Komumikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Istituzzjoni ta’ verifika OECD EDRC (Organizzazzjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Ekonomika – Kumitat ta’ Reviżjoni ta’ l-Ekonomija u l-Iżvilupp) ta' l-istrateġiji politiċi ekonomiċi tal-KE flimkien ma' Stħarriġ Żona Euro /* KUMM/2005/0150 finali */
Brussel 21.04.2005 KUMM(2005) 150 finali KOMUMIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Istituzzjoni ta’ verifika OECD EDRC (Organizzazzjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Ekonomika – Kumitat ta’ Reviżjoni ta’ l-Ekonomija u l-Iżvilupp) ta' l-istrateġiji politiċi ekonomiċi tal-KE flimkien ma' Stħarriġ Żona Euro Il-kwistjoni F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi elementi għat-tweġiba li trid tingħata lit-talba ta’ l-ambaxxaturi ta’ l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, il-Messiku, il-Ġappun u l-Stati Uniti (APEC Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku) lill-OECD biex jitwessgħu l-verifiki ta’ l-OECD EDRC taż-Żona Euro biex jinkludu l-istrateġiji politiċi tal-Komunità li għandhom impatt fuq ir-rendiment ekonomiku ta’ l-UE. Il-Kummissjoni tipproponi li tagħti tweġiba pożittiva għall-ittra ta’ l-APEC fis-sens illi l-KE tista’ taċċetta l-istituzzjoni ta’ “Reviżjoni ta’ l-UE 25”[1] maqtugħa għaliha, flimkien mas-Stħarrġ taż-Żona Euro, u bil-kundizzjoni li dan isir b’mod li jiġu kkunsidrati sewwa l-partikolaritajiet tal-KE, u li jservi l-interessi sistematiċi tagħna. Il-KE u r-reviżjoni ta’ l-OECD EDRC Il-verifika ta’ l-ekonomija tal-Membri ta’ l-OECD mill-Kumitat ta’ Reviżjoni ta’ l-Ekonomija u l-Iżvilupp (EDRC) hija l-bażi tas-sistema ta’ l-OECD ta’ reviżjoni inter pares u s-sorveljanza ekonomika. L-għanijiet priniċipali tar-reviżjonijiet ta’ l-EDRC huma 1) li tevalwa kif l-awtoritajiet jistgħu jtejbu r-rendiment ekonomiku u 2) li tħeġġeġ lill-ekonomiji li jipparteċipaw biex isaħħu l-istrateġiji politiċi tagħhom bil-ħsieb li ttejjeb l-effiċjenza ekonomika u tippromwovi t-tkabbir. Ir-reviżjoni twassal għal rakkomandazzjonijiet formali li m’għandhom l-ebda rabta fuq il-Membri, iżda jikkostitwixxu gwida ta’ strateġija politika utli u l-implimentazzjoni tagħha tista’ tkun segwita f’reviżjonijiet sussegwenti. Kull Membru ta’ l-OECD issir reviżjoni tiegħu b’intervalli ta’ bejn 12 u 18-il-xahar (għaż-żona Euro: kull 12-il-xahar). Għalissa m’hemmx reviżjoni ta’ l-EDRC ġenwina għall-istrateġiji politiċi tal-Komunità. Mill-2001 ’l hawn, l-EDRC kull sena qed iwettaq reviżjoni awtonoma taż-Żona Euro, minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ l-ekonomija taż-żona euro. Huwa jiffoka b’mod partikolari fuq l-istrateġiji politiċi monetarji u r-rata ta’ kambju, flimkien ma’ strateġiji politiċi oħra makroekonomiċi u strutturali sa fejn dawn ikollhom impatt fuq l-iżviluppi ekonomiċi fiż-Żona ta’ l-Euro in ġenerali (p.e. il-kompetizzjoni u l-politika ta’ l-ambjent fl-2003). L-IStati Membri) tal-KE li huma Membri ta’ l-OECD huma fil-preżent suġġetti għal verifiki individwali ta’ l-EDRC, li fil-kuntest tagħhom l-istrateġiji politiċi mal-Komunità kollha qed jiġu ta’ spiss indirizzati (minħabba l-impatt tagħhom fuq dan l-Istat Membru individwali), għalkemm b’mod frammentat u ripetittiv. Dawn ir-reviżjonijiet rari jippermettu li xi rappreżentant identifikat tal-KE jikkummenta kif xieraq dwar dawn l-istrateġiji b’mod li jirrifletti n-natura tagħhom imferrxa mal-KE. Ara l-Anness 1 għal deskrizzjoni aktar fid-dettall tal-proċess ta’ l-EDRC, inkluż dak li jappartjeni għaż-żona euro. Din is-sitwazzjoni mhix sodisfaċenti, sew mill-perspettiva interna tal-KE kif ukoll minn dik tal-Membri l-oħra ta' l-OECD. It-“Talba ta’ l-APEC” F’ittra tat-2 ta’ Ottubru 2003 lir-Rappreżentant Permanenti tal-KE fl-OECD, l-Ambaxxaturi ta’ l-APEC fl-OECD (ara l-Anness 2) talbu li l-verifiki ta’ l-EDRC fil-futur jiġu estiżi lejn iż-żona ta’ l-euro “ biex jinkludu l-istrateġiji politiċi kollha tal-KE u dawk li hemm ma’ l-UE kollha b’mod ġenerali ”. L-għan priniċipali ta’ din it-talba huwa li tkun tista’ ssir reviżjoni tal-KE bħala entità waħda, sabiex ikun hemm trattament indaqs mal-membri l-oħra ta’ l-OECD, fejn l-istrateġiji ekonomiċi huma kollha miftuħa għal verifika. Din l-ittra ġiet diskussa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’Pariġi fejn il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri kienu favur tweġiba pożittiva, u fl-EFC fi Brussell. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-KE għandha tagħti tweġiba pożittiva għal din it-talba, u taċċetta li ssir “reviżjoni ta’ l-UE 25”, sakemm għadd ta’ kondizzjonijiet jiġu sodisfatti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipproponi li l-KE taċċetta 1) li Reviżjoni ta’ l-UE 25 separata u distinta ta’ l-istrateġiji politiċi strutturali u settorjali tal-KE li għandhom impatt fuq l-ekonomija UE 25 tiġi stabbilita; u 2) li r-Reviżjoni preżenti taż-Żona Euro tkompli u għandha tkun limitata għal kwistonijiet ta’ strateġija politika makroekonomika. Iż-żewġ eżerċizzji għandhom ikunu għalihom għaliex 1) ir-Reviżjoni taż-Żona Euro tikkonċerna 12-il-SM (li kull wieħed minnhom huwa membru ta’ l-OECD), filwaqt li r-Reviżjoni UE 25 tikkonċerna l-Istati Membri (li mhux kollha huma membri ta’ l-OECD) u 2) modalitajiet differenti japplikaw f’termini ta’ rappreżentazzjoni. Mill-perspettiva tal-pajjiżi APEC, dan m’għandux jagħmel xi differenza kbira peress li r-reviżjoni wiesgħa li talbu dawn il-pajjiżi tkun garantita. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hi tal-fehma li kull reviżjoni komprensiva ta’ l-EDRC teħtieġ li tiġi ddisinjata bir-reqqa u b’mod xieraq u tiġi adattata biex tqis il-karattru speċjali, legali, istituzzjonali u politiku tal-KE u ta’ l-istrateġiji politiċi kkonċernati. Benefiċċji mir-Reviżjoni ta’ l-UE 25 Reviżjoni ta’ l-UE 25 jkollha għadd ta’ benefiċċji peress li: - Issaħħaħ il-profil u l-viżibilità tal-KE bħala entità ekonomika fiha nnfisha; tirrifletti l-kompetenzi tal-KE b’mod aktar sħiħ u eżatt, u tikkonferixxi fuq ir-rappreżentazzjoni tal-KE rwol definit sewwa u rikonoxxut fil-kumitat ta’ l-EDRC. - Tenfasizza l-karattru miftuħ u t-trasparenza tal-KE, anki f’termini li tkun soġġetta għal kritika kostruttiva u ġustifikata; - Tindirizza f’forum wieħed strateġiji politiċi tal-Komunità li kieku kienu jiġu indirizzati b'mod ripetittiv ħafna u frammentat fir-reviżjonijiet individwali kollha ta’ l-SM EDRC. - IsSservi biex tikkorreġi interpretazzjonijiet ħżiena min-naħa tal-membri OECD u/jew is-segretarjat OECD fir-rigward ta’ ċerti strateġiji politiċi tal-KE (jew xi aspetti ta’ l-istess strateġiji). - Tippermetti lill-KE li tesprimi kritika leġittima lejn l-istrateġiji politiċi ta’ membri oħra ta’ l-OECD reviżjonati fl-EDRC, mingħajr xi riskju li tiġi akkużata li mhix suġġetta għal skrutinju simili; - U tikkostitwixxi eżempju prattiku ta’ l-enfasi preżenti tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ mezzi u strateġiji biex ir-rendiment ekonomiku u l-kompetittività tagħna jissaħħu . Mezzi proċedurali għal Reviżjoni UE 25 Biex titwaqqaf Reviżjoni ta’ l-UE 25 irid jittieħed kont ta’ kemm hi unika l-KE bħala organizzazzjoni supranazzjonali, u b’mod partikolari tad- diviżjoni ta’ kompetenzi bejn l-KE u l-SM, ir-regoli dwar ir-rappreżentazzjoni esterna tal-KE kif ukoll l-istatus tal-KE fl-OECD. Bosta mill-istrateġiji politiċi fl-EDRC ikunu suġġett ta’ kompetenza esklużiva (p.e. il-kummerċ, l-agrikoltura u s-sajd), u oħrajn suġġett ta’ kompetenza maqsuma ma’ ħaddieħor (e.g. l-ambjent). F’dan il-kuntest ta’ min ifakkar li l-KE mhix Membru ta’ l-OECD, iżda għandha status ta’ “parteċipant sħiħ” fl-OECD. Il-Kummissjoni tipparteċipa bis-sħiħ fl-istituzzjonijiet prinċipali u f’dawk sussidjarji bħala r-rappreżentant tal-KE (Punt 2 tal-Protokoll Supplimentari tal-Konvenzjoni OECD). Fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ l-EDRC taż-Żona Euro biss, iż-Żona Euro hija rrappreżentata minn Delegazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni, il-Presidenza u l-ECB. Minħabba l-koordinazzjoni konsiderevoli li tinħtieġ fuq bosta livelli sew għar-Reviżjoni Żona Euro kemm għar-Reviżjoni ta’ l-UE 25, ir-Reviżjoni ta’ l-UE 25 għandha talterna mar-Reviżjoni Żona Euro, jiġifieri kull reviżjoni sseħħ kull sentejn.[2] Il-komplessitajiet legali u l-implikazzjonijiet politiċi li ġejjin mill-fatt li sitt SM KE mhumiex Membri ta’ l-OECD jeħtieġ li jittieħed kont sewwa tagħhom. Reviżjoni ta’ l-EDRC UE 25 tkun tapplika għall-istrateġiji politiċi mal-Komunità kollha ta’ kull wieħed mill-25 SM. Madankollu, fil-preżent, 6 mill-SM KE (ġodda) mhumiex membri ta’ l-OECD[3]. Dan ifisser li l-EDRC se teżamina strateġiji politiċi li ġew ifformulati u japplikaw għal kull wieħed mill-25 pajjiż, filwaqt li numru sinifikanti ta’ dawn l-SM mhumiex rappreżentati. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li dawn is-6 SM għandhom jingħataw status ad hoc ta’ osservaturi fl-EDRC. Fl-aħħar nett, filwaqt li wieħed jifhem li l-għan proprju huwa li jkun hemm reviżjoni komprensiva, il-firxa tar-Reviżjoni ta’ l-UE 25 għandha tibqa’ maneġġibbli u raġonevoli. It-tendenza lejn attenzjoni aktar wiesgħa tar-reviżjonijiet ta’ l-EDRC wieħed jista’ jifhimha peress li dejjem jiżdiedu l-interrelazzjonijiet kumplessi bejn l-strateġiji politiċi differenti, sew dawk ekonomiċi kemm dawk marbuta magħhom fil-pajjiżi kollha ta’ l-OECD. Iżda, wieħed irid jiżgura li Reviżjoni ta’ l-UE 25 tittratta biss dawk l-istrateġiji politiċi fil-Komunità kollha li għandhom rilevanza diretta ma’ l-għanijiet ta’ l-EDRC. Barra minn hekk, ir-Reviżjoni ta’ l-UE 25 għandha twassal għall-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe reviżjoni diretta ta’ l-intenzjoni u l-kontenut ta’ l-istrateġiji politiċi mal-Komunità kollha fir-reviżjonijiet ta’ l-SM individwali u m’għandiex tkopri l-istess materjal tar-Reviżjoni taż-Żona ta’ l-Euro (jiġifieri ir-“Reviżjoni ta’ l-UE 25” ma tkoprix materjal ta’ l-EMU). Bl-istess mod, m’għandiex tkopri strateġiji politiċi li diġà għaddejjin minn reviżjonijiet simili f’istituzzjonijiet oħra ta’ l-OECD jew fl-EDRC innifsu. Mandat aktar eżatt u l-modalitajiet għal kwalunkwe Reviżjoni ta’ l-UE 25 jeħtieġ li jiġu elaborati mas-Segretarjat ta' l-OECD u membri oħra ta’ l-OECD. Minħabba dan ta’ hawn fuq: - - Il-Kummissjonni tinnegozja l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għal kwalunkwe reviżjoni ta’ l-UE 25 mas-Segretarjat ta’ l-OECD u membri oħra ta' l-OECD (filwaqt li tiżgura koordinazzjoni xierqa ma' l-SM). - - Fir-rigward tar-rappreżentazzjoni tal-KE fir-reviżjonijiet ta’ l-EDRC, il-Kummissjoni għandha, skond ir-regoli dwar il-preżentazzjoni esterna tal-KE, isservi bħala r-rappreżentant tal-KE fir-Reviżjoni ta’ l-UE 25, sakemm ikun hemm koordinazzjoni xierqa ma’ l-SM. - - Il-proċedura ġewwa r-Reviżjoni ta’ l-EDRC issegwi l-mudell tar-reviżjoni taż-Żona Euro. L-UE 25 – bħal dawk kollha li jiġu eżaminati mill-EDRC- tiġi eżaminata fuq bażi ta’ stħarriġ/rapport bil-miktub mħejji mis-Segretarjat ta’ l-OECD. Matul l-verifika, il-Kummissjoni tagħmel stqarrija qasira ta’ ftuħ u tieħu nota ta’ xi punti possibbli ta' nuqqas ta' qbil fir-rigward ta' l-abbozz ta’ l-istħarriġ tas-Segretarjat ta’ l-OECD (wara koordinazzjoni mill-qrib ma' l-SM). Il-membri kollha ta’ l-OECD ikunu mbagħad f'pożizzjoni li jagħmlu mistoqsijiet orali lil dak li jkun qed jiġi eżaminat. Wara l-verifika, il-Presidenza tasal għal konklużjonijiet prinċipali għall-kwistonijiet prinċipali ta’ strateġija eżaminati u l-konklużjonijiet, adottati b’konsensus fil-Kumitat, jiggwidaw l-abbozz ġdid (jekk ikun hemm) ta’ l-istħarriġ kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet formali misjuba fih. - - Peress li din ir-reviżjoni se tikkonċerna strateġiji mal-Komunità kollha, Membri oħra ta' l-OECD għandhom jaċċettaw li l-istatus tal-KE għandu jaħseb għal trattament indaqs imqabbel ma’ dawk li jkunu qegħdin jiġu eżaminati f’reviżjonijiet ta’ l-EDRC. Bosta possibilitajiet jistgħu jiġu esplorati. Il-Kummissjoni tista’ tingħata dritt “ad hoc” biex tivvota f’isem il-KE fl-EDRC. Il-Kummissjoni tista' tiġi eletta fl-EDRC bħala membru sħiħ (kif inhu, eċċezzjonalment, il-każ diġa fil-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-OECD) bid-dritt għall-vot għall-Komunità. Jew, irid jiġi żgurat li l-Stat Membru ta’ l-UE li jkollu l-presidenza tal-Kunsill, wara li jikkoordina mal-Kummissjoni, ikollu d-dritt li jitfa’ l-vot rilevanti fl-EDRC f’isem il-KE. Il-Kummissjoni se titkixxef dwar l-għażliet varji mas-Segretarjat ta’ l-OECD, il-Membri l-oħra ta' l-OECD u l-Istati Membri tal-KE. Konklużjoni Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hi tal-fehma li reviżjoni ta’ l-UE 25 jkollha benefiċċji ċari għall-KE li b’mod ċar jegħlbu kull żvantaġġ possibbli bħal żjieda fl-ammont ta’ xogħol għal ċerti servizzi tal-Kummissjoni u l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li l-KE taċċetta li: - Tkun stabbilita reviżjoni ta’ l-UE 25 separata u distinta ta’ l-istrateġiji politiċi strutturali u settorjali tal-KE li għandhom impatt fuq l-ekonomija UE 25. - L-istħarriġ preżenti taż-Żona Euro jitkompla u għandu jkun limitat għall-affarijiet ta’ l-EMU u kwistjonijiet ta’ strateġija politika makroekonomika. Iż-żewġ stħarriġ ma jidħlux fuq xulxin. Iżda din l-aċċettazzjoni tkun marbuta b’kundizzjoni ma’ għadd ta’ salvagwardji meħtieġa, inkluż negozjar kif xieraq tal-mandat u modalitajiet ta’ kwalunkwe reviżjoni ta’ l-UE 25, u konsiderazzjoni kif xieraq tan-natura sui generis tal-KE, kif ukoll tal-ħtieġa li tiżgura trattament indaqs għal dawk l-SM li bħalissa mhumiex membri ta’ l-OECD. Notevolment, dan ikun iffisser li: - Is-6 Stati Membri tal-KE li bħalissa mhumiex membri ta’ l-OECD jingħataw status ta’ osservaturi fl-OECD. - Ir-reviżjonijiet ta’ l-UE 25 għandhom iwasslu għall-eliminazzjoni simultanja ta’ kwalunkwe reviżjoni diretta ta’ abbozz u kontenut ta’ l-istrateġiji politiċi mifruxa mal-Komunità fir-reviżjonijiet ta’ l-SM individwali. - Minħabba l-koordinazzjoni konsiderevoli li tinħtieġ fuq bosta livelli sew għar-Reviżjoni Żona Euro kemm għar-Reviżjoni ta’ l-UE 25, ir-Reviżjoni ta’ l-UE 25 għandha talterna mar-Reviżjoni Żona Euro, jiġifieri kull reviżjoni sseħħ kull sentejn. - Il-Kummissjoni jkollha mandat ċar biex tinnegozja l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet għal kwalunkwe reviżjoni ta’ l-UE 25 mas-Segretarjat ta’ l-OECD u membri oħra ta' l-OECD (filwaqt li tiżgura koordinazzjoni xierqa ma' l-SM). - B’konformità mar-regoli dwar ir-rappreżentazzjoni tal-KE, il-Kummissjoni għandha sservi bħala r-rappreżentant tal-KE fir-Reviżjoni ta’ l-UE 25, f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ l-SM. - Il-proċedura ta’ verifika tar-Reviżjoni ta’ l-UE 25 se ssegwi l-istess mudell tar-reviżjoni Żona Euro u se tkun suġġetta għall-konsensus ġenerali tal-Kumitat; - Il-Komunità Ewropea għandha tingħata status li jaħseb għal trattament indaqs tal-KE fir-rigward ta’ oħrajn li jkunu qiegħdin jiġu eżaminati, li għandhom dritt għal veto fl-EDRC. Jekk dan ta’ hawn fuq huwa aċċettabbli għall-Kunsill, id-Delegazzjoni Permanenti tal-Kummissjoni Ewropea fl-OECD, li liha kienet indirizzata l-ittra ta’ l-APEC, se tibgħat tweġiba pożittiva lill-Ambaxxaturi ta’ l-APEC, filwaqt li tinġibet l-attenzjoni fuq il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet ta' hawn fuq. Fuq din il-bażi, il-modalitajiet għal Reviżjoni ta’ l-UE 25, li jindirizzaw b.e. l-ambitu, il-frekwenza, id-drittijiet tal-membri KE li mhumiex membri ta’ l-OECD, u aspetti oħra se jiġu elaborati mas-Segretarjat ta’ l-OECD, il-Presidenza ta’ l-EDRC u l-Membri l-oħra ta’ l-OECD. Annessi: 2 1) Sfond għar-Reviżjonijiet ta’ l-EDRC ta’ l-OECD 2) L-ittra ta’ l-APEC ANNESS 1 Sfond għar-Reviżjonijiet ta’ l-EDRC ta’ l-OECD 1. In-natura tar-reviżjoni ta’ l-EDRC Il-Kumitat tar-Reviżjoni ta’ l-Ekonomija u l-Iżvilupp (EDRC) ta’ l-OECD iwettaq reviżjonijiet inter pares fuq il-politika ekonomika tal-Membri tiegħu u huwa l-bażi tas-sorveljanza ekonomika tal-pajjiż ta’ l-OECD. Il-Kumitat jiltaqa’ bħala medja għoxrin darba fis-sena biex jeżamina bir-reqqa l-politika ekonomika ta’ l-istati membri ta’ l-OECD fuq il-bażi ta’ rapport mill-pajjiż imressaq għad-diskussjoni mis-segretarjat ta’ l-OECD. Sabiex ikun hemm relazzjonijiet inter pares stabbli u mill-qrib,il-Kumitat huwa magħmul minn delegati permanenti (il-Kunsillieri Ekonomiċi tad-Delegazzjonijiet Permanenti fl-OECD). Il-Kummissjoni – DG ECFIN – tibgħat delegati fuq bażi ad hoc , li jingħaqdu mad-delegat permanenti tal-Kummissjoni ta’ l-EDRC fl-okkażjoni tal-verifiki tal-pajjiżi. Il-proċess ta’ reviżjoni inter pares ta’ l-EDRC huwa uniku. Minkejja li r-rapporti ta’ l-EDRC tal-pajjiżi jinkitbu mis-segretarjat ta’ l-OECD (essenzjalment mid-Dipartiment ta’ l-Ekonomija), jiġu ffirmati mit-tletin pajjiż membru kollha kemm huma, inkluż il-pajjiż li jkun qed jiġi eżaminat, u mill-Kummissjoni. Għalhekk huma riżultat ta’ konsensus fost il-pajjiżi membri ta’ l-OECD flimkien mal-Kummissjoni u jinħarġu taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat u mhux tas-segretarjat ta’ l-OECD, kif jiġri normalment fil-każ tal-parti l-kbira tar-reviżjonijiet tal-pajjiżi ta’ l-OECD. Il-proċeduri ta’ l-EDRC fihom l-implikazzjoni li l-pajjiż eżaminat jaċċetta r-responsabbiltà tal-kontenut tar-rapport u jitqiegħed taħt obbligu morali li jadotta miżuri biex jittratta l-kwistonijiet maqlugħa fir-rapport. Fil-preżent 19 mill-25[4] Stat Membru ta’ l-EU huma membri ta’ l-OECD EDR u huma suġġetti regolarment għall-verifiki ta’ l-EDRC. Mill-2001, l-OECD EDRC twettaq ukoll reviżjoni annwali awtonoma taż-żona euro. Din ir-reviżjoni ġiet aċċettata mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC) u l-ambitu tagħha ġie ċċarat permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn il-President ta’ l-EFC u l-Kap tad-Dipartiment ta’ l-Ekonomija ta’ l-OECD fl-2000. Il-ġustifikazzjonijiet għal reviżjoni speċifika bħal din kienu l-karatteristiċi partikolari ta’ l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro bil-politika tagħha ta’ valuta waħda u l-grad ta’ koordinament ta’ politika fiskali u l-potenzjal biex reviżjoni bħal din tiġġenera intwizzjonijiet utli fil-mod kif taħdem l-EMU. Intlaħaq ftehim bejn l-OECD u l-SM UE li, fid-dawl tan-natura taż-żona euro, il-qofol ta’ dawn ir-reviżjonijiet għandu jkun “ b’mod partikolari l-poltika monetarja u r-rata ta’ skambju” bi “ strateġiji politiċi oħra makroekonomiċi u strutturali” jiġu “ ttrattati sa fejn jkollhom impatt fuq żviluppi ekonomiċi fiż-żona euro kollha kemm hi ”. Dan l-ambitu jaħseb għal valutazzjoni ta’ l-aspetti ta’ politika strutturali li huma ta’ importanza partikolari għar-rendiment ekonomiku ta’ l-EMU, bħas-swieq tal-prodotti u l-fatturi jew l-effiċjenza tas-sistemi soċjali. Barra minn hekk, il-kapitolu regolari miktub fil-fond dwar xi tema ekonomika magħżula jagħti lok għal analiżi aktar bir-reqqa. Il-Kummissjoni, l-ECB u l-Presidenza taż-żona euro huma l-awtoritajiet responsabbli li jirrappreżentaw iż-żona euro f’dawn il-verifiki fl-OECD u dan jeħtieġ grad għoli ta’ koordinazzjoni biex tiżgura rappreżentażżjoni effettiva u magħquda. 2. L-esperjenza s’issa bl-istħarriġ taż-żona euro Fl-2004 saret ir-raba’ edizzjoni ta’ l-istħarriġ taż-żona ta’ l-euro. Dawn l-istħarriġ huma magħmula minn kapitoli ġenerali li fihom issir reviżjoni tal-politika monetarja, baġitarja u strutturali u minn kapitolu “strutturali” li jittratta strateġija speċifika waħda ta’ politika komunitarja aktar fil-fond. Is-sena l-oħra kienet il-politika tal-kompetizzjoni. Matul l-eżerċizzju, id-DG ECFIN jikkoordina mill-qrib ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istħarriġ. It-tħejjija ta’ l-abbozz tas-Segretarjat ta’ l-OECD għall-istħarriġ jibda bil-missjonijiet tas-Segretarjat ta’ l-OECD lill-Kummissjoni. Id-DG ECFIN jikkonsulta servizzi oħra dwar it-tweġibiet għall-kwestjonarju ta’ l-OECD u jistedinhom jattendu għal-laqgħat. B'dan il-mod id-DGs EMPL, MARKT, AGRI u TAXUD huma ta’ spiss involuti mill-bidu nett tal-proċess. Xi servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni huma involuti skond it-tema speċjali tas-sena. Wara l-abbozz ta’ l-istħarriġ imħejji mis-Segretarjat ta’ l-OECD, id-DG ECFIN jerġa jikkomunika ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni, u jitlob ir-reazzjonijiet tagħhom u xi emendi possibli għall-abbozz ta’ l-istħarriġ. Dawn il-fehmiet tas-servizzi jiġu riflessi wkoll fl-abbozz ta’ l-Istqarrija ta’ Introduzzjoni tad-delegazzjoni taż-żona ta’ l-euro mħejjija mid-DG ECFIN. F’dan l-istadju, id-DG ECFIN jikkoordina wkoll l-emendi ta’ abbozz ta’ l-Istati Membri (permezz ta’ l-EFC) għall-abbozz ta’ l-istħarriġ u għall-abbozz ta’ l-Istqarrija ta’ Introduzzjoni. Għal-laqgħa ta’ verifika ta’ l-EDRC f’Pariġi u għas-sessjoni ta’ wara li fiha jsiru l-abbozzi, is-servizzi tal-Kummissjoni li għandhom x’jaqsmu mat-tema speċjali jiġu mistiedna. Wara dawn il-laqgħat, id-DG ECFIN jikkoordina ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni, il-Presidenza ta’ l-Eurogrupp u l-ECB għall-finalizzazzjoni ta’ l-istħarriġ sakemm it-test jilħaq il-forma mixtieqa u jiġi aċċettat mill-EDRC. L-esperjenza s’issa mġarrba turi li l-ħidma ta’ koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet differenti tista’ tkun tabilħaqq iebsa ħafna. Fl-2003, l-eżerċizzju beda f’Jannar bit-tħejjija tal-missjonijiet tas-Segretarjat ta’ l-OECD lill-Kummissjoni u wasal fit-tmiem biss fl-aħħar ta’ Lulju, fil-biċċa l-kbira minħabba d-diffikultajiet involuti biex jiġi stabbilit it-test finali tal-kapitolu speċjali dwar il-politika tal-kompetizzjoni. Kollox ma’ kollox, il-format preżenti ta’ l-istħarriġ ta’ l-OECD taż-żona euro jimplika spejjeż ta’ koordinazzjoni iebsa mhux ħażin. It-twessigħ ta’ l-ambitu biex ikopri l-medda kollha tal-politika Komunitarja se jżid naturalment dan il-piż ta’ koordinazzjoni – b’kemm jiddependi mill-istrateġija adottata kieku kellu jiġri dan. Ovvjament, aktar ma l-analiżi ta’ l-OECD dettaljata u twila, aktar iebes il-piż ta’ koordinazzjoni u akbar ir-riskju li l-proċess jieħu aktar fit-tul.. 3. Strateġiji politiċi li jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni ERC L-istrateġiji politiċi li jistgħu jkollhom impatt fuq ir-rendiment ekonomiku jistgħu jiġu kklassifikati f’erba’ kategoriji prinċipali: (1) strateġiji makro-ekonomiċi, (2) l-istrateġiji komuni, bħall-kummerċ, l-agrikoltura, (3) strateġiji strutturali mmirati lejn titjib fl-iffunzjonar tas-suq u (4) strateġiji strutturali b’għan aktar wiesa' iżda li jista’ jkollu impatt ekonomiku sinifikanti (l-ambjent eċċ). Ġewwa l-UE, l-istrateġiji msemmija taħt 1 u 3, u f’miżura inqas dawk imsemmija taħt 4, huma suġġetti għal xi koordinazzjoni ekonomika. Dan mhux il-każ għall-istrateġiji politiċi komuni. a. Strateġiji politiċi makro-ekonomiċi Problemi politiċi makro-ekonomiċi (monetarji, fiskali u rata ta’ kambju), diġà huma analizzati fil-qafas taż-żona euro, fejn hemm mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni effiċjenti : dawn l-istrateġiji huma tabilħaqq diskussi u reviżjonati fuq bażi regolari, internament (Il-Grupp ta' ħidma ta’ l-Eurogrupp tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u l-Eurogrupp). b. Strateġiji politiċi komuni Suġġetti ta’ kompetenza esklużiv, .e.g. strateġiji politiċi bħall-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd u l-kompetizzjoni, diġà huma parzjalment aċċennati fir-reviżjonijiet nazzjonali ta’ l-EDRC ta' l-Istati Membri, bħalma huwa l-każ ta’ membri oħra ta’ l-OECD bħall-Istati Uniti. Il-membri ta’ l-OECD ma stħarrġux b’mod miftuħ l-impatt potenzjali ta’ dawn l-oqsma politiċi fuq ir-rendiment ekonomiku ta’ l-ekonomiji taghħom jew il-fatt li dawn l-oqsma kienu s-suġġett ta’ reviżjoni ta’ l-EDRC. Ir-reviżjoni reċenti ta’ l-EDRC ta’ l-Istati Uniti, per eżempju, kien fiha taqsima dwar il-kummerċ. Barra minn dan, l-istrateġiji politiċi komuni huma ta’ spiss mitħaddta u analizzati f’taqsimiet oħra ta’ l-OECD, e.g. fil-każ tal-kummerċ fl-eżerċizzju regolatorju ta’ riforma, fil-każ ta’ l-agrikoltura fil-Kumitat ta’ l-Agrikoltura u fil-każ tal-politika tal-kompetizzjoni fil-Kumitat tal-Kompetizzjoni u permezz ta’ “reviżjonijiet inter pares ”. c. Strateġiji politiċi strutturali mmirati lejn titjib ta’ kif jaħdem is-suq . Strateġiji politiċi ta’ riforma strutturali, b’mod partikolari dawk li huma suġġetti għal-Linji ta’ Gwida ta' Politika Ekonomika ta’ medda wiesa’ bħar-riformi fil-qasam tax-xogħol, is-swieq tal-prodotti u tal-kapital, u r-rabta tagħhom mar-rendiment makro-ekonomiku diġà ġew mitħaddta b’mod pjuttost ġenerali fil-kuntest ta’ Reviżjonijiet ta’ l-EDRC preċedenti taż-żona euro. Fejn huma mmirati direttament lejn it-tijib ta’ kif jaħdem is-suq, dawn l-istrateġiji politiċi wieħed jista’ jgħid ovvjament li għandhom implikazzjonijiet potenzjalment importanti għar-rendiment makro-ekonomiku ġenerali. Sa dan il-punt diskussjoni wiesa’ dwarhom tista’ tkun garantita. Jinqalgħu l-problemi iżda meta d-diskussjoni ta’ xi strateġiji politiċi partikolari tasal aktar fil-bogħod u ssir aktar fid-dettall milli wieħed jista’ jiġġustifika mill-impatt tagħhom fuq ir-rendiment makro-ekonomiku, kif ġara f’għadd ta’ okkażjonijiet matul ir-reviżjonijiet ta’ l-EDRC taż-żona ta’ l-euro. Dan m’għandux jitħalla jsir. d. Strateġiji politiċi strutturali oħra b’għan usa’ Il-karattru miftuħ minn kull naħa ta’ l-OECD jagħmilha diffiċli li wieħed jiżgura ex-ante li reviżjoni ta’ l-EDRC ta’ l-istrateġiji politiċi ta’ l-UE tista’ tkun limitata għal sett miftiehem minn qabel ta’ strateġiji politiċi strutturali. Dan ifisser li l-ftuħ ta’ l-ambitu tar-reviżjonijiet ta’ l-EDRC lejn strateġiji politiċi mifruxa ma’ l-UE kollha b’mod aktar ġenerali jista’ jwassal għal verifika ta’ strateġiji politiċi fejn hemm kompetenzi maqsuma, jew ta’ strateġiji li mhumiex qed jkunu eżaminati f’reviżjonijiet ta’ l-EDRC ta’ pajjiżi Membri ta’ l-OECD[5]. Ikun mixtieq, fil-mument tal-ftehim dwar l-ambitu u t-termini tar-reviżjoni ma’ l-UE kollha, li tiżgura kemm jista’ jkun identifikazzjoni minn qabel ta’ dawk l-istrateġiji politiċi strutturali b' għan aktar wiesa’ li tkun ser issirilhom reviżjoni. ANNESS 2 L-ittra ta’ l-Ambaxxaturi ta’ l-APEC It-2 ta’ Ottubru , 2003 L-eċċellenza tiegħu s-Sur John Maddison Ambaxxatur Delegazzjoni Permanenti tal-Kummissjoni Ewropea lill-OECD Għażiż Ambaxxatur Maddison, TRATTAMENT TA’ L-EDRC TA’ L-ISTRATEĠIJI POLITIĊI TA’ L-UE Qegħdin niktbulek fil-kapaċità tiegħek ta’ rappreżentant tal-KE fl-OECD biex nitolbuk tiddefendi punt f’isimna ma’ l-awtoritajiet rilevanti fil-Komunità Ewropea. Wara l-proposta Kanadiża ta’ l-1998, il-Kumitat ta’ Reviżjoni ta’ l-Ekonomija u l-Iżvilupp (EDRC) mexxa 3 reviżjonijiet formali taż-żona euro. Dan ippermetta li l-proċessi ta’ reviżjoni inter pares ta' l-OECD jkollhom rwol kostruttiv fl-appoġġ tagħhom ta’ riformi ekonomiċi għaddejjin bħalissa ta’ l-istrateġiji politiċi taż-żona euro. Dawn ir-reviżjonijiet, iżda, ma kinux kapaċi jindirizzaw b’mod xieraq għadd ta’ strateġiji rilevanti għar-rendiment ekonomiku ta’ l-Ewropa. Lanqas ma huma dawn l-istrateġiji indirizzati b’mod effettiv fir-rapporti individwali tal-pajjiżi Ewropej. Dan jinkludi sew numru ta’ Strateġiji Komuni li huma implimentati fuq il-livell tal-KE kif ukoll serje ta’ direttivi stabbiliti fil-livell tal-KE, minkejja li huma implimentati nazzjonalment. Din is-sitwazzjoni tfisser li ma hemmx trattament indaqs bejn il-verifiki ta’ l-EDRC tal-pajjiżi ta’ l-UE, u dawk ta’ pajjiżi mhux Ewropej fejn l-istrateġiji ekonomiċi kollha huma miftuħa għal verifika. Din is-sitwazzjoni qiegħda tiekol minn ġewwa l-utilità tar-reviżjonijiet ta’ l-EDRC u aħna nemmnu li hija ta’ ħsara għar-reputazzjoni ta’ l-OECD. Aħna nemmnu li din is-sitwazzjoni għandha tiġi solvuta għall-verifika ta’ l-2004. Aħna qiegħdin nitolbuk tressaq dan il-punt ma’ l-awtoritajiet xierqa biex niżguraw li verifiki ekonomiċi ta’ l-OECD fil-ġejjieni taż-żona euro jinfetħu biex jinkludu l-istrateġiji kollha tal-KE u dawk li huma mifruxa ma' l-UE kollha b'mod ġenerali. Dan jiżgura li ż-żoni kollha ta’ strateġija ekonomika fl-Ewropa jiġu eżaminati kif xieraq u li dawn ir-reviżjonijiet jitqiegħdu fuq l-istess livell tal-verifiki tal-pajjiżi mhux fl-UE. Filwaqt li xi oqsma individwali ta’ l-istrateġija politika tal-KE jistgħu jiġu eżaminati fil-kumitati individwali (per eżempju l-Kumitat għall-Kummerċ, il-Kumitat għall-Agrikoltura, u l-Kumitat għall-Kompetizzjoni) dan huwa l-każ għall-pajjiżi kollha. Iżda, l-EDRC biss tipprovdi l-opportunità għal reviżjoni komprensiva tal-kwistjonijiet kollha fi proċess ta’ reviżjoni inter pares li janalizza l-interazzjonijiet bejn oqsma differenti ta’ strateġiji u jippermetti valutazzjoni ġenerali tar-rendiment u l-istrateġija ekonomika. Il-valutazzjoni bis-sens u r-rakkomandazzjonijiet koerenti ta’ strateġija politika jeħtieġu li wieħed jifhem kif l-istrateġiji kollha jinteraġixxu. Dan huwa tabilħaqq veru fir-rigward ta’ l-interazzjonijiet ta’ kwadri strutturali u għodda ta’ politika makro-ekonomika. Aħna nirrealizzaw li hemm komplessitajiet istituzzjonali f’dan it-trattament komprensiv ta’ l-istrateġiji ekonomiċi fl-UE. Fil-fehma tagħna, iżda, kwistjonijiet istituzzjonali bħal dawn m’għandomx ibbeżżgħuna milli nilħqu l-għanijiet ta’ ġustizzja, skambju ta’ għarfien u reviżjoni kostruttiva inter pares li huma daqstant ċentrali għax-xogħol ta’ l-OECD. Nistennew b’ħeġġa tweġiba bikrija minn għandek dwar din il-kwistjoni ta’ importanza dejjem akbar. Dejjem Tiegħek, Ian Forsyth Ambaxxatur fl-OECD Awstralja | Jocelyne Bourgon Ambaxxatur fl-OECD Kanada | Seiichiro Noboru Ambaxxatur fl-OECD Ġappun | Kyung-tae Lee Ambaxxatur fl-OECD Korea | Carlos Flores Alcocer Ambaxxatur fl-OECD Messiku | Adrian Macey Ambaxxatur fl-OECD New Zealand | Robert Smolik Chargé Delegazzjoni ta’ l-Istati Uniti fl-OECD | cc: L-ambaxxaturi kollha fl-OECDDonald Johnston, Segretarju Ġenerali, OECDJean-Philippe Cotis, Kap, Dipartiment ta’ l-Ekonomija, OECDNiels Thygesen, President, EDRC, OECD
[1] Minkejja li din ir-reviżjoni tikkunsidra biss l-istrateġiji politiċi tal-Komunità, jinħass li jixraq, għal raġunijiet politiċi, li jintuża’ it-terminu “reviżjoni UE”, peress li dan dejjem aktar qed isir il-mod kif barra l-KE/UE wieħed jirreferi għall-KE/UE.
[2] Minħabba d-differenzi fil-ġeometrija taż-żona euro vs. l-UE 25, kif ukoll id-differenza bħala attenzjoni f’termini ta’ sustanza tar-reviżjonijiet, l-aħjar li jista’ isir għall-partijiet huwa li jkun hemm żewġ reviżjonijiet separati u distinti. Mill-perspettiva tal-pajjiżi APEC, dan m’għandux jagħmel xi differenza kbira peress li r-reviżjoni wiesgħa li talbu dawn il-pajjiżi tkun garantita.
[3] Ċipru, l-Estonja, Malta, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovenja.
[4] L-Istati Membri UE li ġejjin fil-preżent m’ humiex membri ta’ l-OECD: Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u s-Slovenja).
[5] Per eżempju, f’għadd ta’ verifiki, bħal dawk tan-National Treatment Instrument ta’ l-International Investment Declaration (legalment mingħajr irbiet) jew dawk skond il-Kodiċi OECD għal Moviment ta’ Kapitali u Tranżazzjonijiet Inviżibbli (jorbtu legalment), l-istrateġiji politiċi ta’ l-SM UE jiġu eżaminati fuq livell nazzjonali u Ewropew, peress li l-istrateġiji politiċi ta’ l-UE huma l-bażi tal-politika tagħhom.