52005DC0537

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport annwali tas-SAPARD - Sena 2004 {SEG(2005) 1375} /* KUMM/2005/0537 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.10.2005

KUMM(2005) 537 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

RAPPORT ANNWALI TAS-SAPARD – Sena 2004 {SEG(2005) 1375}

1. DAħLA

B'bidu mill-2000, l-Unjoni Ewropea saħħet l-għajnuna tagħha ta' qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp rurali ta' għaxar pajjiżi kandidati ta' l-Ewropa tal-Lvant u Ċentrali billi ħolqot Sapard , il-Programm Speċjali ta' qabel l-Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Tagħrif dettaljat dwar is-sistemi ta' implimentazzjoni u ġestjoni ta' Sapard jingħata fir-rapport annwali tas- Sapard ta' l-2000.

L-appoġġ finanzjarju li jingħata taħt Sapard huwa maħsub biex jgħin lill-pajjiżi Sapard iwettqu t-titjib strutturali fl-ambjent agrikolu u rurali tagħhom b'antiċipazzjoni ta' l-adeżjoi tagħhom ma' l-UE. L-Unjoni Ewropea tat appoġġ finanzjarju biex jittejbu l-istandards ta' kwalità, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti, ħalli jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' l-UE. L-għajnuna Sapard intużat ukoll biex jiġu solvuti problemi speċifiċi identifikati mill-pajjiżi.

2. IR-RIżULTATI EWLENIN TA' L-IMPLIMENTAZZJONI SAPARD [1]

Mill-2000 sa l-2004, il-pajjiżi Sapard ġew allokati total ta' € 2 412,1 miljun għat-titjib tas-setturi agrikoli u rurali tagħhom, li minnhom € 1 334,2 miljun kienu allokati lill-Istati Membri l-ġodda u € 1 077,9 miljun lill-Bulgarija u lir-Rumanija. Mill-2000 sa l-2004, is-somma ta' € 991 miljun tħallset fil-fatt lill-pajjiżi Sapard. Matul l-2004 weħidha, € 573,5 miljun tħallsu lill-pajjiżi Sapard , li minnhom € 380.4 miljun tħallsu lill-Istati Membri l-ġodda u € 193,1 miljun lill-Bulgarija u lir-Rumanija.

Fl-1 ta' Mejju 2004, tmienja mill-għaxar pajjiżi Sapard issieħbu fl-UE. Matul l-2004, l-Istati Membri l-ġodda ma baqgħux jagħtu kuntratti għal proġetti ġodda taħt il-programmi rispettiv Sapard tagħhom, u qelbu għall-ħruġ ta' kuntratti taħt il-programmi ta' wara l-adeżjoni.

Bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni ta' Sapard , l-Istati Membri l-ġodda kienu fil-qagħda li jużaw l-istrutturi diġà eżistenti ta' Sapard għall-ġestjoni tal-programmi tagħhom ta' wara l-adeżjoni. Barra minn hekk, id-data għall-għoti ta' kuntratti mill-fondi ta' wara l-adeżjoni għal miżuri tat-tip ta' Sapard x'aktarx tindika li, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, il-livelli ta' kuntratti taħt dawn il-miżuri huma ogħla minn dawk taħt miżuri oħrajn: pereżempju, fil-Latvja il-kuntratti laħqu 100%, u fl-Estonja, il-livell medju huwa ta' 63%.

Sa tmiem l-2004, l-aġenziji Sapard kienu kkuntrattaw aktar minn 37 000 proġett, li jirrappreżentaw 'il fuq minn € 2,2 biljun tal-kontribut Komunitarju.

3. EVALWAZZJONI TA' L-ILħIQ TAL-MIRI TA' SAPARD [2]

Issa li ntemm l-għoti ta' kuntratti mill-fondi Sapard fl-Istati Membri l-ġodda, sar eħfef li dak li jkun jevalwa r-riżultat globali ta' l-implimentazzjoni ta' Sapard . Għal għadd ta' raġunijiet, bħalma huma d-diversità ta' indikaturi u investimenti, mhijiex fattibbli fil-prattika evalwazzjoni bbażata fuq l-indikaturi mfissra fil-programmi Sapard. Minflok, dan ir-rapport sejjer jiffoka fuq l-implimentazzjoni, meta mqabbla mal-miri ta' Sapard. Ir-rapport sejjer janalizza l-qagħda ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' investiment għall-istabbilimenti agrikoli u għall-industrija ta' l-ikel, li b'mod partikolari jikkontribwixxu għall-ilħiq ta' l-istandards ta' l- acquis , u ż-żewġ miżuri ta' investiment għall-infrastruttura rurali u għad-diversifikazzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi, li b'mod partikolari jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien ta' l-impjiegi fiż-żoni rurali. Dawn l-erba' miżuri bejniethom jirrappreżentaw 86% ta' l-allokazzjoni totali taħt Sapard.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-rapport sejjer jiffoka fuq il-progress li sar matul l-2004.

3.1 Stati Membri Ġodda

Sa tmiem l-2004, it-tmien pajjiżi kollha rnexxielhom jikkuntrattaw il-fondi ta' l-UE li kenulhom allokati, kif ukoll li jħejju sensiela ta' proġetti eliġibbli taħt il-programmi ta' wara l-adeżjoni.

Taħt il-miżura ta' investiment fl-istabbilimenti agrikoli, is-sehem tal-produzzjoni ta' annimali u ta' prodotti derivati minnhom, li huwa s-settur l-iktar essenzjali f'dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta' standards ta' l- acquis , laħaq 41% ta' l-ammont globali li nħareġ f'kuntratti taħt din il-miżura fit-tmien pajjiżi. Fl-istess ħin, investimenti fis-settur tal-koltivazzjoni tal-ħxejjex jirrappreżentaw 16%. Minkejja li f'xi pajjiżi s-settur tal-ħxejjex huwa relattivament importanti, il-konċentrazzjoni fuq dan is-settur sa ċertu punt hija kkaġunata minn diffikultajiet ekonomiċi fis-settur tal-produzzjoni ta' l-annimali u tal-prodotti derivati minnhom.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' investimenti fl-ipproċessar u l-bejgħ ta' l-ikel, il-prodotti tal-laħam u dawk tal-ħalib u l-prodotti derivati minnu, li huma s-setturi l-iktar vitali f'dak li jirrigwarda l- acquis , wasal sa 51% u 22%. Barra minn hekk, id-data tal-monitoraġġ tagħti x'tifhem li l-livell ta' investimenti fl-ewwel stadju ta' l-ipproċessar, u b'mod partikolari fil-biċċeriji, żdied f'xi pajjiżi, u b'hekk kompla jenfasizza l-adozzjoni ta' l-istandards ta' l- acquis . Pereżempju, fl-Ungerija l-għadd ta' proġetti ta' biċċeriji kważi ttriplika.

Evalwazzjoni preliminari ta' dawn ir-riżultati x'aktarx turi li investimenti taħt dawn iż-żewġ miżuri kkontribwew bil-kbir għall-ilħiq tal-miri ta' Sapard .

Fl-2004, il-miżura ta' infrastruttura rurali kienet l-iktar importanti f'dak li huma l-livelli ta' kuntratti, ħaġa li tirrifletti l-ħtieġa sostanzjali għal titjib infrastrutturali fiż-żoni rurali, speċjalment fil-Polonja.

Taħt l-investimenti fid-diversifikazzjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi, 20% tal-fondi ta' l-UE allokati għal din il-miżura ntużaw f'investimenti fit-turiżmu rurali u 11% għall-iżvilupp ta' servizzi bażiċi.

Investimenti taħt dawn iż-żewġ miżuri kkontribwew għat-titjib ta' l-infrastruttura bażika u l-appoġġ ta' l-iżvilupp sostenibbli ta' attivitajiet ekonomiċi fiż-żona rurali.

L-għan ewlieni tal-miżura agroambjentali kien li tinkiseb biżżejjed esperjenza fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm agroambjentali ta' wara l-adeżjoni, għan li ntlaħaq, b'mod partikolari fis-Slovakkja u fir-Repubblika Ċeka.

3.2 Il-Bulgarija u r-Rumanija

L-ammonti totali allokati lill-Bulgarija u r-Rumanija matul l-2004 laħqu € 226,7 miljun.

F'dak li jirrigwarda l-proġetti approvati, l-implimentazzjoni ta' Sapard fil-Bulgarija għamlet progress tajjeb ħafna fl-2004. Sal-31 ta' Diċembru 2004, l-aġenzija Sapard kienet approvat 1 909 proġetti, li bejniethom irrappreżentaw € 285,4 miljun tal-kontribut ta' l-UE, u b'hekk kważi rduppjat l-għadd ta' proġetti approvati meta mqabbel ma' l-2003. Din iċ-ċifra tikkkorrespondi għal 100% ta' l-allokazzjoni għas-snin 2000–2004.

Taħt il-miżura ta' l-investiment fl-istabbilimenti agrikoli, il-fondi ta' l-UE li kienu ġew allokati għal dik il-miżura ġew kuntrattati għal kollox. L-għadd ta' proġetti li ġew kuntrattati sa tmiem l-2004 aktar milli rdoppja meta mqabbel ma' tmiem l-2003. Is-sehem tas-settur tal-ħxejjex koltivati għadu għoli (44%) meta mqabbel ma' pajjiżi oħrajn, ħaġa li hija ġustifikata mill-ħtieġa sostanzjali għar-razzjonalizzazzjoni u l-mekkanizzazzjoni.

Taħt il-miżura dwar l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq, 96% tal-fondi ta' l-UE li kienu ġew allokati għal dik il-miżura għall-perjodi 2000–2004 ġew kuntrattati. L-investimenti fis-settur tal-prodotti tal-laħam jirrapreżentaw 31%, f'dak tal-ħalib u l-prodotti derivati minnu 14%, filwaqt li f'dak tal-ħaxix u l-frott 28%.

Il-livell ta' kuntratti u l-għadd ta' proġetti wkoll żdiedu taħt il-miżura dwar id-diversifikazzjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi. L-aktar attivitajiet importanti kienu relatati ma' l-investimenti fit-turiżmu rurali (42%) u dawk fl-injam mhux ipproċessat, fix-xogħol ta' l-injam u l-bijofjuwils (33%).

Barra minn hekk, fl-2004 saru operattivi l-infrastruttura rurali u r-rinnovament tal-villaġġi. Sa tmiem l-2004, il-livelli ta' kuntratti għal dawn iż-żewġ miżuri laħaq 84% u 71% rispettivament. Taħt l-infrastruttura rurali, 83% tal-fondi ntużaw fl-infrastruttura tat-toroq.

Fir-Rumanija, sa tmiem l-2004, l-aġenzija Sapard approvat 1 096 proġett li jirrapreżentaw € 452,4 miljun ta' fondi ta' l-UE. Din iċ-ċifra tikkorrespondi għal 57% ta' l-allokazzjoni Sapard għas-snin 2000–2004.

Il-miżura dwar l-infrastruttura rurali, il-miżura prinċipali fir-Rumanija, ġiet allokata l-ikbar sehem tal-kontribut Sapard ta' l-UE lir-Rumanija. Sa tmiem l-2004, il-livell ta' kuntratti laħaq 122%, li minnhom kien hemm 49% għat-toroq, 35% għall-ilma tax-xorb u 16% għad-drenaġġ.

Sabiex ma jintilfux fondi sa tmiem l-2005, jeħtieġ li jsir progress ta' malajr taħt il-miżuri ta' l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq, l-investiment fl-istabbilimenti agrikoli u d-diversifikazzjoni.

Il-miżura dwar l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ġiet allokata t-tieni l-akbar sehem mill-kontribut ta' l-UE. Il-livell ta' kuntratti taħt din il-miżura laħaq 41% għall-perjodu 2000–2004, li minnu s-settur ta' prodotti tal-laħam irċieva 51% u s-settur tal-ħalib u l-prodotti derivati minnu 21%.

Taħt il-miżura dwar l-investiment fl-istabbilimenti agrikoli, il-livell ta' kuntratti laħaq biss 15%, bi 53% minfuq fis-settur tal-ħxejjex koltivati. Il-livell ta' kuntratti taħt il-miżura dwar id-diversifikazzjoni ma laħaqx aktar minn 11%, b'94% relatati mat-turiżmu rurali.

4. Implimentazzjoni u ġestjoni tal-programm

4.1 Monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-programm

Matul l-2004, saru 18-il laqgħa tal-Kumitat ta' Monitoraġġ ta' Sapard u sitt programmi Sapard ġew emendati. Minbarra l-monitoraġġ tas-soltu, il-ħidma tal-Kumitat iffokat fuq tibdil fil-programmi. L-għanjijiet prinċipali tat-tibdiliet kienu kif ġej: i) ir-reviżjoni ta' ċerti aspetti ta' miżuri akkreditati fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba u/jew ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni ta' nofs triq fil-perjodu; ii) l-aġġornament tat-tabelli finanzjarji, u f'xi pajjiżi, l-allokazzjoi ta' mgħax miksub u iii) l-aġġustament tal-programm bi tħejjija għall-akkreditazzjoni. Fit-tmien Stati Membri l-ġodda, il-ħidma kkonċentrat ukoll fuq l-adattament finali tat-tabelli finanzjarji, kif ukoll fuq l-aġġustament aħħari tal-programmi (Anness D).

Fil-Bulgarija, it-tibdiliet kellhom x'jaqsmu ma' aktar konċentrazzjoni fuq miżuri ta' implimentazzjoni li i) jikkontribwixxu għall-adozzjoni ta' l- acquis u ii) itejbu l-produttività ta' l-istabbilimenti agrikoli fid-dawl ta' l-adeżjoni li qed toqrob. Fir-Rumanija, il-Kumitati ta' Monitoraġġ iddiskutew il-kwistjoni tat-titjib tal-livell tal-kuntratti, kif ukoll il-proposti għal tibdil tal-programm biex jiġi rifless il-kunflitt ta' interessi fil-proġetti infrastrutturali.

Barra minn hekk, kull wieħed mill-għaxar pajjiżi ressaq ir-rapport tiegħu dwar l-implimentazzjoni.

4.2 Evalwazzjoni ta' nofs triq

Fl-2004, il-Kummissjoni analizzat ir-rapporti ta' nofs triq. Bil-għan li jinbidlu l-programmi għall-Bulgarija u r-Rumanija, tqiesu l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tar-rapporti. Dan it-tagħrif tqies ukoll taħt il-ġestjoni tal-programmi ta' wara l-adeżjoni fit-tmien Stat Membri ġodda.

4.3 Opportunità ta' Self Rurali

Sabiex jgħin fit-titjib tas-sistema ta' self rurali, fl-2003 twaqqaf proġett speċjali, Opportunità ta' Self Rurali ( Rural Credit Window ), taħt il-faċilità PHARE SME . Il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-komponent ta' l-Opportunità ta' Self Rurali, li kien maħsub biex jiffaċilita l-aċċess ta' l-operaturi agrikoli u l-impriżi rurali għas-servizzi finanzjarji, mexa b'anqas ħeffa milli kien previst fil-bidu. Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza r-raġunijiet għas-sitwazzjoni kurrenti, u tikkunsidra azzjonijiet possibbli biex ittejjeb l-implimentazzjoni.

5. Inizjattivi legali

F'din it-taqsima jingħata sunt ta' l-inizzjattivi legali li ttieħdu matul l-2004[3].

Ir-Regolament dwar il-Kunsill Sapard u r-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġew mibdula biex l-għajnuna finanzjarja mogħtija lill-Bulgarija u r-Rumanija tiġi allinjata ma' l-għajnuna mogħtija lill-Istati Membri l-ġodda wara l-adeżjoni. Dan kien jinvolvi, fost l-ħrajn, i) l-inklużjoni ta' miżura eliġibbli ġdida li tippermetti lill-komunitajiet rurali jħejju u jimplimentaw strateġiji lokali ta' żvilupp rurali; ii) adattament ta' l-intensitajiet ta' l-għajnuna li jixbhu lil dawk mogħtija lil-Istati Membri l-ġodda u iii) l-introduzzjoni ta' ċerta flessibbiltà għall-użu ta' skemi nazzjonali biex jeħfief l-aċċess għall-krediti.

Ir-Regolament tal-Kunsill kompla ġie emendat biex jinkludi lill-Kroazja bħala benefiċjarju ta' Sapard għall-perjodu 2005–2006.

Il-Kummissjoni adottat regolament ġdid li estenda l-validità tal-ftehimiet ta' finanzjament ( MAFA u AFA ) preċedentement konklużi mal-pajjiżi Sapard li saru Stati Membri. Għal perjodu tranżizzjonali, dawn il-pajjiżi qed jitħallew jimxu fuq regoli għajr dawk tas-soltu ta' l-UE. Taħt dan ir-regolament, waqfu mill-applikazzjoni ċerti dispożizzjonijiet li fihom dawn il-ftehimiet, bħalma huma dawk li jirregolaw il-proċedura tal-konferiment tal-ġestjoni.

Sabiex l-Istati Membri l-ġodda jingħataw pariri dwar l-għeluq tal-programmi, il-Kummissjoni ħejjiet Linji ta' Gwida għall-Għeluq tal-programmi Sapard .

Fl-2004, il-Kummissjoni adottat ftehimiet ta' finanzjament li allokaw € 225,2 miljun lill-Bulgarija u r-Rumanija. Adottat ftehim ta' finanzjament ieħor sabiex talloka € 1,5 miljun oħra lill-Bulgarija u r-Rumanija.

6. ATTIVITAJIET MARBUTA MAL-KONFERIMENT TAL-ġESTJONI, IL-VERIFIKA U S-SORVELJANZA

6.1 Aġġornament tal-Konferiment tal-Ġestjoni ta' l-Għajnuna u missjonijiet ta' monitoraġġ [4]

Fl-2004, ġew adottati tliet deċiżjonijiet addizzjonali li jikkonferixxu l-ġestjoni ta' l-għajnuna. Sa tmiem is-sena, il-konferiment tal-ġestjoni kopra 100% ta' l-allokazzjoni għar-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u s-Slovenja.

Twettqu missjonijiet ta' monitoraġġ u verifika fis-Slovakkja (Marzu 2004), il-Polonja (April 2004), Ir-Rumanija (Mejju 2004) u l-Bulgarija (Ottubru 2004), bil-għan li jiġi evalwat l-operat tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll intern. Fejn kien f'loku, saru r-rakkomandazzjonijiet.

6.2 Deċiżjoni ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet

Il-kontijiet ta' l-2003 ta' seba' pajjiżi Sapard (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija) ġew approvati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2004) 3603 tat-28 ta' Settembru 2004.

Ma ntemmitx l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-Bulgarija, il-Polonja u r-Rumanija, fl-istennija li jasal u jiġi evalwat it-tagħrif addizzjonali li kien intalab.

6.3 Deċiżjoni ta' l-approvazzjoni tal-konformità

L-inkjesta tal-verifika tal-konformità, li nbdiet f'Settembru 2003, kompliet fl-2004. Sitt verifiki twtetqu matul l-2004. L-aġenziji akkreditati u l-korpi lokali li kellhom ir-responsabbiltà għall-ġestjoni u s-sorveljanza tal-miżuri Sapard fir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Polonja, l-Ungerija u r-Rumanija kienu suġġetti għall-verifika globali tal-proċeduri implimentati. Saret it-tieni verifika fil-Bulgarija biex tkopri l-infiq iddikjarat matul l-2004.

Matul dawn il-verifiki kollha, inflew kampjuni magħżula ta' fajls ta' ħlasijiet u xi benefiċjarji aħħarija saritilhom spezzjoni fuq il-post.

L-awdituri ffukaw b'mod partikolari fuq rekwiżiti speċifiċi tal- MAFA li, tqiesu li jippreżentaw grad ogħla ta' riskju rigward: i) il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u partikolarment l-ekonomija u l-effettività ta' l-infiq; ii) finanzjament imtenni jew duplikazzjoni ta' finanzjament; iii) infiq li mhuwiex eliġibbli għall-kofinanzjament Komunitarju taħt Sapard ; iv) kriterji ta' eliġibbiltà mfissra fil-programmi ta' żvilupp rurali għal kull miżura; v) l-estent u l-kwalità tas-sorveljanza; vi) tibdil fl-istaff fost dawk meqjusa bħala ta' importanza ewlenija; vii) l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, u viii) allegazzjonijiet speċifiċi.

L-awtoritajiet konċernati ġew mgħarrfa bil-punti ta' dgħufija li kienu ġew reġistrati. L-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji possibbli għall-infiq li kien sar sejra tiġi evalwata fi tmiem il-proċeduri ta' l-approvazzjoni tal-kontijiet relatati ma' l-inkjesta attwali, b'aplikazzjoni tal-proċeduri tal- MAFA .

6.4 Ħidma rigward il-Qorti ta' l-Awdituri

Fid-19 ta' Frar 2004, il-Qorti ta' l-Awdituri pprżentat lill-Kummissjoni rapport speċjali dwar Sapard : " Sapard kien ġestit sew?". Ir-rapport kien kritiku f'dak li jirrigwarda l-ilħiq tal-miri ta' Sapard . Ġibed l-attenzjoni lejn dewmien fl-implimentazzjoni minħabba nuqqas ta' ppjanar min-naħa tal-Kummissjoni. Ir-rapport ikkonkluda wkoll li n-nuqqas tar-riżorsi proprji tal-benefiċjarji aħħarija, problemi ta' nuqqas ta' aċċess għal self lil benefiċjarji potenzjali, kif ukoll proċeduri kumplessi kienu rriżultaw f'utilizzazzjoni tal-fondi sinifikantement aktar baxxa minn dak previst.

Madankollu, il-Qorti kkonkludiet ukoll li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika implimentazzjoni deċentralizzata kienet korretta, fid-dawl ta' l-għadd kbir ta' proġetti li kienu mistennija jiġu ffinanzjati. Stqarret li kienet żgurat li i) kienu ġew stabbiliti sistemi definiti kif imiss b'kontrolli ta' importanza ewlenija, qabel ma setgħu' jintefqu kwalunkwe fondi; ii) il-proċeduri kienu dokumentati sewwa; iii) is-sistemi kienu qed jaħdmu sew fil-prattika, b'mod ġenerali, u iv) kienu segwiti l-proċeduri ta' l-iċċekkjar fil-parti l-kbira tal-fajls eżaminati. Il-Qorti għarfet li Sapard tat kontribut siewi għat-tħejjija għas-sħubija fl-UE.

6.5 Informazzjoni dwar irregolaritajiet

Fl-2004, inġiebu għall-attenzjoni ta' l- OLAF 91 każ ta' irregolarità: 27 fil-Polonja, 23 fis-Slovenja, 18 fir-Rumanija, 15 fil-Litwanja u 8 fl-Ungerija. Għandu jiġi nnutat titjib ċar sew fil-kwalità kif ukoll fil-kwantità tar-rapporti. Madankollu, il-Kummissjoni tkompli turi d-dispjaċir tagħha għall-eżistenza ta' dewmien konsiderevoli, in-nuqqas ta' tagħrif minn ċerti pajjiżi, u xi kultant il-kwalità fqira ta' komunikazzjonijiet li wasslet għat-telfien ta' informazzjoni importanti.

Il-parti l-kbira ta' l-irregolaritajiet kienet ikkaġunata mill-applikazzjoni żbaljata ta' regoli għall-kuntratti pubbliċi għall-miżuri fl-infrastruttura u l-biċċeriji, l-ineliġibilità ta' ċerti nefqiet u l-evalwazzjoni mhux adegwata ta' l-impatt ambjentali tal-proġetti. Il-livell inadegwat ta' staff, in-nuqqas ta' taħriġ, u l-importanza tar-rotazzjoni jitqiesu bħala fatturi ta' riskju.

7. Żvilupp fil-ġejjieni

7.1 Il-Kroazja

Sabiex tinbeda l-ħidma ta' tħejjija għall-implimentazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni, f'Settembru 2004 l-Kummissjoni wettqet missjoni esploratorja fil-Kroazja. Fl-istess waqt, l-awtoritajiet tal-Kroazja ġew mgħarrfa bil-passi ewlenin li jridu jittieħdu sabiex jiġi żgurat bidu bikri ta' l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni tagħhom.

F'Novembru 2004, il-Kummissjoni organizzat seminar introduttorju biex tipprovdi tagħrif lill-Kroazja rigward il-programm Sapard , u s-sistema li l-pajjiż ikun jeħtieġlu jistabbilixxi qabel ma jkun jista' jirċievi fondi mill-UE.

7.2 Strument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni ( IPA )

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-perspettivi finanzjarji 2007–2013 irrikmandat riforma ta' l-għajnuna esterna, inklużi dik ta' qabel l-adeżjoni[5]. Il-Kummissjoni ressqet qafas waħdieni għall-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni – imsemmi Strument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni ( IPA ).

Taħt il-perspettiva finanzjarja futura, it-tip ta' għajnuna li tingħata taħt l-istrument Sapard se tkompli tingħata taħt il-Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali.

[1] Ara l-Anness A.

[2] L-Annessi B u C jippreżentaw stampa globali orizzonali.

[3] Anness E.

[4] Ara l-Anness F.

[5] KUMM(2004) 101.