52005DC0565

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Monitoraġġ globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): Mill-Kunċett għar-Realtà {SEG(2005) 1432} /* KUMM/2005/0565 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.11.2005

KUMM(2005) 565 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Monitoraġġ globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): Mill-Kunċett għar-Realtà {SEG(2005) 1432}

WERREJ

Introduzzjoni 3

Sommarju 3

1. Id-Dimensjoni Strateġika 4

2. Il-GMES Għas-servizz ta’ l-UE 6

3. L-implimentazzjoni 7

3.1. L-utenti li qegħdin fuq quddiem 7

3.2. L-introduzzjoni gradwali ta’ servizzi pilota operattivi 7

3.3. Servizzi kanditati għall-introduzzjoni Mgħaġġla 8

3.4. Stateġija ta’ finanzjament 9

3.5. Il-bini fuq kapaċitajiet eżistenti 10

3.6. L-evalwazzjoni ta' l-impatt 10

3.7. Il-governanza 11

3.7.1. Ir-rwoli u r-responsabilitajiet 11

3.7.2. l-Istrutturi 12

4. Promozzjoni tal-GMES/L-Immarkar ( Branding ) 13

INTRODUZZJONI

L-għan tal-GMES huwa li tkun ipprovduta, fuq bażi sostnuta, servizzi affidabbli u f’waqthom dwar kwistjonijiet ambjentali u tas-sigurtà b’appoġġ għall-bżonnijiet ta’ min ifassal il-politika pubblika. Il-GMES hija inizjattiva mmexxija mill-UE, li fiha l-ESA ser timplimenta l-komponent spazjali u l-Kummissjoni ser tmexxi l-azzjonijiet għall-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi li jkunu jiddependu kemm fuq dejta miġbura bil-qbid ta' sinjali mill-bogħod jew fuq il-post.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija biex jitwassal il-GMES; il-bidu jkun il-fażi pilota ta’ l-ewwel tliet servizzi operattivi tal-GMES sa l-2008. Hija tispjega l-proċess għad-definizzjoni ta’ l-ambitu ta’ dawn is-servizzi, flimkien ma’ l-utenti, u tistabbilixxi l-għan tal-Kummissjoni biex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizz. Tiddiskuti t-twaqqif ta’ strutturi xierqa tat-tmexxija marbutin ma’ kull fażi tal-programm.

Sommarju

Fi żmien meta l-ħakma u l-użu xieraq ta’ l-informazzjoni għandhom implikazzjonijiet ġeo-strateġiċi importanti, l-Ewropa għandha bżonn ikollha kapaċità li tippemettilha li tevalwa indipendentement it-tweġibiet politiċi tagħha b’mod affidabbli u f’waqtu. Sistema komprensiva ta’ l-osservazzjoni tad-dinja, bl-użu ta’ tekniki fl-ispazju u fil-post (l-art, l-arja u l-baħar) permezz ta’ servizzi operattivi iddefiniti tajjeb, hija fondamentali biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ambjentali u tas-sigurtà fil-kuntest ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

Bħalissa d-domanda għas-servizzi ta’ l-osservazzjoni tad-dinja fl-Ewropa għadha frammentarja għalkemm qiegħda tikber. Jistgħu jibdlu dan kollu żewġ fatturi. L-ewwel, dawk li jiddeċiedu fil-livelli kollha għandhom ikunu konvinti li s-servizzi huma affidabbli fir-rigward tal-kwalità u l-kontinwità tagħhom. It-tieni, għandhom jaraw mill-esperjenza li dawk is-servizzi ser jikkontribwixxu biżżejjed għall-għanijiet ta’ l-organizzazzjoni tagħhom biex tkun ġġustifikata l-ispiża tal-ħidma, il-manutenzjoni u t-tiġdid tagħhom fit-tul.

Min-naħa tal-provista, l-Ewropa żviluppat assi u ħiliet ta’ kwalità dinjija. Iżda, is-sistemi ta’ l-osservazzjoni jitħaddmu b’mod indipendenti u l-kopertura mhix kompleta kemm għas-sistemi ta’ osservazzjoni fil-post u kemm dawk bis-satellita. Ħafna netwerks ta’ osservazzjoni tas-satelliti u fil-post huma sperimentali u ma jistgħux jiggarantixxu l-kwalità meħtieġa u l-kontinwità tal-kejl biex ikun hemm il-bażi ta’ servizzi li jaħdmu issa u fil-ġejjieni. Waqt li l-imsieħba internazzjonali tagħna qed jinvestu bil-kbir fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet għall-monitoraġġ globali, l-Ewropa għadha qed taħdem b’kapaċitajiet nazzjonali differenti u b’standards nazzjonali differenti.

Waqt li tagħraf l-importanza strateġika ta’ l-osservazzjoni tad-dinja u l-potenzjal tagħha li qiegħed jikber, l-Ewropa ser tiżviluppa l-kapaċità operattiva tagħha stess permezz tal-programm GMES. Il-GMES jimmira li jikkoordina s-sistemi eżistenti, u jkunu prodotti servizzi ta’ validità garantita u, b’mod kruċjali, tkun żgurata l-kontinwità tagħhom fil-ġejjieni.

Il-GMES ser ikun żviluppat f’passi permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ servizzi ta’ fażijiet pilota, bil-bidu ta’ tliet servizzi mgħaġġla (l-art, il-baħar, l-emerġenza) sa l-aħħar ta’ l-2008. Kienu identifikati diġà ħdax-il servizz inizjali, li jistgħu jiġu skjerati wieħed wara l-ieħor biex jappoġġaw firxa wiesgħa ta’ bżonnijiet.

Għal perjodu ta’ żmien qasir, il-GMES ser jislet mill-kapaċitajiet eżistenti ta’ osservazzjoni fil-post u fl-ispazju żviluppati mill-Istati Membri ta’ l-UE u l-ESA. Għal perjodu itwal ta’ żmien, ser isiru investimenti fl-iskjerament ta’ kapaċitajiet ġodda biex ikun hemm kontinwità tas-sorsi tad-dejta u l-infrastruttura b’appoġġ għall-iżvilupp tas-servizzi tal-GMES.

Għandha tintlaħaq l-aħjar kumplimentarjetà fit-tmexxija ta’ attivitajiet relatati tal-GMES. Il-Kummissjoni fi ħsiebha tintroduċi struttura organizzattiva għas-Servizzi tal-GMES biex tiżdied aktar l-aggregazzjoni tad-domanda u biex jittejbu l-arranġamenti tat-tmexxija interna tagħha. L-investiment fil-komponent ta’ l-ispazju mill-UE u mill-ESA ser jitmexxa flimkien mill-ESA, skond ir-regoli finanzjarji rispettivi. L-istrutturi għal matul perjodu itwal għat-tmexxija tal-GMES ser ikunu diskussi ma’ l-Istati Membri ta’ l-EU u l-ESA.

L-immaniġġjar tad- data u t-tqassim ta’ l-informazzjoni effiċjenti huma rekwiżit biex ikun prodotti servizzi GMES. Ser jinżamm djalogu kontinwu bejn il-partijiet interessati biex ikunu żviluppati l-infrastrutturi tad- data spazjali meħtieġa u ser tkun appoġġata l-implimentazzjoni tal-proposta INSPIRE (Infrastruttura għall-Informazzjoni Spazjali fl-Ewropa) għal direttiva. Bħala tali, il-GMES ser jikkontribwixxi għall-iffaċilitar ta’ l-aċċess, l-użu u l-armonizzazzjoni ta’ informazzjoni ġeospazjali fil-livell pan-Ewropew. Il-GMES ser ikun għodda essenzjali għal żieda fl-interoperabilità ta’ sistemi nazzjonali, għalhekk jisseddaq l-iżvilupp ta’ standards Ewropej adegwati.

Il-GMES ser jikkostitwixxi element li qed jikber fir-relazzjonijiet bilaterali ta’ l-UE ma’ l-imsieħba internazzjonali. Ser ikun żviluppat wara li jitqiesu l-attivitajiet tal-Grupp fuq l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO). Fir-rwol federattiv tiegħu, il-GMES ser ikun il-kontribuzzjoni ewlenija Ewropea fil-pjan ta’ implimentazzjoni globali ta’ 10 snin għal Sistema tas-Sistemi ta’ l-Osservazzjoni tad-Dinja Globali (GEOSS).

1. ID-DIMENSJONI STRATEġIKA

Il-ħakma ta’ l-informazzjoni fuq l-ambjent u s-sigurtà għandha implikazzjonijiet ġeostrateġiċi. Il-mandat politiku kien espress fil-laqgħa għolja ta’ Gothenburg ta’ Ġunju 2001 u fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill li ġiet wara biex[1] “tintlaħaq kapaċità Ewropea operattiva u awtonoma sa l-2008”.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Frar 2004[2] il-Kummissjoni iddelinjat ir-rwol strateġiku tal-GMES fl-iżvilupp tar-rwol ta’ l-UE bħala esponent globali u identifikat elementi għall-implimentazzjoni tagħha. Il-Parlament Ewropew esprima l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni tal-GMES[3]. It-tieni Kunsill ta’ l-Ispazju kkonferma li l-GMES ser ikun it-tieni proġett ewlieni ta’ l-UE għall-politika ta’ l-ispazju wara Galileo.

Il-bżonn għal informazzjoni affidabbli u f’waqtha kien enfasizzat minn tkabbir fid-domanda. Katastrofi naturali u kkawżati mill-bniedem fl-Ewropa, l-Amerika, l-Asja u l-Afrika, magħdudin ma’ ħtiġiet ta’ sigurtà ogħla, komplew isaħħu l-każ għal sistemi ta’ monitoraġġ mtejba. Issa ġew identifikati l-livelli globali sa dawk lokali tar-rekwiżiti.

Il-GMES ser jagħti kontribut importanti biex iservi għall-bżonnijiet tas-sigurtà ċivili ta’ l-UE[4]. Barra minn dan, ser jipprovdi opportunitajiet għall-aktar kapaċitajiet għall-Politika Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP). Is-sinerġiji kollha possibbli ċivili u militari għandhom ikunu segwiti biex ikun żgurat użu aħjar tar-riżorsi, b’kumplimentarjetà sħiħa maċ-Ċentru tas-Satelliti ta’ l-UE (EUSC), li diġà qed jaħdem f’dak il-qasam.

Il-GMES ser jipprovdi appoġġ importanti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ambjentali u ser jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ambjentali Kondiviża li qed tkun żviluppata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. Ser itejjeb il-kwalità ta’ l-informazzjoni ambjentali, waqt li r-rappurtar ambjentali jkun aktar aċċessibbli, u jsir aktar effiċjenti u razzjonali.

Il-GMES għalhekk ikopri l-kwistjonijiet lokali, reġjonali u globali u qed isir strumentali fl-iżvilupp ulterjuri ta’ rwol ta’ tmexxija Ewropew fl-applikazzjoni prattika ta’ l-osservazzjoni tad-dinja għall-monitoraġġ tal-klima u ta’ l-ambjent u tas-sigurtà ċivili.

Il-GMES ser jipprovdi l-UE b’għodda għall-parteċipazzjoni fl-isforzi internazzjonali konsistenti mar-rakkomandazzjoni tal-G8 ta' Lulju 2005 għat-tisħiħ tas-sistema ta’ osservazzjoni tal-klima globali. Ser jikkontribwixxi għall-Istrateġija ta’ l-UE għall-Afrika[5], permezz ta’ l-iżvilupp ta’ osservatorju Afrikan u l-implimentazzjoni ta’ l-inizjattiva ta’ Monitoraġġ Afrikan ta’ l-Ambjent għall-Iżvilupp Sostenibbli (AMESD). Il-GMES kien enfasizzat fid-djalogi ta’ l-UE ma’ l-USA, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Indja[6]. L-Istati Unit dan l-aħħar ippubblikaw il-Pjan Strateġiku tagħha għal Sistema Integrata ta’ Osservazzjoni tad-Dinja. Ir-Russja u l-Ġappun waslu biex jagħmlu l-istess.

Il-GMES ser isir il-kontribut Ewropew ewlieni għall-implimentazzjoni tal-pjan globali ta’ għaxar snin għall-GEOSS. Il-GMES ser jiġġenera data u servizzi relatati kemm ma’ l-ambjent u s-sigurtà. Il-parteċipazzjoni ta’ l-UE fil-GEOSS ser tiffaċilita l-iskambju tad- data ma’ msieħba internazzjonali, fil-kamp tal-monitoraġġ ta' l-ambjent, u ser tinkoraġġixxi użu akbar ta’ l-osservazzjoni tad-dinja, kif ukoll l-iżvilupp ta’ sistema li tinkorpora sistemi ta’ osservazzjoni tad-dinja kollha.

Bħala inizjattiva ta’ l-UE, il-GMES ser ikun fiċ-ċentru ta’ serje ta’ sħubiji. Dawn għandhom bżonn ikunu definiti fil-livell ta’ l-UE, inkluż ir-rwol ta’ l-aġenziji, l-Istati Membri, l-industrija tas-servizzi tal-valur miżjud (inkluż SMEs), komunitajiet ta’ l-utenti eċċ.

Il-GMES ser jistimula t-tkabbir ekonomiku bl-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ servizzi innovattivi bil-valur miżjud. Intgħażel bħala wieħed mill-proġetti bi tnedija b'pass mgħaġġel fl-Inizjattiva tal-Kummissjoni għat-Tkabbir[7]. Il-GMES għandu jistimula s-settur industrijali biex jespandi l-offerta tas-servizzi tiegħu u biex ikunu żviluppati t-teknoloġiji innovattivi ta’ l-osservazzjoni, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni li ser jenħtieġu b’kapaċità tal-GMES dinamika u evoluttiva, bil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-użu akbar mis-settur privat ta’ sorsi ta’ informazzjoni. Il-bażi industrijali Ewropea ser tkun assi importanti għaż-żamma ta’ kapaċità awtonoma Ewropea u indipendenza politika f’kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.

2. IL-GMES GħAS-SERVIZZ TA’ L-UE

Il-GMES ser iżid b’mod sostanzjali l-abilità biex l-informazzjoni ġeospazjali tappoġġa varjetà ta’ politiki ta’ l-UE, b’mod partikolari:

- L-impenji ambjentali ta’ l-Ewropa, fit-territorju ta’ l-UE u globalment, billi jkun hemm kontribut għall-formulazzjoni, l-implimentazzjoni u l-verifika tal-politika ambjentali tal-Komunità[8], regolamenti nazzjonali u konvenzjonijiet internazzjonali;

- L-oqsma oħra tal-politika ta’ l-UE bħall-agrikultura, l-iżvilupp reġjonali, is-sajd, it-trasport, ir-relazzjonijiet esterni, l-għajnuna għall-iżvilupp u l-assistenza umanitarja;

- Il-Politika Komuni Barranija u tas-Sigurtà, inkluż il-Politika Ewropea tas-Sigurtà u d-Difiża;

- politiki oħra rilevanti għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej fil-livelli nazzjonali u tal-Komunità[9], l-aktar il-ġustizzja, l-intern u d-dwana, inkluż is-sorveljanza u l-immaniġġjar tal-fruntieri esterni [10].

Is-Servizzi tal-Kummissjoni Ewropea jonqfu għexieren ta’ miljuni ta’ euro kull sena fuq l-użu ta’ data ġeospazjali fuq medda kbira ta’ politiki differenti; iċ-Ċentru tas-Satellita ta’ l-UE bl-istess mod jikseb data mill-Osservazzjoni tad-Dinja biex tinkiseb informazzjoni b’appoġġ għas-CFSP inkluż l-ESDP[11]. Fuq il-bażi ta’ l-iżvilupp tal-politika kurrenti u prevista, dawn in-nefqiet għandhom jiżdiedu sewwa fil-ġejjieni qrib.

Xi eżempji konkreti jinkludu:

- fl-agrikultura: il-verifiki tal-qisien taż-żoni u l-miżuri agri-ambjentali;

- fis-sajd: is-sistemi ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti u l-Kxif tal-Bastimenti;

- fir-relazzjonijiet esterni: il-kisba ta' xbihat fil-qafas ta' l-Istrumenti Komunitarji speċifiċi (eż. il-mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida);

- fl-ambjent: l-użu ta’ l-art u bidliet fl-użu ta’ l-art, il-perikli naturali (eż. in-nirien fil-foresti, l-għargħar, ir-risposta għaz-tsunami) u l-monitoraġġ tal-bidla fil-klima globali;

- fil-politika ta’ l-iżvilupp: l-ilma, il-veġetazzjoni u l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-sigurezza ta’ l-ikel;

- fir-riċerka: ir-riċerka ambjentali.

3. L-IMPLIMENTAZZJONI

3.1. L-utenti li qegħdin fuq quddiem

L-għan tal-fażi kurrenti ta’ l-iżvilupp huwa biex tinbena bażi ta’ l-utenti b’saħħitha għas-servizzi ta’ l-informazzjoni GMES. Dan ifisser li l-bżonnijiet huma identifikati u aġġornati u li s-servizzi provduti ser ikunu affidabbli u effettivi.

L-utenti tas-servizzi ta’ l-informazzjoni tal-GMES huma involuti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ta’ l-ambjent u s-sigurtà minn skali globali sa lokali. Il-Kummissjoni Ewropea hija utent wieħed ewlieni. Il-bżonnijiet tagħha stess qed ikunu identifikati u d-domanda qed tinġabar progressivament.

L-utenti għandhom bżonn ikunu assigurati li s-servizzi ser ikunu disponibbli fuq bażi fit-tul. Dan jeħtieġ azzjoni biex tkun garantita d-disponibilità ta’ infrastrutturi bbażati fl-ispazju, fil-post u ta’ l-immaniġġjar tad- data.

Ser ikollhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni għall-validazzjoni tal-kwalità, ir-rilevanza u l-prestazzjoni tas-servizzi. L-introduzzjoni ta’ kull servizzi ser tkun suġġetta għal numru ta’ stadji ewlenin. Il-fażijiet korrispondenti ser jinkludu l-ispejjeż tat-tnedija individwali u l-ispejjeż operattivi.

3.2. L-introduzzjoni gradwali ta’ servizzi pilota operattivi

Min-natura tiegħu l-GMES huwa kumpless: ser jeħtieġ, kif jixraq, l-integrazzjoni ta’ data minn kapaċitajiet ta' l-osservazzjoni tad-dinja bbażati fl-ispazju u fil-post (fl-ajru, fil-baħar u fl-art) f’servizzi ta’ applikazzjoni operattivi mħaddma mill-utenti.

Huwa essenzjali li wieħed jimxi ’l quddiem mix-xejra ta’ bħalissa bbażata fuq il-proġetti. Il-kapaċità għandha tinbena gradwalment, ibbażata fuq prijoritajiet identifikati b’mod ċar u bl-użu ta’ elementi eżistenti kull meta jkun possibbli.

L-introduzzjoni gradwali tas-servizzi ser tkun ibbażata fuq:

- il-maturità tagħhom;

- l-adozzjoni mill-komunitajiet ta’ l-utenti (ir-rilevanza għat-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni tal-politika); u

- is-sostenibilità fit-tul tad-domanda u l-provista.

Is-servizzi pilota u l-infrastrutturi meħtieġa ser ikunu ffinanzjati mill-alinjament tar-riżorsi tal-Komunità, nazzjonali u reġjonali. Il-veloċità li biha jkunu introdotti s-servizzi ser tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-użu ta’ kapital misluf ( leveraging ) effiċjenti u l-ġabra ta’ dawn ir-riżorsi ta’ finanzjament.

L-isfidi għandhom iġibu interoperattività akbar tas-sistemi ta’ akkwist; għall-armonizzazzjoni u t-tħeġġiġ ta’ l-istandardizzazzjoni ta’ strutturi tad- data u ta’ l- interfaces; biex jintgħelbu ostakoli tal-politika fit-tqassim tad- data; għad-disinn ta’ mekkaniżmi ta’ l-assigurazzjoni tal-kwalità; biex tinkiseb il-fużjoni tad- data minn sorsi differenti f’livelli differenti; u biex ikunu provduti servizzi innovattivi u faċli għall-utent li huma effettivi għall-ispiża magħmula u li huma sostenibbli. Dawn l-iżviluppi għandhom ikunu parti minn programm globali wieħed, koerenti, mingħajr ma jintilfu l-benefiċċji ta’ tmexxija u investimenti deċentralizzati.

Għandhom bżonn jintgħażlu opportunitajiet fi żmien qasir u l-iskop tagħhom għandu jkun definit. Biex jintlaħaq l-għan ta’ servizzi operattivi sa l-2008, dawn għandhom jingħataw trattament mgħaġġel.

3.3. Servizzi kanditati għall-introduzzjoni Mgħaġġla

Fl-ewwel pass, il-Kummissjoni tiġġudika li t-tliet servizzi mgħaġġla x’aktarx jissodisfaw dawn il-kriterji u tipproċedi għal fażi pilota operattiva. Hija stabbiliet proċess għall-konferma tagħhom u biex ikun imfisser l-ambitu u l-modalitajiet eżatti tagħhom. Dan il-proċess jinkludi workshops tematiċi (li jsiru f’Ottubru-Novembru ta’ l-2005) immirati biex issaħħu l-parteċipazzjoni u l-impenn tal-komunitajiet ta’ l-utenti rilevanti. It-tliet serivizzi diġà proposti lill-Istati Membri ta’ l-UE u l-ESA fil-Kunsill Konsultattiv tal-GMES huma: Risposta ta’ Emerġenza, Monitoraġġ ta’ l-Art, u Servizzi tal-Baħar. Dawn huma deskritti fl-Anness A.

L-għan globali jibqa' biex tkun żviluppata l-firxa estiża tas-servizzi tal-GMES li tosserva l-ħtiġiet ta’ l-utent u li għaliha l-benefiċċji ekonomiċi u għas-soċjetà jiġġustifikaw l-investiment. Għalhekk ser ikun ippreparat matul is-snin 2005-6 t-tqassim ta’ iżjed minn dawn is-servizzi. Bl-użu ta’ l-istess proċess ta’ validazzjoni bħal tas-Servizzi Mgħaġġla (ara l-Anness B), ser ikunu introdotti b’mod progressiv aktar piloti biex tkun ipprovduta firxa usa’ ta’ servizzi, kif indikat fl-Anness Ċ. Dawn ser jinkludu, per eżempju, servizzi bħal monitoraġġ atmosferiku, is-sorveljanza tal-fruntieri esterni u l-prevenzjoni tal-kriżijiet, li dwarhom xi Stati Membri enfasizzaw l-importanza li huma jagħtuhom.

L-għan huwa biex b’mod gradwali jiġu żviluppati u vvalidati numru ta’ servizzi pilota operattivi bbażati fuq proġetti magħżula tar-R&Ż li jestendu u jsaħħu l-azzjonijiet kurrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tiżgura li, skond l-FP (Proġett ta’ Qafas) 6 , il-proġetti GMES li għaddejjin jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ servizzi operattivi potenzjali. Ir-riżorsi ta’ l-FP6 li fadal, li għadhom iridu jkunu assenjati, ser ikunu kkonċentrati, kemm jista’ jkun, fuq servizzi mgħaġġla, inkluż l-integrazzjoni tal-partijiet tal-komponenti – fil-post, l-ispazju u l-immanniġġjar tad- data – u l-bini tal-komponent ta’ l-ispazju tal-GMES. Il-fażi pilota tas-servizzi mgħaġġla għandha titlesta biex titwettaq kmieni fl-2008.

Huwa kruċjali għas-suċċess tal-komponent tas-servizz tal-GMES l-iżvilupp ta’ Infrastruttura Ewropea dwar id- Data Spazjali kif maħsub fil-proposta INSPIRE għal direttiva. Is-servizzi pilota għalhekk ser jaġixxu effettivament bħala piloti ta’ l-INSPIRE u ser ikunu integrati fil-Programm ta’ Implimentazzjoni INSPIRE. Ser ikun hemm bżonn li tkun żviluppata politika dwar id- data, li għandha tiffaċilità l-kisba u l-isfruttament kemm minn provdituri tas-servizz u kemm mill-utenti.

3.4. Stateġija ta’ finanzjament

Matul l-aħħar 5 snin madwar 230 Mio euro ntefqu fil-livell Ewropew fuq servizzi relatati mal-wiri tal-GMES: l-UE qed timmobilizza permezz tal-FP 6 madwar 100 Mio euro (minn 2003 sa 2006); l-ESA qed tinvesti matul 5 snin 130 Mio euro għas-setturi ta’ l-ispazju, ta’ l-art u tas-servizzi.

Waqt li fit-tul, is-servizzi għandhom ikunu ffinanzjati mill-utenti, l-infrastruttura kritika u t-teknoloġiji li jippermettuhom ser ikollhom bżonn ta’ investiment bil-quddiem biex ikunu introdotti s-servizzi pilota.

Il-Kummissjoni qed tipprepara programm speċifiku tal-FP 7. L-attivitajiet ta’ l-RTD permezz tal-programm ta’ qafas għar-riċerka Komunitarja, b’mod partikolari fid-dominju ta’ l-ambjent, jiddependu ħafna fuq id-disponibilità ta’ data li toħroġ mill-osservazzjoni tad-dinja. Bħala t-tieni proġett ewlieni tal-politika ta’ l-ispazju ta’ l-UE, huwa maħsub li l-GMES ser ikun allokat maġġoranza sostanzjali tal-finanzjament disponibbli għall-Ispazju skond is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet tal-Wiri[12] (FP7). Minn din l-allokazzjoni, huwa maħsub li jkun hemm finanzjament ta’ proporzjon sinifikanti tal-baġit għall-komponent ta’ l-ispazju li għalih l-ESA stmat investiment ta’ €2.3bn għall-2006-2013[13]. L-Istati Membri ta’ l-UE u ta’ l-ESA diġà qed jippjanaw li jikkumplimentaw dan l-investiment bi programm ta’ l-ESA u, f'xi każijiet, programmi biex ikunu żviluppati sistemi nazzjonali tas-satellita.

Il-proġetti tar-riċerka ffinanzjati permezz tal-prijorità tematika “L-Ambjent” tal-FP 7 ser jgħinu aktar biex jidentifikaw servizzi operattivi futuri tal-GMES. Dawn se jiġġeneraw data u mudelli li ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ disa’ oqsma ta’ benefiċċju għas-soċjetà tal-GEOSS. Il-prijorità tematika “it-teknoloġiji tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni” ser tikkontribwixxi għall-element ta’ l-immaniġġjar tad- data u ta’ l-informazzjoni tal-GMES, għall-implimentazzjoni ta’ l-INSPIRE u, għalhekk għall-GEOSS.

Hija aktar komplessa li tkun żviluppata strateġija globali tal-finanzjament għall-komponenti ta' l-immaniġġjar fuq il-post u tad- data minħabba d-diversità u r-responsabilitajiet mxerrdin fuq ħafna aġenziji differenti fl-Istati Membri. Dan ser jeħtieġ allinjament aħjar tar-riżorsi finanzjarji u l-użu ta’ kapital misluf ( leverage ) ta’ dawk ġodda fejn in-nuqqasijiet fl-infrastruttura jkollhom bżonn jitneħħew.

L-użu ta’ strumenti tal-Komunità mhux tar-R&Ż ser ikunu mistħarrġa kemm fil-komponenti fil-post u ta’ l-ispazju.

Għalissa, biex il-GMES jingħata status operattiv dan jinvolvi serje ta’ sħubiji tat-tip settur pubbliku-settur pubbliku fuq in-naħa tal-provista, b’appoġġ ta’ intervent ta’ baġits ta’ riċerka. Dawn ser jibqgħu jkollhom sehem ewlieni imma, fil-ġejjieni, meta s-servizzi jsiru integrali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi, għandhom ikunu appoġġati mill-utenti istituzzjonali rilevanti. F’ċerti oqsma, il-GMES jista’ jattira klijenti mis-settur privat, bil-mekkaniżmi xierqa għall-irkupru ta’ l-ispejjeż. Dan jista’, maż-żmien, iwassal għal sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat.

Dan jista’ jintlaħaq biss jekk l-Ewropa tikkapitalizza fuq is-saħħa tagħha permezz ta’ koordinazzjoni aħjar u l-ġbir tar-riżorsi kollha disponibbli.

3.5. Il-bini fuq kapaċitajiet eżistenti

Il-GMES ser juża sal-massimu li jista’ l-kapaċitajiet eżistenti, nazzjonali jew Ewropej. Huwa meħtieġ li dawn jitfasslu, inkluż l-infrastrutturi attwali u ppjanati li jistgħu jikkontribwixxu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti, u biex tkun żgurata l-interoperattività tagħhom. In-nuqqasijiet li jibqa’ għandhom ikunu identifikati u, flimkien mal-bżonnijiet ta’ tibdil ta’ kapaċitajiet eżistenti, ikunu diskussi bejn l-UE u l-aġenziji tagħha, l-ESA, l-EUMETSAT, u l-Istati Membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Għandu jkun żgurat l-użu massimu fl-Ewropa ta’ satelliti eżistenti u ppjanati li joperaw, networks fuq il-post u infrastrutturi tad- data spazjali. Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u għoti ta’ riżorsi aħjar, inkluż faċilitajiet ta’ użu multiplu.

Biex ikunu żgurati l-kapaċitajiet awtonomi, kif mħeġġa fil-laqgħa għolja ta’ Gothenburg, l-Ewropa għandha tiddependi progressivament fuq il-kapaċitajiet tagħha stess. Għandha tkun definita l-istrateġija fit-tul u f’perjodu ta’ żmien medju biex isir hekk, wara li titqies l-interdipendenza li qed tikber ma’ l-imsieħba internazzjonali.

Madankollu, huwa rikonoxxut li għandhom jittieħdu ċerti miżuri dwar l-iżvilupp tal-komponent ta’ l-ispazju tal-GMES bħala ħaġa ta’ urġenza, biex tinżamm il-kontinwità tad- data għall-għaxar sa ħmistax-il sena li ġejjin. Il-maġġoranza ta’ servizzi bħal GMES bħalissa jiddependu fuq osservazzjonijiet minn numru ta’ satelliti li diġà qabżu, jew dalwaqt jaslu fi ftit snin, it-tmiem nominali ta’ ħajjithom.

Bħala mezz biex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti l-aktar urġenti ta’ l-osservazzjoni bis-satellita, id-Direttur Ġenerali ta’ l-ESA ippropona lill-Istati Membri ta’ l-ESA biex jassiguraw baġit inizjali biex ikopri l-ewwel fażijiet ta' l-iżvilupp ta' l-infrastruttura futura tal-GMES (inkluż is-settur relatat ta' l-art). Il-Kummissjoni tilqa’ din il-proposta li tqis il-pjanijiet tagħha għas-servizzi inizjali u, partikolarment, it-tliet servizzi mgħaġġla. Matul l-2006-2007, ser tevalwa l-kontribut tagħha għall-komponent ta’ l-ispazju tal-GMES fid-dawl ta’:

- il-finalizzazzjoni tal-ħtiġiet ta’ l-utent;

- id-definizzjoni ta’ servizzi inizjali, partikolarment dawk mgħaġġla; u

- l-approvazzjoni tal-proposta tal-programm FP7 u l-baġit.

Qed isiru evalwazzjonijiet tan-nuqqasijiet u l-effiċjenza ta’ l-infrastrutturi tad- data fil-post u spazjali. Matul l-2006-2007 l-eżitu ta’ dawn ir-riżultati ser iservu biex ikun definit aħjar il-futur tal-kontribuzzjonijiet tal-Komunità.

3.6. L-evalwazzjoni ta' l-impatt

Din il-Komunikazzjoni tispeċifika l-istrateġija u l-bidliet fit-terminu qasir f’dik li hi tmexxija ta’ l-inizjattiva tal-GMES. B’konformità mal-politika globali tal-Kummissjoni, qabel ma jingħataw fondi sostanzjali għas-servizzi pilota operattivi, il-GMES ser jeħtieġ ġustifikazzjoni fuq evalwazzjoni soda ta’ l-impatt. Minħabba l-impenji relatati mistennija li jsiru mill-Istati Membri ta’ l-UE u l-ESA, dan għandu jkun aktar speċifiku għall-GMES milli l-evalwazzjoni ta’ l-impatt dwar l-FP7. Il-każ soċjo-ekonomiku globali tal-GMES kien indikat fl-ewwel fażi ta’ studju minn konsulenti indipendenti. L-Istati Membri pprovdew tim ta’ esperti biex jivvalutaw il-metodoloġija ta’ l-istudju hekk kif jimxi ’l quddiem.

L-istudju jidentifika firxa ta’ benefiċċji strateġiċi mill-implimentazzjoni tal-GMES. Min-natura tagħhom, ħafna mill-benefiċċji sinifikanti huma fil-biċċa l-kbira mhux kwantifikabbli . Iżda, ir-rapport jidentifika wkoll benefiċċi sostanzjali kwantifikabbli matul il-perjodu l-2005-2030. Tħejjiet evalwazzjoni preliminari ta’ l-impatt mis-Servizzi tal-Kummissjoni. Ser tkun iffinalizzata u pubblikata wara li jsir disponibbli r-rapport ta’ l-aħħar ta’ studju soċjo-ekonomiku fix-xhur li ġejjin.

It-tieni fażi ta’ l-istudju għandha titlesta f’Novembru ta’ l-2005. Ser jipprova jissostanzja l-benefiċċji totali globali permezz ta’ validazzjoni ddettaljata u aktar konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Ser jidentifika wkoll liema żoni ġeografiċi u setturi ekonomiċi huma mistennija li jassiguraw dawn il-benefiċċji u jipprova jagħżel bejn benefiċċji f’perjodu qasir ta’ żmien u wieħed itwal. L-evalwazzjoni ta’ l-impatt ser tkun iffinalizzata f’dak il-punt u tiġi ppubblikata.

3.7. Il-governanza

Huma kritiċi għall-implimentazzjoni ta’ suċċess tal-GMES it-tqassim xieraq tax-xogħol u t-twaqqif ta’ passi organizzattivi.

3.7.1. Ir-rwoli u r-responsabilitajiet

Huwa essenzjali li tintlaħaq l-aħjar kumplimentarjetà bejn l-istituzzjonijiet ta’ l-UE, l-ESA u l-Istati Membri tagħhom, fuq il-bażi ta’ rwoli u responsabilitajiet iddefiniti tajjeb.

L-UE ser:

- tiddefinixxi l-prijoritajiet u r-rekwiżiti;

- tiġbor flimkien r-rieda politika u d-domanda ta’ l-utenti; u

- tiżgura d-disponibilità u l-kontinwità tas-servizzi.

L-ESA ser:

- tappoġġa u tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-komponent ta’ l-ispazju;

- timplimenta l-komponent ta’ l-ispazju waqt li tikkoordina ċ-ċentri ta’ eċċellenza fl-Ewropa kollha; u

- tagħti parir lill-UE fuq ir-rekwiżiti futuri tal-komponent ta’ l-ispazju.

L-Istati Membri jistgħu:

- isaħħu l-koordinazzjoni interna tal-ġbir tad- data relatati u l-attivitajiet ta’ l-immaniġġjar u jgħaqqdu d-domanda nazzjonali ;

- jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ l-infrastrutturi meħtieġa tad- data spazjali u l-komponenti fil-post;

- jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-komponent ta’ l-ispazju.

L-ESA għalhekk ser tmexxi l-iżvilupp ta’ dawk l-infrastrutturi ta’ l-ispazju li huma identifikati għall-appoġġ taħt l-FP7, skond ir-regoli ta’ dak il-programm, bl-integrazzjoni ta’ dawk l-attivitajiet ma’ tagħha f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni ser tmexxi l-iżvilupp tas-servizzi tal-GMES appoġġati permezz ta’ l-FP7, jew direttament jew permezz ta’ l-esterjorizzazzjoni. Dan ser jippermetti l-aħjar integrazzjoni tad- data mill-monitoraġġ fil-post. Wara li jintemmu l-proġetti ta’ l-Element tas-Servizz kurrenti tal-GMES ta’ l-ESA, l-iżvilupp ulterjuri u l-konsolidamnet ta’ dawn is-servizzi ser ikunu r-responsabilità tal-KE, bħala parti integrali mill-programm globali tagħha fil-FP7.

L-operazzjoni ta’ sistemi tas-satellita u fil-post ser ikollhom jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ, wara li titqies il-proprjetà ta’ l-assi. Għandha tagħmel, b’mod li jkun għal kollox effettiv għall-ispiża magħmula, l-aħjar użu tal-ħila esperta li tesżisti fl-organizzazzjonijiet inter-governattivi, l-Istati Membri u l-industrija.

Fir-rigward ta’ l-innegozjar tal-provista ta’ data dwar l-osservazzjoni tad-dinja meħtieġa għas-servizzi operattivi tal-GMES, kemm matul il-fażi pilota tagħhom u kemm meta’ jkunu operattivi għal kollox, ser tkun meħtieġa l-identifikazzjoni ta’ l-aktar mezz effettiv biex isir dan, ibbażat fuq metodu koerenti ma’ l-Ewropa kollha

3.7.2. l-Istrutturi

L-istruttura tat-tmexxija għall-GMES għandha tevolvi skond l-iżvilupp gradwali ta’ servizzi ġodda operattivi u l-evoluzzjoni tal-ħtiġiet ta’ l-utent. Għandha tkun prammatika, flessibbli u modulari. Għalhekk, l-istruttura tat-tmexxija teħtieġ li tkun miftuħa biżżejjed biex tkun tista’ tevolvi lejn kull pass li jkun imiss.

L-implimentazzjoni ta’ suċċess tal-GMES ser teħtieġ l-involviment attiv ta’ l-industrija, b’attenzjoni partikolari għall-SMEs u l-provdituri tas-servizz. Il-parteċipazzjoni ta’ l-industrija f’proġett bħal dan ta’ interess komuni Ewropew tibqa’ għażla miftuħa. Ser tkun akkumpanjata bi studju ta’ fattibilità/evalwazzjoni ta’ l-impatt.

Fit-twaqqif tal-qafas organizzattiv tiegħu, il-GMES ser iqis bi sħiħ l-esperjenza miksuba mill-proċess tal-Galileo.

a) F’perjodu qasir ta’ żmien

Id-domanda eżistenti fil-livell ta’ l-UE ser tinġabar flimkien b’mod progressiv. Il-Kummissjoni se twaqqaf sruttura organizzattiva tal-GMES, li topera fi ħdan il-Kummissjoni, għat-tisħiħ tat-tmexxija tal-GMES. Il-Kummissjoni ser issaħħaħ ukoll ir-relazzjonijiet bejn il-korpi konsultattivi b’interess fil-GMES u oqsma relatati.

Il-ħidmiet ta’ l-istruttura organizzattiva l-ġdida tal-GMES ikunu jinkludu:

- l-identifikazzjoni ta’ l-istrateġija għall-GMES, li ssir il-punt fokali tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet relatati tal-GMES tal-Kummissjoni u l-konsolidament tal-ħtiġijiet ta’ l-utent;

- l-iżvilupp tas-servizzi pilota tal-GMES, bi tnedija bis-servizzi mgħaġġla; u

- appoġġ għall-immaniġġjar ta’ riċerka kontinwa u futura u attivitajiet ta’ l-iżvilupp tat-teknoloġija.

L-istruttura organizzattiva jkollha l-potenzjal li tifforma l-qalba tal-korp embrijoniku tat-tmexxija tal-GMES u tista’ progressivament taħdem f’isem l-istituzzjonijiet u l-aġenziji l-oħra ta’ l-UE .

b) F’perjodu ta’ żmien medju mill-2007 ’l quddiem

Il-bidu tal-FP 7 ser jara t-twaqqif ta’ fażi pilota tas-servizzi operattivi. Ser ikun hemm konsolidament ulterjuri tal-ħtiġiet ta’ l-utenti, il-validazzjoni tas-servizzi tal-GMES, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi assoċjati, il-finalizzazzjoni ta’ negozjati li jiżguraw l-aċċess fit-tul għad- data u interoperattività mtejba.

F’din il-fażi, jekk l-istruttura organizzattiva tal-Kummissjoni tkompli, din x’aktarx tespandi, b’persunal addizzjonali ssekondat mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Dan jista’ juri l-bżonn li jkun hemm progress lejn struttura ġdida li tista’ tinvolvi tqarrib lejn struttura xierqa fit-tul. Il-Kummissjoni diġà indikat[14] li l-Inizjattiva Konġunta tat-Teknoloġija (JTI) għall-GMES tista’ tkun għażla waħda li tkun evalwata ma’ oħrajn bħala mezz biex jinġabru flimkien ir-riżorsi u tkun mobilizzata massa kritika. Metodu bħal dan ikun kapaċi li jġib l-organizzazzjonijiet ta’ l-utenti rilevanti fil-programm. Dan juri li b’mod progressiv l-utent finali jkollu r-rieda li jidħol fil-proċess.

Iżda, l-aktar struttura tat-tmexxija xierqa ser ikollha tiġi vvalutata bis-sħiħ. Il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel dan flimkien ma’ l-Istati Membri permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ sottogrupp iddedikat tal-Kunsill Konsultattivi tal-GMES. Dan ikun jista jislet mill-istudju tal-konsulenti magħmul taħt l-FP6 [15] biex jidentifika l-impatt ta’ mudelli ta' organizzazzjoni.

ċ) Fit-tul – fażi operattiva sħiħa

F’din il-fażi numru ta’ servizzi jkun lestew b’suċċess il-fażi pilota. Kull wieħed għandu jiggarantixxi kwalità speċifika u d-disponibilità tal-prodotti. Id-disponibilità kontinwa tas-servizzi x’aktarx tkun ir-riżultat ta’ arranġamenti ta’ akkwisti stimulati mill-utenti, probabbilment permezz ta’ korp ċentrali.

4. PROMOZZJONI TAL-GMES/L-IMMARKAR ( BRANDING )

Ser ikun essenzjali li jogħla l-profil pubbliku tal-GMES ma’ l-utenti u l-pubbliku b’mod ġenerali. L-għarfien tal-Galileo fil-medja huwa qawwi u ser ikun hemm bżonn ta’ sforz sostnut biex il-GMES jilħaq livelli paragunabbli.

Jeħtieġu li jkunu stabbiliti valuri tal-marka xierqa u valuri ċari tal-marka. L-involviment tal-partijiet interessati għandu jiżdied b’mod sostanzjali, permezz ta’ programm sostnut ta’ għarfien pubbliku. Dan għandu jinkludi li jkun hemm l-għarfien pubbliku, per eżempju permezz ta’ kompetizzjoni fost l-iskejjel biex jagħtu isem lill-programm.

Il-Kummissjoni fi ħsiebha fl-2007 torganizza laqgħa għolja tal-GMES. Din il-laqgħa għolja tista’ tlaqqa’ l-partijiet interessati pubbliċi u privati biex jenfasizzaw il-progress, jiskambjaw l-esperjenzi u jimmarkaw it-triq lejn sistema integrata globali ta’ l-osservazzjoni tad-dinja.

[1] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ l-2001/C 350/02 (tat-13.11.2001).

[2] Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): Twaqqif ta’ Kapaċità GMES sa l-2008 – Pjan ta’ Azzjoni 2004-2008 (COM(2004) 65 Finali).

[3] B5-0045/2004 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fuq il-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-ispazju.

[4] Rapport tal-Grupp ta’ Esperti fuq l-Ispazju u s-Sigurtà (Marzu 2005).

[5] ‘Strateġija ta’ l-UE għall-Afrika’ COM(2005) 489 Finali (it-12.10.2005).

[6] Il-laqgħa għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti (‘L-Inizjattiva ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Istati Uniti għat-titjib ta’ l-Integrazzjoni u t-Tkabbir Ekonomiku’ Dikjarazzjoni Konġunta UE-US) ikkonkludiet “għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bl-użu ta’ teknoloġiji bbażati fuq l-ispazju ċivili għall-iżvilupp sostenibbli, ix-xjenza, l-esplorazzjoni u biex issir aktar profonda s-soċjetà ta’ l-għarfien”. Il-laqgħa għolja bejn l-UE u r–Russja f’Mejju 2005 adottat serje ta’ pjanijiet ta' direzzjoni għal erba’ spazji komuni. Fil-pjan ta’ direzzjoni għall-Ispazju Ekonomiku Komuni, l-UE u r-Russja qablu “li jkun hemm l-ambjent xieraq għal kooperazzjoni li tagħti l-frott fil-programm tal-GMES.” Fl-okkażjoni tal-laqgħa għolja bejn iċ-Ċina u l-UE f’Settembru ta’ l-2005 iż-żewġ partijiet ftehmu “li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina fl-Ispazju, jiġifieri f’attivitajiet konġunti fix-Xjenza tad-Dinja u l-Osservazzjoni tad-Dinja […]”.

[7] “Inizjattiva Ewropea għat-tkabbir: Investiment għal networks u fl-għarfien għat-tkabbir u l-impjiegi: Rapport finali lill-Kunsill Ewropew” COM(2003) 690 finali (it-21.11.2003).

[8] Is-Sitt Pjan ta’ Azzjoni Ambjentali (2004 sa 2010) li jindirizza l-bidla fil-klima, in-natura u l-bijodiversità, l-ambjent u s-saħħa, ir-riżorsi naturali u l-iskart.

[9] "Ewropa sigura fi Strateġija aħjar ta’ Sigurtà fid-Dinja u l-Ewropa" Javier Solana t-12.12.2003.

[10] Inkluż ix-xogħol ta’ l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri.

[11] Ara l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta’ Ċentru tas-Satellita ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 2, Punt 1: (2001/555/CFSP) Iċ-Ċentru għandu jappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni fil-kuntest tas-CFSP, partikolarment ta’ l-ESDP, billi jipprovdi materjal li jirriżulta mill-analiżi ta’ xbihat tas-satellita u data kollaterali, inkluż xbihat mill-ajru kif ikun xieraq, skond l-Artikoli 3 u 4.

[12] COM(2005) 119 finali, tas-6.4.2005.

[13] Proposta ta’ programm mid-Direttur Ġenerali ta’ l-ESA lill-Istati Membri ta’ l-ESA.

[14] Il-Politika Ewropea ta’ l-Ispazju – Elementi Preliminari COM(2005) 208 finali, tat-23.5.2005.

[15] Rapport GOSIS (D3) fuq mudelli organizzattivi GMES’ Azzjoni ta’ Appoġġ Speċifiku skond l-FP6.