Komunikazzjoni mill-Kummissjonilill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Ir-reklutaġġ ta’ terroristi - Nindirizzaw il-fatturi li jagħtu kontribut għar-radikalizzazzjoni vjolenti /* KUMM/2005/0313 finali */
MT Brussel 21.9.2005 KUMM(2005) 313 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar Ir-reklutaġġ ta’ terroristi: nindirizzaw il-fatturi li jagħtu kontribut għar-radikalizzazzjoni vjolenti 1. Daħla “Ir-radikalizzazzjoni vjolenti” hija l-fenomenu ta’ bnedmin li jħaddnu opinjonijiet, perspettivi u ideat li jistgħu jwasslu għal atti ta’ terroriżmu kif inhu mfisser fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Qafas dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu [1]. L-attakki terroristiċi riċenti fl-Londra fl-Lulju 2005, u f’Madrid f’Marzu 2004, saħħu t-trattament prijoritarju li għandu jingħata lir-radikalizzazzjoni vjolenti bħala parti mill-metodu komprensiv għall-prevenzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-forom kollha tiegħu u rrispettivament mill-għanijiet jew ‘ideali’ li bi suppost javvanza, hija ukoll ġlieda idejoloġika peress illi t-terroriżmu għandu l-potenzjal iwaqqa' l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea. Għalkemm l-Ewropa għandha esperjenza ta' tipi differenti ta' terroriżmu fl-istorja tagħha, it-theddida prinċipali bħalissa ġejja mit-terroriżmu li hu sottolineat minn interpretazzjoni abbużiva ta’ l-Iżlam. Madankollu, ħafna mill-fatturi motivazzjonali tar-radikalizzazzjoni vjolenti u r-rimedji ttrattati minn din il-Komunikazzjoni huma validi b’mod ugwali għar-radikalizzazzjoni vjolenti ta’ kull tip, sew jekk ikun it-tip nazzjonalistiku, anarkiku, separatist, tax-xellug estrem, jew tal-lemin estrem. L-Unjoni Ewropea tiċħad il-vjolenza u l-mibegħda u qatt mhi se taċċetta r-razziżmu jew il-ksenofobja f’kwalunkwe forma jew kontra kwalunkwe reliġjon jew grupp etniku [2]. Kif ġie identifikat fil-Karta ta’ Drittijiet Fundamentali [3], l-Unjoni hija mfassla fuq il-valuri indiviżibbli u universali tad-dinjità umana, il-ħelsien, l-ugwaljanza u s-solidarjetà u hija msejsa fuq il-prinċipji tad-demokrazija u s-supremazija tal-liġi. Għalhekk iż-żamma tal-bilanċ kruċjali bejn id-diversi drittijiet fundamentali f’dan il-qasam hija importanti, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja fuq naħa waħda, u d-dritt għall-libertà ta’ l-espressjoni u l-privatezza fuq l-oħra. L-Ewropa għandha tkompli sseddaq id-drittijiet umani u t-tmexxija skond il-liġi u ma għandhiex taċċetta l-ebda forma ta’ relativiżmu fejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet fundamentali. It-Terroriżmu jikkostitwixxi vjolazzjoni mill-aktar serja tal-libertajiet fundamentali u kwalunkwe argument li jfittex li jiġġustifika ċerti prattiċi vjolenti bħala espressjoni tad-diversità għandu jkun irrifjutat mingħajr kondizzjoni. L-interess f’dan is-suġġett kiber fis-snin riċenti. Bla dubju, din hija kwistjoni kumplessa ħafna mingħajr l-ebda tweġibiet sempliċi u li teħtieġ trattament kawt, modest u bil-ħsieb. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tagħti rapport dwar il-ħidma għaddejja tagħha f’dan il-qasam u tipproponi mezzi possibbli li bihom ix-xogħol f’varji oqsma tal-kompetenza tagħha jista’ jkun indirizzat b’mod aktar effettiv f’din il-kwistjoni. L-Anness għall-Komunikazzjoni jipprovdi biss analiżi preliminarja tal-fatturi potenzjali li jikkontribwixxu għar-radikalizzazzjoni vjolenti u r-reklutaġġ tat-terroristi. Bla dubju, hemm bżonn ta’ aktar riċerka u analiżi fil-fond f’dan il-fenomenu. Kif inhu mitlub speċifikament mill-Programm ta’ l-Aja [4], dan id-dokument huwa l-ewwel kontribut tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ strateġija għat-tul ta’ l-UE (li l-preżentazzjoni tagħha mill-Kunsill hija prevista għat-tmiem ta’ l-2005) sabiex jindirizza l-fatturi li jagħtu kontribut għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' ħidmiet terroristiċi. L-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijet ippreżentati f’dan id-dokument huma għaqda ta’ miżuri ħfief (per eżempju, l-iskambji inter-kulturali fost iż-żgħażagħ) u ibsin (per eżempju, il-projbizzjoni ta’ xandiriet bis-satellita li jinċitaw it-terroriżmu) u għandhom ikunu kkunsidrati bħala kumplimentari u ta' appoġġ għall-isforzi kurrenti nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni temmen illi l-UE, bil-firxa ta’ oqsma politiċi f’diversi oqsma li jistgħu jintużaw biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni vjolenti, tinsab f'qagħda tajba biex tiġbor u tifrex, fuq livell Ewropew, il-kompetenza esperta rilevanti li qegħda tinkiseb mill-Istati Membri fit-trattament ta’ din il-problema. Dan id-dokument ma jimmirax biex jitratta ma’ inizjattivi tal-liġi kriminali bbażati fuq it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea li diġa jeżistu, bħal per eżempju, id-Deċiżjoni ta' Qafas fuq it-Terroriżmu li diġa ġiet adottata, jew il-Proposta taħt diskussjoni għal Deċiżjoni ta' Qafas fuq ir-Razziżmu u l-Ksenofobja. Dik il-proposta, li l-Kummissjoni tħeġġeġ li l-Kunsill jadotta, għandha l-għan li tiżgura illi l-kondotta intenzjonali li għandha x’taqsam ma’ atti tar-razziżmu jew il-ksenofobja, jinkludu l-ħajra għall-vjolenza jew il-mibegħda, l-insulti pubbliċi, l-aċċettazzjoni tar-razziżmu u l-ksenofobja u l-parteċipazzjoni fi gruppi razzisti jew ksenofobiċi, tkun kastigata bħala offiża kriminali fl-Istati Membri [5]. 2. Insaħħu l-Politiki Komunitarji sabiex nindirizzaw ir-Radikalizzazzjoni Vjolenti Il-Kummissjoni tħoss illi l-iżvilupp u t-twettiq ta’ Strateġija Ewropea dwar radikalizzazzjoni vjolenti bil-fors għandhom ikunu sforz sostenut, u li l-miżuri proposti, kemm fiż-żmien ta’ perjodu qasir kif ukoll ta’ perjodu twil, f’din il-Komunikazzjoni m’għandhomx ikunu eżawrjenti fin-natura tagħhom. Fil-futur, miżuri oħrajn jistgħu jkunu proposti, b’mod partikolari fid-dawl ta’ għarfien itjeb li jinkiseb dwar is-suġġett. L-oqsma prinċipali ta’ konċentrazzjoni immedjata huma l-mezzi tax-xandir, l-internet, l-edukazzjoni, l-impenn taż-żgħażagħ, l-impjiegi, l-esklużjoni soċjali u l-kwistjonijiet ta’ integrazzjoni, opportunitajiet ugwali u non-diskriminazzjoni u d-djalogu inter-kulturali. Aktar minn hekk, sabiex jinkiseb aktar tagħrif f’dan il-qasam, il-Kummissjoni se tagħti l-appoġġ tagħha għall-analiżi aktar estensiva ta’ radikalizzazzjoni vjolenti li se jservi bħala bażi għat-tfassil ta’ politika itjeb fil-futur. Fl-aħħar, ir-relazzjonijiet esterni komponenti għat-trattament tal-problema huma aspett kruċjali ta' strateġija futura ta' l-UE f'dan il-qasam. 2.1. Il-Mezzi tax-Xandir Konformi ma’ l-adozzjoni maħsuba tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-Kummissjoni għall-ewwel proġett pilota tagħha dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu [6] ("id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament"), il-Kummissjoni bi ħsiebha torganizza konferenza fil-futur qarib dwar ir-rwol tal-medja skond ir-radikalizzazzjoni vjolenti u t-terroriżmu. Il-liġi Ewropea diġà tipprojbixxi x-xandir ta’ ħajra għall-mibegħda għar-raġuni ta’ razza, sess, reliġjon jew ċittadinanza [7] . Dan jinkludi programmi minn pajjiżi terzi (l-biċċa l-kbira televiżjoni tas-satellita) jekk jagħmlu użu jew ta’ frekwenza, kapaċità satellitari jew uplink li jkun ta’ xi Stat Membru [8]. L-Istati Membri huma responsabbli għat-twettiq ta’ dawn ir-regoli u l-każijiet riċenti ta’ projbizzjoni biex wieħed jerġa jittrażmetti kanali bħal Al-Manar jew Sahar-1 fl-Ewropa [9], juru illi l-applikazzjoni effettiva ta’ dawn ir-regoli taħdem b’mod tajjeb. Fuq stedina tal-Kummissjoni, il-presidenti ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji fil-qasam tax-xandir iltaqgħu għall-ewwel darba f’Marzu 2005 sabiex jagħtu spinta pan-Ewropea biex jiġġieldu kontra l-ħajra għall-mibegħda fix-xandir. Huma qablu dwar il-miżuri konkreti li l-Kummissjoni se tappoġġa biex isaħħu l-ko-operazzjoni tagħhom. Huma qablu dwar l-iskambju ta’ informazzjoni reċiproku u immedjat speċjalment permezz tat-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma u forum ta’ l-internet ristrett. 2.2. L-internet Il-ħajra li wieħed jikkummetti t-terroriżmu hija delitt taħt id-Deċiżjoni ta’ Qafas Ewropea dwar il-Ġlieda kontra t-Terrroriżmu u l-użu ta’ l-internet biex jixewwex lin-nies isiru radikali b’mod vjolenti jew bħala mezz ta’ reklutaġġ ta’ terroristi huma inkwetanti ħafna minħabba l-firxa globali ta’ l-internet, in-natura ta’ ħin-reali u l-effettività tiegħu. L-għan li titneħħa l-propaganda terroristika minn fuq l-internet jista’ minnufih jittieħed f’kunsiderazzjoni fid-Direttiva ta’l-E-Kummerċ [10]. L-Artikolu 3 (4) – (6) ikopri l-possibiltà li jittieħdu miżuri xierqa kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti u r-reklutaġġ ta’ terroristi li jsiru permezz ta’ l-internet. Din id-dispożizzjoni timmira lejn derogazzjonijiet każ b’każ lill-klawzola tas-Suq Intern li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jieħdu l-miżuri, bħal per eżempju s-sanzjonijiet u l-inġunzjonijiet, biex jillimitaw id-dispożizzjoni ta’ servizz partikolari fuq l-internet minn Stat Membru ieħor fejn ikun hemm bżonn ta’ ħarsien ta’ interessi identifikati ta’ politika pubblika bħall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, li jinkludu l-ħarsien ta’ minuri u l-ġlieda kontra kwalunkwe ħajra għall-mibegħda għar-raġuni ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalita, u vjolazzjonijet tad-dinjita umana li jikkonċernaw il-persuni individwali. Għalhekk, miżuri jistgħu jiġu adottati kontra s-servizzi pprovduti b’mod illegali fil-kuntest tat-terroriżmu [11]. L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva jippermetti l-Istati Membri biex jistabbilixxu obbligi għal servizzi ta’ fornituri ta’ l-informatika biex jinfurmaw immedjatament l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti dwar l-allegazzjonijiet ta’ attivitajiet speċifiċi illegali li jsiru jew informazzjoni pprovduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom. Aktar minn hekk, kull Stat Membru għandu l-obbligu li jiżgura s-sorveljanza effettiva ta’ operaturi stabbiliti fit-territorju tiegħu, u li jadotta miżuri neċessarji, skond il-liġi tal-KE, biex jevita attivitajiet kriminali. L-użu ta’ l-internet fir-rigward tar-radikalizzazzjoni vjolenti se jiġi diskuss ukoll fil-qafas tal-laqgħa tal-Grupp Espert ta’ E-kummerċ ippjanat għal Novembru 2005. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma permessi li jeħtieġu fornitur ta’ aċċess u (biss) trazmissjoni [12], kif ukoll fornitur ta’ servizz ta’ caching [13]u hosting [14] biex itemmu jew jevitaw ksur tal-liġi [15]. B'mod partikolari, qrati nazzjonali u awtoritajiet amministrattivi jistgħu joħorġu inġunzjonijiet li jitolbu t-tneħħija ta’ informazzjoni illegali jew in-nuqqas ta’ aċċess għalih. Barra minn hekk, listi suwed, bbażati fuq kriterji ċari mfassla mill-liġi biex jidentifikaw liema kuntenut huwa illegali, ġew stabbiliti minn ċerti korpi jew forzi tal-pulizija f’ċerti Stat Membri biex jassistu l-ISPs biex jiddentifikaw siti li jilqgħu kontenut illegali (bħal per eżempju l-pornografija tat-tfal jew il-kontenut razzist) u qed jintużaw minn ISPs fuq bażi volontarju.Dan it-tip ta’ prattika li tirregola lilha nnifisha huwa eżempju li jista’ jkun traspost għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenta u li l-Istati Membri jistgħu jaqsmu ma’ l-oħrajn. Il-Kummissjoni tħajjar l-Istati Membri biex jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet ta’ għajnuna fid-Direttiva bl-aktar mod effettiv biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni vjolenti fl-Ewropa. Minħabba l-importanza taż-żamma tal-bilanċ delikat mal-prinċipji tas-suq intern ta’ din id-Direttiva, l-iskambju ta' prattiki tajba u l-kompetenza f’dan il-qasam huwa kruċjali. Il-Kummissjoni hija lesta tiġbor dawn il-prattiki fl-Istati Membri u teżamina l-bżonn li tadotta dokument ta' gwida. 2.3. L-Edukazzjoni, l-impenn taż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza attiva Ewropea Programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ fis-snin formattivi tagħhom u f’eta meta huma l-izjed vulnerabbli biex jaqaw fin-nassa ta’ ideat radikali b’mod vjolenti, jistgħu jkollhom riżultati li jħallu ħafna frott. It-trawwim tad-diversità kulturali u t-tolleranza jista’ jgħin iqaċċat l-iżvilupp ta’ mħuħ li huma radikali b’mod vjolenti. Wieħed mill-għanijiet tal-Progamm għaż-“Żgħażagħ” hu li ‘jiżviluppa l-ftehim tad-diversità kulturali ta' l-Ewropa u l-valuri komuni fondamentali, u b'hekk jgħin it-trawwim ta' rispett għad-drittijiet umani u l-ġlieda kontra r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-ksenofobja.” Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura illi temi bħal dawn huma applikati regolarment għal sejħiet għall-proġetti innovattivi. Madankollu, il-programm “Żgħażagħ” jagħti kontribut biex jevita li l-imġieba vjolenti taqbad l-għeruq fost iż-żgħażagħ. Il-Programm “Kultura” ukoll jagħti finanzi għall-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mat-trawwim ta' djalogu interkulturali kif ukoll sabiex titejjeb id-diversità kulturali ta' l-Ewropa permezz tat-trawwim ta' ftehim fost nies ġejjin minn pajjiżi differenti. It-trawwim ta’ djalogu interkulturali se jkun wieħed mill-punti fokali tal-programm ġdid propost "Kultura 2007-2013" [16]. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed twettaq bosta proġetti taħt il-Programm “Socrates” li għandu x’jaqsam mal-kunċetti li qegħdin jiżviluppaw ta' ċittadinanza Ewropea u ftehim inter-kulturali li jgħinu n-nies ġejjin minn sfondi differenti jaqsmu identità komuni Ewropea li xorta waħda, tirrispetta u tippromwovi d-diversita kulturali. Dawn l-attivitajiet huma ttrattati f’aktar dettall fl-iskola u l-azzjonijiet ta’ edukazzjoni adulta tal-programm (“Comenius" u “Grundtvig”). Wieħed mill-għanijiet ta’ dawn il-programmi, hu li jippromwovi “il-kuxjenza interkulturali”, u b’hekk jagħti kontribut f’ċerti mezzi biex jindirizza l-problema tar-radikalizzazzjoni vjolenti ta’ gruppi marġinalizzati li huma 'diffiċli jintlaħqu'. Riċentement, il-Kummissjoni nediet proposta biex tadotta programm ġdid “Ċittadini għall-Ewropa” biex trawwem Ċittadinaza Ewropea [17] attiva u wieħed mill-għanijiet hu biex ittejjeb il-ftehim reċiproku bejn iċ-ċittadini Ewropej li jirrispettaw u jiċċelebraw id-diversita kulturali, waqt illi jagħtu kontribut għad-djalogu interkulturali. Jekk jiġi adottat, l-Unjoni se tipprovdi għajnuna finanzjarja biex torganizza avvenimenti, toħloq networks u trawwem l-iskambju ta’ prattika tajba, b’mod speċjali biex tiċċelebra l-valuri fondamentali u l-kisbiet ewlenin ta’ l-Ewropa u b’hekk tagħti kontribut b’mod indirett lill-firxa ta’ miżuri ħfief kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti. Aktar minn hekk, il-Kummissjoni nediet djalogu tas-soċjeta ċivilibejn l-UE u l-pajjiżi kandidati biex trawwem il-ftehim reċiproku u tiġbor iċ-ċittadini u l-kulturi differenti aktar qrib flimkien. 2.4. Nħajru l-Integrazzjoni, id-Djalogu Inter-kulturali u d-Djalogu bejn ir-Reliġjonijiet 2.4.1. L-Integrazzjoni Fil-biċċa l-kbira ta’ każijiet, ċittadini tat-tielet dinja integraw b’mod tajjeb fl-Istati Membri ta’ l-UE. Madankollu, jekk l-intergrazzjoni ma ssirx, din tista' tipprovdi bażi fertili għall-iżvilupp tar-radikalizzazzjoni vjolenti. Kif diġa ġie diskuss fl-Anness, l-aljenazzjoni mill-pajjiż ta’ oriġni kif ukoll mill-pajjiż ospitanti jista’ jagħmilha aktar probabbli li persuna tfittex sens ta’ identità u postha xi mkien ieħor bħal f’idejoloġija qawwija estremista. Il-politika ta’ integrazzjoni - li hija politika b'għanijiet speċifiċi tagħha stess – jista’ jkollha effetti pożittivi anċillari fuq il-prevenzjoni ta' radikalizzazzjoni vjolenti. Il-Kummissjoni hija mpenjata, taħt il-qafas tal-Programm ta’ l’Aja, tieħu azzjoni biex trawwem politika aktar b’saħħitha ta’ integrazzjoni fl-Istati Membri għal ċittadini tat-tielet dinja, msejsa fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Komuni Bażiċi dwar l-Integrazzjoni addottati mill-Kunsill JHA f’Novembru 2004. Il-Kummissjoni fasslet il-proposti tagħha f’Komunikat adottat f'Settembru 2005 [18]. Taħt il-perspettivi finanzjarji 2007-2013, il-Kummissjoni proponiet ukoll Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini mit-tielet dinja mmirat biex ikopri ħidmiet immirati f’dan il-qasam. Straġeija olistika għall-integrazzjoni hija neċessarja li tinkludi mhux biss aċċess għas-suq tax-xogħol għal gruppi kollha iżda wkoll miżuri li jittrattaw dwar differenzi soċjali, kulturali, reliġjuzi, lingwistiċi u nazzjonali. Id-dritt għal non-diskriminazzjoni, kif inhu żviluppat aktar mid-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni ta’ l-UE [19], huwa aspett prinċipali ta’ l-integrazzjoni. Waqt illi 20% tal-baġit tal-Fond Soċjali Ewropew huwa diġa allokat biex itejjeb l-opportunitajiet ugwali f'impjiegi għall-gruppi żvantaġġati, politiki oħra li jistgħu jkunu ta' għajnuna għandhom x'jaqsmu ma' aktar riġenerazzjoni f’żoni u bliet neqsin mill-affarijiet essenzjali, kondizzjonijiet ta’ djar itjeb, aħjar aċċess għall-edukazzjoni u ħarsien mill-esklużjoni soċjali. Aktar minn hekk, kwalità ta’ ħajja sodisfaċenti u ċ-ċertezza li l-individwi huma impenjati fis-soċjetà, fuq livell personali, huma essenzjali sabiex ikun evitat ir-reklutaġġ ta' gruppi radikali (ara l-Anness). 2.4.2. Id-Djalogu bejn l-Istat u r-Reliġjonijet Id-Djalogu sikwit m’huwiex spontanju, b’mod partikolari meta nittrattaw ma’ valuri u prinċipji importanti. Għalhekk huwa neċessarju li nitgħallmu l-aħjar mod kif nistgħu naqsmu perspettivi u opinjonijiet u b’hekk noħolqu mezz ta' komunikazzjoni li jneħħi x-xkiel u niżviluppaw ftehim ta' diversitajiet kulturali bbażat fuq idejat reliġjużi (b’mod partikolari meta nittrattaw ma’ kunċetti radikali, estremisti u fondamentalisti). Dan huwa kemm ta’ interess ġenerali kif ukoll kundizzjoni neċessarja għat-tnedija ta’ djalogu inter-kulturali u inter-reliġjuz minn bażi soda. L-UE tirrispetta u ma tagħmilx preġudizzji lejn l-istatus taħt il-lliġi nazzjonali ta' knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjuzi jew komunitajiet fl-Istati Membri (Dikjarazzjoni Nru. 11 għat-Trattat ta' Amsterdam). Ir-relazzjoni bejn l-Istat u l-Knejjes u l-assoċjazzjonijiet reliġjuzi m’hijiex il-kompetenza ta’ l-UE. Fl-istess ħin, hemm tradizzjoni ta’ djalogu bejn il-Kummissjon u r-reliġjonijiet, il-knejjes u komunitajiet ta’ twemmin. Għal bosta snin, il-Kummissjoni stabbiliet xibka wiesgħa ta' kuntatti differenti ma' għadd kbir ta' sħab li jemmnu u ma' dawk mingħajr twemmin. Fuq bażi regolari, il-Kummissjoni torganizza konferenzi, seminars u tipi oħra ta' laqgħat sabiex issaħħaħ il-ftehim reċiproku u trawwem il-valuri Ewropej. Fl' 2003, saret Konferenza mill-Ministri ta’ l-Affarijiet Interni ta’ l-UE dwar “Id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet - fattur ta’ koeżjoni soċjali fl-Ewropa u strument ta’ paċi fir-reġjun tal-Mediterran" [20] – l-għan tal-konferenza kien li jiġi diskuss it-twaqqif ta' “Forum Ewropew għal djalogu bejn ir-reliġjonijiet u bejn il-gvern u r-reliġjonijiet.” Il-Kummissjoni, per eżempju, organizzat konferenza dwar l-anti-Semitiżmu fi Frar 2004 fejn l-impenn li tiġġieled kontra u tissorvelja l-anti-Semitizmu ssaħħet mill-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tibni fuq xi wħud minn dawn l-inizjattivi sabiex tiddiskuti aktar fil-fond dawk illi potenzjalment jistgħu jkunu marbuta mal-prevenzjoni ta’ radikalilzzazzjoni vjolenti. 2.4.3. Is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali Il-Kummissjoni se tniedi proposta sabiex tistabbilixxi l-2008 bħala s-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali. Din is-Sena għandha l-għan li ġġiegħel l-Ewropej sabiex ikunu sensittivi għall-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-Djalogu Interkulturali kif ukoll dwar kif jużuw b’mod aħjar programmi ta’l-UE fit-trawwim tal-valuri pożittivi li joħorġu minn djalogu bħal dan. Suġġetti li tqajjmu minn din il-Komunikazzjoni jistgħu jkunu l-oġġett ta’ attenzjoni partikolari fl-avvenimenti li se jkunu appoġġjati mill-Unjoni matul is-Sena. 2.5. L-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi u s-servizzi tas-sigurtà. Skemi għandhom jiġu kkunsidrati li jinvolvu aktar impenn mill-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi u tal-pulizija fuq livell lokali ma’ żgħażagħ.Dawk l-Istati Membri li jippromwovu r-reklutaġġ ta’ nies minn sfondi differenti għandhom ukoll jinkoraġġaw l-Istati Membri oħrajn biex jagħmlu hekk ukoll permezz tat-tqassim ta’ l-aħjar prattiki tagħhom, ukoll f’dawk l-Istati Membri li uffiċjalment ma jgħarrfux minoritajiet etniċi. Dan jista’ jkun mezz fejn jippruvaw jinkisbu ftehim u rispett reċiproku bejniethom madwar l-Istati Membri kollha. Aktar xogħol ta’ prevenzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandu jkun imħeġġeġ madwar l-Istati Membri, flimkien ma’ aktar kooperazzjoni fuq livelli ta’ ħidma, intelliġenza u politika.Il-Kummissjoni tħeġġeġ l-Istati Membri li diġa kisbu riżultati tajbin biex jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tagħhom ma’ l-oħrajn permezz ta’ l-istrutturi ta’ l-UE. L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkoperaw ma' korpi bħall-Europol waqt illi ko-operazzjoni maċ-Ċentru ta’ Sitwazzjoni Konġunt (SitCen) huwa mħeġġeġ b’mod qawwi. Fejn għandhom x’jaqsmu l-inizjattivi ta’ politika, il-Kummissjoni se tiġbor u teżamina l-aħjar prattiċi ta’ l-Istati Membri u tikkonsolidahom f’linjigwida perjodiċi għall-Istati Membri kollha. 2.6. Netwerks ta’ l-Esperti Flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar Finanzjament li dalwaqt se tiġi adottata, il-Kummissjoni se talloka fondi biex twaqqaf network ta’ esperti għat-tqassim ta’ ideat ta’ riċerka u politika li se jissottometti kontribut preliminarju dwar l-istat ta’ għarfien fuq radikalizzazzjoni vjolenti fil-bidu ta’ l-2006. Il-Kummisjoni se tnieda ukoll offerta pubblika għal studji f’dan il-qasam li se tinkludi ‘fatturi motivazzjonali u li jiskoraġġixxu r-radikalizzazzjoni vjolenti' u 'fatturi soċjo-ekonomiċi li jagħtu kontribut għar-radikalizzazzjoni vjolenti’. Huwa possibbli illi l-Proġett Pilota se jkompli fl-2006. Kemm in-networks kif ukoll l-istudji se jieħdu f’kunsidrazzjoni inter alia r-riċerka li saret jew għada għaddejja fil-Programm ta’ Riċerka Qafas tal-KE u programmi oħra ta’ riċerka.Dan l-inventarju ta’ għarfien rilevanti għandu wkoll ikun segwit fil-Programm ‘is-Sigurtà u l-Ħarsien tal-Libertajiet’ għal perspettivi futuri finanzjarji u riċerka ġdida f’dan il-qasam għandha ssir fis-7 Programm ta’ Riċerka Qafas. 2.7. Is-Sorveljanza u l-ġbir ta’ data Il-Kummissjoni kkonsultat in-Network ta’ Esperti Indipendenti dwar id-Drittijiet Fondamenti u rċeviet rispons fil-forma ta’ studju [21] dwar ir-rabta bejn ir-radikalizzazzjoni vjolenti u d-drittijiet fondamentali fil-qafas legali ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tagħmel użu mill-kompetenza esperta taċ-Ċentru ta’ Sorveljanza Ewropew dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobja (EUMC) f’oqsma bħal m’huma l-esperjenzi tal-migranti [22], il-vjolenza razzista [23] u l-Iżlamofobja [24]. Il-Kummissjoni se titlob ukoll l-EUMC għal studji fuq manifestazzjonijiet diversi ta’ mibegħda lejn valuri fondamentali kostituzzjonali ta’ l-UE bħal per eżempju l-liberta reliġjużu u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Aktar minn hekk, it-trasformazzjoni ta’ l-EUMC f’Aġenzija ta’ Drittijiet Fondamentali se tressaq il-possibilitajiet biex jintlaħqu oqsma usa’ (per eżempju, l-interazzjoni tal-pulizija ma’ komunitajiet diversi). 2.8. Relazzjonijiet Esterni Fejn ikun xieraq, id-djalogu ma’ assistenza teknika għal pajjiżi tat-tielet dinja u s-sħab reġjunali għandu jkun parti integrali mill-istrateġija tagħna dwar kif nindirizzaw ir-radikalizzazzjoni vjolenti u r-reklutaġġ ta’ terroristi. Bħala parti mill-politika esterna tagħha, l-UE diġa għanda rwol attiv għalkemm b’mod indirett. Bejniethom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma l-ikbar donaturi ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, li flimkien mar-rwol ewlieni tagħhom għall-iżvilupp, jippromwovu wkoll messaġġi pożittivi u jindirizzaw ċerti kawżi marbuta mall-ħruġ tat-terroriżmu. Għajnuna ta’ żvilupp tista’ tgħin biex titmermer il-bażi ta’ appoġġ għan-networks ta’ terroristi u movimenti permezz ta’ konċentrazzjoni fuq it-tnaqqis ta’ l-ugwaljanzi, l-appoġġ għad-demokratizzazzjoni u r-rispett għad-drittijiet umani kif ukoll għal azzjonijiet ta' tmexxija tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma ta' sistema tas-sigurtà. Barra minn hekk, passi għandhom jittieħdu biex nevitaw il-fraġilita ta’ l-istat fi stadju bikri, ħafna qabel ma tinqala’ l-possibilta ta’ ‘art fertili’ għat-terroriżmu. Il-Komunità se tkabbar l-għajnuna tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet reġjunali biex issaħħaħ sistemi ta' twissija minn kmieni, governanza/it-tkabbir tal-kapaċità istituzzjonali u t-trawwim ta’ ħarsien għad-drittijiet tal-bniedem biex tgħinhom jimpenjaw rwieħhom b’mod effettiv fi strateġija preventiva. Ukoll se ttejjeb il-kapacità tagħha biex tagħraf is-sinjali bikrija ta’ fragilita ta’ l-istat permezz ta’ analiżi itjeb konġunta, is-sorveljanza konġunta u analiżi ta’ stati diffiċli, fraġli u li ma jaħdmux tajjeb ma' donaturi oħrajn [25]. Din hija parti integrali ta’ strateġija ta’ azzjoni komprensiva u esterna għas-sigurta u l-iżvilupp. Fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP), il-pjani ta’ azzjoni ta’ l-UE mal-pajjiżi tal-Mediterran jinkludu għadd ta’ miżuri kontra r-radikalizzazzjoni. Fatturi potenzjali li jagħtu kontribut għar-radikalizzazzjoni ta’ popolazzjonijiet kienu indirizzati f’bosta okkazzjonijiet, matul l-iskambji bilaterali u reġjunali. Dan id-djalogu jista’ jmur aktar fil-fond fil-qafas ta' l-istituzzjonijiet li nħolqu mill-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ma' pajjiżi tal-Mediterran. Fuq livell usa’, hemm bżonn li nippromwovu b’mod itjeb il-ftehim trans-kulturali u inter-reliġjuż bejn l-Ewropa u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk fejn l-Iżlam hu r-reliġjon predominanti.Peress illi t-terroristi sikwit jimmiraw lejn l-Iżlam moderat, huwa importanti nilħqu lill-gvernijiet u organizzazzjonijiet moderati Iżlamiċi sabiex nikkoperaw fuq politika kontra t-terroriżmu. Barra minn hekk, l-appoġġ ta’ gruppi moderati Iżlamiċi u l-ħsieb moderat Iżlamiku kemm f’pajjiżhom kif ukoll barra jista' jagħti kontribut għall-appoġġ limitat ta' l-estremiżmu u għalhekk jnaqqas l-iskop għar-reklutaġġ tat-terroriżmu. Il-Kummissjoni qed tagħti aktar prominenza lill-bżonn tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ksenofobja fil-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi tat-tielet dinja fil-qasam ta’ drittijiet umani. Dan jidher fil-prijoritajiet ta’ finanzjament stabbiliti taħt l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet Umani ta’ l-UE [26], strument tematiku komplimentarju għad-djalogu politiku u l-istrateġiji tal-pajjiż miftehma ma’ gvernijiet tal-pajjiżi sħab.L-UE tista’ taddotta l-istess strateġija fit-trawwim tal-valuri li fuqhom hija bbażata għal stati oħra mingħajr, madankollu, ma timponi l-ebda wieħed mil-mudelli tagħha stess fuqhom. 3. Konklużjoni B'hekk il-Kummissjoni qed tipprovdi l-kontribut inizjali tagħha lejn strateġija ta' l-UE li se tkun żviluppata f'dan il-qasam. Spjegat kif bosta elementi tal-politika ta' l-UE jistgħu jkunu indirizzati jew jsir użu aħjar minnhom, biex jgħinu jindirizzaw il-fatturi lli possibilment jagħtu kontribut għar-radikalizzazzjoni vjolenti. Waqt illi hija konxja min-natura fit-tul ta' dan l-isforz, u għall-bżonn illi ttejjeb l-istrateġija waqt illi jinkiseb aktar għarfien fuq is-suġġett, il-Kummissjoni hija determinata li tikkumplimenta u ssostni l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri, ir-reġjunijiet u l-lokalitajiet billi tipprova toħloq ambjent li hu ostili għar-radikalizzazzjoni vjolenti. ANNESS Daħla Ir-Radikalizzazzjoni Vjolenti hija definita taħt taqsima 1, fuq. Sabiex nifhmu l-għeruq storiċi u psikoloġiċi tagħha, jeħtieġ inħarsu lejn firxa wiesa’ ta’ movimenti, organizzazzjonijiet u ġlidiet, ma’ motivazzjonijiet politiċi, reliġjuzi, nazzjonali u etniċi, jew għaqda ta’ dawn. Ir-radikalizzazzjoni saret qasam partikolari ta’ konċentrazzjoni minħabba r-rabta tagħha mal-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-Ewropa għandha esperjenza twila ta' ġlieda kontra t-terroriżmu. Mal-ewwel ħsiebna jdur lejn l-ETA, l-IRA u l-Brigate Rosse. Terroristi taħt ħafna xejriet differenti u li jħaddnu diversi idejoloġiji u motivi kkaġunaw il-mewt ta’ vittmi f’ħafna Stati Membri. L-idejoloġiji u l-propaganda varjaw u nkludew estremiżmu ta’ tipi differenti – sew mix-xelluġ jew il-lemin estrem, anarkisti jew reliġjuzi jew f’ħafna każijiet nazzjonalisti.Dawn il-gruppi kollha fittxu li jitterroriżżaw soċjetajiet demokratiċi biex jaċċettaw trasformazzjonijiet politiċi permezz ta' mezzi non-demokratiċi. Waqt illi xi drabi invokaw aspirazzjonijet li jkollhom partijiet usa' tal-popolazzjoni, l-użu tat-terroriżmu minn dejjem kien miċħud kemm mis-soċjetà sħiħa kif ukoll mill-gruppi stess li l-interessi tagħhom dawn il-gruppi kellhom il-ħsieb li jippromwovu. It-Terroriżmu qatt mhu leġittimu. Għalhekk, dejjem ifittex jiġġustifika lilu nnifsu billi jirreferi abbużivament għall-opinjonijiet, l-aspirazzjonijiet jew it-twemmin li jistgħu, fihom nfushom, jkunu leġittimi u li sikwit jiġu mgħawġa b’mod insidjuż. Il-Kummissjoni temmen li m’hemm xejn li jista’ jissejjaħ ‘it-terroriżmu Islamiku’, lanqas it-terroriżmu ‘kattoliku’ jew ‘aħmar’.L-ebda waħda mir-reliġjonijiet jew għażliet demokratiċi politiċi ta’ ċittadini Ewropej ma tittollera, wisq inqas, tiġġustifika, it-terroriżmu. Il-fatt illi ċerti individwi jfittxu, mingħajr skrupli, li jiġġustifikaw id-delitti tagħhom f’isem ir-reliġjon jew idejoloġija ma jistax iħalli bl-ebda mod li jiddallam ir-reliġjon jew idejoloġija partikolari. Li wieħed jistqarr dan il-fatt b’mod ċar hija, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-ewwel ħtieġa għall-Unjoni fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenta. Fil-passat riċenti, kien magħruf b’mod ġenerali illi gruppi terroristiċi, li abbużivament ddikjaraw il-leġittimità tagħhom f’isem l-Iżlam, kienu operaw fi ħdan kif ukoll barra l-Ewropa u sikwit ir-raġuni għal atti tagħhom kienu ddikjarati relatati ma’ sitwazzjonijet politiċi. Kemm il-militari kif ukoll iċ-ċittadini kienu vittmi fl-Ewropa ta’ attakki terroristiċi. Hu magħruf li organizzazzjonijiet terroristiċi kellhom ċelluli fl-Ewropa, ħafna qabel l-attakki ferrovjarji ta’ Madrid fil-11 ta’ Marzu 2004 jew l-attakki f’Londra fis-7 ta’ Lulju 2005. Hemm ukoll rabtiet allegati bejn dawk li organizzaw l-attakki fuq il-World Trade Centre u l-Pentagon, u l-attakki f’Madrid. Sa’ llum, jidher illi l-organizzazzjonijiet huma trans-nazzjonali, loġistikament organizzati sew u ffinanzjati b'mod tajjeb.Barra minn hekk, il-firxa ta’ nazzjonalitajiet involuti fl-istadji varji ta' l-organizzazzjoni sofistikata ta' l-attakki tindika kemm saru globali dawn l-organizzazzjonijiet u tindika wkoll kif dawk involuti jistgħu jkunu ċittadini Ewropej, li l-motivazzjonijet tagħhom ma jistgħux jkunu kategorizzati b’mod sempliċi; li ma jkunux esklużi soċjalment, żvantaġġati b’mod soċio-ekonomiku, mingħajr impjieg jew jgħixu fis-subborgi ta’ bliet kbar mċaħħda mill-affarijiet essenzjali, jew djar ta’ l-istat fiċ-ċentru tal-belt, jew ġejjin minn familji immigranti. Huwa importanti niftakru illi ċerti attivitajiet reġjunali terroristiċi, bħal m’huma l-attakki relatati mal-kunflitt Israeli-Palestinjan, mhumiex neċesarjament marbuta ma’ networks globali u m'ghandhomx ikunu diskussi flimkien, jew jidhru li qegħdin iwettqu atti terroristiċi "flimkien" għal kawża waħda. Id-denominatur komuni “reliġjuz”, u r-reliġjon innifisha, sikwit mhumiex il-bażi li fuqhom twettqu l-attakki.Organizzazzjonijiet u gruppi fuq skala żgħira madwar l-Istati Membri jħaddnu twemmin radikali jew iħajru ż-żgħażagħ biex jieħdu azzjoni soċjali jew politika kontra l-Iżlamofobja jew il-perċezzjoni ta’ politika anti-Islamika. Nistgħu ngħidu l-istess għat-twemmin radikali (sikwit espress f’termini verbali vjolenti) kontra, per eżempju, l-immigrazzjoni jew il-globalizzazzjoni. Mhux il-gruppi kollha li jesprimew dan it-twemmin iwettqu attakki terroristiċi. Madankollu, dawk li jagħmlu hekk, sikwit jeżistu fuq livelli lokali fi ħdan l-Istati Membri, u mhux globalment, b'finanzjament sofistikat, għajnuna finanzjarja u ppjanar. Organizzazzjonijeit u networks terroristiċi jistrieħu fuq voluntiera, networks loġistiċi u fondi minn oħrajn li jiġbru l-flus għaliex għandhom l-istess opinjonijiet. Huma magħrufa wkoll li jinnegozjaw f’oqsma oħrajn ta’ kriminalità organizzata, sabiex jiffinanzjaw it-terroriżmu [27]. Hemm ukoll distinzjoni potenzjali bejn il-gruppi trans-nazzjonali li għandhom fondi u loġistika, fuq naħa waħda, u l-gruppi lokali u indipendenti li jistgħu jorganizzaw ħidmiet fuq skala żgħira, fuq l-oħra. Din id-distinzjoni hija l-influwenza idejoloġika u operazzjonali maħduma minn gruppi organizzati fuq gruppi bbażati lokalment. Is-suċċess reġistrat minn dawk li huma organizzati u t-tixrid tagħhom permezz ta' soċjetà ta’ informazzjoni globali huwa inċitar għal azzjonijiet ta’ gruppi izgħar. 1. Fatturi li jagħtu kontribut għar-radikalizzazzjoni Ir-raġunijiet għaliex isiru involuti fi gruppi li jużaw it-terroriżmu kontra l-oħrajn bħala mezz li jesprimu l-idejat tagħhom sikwit tkun ġejja minn għaqda ta' inġustizzja meqjusa jew reali jew minn esklużjoni. Il-konċentrazzjoni fuq il-ġlieda taħt bandiera komuni, politika, reliġjuża, nazzjonali jew etnika tgħin in-nies jsibu affiljazzjonijiet ma’ għaqdiet, u flimkien ma’ dawn il-gurppi, jwettqu atti ta’ vjolenza li jistgħu jsiru parti mill-parteċipazzjoni tagħhom f’kawża. Raġunijiet oħrajn jistgħu jinstabu fl-interpretazzjoni żbaljata ta’ kitbiet jew idejoloġiji, jew differenza konsiderevoli bejn dak illi wieħed jaqra u r-realtà tal-kuntest kontemporanju u soċjali tal-persuna. Fuq livell aktar psikoloġiku u individwali, in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni f’soċjeta, l-esperjenza tad-diskriminazzjoni u bħala konsegwenza, in-nuqqas ta’ rieda li wieħed jiddentifika mal-valuri fis-soċjeta fejn wieħed qed jgħix, jistgħu jwasslu għal sentimenti ta’ aljenazzjoni jew ta’ self-esteem baxx – differenza sinifikattiva li tista’ timtela permezz ta’ kuntatt ma’ l-ideali qawwijin u l-motivazzjonijiet ibbażati fuq għanijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi jew movimenti. Sikwit, ix-xewqa li wieħed jinvolvi ruħu ma’ ċentru partikolari ta’ identità li jirrappreżenta l-opinjonijiet tiegħu tista’ tkun forza qawwija ta’ motivazzjoni. Dan il-fenomenu huwa simili ħafna irrispettivament mill-ideal qawwi; jista’ jkun in-neo-nazziżmu, kawżi nazzjonalistiċi jew separatisti, revoluzzjoni soċjali jew interpretazzjonijet estremi tar-reliġjonijet. Huwa ċar illi mhux dawk kollha li jiġu f’kuntatt ma’ gruppi radikali jsiru radikali huma stess. L-għadd ta’ persuni li fil-fatt jipprovaw jikkommettu atti terroristiċi ta’ kwalunkwe natura jew gravità huwa żgħir. Huwa importanti li niftakru illi dejjem hu possibbli li individwu jiċħad ir-radikalizzazzjoni vjolenti, u ħafna jagħmlu hekk.Għalhekk, jeħtieġ illi politika li tirnexxi biex tiġġieled kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti tifhem dawn il-proċessi, iżda qatt ma tiġġustifika l-vjolenza. Wieħed irid jinvestiga l-faċilità li biha n-nies jiġu f’kuntatt ma’ gruppi radikali vjolenti. Xi wħud minnhom jiġu f’kuntatt magħhom meta jmorru l-università. Il-bogħod mill-ambjent familjari tagħhom u l-istrutturi ta’ ħbieb u familja li tappoġġjahom, jibdew isiru konxji tal-politika u gruppi ta’ pressjoni. Dawk li qed ifittxu membri ġodda sikwit jisfruttaw din is-sitwazzjoni. Oħrajn isibuhom u huma influwenzati meta jużaw l-internet, permezz ta’ chat rooms jew meta jaqraw artikoli li jaħarqu fuq websajts, li jħajru u jimmotivaw in-nies biex ibiddlu sitwazzjonijiet meqjusa bħala nuqqas ta’ ġustizzja jew ugwaljanza. Postijiet ta’ qima jew partiti politiċi/ċelluli ta’ organizzazzjoni jistgħu wkoll ikunu art fertili għar-reklutaġġ ta’ terroristi, bħal ma wkoll, jistgħu jsiru postijiet fejn in-nies ikunu esposti għall-ideat ġodda permezz ta’ priedki jew lekċers. Minn dawk l-individwi li jinvolvu rwieħhom fi gruppi jew organizzazzjonijiet, mhux kollha fil-fatt ikunu lesti jaġġixxu fuq bażi ta’ ċertu twemmin jew opinjonijiet, jew ikunu influwenzati minn dak li jisimgħu u b’hekk jinvolvu ruħhom f’atti terroristiċi. Huwa proporzjon ta’ nies żgħir ħafna li fil-fatt imorru minn pożizzjoni radikali għal waħda fejn ikunu jixtiequ jwettqu atti terroristiċi li għandna nżommu f’moħħna matul diskussjonijiet fuq ir-radikalizzazzjoni vjolenti. Madankollu, huwa importanti l-għarfien tal-kawżi tal-problema. Dawk in-nies li jfittxu jinfluwenzaw l-oħrajn biex jissieħbu ma’ gruppi terroristiċi għandhom ikunu investigati u miġġielda b’determinazzjoni. Il-Kummissjoni diġa qegħda taħdem sabiex issib mezzi biex tevita l-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ organizzazzjonijet ta’ karità u li ma jaħdmux għall-profitt. Ir-rwol tal-medja huwa ta’ valur f’dan il-qasam f’għadd ta’ modi. L-ewwelnett, ċerta medja – b’mod partikolari r-radju, it-televiżjoni bis-satellita u l-internet – ixerrdu l-propaganda li tagħti kontribut għar-radikalizzazzjoni vjolenti. Tipikament, dan iwassal għal xbieha tad-dinja li hija reduzzjonista u kospiratorja, fejn in-nuqqas ta’ ugwaljanza u l-oppressjoni huma dominanti u pajjiżi, reliġjonijiet u soċjetajiet sħaħ huma mpinġija b’mod li tiċħad id-dinjita umana u tipprezentahom bħala ħatja b’mod kollettiv. Xi forma ta’ prinċipju li jirregola lilu nnifsu jew possibbilment kodiċi ta’ kondotta fil-medja tista’ tkun ta’ benefiċċju. It-tieni nett, il-medja tista’ tgħin fir-reklutaġġ fi gruppi terroristiċi, billi tagħti leħen lil opinjonijiet terroristiċi u organizzazzjonijiet u tiffaċilita l-kuntatt bejn individwi radikalizzati, per eżempju, permezz ta’ l-internet. It-tielet, il-medja għandha influwenza fil-mod kif tinfurma lill-pubbliku ġenerali dwar atti terroristiċi. It-terroriżmu jisfrutta s-soċjetajiet miftuħa u l-medja hi l-mezz prinċipali li permezz tagħha, taffettwa kemm iċ-ċittadini kif ukoll il-mexxejja. Il-ġurnalisti jiffaċċjaw ir-responsabbiltà diffiċli li jaqdu d-dmir tagħhom biex jinfurmaw il-pubbliku, mal-bżonn li ma jiffaċilitawx l-għanijiet tat-terrroristi. Dawn il-kwistjonijet, li m’humiex ġodda, jibqgħu kwistjoni ta’ riflessjoni fi ħdan il-professjoni. Aktar minn hekk, jekk ċerti gruppi jħossu li qed ikunu mmirati apposta permezz tal-medja, dan jista’ jsaħħaħ ix-xewqa tagħhom biex, bi tpattija, huma jsiru ostili. L-investigazzjoni tal-mezzi li permezz tagħhom ċelluli terroristiċi jew netwerks jiżviluppaw illum u jmantnu lilhom infushom – mgħejjuna mill-komunikazzjonijiet globali bħal m’huma l-internet jew it-telefon ċellulari – u liema fatturi jgħinu l-membri jew voluntiera ġodda jinvolvu ruħhom huma wkoll oqsma għall-analiżi investigati sa mid-dehra tat-terroriżmu politiku fis-sebgħinijiet u l-iżvilupp tat-teknoloġiji moderni. Ibbażat fuq dan ix-xogħol preċedenti u fuq studji ddettaljati li saru mill-forzi tas-sigurtà tal-proċess tar-radikalizzazzjoni ta’ kull terrorist suspettat li tqiegħed f’kustodju, ir-riċerka issa għandha ddur lejn l-iżvilupp ta’ għodod ġodda – kemm operazzjonali kif ukoll legali – għal dawk involuti fil-ġlieda kontra dan il-proċess. Għodod ġodda bħal dawn, per eżempju, l-kwistjonarji standard żviluppati mill-grupp ta’ G8 Practitioners, għandhom jintużaw mis-servizzi ta’ l-infurzar tal-liġi u s-sigurtà biex iwettqu studju ddettaljat tal-proċess tar-radikalizzazjoni ta’ kull terrorist suspettat li jitqiegħed f’kustodju u biex jipprovdi tagħrif utili u kumparabbli għall-ftehim aktar preċiz tal-fatturi involuti fil-proċess tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ tat-terroristi. Is-servizzi tas-sigurtà u l-forzi tal-pulizija fl-Istati Membri ilhom jistudjaw il-fenomenu tar-radikalizzazzjoni vjolenti b’konċentrazzjoni fuq postijiet fokali tar-reklutaġġ bħal m’huma l-ħabsijiet, iċ-ċentri reliġjuzi u l-iskejjel. Għalhekk, għandna nagħmlu użu minn din il-kompetenza esperta, iżda fl-istess ħin ma nillimitawx rwieħna għaliha biss. 2. Il-Kawżi Fundamentali tar-Radikalizzazzjoni L-identifikazzjoni preċiża tal-kawżi fundamentali tar-radikalizzazzjoni vjolenti hija kariga iebsa ħafna u l-esperti għadhom qegħdin jibdew jifhmu l-fenomenu. Ir-radikalizzazzjoni vjolenti sikwit tista’ tkun għaqda tas-sentimenti negattivi ta’ esklużjoni ta’ individwu, li jeżistu flimkien ma’ sentimenti pożittivi attivi dwar il-ħtieġa ta’ involviment fi grupp u għall-azzjoni favur bidla. Fatturi soċjali bħal mhi l-esklużjoni – reali jew mhix – sikwit huma r-raġunijiet parzjali għaliex wieħed ikun suġġett għal opinjoni radikali jew li jinvolvi ruħu f’movimenti radikali. Jistgħu jkunu l-perċezzjonijiet ta’ l-individwu ta’ inġustizzja jew diskriminazzjoni dwar is-sitwazzjoni tiegħu li jidhru li jaffettwaw ċerti gruppi u li ġġiegħlu l-bnedmin jieħdu azzjoni. Fatturi relatati ma’ l-esklużjoni, li jistgħu jkollhom x’jaqsmu ma’ parteċipazzjoni fi gruppi ta’ minorità jew immigranti – jew individwalment jew flimkien mal-grupp li wieħed jiddentifika jew jissieħeb miegħu – jistgħu jirriżultaw f’sentimenti ta’ diskriminazzjoni fis-soċjetajiet Ewropej fejn jgħixu dawn in-nies. Sentimenti simili jistgħu jirriżultaw għal dawk li jħossu li l-identità tagħhom hija mhedda minn immigrazzjoni, globalizzazzoni jew, fil-każ ta’ separatisti, dħul fis-soċjetajiet politiċi usa’ u mhux mixtieqa. Sentimenti ta’ “għaqda” jew ta’ identità sikwit huma frammentati u allejanzi personali jistgħu jkunu l-kawża ta’ konfuzjoni. Per eżempju, iż-żagħżagħ ta’ ġenituri immigranti li jikbru fl-Ewropa sikwit ikollhom aspettattivi differenti tal-pajjiż fejn jgħixu mill-ġenituri tagħhom. Ħafna minnhom ma jħossux allejanza għall-pajjiżi ta’ oriġni, ir-reliġjon jew l-isfond kulturali tal-ġenituri jew in-nanniet tagħhom, u b’hekk jistgħu biss isiru parti mill-pajjiż fejn kibru u għexu, iżda jistgħu jiltaqgħu ma’ diskriminazzjoni fi ħdan is-soċjetajiet, sikwit minħabba d-differenzi kulturali, lingwistiċi, reliġjużi, nazzjonali jew fisiċi tagħhom. It-tfal iż-żgħar, ta’ kwalunkwe sfond, kollha jixtiequ “jippartjenu” ma’ l-oħrajn. Huwa biss aktar tard, bħala żgħażagħ, illi s-sentimenti ta’ ribelljoni jsiru aktar probabbli. L-aljenazzjoni li tiġi minn kemm l-għeruq tal-ġenituri u l-pajjiż ta’ l-oriġni, kif ukoll is-soċjeta fejn jgħixu, tista’ twassal għax-xewqa li jiddentifikaw ma’ lokus ta’ identità aktar motivat jew qawwi. Hija din il-kriżi ta’ identità li tista’ tidher bħala l-forza ta’ motivazzjoni qawwija sabiex ħafna jispiċċaw involuti f’organizzazzjonijiet bi twemmin qawwi li jixtiequ jpattuha lil ċertu nies jew lis-soċjetà in ġenerali, permezz ta’ atti terroristiċi. It-twemmin politiku, l-identità nazzjonali, lingwistika jew reliġjuża u l-espressjoni ta’ l-individwu, jew għaqda ta’ dawn, sikwit huma l-fatturi motivanti wara x-xewqa li wieħed jipprova jbiddel l-istatus quo. Is-sens li wieħed isib l-identità u l-post tiegħu jista’ jkun aktar qawwi u sinifikattiv bħala lokus ta’ differenza, milli biss il-wirt ta’ identità etnika, jew l-akkwist jew it-twelid f’ċittadinanza, speċjalment għat-tfal li m’għandhom l-ebda esperjenza personali jew diretta tal-pajjiż ta’oriġni tal-ġenituri tagħhom. Għal ċerti żgħażagħ minn familji immigranti Musulmani, l-Iżlam isir xi ħaġa differenti mill-Iżlam tal-ġenituri tagħhom, u waqt illi jitgħallmu aktar dwaru, jsir mezz ta’ espressjoni aktar pożittiv u aċċessibbli għall-individwu. Ħafna mill-perċezzjonijiet li s-soċjetà għandha ta’ l-Iżlam immigrant fl-Ewropa huma n-normi kulturali li ttieħdu mill-pajjiżi ta’ l-oriġni ta’ l-immigranti, u mhux ir-reliġjon innifisha. Għal ċerti Musulmani, it-tfittxija għall-Iżlam “pur” hija importanti u huma jagħmlu dan billi jissieħbu ma’ organizzazzjonijet jew għaqdiet fejn iħossu li jistgħu jitgħallmu affarijiet ġodda. Jista’ jkun illi persentaġġ żgħir minn dawn l-organizzazzjonijet jieħu vantaġġ minn dan u b’hekk isiru fora għall-influwenza taż-żagħżagħ. Hija din l-attribuzzjoni falsa ta’ ċerti valuri u prattiċi ta’ l-Iżlam li toħloq sterjotipi negattivi dwar ir-reliġjon fil-medja u s-soċjetà, b’mod partikolari minn mindu saru l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti. Dan jista’ jagħti kontribut għal sterjotipi negattivi, u b’hekk jiżdiedu r-raġunijiet għal attakki fuq Musulmani fuq naħa waħda, u t-tisħieħ tas-sentimenti ta’ diskriminazzjoni fil-komunitajiet Musulmani fuq l-oħra. Is-sejba għal idejoloġija pura u sempliċi tista’ wkoll tinħass minn dawk li jħossuhom maqtugħin mil-bidla soċjali u ekonomika. L-individwi, b’mod partikolari ż-żagħżagħ minn sfondi aktar fqar jew esklużi, jistgħu jħossu ġibda qawwija “għaċ-ċertezzi” ta’ idejoloġiji estremi (jew kontra l-globalizzazzjoni), għalkemm m’humiex biss l-individwi f’dawn il-kategoriji li jduru għar-radikalizzazzjoni vjolenti. [1] Id-Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill 2002/475/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu. L-Artikolu 1 jistipola illi kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-atti intenzjonali rriferew għal disa' offiżi speċifiċi, , kif inhuma identifikati taħt il-liġi nazzjonali, li minħabba n-antura u l-kuntest tagħhom, jistgħu jikkawżaw ħsara serja għal pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali fejn iseħħu, bil-għan illi dawn jintimidaw serjament il-popolazzjoni, ġġiegħlu mingħajr raġuni l-Gvern jew organizzazzjoni internazzjonali li jwettqu jew jastjenu milli jwettqu att, jew jeqirdu jew jiddistabilizzaw serjament l-istrutturi fundamentali politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta' pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, se jkunu meqjusa bħala offiżi terroristiċi. [2] L-Artikolu 13 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li jimplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni rrispettivament mill-oriġni razzjali jew etniku tagħhom ĠU L 180, 19.7.2000, p.22 u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li twaqqaf qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjiegi u x-xogħol ĠU L 303, 2.12.2000, p. 303. [3] Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea, 2000 ĠU C 364, 7.12.2000 [4] "Il-Programm ta' l-Aja – Insaħħu l-liberta, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-UE" approvat mill-Kunsill Ewropew f'Novembru 2004. [5] Proposta għad-deċiżjoni ta' qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-kseofobja – COM(2001) 664, ĠU C 75 E, 26.3.2002. [6] Id-Deċiżjoni ta' Finanzjament tal-Kummissjoni dwar il-Proġett Pilota "il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu" adottata fil-15 ta' Settembru 2005, jispeċifika l-mod kif il-Kummisjoni bi ħsiebha talloka l-baġit ta' 7 miljun Euro fil-politika tagħha kontra t-terroriżmu. [7] Art. 22.000000a Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 dwar il-ko-ordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijet mfassla minn azzjoni ta' liġi, regolament jew amministrazzjoni fl-Istati Membri dwar il-mira ta' attivitajiet ta' xandir tat-teliviżjoni (Direttiva ta' Telivision without Frontiers) [8] L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva "Television without Frontiers". [9] It-trażmissjoni mill-ġdid ta' Al- Manar mill-Istati Membri relevanti kollha ta' l-UE bil-kapaċità satellita, f' dan il-każ Franza, (EUTelsat), l-Olanda (NSS) u Spanja (Hispasat), hija projibita. [10] Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 fuq ċerti aspetti legali ta' soċjeta ta' servizzi ta' informazzjoni, b'mod partikolari, il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ eletroniku) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1. [11] Komunikazzjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar l-applikazzjoni għas-servizzi finanzjarji ta' l-Artikoli 3(4) sa (6) tad-Direttiva Elettronika Kummerċjali – COM (2003) 259. [12] Intermedjarji identifikati fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva ta' E- Kummerċ (kondjuit biss). [13] Intermedjarji identifikati fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva ta' l-E- Kummerċ. [14] Intermedjarji identifikati fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva ta' E- Kummerċ. [15] Artikoli 12(3), 13(2) u 14(3) tad-Direttiva ta’ l-E-Commerce. [16] Proposta għal deċiżjoni mill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li twaqqaf il-programm Kultura 2007 (2007-2013) – COM (2004) 469, 14.7.2004 [17] Proposta għal deċiżjoni għall-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jwaqqaf il-programm "Ċittadini għall-Ewropa" għall-perjodu 2007-2013 biex jippromwovi ċittadinanza attiva Ewropea – COM (2005) 116, 6.4.2005. [18] Komunikat mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunijiet. Aġenda Komuni għall-Inteġrazzjoni – Qafas għall-Integrazzjoni ta' ċittadini tat-tielet dinja fl-Unjoni Ewropea – COM (2005) 389, 1.9.2005 [19] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna. [20] Saret f' Ruma, it-30-31 ta' Ottubru 2003. [21] ‘Il-ħtiġiet tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem fil-qafas tal-miżuri tal-prevenzjoni ta’ radikalizzazzjoni vjolenti u r-reklutaġġ ta’ terroristi potenzjali’ – Opinjoni nru. 3 - 2005, 23 ta’ Awissu 2005; http://www.europa.eu.int/comm/justice_home/cfr_cdf/index_fr.htm [22] L-EUMC bħalissa qed tħejji rapport dwar 'l-Esperjenzi ta' migranti tar-Razziżmu u d-Diskriminazzjoni." [23] L-EUMC ippreżentat f’April 2005 rapport dwar il-Vjolenza Razzista fil-15-il Stat Membru. [24] L-EUMC qed tħejji żewġ rapport dwar din il-kwistjoni. [25] Ara wkoll COM(2005) 311 "Proposta għall-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni fuq il-Politika ta' l-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea "Il-Konsensus Ewropew". [26] Dokument ta' Inizjattiva Ewropea għall-iProgrammar tad-Demokrazija u d-Drittijiet Umani 2002-2004.Adottat mill-Kummissjoni fl-20 ta' Diċembru 2001. http://europa.eu.int/comm/external_relations/human_rights/doc/eidhr02_04.htm [27] Komunikazzjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu. --------------------------------------------------