti ta’ nuqqas ta’ għoti ta’ informazzjoni minn xi pajjiżi meta jużaw l-Istrumenti ta’ Difiża tal-Kummerċ. Naturalment, in-nuqqas ta’ informazzjoni taf tagħmilha diffiċli ħafna li wieħed jevalwa għal-liema raġuni tkun infetħet investigazzjoni jew ġiet proposta deċiżjoni. Il-problema ta’ nuqqas ta’ għoti ta' informazzjoni ssir aktar u aktar serja meta jasal il-waqt tal-ġustifikazzjoni ta’ l-impożizzjoni ta’ miżuri jew iċ-ċaħda ta’ xhieda mibgħuta mill-esportaturi tal-Komunità. Wieħed qiegħed jinnota dejjem iżjed li xi awtoritajiet investigattivi b’mod konsistenti jsemmu l-kunfidenzjalità bħala raġuni biex ma jagħtux l-informazzjoni kif xieraq, anki meta din l-informazzjoni ma tkunx ta’ natura kunfidenzjali. Minħabba f’hekk, l-esportaturi m’għandhomx l-elementi kollha meħtieġa biex jiddefendu lilhom infushom f’dawn il-proċeduri.

B’mod paradossali, xi pajjiżi terzi jidher li m’humiex f’qagħda li jiggarantixxu li l-informazzjoni sensittiva ma tasalx għand partijiet oħra interessati. L-esportaturi tal-KE rrappurtaw li r-regoli ta’ kunfidenzjalità mhux dejjem jiġu rrispettati mill-awtoritajiet investigattivi f’xi pajjiżi terzi u li dan itellfilhom kull ħeġġa milli jikkooperaw fil-proċeduri, b’mod speċjali f’investigazzjonijiet ta’ antidumping , fejn il-partijiet huma meħtieġa jibagħtu informazzjoni ta’ natura sensittiva ħafna.

13. Abbuż ta’ strumenti ta’ difiża tal-kummerċ

Għadd dejjem jiżdied ta’ pajjiżi, l-aktar pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-pajjiżi ta’ “tranżizzjoni”, qiegħdin jużaw b'mod attiv dejjem aktar l-istrumenti ta’ difiża tal-kummerċ. Dan l-iżvilupp jidher b’mod speċjali fil-qasam tas-salvagwardji, li xi pajjiżi jidhru li qiegħdin jużawh aktar bħala miżuri ta’ rutina ta’ protezzjoniżmu milli ta’ “valv ta’ emerġenza”, intiżi biex jilqgħu kontra żjidiet qawwija u mhux mistennija ta’ importazzjonijiet f’daqqa. Ir-raġuni x’aktarx tinsab fil-fatt li l-investigazzjonijiet ta’ salvagwardja huma anqas impenjattivi u fihom inqas spejjeż mill-investigazzjonijiet ta’ antidumping jew kontra s-sussidju peress li ma jeħtieġux il-ġbir ta’ informazzjoni minn barra jew verifiki fuq il-post; il-miżuri ta’ salvagwardja jippermettu li pajjiż jwaqqaf għal kollox l-importazzjonijiet mis-sorsi kollha, anki meta d-dannu jista’ jkun attribwit li xi pajjiż wieħed jew xi grupp speċifiku ta’ pajjiżi. Il-Komunità b’mod konsistenti qajmet il-problema ta’ l-użu eċċessiv ta’ salvagwardji fi ħdan id- WTO u sosniet bil-qawwi li jeħtieġ li jiġu applikati standards għoljin ħafna fl-użu ta’ salvagwardji biex tinżamm sħiħa n-natura eċċezzjonali ta’ dan l-istrument.

PARTI V: TMIEM

Minkejja l-għadd sinifikanti ta’ miżuri fis-seħħ kontra l-esportaturi tal-Komunità, hemm lok għal ottimiżmu għas-sena (snin) li ġejja. Fuq il-front multinazzjonali, il-KE qiegħda fil-kuntest ta’ l-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ Doha hi u tippromwovi l-applikazzjoni ta' standards ogħla f'investigazzjonijiet ta’ l- antidumping u kontra s-sussidju (pereżempju armonizzazzjoni ta’ proċeduri investigattivi u tnaqqis fl-ispejjeż). Fuq livell bilaterali, l-KE qiegħda twaqqaf gruppi esperti tat- TDI ad hoc flimkien ma’ għadd ta’ msieħba fil-kummerċ (L-Indja, Iċ-Ċina u l-Korea). Dawn il-gruppi joffru opportunità ta’ skambju ta’ informazzjoni u fehmiet dwar modi aħjar kif jitwettqu investigazzjonijiet u jiġu applikati regoli tat- TDI . Dan jikkontribwixxi biex wieħed jifhem aħjar il-prassi ta’ xulxin.

Barra minn hekk, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (DG Trade) ta’ sikwit ikun imħeġġeġ minn pajjiżi terzi biex jorganizza taħriġ għall-uffiċjali tagħhom dwar il-prassi tat- TDI tal-KE. Il-prassi tal-KE dejjem aktar qiegħda ssir f’għajnejn il-pajjiżi terzi “mudell ta’ emulazzjoni” (“Vorbildsfunktion”), minħabba l-istandards għoljin li qed jiġu applikati fi kwistjonijiet ta’ difiża tal-kummerċ. Tipikament, il-KE tiffinanzja żewġ seminars bħal dawn fis-sena, b’għadd varjabbli ta’ avvenimenti oħra mħallsa mill-pajjiżi terzi kkonċernati. Dan l-eżerċizzju jippermetti lid- DG Trade “iħarreġ” uffiċjali ta’ pajjiżi terżi sabiex itejbu l-metodi tagħhom ta’ investigazzjoni. Mill-2001 ’il hawn, saru seminars fit-Tajlandja, l-Indoneżja, l-Ukraina, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, il-Pakistan u r-Rumanija, biex insemmu biss xi wħud. Fl-2004, saru seminars għal uffiċjali mill-Korea, l-Arġentina, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Vjetnam, it-Turkija, l-Ukraina u r-Rumanija.

[1] (http://europa.eu.int/comm/trade/issues/respectrules/tdi_sme/faqs.htm)