52005DC0554




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.11.2005

KUMM(2005) 554 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

dwar il-ħidma tal-kumitati matul is-sena 2004{SEG(2005) 1420}

1. KUMMENTI ĠENERALI RIGWARD IS-SISTEMA TAL-KOMITOLOĠIJA

Dan ir-rapport preżenti jkopri l-attivitajiet tal-kumitati tal-komitoloġija matul is-sena 2003. Huwa jsegwi l-istruttura bażika tar-rapport preċedenti li jkopri s-sena 2002. Ir-rapport fih introduzzjoni fit-Taqsima 1, deskrizzjoni orizzontali ta’ l-attivitajiet tal-kumitati fit-Taqsima 2 u Anness bi statistiċi dettaljati dwar il-kumitati tal-komitoloġija individwali, organizzati skond id-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni.[1] L-Anness jipprovdi wkoll kummenti testwali dwar bidliet rigward l-għadd ta’ kumitati u dwar attivitajiet straordinarji relatati ma’ abbozzi ta’ miżuri speċifiċi, bħalma huma opinjonijiet kontra, riżoluzzjonijiet tal-PE li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ skrutinju (ara wkoll il-punt 1.2 hawn taħt) u referenzi lill-Kunsill (ara wkoll il-punt 1.3 hawn taħt).

1.1 Il-kumitati tal-komitloġija u r-rwol istituzzjonali tagħhom

a) Il-funzjoni tal-kumitati tal-komitoloġija fl-arkitettura istituzzjonali

L-għan tal-kumitati tal-komitoloġija huwa li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lilha mill-leġiżlatur, i.e. il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-kumitati tal-komitoloġija għandhom dawn it-tliet fatturi essenzjali komuni bejniethom.

L-ewwelnett , dawn inħolqu mill-leġiżlatur (il-Kunsill u l-Parlament Ewropew) skond il-proċeduri "leġislattivi” fis-seħħ fiż-żmien ta’ l-adozzjoni ta’ l-istrument bażiku li kienu stabbiliti taħtu, jiġifieri l-proċeduri ta’ kooperazzjoni jew konsultattivi u, wara t-Trattat ta' Maastricht, il-proċedura ta' kodeċiżjoni. Għaldaqstant, il-bażi legali tal-kumitati tal-komitoloġija hija miġbura fl-istrument imsejjaħ "strument bażiku".

It-tieni , l-istruttura u l-metodi tal-ħidma tagħhom huma nnormalizzati f’bosta aspetti. Kull kumitat huwa ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-kumitati jikkonsistu f’rappreżentanti ta’ l-Istati Membri; dawn huma l-uniċi “membri” tal-kumitati. Il-kumitati jintervjenu fil-qafas tal-proċeduri stipulati fl-istrument bażiku leġislattiv, skond id-deċiżjoni tal-Kunsill, dwar il-komitoloġija, id-Deċiżjoni 1999/468/KE.[2]

It-tielet, il-kumitati jagħtu opinjonijiet fuq abbozz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ppreżentati lilhom mill-Kummissjoni skond l-istrument leġislattiv bażiku u jintervjenu fil-qafas tal-proċedura konsultattiva, il-proċedura tat-tmexxija jew il-proċedura regolatorja ħasbu għal dak il-għan.

Skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-proċedura tat-tmexxija għandha tkun riżervata għal miżuri ta’ tmexxija bħalma huma dawk relatati ma’ l-applikazzjoni tal-politika komuni agrikola u tal-politika komuni tas-sajd jew ma’ l-implimentazzjoni ta’ programmi li għandhom implikazzjonijiet sostanzjali fuq il-baġit (Artikolu 2(a)). Il-proċedura regolatorja hija stipulata fil-każ ta’ miżuri li japplikaw b’mod ġenerali u maħsuba għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet essenzjali ta’ strumenti bażiċi, inklużi miżuri li jikkonċernaw il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-bnedmin, ta’ l-annimali jew tal-pjanti u għall-aġġornament ta’ elementi “tekniċi” ta’ strument bażiku (Artikolu 2(b)). Il-proċedura konsultattiva hija applikata kulfejn titqies l-aktar xierqa.

Bil-proċedura tat-tmexxija (l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE) u dik regolatorja (l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE), biex titressaq opinjoni (pożittiva jew negattva) trid tinkiseb maġġoranza kkwalifikata tal-voti tal-membri tal-kumitat, kif imfisser fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat.[3] Mid-d-dħul fis-seħħ ta’ l-aħħar emenda tat-Trattat tal-KE fl-1 ta' Novembru 2004,[4] qiegħda tapplika s-sistema l-ġdida mfissra fl-Artikolu 205(2). Din taħseb għal “maġġoranza doppja”, ta’ a) mill-inqas 232 minn total ta’ 321 vot, kif ukoll b) maġġoranza tal-(25) Stat Membru, biex tintlaħaq il-maġġoranza kkwalifikata.

Fir-rigward tal-kriterji addizzjonali stipulati fl-Artikolu 205(4), li jagħtu lil kull membru tal-Kunsill l-għażla li jistaqsi għal verifika jekk l-Istati Membri li jkunu qed jivvutaw favur att partikulari jirrappreżentawx 62% tal-popolazzjoni ta’ l-UE, il-Kummissjoni tikkonkludi li din ma tapplikax fil-kuntest tal-proċeduri tal-komitoloġija, billi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE ssir referenza biss għall-Artikolu 205(2).

Hemm kumitati oħra u gruppi ta’ esperti mwaqqfa mill-Kummissjoni nnifisha biex jassistuha filli teżerċita d-dritt ta’ inizjattiva tagħha jew filli teżerċita kompiti ta’ sorveljanza, koordinazzjoni jew kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri. Dawn l-entitajiet konsultatttivi (dawn ilaħħqu għadd ta’ mijiet) ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rapport u trid issir distinzjoni bejniethom u l-kumitati tal-komitoloġija.

b) Il-komitoloġija u t-trasparenza: ir-reġistru u repożitorju għal dokumenti dwar il-komitoloġija

Bħala element importanti tat-trasparenza element, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, u l-istqarrijiiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar din id-dispożizzjoni (partikularment l-istqarrijiet Nru 4 u 5), iqiegħdu fis-seħħ miżuri mfassla biex itejbu t-trasparenza tal-ħidma tal-kumitati tal-komitoloġija.

l-Artikolu 7(5) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE jistipula li l-Kummissjoni għandha tippubblika reġistru li jagħti r- referenzi tad-dokumenti kollha mibgħuta lill-Parlament Ewropew bi proċeduri tal-komitoloġija . Dan ir-reġistru ilu jopera minn Diċembru 2003.[5]

Skond l-istqarrija tagħha (Nru 5) dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni żiedet repożitorju mar-reġistru bħala miżura ta’ trasparenza addizzjonali , biex b’hekk ħafna dokumenti ikkomunikati lill-Parlament Ewropew huma disponibbli għall-pubbliku direttament skond ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament u tal-Kunsill rigward aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet,[6] li daħlu fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2001. Il-funzjoni tar-reġistru hija li jindika l- eżistenza ta’ dokument, filwaqt li fir-repożitorju jkun hemm id-dokument f’format li jista’ jitniżżel mis-sistema.

It-trażmissjoni obbligatorja ordinarja tad-dokumenti tfisser il-kontenur tar-reġistru u repożitorju. Dawn huma:

- aġendi, reġistrazzjonijiet sommarji u riżultati tal-votazzjonijiet tal-laqgħat kollha tal-kumitati,

- abbozz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni “ippreżentati lill-kumitati għall-implimentazzjoni ta’ strumenti adottati fil-proċedura li jaħseb għaliha l-Artikolu 251 tat-Trattat” (il-proċedura ta’ kodeċiżjoni; ara l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE).

Barra mit-trażmissjonijiet ordinarji elenkati aktar ’il fuq, fir-reġistru u repożitorju hemm dokumenti mibgħuta mid-dipartimenti tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew fuq talba speċifika tiegħu jew skond arranġamenti speċjali:

- Abbozz ta’ miżuri speċifiċi li, għalkemm mhux suġġetti għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni, huma ta’ importanza partikulari għall-Parlament Ewropew jintbagħtu għall-informazzjoni, fuq talba tal-kumitat Parlamentari responsabbli, fuq il-bażi ta’ l-impenn tal-Kummissjoni fil-Ftehim Bilaterali mal-Parlament Ewropew dwar proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni moghtija lill-Kummissjoni (ara l-punt Nru 2 tal-Ftehim). [7]

- Il-minuti ta’ laqgħat tal-kumitati jistgħu jintalbu mill-Parlament Ewropew.[8]

- Dokumenti oħra ta’ sostenn bħalma huma dokumenti ta’ ħidma, dokumenti informali ( non-papers) jew materjal ta’ tagħrif, li joriġinaw minn dipartimenti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u/jew persuni terzi, bħalissa jintbagħtu mid-dipartimenti, fuq bażi mhux obbligatorja.[9]

Id-dokumenti kollha jittellgħu fuq bażi deċentralizzata, mid-dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli mit-tmexxija tal-kumitati tal-komitoloġija u mbagħad trażmessi ċentralment mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni lejn punt ċentral fil-Parlament Ewropew, minn fejn jintbagħtu lill-kumitati parlamentari differenti. Ir-referenzi għad-dokumenti jistgħu ma jidhrux jekk jitqiesu bħala “sensittivi” fis-sens ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Ir-Regolament dwar it-“Trasparenza” (KE) Nru 1049/2001 iħares il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE, li minnhom jagħmlu sehem il-proċeduri tal-komitoloġija, skond l-Artikolu 4(3). Il-Kummissjoni sadattant iddeċidiet kif bi ħsiebha tieħu vantaġġ minn dan il-ħarsien legali: l-abbozzi ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom normalment isiru aċċessibbli pubblikament wara li jkun ittieħed il-vot f’kumitat[10] . Fil-każ ta’ l-eċċezzjonijiet mfissra fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( i.e. kwistjonijiet ta’ sigurtà jew interessi kummerċjali) biss, għandu l-aċċess dirett ikun ritardat sa’ l-adozzjoni finali tal-miżuri mill-Kulleġġ. Wara l-adozzjoni finali, il-miżuri huma aċċessibbli vija l-banek tat-tagħrif komuni u r-reġistri tal-Kummissjoni (il-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni, ara r-Reġistri tad-Dokumenti tal-Kumissjoni).

1.2 Id-dritt tal-Parlament Ewropew għall-iskrutinju

Il-Kummissjoni hija obbligata tinforma lill-Parlament Ewropew dwar ix-xogħol tal-kumitati u tibgħatlu l-abbozzi kollha tal-miżuri ta’ implimentazzjoni skond strument bażiku adottat taħt l-Artikolu 251 tat-Trattat (kodeċiżjoni), sabiex il-Parlament Ewropew ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għall-iskrutinju, li jinsab fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Fi Frar ta’ l-2000, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni kkonkludew Ftehim dwar proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, maħsub speċifikament sabiex jirregola l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet fi dmir il-Kummissjoni.[11]

Minbarra f’emerġenzi, il-ftehim jistipula perjodu ta’ xahar mir-riċeviment ta’ abbozz ta’ miżura “definitiva” ta’ implimentazzjoni[12] taħt att legali adottat permezz ta’ kodeċiżjoni sabiex tippermetti lill-Parlament Ewropew, fejn jixraq, li jadotta riżoluzzjoni (f’sessjoni plenarja), skond l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, jekk jikkunsidra illi l-abbozz ta’ miżura ma jaqax taħt il-poteri ta’ implimentazzjoni miġbura fl-istrument bażiku.[13]

Fil-prattika, id-dipartimenti tal-Kummissjoni itellgħu l-abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni fir-reġistru fl-istess ħin li jibgħatuha lill-Istati Membri bi tħejjija għal laqgħa tal-kumitat. Meta jkollu jittieħed vot bil-miktub (mingħajr ma ssir laqgħa tal-kumitat), skond ir- Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat partikulari, tapplika l-istess proċedura. Kif ikun ittieħed vot, id-dipartiment tal-Kummissjoni – sa mill-2004 – huwa mitlub jimla karta tal-voting, li tindika r-riżultat ġenerali tal-vot dwar l-abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni speċifiku. Id-dipartiment jindika wkoll jekk l-abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni kienx emendat, jew le, b’riżultat ta’ l-eżaminazzjoni tiegħu mill-kumitat.

Jekk l-abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni huwa emendat, dan jittella’ għat-tieni darba, flimkien mal-karta tal-vot, fir-reġistru u jintbagħat lill-Parlament Ewropew. Minn hemm, il-Parliament u l-pubbliku, li normalment jingħataw aċċess dirett għall-abbozz ta’ miżura f’dan l-istadju tal-proċedura tal-komitoloġija, huma mgħarrfa b’mod ċar bl-abbozz “definittiv” tal-miżura ta’ implimentazzjoni. Jekk l-abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni ma huwiex mibdul, tittella’ biss il-karta tal-vot u tkun trażmessa lill-Parlament Ewropew. Il-verżjoni ta’ l-abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni mtellgħa fil-bidu mbagħad tkun ikkunsidrata bħala l-abbozz finali.

Ta’ min jinnota li matul l-2004, bħal fl-2003, ma kien hemm l-ebda każi rrappurtati fejn il-Parlament Ewropew ħass il-ħtieġa li jadotta riżoluzzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

Bla ma rrikorra formalment għal dik id-dispożizzjoni, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni[14] li tikkonċerna Abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni wieħed[15] fil-qasam tan- nutriment ta’ l-annimali biex jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-ambitu ta’ l-abbozz ta’ miżura, li fil fehmiet tiegħu eċċeda s-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni mil-leġiżlatura. L-abbozz kien immodifikat skond ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament qabel ma’ kien ippreżentat lill-Kumitat għal vot u mbagħad adottat mill-Kummissjoni[16].

1.3 Referenzi lill-Kunsill

Kien hemm total ta’ 17-il każ ta’ referenzi lill-Kunsill irrappurtat fl-2004. Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, l-abbozzi ta’ miżuri jridu jkunu riferiti lill-Kunsill meta l-Kummissjoni ma jirnexxieliex tikseb il-maġġoranza meħtieġa għal opinjoni li tikkonferma l-abbozz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni bil-proċedura regolatorja jew inkella tiffaċċja maġġoranza kkwalifikata li topponi bil-proċedura tat-tmexxija It-total ta’ 17-il referenza fl-2004 irriżulta fi tliet setturi tal-politika: l-Ambjent (12), is-Saħħa u Ħarsien tal-Konsumaturi (4) u l-Unjoni tat-Tassazzjoni u tad-Dwana. Għalkemm il-figura totali tirrappreżenta biss xi 0.5 % tat-total ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni bil-proċeduri tat-tmexxija u regolatorji, din hija l-ogħla figura f’termini assoluti mill-bidu tar-rappurtaġġ regolari fl-2000 (b’konċentrazzjoni għolja fis-settur ta’ l-Ambjent). Filwaqt li x-xogħol tal-kumitati huwa kkaratterizzat b’mod ġenerali minn grad għoli ta’ consensus , jista’ jkun li l-għadd akbar ta’ delegazzjonijiet fil-kumitati (25 Stat Membru mit-tkabbir) kultant jagħmilha aktar diffiċli issa li tinkiseb il-maġġoranza kwalifikata meħtieġa biex tkun ippreżentat opinjoni favorevoli (għall-inqas f’settur wieħed tal-politika). Raġuni oħra tista’ tkun in-natura sensittiva ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri fil-qasam ta’ l-ambjent (pereżempju dwar il-prodotti GMO.

1. 4 Żviluppi aktar vasti

Il-proposta tal-Kummissjoni għal proċedura regolatorja riveduta[17] għal miżuri maħsuba sabiex jimplimentaw aktar l-aspetti essenzjali jew li jadattaw ċerti aspetti oħra ta’ atti bażiċi adottati bil-proċedura ta’ kodeċiżjoni (l-Artikolu 251 tat-Trattat) għadha qed tkun eżaminata fil-Kunsill.

Din il-proċedura l-ġdida proposta tpoġġi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-istess livell fir-rigward tas-superviżjoni ta’ l-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tal-Kummissjoni. Fit-2 ta’ Settembru 2003, il-Parlament Ewropew approva b’mod ġenerali l-proposta tal-Kummissjoni,[18] filwaqt li ssuġġerixxa għadd limitat ħafna ta’ emendi tekniċi. Fit-22 ta’ April 2004, il-Kummissjoni ħarġet proposta emendata[19] sabiex tinkludi l-biċċa l-kbira ta’ l-emenda tal-Parlament Ewropew, u sabiex tiċċara aktar il-proċedura l-ġdida. Is-setgħat eżekuttivi tal-Kummissjoni għandu jkun riorganizzat bit- Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa .[20] Il-Kostituzzjoni tintroduċi l-istrument ta’ regolamenti “ddelegati” li għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni u mfassla biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi “mhux essenzjali” tal-liġijiet Ewropej taħt il-kontroll tal-Parlament u l-Kunsill, li jistgħu jirrevokaw id-delegazzjoni nnifisha jew joġġezzjonaw għal abbozz ta’ regolament speċifiku; għandha ssir distinzjoni bejn dawn ir-regolamenti ddelegati u atti għall-implimentazzjoni biss li l-Kummissjoni se tadotta taħt il-kontroll ta’ l-Istati Membri.[21] Id-dikjarazzjoni mill-Kapijiet ta’ Stat jew il-Gvern fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’ Ġunju 2005 dwar il-proċess ta’ ratifikazzjoni tal-Kostituzzjoni jaħseb għal perjodu ta’ riflessjoni sa nofs l-2006.

L-integrazzjoni ta’ l-għaxar Stati Membri l-ġodda fix-xogħol tal-kumitati tal-komitoloġija – wara t- tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 – seħħ bla ebda problemi sinifikanti. Sad-data ta’ l-adeżjoni, huma gawdew stat ta’ osservatur attiv, li ngħataw bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2003[22] (u li beda japplika mill-ġurnata ta’ wara l-firma tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni fis-16 ta’ April 2003).[23] B’dan il-ftehim, ir-rappreżentanti mill-istati aderenti kienu mistiedna f’bosta mill-kumitati tal-komitoloġija; kellhom il-possibbiltà jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet diskussi fil-laqgħat iżda ma kellhom l-ebda dritt jieħdu sehem fil-votazzjoni dwar l-abbozz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Mill-adeżjoni, ma kien hemm l-ebda differenza fid-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri l-“qodma” u l-“ġodda”.

F’Diċembru 2004, għalqu n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Bulgarija u r-Rumanija fil-25 ta’ April 2005 kien iffirmat it-Trattat dwar l-Adeżjoni. Bl-istess mod ta’ l-atteġġament deskritt aktar ’il fuq fir-rigward ta’ l-għaxar Membri l-Ġodda matul il-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni, il-Bulgarija u r-Rumanija ngħataw stat ta’ osservatur attiv sa mis-26 ta’ April 2005 u jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitati.[24]

Fir-rigward tat-Turkija u l-Kroazja bħala l-pajjiżi kandidati li baqa’, il-parteċipazzjoni baqgħet tkun organizzata fuq il-bażi tal-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni mal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fi programmi, aġenziji u kumitati tal-Komunità”[25] u l-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni mal-Kunsill u l-Parlament dwar it-tħejjija għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fi programmi u aġenziji tal-Komunità”.[26]

2. DESKRIZZJONI ORIZZONTALI TA’ L-ATTIVITAJIET

2.1 Numru ta’ kumitati u tipi ta’ proċeduri

Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-kumitati tal-komitoloġija, fuq naħa, u entitajiet oħra, b’mod partikolari “gruppi ta’ esperti” imwaqqfa mill-Kummissjoni innifisha, fuq in-naħa l-oħra. Dawn ta’ l-aħħar huma kkonċernati bil-preparazzjoni u t-twettiq ta’ politiki, waqt li l-kumitati tal-komitoloġija huma involuti fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-atti leġislattivi. Ir-rapport preżenti jiffoka esklussivament fuq il-kumitati tal-komitoloġija. In- numru tal-kumitati tal-komitoloġija kien ikkalkulat skond is-settur ta’ l-attività (Tabella I) sal-31.12.2003. Il-figuri għas-sena ta’ qabel (hekk kif kienu sal-31.12.2002) huma mogħtija għat-tqabbil.

TABELLA I – NUMRU TOTALI TA’ KUMITATI

Settur tal-Politika | 2003 | 2004 |

Intrapriża (ENTR) | 33 | 30 |

Xogħol u Affarijiet Soċjali (EMPL) | 8 | 6 |

Agrikoltura (AGRI) | 30 | 30 |

Trasport/Enerġija/Netwerks Trans-Ewropej (TREN) | 45 | 40 |

Ambjent (ENV) | 35 | 35 |

Riċerka (RTD) | 2 | 3 |

Soċjetà ta’ l-Informazzjoni (INFSO) | 13 | 10 |

Sajd (FISH) | 3 | 3 |

Suq Intern (MARKT) | 12 | 11 |

Politika Reġjonali (REGIO) | 2 | 2 |

Unjoni tat-Tassazzjoni u tad-Dwana (TAXUD) | 9 | 10 |

Edukazzjoni u Kultura (EAC) | 7 | 9 |

Saħħa u Ħarsien tal-Konsumaturi (SANCO) | 13 | 13 |

Ġustizzja u Affarijiet Interni (JAI) | 7 | 10 |

Relazzjonijiet Esterni (RELEX) | 3 | 3 |

Kummerċ (TRADE) | 13 | 11 |

Tkabbir (ELARG) | 2 | 2 |

Għajnuna għall-Ewropa (AIDCO)* | 8 | 9 |

Għajnuna Umanitarja (ECHO) | 1 | 1 |

Statistika (ESTAT) | 7 | 7 |

Baġit (BUDG) | 2 | 2 |

Uffiċċju kontra l-Frodi (OLAF) | 1 | 1 |

TOTAL | 256 | 248 |

Il-figuri jindikaw l-importanza relattiva tal-komitoloġija fl-attivitajiet fid-diversi setturi tal-politika. It-Trasport/Enerġija (40), l-Ambjent (35), l-Agrikoltura (30) u l-Intrapriża (30) jissokta jkollhom l-akbar numru ta’ kumitati. B’136 minn total minn 248 kumitat, dawn is-setturi tal-politika waħedhom jirrappreżentaw nofs il-kumjitati. L-isforzi tal-Kummissjoni biex ikun imminimmizat it-tkabbir fl-għadd ta’ kumitati ta riżultati. Dan naqqas saħansitra l-għadd ta’ kumitati eżistenti, kif kien fl-aħħar ta’ l-2004, meta mqabbel ma’ l-2003. Filwaqt li l-leġiżlatur stabbilixxa kumitati ġodda f’xi oqsma tal-politika fejn żdiedet l-attività (per eżempju l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, u l-Edukazzjoni u l-Kultura), f’setturi oħra tal-politika l-għadd naqas bir-riorganizzazzjoni tal-qafas legali (ara partikularment it-Transport u l-Enerġija). Tagħrif dettaljat dwar il-ħolqien, it-tneħħija u l-fużjonijiet ta’ kumitati jingħata fl-annotazzjonijiet tat-tabella għal kull settur tal-politika fl-Anness.

Il-kumitati tal-komitoloġija jistgħu jkunu klassifikati skond it-tip ta’ proċedura li jaħdmu taħthom (proċedura konsultattiva, proċedura ta’ tmexxija, proċedura regolatorja, u proċedura ta’ salvagwardja – ara t- Tabella II ). Is-sena 2004 hija l-ewwel sena li fiha r-“regolamenti ta’ allinjament” applikaw b’mod sħiħ,[27] sabiex il-varjanti differenti meta mqabbla mal-proċeduri tal-komitoloġija ta’ l-1987 (IIa u IIb, IIIa u IIIb) ma japplikawx aktar. Peress illi ċerti kumitati japplikaw proċeduri multipli (li jvarjaw mill-proċedura konsultattiva sal-proċedura regolatorja, flimkien mal-proċedura ta’ salvagwardja), huma ġew individwati mill-bqija tal- kumitati li jaħdmu bi proċedura unika.

TABELLA II – NUMRU TA’ KUMITATI SKOND IL-PROċEDURA (2004)

Tip ta’ proċedura | Kumitati li jaħdmu taħt diversi proċeduri |

Konsultattiva* | Tmexxija( | Konsultattiva* | Tmexxija( |

ENTR | 6 | 5 | 16 | - | 3 |

EMPL | 1 | - | 2 | - | 3 |

AGRI | - | 24 | 4 | - | 3 |

TREN | 7 | 2 | 24 | - | 7 |

ENV | 3 | 5 | 23 | - | 4 |

RTD | - | 2 | - | - | 1 |

INFSO | - | 3 | 3 | - | 4 |

FISH | - | 1 | - | - | 2 |

MARKT | 2 | 2 | 7 | - | - |

REGIO | - | 1 | - | - | 1 |

TAXUD | 1 | 4 | 3 | - | 2 |

EAC | 1 | - | - | - | 8 |

SANCO | 2 | - | 6 | - | 5 |

JAI | 4 | - | 1 | - | 5 |

RELEX | 1 | 1 | - | - | 1 |

TRADE | 2 | 3 | 1 | 2 | 3 |

ELARG | - | 1 | - | 1 | - |

AIDCO | - | 7 | 2 | - | - |

ECHO | - | - | - | - | 1 |

ESTAT | - | 4 | 1 | - | 2 |

BUDG | 1 | - | 1 | - | - |

OLAF | - | - | 1 | - | - |

TOTAL | 31 | 64 | 95 | 3 | 55 |

Il-figuri jindikaw illi madwar 40% tal-kumitati (95 minn 248) jaħdmu esklussivament taħt il-proċedura regolatorja, segwiti min-numru konsiderevolment żgħir ta’ kumitati li jaħdmu esklussivament taħt il-proċedura tat-tmexxija (64). Id-diviżjoni skond is-settur tal-politika juri illi l-użu ta’ tliet tipi ta’ proċeduri jvarja minn settur ta’ politika għall-ieħor. Madanakollu, f’xi setturi tal-politika, wieħed jinnota d-dominanza ta’ waħda mill-proċeduri: it-Trasport/Enerġija u l-Ambjent jaħdmu b’numru kbir ta’ kumitati li jiffunzjonaw taħt il-proċedura regolatorja, waqt li l-Agrikoltura taħdem b’numru kbir ta’ kumitati li jiffunzjonaw bil-proċedura tat-tmexxija.

2.2 Numru ta’ laqgħat

In-numru ta’ kumitati ma huwiex l-uniku indikatur ta’ attività fuq il-livell tal-komitoloġija. In- numru ta’ laqgħat li saru fl-2003 jirrifletti l-intensità tax-xogħol b’mod ġenerali, fuq livell settorjali u f’kumitati individwali ( Tabella III ).

TABELLA III – NUMRU TA’ LAQGħAT

2003 | 2004 | 2003 | 2004 |

ENTR | 59 | 54 | EAC | 23 | 28 |

EMPL | 17 | 10 | SANCO | 101 | 111 |

AGRI | 322 | 344 | JAI | 21 | 26 |

TREN | 44 | 51 | RELEX | 5 | 5 |

ENV | 54 | 64 | TRADE | 32 | 21 |

RTD | 50 | 58 | ELARG | 8 | 6 |

INFSO | 31 | 31 | AIDCO | 35 | 38 |

FISH | 25 | 22 | ECHO | 10 | 11 |

MARKT | 38 | 40 | ESTAT | 17 | 15 |

REGIO | 12 | 11 | BUDG | 6 | 6 |

TAXUD | 113 | 108 | OLAF | 1 | 2 |

Bħal fis-sena 2003, l-Agrikoltura tiddomina (bi 344 laqgħat), peress illi t-tmexxija tad-diversi swieq agrikoli teħtieġ laqgħat ta’ spiss. Hija segwita mis-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumaturi (b’ 111 laqgħat) u mill-Unjoni tat-Tassazzjoni u tad-Dwana (b’ 108 laqgħat) u grupp ta’ setturi oħra, bħall-Intrapriża, l-Ambjent u r-Riċerka, fejn in-numru ta’ laqgħat huwa bejn 54 u 64.

2.3 Numru ta’ opinjonijiet u strumenti

Bħal fir-rapport preċedenti, ir-rapport preżenti jagħti figuri globali ta’ l- opinjonijiet formali ppreżentati mill-kumitati[28] u l-miżuri ta’ implimentazzjoni (= atti legali, deċiżjonijiet amministrattivi) adottati mill-Kummissjoni. Dawn il-figuri jiddeskrivu l-“ prodott ” konkret tal-kumitati ( Tabella IV ). In-numru totali ta’ opinjonijiet ippreżentati mill-kumitati fl-2004 kien ta’ 2 777 imqabbel ma’ 2 981 fl-2003); in-numru ta’ strumenti adottati mill-Kummissjoni kien ta’ 2 625 (imqabbel ma’ 2 768 fl-2003).

TABELLA IV – NUMRU TA’ OPINJONIJIET U STRUMENTI U MIŻURI TA’ IMPLIMENTAZZJONI (2004)

Opinjonijiet | Miżuri ta’ implimentazzjoni | Opinjonijiet | Miżuri ta’ implimentazzjoni |

ENTR | 89 | 59 | EAC | 128 | 115 |

EMPL | 6 | 0 | SANCO | 370 | 352 |

AGRI | 1 279 | 1 279 | JAI | 53 | 31 |

TREN | 38 | 36 | RELEX | 2 | 2 |

ENV | 42 | 40 | TRADE | 45 | 44 |

RTD | 185 | 185 | ELARG | 90 | 89 |

INFSO | 35 | 34 | AIDCO | 183 | 182 |

FISH | 29 | 26 | ECHO | 52 | 52 |

MARKT | 13 | 12 | ESTAT | 51 | 12 |

REGIO | 29 | 26 | BUDG | 2 | 2 |

TAXUD | 55 | 47 | OLAF | 1 | 0 |

In-numru kbir ta’ strumenti adottati f’ċerti setturi tal-politika – Agrikoltura (1 279), is-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumaturi (352), ir-Riċerka (185), il-EuropAid (182) u l-Edukazzjoni u l-Kultura (115) – għal darba oħra jirriflettu l-intensità tax-xogħol iddelegat lill-Kummissjoni f’dawn l-oqsma permezz tal-proċeduri tal-komitoloġija.[29]

[1] L-Anness huwa ppreżentat bħala dokument ta' ħidma tal-ħaddiema tal-Kummissjoni.

[2] ĠU L 184, 17.07.1999, p. 23.

[3] Għal opinjoni bil-proċedura ta’ parir, biżżejjed ikun hemm maġġoranza sempliċi, kif imfissra fit-Trattat.

[4] Kif emendat bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-għaxar Stati Membri l-ġodda, ĠU L 236 of 23.9.2003, p. 33.

[5] Ara l-Indirizz ta’ l-Internet:http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/regcomito/registre.cfm?CL=en. Ir-reġistru jkopri dokumenti sa mill-bidu ta’ l-2003.

[6] ĠU L 145, 31.05.2001, p. 43.

[7] ĠU L 256/19 ta’ l-10.10.2000.

[8] Ara l-punt Nru 2 tal-Ftehim.

[9] Il-prassi eżistenti jistgħu jissoktaw wara li jibda jaħdem ir-reġistru; jibqa’ fid-diskrezzjoni ta’ kull dipartiment li jiddeċiedi liema dokumenti ta’ sostenn irid jibgħat lill-Parlament Ewropew. Madankollu, l-Istruzzjonijiet ta’ Ħidma preżenti għall- uploading fir-reġistru u r-repożitorju japplikaw għal tali dokumenti bl-istess mod li japplikaw għal trażmissjonijiet obbligatorji.

[10] Il-votazzjoni tal-kumitat tista’ ssir f’laqgħa regolari tal-kumitat jew bil-miktub, skond ir-Regoli tal-Proċedura tal-kumitat.

[11] ĠU L 256, 10.10.2000, p. 19. Il-ftehim jieħu post ċertu ftehim ta’ qabel: il-Ftehim Plumb/Delors ta’ l-1988, il-Ftehim Samland/Williamson ta’ l-1996 u l-“modus vivendi” ta’ l-1994.

[12] L-abbozzi l-ewwel jintbagħtu quddiem il-laqgħa tal-kumitat u, jekk ikunu emendati sostanzjalment waqt il-laqgħa, jerġgħu jintbagħtu wara l-laqgħa tal-kumitat.

[13] Dan l-istrument bażiku nnifsu kellu wkoll ikun adottat taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni (Artikolu 251 tat-Trattat) bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

[14] Ir-Riżoluzzjoni Nru 43/2004 adottata fit-28/10/2004 (ĠU C174E ta’ l-14/7/2005, p. 63).

[15] Abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli, ippreżentat lill-Kumissjoni Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali fit-12 ta’ Ottubru 2004.

[16] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1292/2005 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jirrigwarda n-nutriment ta’ l-annimali (ĠU L 205 tas-6/8/2005, p.3).

[17] Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (COM (2002) 719 finali, adottati fil-11.12.2002.

[18] Ir-Riżoluzzjoni adottata fit-2.9.2003 (P5-TA (2003)0352), ibbażata fuq ir-rapport ta’ R. CORBETT.

[19] COM (2004) 324 finali, bid-data tat-22.4.2004.

[20] Abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tessaloniki, l-20.6.2003, l-Artikoli I-35 u I-36.

[21] Il-verżjoni konsolidata ta’ l-Abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, C 310 tas-16.12.2004, p. 1-465.

[22] Id-Dokument tal-Kummissjoni C(2003)341.

[23] LEJN UNJONI MKABBRA, Dokument ta’ Strateġija u Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress lejn is-sħubija minn kull pajjiż kandidat (9.10.2002), COM (2002) 700 finali, ara l-punt 3.3 (p. 5).

[24] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2005 - C(2005)874 (l-Artikolu 7).

[25] COM (1999) 710 finali, adottata fl-20.12.1999.

[26] COM (2003) 748 finali, adottata fit-03.12.2003.

* Il-figuri fir-rigward ta’ l-AIDCO ma jinkludux il-kumitat tal-Fond għall-Iżvilupp Ewropew (EDF), li mhuwiex suġġett għal proċeduri tal-komitoloġija.

[27] Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.05.2003, p. 1) u Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.05.2003, p. 36) ta’ l-14.4.2003 li jadattaw għad-Deċiżjoni 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati bil-proċedura ta’ konsultazzjoni (maġġoranza kwalifikata/unanimament), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1105/2003 (ĠU L 158, 27.06.2003, p. 3) tas-26.5.2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (proċedura tal-kunsens) u r-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1) tad-29.9.2003 li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati bil-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (kodeċiżjoni).

[28] Inklużi opinjonijiet favorevoli, mhux favorevoli u l-ebda opinjoni, wara vot formali fil-każ tal-proċeduri regolatorji u tat-tmexxija.

[29] Madankollu, ta’ min jinnota li n-numru ta’ strumenti adottati biss ma jindikax l-importanza politika, ekonomika jew finanzjarja tad-deċiżjonijiet meħuda.