52005DC0504




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2005

KUMM(2005)504 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent ta' l-Ibħra {SEK(2005)1290}

DAħLA

L-ambjent ta' l-ibħra huwa riżorsa importanti. L-oċeani u l-ibħra jipprovdu 99% ta' l-ispazju disponibbli għall-ħajja fuq il-pjaneta, jinfirxu fuq 71% ta' wiċċ id-Dinja u fihom 90% tal-bijosfera, u b'konsegwenza ta' dan fihom aktar diversità bijoloġika milli fihom l-ekosistemi ta' l-art u ta' l-ilma ħelu. L-ekosistemi ta' l-ibħra għandhom rwol ewlieni fl-iskemi tal-klima u t-temp. Filwaqt li l-istess ħajja ma tistax tgħaddi mingħajru, l-ambjent marittimu jikkontribwixxi wkoll bil-kbir għar-riżq ekonomiku, il-benessri soċjali u l-kwalità tal-ħajja.

Madankollu, l-ambjent ta' l-ibħra jinsab taħt pressjoni sinifikanti. Ir-rata li biha qed titnaqqarlu l-bijodiversità, il-livelli ta' kontaminazzjoni minn sustanzi perikolużi u l-konsegwenzi emerġenti tal-bidla fil-klima huma xi wħud mis-sinjali l-iktar viżibbli ta' twissija. L-Evalwazzjoni tal-Millenju ta' l-Ekosistemi tan-NU ( UN Millennium Ecosystem Assessment ) tat importanza speċjali lit-tnaqqis ta' stokkijiet ta' ħut u l-proliferazzjoni ta' algi tossiċi li twassal għall-qerda ta' organiżmi fl-ibħra bħala tnejn mill-iktar eżempji sinifikanti ta' bidliet fl-ekosistemi li qed jirrankaw, iseħħu ħesrem u li jista' jkun li ma jitreġġgħux lura.

Fid-dawl tat-tħassib li qed jikber rigward il-qagħda ta' l-oċeani u l-ibħra ta' l-Ewropa, is-Sitt Pjan ta' Azzjoni Ambjentali ta' l-UE inkluda impenn għall-iżvilupp ta' Strateġija Tematika għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra (minn hawn 'il quddiem l-Istrateġija), bil-għan globali "li jiġi promoss l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u kkonservati l-ekosistemi ta' l-ibħra". Filwaqt li l-Istrateġija hija ffukata l-ewwelnett fuq il-protezzjoni ta' l-ibħra reġjonali li ma' xtuthom hemm pajjiżi ta' l-UE, tqis ukoll id-dimensjoni internazzjonali, fir-rikonoxximent ta' l-importanza tat-tnaqqis ta' l-impatt ta' l-UE fuq iż-żoni ta' l-ibħra fi rkejjen oħra tad-dinja, inklużi l-Ibħra Internazzjonali.

L-Istrateġija għandha tiġi meqjusa fil-kuntest usa' ta' l-iżvilupp ta' Politika Marittima Ġdida ta' l-UE. Il-ħtieġa ta' politika ta' dan it-tip toħroġ mill-importanza ekonomika, soċjali u ambjentali tad-dimensjoni ambjentali fl-Ewropa, kif jenfasizzaw l-Għanijiet Strateġiċi tal-Kummissjoni għall-perjodu 2005-2009. Il-viżjoni hija waħda ta' Ewropa b'ekonomija marittima dinamika f'armonija ma' l-ambjent ta' l-ibħra, li sserraħ fuq l-eċċellenza fix-xjenzi ta' l-ibħra. Fl-ewwel nofs ta' l-2006, sejra titressaq Green Paper li tiddefinixxi l-ambitu u l-orjentamenti ewlenin ta' din il-politika. L-Istrateġija sejra tagħti kontribut dirett għax-xogħol fuq il-Politika Marittima tal-ġejjieni ta' l-UE.

L-inizjattivi li qed tieħu l-UE dwar l-affarijiet marittimi jirriflettu għarfien dejjem jiżdied sew ta' l-importanza kif ukoll tas-sensittività ta' l-ekosistemi ta' l-ibħra. Għadd ta' pajjiżi, sew mill-UE kif ukoll lil hinn minnha, f'dawn l-aħħar snin varaw inizjattivi kbar ta' politika. Dawn il-miżuri lkoll jitilqu mill-pożizzjoni li livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra huwa sine qua non għall-isfruttament sħiħ tal-potenzjal ekonomiku ta' l-oċeani u l-ibħra.

Il-qagħda mwiegħra ta' l-ambjent ta' l-ibħra Ewropew

L-ambjent ta' l-ibħra Ewropew qed jiffaċċa theddidiet serji u li qed jiżdiedu. Il-Kummissjoni ddeskriviet dawn it-theddidiet f'Komunikazzjoni mis-sena 2002[1]. Matul dawn l-aħħar tliet snin, kompliet takkumula l-evidenza li turi li l-qagħda ta' l-ibħra u l-oċeani tagħna sejra lura. Il-bijodiversità Ewropea fl-ibħra qed tonqos, u għada qed tinbidel. Ħabitats fl-ibħra qed jinqerdu, ibatu l-ħsara u jitqallbu.

It-theddidiet prinċipali li ġew individwati għall-ambjent ta' l-ibħra jinkludu l-effetti tat-tibdil fil-klima; it-tniġġis (inkluża l-kontaminazzjoni mis-sustanzi perikolużi; minn sorsi fuq l-art; skart, it-tniġġis mikrobijoloġiku; it-tixrid ta' żjut minħabba inċidenti kif ukoll it-tniġġis mill-bastimenti u l-esplorazzjoni fuq l-ibħra għaż-żejt u l-gass; it-tniġġis miż-żarmar tal-vapuri; u t-tniġġis akustiku); l-impatti tas-sajd kummerċjali; it-tidħil ta' speċijiet mhux lokali (eżotiċi), l-aktar mir-rimi ta' l-ilma tas-saborra tal-bastimenti; it-tqawwija tan-nutrijenti (l-ewtrifikazzjoni) u l-proliferazzjoni relatata magħha ta' algi tossiċi; u l-iskariki illegali tar-radjunukleidi (ara l-evalwazzjoni ta' l-impatt li takkumpanja l-Istrateġija għal aktar tagħrif dwar theddidiet u pressjonijiet).

It-tħassir kurrenti fil-qagħda ta' l-ambjent ta' l-ibħra u l-erożjoni relatata tal-kapital ekoloġiku tiegħu jipperikola l-ġenerazzjoni tal-prosperità u ta' l-impjiegi dderivata mill-oċeani u l-ibħra ta' l-Ewropa. Jekk dan ma jiġix affrontat, se jnawwar il-kapaċità tas-settur marittimu ta' l-UE biex jagħti kontribut lill-aġenda ta' Liżbona.

Attivitajiet ekonomiċi li jiddependu direttament mill-kwalità ta' l-ambjent ta' l-ibħra jintlaqtu b'mod partikolari. It-turiżmu, settur ewlieni, jintlaqat ħażin ħafna. F'dak li jirrigwarda s-sajd, it-telf ta' dħul mis-sajd żejjed tal-bakkaljaw waħdu fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku ġie stmat li laħaq € 400 miljun fl-2002[2]. Stimi oħra jbassru li l-fatturat tas-sajd Britanniku jista' jaqa' sa 30% jekk l-istokkijiet ta' ħut jiġu ġestiti ħażin u jekk l-industrija ma jirnexxilhiex timmodernizza ruħha ħalli tkun tista' tikkompeti[3].

Qafas istituzzjonali inadegwat għall-ġestjoni ta' l-ibħra

Hemm ostakli istituzzjonali li jtellfu l-protezzjoni mtejba ta' l-ambjent ta' l-ibħra Ewropew:

- Fuq il-livell ta' l-UE u fuq dak nazzjonali, hemm għadd ta' miżuri li sa ċertu punt jikkontribwixxu għall-ħarsien ta' l-ambjent ta' l-ibħra, imma l-parti l-kbira minnhom huma settorjali u ma kenux imfassla speċifikament għall-protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra.

- Ħafna mill-ibħra reġjonali ta' l-Ewropa huma l-oġġett ta' konvenzjonijiet internazzjonali u għadd minn dawn taw kontribut eċċellenti għall-protezzjoni ta' l-ibħra. Madankollu, dawn il-konvenzjonijiet ftit li xejn għandhom poteri ta' nfurzar, u dan jikkomprometti l-effikaċja tagħhom fl-ilħiq ta' miri maqbula.

- Fuq il-livell dinji, ftit li xejn hemm artikolazzjoni bejn l-għadd kbir ta' strateġiji, konvenzjonijiet u ftehimiet li huma stabbiliti. Bosta ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent ta' l-ibħra għandhom quddiemhom sfidi sinifikanti fl-implimentazzjoni u fl-infurzar. Dan huwa fatt problematiku fid-dawl tal-karattru globali ta' ċerti attivitajiet fuq l-ibħra – pereżempju t-tbaħħir.

L-iżvilupp ta' l-Istrateġija diġà ta kontribut sinifikanti għat-titjib tal-koordinament ta' l-isforzi għall-protezzjoni ta' l-ibħra, b'mod partikolari permezz ta' konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra. Impenji biex jikkontribwixxu għall-Istrateġija ttieħdu mill-Kummissjoni ta' Ħelsinki dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Baltiku u mill-Konvenzjonjiet ta' Oslo u ta' Pariġi dwar il-Protezzjoni ta' l-Atlantiku tal-Grigal, fil-Laqgħa Ministerjali Konġunta li saret fi Bremen f'Ġunju 2003; kif ukoll mill-Konvenzjoni ta' Barċellona dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran fil-Laqgħa Ministerjali tagħha li saret f'Catania f'Novembru 2003.

Bil-għan li jinbena fuq il-progress li sar permezz ta' istituzzjonijiet, miżuri u konvenzjonjiet eżistenti, u biex tittieħed azzjoni ħalli jsir aktar avvanz, jeħtieġ li titfassal viżjoni ċara u globali għall-ambjent ta' l-ibħra u għall-politika assoċjata miegħu. Politika qawwija ta' l-UE dwar il-protezzjoni ta' l-ibħra sejra tikkompleta u ssaħħaħ l-arranġamenti istituzzjonali frammentati li jeżistu fil-preżent, billi tipprovdi qafas li jkun infurzabbli fil-liġi li fih jistgħu joperaw l-Istati Membri bl-appoġġ ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE. B'mod partikolari, fir-rigward tal-konvenzjonijiet reġjonali, l-istorja twila tagħhom ta' kompetenza xjentifika u teknika, u l-kapaċità tagħhom li jservu ta' pont ma' pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE, se jagħmilhom sieħba importanti ħafna fit-twettiq ta' l-Istrateġija ta' l-UE. F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-arranġamenti istituzzjonali u legali eżistenti fuq livell internazzjonali/dinji (pereżempju l- IMO , l- UNCLOS ) il-politika ta' l-UE sejra tiġi żviluppata fil-kuntest tal- Green Paper dwar il-Politika Marittima.

Bażi mhux suffiċjenti ta' għarfien

Politika tajba tiddependi fuq informazzjoni ta' kwalità għolja. Il-programmi eżistenti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni la huma integrati u lanqas kompluti. L-għarfien li ġġeneraw jikxef għadd kbir ta' lakuni ta' informazzjoni fuq il-qagħda ta' l-ambjent ta' l-ibħra Ewropew, l-effikaċja tal-miżuri eżistenti, u t-theddidiet u l-pressjonijiet varji kkawżati mill-attivitajiet tal-bniedem.

Jeħtieġ metodu ġdid ta' monitoraġġ u evalwazzjoni ta' l-ibħra u l-użu ta' informazzjoni xjentifika mal-firxa kollha tal-livelli ta' treġija, li għandu jidentifika u jsewwi lakuni ta' informazzjoni, inaqqas id-duplikazzjoni fil-ġbir tad- data u r-riċerka, u jġib 'il quddiem l-armonizzazzjoni, it-tixrid fil-wisa' u l-użu tad- data u x-xjenza ta' l-ibħra. Dan għandu jwassal għall-ilħiq ta' żidiet fl-effiċjenza f'firxa ta' setturi u istituzzjonijiet.

Dan il-metodu l-ġdid fl-evalwazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-ibħra se jissejjes fuq programmi eżistenti, fosthom ir-Regolament dwar il-Ġbir tad- Data taħt is- CFP , u se jitfassal b'tali mod li tiġi żgurata l-konsistenza totali ma' l-inizjattivi l-ġodda tal-Kummissjoni INSPIRE u GMES ).

L-iffaċċar ta' l-isfida

Meħuda flimkien, il-miżuri u l-isforzi kollha tal-preżent għall-protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra, mhumiex biżżejjed biex joffru l-livell mixtieq ta' protezzjoni u konservazzjoni.

Il-prevenzjoni ta' aktar telfien u tgħarriq tal-bijodiversità ta' l-ambjent ta' l-ibħra, u l-indukrar tar-ristawr tal-bijodiversità ta' l-ibħra, jeħtieġu politika integrata ta' protezzjoni u restawr li tqis il-pressjonjiet kollha, u tistabbilixxi miri u azzjonjiet ċari u operattivi.

L-għan globali ta' l-Istrateġija

L-għan ta' l-Istrateġija huwa l-protezzjoni u r-ristawr ta' l-oċeani u l-ibħra ta' l-Ewropa, u l-iżgurar li l-attivitajiet tal-bniedem jitwettqu b'mod sostenibbli sabiex il-ġenerazzjonijiet ta' llum u tal-ġejjieni jgawdu u jibbenefikaw minn oċeani u ibħra nodfa, b'saħħithom u produttivi li jkunu bijoloġikament diversi u dinamiċi.

Elementi ewlenin fil-bini ta' l-Istrateġija

Jekk l-UE se jirnexxielha tilħaq din il-mira ambizzjuża, se jkunu meħtieġa metodu ġdid u prinċipji ġodda biex jispiraw it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' l-UE għall-ġejjieni, li jiġbru fihom:

- Metodu doppju UE/reġjonali li fil-livell ta' l-UE jistabbilixxi kooperazzjoni u metodi komuni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi li huma fuq ix-xtut ta' l-oċeani u l-ibħra ta' l-UE, imma li jħalli l-ippjanar u t-twettiq ta' miżuri fuq il-livell reġjonali biex tingħata l-piż li jixirqilha id-diversità ta' kundizzjonijiet, problemi u ħtiġijiet ta' reġjuni fuq l-ibħra, li lkoll jeħtieġu soluzzjonjiet imfassla speċifikament għalihom.

- Metodu msejjes fuq l-għarfien , sabiex it-tfassil tal-politika jkun infurmat tajjeb.

- Metodu msejjes fuq l-ekosistemi , b'tali mod li l-attivitajiet tal-bniedem li jaffettwaw l-ambjent ta' l-ibħra jiġi ġestit b'mod integrat li jġib 'il quddiem il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli u ekwu ta' l-oċeani u l-ibħra.

- Metodu kooperattiv , li jippermetti l-involviment ta' dawk kollha li għandhom interess u li jtejjeb il-kooperazzjoni mal-konvenzjonijiet reġjonali eżistenti ta' l-ibħra.

Il-ħtieġa ta' strument ġdid ta' politika

Jekk l-UE se tipproteġi u tikkonserva l-qagħda ta' l-ambjent ta' l-ibħra, jeħtieġ li jittieħdu azzjonjiet akbar u l-UE jeħtiġilha tipprovdi lilha nnifisha l-mezzi meħtieġa biex tiżgura li tati riżultati konkreti. Qafas għall-kooperazzjoni mtejba għandu jiżgura:

- livell għoli ta' protezzjoni għall-oċeani u l-ibħra ta' l-Ewropa;

- bażi mtejjeb ta' l-għarfien biex it-tfassil tal-politika jkun infurmat;

- azzjonijiet integrati u ta' nefqa effikaċi biex jitnaqqsu l-pressjonjiet;

- monitoraġġ u evalwazzjoni effettivi biex jiġi żgurat li l-miri jintlaħqu u li l-azzjonijiet jagħtu riżulati konkreti.

Ġew ikkunsidrati diversi għażliet (għad-dettalji, ara l-evalwazzjoni ta' l-impatt mehmuża). L-ewwel possibbiltà kienet tkun li l-azzjoni tillimita ruħha għat-tqawwija tal-leġiżlazzjoni u l-politika eżistenti li jaffettwaw l-ambjent ta' l-ibħra. Wara evalwazzjoni dettaljata, din il-għażla ma tteħditx, minħabba li ma kenitx tkun biżżejjed biex twassal fil-prattika għal-livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra li jirrikjedi t-Trattat: l-oqsma settorjali tal-politika jittrattaw elementi ta' l-ekosistema ta' l-ibħra f'iżolament, u mhux flimkien, u ħafna drabi l-miri tagħhom ikunu differenti minn xulxin u ġieli saħansitra kuntradittorji.

It-tieni possibbiltà kienet tkun il-promozzjoni tal-kooperazzjoni permezz ta' impenji volontarji mill-Istati Membri u mill-konvenzjonijiet reġjonali ta' l-ibħra. Madankollu, ma kienx ikun possibbli li jinħoloq qafas imtejjeb għall-kooperazzjoni jekk, fil-kuntest ta' arranġament volontarju bħal dan, l-Istati Membri kienu jkunu ħielsa li unilateralment ibaxxu l-livell ta' protezzjoni skond ma jidhrilhom li jkun f'loku, jew inkella li ma jikkontribwixxux għal bażi mtejba ta' għarfien, jew inkella li jirrifjutaw li jieħdu azzjoni ta' nefqa effikaċi, u b'hekk iwaqqgħu l-piż fuq ħaddieħor. Għaldaqstant, lanqas din it-triq ma ntgħażlet.

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni jidhrilha li jeħtieġ li jkun hemm impenn li jorbot fil-liġi biex jintlaħaq l-għan ta' l-Istrateġija. F'dak li jirrigwarda l-għażla ta' strument, ġie adottat metodu flessibbli li jirrispetta s-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni tipproponi Direttiva dwar Strateġija għall-Ibħra, li jkollha ambitu ambizzjuż filwaqt li ma tkun preskrittiva wisq fl-għodod tagħha. Strument preskrittiv kien ikun għażla żbaljata, għax kien jagħmilha impossibbli li titqies id-dimensjoni reġjonali.

Karatteristiċi tad-Direttiva dwar Strateġija għall-Ibħra

L-għan huwa li sa l-2021 tintlaħaq qagħda ambjentali tajba ta' l-ambjent ta' l-ibħra Ewropew. Din id-data sejra tikkoinċidi ma' l-ewwel reviżjoni tal-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Baċini tax-Xmajjar taħt id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma ( WFD ), b'tali mod li jitħallew jinħolqu s-sinerġiji fl-implimentazzjoni sussegwenti taż-żewġ Direttivi.

Id-Direttiva sejra tillimita ruħha għad-definizzjoni ġenerali tal-miri u l-prinċipji fuq il-livell ta' l-UE. Id-Direttiva sejra tistabbilixxi Reġjuni Ewropej ta' l-Ibħra u tidentifika subreġjuni potenzjali bħala unitajiet ta' ġestjoni għall-implimentazzjoni, fuq il-bażi ta' karatteristiċi idroloġiċi, oċeanografiċi u ġeografiċi. L-ebda miżura speċifika ta' ġestjoni mhi se tiġi stipulata fuq il-livell ta' l-UE.

Għall-ilmijiet ta' l-ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom f'kull Reġjun jew subreġjun ta' l-Ibħra, l-Istati Membri se jkunu obbligati li f'kollaborazzjoni mill-qrib bejniethom jiżviluppaw Strateġiji għall-Ibħra li jkunu jinkludu evalwazzjoni tal-pressjonijiet u t-theddidiet li jolqtu l-ambjent ta' l-ibħra; miri ambjentali reġjonali; indikaturi u miżuri ta' monitoraġġ biex jiġi evalwat il-progress lejn l-ilħiq ta' dawn il-miri. Fuq din il-bażi, l-Istati Membri se jintalbu jiżviluppaw u jimplimentaw programmi jew miżuri sabiex jilħqu qagħda ambjentali tajba, f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' Stati Membri oħra u mal-pajjiżi terzi kkonċernati. Biex dan jagħmluh, se jitħeġġu jaħdmu fi ħdan konvenzjoniet reġjonali ta' l-ibħra.

Meta kwistjonijiet identifikati mill-Istati Membri jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza Komunitarja, l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jinfurmaw lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tkun tista' tindika l-mod li bih il-politika ta' l-UE tkun qed tittratta l-problema, jew, meta dan ikun ta' rilevanza, tirreferi għal aġġustamenti ppjanati jew għal miżuri li jkunu se jittieħdu bħala parti miċ-ċiklu ta' ġestjoni u tfassil ta' politika f'dawn l-oqsma – pereżempju il-Politika Komuni tas-Sajd ( CFP ) jew il-Politika Komuni ta' l-Agrikoltura ( CAP ). Meta l-kwistjonijiet jikkonċernaw attivitajiet li huma ttrattati fil-kuntest ta' ftehimiet u konvenzjonijiet dinjija bħall- UNCLOS jew l- IMO , tista' tiġi żviluppata pożizzjoni kkoordinata ta' l-UE f'dawn l-entitajiet.

Id-Direttiva tipprevedi sitwazzjonijiet u oqsma speċjali li fihom ma jkunx possibbli għal Stat Membru biex jilħaq il-livell ta' ambizzjoni tal-miri ambjentali stipulati , sabiex jitqiesu l-kuntesti partikolari ta' ċerti Reġjuni ta' l-Ibħra.

Il-proċess ta' implimentazzjoni se jkun iterattiv, u l-ġestjoni tkun adattiva, permezz ta' reviżjonijiet regolari li jqisu d- data li tirriżulta minn programmi ta' monitoraġġ, l-iżviluppi l-ġodda u l-impatti tal-miżuri li jkunu ddaħħlu.

Sinerġiji ma' oqsma oħra ta' politika tal-Komunità

Il-Politika Marittima tal-ġejjieni ta' l-UE

Il-Komunikazzjoni ta' Marzu 2005 dwar il-Politika Marittima tal-ġejjieni ta' l-UE tenfasizza l-għarfien internazzjonali li dejjem qed jikber li l-affarijiet oċeaniċi jorbtu ħaġa waħda ma' xulxin, u jirrikjedu metodu komprensiv għall-ġestjoni effettiva ta' l-użi kompetittivi ta' l-ibħra u għall-appoġġ tal-potenzjal tagħhom ta' tkabbir, mingħajr ma ssir ħsara lill-ekosistemi ta' l-ibħra.

Fl-iżvilupp ta' koordinament mtejjeb rigward kwistjonijiet ambjentali, l-Istrateġija se tikkontribwixxi l-pilastru ambjentali tal-Politika Marittima tal-ġejjieni. Sejra tfassal ir-rotta għall-azzjonjiet meħtieġa għall-protezzjoni ta' l-ekosistemi ta' l-ibħra, li fuqha jiddependu r-riżq sostenibbli, il-produttività u l-impjiegi, u l-benessri uman usa' dderivat mill-ibħra.

Waħda mill-kwistjonjiet ċentrali li għandha tittratta l-Politika Marittima tal-ġejjieni se tkun dik tal-qafas globali ta' treġija li permezz tiegħu jista' jiġi rregolati l-utenti u l-użi ta' l-ibħra. Dan se jkun indirizzat fil- Green Paper dwar il-Politika Marittima. L-arranġamenti ta' treġija previsti fl-Istrateġija ta' l-Ibħra jikkostitwixxu l-ewwel pass. Għażliet għall-iżvilupp ulterjuri ta' qafas usa' ta' treġija li għandu jiġi żviluppat taħt il-politika marittima għandhom iqisu wkoll l-ispeċifiċitajiet legali u politiċi, kull waħda differenti ħafna mill-oħra, f'kull wieħed mill-ibħra reġjonali Ewropej, mill-Baħar Baltiku, li ma' xtutu hemm seba' Stati membri ta' l-UE u l-Federazzjoni Russa, sal-Mediterran, li fih għadhom ma ġewx iddikjarati Żoni Ekonomiċi Esklussivi u fejn l-UE jeħtiġilha taħdem ma' għadd ta' pajjiżi terzi.

Oqsma oħra ta' politika ta' l-UE

Effetti ta' sinerġija ma' miżuri u inizjattivi ambjentali oħra

Filwaqt li fil-livell ta' l-UE diġà ttieħdu għadd ta' miżuri u inizjattivi li sa ċertu punt jikkontribwixxu għall-protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra, dawn il-miżuri ma kenux speċifikament imfassla għal dan il-għan:

- Fit-titjib tal-protezzjoni ambjentali ta' żoni interni tal-ġbir ta' l-ilma li jiskula fl-ibħra, permezz ta' kwalità mtejba ta' l-ilma ħelu, l-implimentazzjoni tad- WFD se tagħti kontribut importanti. Bi tkomplija tal-prassi ta' l-imgħoddi, se jissuktaw konsultazzjonijiet regolari bejn il-Kummissjoni u d-Diretturi ta' l-Ilma ta' l-Istati Membri – li jissorveljaw il-proċess ta' implimentazzjoni tad- WFD permezz ta' l-Istrateġija Komuni ta' Implimentazzjoni tagħha – dwar l-Istrateġija u l-artikolazzjoni tagħha mad- WFD , sabiex jittejbu kemm jista' jkun l-effetti ta' sinerġija.

- L-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni oħra rilevanti ta' l-UE dwar l-ilma - id-Direttivi dwar l-Ilma Urban ta' l-Iskart u n-Nitrati – tibqa' prijorità wkoll, minħabba li twassal għal tnaqqis fl-ewtrofikazzjoni ta' l-ibħra.

- L-issuktar ta' l-isforzi kontra t-tibdil fil-klima jgħinu biex jintlaħqu l-miri ta' l-Istrateġija. F'dan il-kuntest, għandu jiġi evalwat b'mod ibbilanċjat il-kontribut ta' l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet ta' l-effett tas-serra, bil-qies ta' aspetti ambjentali kif ukoll dawk ta' kompetittività.

- L-Istrateġija ma tirbaħx fuq l-obbligi fl-ambjent ta' l-ibħra taħt id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, u lanqas ma tannullahom. L-Istrateġija, madankollu, sejra trawwem appoġġ fit-tul għall-protezzjoni u r-ristawr ta' dawn il-ħabitats u speċijiet, partikolarment billi ttejjeb il-kundizzjoni ambjentali usa' ta' l-ambjent ta' l-ibħra.

- Ġaladarba hemm irbit ħaġa waħda bejn iż-żona tal-kosta u l-ambjent ta' l-ibħra, l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija sejra tipprovdi qafas ta' appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali previsti mir-Rakkomandazzjoni dwar il-Ġestjoni Koordinata taż-Żoni tal-Kosta u għall-pjanifikazzjoni ta' l-ispazji b'mod ġenerali.

- Sejrin jintlaħqu effetti konsiderevoli ta' sinerġija bejn l-Istrateġija u l-implimentazzjoni ta' Strateġiji Tematiċi oħra żviluppati bħala parti mis-6 EAP - l-Arja, il-Ħamrija, il-Pestiċidi, ir-Riċiklar, ir-Riżorsi u l-Ambjent Urban. B'mod partikolari, il-kwistjoni ewlenija ta' l-emissjonijiet mill-bastimenti tiġi ttratta permezz ta' l-Istrateġija ta' l-Arja, u speċjalment permezz tad-Direttiva dwar il-kubrit fil-fjuwil marittimu li ġiet adotatta dan l-aħħar.

- Se jagħti wkoll kontribut għall-Istrateġija dwar l-Ambjent u s-Saħħa l-ittraċċar tal-kontaminazzjoni tal-bijota ta' l-ibħra.

Tkomplija ta' l-isforzi għall-integrazzjoni

- Il-kontribut mis-sajd se jingħata permezz tas- CFP riformata u l-miżuri ta' rimedjazzjoni ambjentali li din tipprevedi, li għandhom ikunu ta' ġid għall-bijodiversità sew ta' stokkijiet ta' ħut tas-sajd kif ukoll ta' speċijiet mhux tas-sajd u għall-ekosistemi ta' l-ibħra. Se jiġu żviluppati effetti ta' sinerġija mal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali li għadhom kemm twaqqfu. Fid-dawl ta' l-azzjonjiet ta' prijorità li joħorġu mill-implimentazzjoni fuq il-livell reġjonali ta' l-Istrateġija, jista' jkun li jinħtieġu miżuri ġodda ta' ġestjoni tas-sajd li jkollhom jiġu kkunsidrati taħt is- CFP .

- Il-pakketti leġiżlattivi estensivi dwar is-sikurezza marittima li ġew żviluppati fuq il-livell ta' l-UE dawn l-aħħar ftit snin sejrin ikollhom rwol essenzjali. Evalwazzjonijiet li jsiru fuq il-livell reġjonali bħala parti mill-Istrateġija jistgħu jindikaw il-ħtieġa għal sforzi u inizjattivi komplementari biex ikomplu jnaqqsu l-impatti ambjentali tat-tbaħħir, bħalma huma l-iżvilupp ta' mezzi alternattivi għat-trasport taż-żejt mhux raffinat u tal-prodotti taż-żejt, pereżempju permezz ta' pajplajns jew bil-ferroviji.

- L-attivitajiet tal-bniedem fuq l-art għandhom impatt konsiderevoli fuq il-kwalità ta' l-ambjent ta' l-ibħra, u dan jenfasizza l-importanza ta' l-integrazzjoni tal-protezzjoni ta' l-ibħra f'oqsma ewlenin tal-politika bħall-agrikoltura, l-enerġija, l-industrija, it-turiżmu, u l-iżvilupp reġjonali u tal-kosti. Ir-relazzjoni bejn l-istrateġija ta' l-ibħra u r-reġjuni kostali periferiċi ta' l-UE se tinħtieġ attenzjoni partikolari.

- Is-7 Programm ta' Qafas ta' l-UE għar-Riċerka se jaqdi rwol importanti billi jintensifika l-attivitajiet ta' riċerka applikata fuq l-ekosistemi u d-dinamika ta' l-ibħra, kif ukoll fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi ta' l-ibħra.

- Għandhom jiġu attivament żviluppati azzjonijiet li jiżguraw il-ġestjoni tajba skond ir-regoli Komunitarji ta' l-iskart industrijali u ċivili li għandu impatt fuq l-ambjent ta' l-ibħra. Rigward il-ġestjoni effikaċi ta' l-iskart nukleari, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li tintlaħaq l-adozzjoni tal-proposta reċenti tagħha dwar il-ġestjoni ta' l-iskart nukleari.

Id-dimensjoni internazzjonali

L-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija sejra tħalli lill-UE taqdi l-obbligi li daħlet għalihom taħt ftehimiet internazzjonali rilevanti, u sejra ttejjeb il-kontribut ta' l-UE għall-għanijiet u l-miri li dwarhom hemm qbil globali. Bl-istess mod, l-Istati Membri huma mħeġa jirratifikaw u jimplimentaw konvenzjonijiet internazzjonali, li għandhom l-għan jipproteġu l-ambjent ta' l-ibħra (pereżempju l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll u l-Ġestjoni ta' l-Ilma ta' Saborra u s-Sedimenti tal-Bastimenti, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll ta' Sistemi Dannużi ta' l- Anti-Fouling fuq il-Bastimenti). Minħabba li l-ambjent ta' l-ibħra minnu nnifsu ma jafx bi fruntieri, tibqa' prijorità t-tkomplija ta' l-isforzi ta' l-UE biex iġġib 'il quddiem il-protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra fuq il-livell dinji, ukoll fil-qasam sensittiv tal-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi tal-baħar fond.

L-UE sejra tkompli tkun minn ta' quddiem fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika ( CBD ) fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet rilevanti sabiex jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità fuq livell dinji. L-Istrateġija sejra ssaħħaħ l-isforzi ta' l-UE biex tilħaq miri tas- CBD li huma marbuta ma' l-ibħra. Il-Kummissjoni sejra tintensifika l-passi biex iżżid is-sostenibbiltà ta' ftehimiet tas-sajd ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, milħuqa taħt is- CFP .

Il-politika ta' l-UE tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tibqa' parti essenzjali fl-appoġġ ta' l-isforzi li qed jagħmlu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipproteġu, jikkonservaw u jisfruttaw sostenibbilment ir-riżorsi ta' l-ibħra tagħhom, inklużi dawk fil-qasam taż-żarmar tal-vapuri.

Kooperazzjoni ma' atturi li mhumiex fl-UE

Kooperazzjoni ma' konvenzjonijiet reġjonali ta' l-ibħra

Konvenzjonijiet reġjonali ta' l-ibħra, li jipprovdu fora li fihom il-Komunità, l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi terzi jaħdmu flimkien u kisbu għarfien espert wiesa' dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra, għandhom jintużaw biex jippromwovu l-koordinament meħtieġ. L-Istrateġija sejra tiffaċilita titjib tal-kooperazzjoni ma' dawn il-konvenzjonijiet, u wkoll tistimula aktar l-iskambji u d-dakkir reċiproku bejniethom. Dan sejjer jipprovdi l-aħjar qafas possibbli għall-kooperazzjoni, u jippermetti li jinkisbu avvanzi fl-effiċjenza, minħabba li mhi sejra tinħoloq l-ebda struttura ad hoc .

Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

L-Istrateġija timmira lejn it-tisħiħ ta' l-interazzjonijiet mal-pajjiżi terzi li magħhom l-UE taqsam l-oċeani u l-ibħra. Oqfsa bilaterali għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, inklużi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u Kooperazzjoni li ġew konklużi mal-parti l-kbira mill-pajjiżi ġirien, kif ukoll il-Pjanijiet ta' Azzjoni li ġew żviluppati fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, sejrin ikunu ta' importanza partikolari. Id-djalogu dwar l-Enerġija bejn l-UE u r-Russja wkoll sejjer jagħti kontribut għall-protezzjoni ta' l-ambjent ta' l-ibħra, billi jqawwi t-trasport taż-żjut fuq l-art u billi jsaħħaħ is-sigurtà tat-trasport marittimu taż-żjut.

Appoġġ finanzjarju f'loku għandu jiġi nkanalat permezz ta' mekkaniżmi tal-preżent u tal-ġejjieni biex jgħin l-isforzi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi kkonċernati – partikolarment, l-Istrument tal-Politika tal-Viċinat Ewropew u strumenti oħra rilevanti ta' finanzjament.

Konklużjoni

L-ambjent ta' l-ibħra huwa mhedded. Dan jirrikjedi azzjoni effikaċi mill-UE, minħabba li l-protezzjoni ta' bażi ta' riżorsi hija prerekwiżit għall-ilħiq ta' riżq sostenibbli u l-ħolqien ta' l-impjiegi mill-oċeani u l-ibħra ta' l-UE, kif ukoll tat-titjib tal-kwalità tal-ħajja. Hekk kif l-UE qiegħda tagħmel ħilitha biex tagħti nifs ġdid u ħajja ġdida lill-ekonomija tagħha, il-protezzjoni effikaċi ta' l-ambjent ta' l-ibħra tista' tagħti kontribut sostanzjali.

L-Istrateġija sejra tiġi riveduta fl-2010, u tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni finali tas-6 EAP .

[1] COM(2002) 539.

[2] WWF , 2002.

[3] L-Uffiċċju tal-Kabinett tar-Renju Unit, 2004.