52005DC0352

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-mekkaniżmu tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali /* KUMM/2005/0352 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.7.2005

KUMM(2005) 352 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-mekkaniżmu tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar il-mekkaniżmu tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali

IR-RAPPORT TAL-MONITORAġġ U L-VALUTAZZJONI (PILOTA 2004)

Introduzzjoni

Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li d-djalogu u l-azzjonijiet ta' l-UE ma’ pajjiżi terzi fil-qasam ta’ l-emigrazzjoni għandu jkun parti minn metodu globali integrat, komprensiv u bbilanċjat. F’Ġunju 2003, il-Kunsill irrikonoxxa wkoll l-importanza li jiġi żviluppat mekkaniżmu ta’ valutazzjoni li jeżamina r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. F’konklużjonijiet adottati f’Diċembru 2003, l-għan tal-mekkaniżmu hu mfisser bħala l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni ta’ l-emigrazzjoni fil-pajjiżi terzi kkonċernati inkluża l-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tagħhom li tiġġestixxi l-kenn politiku u l-emigrazzjoni u l-azzjonijiet li qed jittieħdu sabiex tiġi ttrattata l-emigrazzjoni. Il-Kummissjoni b’hekk ġiet mistiedna tippreżenta rapport annwali dwar pajjiżi terzi speċifiċi. L-ewwel rapport annwali huwa proġett pilota għall-mekkaniżmu tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar l-immigrazzjoni illegali. Dan ikopri numru limitat ta’ pajjiżi[1]: l-Albanija, iċ-Ċina, il-Libja, il-Marokk, ir-Russja, is-Serbja u l-Montenegro, it-Tuneżija u l-Ukrajna.

Ir-rapport fih ħarsa fil-qosor lejn l-analiżi tal-Kummissjoni tar-relazzjonijiet kurrenti ma’ kull pajjiż dwar l-emigrazzjoni u jipprovdi xi rakkomandazzjonijiet politiċi kif mistieden mill-Kunsill. Dan jidentifikaw għażliet li permezz tagħhom l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jikkooperaw biex isostnu l-pajjiż rilevanti fil-ġestjoni ta’ l-emigrazzjoni. Peress illi dan hu l-ewwel rapport, qed jiġu inklużi wkoll rakkomandazzjonijiet tekniċi li jtejjbu l-mekkaniżmu. L-Anness fih analiżi ulterjuri tal-kooperazzjoni ta’ l-UE mal-pajjiżi kkonċernati u jipprovdi informazzjoni fattwali aktar dettaljata dwar kull pajjiż billi jiffoka fuq l-oqsma ta’ interess ewlenin identifikati mill-Kunsill. L-informazzjoni misjuba f’dan ir-rapport u annessi inġabret mis-servizzi tal-Kummissjoni u d-delegazzjonijiet tagħha. Ir-rapport juża informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u/jew miġbura direttament fil-pajjiżi terzi kkonċernati, xi drabi bl-għajnuna ta’ l-Istati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali u rappreżentanti fir-reġjun u tinkludi materjal miġbur permezz ta’ kuntatt dirett ma’ awtoritajiet tal-pajjiż terz. Dan ir-rapport għandu l-għan li jkopri żviluppi prinċipali sa l-20 ta' Diċembru 2004.

Hemm varjazzjoni kbira bejn il-pajjiżi f’termini tal-livell ta’ kooperazzjoni eżistenti mal-Komunità. Il-pajjiżi magħżula jvarjaw minn dawk li m’għandhomx relazzjoni formali mal-Komunità għal dawk li għandhom kooperazzjoni mill-qrib u monitoraġġ sistematiku ta’ kwistjonijiet ta’ emigrazzjoni. B’hekk, mhux biss id-dettalji disponibbli, iżda wkoll il-konklużjonijiet u l-possibbiltajiet għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni, ivarjaw b’mod estensiv. Hu ttamat li dan ir-rapport ikun ta’ għajnuna għall-Kunsill fil-valutazzjoni tal-livell ta’ kooperazzjoni ta’ kull pajjiż fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali kif ipprovdut fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Sevilja ta’ l-2002.

L-ALBANIJA

Ħarsa ġenerali

L-UE għandha bosta saffi ta’ interazzjoni mal-Gvern ta’ l-Albanija li jintużaw, kif inhu xieraq, biex imissu fuq kwistjonijiet ta’ emigrazzjoni[2]. Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni futur jipprevedi li kwistjonijiet ta’ emigrazzjoni jiġu indirizzati fl-ambitu ta' wieħed mis-sotto-kumutati tiegħu. Kwsitjonijiet ta’ Ġustizzja, Libertà u Sigurtà huma diskussi wkoll, kif inhu xieraq, fl-ambitu ta’ l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ assistenza ta’ l-UE lill-Albanija.[3] L-Albanija għamlet progress fil-kontroll ta’ emigrazzjoni/traffikar illegali lejn l-UE mill-baħar Adrijatiku/Jonju, iżda hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri u kontinwi f’dan il-qasam. Il-leġislazzjoni ta’ qafas meħtieġa fil-qasam ta’ l-emigrazzjoni u l-kenn politiku ġiet adottata iżda din għad jonqosha ftit mil-leġislazzjoni sekondarja ta’ sostenn meħtieġa. Il-progress qed jiġi mfixkel mill-kapaċità amministrattiva u finanzjarja limitata ta’ l-Albanija li tirriżulta f’implimentazzjoni mhux biżżejjed ta’ leġislazzjoni eżistenti. In-negozjar b’ suċċess ta’ ftehim ta’ dħul mill-ġdid f'livell tal-Komunità (li għandu jidħol fis-seħħ fl-2005) huwa żvilupp pożittiv fil-politika dwar l-emigrazzjoni ta' l-Albanija li jindika rieda li tittieħed responsabbiltà fuq il-pjan internazzjonali.

Rakkomandazzjonijiet

L-Albanija wriet kooperazzjoni pożittiva mal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ emigrazzjoni.

L-Albanija għandha tkun imħeġġa li tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tassigura l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas legali kurrenti tagħha fl-oqsma ta’ l-emigrazzjoni, il-kenn politiku u oqsma konnessi ma’ dawn (per eżempju, leġislazzjoni penali kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-persuni).

L-Albanija għandha tiġi imħeġġa u, fejn hu xieraq, megħjuna diplomatikament sabiex tikkonkludi ftehim ta’ dħul mill-ġdid mhux biss mal-ġirien reġjonali tagħha, iżda mal-pajjiżi ta’ l-oriġini ta’ l-emigranti li jgħaddu mill-Albanija.

Fl-aħħarnett, fil-kuntest aktar wiesa' ta' l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet dwar l-emigrazzjoni għal ġol-politika dwar l-iżvilupp, għandu jkun importanti li l-isforzi eżistenti tal-Komunità jiġu kkumplimentati billi jindirizzaw, fil-futur, il-kwistjoni ta' l-iffaċilitar tat-trasferiment ta' pagamenti, li bħalissa huma ta’ importanza fundamentali għall-istabilità makro-ekonomika ta’ l-Albanija. Dan jista’ jsir permezz ta’ l-iżvilupp ulterjuri tas-settur finanzjarju Albaniż u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ l-entitajiet bankarji internazzjonali, sabiex mhux biss jiġi ffaċilitat t-trasferiment ta’ pagamenti iżda wkoll biex jgħin sabiex jiġi mnaqqas b’mod progressiv il-livell ta’ flus kontanti li jiċċirkolaw fil-pajjiż u sabiex jillimita, b’hekk, il-possibbiltajiet ta’ ħasil ta’ flus u l-evażjoni tat-taxxa.

Iċ-ĊINA

Ħarsa ġenerali

Djalogu politiku wiesa’ UE-Ċina kien ikkonfermat fi skambju ta’ ittri fl-1994, li nibet minn kooperazzjoni fil-kummerċ u l-ekonomija matul is-snin tmenin. Madankollu, id-djalogu speċifiku maċ-Ċina dwar l-emigrazzjoni beda wara t-traġedja f’Dover ta’ Ġunju 2000 fejn 58 minn dawk li kellhom ikunu immigranti illegali tilfu ħajjithom u 5 konsultazzjonijiet ta’ livell għoli UE-Ċina dwar il-ġlieda kontra l-emigrazzjoni illegali tal-persuni seħħew minn dak iż-żmien lil hawn.

Fil-baġit Komunitarju, €10 miljun ġew riżervati fl-2002 għall-bini ta’ proġett ta’ kooperazzjoni maċ-Ċina biex tiġi miġġielda l-emigrazzjoni illegali. Sfortunatament, kien impossibbli li jiġi żviluppat proġett f'kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet Ċiniżi. Madankollu, il-konsultazzjonijiet fuq livell għoli indubjament iffaċilitaw djalogu kostruttiv dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni.[4] Fi Frar 2004, iċ-Ċina u l-KE iffirmaw il-Ftehim dwar l-Istatus tad-Destinazzjoni Approvata, li ħalla lil gruppi ta’ turisti Ċiniżi jżuru l-UE u li fih obbligu li l-amministrazzjoni Ċiniża ddaħħal mill-ġdid turisti li qagħadu għal żmien aktar milli kellhom. Diskussjonijiet esploratorji seħħew riċentement bl-għan tal-ħolqien ta’ ftehim ta’ dħul mill-ġdid KE-Ċina. F’dan il-kuntest u peress illi kien hemm interess espress miż-żewġ naħat, l-UE ftiehmet li tiddiskuti kwistjonijiet li jikkonċernaw l-iffaċilitar tal-viża għal ċerti kategoriji ta' personell Ċiniżi. Fis-Summit ta’ Diċembru 2004, ħarġet dikjarazzjoni konġunta li esprimiet it-tama komuni għal ftuħ bikri tan-negozjati fuq dawn il-kwistjonijiet malli dan isir teknikament u legalment possibbli.

Rakkomandazzjonijiet

Hemm djalogu ta’ żvilupp bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-emigrazzjoni li għandha tintlaqa’. Barra minn hekk, għandha tiġi rikonoxxuta l-importanza ta’ l-emigrazzjoni legali għaċ-Ċina (ġaladarba hemm numru ta’ professjonisti u studenti li qed jitħajjru jistudjaw u jaħdmu fl-UE). L-UE tista’ tipproponi diskussjoni ġenwina dwar flussi minn żewġ naħat u sabiex il-kompetenza tal-konsultazzjonijiet fuq livell għoli jitwessgħu għal dan l-għan.

L-impenn kontinwu taċ-Ċina għandu jiġi mmirat lejn tnaqqis fl-emigrazzjoni illegali miċ-Ċina minħabba l-ispiża umanitarja għolja li bosta drabi takkompanja l-emigrazzjoni illegali. Jista' jsir tnaqqis billi titrawwem kooperazzjoni aħjar u skambju ta' kompetenzi bejn l-amministrazzjonijiet taċ-Ċina u ta' l-Istati Membri, inkluż permezz ta' l-opportunitajiet offruti mill-programm Aeneas. Il-Kummissjoni għandha tibni fuq ir-riżultati tas-Summit UE-Ċina, b’mod partikulari billi tfittex li tibda negozjati fuq Ftehim bilaterali futur dwar id-dħul mill-ġdid bejn il-Komunità Ewropea u ċ-Ċina u diskussjonijiet paralleli maċ-Ċina dwar l-iffaċilitar tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ personell.

IL-LIBJA

Ħarsa ġenerali

L-UE ma għandha l-ebda relazzjonijiet formali mal-Libja u l-Libja mhijiex membru tal-Proċess ta’ Barċellona. B’hekk, fil-preżent ma hemm l-ebda triq għal djalogu formali UE-Libja dwar il-ġestjoni ta’ l-emigrazjoni. Kif ġie nnutat mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fil-11 ta’ Ottubru 2004, madankollu, il-Libja għamlet passi ‘l quddiem konsiderevoli lejn integrazzjoni għal ġol-komunità internazzjonali.

Wara missjoni ta’ esplorazzjoni fil-Libja f’Mejju 2003, missjoni teknika mmexxija mill-Kummissjoni dwar l-immigrazzjoni illegali bil-parteċipazzjoni ta’ esperti mill-Istati Membri, tmexxiet fil-Libja bejn is-27 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru 2004. Hu rikonoxxut li l-pressjoni migratorja fuq il-Libja x’aktarx li se tikber. Il-Libja ġiet identifikata bħala priorità potenzjali għall-intervenzjoni u l-appoġġ mill-Kummissjoni taħt il-programm Aeneas għall-perijodu 2004-2006. Madankollu, jekk l-appoġġ jingħata mill-Komunità lil-Libja biex tiġġieled kontra l-immigrazzjoni illegali u f'liema forma dan se jingħata-b'mod dirett jew permezz ta' politiki reġjonali-għandu jiġi deċiż mill-Kunsill fuq il-bażi tas-sejbiet tal-missjoni teknika. Ir-rapport tal-missjoni dwar il-Libja kien ippreżentat lill-COREPER f’April 2005 u għandu jiġi diskuss matul il-Kunsill ta’ Ġunju.

Rakkomandazzjonijiet

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Libja tiġi nkuraġġuta li twieġeb b’mod pożittiv għall-politika ta’ impenn ta’ l-UE waqt li ttenni li l-għan aħħari ta’ kwalunkwe kooperazzjoni hu l-integrazzjoni sħiħa tal-Libja fil-Proċess ta’ Barċellona. Djalogu u kooperazzjoni mal-Libja f’oqsma bħall-bini istituzzjonali, attivitajiet ta’ taħriġ u t-twaqqif ta’ sistema li tmexxi l-kenn politiku jeħtieġu impenn fuq medda ta’ żmien twil mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-Kummissjoni tosserva li d-dimensjoni reġjonali ta’ l-isfidi ta’ l-emigrazzjoni iffaċċjati mil-Libja u pajjiżi Afrikani oħra għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni fil-kisba ta’ soluzzjonijiet fit-tul. Il-Kummissjoni għandha tesplora metodi ta’ kif issaħħaħ id-djalogu dwar kwistjonijiet ta’ emigrazzjoni ma’ organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani.

IL-MAROKK

Ħarsa ġenerali

Malli daħal fis-seħħ il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fl-1 ta' Marzu 2000, sar progress konsiderevoli f’termini tal-bini ta’ fiduċja bejn l-UE u l-Marokk. It-twaqqif tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Emigrazzjoni u l-Affarijiet Soċjali jirrappreżenta avvanz konsiderevoli, kif inhu meqjus ukoll il-ftehim tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat.[5] Il-Marokk qed jikkoopera wkoll mall-ġar tiegħu, Spanja, fi sforzi biex twaqqaf il-fluss ta’ emigrazzjoni illegali bil-baħar u biex issolvi l-problemi umanitarji konnessi. Il-Marokk għamel sforzi wkoll biex jikoopera ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikulari man-Niġerja.

Minkejja bosta sessjonijiet ta' negozjati, il-KE għad ma rnexxiliex tasal fi ftehim dwar it-test ta' ftehim mal-Marokk dwar dħul mill-ġdid. Bosta mill-kwistjonijiet li għandhom ma ġewx riżolti huma żgħar iżda xi wħud, bħad-dħul mill-ġdid ta’ persuni li mhumiex ċittadini u l-forom ta’ evidenza li għandha tinġieb jibqgħu problematiċi.

Bdiet kooperazzjoni konkreta dwar proġetti mmirati għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-Marokk li tiġġestixxi l-emigrazzjoni fil-kuntest tal-linja tal-baġit tal-MEDA. Il-Marokk huwa wkoll identifikat fil-programm Aeneas bħala l-punt fokali għall-intervenzjoni fl-2004-2006 bħala parti mir-reġjun Maghreb.[6]

Rakkomandazzjonijiet

Il-Marokk jesponi attitudni pożittiva f’diskussjonijiet ma’ l-UE. Il-progress konsiderevoli tal-Marokk fit-titjib tal-ġestjoni ta’ l-emigrazzjoni sal-lum għandu jiġi osservat u l-attitudni miftuħa tal-Marokk lejn il-kooperazzjoni reġjonali għandha tiġi rikonoxxuta.

Fl-istes ħin, għandha tiġi enfasizzata l-importanza ta’ sforzi ulterjuri biex jiġi mwaqqaf il-fluss ta’ emigrazzjoni illegali madwar il-Mediterran-bl-ispiża umanitarja għolja tiegħu. Għal dan l-għan, il-Marokk għandu jaħdem bil-qrib ma’ l-UE biex jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u sabiex jilħaq ftehim finali u sabiex jadotta ftehim tal-KE dwar id-dħul mill-ġdid fil-futur qrib.

Għandu jiġi inkuraġġut djalogu ulterjuri mhux biss bejn il-Marokk u l-ġirien reġjonali tiegħu, iżda wkoll mal-pajjiżi ta’ l-oriġini ġirien lejn in-nofs in-nhar sabiex tfittex strateġiji reġjonali għall-ġestjoni b’aktar suċċess tal-flussi migratorji.

IR-RUSSJA

Ħarsa ġenerali

Il-pedament tar-relazzjonijiet UE-Russja huwa l-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni (FSK) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1997.[7] Fuq livell politiku, kwistjonijiet ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja huma wkoll diskussi b’mod regolari matul is-summits UE-Russja li jsiru kull sitt xhur. Fuq livell prattiku, l-UE żviluppat strumenti speċifiċi biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fil-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja bħall-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-kriminalità organizzata mill-2000 u l-għodda tiegħu ta’ implimentazzjoni, in- network ta’ l-uffiċjali ta' kollaborazzjoni ta' l-UE.

Matul dawn l-aħħar snin, ir-Russja saret pajjiż ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni għall-emigranti. Għalkemm ittieħdu passi biex jissaħħaħ il-kontroll tal-fruntiera Russa mal-Kawkażu, ir-Russja indikat li nuqqas ta’ riżorsi fixklu progress konsiderevoli mal-fruntiera tan-nofs in-nhar u tal-Lvant. Ġew allokati lir-Russja aktar minn €2.6 biljun taħt il-programm TACIS minn mindu beda fl-1991[8] u twarrab ammont indikattiv ta’ EUR 20 miljun fil-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-2004-2006 sabiex isaħħaħ is-sistema ta’ kenn politiku Russu, biex itejjeb il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ l-emigrazzjoni u sabiex iwitti t-triq għal ftehim KE-Russja dwar id-dħul mill-ġdid. Ir-Russja hija wkoll waħda mill-pajjiżi identifikati bħala prijorità għall-intervenzjoni u l-assistenza taħt il-Programm Aeneas.

Rakkomandazzjonijiet

L-Ispazju Komuni UE-Russja dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja fl-ambitu ta’ l-FSK għandu joffri l-qafas ewlieni għall-iżvilupp u t-tkabbir tal-kooperazzjoni ġenerali tagħna fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja. Kooperazzjoni mar-Russja fil-politika dwar l-emigrazzjoni hija kwistjoni importanti ta' interess komuni u li qed issir aktar u aktar rilevanti. L-UE għandha tistieden lir-Russja sabiex tissieħeb fi djalogu komprensiv fl-ambitu tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Permanenti fuq il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-emigrazzjoni, inkluż il-kenn politiku, il-ġlieda kontra l-emigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni.

Għandu jiġi milqugħ il-progress fin-negozjati mar-Russja li qed jitmexxew bħalissa dwar id-dħul mill-ġdid u l-iffaċilitar tal-viża u r-Russja għandha tintalab sabiex tikkonkludi dawn iż-żewġ ftehim b’mod simultanju fl-2005. Ir-Russja għandha wkoll tiġi imħeġġa tikkonkludi ftehim ta' dħul mill-ġdid ma' pajjiżi ġirien ta' oriġini. Fis-Summit ta’ St. Petersburg, l-UE u r-Russja ftiehmu li jeżaminaw il-kondizzjonijiet għall-ivvjaġġar bla viża bħala perspettiva fit-tul. Ir-Russja għandha wkoll tiġi imħeġġa tiffinalizza l-ftehim tagħha ta’ demarkazzjoni tal-fruntiera ma’ l-Estonja u l-Latvja u li tkompli bin-negozjati tagħha mal-Litwanja.

Kemm l-UE kif ukoll ir-Russja għandhom bżonn iwieġbu b’mod pożittiv għall-isfida sabiex jiġu bbilanċjati l-problemi ta’ sigurtà mal-libertà u l-ġustizzja. Il-bilanċ miksub għandu jinkludi l-kondizzjonijiet meħtieġa għal integrazzjoni effettiva ta’ emigranti legali, b’mod partikulari permezz ta’ l-iżvilupp ta’ politiki koerenti dwar il-migrazzjoni ġestita tal-ħaddiema.

IS-SERBJA U L-MONTENEGRO

Ħarsa ġenerali

Minħabba fir-riforma twila u kumplessa li għadda minna l-pajjiż matul l-2002 u l-2003, is-Serbja u l-Montenegro[9] għada qed tiffaċċja sfidi partikulari li għandhom x'jaqsmu ma' l-artikulazzjoni reali tal-poteri bejn l-Unjoni ta’ l-Istati u ż-żewġ repubbliki konstitwenti. L-awtoritajiet tas-Serbja u l-Montenegro għamlu ftit progress fil-qasam ta’ l-emigrazzjoni u l-kenn politiku, iżda hemm bżonn ta’ aktar sforz. Waqt li l-ftehim ta’ dħul mill-ġdid tas-Serbja u l-Montenegro ma' Stati Membri u ġirien reġjonali qed jiġu implimentati, nuqqas ta' riżorsi jagħmlu l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawk li jiġu lura diffiċli.

Proġetti ta’ kooperazzjoni prattika fuq livell nazzjonali u reġjonali diġà bdew mas-Serbja u l-Montenegro fl-ambitu tal-programm CARDS.[10] L-iżvilupp ta’ politiki nazzjonali bbażati fuq metodu uniformi (miż-żewġ awtoritajiet statali) għall-emigrazzjoni ġiet identifikata mill-Kummissjoni (inkluż fil-programm Aeneas) bħala prijorità ewlenija għas-Serbja u l-Montenegro. Il-Kummissjoni ssuġġeriet ukoll li jiġu żviluppati strateġiji nazzjonali u reġjonali sabiex jipprevjenu t-traffikar tal-persuni u sabiex jgħarrfu lil emigranti potenzjali dwar il-perikli ta’ (u l-alternattivi għal) immigrazzjoni illegali.

Rakkomandazzjonijiet:

Il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet tas-Serbja u l-Montenegro jieħdu atitudni pożittiva għall-ħiddma mal-Komunità Ewropea u l-Istituzzjonijiet tagħha. Madankollu, is-Serbja u l-Montenegro għandhom jitħeġġu sabiex itejjbu l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni ta’ l-Istati u ż-żewġ Repubbliki sabiex jimplimentaw b’mod effettiv il-Partenarjat Ewropew permezz tal-pjan ta’ Azzjoni rilevanti. Għal dan l-għan, is-Serbja u l-Montenegro għandhom jiġu mħeġġa sabiex iwaqqfu mekkaniżmi biex jivverifikaw jekk politiki żviluppati fil-livell ta’ l-Unjoni ta’ l-Istati humiex implimentati miż-żewġ repubbliki.

Barra minn hekk, il-Kunsill jista’ jippromovi/jiffaċilita djalogu bejn Belgrad u Pristina sabiex jitratta ritorni lejn il-Kosovo b’mod aktar effettiv kif deskritt fil-qosor fil-Pjan għal Partenarjat Ewropew u sabiex inaqqas it-tranżitu ta’ emigranti illegali minn dan it-territorju.

IT-TUNIżIJA

Ħarsa ġenerali

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ffirmat fl-1995 u fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 1998, jirregola relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u t-Tuneżija u fih dispożizzjonijiet li jipprevedu kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ emigrazzjoni. Il-mixja sabiex kwistjonijiet ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja jiġu inklużi fl-attività ta' kooperazzjoni mat-Tuneżija kienet waħda gradwali, iżda tirrappreżenta żvilupp pożittiv. It-Tuneżija ġiet identifikata bħala prijorità għall-kooperazzjoni dwar l-emigrazzjoni ma’ l-UE. B’hekk, it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni b’mandat li jinkludi viżi, immigrazzjoni illegali u emigrazzjoni ta’ tranżitu jirrappreżenta avvanz konsiderevoli li ġie kkonfermat mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat li fih kapitolu dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja komprensiv. Waqt il-konsultazzjonijiet dwar il-Politika Ewropea dwar il-Viċinat, it-Tuneżija esprimiet interess partikulari li tibda djalogu dwar l-iffaċilitar tal-viża. Fil-qasam ta' l-emigrazzjoni, hemm żewġ kwistjonijiet ewlenin u prattiċi li jistoqqilhom l-attenzjoni. L-ewwel waħda hija l-iskala ta’ emigrazzjoni illegali (l-aktar emigrazzjoni ta’ tranżitu mir-reġjun ta’ l-Afrika tas-Sub-Saħara u pajjiżi oħra tal-Maghreb) u t-tieni waħda hija n-nuqqas ta’ sistema ta’ kenn politiku li taħdem. It-Tuneżija fil-preżent m’għandhiex sistema domestika li taħdem biex tiddetermina talbiet għal protezzjoni u tisħiħ fuq il-UNHCR.

Rakkomandazzjonijiet

It-Tuneżija wriet metodu kostruttiv fit-tul lejn id-djalogu mal-Komunità Ewropea u din il-kooperazzjoni riċentement ġiet estiża biex tinkludi kwistjonijiet ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, inkluż il-ġestjoni ta’ l-emigrazzjoni. L-adozzjoni riċenti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha tiġi milqugħa. Madankollu, it-Tuneżija u l-UE għandhom isaħħu d-djalogu tagħhom dwar l-emigrazzjoni u l-affarijiet soċjali u jeżaminaw il-kwistjoni tal-kenn politiku u l-iffaċilitar tal-viża sabiex jaraw jekk jistax jinkiseb aktar minhekk.

Ġaladarba l-flussi migratorji minn ġewwa t-Tuneżija huma fenomenu reġjonali, l-isforzi tat-Tuneżija sabiex isibu strateġiji reġjonali għall-ġestjoni ta' l-emigrazzjoni għandha tiġi sostnuta. Tali soluzzjonijiet jistgħu jinkludu l-kooperazzjoni reġjonali dwar il-kontroll tal-fruntieri, iż-żamma ta’ djalogu u kooperazzjoni bejn it-Tuneżija bħala pajjiż ta’ tranżitu u l-pajjiżi ta’ l-oriġini, għajnuna lill-gvern tat-Tuneżija fiż-żamma ta’ kuntatti bejn id-diaspora u l-komunitajiet nazzjonali u sostenn ta’ l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ dawk li jirritornaw.

L-UKRAJNA

Ħarsa ġenerali

Il-bażi legali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna huwa l-Ftehim ta’ Sħubja u ta’ Kooperazzjoni li daħal fis-seħħ fl-1998. Pjan ta’ Azzjoni speċifiku ta’ l-UE dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet ta’ l-Intern kien iffirmat fl-Ukrajna f’Diċembru 2001. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni hu mmonitorjat permezz ta' kwadru ta' valutazzjoni dettaljat. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna dwar kwistjonijiet ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, intensifikat ruħha matul dawn l-aħħar snin, speċjalment wara l-iffirmar tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ġustizzja u Affarijiet ta’ l-Intern UE-Ukrajna. Għalkemm l-Ukrajna kisbet progress avvanzat f’xi setturi tal-kenn politiku u l-emigrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u t-traffikar fil-persuni, għad fadal ħafna xi jsir. Matul l-2004, saru konsultazzjonijiet ma’ l-Ukrajna għal Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat li kien adottat matul laqgħa speċjali tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni fi Frar 2005.

L-Ukrajna bbenefikat b’mod sostanzjali mill-assistenza TACIS, li sostniet, inter alia , it-tisħiħ tar-reġimi tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-kenn politiku u ta' l-emigrazzjoni. Sal-lum intefqu madwar 34 M€ fuq proġetti bħal dawn u proġetti ta’ madwar 20.5 M€ qed jiġu żviluppati. Il-programm Aeneas għandu jikkompleta dawn l-isforzi. Dawn il-miżuri ta’ sostenn għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ dħul mill-ġdid KE-Ukrajna meta dan ikun iffirmat u adottat. L-Ukrajna tipparteċipa b’mod attiv f’attivitajiet reġjonali bħall-proċess ta’ Söderköping u l-proċess ta’ Budapest.

Rakkomandazzjonijiet

Il-Kooperazzjoni ma’ l-Ukrajna fil-politika dwar l-emigrazzjoni hija kwistjoni ta' interess komuni u li qed issir aktar u aktar rilevanti. Metodu ta’ kooperazzjoni tista’ ġġib riżultati tanġibbli. Il-Kummissjoni rċeviet kooperazzjoni tajba mill-Ukrajna dwar kwistjonijiet ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. L-approvazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat UE-Ukrajna għandha tiġi milqugħa. Il-Pjan ta’ Azzjoni joffri l-qafas ewlieni biex jiġi żviluppat u mwessa’ l-kooperazzjoni globali fuq medda wiesgħa ta’ kwistjonijiet fil-qasam tal-Ġustizzja, Libertà u Sigurtà.

Il-Kummissjoni u l-Ukrajna huma ħerqana, fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat, li jwaqqfu djalogu kostruttiv dwar l-iffaċilitar tal-viża, bil-ħsieb li jippreparaw għan-negozjati fuq ftehim formali għall-iffaċilitar tal-viża, li jieħu f’kunsiderazzjoni l-bżonn ta’ progress parallel fin-negozjati li qed isiru għal ftehim għal dħul mill-ġdid KE-Ukrajna. Il-konklużjoni bikrija ta’ ftehim għal dħul mill-ġdid tal-KE tibqa’ importanti ħafna. Il-gvern il-ġdid ta’ l-Ukrajna għandu jiġi nkuraġġut sabiex ikompli dan id-djalogu komprensiv ma' l-UE fuq il-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-emigrazzjoni, inkluża l-ġlieda kontra l-emigrazzjoni illegali, il-kenn politiku u t-traffikar tal-persuni.

RAKKOMANDAZZJONIJIET ġENERALI

Rakkomandazzjonijiet politiċi

Is-saħħiet u djufijiet ta’ dan l-ewwel rapport

Dan ir-rapport jimmira li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-Kunsill sabiex jevalwa l-livelli kurrenti ta’ kooperazzjoni mill-pajjiż rilevanti fil-ġlieda kontra l-emigrazzjoni illegali. Dan l-ewwel rapport jimmira, b’mod partikulari, li jipprovdi punt ta’ referenza għall-kejl aktar faċli tal-progress magħmul fil-kooperazzjoni minn pajjiż individwali fis-snin li ġejjin. Madankollu, diġà ħarġu orjentazzjonijiet ulti għall-futur tar-relazzjoni ta’ l-UE mal-pajjiżi kkonċernati.

Hemm nuqqas ta’ informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha u komprensiva dwar il-ġestjoni ta' l-emigrazzjoni u l-flussi migratorji. Barra minn hekk, il-Kunsill għandu jkun konxju wkoll li bosta pajjiżi terzi jqisu diskussjonijiet dwar l-emigrazzjoni illegali bħala indivisibbli minn kwistjonijiet aktar vasti tal-ġestjoni ta' l-emigrazzjoni bħall-iffaċilitar/tneħħija tal-viża, mezzi legali għall-emigrazzjoni, il-provvediment ta' fondi u tagħmir għas-sorveljar tal-fruntieri (jew kuntatti mill-qrib aktar ma' l-UE b'mod ġenerali).

Ir-rapport li jmiss – pajjiżi addizzjonali?

Il-Kummissjoni ġiet mistiedna[11] tikkunsidra testendi r-rapport tagħha għal dawk il-pajjiżi li għalihom hemm mandat għal ftehim Komunitarju għad-dħul mill-ġdid. Dan ikun jeħtieġ li jiġu nklużi l-Alġerija, il-Ħong Kong, il-Makaw, il-Pakistan u s-Sri Lanka fir-rapport li jmiss. Il-Kummissjoni tappoġġa l-inklużjoni ta’ l-Alġerija u l-Pakistan fir-rapport li jmiss peress illi n-negozjati dwar id-dħul mill-ġdid jistgħu jiġu mgħejjuna permezz ta’ informazzjoni aktar dettaljata ta’ l-isfidi għall-emigrazzjoni ffaċċjati minn dawn il-pajjiżi u l-kapaċità tagħhom li jikkooperaw ma’ l-UE. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-inklużjoni tal-Ħong Kong u l-Makaw tiġi eżaminata fir-rapport annwali li jmiss peress illi dan għandu jippermetti lill-kumitati konġunti għad-dħul mill-ġdid (iffumati kemm fil-Makaw u fil-Ħong Kong f'Settembru 2004 u li tlaqgħu fir-Rebbiegħa 2005) sabiex jagħmlu aktar progress. L-inklużjoni tas-Sri Lanka għandha tiġi eżaminata meta jkun il-waqt malli l-pressjonijiet immedjati fuq dan il-pajjiż wara d-diżastru umanitarju tat-Tsunami jkunu naqqsu.

Għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll li jiġi mwessa’ r-rapport biex jinkludi aktar mill-pajjiżi ta’ Sħab fil-Politika Ewropea dwar il-Viċinat.

Rakkomandazzjonijiet tekniċi

It-titjib ta’ l-informazzjoni statistikali

Waħda mid-diffikultajiet ewlenin iffaċċjati fl-iżvilupp ta' stampa preċiża tas-sitwazzjoni ta' l-emigrazzjoni għal kull pajjiż kienet in-nuqqas ta' informazzjoni u statistiċi preċiżi u komparabbli dwar l-emigrazzjoni. Dan kien primarjament ikkawżat mill-fatt li l-pajjiżi jew ma jiġbrux b’mod sistematiku lanqas l-istatistika bażika dwar l-immigrazzjoni jew jiġbru d- data però jużaw metodoloġiji differenti ħafna minn dawk użati mill-UE. Hemm bżonn pressanti għall-pajjiżi kollha sabiex itejjbu l-ġbir u l-kapaċità tat-trattament tad- data u sabiex iwaqqfu metodi adegwati u mezzi biex jipparagunaw u jiskambjaw din l-informazzjoni u l-Kummissjoni għandha tkompli taħdem lejn l-iżvilupp ta' bażijiet għall-istatistika approprjati.

L-użu aħjar ta’ mekkaniżmi ta’ rapportaġġ eżitenti

Ir-relazzjoni bejn dan l-eżerċizzju ta’ rapportaġġ u oħrajn (bħal, per eżempju eżamijiet regolari taħt il-Politika Ewropea dwar il-Viċinat[12] jew il-kumitati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jew ir-rapport previst mill-Programm ta' l-Aja dwar il-progress u l-kisbiet fil-kenn politiku u l-emigrazzjoni fil-kuntest tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat (2005)) għandhom jiġu ċċarati u għandhom jiġu evitati duplikazzjonijiet possibbli. Il-Kummissjoni fil-futur għandha wkoll, fejn ikun xieraq, tikkonsulta n- Networks ta’ l-Uffiċjali ta’ Kollaborazzjoni ta’ l-Immigrazzjoni u għandha tagħmel użu mir-rapporti regolari tagħha dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżi terzi.

Iż-żamma ta’ flessibbiltà fil-mekkanżimu ta’ rapportaġġ

Il-Kummissjoni ssostni l-produzzjoni ta’ rapport annwali biex timmonitorja l-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar l-immigrazzjoni illegali u tissuġġerixxi li kull rapport jitratta mhux aktar minn 10 pajjiżi. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li r-rapport għandu jiġi ripetut f’intervalli regolari sabiex jippermetti li jiġi valutat il-progress ta’ pajjiż. Madankollu, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-frekwenza tar-rapportaġġ dwar pajjiżi individwali għandha tiġi mnaqqsa għal mhux aktar minn darba kull sentejn peress illi dan iħalli żmien biżżejjed għall-pajjiżi kkonċernati li jgħaddu leġislazzjoni ta’ emenda jekk ikun hemm bżonn jew li jżidu l-kapaċità amministrattiva jew operazzjonali. Kull rapport annwali għandu b’hekk ikopri grupp differenti ta’ pajjiżi.

[1] Dawn il-pajjiżi kienu identifikati bħala prijoritajiet ġeografiċi mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2002 u Marzu 2003. It-Turkija m’hijiex inkluża f’dan ir-rapport pilota, minkejja li kienet proposta bħala waħda mill-pajjiżi peress illi din issa hi pajjiż kandidat.

[2] Ara l-paragrafu 1.2 ta’ l-Anness

[3] Ara l-paragrafu 1.2 ta’ l-Anness

[4] Ara l-paragrafu 2.3 ta’ l-Anness

[5] Ara l-paragrafu 4.2-4.3 ta’ l-Anness

[6] Ara l-paragrafu 4.4 ta’ l-Anness

[7] Dan il-ftehim għandu tul ta’ żmien inizjali ta’ għaxar snin, iżda għandu jiġi estiż awtomatikament sakemm wieħed miż-żewġ partijiet ma jagħtix avviż għall-kuntrarju ta’ dan.

[8] Ara l-paragrafu 5.4 ta’ l-Anness

[9] Il-Kosovo, taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 ta’ l-1999 għada qed tiġi amministrata b’mod separat mill-Amministrazzjoni Interim tan-NU, u b’hekk taqa’ barra mill-iskop ta’ dan ir-rapport.

[10] Ara l-paragrafu 6.4 ta’ l-Anness

[11] Abbozz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prijoritajiet għall-iżvilupp b’ suċċess ta’ politika komuni ta’ dħul mill-ġdid 13758/04 tas-27 ta’ Ottubru 2004.

[12] Rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ l-ewwel fażi tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Politika Ewropea dwar il-Viċinat (li jkopru l-oqsma kollha inkluż il-kenn politiku u l-emigrazzjoni) huma previsti fl-aħħar ta’ l-2006 (sentejn wara l-adozzjoni).