52005DC0141

Linji ta’ gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol (2005-2008) /* KUMM/2005/0141 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.4.2005

KUMM(2005) 141 finali

2005/0057 (CNS)

LINJI TA’ GWIDA INTEGRATI GĦAT-TKABBIR U GĦAX-XOGĦOL

(2005-2008)

inklużi

R-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar il-linji ta’ gwida wesgħin għall-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità (taħt l-Artikolu 99 tat-Trattat tal-KE)

u

l-Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-linji ta’ gwida għall-politika tax-xogħol ta’ l-Istati Membri (taħt l-Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE)

(preżentata mill-Kummissjoni)

WERREJ

1.1. Il-ħtieġa biex tiżdied l-attenzjoni fuq it-tkabbir u l-impjiegi 3

1.2. Ħarsa ’l quddiem 5

1.3. Il-linji ta’ gwida integrati (2005-2008) 6

1.4. Il-kontenut u l-istruttura 8

Parti 1 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fuq il- Linji ta’ Gwida Wesgħin tal-Politika Ekonomika (2005-2008) 12

Taqsima A – Il-Politika makro-ekonomika għat-tkabbir u l-impjiegi 13

A.1 Il-politika makro-ekonomika li toħloq il-kondizzjonijiet għal aktar tkabbir u għal aktar impjiegi 13

A.2 Li tkun assigurata żona ta’ l-euro dinamika u li taħdem tajjeb 16

Taqsima B – Ir-riformi mikro-ekonomiċi biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-Ewropa 18

B.1 Li l-Ewropa ssir post aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol 18

B.2 Il-konoxxenza u l-innovazzjoni għat-tkabbir 22

Parti 2 Il-Linji ta’ Gwida tax-Xogħol (2005-2008) 26

Anness 29

1 Li tiġbed u żżomm aktar persuni fid-dinja tax-xogħol u li jkunu mmodernizzati s-sistemi tal-ħarsien soċjali 29

2 Li titjieb l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi u tal-flessibilità tas-swieq tax-xogħol 31

3 Li jiżdied l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ l-edukazzjoni u l-ħiliet 32

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-ewwel linji ta’ gwida integrati għat-tkabbir u għall-impjiegi għall-perjodu 2005-2008, skond it-talba mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2005.

Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni ikopri kemm ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Linji ta’ Gwida Wesgħin tal-Politika Ekonomika (BEPGs) kif ukoll il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-Linji ta’ Gwida ta’ l-Impjiegi (EGs).

1.1. Il-ħtieġa biex tiżdied l-attenzjoni fuq it-tkabbir u l-impjiegi

Il-perjodu li segwa l-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona f’Marzu 2000 kien ikkaratterizzat b’impatt negattiv fuq l-ekonomija globali. L-ottimiżmu dwar il-prospetti tat-tkabbir tal-ġejjieni, l-ispinta pożittiva fis-suq ta’ l-ishma u l-kunfidenza ta’ l-investitur fir-rivoluzzjoni teknoloġika l-ġdida wasslu għal inċertezza kbira fl-ekonomija lokali. Fost il-fatturi li jidhru li kkawżaw dan, wieħed jista’ jsemmi t-tifqigħa tal-bużżieqa dot.com li ġrat fl-2001, it-tnaqqis fil-kummerċ dinji fl-2001, l-iskandli tar-rendikonti, l-inċertezza ġeopolitika li kienet ġejja mill-attakki terroristiċi kif ukoll mill-gwerra ta’ l-Iraq. Din l-inċertezza li nħolqot b’dawn il-fatturi laqtet il-kunfidenza fost in-negozji kif ukoll it-tnaqqis fid-domanda domestika min-naħa tal-konsumatur. Minħabba f’hekk, it-tkabbir annwali medju f’uħud mill-Istati l-Membri l-qodma u dawk ġodda baqa’ ta’ inqas minn 1% fil-perjodu 2001-2003.

L-irkupru ekonomiku qabad ritmu ’l quddiem mit-tieni nofs ta’ l-2003 u għalkemm ir-rendiment ekonomiku ta’ l-Unjoni Ewropea (UE) kien wieħed ta’ diżappunt fit-tieni nofs ta’ l-2004, l-iktar tbassir reċenti tal-Kummissjoni juri li x’aktarx se jkun hemm qabża fl-attività ekonomika fl-2005. Storikament, ir-rati baxxi ta’ l-interessi u ż-żjieda mbassra fl-impjiegi u fil-pagi reali jgħinu biex ikun hemm il-kondizzjonijiet it-tajba għal dan it-tijib fid-domanda domestika.

Kontra din il-waqgħa lura, l-inflazzjoni baqgħet waħda moderata, minkejja ċ-ċaqliq fil-prezzijiet ta’ l-enerġija, waqt li t-tkabbir fix-xogħol baqa’ wieħed tajjeb ukoll, megħjun minn żviluppi moderati fil-pagi.

Qed jitbassar li r-rati tal-qgħad se jinżlu, għalkemm bil-mod , għal 8.7% fl-2006. Ir-rata ġenerali tax-xogħol hija stmata li laħqet it-62.9% għall-25 pajjiż ta’ l-UE fl-2003, li hija, sostanzjalment iktar baxxa mil-livell ta’ mira miftiehem ta’ 70%. Il-progress lejn il-mira ta’ 60% fit-tħaddim tan-nisa kien bil-mod, bir-rata preżenti tkun ta’ 56.1% għall-25 ta’ l-UE, iżda din hija mistennija li terġa’ tiżdied. Ir-rata fit-tħaddim ta’ ħaddiema aktar anzjani, li kompliet tiżdied għal ftit aktar minn 40.2%, għadha ’l bogħod biex tilħaq il-mira ta’ 50% għall-2010. Fl-istess waqt, il-progress biex titjieb il-kwalità fix-xogħol kien imħallat u l-istaġnar ekonomiku żied il-profil tal-problemi ta’ l-inklużjoni soċjali. Il-qgħad għal perjodu twil żdied għal darb’oħra wara bosta snin fejn kien naqas u ma tantx jidher li se jonqos fil-ġejjieni qrib.

Sa ċertu punt, l-irkupru ekonomiku baqa’ jiddependi fuq il-qawmien mill-ġdid tat-tkabbir globali u ż-żjieda mgħaġġla fil-kummerċ dinji. Hekk kif iċ-ċiklu tat-tkabbir dinji jilħaq il-maturità u jassorbi l-effett tat-tnaqqis tal-prezzijiet globali ogħla taż-żejt, l-enfasi se taqa’ aktar fuq id-domanda domestika fl-UE biex din tipprovdi impatt ikbar għat-titjib għall-aħjar f’daqqa.

Għalkemm ir-ritorn ta’ l-UE lejn rata ogħla ta’ tkabbir ekonomiku jitqies bħala xi ħaġa pożittiva, l-istaġnar ta’ l-irkupru ekonomiku tagħha huwa sors ta’ problema li għadha hemm. Dan ifisser li l-ekonomija ta’ l-UE hija, f’ħafna aspetti, ’il bogħod ħafna mill-għan tagħha li ssir l-ekonomija l-aktar kompetittiva tad-dinja, milli kien il-każ f’Marzu 2000. F’dan l-isfond, u minkejja l-fatt li l-kompetituri ta’ l-Unjoni kienu ġeneralment milquta bl-istess problemi ekonomiċi, id-distanza bejn il-potenzjal ta’ tkabbir ta’ l-Ewropa u dak ta’ l-imsieħba ekonomiċi tagħha ma naqsitx b’mod sostanzjali.

L-ewwel spjegazzjoni għar-rendiment ħażin ta’ l-Unjoni li baqgħet isseħħ hija l-fatt li l- input tax-xogħol tagħha baqa’, meta tqabblu, wieħed baxx . L-isforzi li l-Istati Membri għamlu wasslu biex tiżdied ir-rata ta’ l-impjiegi minn 61.9% fl-1999 għal 62.9% fl-2003. Madankollu, jibqa’ skop konsiderevoli għal aktar titjib, l-aktar fost il-ħaddiema żgħażagħ u anzjani, jekk iridu jintlaħqu l-miri ta’ Lisbona. Ir-rata relattivament baxxa ta’ impjiegi, flimkien man-numru relattivament baxx ta’ sigħat tax-xogħol, juru li l-Ewropa għandha riżerva ta’ xogħol mhux użat. Parti sostanzjali mill-forza potenzjali tax-xogħol qed tibqa’ mingħajr xogħol, u b’hekk mhix qed tgħin biex jogħlew il-livelli ta’ l-għajxien.

It-tieni spjegazzjoni ewlenija għar-rendiment batut ta’ l-UE hija marbuta mal- livell baxx tagħha fit-tkabbir tal-produttività . It-tkabbir tal-produttività kien ilu sejjer lura għal diversi għexieren ta’ snin. Matul l-aħħar 10 snin, parti minn din ix-xejra tista’ tkun spjegata bil-fatt li fid-dinja tax-xogħol kien hemm dħul mill-ġdid ta’ numru sostanzjali ta’ ħaddiema li kellhom inqas ħiliet. Madankollu, il-parti l-kbira minn dan it-tnaqqis huwa minħabba l-investiment baxx fin-negozju u t-tnaqqis fir-rata tal-progress teknoloġiku u ta’ l-innovazzjoni, kif ukoll minħabba l-firxa relattivament bil-mod tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT). Fl-Ewropa, it-tkabbir tal-produttività tax-xogħol għal kull siegħa naqas mill-bidu ta’ l-għaxar snin; dan wassal biex għall-ewwel darba f’diversi għexieren ta’ snin kien hemm xejra ta’ produttività tax-xogħol aktar baxxa minn dik tal-kompetituri ewlenin tagħha. Bħalissa, iktar minn terz tad-differenzjali fil-livelli ta’ l-għajxien (prinċipalment il-GDP per capita) bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa r-riżultat tad-differenzi fil-produttività għal kull siegħa. Filwaqt li t-tkabbir fil-produttività huwa l-ikbar sfida ta’ kompetittività li qed tiffaċċja l-Ewropa, dan jirrappreżenta wkoll mezz ewlieni ta’ kif jiżdied it-tkabbir.

Li jintlaħaq potenzjal ogħla ta’ tkabbir u li jkun hemm aktar impjiegi se jipprovdu kontribuzzjoni essenzjali għal żvilupp sostenibbli u koeżjoni soċjali fl-UE. Min-naħa l-oħra, il-politika ta’ sostenibbiltà soċjali u ambjentali għandha tikkontribwixxi għal ekonomija dinamika u b’ħafna impjiegi, b’tali mod li tkun kapaċi tiżviluppa u timplimenta t-tekonoloġiji li bihom tkun tista’ tipproteġi l-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Flimkien ma’ attenzjoni akbar fuq tkabbir u fuq l-impjiegi, il-linji ta’ gwida integrati għall-perjodu 2005-2008 jipprovdu flessibilità għall-Istati Membri biex dawn jagħżlu t-tweġibiet lokali li jindirizzaw l-aħjar l-isfidi tar-riformi tagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jkattru l-proprjetà nazzjonali.

Il-bidu ġdid għall-istrateġija ta’ Lisbona, kif rifless f’dawn il-linji ta’ gwida integrati, jaħseb biex ikun hemm it-tweġibiet xierqa għal dawn l-iżviluppi. Din tiddefinixxi strateġija li tindirizza kemm rendiment ta’ tkabbir relattivament dgħajjef kif ukoll ħolqien mhux suffiċjenti ta’ impjiegi. Ir-riformi komprensivi fis-swieq tal-prodott u tax-xogħol isawru parti integrali ta’ dan il-metodu; il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni juru li r-riformi li seħħew fit-tieni parti tas-snin disgħin wasslu biex, fuq terminu medju, ikun hemm żjieda fir-rata potenzjali tat-tkabbir li tvarja minn madwar nofs sa tliet kwarti ta’ punt perċentwali. Fuq perjodu ta’ għaxar snin, dan ifisser żjieda fil-livell tal-GDP sa 7 jew 8%. Meta wieħed iqis l-eterogeneità tal-miżuri tar-riformi kif ukoll il-komplementarjetajiet u t-tqabbil bejn ir-riformi fi sferi ta’ influwenza differenti, l-ispejjeż preċiżi tan-nuqqas ta’ azzjoni jistgħu jkunu diffiċli biex jitkejlu, iżda żgur jibqgħu sostanzjali.

F’terminu medju, fl-isfond tal-progress insuffiċjenti bl-istrateġija ta’ Lisbona u ta’ rkupru ekonomiku moderat, imxekkla minn nuqqas kontinwu ta’ kunfidenza, l-attenzjoni fuq it-tkabbir u x-xogħol hija meħtieġa biex tħares u ssaħħaħ il-livelli ta’ l-għajxien fl-Unjoni, filwaqt li jiġi rrispettat l-għan ta’ l-iżvilupp sostenibbli. F’perjodu itwal, din l-attenzjoni ssir ferm aktar importanti biex tħejji għal xejriet li jistgħu jaffettwaw b’mod sostanzjali l-prospetti għat-tkabbir u x-xogħol. Internament, il-popolazzjoni li dejjem qiegħda tixjieħ fl-Ewropa se tpoġġi pressjoni kbira fuq il-finanzi pubbliċi u fuq il-provvista tax-xogħol. Il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni juru li l-impatt reali ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu għandu jkun li titnaqqas ir-rata potenzjali tat-tkabbir sa punt perċentwali sal-2040. Barra, il-globalizzazzjoni qed twassal għall-integrazzjoni ta’ pajjiżi ġodda fis-sistema ekonomika internazzjonali. L-UE għandha taħtaf l-opportunitajiet ipprovduti bil-ftuħ ta’ swieq li qed jikbru b’mod mgħaġġel fl-Ażja, bħalma huma ċ-Ċina u l-Indja. Fl-istess waqt, l-UE għandha tittratta d-diviżjoni l-ġdida u internazzjonali tax-xogħol li qed tiżviluppa bħalissa, l-aktar hekk kif iċ-Ċina qed tibda tispeċjalizza aktar f’oġġetti ta’ valur għoli, u hekk kif l-Indja qed tiżviluppa bħala ċentru globali għall-għoti ’l barra ta’ xogħol li s-soltu kienet tagħmlu hija stess. It-theddid ta’ żjieda fl-iskarsezza tar-riżorsi jew fl-volatilità tal-prezzijiet, ta’ bdil fil-klima u ta’ telf tal-bijodiversità ukoll jippreżentaw sfidi ewlenija.

1.2. Ħarsa ’l quddiem

Il-Komunità u l-Istati Memebri jridu jiffaċċjaw dawn l-isfidi bi spirtu ta’ ottimiżmu realistiku. Hemm bosta eżempji ta’ riformi li kienu suċċess u ta’ dawrien lura ekonomiku li jixhdu li l-bidla tista’ ġġib suċċess. Jagħti inkoraġġiment, b’mod partikolari, li qed tiġi rikonoxxuta b’mod wiesa’ l-urġenza li jridu jittieħdu azzjonijiet sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi. Hemm rieda ġenerali li jingħataw spinta ’l quddiem riformi li se jqiegħdu lill-Unjoni fi triq għal aktar tkabbir u jirrealizzaw l-ambizzjonijiet tagħna soċjali u ambjentali. L-UE għandha potenzjal għoli sabiex tiżviluppa aktar il-vantaġġi kompetittivi tagħha, u huwa essenzjali li l-azzjonijiet ikunu segwiti b’determinazzjoni sabiex il-potenzjal ikun sfruttat b’mod sħiħ u titkabbar il-kunfidenza fost iċ-ċittadini ta’ l-UE .

F’dan il-kuntest, l-UE u l-Istati Membri individwali għandhom jenfasizzaw l-investiment fil-konoxxenza sabiex jassiguraw id-dinamiżmu ekonomiku u l-enerġija ta’ l-ekonomija kollha Ewropea. It-twettiq ta’ soċjetà ta’ konoxxenza, ibbażata fuq politika dwar il-kapital uman, l-edukazzjoni, ir-riċerka u t-tiġdid, hija l-element essenzjali sabiex il-potenzjal ta’ tkabbir jingħata spinta u jitħejja l-ġejjieni. Tkabbir sostenibbli jeħtieġ ukoll dinamiżmu demografiku, integrazzjoni soċjali mtejba u utilizzazzjoni b’mod aktar sħiħ tal-potenzjal li jinsab fiż-żgħażagħ Ewropej , kif rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew meta adotta l-Patt taż-Żgħażagħ Ewropej (European Youth Pact).

Flimkien mat-tlestija tas-suq intern u l-inkoraġġiment għal kompetizzjoni ġusta, it-twaqqif ta’ klima favorevoli għan-negożju u għall-intrapriżi, l-iżvilupp ta’ l-infrastrutturi, il-bini ta’ suq tax-xogħol li jadatta ruħu u li huwa inklussiv, ir-riformi bbażati fuq il-konoxxenza, dawn huma sorsi ta’ tkabbir ekonomiku u produttività dejjem ikbar. U kollha għandhom ċans ikbar li jseħħu fi sfond ta’ tkabbir appoġġjat minn politika makro-ekonomika.

1.3. Il-linji ta’ gwida integrati (2005-2008)

Dawn il-kwistjonijiet jitolbu attenzjoni iffokata fuq ir-riformi li saru biex jiżdied il-potenzjal ta’ tkabbir ta’ l-Unjoni, filwaqt li tinżamm politika makro-ekonomika soda li ssostni s-suċċess ta’ l-isforzi għar-riforma. Il-ftehim dwar kif jissaħħaħ u jiġi implimentat il-Patt għall-istabbiltà u għat-tkabbir li ntlaħaq mill-Unjoni Ewropea se jħalli l-politika li għandha x’taqsam ma’ l-estimi tindirizza dawn il-kwistjonijiet b’mod aktar konsisteni [1]. Iż-żjieda fil-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-Unjoni se tikkontribwixxi sabiex jinkiseb l-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

Il-linji ta’ gwida integrati jittraduċu direttament dawn il-prijoritajiet fil-livell Ewropew.Huma jirrapreżentaw stadju konkret fil-proċess biex l-istrateġija ta’ Lisbona tiġi ċċentrata u implimentata.

L-iċċentrar fuq it-tkabbir u l-impjiegi

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2005 reġa’ ippropona l-istrateġija ta’ Lisbona billi ċċentraha fuq it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa, b’mod konformi mal-proposti tal-Kummissjoni[2]. B’din id-deċiżjoni, il-kapijiet ta’ l-Istat u tal-gvern taw messaġġ ċar dwar il-prijoritajiet ta’ l-Unjoni fis-snin li ġejjin. L-Unjoni, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll nazzjonali, trid minn issa ’l quddiem tikkonċentra ruħha fuq dawn it-temi, u tieħu l-passi meħtieġa biex ikunu żviluppati l-għarfien, il-ġibda u l-ħolqien ta’ l-impjiegi[3].

Għandha tingħata attenzjoni partikulari lit-twettiq ta’ l-aġenda ta’ Lisbona. Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, l-Unjoni trid tiġbor il-valuri medji kollha nazzjonali u komunitarji – li huma parti mill-fondi strutturali u ta’ l-iżvilupp rurali – sabiex tkun tista’ tisfrutta b’mod aħjar is-sinerġiji tagħhom. Barra minn hekk, l-involviment ta’ dawk li għandhom interess rilevanti jista’ jgħin sabiex jitkabbar l-għarfien tal-bżonn għal riformi strutturali, titjieb il-kwalità ta’ l-implimentazzjoni, u jiżdied is-sens ta’ propjetà ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona. L-Istati Membri u l-Komunità għandhom jieħdu kull opportunità sabiex jinvolvu gvernijiet reġjonali u lokali, imsieħba soċjali u soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ gwida integrati. Huma għandhom jagħtu dettalji dwar il-progress li jsir f’dan il-qasam fil-qafas tar-rapportar ta’ Lisbona.

Biex dan l-iċċentrar ikun effettiv, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jsaħħaħ il-koerenza u l-komplementarjetà tal-mekkaniżmi eżistenti billi ppropona ċiklu ġdid ta’ tmexxija. Dan it-titjib iħaffef bil-bosta l-proċess u għandu jgħin fl-approprjazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet fil-livell nazzjonali.

Ċiklu ġdid ta’ tmexxija

- L-ewwelnett, il-Kummissjoni ġiet mistiedna mill-Kunsill Ewropew biex tittraduċi l-prijorità mogħtija lit-tkabbir u lill-impjiegi fil-linji ta’ gwida wesgħin tal-politika ekonomika, ibbażati fuq l-Artikolu 99, u ngħatat ir-responsabbiltà sabiex tassigura l-koerenza ekonomika tat-tliet dimensjonijiet ta’ l-ekonomija, tas-soċjetà u ta’ l-ambjent fi ħdan l-istrateġija ta’ Lisbona; u l-linji ta’ gwida ġodda dwar l-impjiegi, ibbażati fuq l-Artikolu 128 tat-Trattat. B’hekk, dawn iż-żewġ strumenti importanti jsiru konformi ma’ l-għanijiet ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona, għas-servizz tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi.

- Il-koerenza globali tiġi rrinforzata aktar bl-integrazzjoni ta’ dawn iż-żewġ testi f’dokument wieħed, biex b’hekk tippermetti li l-Unjoni u l-Istati Membri jingħataw viżjoni strateġika ċara ta’ l-impatt fuq il-livell Ewropew fl-oqsma makro-ekonomiċi, mikro-ekonomiċi u ta’ l-impjiegi.

- Il-linji ta’ gwida integrati b’hekk jissupplixxu lill-Komunità u lill-Istati Membri b’ qafas stabbli u koerenti li jippermetti l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet prijoritarji approvati fil-Kunsill Ewropew. Huma għandhom iservu ta’ bażi għall-preparazzjoni ta’ programmi nazzjonali ta’ riforma li l-Istati Membri huma mistiedna jippreżentaw fil-Ħarifa ta’ l-2005. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw dawk il-miżuri konkreti li fi ħsiebhom jieħdu (jew li diġà ħadu) bl-iskop li jsostnu t-tkabbir u l-impjiegi fil-livell nazzjonali, b’kull Stat Membru jrid ipoġġi enfasi partikolari fuq l-isfidi essenzjali li magħhom qiegħed iħabbat wiċċu.

- Il-linji ta’ gwida – bħall-programmi nazzjonali li minnhom ser jitnisslu – ikunu stabbiliti għal tliet snin , sabiex joffru l-istabbiltà neċessarja għall-implimentazzjoni. Dawn il-programmi nazzjonali jridu jkunu l-frott ta’ dibattitu f’livell nazzjonali ma’ l-awtoritajiet parlamentari kompetenti, ma’ l-imsieħba soċjali u maċ-ċittadini, b’mod konformi mat-tradizzjonijiet ta’ l-Istati Membri rispettivi. Dan huwa aspett essenzjali biex tkun garantita l-implimentazzjoni neċessarja ta’ dawn il-programmi min-naħa tal-partijiet kollha kkonċernati.

- Fil-każ tal-linji ta’ gwida, huma jistgħu jiġu emendati, jekk meħtieġ, kull sena skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.Min-naħa tagħhom, il-programmi nazzjonali jistgħu jiġu emendati mill-Istati Membri skond il-bżonnijiet politiċi interni tagħhom.

- L-isforz għall-koerenza żviluppat fil-livell tal-linji ta’ gwida integrati jrid jitrasmetti ruħu fi ħdan il-programmi nazzjonali. Dawn iridu wkoll jiġbru flimkien ġo dokument sintetizzat wieħed ir-rapporti nazzjonali eżistenti kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istrateġija ta’ Lisbona. Dan jikkonċerna speċifikatament rapporti nazzjonali dwar l-impjiegi, rapporti msejħa ta’ « Cardiff » fuq il-proċess ta’ riforma ekonomika, kif ukoll ir-rapporti settorjali ta’ implimentazzjoni - issemplifikati kif xieraq - koperti bil-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni. Il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali jistabbilixxu l-ispejjeż li għandhom prijorità meta mqabbla mal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni li se jkunu inklużi ukoll (ladarba jkunu adottati r-regolamenti)[4] Dan il-mekkaniżmu sempliċi ta’ rapporti se jħalli lill-Istati Membri jikkonċentraw irwieħhom iżjed fuq l-implimentazzjoni.

- Dawn il-programmi nazzjonali ta’ riforma jiġu segwiti minn rapporti ta’ implimentazzjoni uniċi fis-snin ta’ wara (il-Ħarifa ta’ l-2006 u l-2007), li huma parti mir-rapporti settorjali li diġà ġew identifikati, qabel ma posthom jittieħed minn programmi ġodda bbażati fuq il-linji ta’ gwida integrati mistennija fir-Rebbiegħa ta’ l-2008.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tippreżenta komunikazzjoni ulterjuri fi żmien qasir li tispjega fid-dettal ċerti elementi li jgħinu lill-Istati Membri jħejju l-programm rispettiv tagħhom, fil-kuntest tal-linji ta’ gwida integrati. B’mod partikolari, dawn l-elementi jistgħu jidentifikaw dawk l-isfidi li huma l-aktar rilevanti għal kull wieħed mill-Istati Membri, fuq qafas u format komuni, fuq l-integrazzjoni tar-rapporti settorjal li hemm diġà, li jintużaw ukoll fl-istħarriġ sussegwenti tal-Kummissjoni fuq dawn il-programmi.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se tippreżenta, min-naħa tagħha, sakemm ikunu għaddejjin il-programmi nazzjonali, "programm komunitarju ta’ Lisbona 2005-2008" li jkopri l-azzjonijiet kollha li twettqu skond standard komunitarju għas-servizz tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi. Dan il-programm se jirrifletti l-azzjonijiet inklużi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa[5] u b’mod partikulari l-elementi komunitarji[6] tal-programm ta’ azzjoni ta’ Lisbona.

1.4. Il-kontenut u l-istruttura

Bħala għarfien tal-fatt li l-politika makro-ekonomika u dik mikro-ekonomika u l-politika tax-xogħol huma relatati ma’ xulxin u għandhom isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku, il-linji ta’ gwida integrati huma ppreżentati f’dokument wieħed komprensiv b’żewġ partijiet.

Parti 1 – Il-Linji ta’ Gwida Wesgħin tal-Politika Ekonomika

Din il-parti tal-linji ta’ gwida integrati tinkludi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Linji ta’ Gwida Wesgħin tal-Politika Ekonomika, li tgħodd għall-Istati Membri kollha u għall-Komunità. Bħala wieħed mill-istrumenti ewlenija tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, din tirrifletti l-bidu l-ġdid għall-Istrateġija ta’ Lisbona u tikkonċentra fuq il-kontribuzzjoni tal-politika ekonomika għal tkabbir ogħla u għal aktar impjiegi.

Din il-parti tipprovdi gwida fuq politika makro-ekonomika u politika mikro-ekonomika fl-Istati Membri u fil-Komunità f’dawk l-oqsma li joffru l-ikbar potenzjal biex jitjiebu t-tkabbir u x-xogħol. It-Taqsima A tittratta l-kontribuzzjoni li l-politika makro-ekonomika tista’ toffri f’dan ir-rigward. It-taqsima B tiffoka fuq il-miżuri u l-politika li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu biex l-Ewropa ssir post aktar attraenti għall-investiment u x-xogħol u biex jingħataw spinta ’l quddiem il-konoxxenza u l-innovazzjoni għat-tkabbir.

Il-miżuri tal-politika u r-riformi strutturali biex ikunu implimentati dawn il-linji ta’ gwida se jgawdu sostanzjalment minn kondizzjonijiet u politika makro-ekonomiċi stabbli. Il-politika makro-ekonomika u dik mikro-ekonomika jaffettwaw lil xulxin b’mod qawwi u jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Mingħajr tkabbir u politika makro-ekonomika orjentata lejn l-istabbiltà, il-ġid potenzjali tar-riformi strutturali ma jkunx jista’ jseħħ minħabba n-nuqqas ta’ progress u l-iżbilanċi fl-ekonomija. Fl-istess waqt, ir-riformi strutturali jistgħu jagħtu kontribut għal politika makro-ekonomika stabbli billi jagħmlu lis-swieq aktar effiċjenti u b’dan jeżerċitaw inqas pressjoni fuq il-prezzijiet kif ukoll iżidu l-irkupru mill-ġdid u ikbar wara disturbi fl-istabbiltà ta’ l-ekonomija. Strateġija ta’ riforma komprensiva, megħjuna minn kondizzjonijiet makro-ekonomiċi stabbli, għandha tassigura li dawn l-azzjonijiet reċiproċi u l-komplementarjetajiet jitqiesu kollha.

Parti 2 – Il-Linji ta’ Gwida dwar l-Impjiegi

Din il-parti tal-linji ta’ gwida integrati tinkludi l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-Linji ta’ Gwida ta’ l-Impjiegi, li fuqha se jiġu kkonsultati, skond l-Artikolu 128 tat-Trattat, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni. Dawn il-linji ta’ gwida – u l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi li hija relatata magħhom – għandhom sehem ta’ koordinazzjoni ewlieni fil-politika dwar ix-xogħol ta’ l-Istati Membri. Mill-1997 ’il quddiem, l-Istrateġija għenet biex jitjiebu l-attenzjoni, is-sorveljanza u r-rappurtar tal-politika dwar ix-xogħol fl-UE kollha.

Din il-parti tikkonċentra fuq il-kontribuzzjoni tal-politika dwar ix-xogħol biex toħloq aktar impjiegi u li jkunu aħjar, kif iddefinit fl-Aġenda l-ġdida ta’ Lisbona. Il-politika dwar ix-xogħol tista’ tkun ta’ kontribuzzjoni deċiżiva biex jiżdied ix-xogħol u titkabbar il-produttività, u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali. Il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-ħarsien soċjali ukoll hija meħtieġa biex ikunu assigurati s-suffiċjenza tagħhom, is-sostenibbiltà finanzjarja, kif ukoll is-sensibilità għall-ħtiġiet li qed jinbidlu fis-soċjetà biex dawn jappoġġjaw it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi li jdumu għal ħafna żmien[7].

Il-Linji ta’ Gwida ta’ l-Impjiegi stabbilew l-għanijiet u l-prijoritajiet ġenerali dwar ix-xogħol biex tittieħed azzjoni fl-UE u fl-Istati Membri kollha. Il-politika dwar ix-xogħol għandha timxi id f’id mar-riformi fis-swieq tas-servizzi, fis-swieq tal-prodott u fis-swieq finanzjarji, u għandu jkollha effett pożittiv fuq il-politika makro-ekonomika relatata mat-tkabbir u max-xogħol. Għalhekk, sabiex jassiguraw integrazzjoni u konsistenza xierqa, isiru referenzi bejn linji ta’ gwidi rilevanti f’partijiet 1 u 2.

Il-linji ta’ gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (2005-2008)

Linji ta’ gwida makro-ekonomiċi

1. Biex tkun assigurata l-istabbiltà ekonomika.

2. Biex tkun issalvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika.

3. Biex titmexxa ’l quddiem allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi.

4. Biex titmexxa ’l quddiem koerenza ikbar bejn il-politika makro-ekonomika u dik strutturali.

5. Biex ikun assigurat li l-iżviluppi tal-pagi jikkontribwixxu tabilħaqq għall-istabbiltà u għat-tkabbir makro-ekonomiku.

6. Biex jikkontribwixxu għall-EMU li jkun dinamiku u jaħdem tajjeb.

Linji ta’ gwida mikro-ekonomiċi

7. Biex iwessgħu u jkabbru s-suq intern.

8. Biex ikunu assigurati swieq miftuħin u kompetittivi.

9. Biex jinħoloq ambjent ta’ negozju aktar attraenti.

10. Biex titmexxa ’l quddiem kultura aktar intraprenditorjali u jinħoloq ambjent ta’ appoġġ għall-SMEs (intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju).

11. Biex titwessa’ u titjieb l-infrastruttura Ewropea u biex jitkomplew proġetti min-naħa għall-oħra tal-fruntiera ta’ prijorità miftiehma.

12. Biex jiżdied u jitjieb l-investiment fl-R&D (riċerka u żvilupp).

13. Biex titħaffef l-innovazzjoni u l-fehim ta’ l-ICT.

14. Biex ikun inkoraġġit l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jissaħħu s-sinerġiji bejn il-protezzjoni ta’ l-ambjent u t-tkabbir.

15. Biex jikkontribwixxu għal bażi industrijali b’saħħitha.

Linji ta’ gwida għax-xogħol

16. Biex tkun implimentata politika dwar ix-xogħol li timmira biex jinkiseb xogħol għal kullħadd, għal titjib fil-kwalità u fil-produttività fuq ix-xogħol, u għal tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali.

17. Biex titmexxa ’l quddiem strateġija li tħares lejn ix-xogħol bħala ċiklu tal-ħajja.

18. Biex ikunu assigurati swieq tax-xogħol inklussivi għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol u għal persuni żvantaġġjati.

19. Biex jitjieb it-taqbil tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol.

20. Biex titmexxa ’l quddiem flessibilità li tkun magħquda mas-sigurtà tax-xogħol u biex titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol.

21. Biex ikunu assigurati paga diċenti għax-xogħol u żviluppi oħrajn marbuta man-nefqa għall-impjiegi.

22. Biex jitwessa’ u jitjieb l-investiment fil-kapital uman.

23. Biex jiġu adattati sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ bi tweġiba għall-kriterji ġodda ta’ kompetenza.

*

* *

Għalhekk, il-Kummissjoni:

- tirrakkomanda l-linji ta’ gwida wesgħin li ġejjin għall-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità, skond l-Artikolu 99 tat-Trattat tal-KE, u

- tipproponi d-Deċiżjoni tal-Kunsill li ġejja fuq il-linji ta’ gwida għall-politika dwar ix-xogħol ta’ l-Istati Membri, skond l-Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE.

Parti 1 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fuq il- Linji ta’ Gwida Wesgħin tal-Politika Ekonomika (2005-2008)

IR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar il-linji ta’ gwida wesgħin għall-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità (taħt l-Artikolu 99 tat-Trattat tal-KE)

Taqsima A – Il-Politika makro-ekonomika għat-tkabbir u l-impjiegi[8]

A.1 Il-politika makro-ekonomika li toħloq il-kondizzjonijiet għal aktar tkabbir u għal aktar impjiegi

Li tkun assigurata stabbiltà ekonomika biex jiżdiedu l-impjiegi u l-potenzjal għat-tkabbir

Politika makro-ekonomika tajba hija meħtieġa biex tappoġġja espansjoni ekonomika bbilanċjata kif ukoll biex iseħħ kompletament il-potenzjal tat-tkabbir li hemm bħalissa. Din hija wkoll importanti biex tistabbilixxi kondizzjonijiet strutturali li jmexxu ’l quddiem livelli xierqa ta’ tifdil u investiment, kif ukoll orjentazzjoni aktar b’saħħitha ta’ dawn ta’ l-aħħar lejn konoxxenza u innovazzjoni, sabiex l-ekonomija titpoġġa f’direzzjoni ta’ tkabbir u impjiegi u li tkun appoġġjata, ogħla u mhux inflazzjonarja. Fl-ippjanar tal-ġejjieni, id-ditti u l-persuni għandu jkollhom il-kunfidenza li l-istabbiltà fil-prezz se tinżamm, u li r-rati tal-kambju u r-rati ta’ l-interessi tul perjodu twil se jkunu stabbli b’mod raġonevoli.

Il-politika monetarja tista’ tgħin billi tissokta l-istabbiltà fil-prezzijiet u, jekk jintlaħaq dan, billi tappoġġja politika ekonomika ġenerali oħra. Għal uħud mill-Istati Membri l-ġodda, se jkun importanti li l-politika monetarja tkun tippermetti aktar tnaqqis fir-rata ta’ l-interessi fuq perjodu twil u reġim ta’ rata ta’ kambju mmirat biex tintlaħaq konverġenza reali – u nominali – li tkun sostenibbli. Il-parteċipazzjoni eventwali fil-Mekkaniżmu Ewropew tar-Rati tal-Kambju (ERM) II se tgħin biex jissaħħu dawk l-isforzi. Sfida oħra fil-politika makro-ekonomika ta’ wħud minn dawn l-Istati Membri hija li l-iżbilanċi finanzjarji korrenti, li huma relattivament għoljin, jinżammu fl-iskala fejn ikun jista’ jiġi assigurat iffinanzjar barrani tajjeb. F’dan ir-rigward, l-isforz fiskali huwa importanti biex inaqqas l-iżbilanċi finanzjarji korrenti, minħabba li l-iffinanzjar ta’ dawn l-iżbilanċi jista’ jsir aktar diffiċli ladarba l-privatizzazzjoni titlesta.

Li tkun assigurata pożizzjoni tajba ta’ l-estimi, iwassal biex l-istabilizzaturi awtomatiċi ta’ l-estimi jkollhom sehem sħiħ u simetriku biex jistabbilizzaw il-produzzjoni madwar xejra tat-tkabbir li tkun ogħla u sostenibbli. Għal dawk l-Istati Membri li jkunu diġà kisbu pożizzjonijiet ta’ l-estimi b’saħħithom, l-isfida hija li tinżamm dik il-pożizzjoni mingħajr il-ħtieġa li jirrikorru għal miżuri ta’ darba u għal miżuri temporanji. Għall-Istati Membri l-oħra huwa importanti li dawn jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jinkisbu, b’mod partikulari, l-għanijiet ta’ l-estimi tul perjodu medju hekk kif jitjiebu l-kondizzjonijiet ekonomiċi; b’hekk dawn jevitaw politika li tiffavorixxi ċikli waqt li jpoġġu lilhom infushom f’pożizzjoni li fiha jkun assigurat spazju biżżejjed biex l-istabilizzaturi awtomatiċi jkollhom sehem sħiħ qabel it-tnaqqis ekonomiku li jmiss. Għal Stati Membri individwali l-għan ta’ l-estimi tul perjodu medju ta’ żmien ivarja skond il-proporzjoni korrenti tad-dejn u t-tkabbir potenzjali, filwaqt li jżomm marġni biżżejjed taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 fil-mija tal-GDP.

Linja ta’ gwida. Biex tkun assigurata stabbiltà ekonomika, l-Istati Membri għandhom iżommu l-għanijiet ta’ l-estimi tul perjodu medju ta’ żmien ’il fuq miċ-ċiklu ekonomiku u, sakemm dan l-għan ma jkunx inkiseb, għandhom jieħdu l-miżuri ta’ korrezzjoni meħtieġa skond il-Patt ta’ l-Istabbiltà u t-Tkabbir. Suġġett għal dan, l-Istati Membri għandhom jevitaw politika fiskali li tiffavorixxi ċ-ċikli. L-Istati Membri li jkollhom żbilanċi finanzjarji korrenti li jistgħu ma jibqgħux sostenibbli aktar, għandhom jaħdmu biex isewwuhom billi jimplimentaw riformi strutturali li jkabbru l-kompetittività barranija kif ukoll biex jikkontribwixxu għal din il-korrezzjoni permezz ta’ politika fiskali (Il-linja ta’ gwida integrata nru 1).

Li tkun issalvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika fuq perjodu twil fid-dawl tal-popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ ta’ l-Ewropa

Il-popolazzjoni li qed tixjieħ ta’ l-Ewropea tippreżenta riskji serji għas-sostenibbiltà fuq perjodu twil ta’ l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea (UE). Skond l-aħħar projezzjonijiet, sal-2050 il-popolazzjoni ta’ l-UE ta’ dawk li jaħdmu (15-64 sena) se tkun 18 % inqas milli fis-sena 2000, waqt li n-numru ta’ persuni li jkollhom iktar minn 65 sena se jkun żdied b’60 %. Dan mhux biss jimplika proporzjonijiet ogħla ta’ dipendenza, iżda jfisser ukoll li se jkun hemm piż ta’ dejn miżjud, rati ta’ interessi reali li jkunu ogħla u produzzjoni potenzjali aktar baxxa, sakemm ma tittiħidx azzjoni issa biex tkun issalvagwardjata s-sostenibbiltà ta’ l-ekonomija ta’ l-UE fuq perjodu twil.

L-Istati Membri jistgħu jindirizzaw l-implikazzjonijiet ekonomiċi tal-popolazzjoni li qed tixjieħ billi jimxu b’pass aktar mgħaġġel biex inaqqsu d-dejn u billi jieħdu miżuri ħalli jgħollu r-rati ta’ l-impjiegi u jżidu l-provvista tax-xogħol u biex itaffu l-impatt tan-numru dejjem jonqos ta’ persuni li jaħdmu fil-ġejjieni. Huwa importanti wkoll li jiġu mmodernizzati s-sistemi tal-ħarsien soċjali biex ikun assigurat li dawn ikunu vijabbli finanzjarjament, waqt li fl-istess ħin ikun assigurat li dawn ikunu qed jilħqu l-miri tagħhom f’termini ta’ aċċess u suffiċjenza, fejn għandhom x’jaqsmu proporzjonijiet ta’ dipendenza ogħla u l-ħtiġiet li qed jiżdiedu marbuta ma’ żjieda fin-numru ta’ anzjani. B’mod speċjali, azzjoni reċiproka mtejba bejn is-sistemi tal-ħarsien soċjali u s-swieq tax-xogħol tista’ twarrab it-tagħwiġ li jkun qed jolqot deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irtirar, waqt li tinkoraġġixxi ħajja itwal fuq ix-xogħol fi sfond ta’ stennija ta’ ħajja ogħla.

Linja ta’ gwida . Biex tkun issalvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika, l-Istati Membri għandhom, meta jitqiesu l-ispejjeż projettati tal-popolazzjonijiet li dejjem qed jixjieħu, inaqqsu b’ritmu tajjeb id-dejn tal-gvern biex b’hekk isaħħu l-finanzi pubbliċi, jirriformaw s-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa u biex jassiguraw li dawn jibqgħu finanzjarjament vijabbli waqt li jkunu soċjalment tajbin u aċċessibbli, u jieħdu miżuri biex iżidu r-rati u l-provvista tax-xogħol (Il-linja ta’ gwida integrata nru 2). Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex titmexxa ’l quddiem strateġija li tħares lejn ix-xogħol bħala ċiklu ta’ ħajja” (nru 17).

Li titmexxa ’il quddiem l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u politika makro-ekonomika u strutturali koerenti

Sistemi fiskali u ta’ nefqa mfassla tajjeb li jmexxu ’l quddiem allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi huma bżonnjużi għas-settur pubbliku biex dan iwettaq kontribuzzjoni sħiħa lejn it-tkabbir u x-xogħol, mingħajr ma jqiegħed f’riskju l-għanijiet ta’ l-istabbiltà u s-sostenibbiltà ekonomika. Dan jista’ jintlaħaq billi n-nefqa tingħata direzzjoni mill-ġdid lejn kategoriji li jsaħħu t-tkabbir bħalma huma r-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D), l-infrastruttura fiżika, il-kapital uman u l-konoxxenza. L-Istati Membri jistgħu jgħinu wkoll biex jikkontrollaw kategoriji oħra ta’ nfiq billi jużaw ir-regoli tan-nefqa u l-estimi tar-rendiment u billi jpoġġu mekkaniżmi f’posthom li jassiguraw li miżuri ta’ riforma individwali u pakketti ta’ riforma ġenerali jkunu mfassla tajjeb. Prijorità ewlenija għall-ekonomija ta’ l-UE hija li jkun assigurat li l-istrutturi tat-taxxa u l-azzjoni reċiproka ta’ dawn ma’ sistemi ta’ benefiċċji, imexxu ’l quddiem potenzjal ta’ tkabbir ogħla permezz ta’ aktar xogħol u investiment.

Linja ta’ gwida. Biex titmexxa ’l quddiem allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi , l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għal-linji ta’ gwida fuq l-istabbiltà u s-sostenibbiltà ekonomika, imexxu l-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika lejn kategoriji li jsaħħu t-tkabbir, jadattaw strutturi fiskali biex isaħħu l-potenzjal tat-tkabbir u jassiguraw li jkun hemm mekkaniżmi f’posthom biex jagħmlu valutazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn in-nefqa pubblika u l-akkwist ta’ l-għanijiet ta’ politika, waqt li jassiguraw il-koerenza ġenerali tal-pakketti ta’ riforma (Il-linja ta’ gwida integrata nru 3).

Ir-rwol ta’ politika makro-ekonomika b’saħħitha huwa li tipprovdi kondizzjonijiet li jkunu jwasslu għall-ħolqien u għat-tkattir tax-xogħol. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, huma r-riformi strutturali li għandhom imexxu ’l quddiem swieq effiċjenti u interventi pubbliċi mfassla tajjeb li jiddeterminaw it-tkabbir sostenibbli fil-produzzjoni u l-benesseri. Politika strutturali li tonqos milli twettaq tkabbir ogħla tkun qed thedded l-istabbiltà makro-ekonomika, per eżempju, permezz ta’ żbilanċi fl-estimi, pressjonijiet inflazzjonarji persistenti u nuqqas ta’ kapaċità ta’ aġġustament fejn ikun hemm disturbi ekonomiċi temporanji jew permanenti. Karatteristika ewlenija ta’ l-istrateġija ekonomika ġenerali ta’ l-Istati Membri hija li jkun assigurat li dawn ikollhom sett konsistenti ta’ politika strutturali li tkun tappoġġja l-qafas makro-ekonomiku u vice versa . B’mod speċjali, ir-riformi tas-suq jeħtieġ itejbu l-adattabilità ġenerali u l-kapaċità ta’ l-aġġustament ta’ l-ekonomiji biex dawn jilqgħu għat-tibdil fil-kondizzjonijiet ekonomiċi ċikliċi u fix-xejriet fuq perjodu twil bħalma huma l-globalizzazzjoni u t-teknoloġija.

Linja ta’ gwida. Biex titmexxa ’l quddiem koerenza akbar bejn politika makro-ekonomika u strutturali, l-Istati Membri għandhom jissuktaw b’riformi li jkunu jappoġġjaw il-qafas makro-ekonomiku billi jżidu l-flessibilità, il-mobilità u l-kapaċità ta’ l-aġġustament biex jilqgħu għall-globalizzazzjoni, għall-avvanzi teknoloġiċi u għall-bidliet ċikliċi. (Il-linja gwida integrata nru 4). Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Li titmexxa ’l quddiem il-flessibilità magħquda mas-sigurtà tax-xogħol u li titnaqqas is-segementazzjoni tas-suq tax-xogħol” (nru 20).

Li jkun assigurat li l-iżviluppi tal-paga jgħinu fl-istabbiltà makro-ekonomika u jkunu jikkumplementaw riformi strutturali

L-iżviluppi fil-paga jistgħu jgħinu biex ikun hemm kondizzjonijiet makro-ekonomiċi stabbli u taħlit ta’ politika tajba għax-xogħol, sakemm iż-żjidiet reali fil-paga jkunu skond ir-rata bażika tat-tkabbir fil-produttività fuq perjodu medju ta’ żmien u li dawn ikunu konsistenti ma’ rata ta’ utilità li tippermetti li jkun hemm investiment li jsaħħaħ il-produttività, il-kapaċità u l-impjiegi. Dan jeħtieġ li fatturi temporanji, bħalma huma ż-żjidiet fil-produttività kkawżati minn qabża ċiklika jew żjidiet ta’ darba fir-rata ewlenija ta’ l-inflazzjoni, ma jikkawżawx xejra mhux sostenibbli fit-tkabbir tal-paga u li l-iżviluppi fil-paga jkunu jirriflettu tabilħaqq il-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali.

Meta wieħed iqis il-pressjoni ’l fuq li qed tissokta fil-prezzijiet taż-żejt u tal-materja prima, żgur hemm il-ħtieġa li jiġi kkontrollat l-impatt tal-ħlas tal-pagi u taż-żjidiet fl-ispiża tax-xogħol fuq il-kompetittività tal-prezzijiet. Jistgħu jsiru sforzi fuq livell ta’ l-UE biex jitkattar djalogu kontinwu u biex ikun hemm bdil ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet monetarji u fiskali u l-imsieħba soċjali permezz tad-Djalogu Makro-Ekonomiku.

Linja ta’ gwida . Biex ikun assigurat li l-iżviluppi tal-paga jikkontribwixxu għall-istabbiltà makro-ekonomika u għat-tkabbir u li tiżdied l-adattabilità, l-Istati Membri għandhom imexxu ’l quddiem żjidiet nominali fil-paga kif ukoll spejjeż tax-xogħol li jkunu konsistenti ma’ l-istabbiltà tal-prezz u x-xejra fil-produttività fuq perjodu medju ta’ żmien, waqt li jitqiesu d-differenzi bejn il-ħiliet u l-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali (Il-linja ta’ gwida integrata nru 5). Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex ikunu assigurati paga li tkun favorevoli għax-xogħol u żviluppi oħrajn ta’ spejjeż tax-xogħol” (nru 21).

A.2 Li tkun assigurata żona ta’ l-euro dinamika u li taħdem tajjeb

Il-ħtieġa biex jinkiseb tkabbir ogħla u xogħol hija qawwija l-aktar fiż-żona ta’ l-euro, meta wieħed iqis ir-rendiment ekonomiku baxx riċenti u l-livell baxx tagħha ta’ tkabbir potenzjali ta’ madwar 2% (skond l-estimi tal-Kummissjoni). Id-domanda domestika kienet siekta l-aktar fiż-żona ta’ l-euro, fejn il-konsum privat u l-investiment, bħala total, baqgħu sew taħt dak ta’ l-25 ta’ l-UE fl-2004. Il-konsum privat sieket jidher li baqa’ jsib l-għeruq tiegħu fi problemi li qed jissuktaw fejn għandhom x’jaqsmu l-aktar il-prospetti tax-xogħol (bil-qgħad jibqa’ madwar 9%), is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet u l-finanzi pubbliċi, kif ukoll il-prospetti tad-dħul fit-terminu medju.

L-isfida għaż-żona ta’ l-euro hija li jkun assigurat it-twettiq tal-potenzjal tat-tkabbir korrenti kif ukoll li maż-żmien jiżdied ferm iktar il-potenzjal tat-tkabbir tagħha. Dawn jistgħu jinkisbu l-aħjar permezz ta’ politika makro-ekonomika orjentata lejn it-tkabbir u l-istabbiltà kif ukoll permezz ta’ riformi strutturali komprensivi. It-tnejn huma importanti b’mod speċjali għall-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro, minħabba li dawn għandhom impatt importanti fuq il-kapaċità tagħhom biex jaġġustaw b’mod suffiċjenti d-disturbi fl-istabbiltà b’impatt mhux simetriku, u għalhekk fuq l-ikrupru ekonomiku mill-ġdid taż-żona ta’ l-euro bħala ħaġa waħda. Barra minn hekk, ir-rendiment ekonomiku u l-politika ssuktata minn Stati Membri individwali taż-żona ta’ l-euro taffettwa fatturi komuni bħalma huma r-rata tal-kambju ta’ l-euro, ir-rati ta’ l-interessi u l-istabbiltà tal-prezzijiet. Dan kollu jimplika l-bżonn biex fiż-żona ta’ l-euro ikun hemm koordinazzjoni ta’ politika makro-ekonomika u strutturali aktar b’saħħitha.

L-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) tpoġġi enfasi speċjali fuq is-salvagwardja tad-dixxiplina fiskali biex tħares dan il-ġid komuni. In-nuqqas ta’ politika ta’ interessi nazzjonali u ta’ rata ta’ kambju jimplika wkoll żjieda akbar biex jinkisbu u jinżammu pożizzjonijiet ta’ l-estimi b’saħħithom li jkunu jipprovdu marġni suffiċjenti ta’ l-estimi biex jassorbu l-impatt ta’ l-oxxillazzjonijiet ċikliċi jew id-disturbi ekonomiċi permezz ta’ impatt mhux simetriku.

Il-politika strutturali li tkattar l-aġġustament mingħajr xkiel tal-prezzijiet u l-pagi hija importanti biex tassigura li l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro jkollhom il-ħila li jaġġustaw malajr għad-disturbi fl-istabbiltà (bħalma hu x-xokk fil-prezz taż-żejt li hemm bħalissa) u li tkun ta’ għajnuna biex jitnaqqsu d-differenzi ta’ l-inflazzjoni mhux ġustifikati bejn l-Istati Membri. Il-politika li żżid is-sensibilità tas-swieq tax-xogħol, billi tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni mifruxa tax-xogħol, il-mobilità tax-xogħol u dik ġeografika kif ukoll l-iffissar tal-pagi, flimkien mar-riformi li jsaħħu l-flessibilità tas-suq tal-prodott, hija tabilħaqq importanti f’dan ir-rigward.

Biex tikkontribwixxi għall-istabbiltà ekonomika internazzjonali u biex tirrappreżenta aħjar l-interessi ekonomiċi tagħha, huwa importanti ħafna għaż-żona ta’ l-euro li jkollha sehem sħiħ fil-kooperazzjoni tal-politika monetarja u ekonomika internazzjonali. Waqt li l-ħolqien ta’ Presidenza ta’ Grupp ta’ l-Euro stabbli se jgħin biex ikunu kkoordinati l-pożizzjonijiet tal-membri taż-żona ta’ l-euro, ir-rappreżentazzjoni barranija taż-żona ta’ l-euro tibqa’ frammentata u mhux kompluta, b’tali mod li ż-żona ta’ l-euro ma tkunx tista’ tieħu sehem ewlieni xieraq fl-iżvilupp tas-sistema ekonomika globali.

Linja ta’ gwida . Biex wieħed jasal għal EMU dinamika u li taħdem tajjeb , l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro jeħtieġ jagħtu attenzjoni speċjali għad-dixxiplina fiskali, u f’dan ir-rigward dawk li għadhom ma laħqux l-għan ta’ l-estimi tagħhom tul perjodu medju ta’ żmien, għandhom jaraw li jseħħ titjib annwali fl-iżbilanċi ta’ l-estimi tagħhom, aġġustat b’mod ċikliku wara miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji, ta’ 0.5 fil-mija tal-GDP bħala punt ta’ referenza, filwaqt li jassiguraw sforz ta’ aġġustament ogħla fi żminijiet tajba; dawn għandhom imexxu ’l quddiem riformi strutturali li għandhom itejbu l-kompetittività taż-żona ta’ l-euro kif ukoll l-aġġustament ekonomiku għal disturbi fl-istabbiltà li ma jkunux simetriċi; dawn għandhom jassiguraw ukoll li l-influwenza taż-żona ta’ l-euro fis-sistema ekonomika dinjija tkun taqbel mal-piż ekonomiku tagħha (Il-linja ta’ gwida integrata nru 6).

Taqsima B – Ir-riformi mikro-ekonomiċi biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-Ewropa

Ir-riformi strutturali huma essenzjali biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-UE, għaliex dawn iżidu l-effiċjenza u l-adattabilità ta’ l-ekonomija Ewropea. Biex jipproduċu l-ogħla sinerġiji, dawn l-aħjar ikunu implimentati b’mod komprensiv u kkoordinat.

Biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir ta’ l-Ewropa jeħtieġ li jsir progress kemm fil-ħolqien ta’ l-impjiegi u kemm fit-tkabbir tal-produttività. Minn nofs is-snin disgħin, it-tkabbir tal-produttività fl-UE naqas sew. Li din ix-xejra tinbidel ta’ taħt fuq hija l-ikbar sfida tal-kompetittività li qed tiffaċċja l-Unjoni, l-aktar fid-dawl tal-popolazzjoni tagħha li dejjem qed tixjieħ. Il-popolazzjoni li qed tixjieħ huwa stmat li għaliha waħedha qed tnaqqas madwar nofs ir-rata preżenti tat-tkabbir potenzjali. Ħeffa akbar fit-tkabbir tal-produttività hija, għalhekk, bżonnjuża biex iżżomm u żżid il-livelli ta’ l-għajxien tal-ġejjieni.

Il-qligħ fil-produttività huwa megħjun bl-investiment u bl-innovazzjoni. Li l-Ewropa ssir post ta’ investiment aktar attraenti u li jkun xprunat l-investiment fil-konoxxenza u fl-innovazzjoni huma, għalhekk, elementi ewlenin tal-Programm ta’ Azzjoni ta’ Lisbona, li dwaru kien hemm ftehim fil-Kunsill ta’ l-Ewropa tar-Rebbiegħa ta’ l-2005. Dan hu għaliex programmi nazzjonali u reġjonali appoġġjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni se jkunu dejjem aktar fil-mira ta’ investimenti f’dawn l-oqsma, skond l-għanijiet ta’ Lisbona.

B.1 Li l-Ewropa ssir post aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol

Il-ġibda ta’ l-Unjoni Ewropea bħala post ta’ investiment jiddependi, inter alia , fuq il-qies u l-ftuħ tas-swieq tagħha, l-ambjent regolatorju tagħha u l-kwalità ta’ l-infrastruttura tagħha. Żjieda fl-investiment tagħmel lill-Ewropa aktar produttiva, minħabba li l-livelli tal-produttività tax-xogħol jiddependu mill-investiment fil-kapital fiżiku u uman kif ukoll fil-konoxxenza u fl-infrastruttura.

Li s-Suq Intern jitwessa’ u jitkabbar

Il-ħila tal-produtturi Ewropej biex jikkompetu u jibqgħu jeżistu fis-Suq Intern hija importanti ħafna għas-saħħa kompetittiva tagħhom fis-swieq dinjija. Suq Intern integrat kompletament jista’ jagħmel ukoll lill-UE aktar attraenti għall-investituri barranin. Filwaqt li s-Suq Intern għall-oġġetti kien integrat relattivament tajjeb, is-swieq tas-servizzi jibqgħu, legalment u de facto, pjuttost frammentati. Dan japplika b’mod partikulari għas-swieq ta’ l-enerġija u tat-trasport u għall-professjonijiet regolati. Sabiex ikun hemm aktar tkabbir u impjiegi u sabiex tissaħħaħ il-kompetittività, is-suq intern tas-servizzi għandu jkun qed jaħdem b’mod sħiħ filwaqt li jżomm il-mudell soċjali Ewropew. It-tneħħija ta’ l-ostakli fiskali fejn għandhom x’jaqsmu ħidmiet min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u t-tneħħija ta’ l-ostakli li fadal għall-mobilità tal-ħaddiema wkoll iġibu gwadanni importanti fl-effiċjenza. Fl-aħħarnett, l-integrazzjoni sħiħa tas-swieq finanzjarji tista’ tgħolli l-produzzjoni u x-xogħol billi jkun hemm allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kapital u billi jinħolqu kondizzjonijiet ta’ ffinanzjar aħjar għan-negozju.

Minkejja għarfien ġenerali tal-ġid potenzjali ta’ suq Ewropew wieħed, ir-rata tat-traspożizzjoni tad-direttivi tas-Suq Intern tibqa’ baxxa ħafna. Barra minn hekk, id-direttivi ħafna drabi ma jkunux implimentati jew applikati b’mod korrett, kif juri n-numru għoli ta’ proċeduri għal ksur ta’ regolamenti li nediet il-Kummissjoni stess. L-Istati Membri jeħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod aktar pożittiv sabiex jassiguraw li huma jwasslu l-benefiċċji kollha tal-leġislazzjoni tas-Suq Internet liċ-ċittadini u lin-negozji tagħhom. Per eżempju, hemm skop sostanzjali għal aktar titjib fil-prattika ta’ l-akkwist pubbliku. Titjib bħal dan għandu jkun rifless f’żjieda fis-sehem ta’ l-akkwist pubbliku li jkun ġie rreklamat pubblikament. Barra minn hekk, aktar akkwist miftuħ iwassal għal tifdil ta’ l-estimi sinifikattivi għall-Istati Membri.

Linja ta’ gwida . Biex jitwessa’ u jitkabbar is-Suq Intern , l-Istati Membri għandhom jgħaġġlu t-traspożizzjoni tad-direttivi tas-Suq Intern, jagħtu prijorità lil infurzar aktar strett u aħjar tal-liġi tas-Suq Intern, iħaffu l-proċess ta’ l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju, ineħħu l-ostakli tat-taxxa għal ħidmiet min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u japplikaw b’mod effettiv ir-regoli ta’ l-akkwist pubbliku ta’ l-UE (Il-linja ta’ gwida integrata nru 7).

Li jkunu assigurati swieq miftuħa u kompetittivi ġewwa u barra l-Ewropa

Swieq miftuħa u kompetittivi jikkontribwixxu għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, iwasslu għal organizzazzjoni aħjar tax-xogħol fil-kumpaniji, u jistgħu jaġixxu bħala stimolu għall-innovazzjoni. Il-politika tal-kompetizzjoni kellha rwol essenzjali sabiex ikun assigurat qasam ekwilibrat fejn jaġixxu d-ditti ta’ l-UE, u tista’ wkoll tkun importanti sabiex wieħed iħares lejn qafas regolatorju aktar wiesa’ madwar is-swieq, sabiex jingħataw spinta l-kondizzjonijiet li se jħallu lid-ditti jikkompetu b’mod effettiv. Ftuħ ieħor tas-swieq Ewropej għall-kompetizzjoni jista’ jinkiseb billi jitnaqqas il-livell ġenerali fl-għajnuna ta’ l-Istat, filwaqt li jitħalla marġni għan-nuqqasijiet ġenwini tas-suq. Dan il-moviment irid ikun akkumpanjat minn tħaddim mill-ġdid ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat li jkun għad fadal favur l-appoġġ ta’ ċerti għanijiet orizzontali bħar-riċerka u l-innovazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-kapital uman.

Ir-riformi strutturali li jiffaċilitaw id-dħul fis-suq huma għodda effettiva b’mod partikulari sabiex jitkabbar il-valur tal-kompetizzjoni. Dawn se jkunu importanti b’mod partikulari fis-swieq li qabel kellhom kenn mill-kompetizzjoni minħabba mġiba mhux kompetittiva, regolazzjoni żejda (permessi, liċenzji, kondizzjonijiet meħtieġa ta’ l-inqas kapital, ostakli legali, ħinijiet ta’ ftuħ għall-ħwienet, prezzijiet irregolati, perjodu ta’ sejlijiet limitat eċċ.), jew minħabba ħarsien tan-negozju. Il-Kunsill diġà stieden lill-Istati Membri sabiex jiflu l-leġislazzjoni domestika li teżisti għall-kompatibilità mar-regoli ta’ l-UE sabiex jitneħħew ostakli tas-suq u tinfetaħ il-kompetizzjoni fis-suq intern.

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-miżuri li diġà sar ftehim dwarhom sabiex jinfetħu l-industriji f’netwerk għall-kompetizzjoni, għandha tgħin sabiex ikunu assigurati prezzijiet aktar baxxi b’mod ġenerali u aktar għażla waqt li tingħata garanzija li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għaċ-ċittadini jitwasslu kollha. Awtoritajiet tal-kompetizzjoni u awtoritajiet regolatorji għandhom jassiguraw li hemm kompetizzjoni biżżejjed fis-swieq liberalizzati, fejn is-sehem tas-suq ta’ l-inkombenti spiss jibqa’ għoli ħafna.

Metodu komuni sabiex wieħed jinnegozja ma’ pajjiżi terzi huwa essenzjali sabiex jitjiebu l-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq għad-ditti ta’ l-UE. It-twettiq b’suċċess ta’ ftehim ambizzjuż fil-qafas tat-Taħdidiet ta’ Doha għandu jkompli jiftaħ is-swieq dinjija għall-kummerċ u l-investiment, u b’hekk jingħata kontribut sabiex jiżdied it-tkabbir potenzjali.

Linja ta’ gwida . Biex ikunu assigurati swieq kompetittivi u miftuħa , l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità biex ineħħu l-ostakli regolatorji u oħrajn li jfixklu l-kompetizzjoni f’oqsma essenzjali; lil infurzar aktar effettiv tal-politika tal-kompetizzjoni; lil eżami selettiv tas-suq minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni u awtoritajiet regolatorji sabiex ikunu identifikati u mneħħija l-ostakli għall-kompetizzjoni u għad-dħul fis-suq; lil tnaqqis fl-għajnuna mill-Istat li tgħawweġ il-kompetizzjoni; u lil tħaddim mill-ġdid ta’ għajnuna favur appoġġ għal ċerti għanijiet orizzontali bħar-riċerka u bħall-innovazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-kapital uman. L-Istati Membri għandhom ukoll jimplimentaw b’mod sħiħ il-miżuri miftehma sabiex jinfetħu l-industriji f’netwerk għall-kompetizzjoni sabiex jassiguraw kompetizzjoni effettiva fis-swieq integrati madwar l-Ewropa, fl-istess ħin iħallu li tingħata garanzija li servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ kwalità għolja se jitwasslu b’mod sodisfaċenti (Il-linja ta’ gwida integrata nru 8).

Li jitjiebu r-regolamenti Ewropej u dawk nazzjonali

Ir-regolazzjoni tas-suq hija essenzjali biex toħloq ambjent bi spejjeż baxxi li fih ikunu jistgħu jsiru tranżazzjonijiet kummerċjali. Dan iservi wkoll biex jissewwew in-nuqqasijiet tas-suq jew biex jitħarsu l-parteċipanti tas-suq. Minkejja dan, l-impatt kumulattiv tar-regolamenti jista’ jimponi spejjeż ekonomiċi sostanzjali. Għalhekk, huwa importanti li r-regolamenti jkunu mfassla tajjeb u jkunu bbilanċjati.

Meta tkun qed titħejja jew tkun qed tiġi riveduta xi liġi, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw b’mod sistematiku l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ l-inizjattivi leġiżlattivi tagħhom. Dan jimplika konsultazzjoni ta’ dawk interessati u li huma rilevanti għall-proċess, filwaqt li jitħallilhom biżżejjed żmien sabiex iwieġbu. L-Istati Membri huma mistiedna jiżviluppaw aġendi nazzjonali ta’ regolazzjoni aħjar u jirrapportaw dwarhom fil-programmi nazzjonali tagħhom ta’ Lisbona.

Fil-metodu kif il-Kummissjoni tħares lejn regolazzjoni aħjar, l-impatti ekonomiċi, soċjali u ta’ l-ambjent ta’ regolamenti ġodda jew riveduti qed ikunu vvalutati sew biex ikunu identifikati t-tqabbil potenzjali u s-sinerġiji bejn għanijiet ta’ politika differenti. Barra minn hekk, ir-regolamenti eżistenti qed ikunu eżaminati bil-ħsieb li jkun hemm aktar semplifikazzjoni u qed jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività. Fl-aħħarnett, qed ikun żviluppat metodu komuni biex jitkejlu l-ispejjeż amministrattivi tal-liġijiet il-ġodda u ta’ dawk eżistenti.

Titjib sostanzjali fl-ambjent regolatorju jista’, għalhekk, jinkiseb billi jitnaqqsu l-ispejjeż assoċjati mar-regolamenti, inklużi l-ispejjeż amministrattivi. Dan huwa importanti b’mod speċjali għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), li s-soltu jkollhom riżorsi limitati biex jilqgħu għall-amministrazzjoni imposta fuqhom kemm mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità kif ukoll minn dik nazzjonali.

Linja ta’ gwida . Biex jinħoloq ambjent ta’ negozju aktar attraenti , l-Istati Membri għandhom itejbu l-kwalità tar-regolamenti tagħhom permezz ta’ valutazzjoni sistematika u rigoruża ta’ l-impatti ekonomiċi, soċjali u ta’ l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż amministrattivi assoċjati mar-regolamenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin b’mod wiesa’ fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ l-inizjattivi regolatorji tagħhom, l-aktar fejn dawn jimplikaw tqabbil bejn l-għanijiet ta’ politika differenti (Il-linja ta’ gwida integrata nru 9).

L-Ewropa teħtieġ tkattar il-ġibda intraprenditorjali tagħha b’mod aktar effettiv u teħtieġ li fiha jkun hemm aktar ditti ġodda li jkunu lesti jidħlu għal intrapriżi kreattivi u ġodda. Għandu jkun hemm appoġġ għal tagħlim dwar l-intraprenditorija permezz tal-forom kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ, u għandhom jiġu pprovduti l-ħiliet rilevanti. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw inkoraġġiment sħubijiet ma’ kumpaniji. Il-ħolqien u t-tkabbir tan-negozji wkoll jistgħu jingħataw inkoraġġiment billi jitjieb l-aċċess għall-iffinanzjar, jiġu adottati sistemi fiskali biex ikun ippremjat is-suċċess u jkunu pprovduti servizzi ta’ appoġġ, l-aktar għall-intraprendituri żgħażagħ. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jitħaffef it-trasferiment tad-dritt tal-propjetà, biex ikunu riveduti l-liġijiet tal-falliment, u biex jitjiebu l-proċeduri tas-salvataġġ u tar-ristrutturar.

Linja ta’ gwida . Biex titmexxa ’l quddiem kultura aktar intraprenditorjali u jinħoloq ambjent ta’ appoġġ għall-SMEs , l-Istati Membri għandhom itejbu l-aċċess għall-iffinanzjar, jadattaw sistemi ta’ taxxa, isaħħu l-potenzjal innovattiv ta’ l-SMEs, u jipprovdu t-tagħrif rilevanti u s-servizzi ta’ appoġġ biex jinkoraġġixxu l-ħolqien u t-tkattir ta’ negozji li jkunu għadhom kemm fetħu skond il-Karta ta’ l-SMEs. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom isaħħu l-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ vokazzjonali (ara r-referenza għal-linja ta’ gwida rilevanti tax-xogħol). L-Istati Membri għandhom ukoll iħaffu t-trasferiment tad-dritt tal-propjetà, jirrivedu l-liġijiet tagħhom tal-falliment, u jtejbu l-proċeduri tagħhom li għandhom x’jaqsmu mas-salvataġġ u mar-ristrutturar (Il-linja ta’ gwida integrata nru 10).

Li titwessa’ u titjieb l-infrastruttura Ewropea

Infrastruttura moderna hija fattur importanti li jolqot il-ġibda tal-postijiet. Din tħaffef il-mobilità ta’ persuni, oġġetti u servizzi fl-Unjoni kollha. Infrastrutturi ta’ trasport, ta’ enerġija u ta’ komunikazzjoni elettronika moderni huma prerekwiżiti biex jitgawda l-ġid ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona msaħħa mill-ġdid. Billi jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport u billi jitwessgħu s-swieq, in-netwerks ikkonnettjati ma’ xulxin u li jaħdmu flimkien min-naħa għall-oħra ta’ l-Ewropa jgħinu biex jitkattar il-kummerċ internazzjonali u titmexxa ’l quddiem id-dinamika tas-Suq Intern. Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni li għada għaddejja ta’ l-industriji f’netwerk Ewropew tkattar il-kompetizzjoni u tippromwovi l-gwadann fl-effiċjenza f’dawn is-setturi.

F’termini ta’ investiment futur fl-infrastruttura Ewropea, l-implimentazzjoni ta’ 30 proġett tat-trasport ta’ prijorità identifikati mill-Parlament u mill-Kunsill fil-linji ta’ gwida għat-trasport tan-Netwerk li jgħaddi min-naħa għall-oħra ta’ l-Ewropa (TEN) flimkien ma’ l-implimentazzjoni tal-proġetti Quick-start, min-naħa għall-oħra tal-fruntiera, għat-trasport, għall-enerġija u għall-komunikazzjonijiet broadband , li ġew identifikati taħt l-Inizjattiva Ewropea għat-Tkabbir, għandha titqies bħala prijorità. In-nuqqas ta’ progress infrastrutturali fil-pajjiżi wkoll jeħtieġ jingħata attenzjoni. Sistemi xierqa li jipprezzaw l-infrastruttura jistgħu jgħinu biex isir użu effiċjenti mill-infrastruttura u li jkun żviluppat bilanċ modali li jkun sostenibbli.

Linja ta’ gwida . Biex titwessa’ u titjieb l-infrastruttura Ewropea u li jitkomplew proġetti min-naħa għall-oħra tal-fruntiera ta’ prijorità miftiehma bil-ħsieb ewlieni li tinkiseb integrazzjoni akbar tas-swieq nazzjonali f’UE mkabbra. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw infrastrutturi xierqa għat-trasport, għall-enerġija u għall-ICT, l-aktar fit-taqsimiet min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, bħala kondizzjoni essenzjali sabiex jinkiseb ftuħ ta’ suċċess għall-kompetizzjoni ta’ l-industriji f’netwerk. Barra minn hekk, għandhom jintroduċu sistemi li jipprezzaw l-infrastruttura b’mod xieraq, bħala mezzi sabiex jassimilaw l-ispejjeż ta’ l-ambjent sabiex ikun assigurat l-użu effiċjenti ta’ l-infrastrutturi u l-iżvilupp ta’ bilanċ modali sostenibbli (Il-linja ta’ gwida integrata nru 11).

B.2 Il-konoxxenza u l-innovazzjoni għat-tkabbir

Il-konoxxenza akkumulata permezz ta’ investiment fl-R&D, fl-innovazzjoni u fl-edukazzjoni, hija l-mutur ewlieni għal tkabbir li jdum għal ħafna żmien. Il-politika mmirata biex iżżid l-investiment fil-konoxxenza u li ssaħħaħ il-kapaċità ta’ l-innovazzjoni ta’ l-ekonomija ta’ l-UE, hija fiċ-ċentru ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u għax-xogħol.

Li jiżdied u jitjieb l-investiment fl-R&D

L-R&D jaffettwa t-tkabbir ekonomiku permezz ta’ diversi oqsma: l-ewwelnett, dan jista’ jgħin fil-ħolqien ta’ swieq jew ta’ proċessi ta’ produzzjoni ġodda; it-tieni, dan jista’ jwassal għal titjib ta’ żjieda fi prodotti li jeżistu diġà u fi proċessi tal-produzzjoni; u t-tielet, dan iżid il-kapaċità ta’ pajjiż biex jassorbi teknoloġiji ġodda.

Bħalissa l-UE qed tonfoq madwar 2% tal-GDP fuq l-R&D (għalkemm hemm differenza li tvarja minn Stati Membri li jonfqu inqas minn 0.5% tal-GDP għal oħrajn li jonfqu iktar minn 4% tal-GDP), ftit aktar biss mil-livell ta’ meta kienet imnedija l-istrateġija ta’ Lisbona. Barra minn hekk, fl-UE madwar 55% biss tan-nefqa fuq ir-riċerka qed tkun iffinanzjata mill-industrija. Huwa meħtieġ progress aktar mgħaġġel biex tintlaħaq il-mira kollettiva ta’ l-UE biex jiżdied l-investiment fir-riċerka għal 3% tal-GDP; żewġ terzi ta’ l-investiment totali għandhom jiġu mis-settur privat. L-Istati Membri huma mistiedna li jirrapportaw dwar il-miri tan-nefqa tagħhom għall-R&D għall-2008 u l-2010 kif ukoll fuq il-miżuri biex dawn jinkisbu fil-programmi nazzjonali tagħhom ta’ Lisbona. L-isfida ewlenija hija li jitpoġġew f’posthom kondizzjonijiet, strumenti u inċentivi strutturali għall-kumpaniji biex dawn jinvestu fir-riċerka. In-nefqa pubblika għar-riċerka għandha ssir aktar effettiva u r-rabtiet bejn ir-riċerka pubblika, u s-settur privat għandhom jittejbu. Il-poli u n-netwerks ta’ l-ogħla mertu għandhom jissaħħu u għandu jsir użu aħjar mill-mekkaniżmi ta’ appoġġ pubbliku, inklużi miżuri fiskali biex jagħmlu tajjeb għall-R&D tal-privat. Huwa wkoll essenzjali li jiġi assigurat li l-kumpaniji jaħdmu f’ambjent kompetittiv bizzejjed ladarba l-kompetizzjoni tipprovdi inċentiv importanti għan-nefqa privata fuq l-innovazzjoni. Barra minn hekk, għandu jsir sforz iddeterminat biex jiżdied in-numru u l-kwalità tar-riċerkaturi attivi fl-Ewropa, l-aktar billi jitħajru aktar studenti għad-dixxiplini xjentifiċi, tekniċi u ta’ l-inġinerija, u billi jitkabbar il-valur ta’ żvilupp fil-karriera u tal-mobilità tar-riċerkaturi min-nazzjon għall-ieħor u minn qasam għall-ieħor.

Linja ta’ gwida . Biex jiżdied u jitjieb l-investiment fl-R&D , l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw iktar il-firxa ta’ miżuri sabiex jinħoloq l-R&D relatat man-negozju, permezz ta: kondizzjonijiet imtejba tal-qafas u jassiguraw li l-kumpaniji jaħdmu f’ambjent kompetittiv biżżejjed; nefqa pubblika miżjuda u aktar effettiva fuq l-R&D, jissaħħu ċentri ta’ eċċellenza; isir użu aħjar ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ, bħalma huma miżuri fiskali biex jagħmlu tajjeb għall-R&D tal-privat; jassiguraw provvista tajba ta’ riċerkaturi kkwalifikati billi jħajru aktar studenti għad-dixxiplini xjentifiċi, tekniċi u ta’ l-inġinerija u jkabbru l-valur ta’ żvilupp fil-karriera u tal-mobilità tar-riċerkaturi min-nazzjon għall-ieħor u minn settur għall-ieħor (Il-linja ta’ gwida integrata nru 12). Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Li jitwessa’ u jitjieb l-investiment fil-kapital uman” (nru 22).

Li titħaffef l-innovazzjoni, il-fehim ta’ l-informatika u l-użu sostenibbli tar-riżorsi

Id-dinamiżmu ta’ l-ekonomija Ewropea jiddependi ħafna fuq il-kapaċità ta’ l-innovazzjoni tagħha. Il-kondizzjonijiet strutturali ekonomiċi għall-innovazzjoni jeħtieġ ikunu f’posthom. Dan ifisser swieq finanzjarji u tal-prodotti li jkunu jaħdmu sew kif ukoll drittijiet tal-proprjetà intellettwali definiti b’mod ċar u li wieħed ikun jiflaħ għalihom. Ħafna drabi, l-innovazzjonijiet ikunu introdotti minn intrapriżi ġodda, li jista’ jkollhom diffikultajiet partikulari biex jiksbu l-finanzi. Miżuri li jinkoraġġixxu l-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi ta’ tiġdid, inkluż l-aċċess għall-finanzi, għandhom għalhekk isaħħu l-attività li tkun ta’ tiġdid. It-tixrid tat-teknoloġija jista’ jitkattar bl-iżvilupp ta’ oqsma u netwerks ta’ innovazzjoni kif ukoll bis-servizzi li jappoġġjaw l-innovazzjoni u li jkunu mmirati għall-SMEs. It-trasferiment ta’ konoxxenza permezz tal-mobilità tar-riċerkatur, ta’ l-Investiment Barrani Dirett (FDI) jew tat-teknoloġija importata huwa ta’ ġid l-aktar għal pajjiżi u reġjuni li għadhom lura.

L-UE ma setgħetx tgawdi l-frott kollu mill-produzzjoni miżjuda u mill-użu tat-Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT). Dan juri li l-investiment fl-ICT għadu mhux biżżejjed, jew inkella dan jista’ jkun ir-riżultat ta’ limitazzjonijiet istituzzjonali u ta’ sfidi fl-organizzazzjonijiet għall-adozzjoni ta’ l-ICT. It-tiġdid teknoloġiku jiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, fuq ambjent ekonomiku li jippermetti t-tkabbir. Il-fehim ta’ l-ICTs jiddependi l-aktar fuq organizzazzjoni li hi adattabbli għax-xogħol u swieq flessibbli.

Linja ta’ gwida. Biex titħaffef l-innovazzjoni u l-fehim ta’ l-ICT , l-Istati Membri għandhom jiffokaw fuq it-titjib fis-servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, b’mod partikolari tat-trasferiment tat-teknoloġija, il-ħolqien ta’ oqsma u netwerks ta’ tiġdid li jqarrbu lill-universitajiet u lill-intrapriżi, it-tmexxija ’l quddiem biex isir trasferiment tal-konoxxenza permezz ta’ l-FDI, li jkun hemm aċċess aħjar għall-finanzi, u drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jkunu definti b’mod ċar u li wieħed ikun jiflaħ għalihom. Dawn għandhom iħaffu l-fehim ta’ l-ICT u l-bidliet relatati fl-organizzazzjoni tax-xogħol fl-ekonomija (Il-linja ta’ gwida nru 13).

Is-suċċess għall-Unjoni li jkun idum għal ħafna żmien jiddependi wkoll fuq it-trattament ta’ sensiela ta’ sfidi ta’ riżorsi u sfidi ambjentali li, jekk jibqgħu mhux ivverifikati, dawn se jaġixxu bħala ostaklu fuq it-tkabbir tal-ġejjieni. F’dan il-kuntest, l-iżviluppi u l-prospetti reċenti fuq il-prezzijiet taż-żejt enfasizzaw kemm hija serja l-kwistjoni ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija. Aktar dewmien fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jista’ jgħolli l-ispejjeż ekonomiċi biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa. Dan jimplika, per eżempju, miżuri sabiex tiġi ffaċċjata l-problema tat-tibdil fil-klima, sabiex isir użu aktar razzjonali tar-riżorsi u sabiex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità. L-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq sabiex il-prezzijiet jkunu jirriflettu aħjar il-ħsara ambjentali u l-ispejjeż soċjali jilgħab rwol essenzjali f’dan il-kuntest. Li jkunu inkoraġġiti l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tajbin għall-ambjent u li l-akkwist pubbliku ikun aktar favorevoli għall-ambjent, jista’ jwassal biex ikun hemm titjib fir-rendiment ta’ l-innovazzjoni u jitkabbar il-valur tal-kontribuzzjoni għal żvilupp sostenibbli tas-setturi kkonċernati. Per eżempju, il-kumpaniji ta’ l-UE huma fost il-mexxejja tad-dinja fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda ta’ enerġija li tiġġedded. B’mod partikulari, f’kuntest ta’ prezzijiet ta’ enerġija fejn hemm pressjoni kontinwa ’l fuq u theddid għall-klima li qed jinġema’, huwa importanti li t-titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija jingħata spinta ’l quddiem bħala kontribuzzjoni kemm għall-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għall-kompetittività.

Linja ta’ gwida . Biex ikun inkoraġġit l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jkunu msaħħa s-sinerġiji bejn il-protezzjoni ta’ l-ambjent u t-tkabbir , l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-assimilazzjoni ta’ spejjeż esterni ta’ l-ambjent; lill-effiċjenza li tiżdied ta’ l-enerġija u lill-iżvilupp u lill-applikazzjoni ta’ teknoloġiji tajbin għall-ambjent. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet għandha tkun skond l-impenni Ewropej li jeżistu u flimkien ma’ l-azzjonijiet u l-istrumenti proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni għat-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP), permezz ta’ l-użu ta’ strumenti bbażati fis-suq, fondi għar-riskji u fondi għall-R&D, l-akkwist pubbliku favur l-ambjent u t-tneħħija ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent flimkien ma’ strumenti oħrajn tal-politika (Il-linja ta’ gwida integrata nru 14).

Biex tkun żviluppata bażi industrijali fl-Ewropa li tkun b’saħħitha

Parti mit-tnaqqis reċenti fit-tkabbir tal-produttività ta’ l-UE huwa relatat mad-diffikultà ta’ l-UE biex din torjenta mill-ġdid l-ekonomija tagħha lejn setturi tat-tkabbir li jkunu aktar ġodda u li jkunu ta’ produttività ogħla. Biex jissaħħu u jkunu appoġġjati t-tmexxija ekonomika u dik teknoloġika, l-Ewropa għandha żżid il-kapaċità tagħha u tpoġġi fuq is-suq teknoloġiji ġodda. Is-sinerġiji li jitnisslu jekk ir-riċerka, l-isfidi regolatorji u l-finanzi jiġu indirizzati b’mod konġunt fuq livell Ewropew, fejn minħabba raġunijiet ta’ skala jew ta’ skop Stati Membri individwali ma jistgħux jindirizzaw tajjeb in-nuqqasijiet tas-suq waħedhom, mhux dejjem ġew sfruttati b’mod sħiħ; programmi bħal Galileo jew programmi fl-industrija ta’ l-aeronawtika huma biss eċċezzjonijiet. Minħabba f’hekk, l-UE ma setgħetx twettaq b’mod sħiħ il-potenzjal teknoloġiku tagħha. L-ippûljar ta’ l-eċċellenza Ewropea u l-iżvilupp tas-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat, fejn il-benefiċċji għas-soċjetà huma ikbar minn dawk għas-settur privat, għandhom jgħinu biex ikattru dan il-potenzjal.

Linja ta’ gwida . Biex jikkontribwixxu għal bażi industrijali b’saħħitha fl-Ewropa, l- Istati Membri għandhom jiffokaw fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u swieq ġodda. Dan jimplika, b’mod partikulari, impenn fit-twaqqif u fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi konġunti Ewropej ta’ teknoloġija u sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat li jgħinu biex ikunu trattati n-nuqqasijet ġenwini tas-suq, kif ukoll il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ gruppi reġjonali jew lokali (Il-linja gwida integrata nru 15).

Parti 2 Il-Linji ta’ Gwida tax-Xogħol (2005-2008)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-linji ta’ gwida għall-politika tax-xogħol ta’ l-Istati Membri

(taħt l-Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE)

2005/0057 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

fuq il-linji ta’ gwida għall-politika tax-xogħol ta’ l-Istati Membri

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u l-aktar l-Artikolu 128(2) ta’ dan,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [9],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew[10],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[11],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[12],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi,

Billi:

(1) L-Artikolu 2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea jqiegħed quddiem l-Unjoni l-għan li tagħti spinta lill-progress ekonomiku u soċjali u lil livell għoli ta’ xogħol. L-Artikolu 125 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea jgħid li l-Istati Membri u l-Komunità għandhom jaħdmu sabiex tiġi żviluppata strateġija koordinata għax-xogħol u b’mod partikulari sabiex jingħata inkoraġġiment lin-nies li jistgħu jaħdmu mgħammra b’ħiliet, li huma mħarrġa u li jadattaw irwieħhom u s-swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għall-bidla ekonomika.

(2) Il-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona fl-2000 nieda strateġija mmirata lejn tkabbir sostenibbli fl-ekonomija b’aktar u aħjar impjiegi u b’akbar koeżjoni soċjali, b’miri għal tul ta’ żmien ta’ xogħol, imma ħames snin wara r-riżultati mhumiex daqstant ċari.

(3) Il-preżentazzjoni ta’ pakkett integrat tal-Linji ta’ Gwida għax-Xogħol u l-Linji ta’ Gwida Wesgħin għall-Politika Ekonomika tikkontribwixxi biex terġa’ tiffoka l-istrateġija ta’ Lisbona fuq it-tkabbir u x-xogħol. L-Istrateġija għax-Xogħol Ewropea għandha rwol fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet tax-xogħol ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona.

(4) Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2005, l-għanijiet ta’ xogħol għal kulħadd, il-kwalità ta’ l-impjiegi, il-produttività tal-ħaddiema u l-koeżjoni soċjali għandhom ikunu riflessi fi prijoritajiet ċari: sabiex jiġu mħajra u jinżammu aktar nies jaħdmu u jiġu mmodernizzati s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali; tittejjeb l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi u l-flessibilità tas-swieq tax-xogħol; u biex jittejjeb l-investiment fil-kapital uman permez ta’ l-edukazzjoni u ta’ ħiliet aħjar.

(5) Il-Linji ta’ Gwida għax-Xogħol għandhom ikunu riveduti kollha kull tliet snin, filwaqt li fis-snin intermedji, sa l-2008, l-aġġornament tagħhom għandu jkun limitat b’mod strett.

(6) Ir-rakkomandazzjonijiet tax-xogħol adottati mill-Kunsill fl-14 ta’ Ottubru 2004[13] se jibqgħu validi bħala referenza ta’ sfond.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji ta’ gwida għall-politika ta’ l-Istati Membri dwar ix-xogħol, kif stabbiliti fl-Anness, qed jiġu hawnhekk adottati.

Artikolu 2

L-aspetti kollha tal-linji ta’ gwida għandhom jiġu trattati fil-politika dwar ix-xogħol ta’ l-Istati Membri u għandhom jiġu rrappurtati fil-Programmi Nazzjonali ta’ Lisbona mressqa ta’ kull sena.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

1 Li tiġbed u żżomm aktar persuni fid-dinja tax-xogħol u li jkunu mmodernizzati s-sistemi tal-ħarsien soċjali

Biex jinkiseb xogħol għal kulħadd, u biex jitnaqqas il-qgħad u n-nuqqas ta’ ħidma, huwa importanti li tiżdied id-domanda għax-xogħol u l-provvista tiegħu. Dan imur flimkien mal-ħtieġa li l-impjiegi għandhom isiru aktar attraenti, li għandha titjieb il-kwalità fuq il-post tax-xogħol u għandha titkabbar il-produttività tax-xogħol, u li għandu jitnaqqas is-sehem ta’ xogħol fqir. Is-sinerġiji bejn il-kwalità fuq ix-xogħol, il-produttività u t-tħaddim għandhom ikunu esplojtjati b’mod sħiħ. Hemm il-ħtieġa għal azzjoni determinata biex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali, tkun evitata l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u tkun appoġġjata l-integrazzjoni fix-xogħol ta’ nies li huma bi żvantaġġ, kif ukoll biex jintaqqsu d-differenzi reġjonali f’termini ta’ xogħol, qgħad u produttività tax-xogħol, speċjalment fir-reġjuni li għadhom lura. Għad irid isir progress kbir f’dawk li huma l-opportunitajiet indaqs, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll fl-għażla skond is-sess.

Linja ta’ gwida. Biex tkun implimentata politika dwar l-impjiegi li tkun immirata ħalli jinkiseb xogħol għal kulħadd, li ttejjeb il-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, u li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali . Il-politika għandha tikkontribwixxi biex fl-Unjoni Ewropea (UE) tintlaħaq rata medja ta’ xogħol ta’ 70% b’mod ġenerali, ta’ mill-inqas 60% għan-nisa u ta’ 50% għal ħaddiema aktar anzjani (55 sa 64 sena) u biex jitnaqqsu l-qgħad u n-nuqqas ta’ attività. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miri ta’ rata ta’ xogħol nazzjonali għall-2008 sal-2010 (Il-linja ta’ gwida nru 16).

Li jiżdiedu l-livelli ta’ impjiegi huwa l-aktar mezz effettiv biex ikun iġġenerat it-tkabbir ekonomiku u biex jitmexxew ’il quddiem ekonomiji soċjalment inklussivi, waqt li tkun assigurata xibka ta’ sigurtà għal dawk li ma jkunux jistgħu jaħdmu. Li jitmexxa ’l quddiem metodu ġdid ta’ ċiklu tal-ħajja għax-xogħol u għall-immodernizzar fis-sistemi tal-ħarsien soċjali ħalli tkun assigurata s-suffiċjenza, is-sostenibbiltà finanzjarja u s-sensibilità ta’ dawn għall-ħtiġiet ta’ bidla fis-soċjetà, qed isir ferm aktar meħtieġ minħabba n-nuqqas mistenni fil-popolazzjoni ta’ nies li jaħdmu. Hemm bżonn ta’ attenzjoni speċjali biex ikunu ttrattati s-separazzjonijiet li jeżistu fid-dinja tax-xogħol bejn in-nisa u l-irġiel, u r-rati baxxi ta’ impjiegi ta’ ħaddiema aktar anzjani kif ukoll ta’ żgħażagħ bħala parti minn metodu bejn il-ġenerazzjonijiet ġdid. Tinħtieġ ukoll azzjoni sabiex tittratta l-qgħad fost iż-żgħażagħ li f’medja huwa d-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad. Il-kondizzjonijiet tajbin għandhom jitpoġġew f’posthom biex b’hekk jitħaffef il-progress fix-xogħol, kemm jekk dan ikun l-ewwel opportunità, jew jekk ikun hemm mixja lura lejn id-dinja tax-xogħol wara waqfa jew jekk ikun hemm ix-xewqa li titwal il-ħajja tal-ħaddiema fid-dinja tax-xogħol. Il-kwalità ta’ l-impjiegi, inklużi l-paga u l-benefiċċji, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà tax-xogħol, l-aċċess għal tagħlim matul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, huma ferm importanti, kif huma wkoll l-appoġġ u l-inċentivi li jkunu ġejjin minn sistemi ta’ ħarsien soċjali. L-implimentazzjoni tal-Patt taż-Żgħażagħ Ewropej (European Youth Pact) għandha tkun kontribuzzjoni għal metodu għax-xogħol ta’ ċiklu ta’ ħajja.

Linja ta’ gwida. Biex jitmexxa ’l quddiem metodu għax-xogħol ta’ ċiklu ta’ ħajja permezz ta’: sforz imġedded biex ikunu żviluppati opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ u jitnaqqas il-qgħad fosthom; azzjoni ddeterminata biex titneħħa d-differenza bejn is-sessi fejn huma kkonċernati x-xogħol, il-qgħad u l-pagi; rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja fuq il-post tax-xogħol u dik privata, inklużi l-faċilitajiet aċċessibbli provduti u li wieħed ikun jiflaħ għalihom ta’ kura tat-tfal u ta’ kura għal dipendenti oħrajn; sistemi moderni ta’ pensjoni u ta’ kura tas-saħħa, li jkunu jassiguraw is-suffiċjenza, is-sostenibbiltà finanzjarja u s-sensibilità tagħhom għall-ħtiġiet tal-bidla, biex tkun appoġġjata l-parteċipazzjoni u ħajja itwal fid-dinja tax-xogħol, inklużi inċentivi xierqa għax-xogħol u li jippruvaw iwaqqfu irtirar kmieni; appoġġ għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jkunu jwasslu għal tixjiħ attiv (Il-linja ta’ gwida integrata nru 17). Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex tkun issalvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika” (nru 2).

Li jitħaffef l-aċċess għax-xogħol għal dawk li jkunu qed ifittxu impjieg, li jkun evitat il-qgħad u li jkun assigurat li dawk li jkun ġew qiegħda jibqgħu viċin kemm jista’ jkun is-suq tax-xogħol u li tiżdied il-possibbiltà tat-tħaddim tagħhom huma kollha importanti biex tiżdied il-parteċipazzjoni u tkun miġġielda l-esklużjoni soċjali. Dan jitlob li jitneħħew l-ostakli għas-suq tax-xogħol billi tiġi żviluppata għajnuna għal tfittxija għall-impjiegi effettiva, billi jitħaffef l-aċċess għat-taħriġ u miżuri attivi oħra tas-suq tax-xogħol u billi jkun assigurat li x-xogħol ikun qed jirrendi ħlas xieraq, kif ukoll billi jitneħħew il-qgħad, il-faqar u n-nases tan-nuqqas ta’ attività. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni speċjali biex titmexxa ’l quddiem l-inklużjoni ta’ persuni li huma żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol, inkluż bl-espansjoni ta’ servizzi soċjali u ta’ ekonomija soċjali. Il-vojt tal-qgħad għal nies li huma żvantaġġjati, kif ukoll bejn iċ-ċittadini ta’ l-UE u dawk li mhumiex, għadu għoli wisq u għandu jitnaqqas sostanzjalment, skond kwalunkwe mira nazzjonali . Li tkun miġġielda d-diskriminazzjoni, li jitmexxa ’l quddiem l-aċċess għax-xogħol għal persuni b’diżabilità, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ nies li jħallu post biex imorru jgħixu post ieħor u ta’ minoranzi huma importanti ħafna.

Linja ta’ gwida. Li jkunu assigurati swieq tax-xogħol inklussivi għal dawk li jkunu qed ifittxu impjieg u għal persuni bi żvantaġġ permezz ta’: miżuri attivi u preventivi fis-suq tax-xogħol, inklużi l-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġiet, l-għajnuna għal tiftix ta’ impjiegi, it-tmexxija u t-taħriġ bħala parti minn pjanijiet ta’ azzjoni personalizzati, is-servizzi soċjali meħtieġa provduti biex jappoġġjaw l-inklużjoni ta’ persuni bi żvantaġġ fis-suq tax-xogħol u miżuri li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali u biex jinqered il-faqar; u r-reviżjoni kontinwa tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji, inklużi t-tmexxija u l-kondizzjonalità tal-benefiċċji u t-tnaqqis ta’ rati tat-taxxa effettivi u marġinali li jkunu għoljin, bil-ħsieb li x-xogħol jitħallas kif xieraq u li jkunu assigurati livelli adegwati ta’ ħarsien soċjali (Il-linja ta’ gwida integrata nru 18).

Biex aktar nies ikunu jistgħu jfittxu impjieg aħjar, huwa meħtieġ ukoll li tissaħħaħ l-infrastruttura tas-suq tax-xogħol fuq livell nazzjonali u ta’ l-UE, inkluż permezz tan-netwerk EURES, biex ikun antiċipat aħjar u jissewwa kwalunkwe tlaqqigħ ħażin possibbli. F’dan il-kuntest, il-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-UE hija essenzjali u trid tkun assigurata b’mod sħiħ. Għandha tingħata wkoll attenzjoni sħiħa għall-provvista żejda ta’ xogħol minħabba l-immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Linja ta’ gwida. Biex jitjieb it-tlaqqigħ tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol permezz ta’: modernizzazzjoni u tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-aktar tas-servizzi tax-xogħol; trasparenza ikbar ta’ xogħol u opportunitajiet ta’ taħriġ fuq livell nazzjonali u dak Ewropew sabiex titħaffef il-mobilità madwar l-Ewropa; antiċipazzjoni aħjar ta’ liema ħiliet huma meħtieġa, tan-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol u tan-nuqqas ta’ progress; tmexxija xierqa taċ-ċaqliq ekonomiku minn post għall-ieħor (Il-linja ta’ gwida integrata nru 19).

2 LI TITJIEB L-ADATTABILITÀ TAL-ħADDIEMA U TA’ L-INTRAPRIżI U TAL-FLESSIBILITÀ TAS-SWIEQ TAX-XOGħOL

L-Ewropa teħtieġ li ttejjeb il-kapaċità tagħha biex tantiċipa, tmexxi ’l quddiem u tassorbi l-bidla ekonomika u soċjali. Dan jeħtieġ spejjeż tax-xogħol li jwasslu għal aktar impjiegi, forom moderni ta’ organizzazzjoni ta’ xogħol, u swieq tax-xogħol li jaħdmu tajjeb u li jkunu jippermettu aktar flessibilità magħquda mas-sigurtà tax-xogħol biex jintlaħqu l-ħtiġiet tal-kumpaniji u tal-ħaddiema. Dan għandu jwassal ukoll biex tkun evitata l-preżenza ta’ swieq tax-xogħol segmentati u biex jitnaqqas xogħol mhux dikjarat.

Fid-dinja tal-lum li kulma jmur qed issir dejjem aktar ekonomija dinjija bi ftuħ fis-suq u bl-introduzzjoni kontinwa ta’ teknoloġiji ġodda, kemm l-intrapriżi kif ukoll il-ħaddiema huma kkonfrontati bil-ħtieġa, anzi bl-opportunità, li jadattaw. Waqt li dan il-proċess ta’ tibdiliet strutturali huwa ta’ benefiċċju b’mod ġenerali għat-tkabbir u għax-xogħol, iġib ukoll bidliet li jfixklu lil uħud mill-ħaddiema u mill-intrapriżi. L-intrapriżi għandhom isiru aktar flessibbli biex iwieġbu għal bidliet f’daqqa fid-domanda għall-oġġetti u għas-servizzi tagħhom, jadattaw għal teknoloġiji ġodda u jkunu f’pożizzjoni li jiġġeddu l-ħin kollu ħalli jibqgħu kompetittivi. Dawn iridu jwieġbu wkoll għad-domanda dejjem tikber għal kwalità ta’ xogħol li hija relatata mal-preferenzi personali tal-ħaddiema u mal-bidliet fil-familja, u dawn iridu jilqgħu għal forza ta’ xogħol li qed tixjieħ u li fiha qed jidħlu inqas żgħażagħ. Għall-ħaddiema, il-ħajja tax-xogħol qed issir aktar kumplessa hekk kif il-mudelli tax-xogħol qed isiru aktar varjati u irregolari, u waqt li numru dejjem jiżdied ta’ transizzjonijiet jeħtieġ li jitmexxew b’suċċess tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu. B’ekonomiji li qed jinbidlu f’daqqa u b’ristrutturar li jservi, dawn għandhom jilqgħu għal metodi ġodda ta’ xogħol, fosthom l-użu aħjar ta’ Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) u għal bidliet fl-istat tagħhom tax-xogħol, waqt li jkunu mħejjija aktar għal tagħlim għal tul il-ħajja. Il-mobilità ġeografika wkoll hija meħtieġa biex ikun hemm aċċess aktar wiesa’ ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi u fl-UE kollha.

Linja ta’ gwida. Li titmexxa ’l quddiem il-flessibilità magħquda mas-sigurtà tax-xogħol u li titnaqqas is-segementazzjoni tas-suq tax-xogħol permezz ta’: l-adattabilità tal-liġi tax-xogħol, fejn jiġi rivedut fejn meħtieġ il-livell ta’ flessibilità provdut f’kuntratti permenanti u oħrajn li mhumiex; antiċipazzjoni aħjar u tmexxija pożittiva tat-tibdil, fosthom ristrutturar ekonomiku, l-aktar tibdiliet marbuta ma’ ftuħ fin-negozju, biex jitnaqqsu l-ispejjeż soċjali tagħhom u jħaffu l-adattament; appoġġ għat-transizzjonijiet fl-istat tax-xogħol, inkluż taħriġ, impjieg indipendenti, ħolqien ta’ negozju u mobilità ġeografika; il-promozzjoni u t-tixrid ta’ forom ġodda u adattabbli ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, inklużi saħħa u sigurtà aħjar u diversità ta’ arranġamenti kuntrattwali u ta’ ħinijiet tax-xogħol bil-ħsieb li jitjiebu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol; adattament għal teknoloġiji ġodda fil-post tax-xogħol, azzjoni determinata biex xogħol mhux iddikjarat jinbidel f’xogħol regolari (Il-linja ta’ gwida integrata nru 20). Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex titmexxa ’l quddiem koerenza ikbar bejn il-politika makro-ekonomika u dik strutturali” (nru 4).

Biex il-ħolqien ta’ l-impjiegi jilħaq l-ogħla livell tiegħu, biex tinżamm il-kompetittività u biex ikun appoġġjat il-qafas ekonomiku ġenerali, l-iżviluppi ġenerali tal-paga għandhom ikunu skond it-tkabbir fil-produttività fiċ-ċiklu ekonomiku u għandhom jirriflettu s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol. Sforzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol bla paga u biex ikunu riveduti d-diviżjonijiet fit-taxxa wkoll huma meħtieġa biex jitħaffef il-ħolqien ta’ l-impjiegi, speċjalment fejn hu kkonċernat ix-xogħol b’paga baxxa.

Linja ta’ gwida. Biex ikunu assigurati paga li tkun favorevoli għax-xogħol u żviluppi oħrajn ta’ spejjeż tax-xogħol billi jiġi inkoraġġit il-qafas it-tajjeb għal sistemi ta’ negozjati ta’ pagi, filwaqt li jiġi rrispettat b’mod sħiħ ir-rwol ta’ l-imsieħba soċjali, li jkunu jirriflettu d-differenzi fil-produttività u x-xejriet tas-suq tax-xogħol fuq livell settorjali u reġjonali; u s-sorveljanza u, fejn ikun xieraq, ir-reviżjoni ta’ l-istruttura u tal-livell ta’ l-ispejjeż tax-xogħol bla paga u l-impatt ta’ dawn fuq ix-xogħol, l-aktar għal dawk li jaqilgħu paga baxxa u għal dawk li deħlin għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol (Il-linja ta’ gwida integrata nru 21). Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex ikun assigurat li l-iżviluppi tal-paga jikkontribwixxu għall-istabbiltà makro-ekonomika u għat-tkabbir u li tiżdied l-adattabilità” (nru 5).

3 LI JIżDIED L-INVESTIMENT FIL-KAPITAL UMAN PERMEZZ TA’ L-EDUKAZZJONI U L-ħILIET

L-Ewropa teħtieġ li tinvesti iżjed fil-kapital uman. Ħafna nies mhux qed jirnexxilhom jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ ħiliet, jew minħabba nuqqas ta’ tlaqqigħ fil-ħiliet. Biex jissaħħaħ l-aċċess għax-xogħol għall-etajiet kollha, biex jogħlew il-livelli fil-produttività u fil-kwalità tax-xogħol, l-UE teħtieġ investiment ogħla u aktar effettiv fil-kapital uman u fit-tagħlim ta’ tul il-ħajja għall-ġid ta’ l-individwi, ta’ l-intrapriżi, ta’ l-ekonomija kif ukoll tas-soċjetà. L-Istati Membri huma marbuta li jistabbilixxu strateġiji komprensivi ta’ tagħlim għal tul il-ħajja sa l-2006.

Ekonomiji bbażati fuq il-konoxxenza u fuq is-servizzi jeħtieġu ħiliet differenti mill-industriji tradizzjonali; ħiliet li jeħtieġu aġġornament kostanti meta wieħed iqis il-bidla teknoloġika u l-innovazzjoni. Il-ħaddiema, jekk dawn se jibqgħu u se jimxu ’l quddiem fix-xogħol tagħhom, iridu jakkumulaw u jġeddu l-ħiliet tagħhom regolarment. Il-produttività ta’ l-intrapriżi tiddependi fuq il-bini u ż-żamma ta’ forza tax-xogħol li tista’ tadatta għall-bidla. Il-gvernijiet iridu jassiguraw li l-livelli ta’ l-akkwist edukattiv jitjiebu u li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-kompetenzi ewlenin meħtieġa skond il-Patt taż-Żgħażagħ Ewropej (European Youth Pact) . Il-partijiet interessati kollha għandhom ikunu mobilizzati biex jiżviluppaw u jkattru kultura reali ta’ tagħlim għal tul il-ħajja sa mill-iċken etajiet. Biex tinkiseb żjieda sostanzjali fl-investiment pubbliku u privat fir-riżorsi umani per capita , huwa importanti li s-sehem ta’ l-ispejjeż ikun ġust u trasparenti u li jkunu assigurati wkoll ir-responsabbiltajiet bejn dawk kollha involuti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu aħjar mill-Fondi Strutturali u mill-Bank ta’ l-Investiment Ewropew biex jinvestu fl-edukazzjoni u fit-taħriġ.

Linja ta’ gwida. Li jitwessa’ u jitjieb l-investiment fil-kapital uman permezz ta’: it-twaqqif ta’ strateġiji effiċjenti għal tagħlim tul il-ħajja, skond l-impenni Ewropej, fosthom inċentivi u mekkaniżmi xierqa ta’ kif jinqasmu l-ispejjeż għall-intrapriżi, għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-individwi, b’mod partikulari biex jitnaqqas b’mod sostanzjali n-numru ta’ studenti li jħallu l-iskola kmieni; aċċess ikbar għat-taħriġ vokazzjonali tal-bidu, u għall-edukazzjoni sekondarja u ogħla, inklużi apprendistati u taħriġ intraprenditorjali; u parteċipazzjoni msaħħa fit-taħriġ kontinwu u fuq il-post tax-xogħol tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, l-aktar fejn jidħlu l-ħaddiema b’ħiliet baxxi u dawk anzjani; li tkun assigurata l-effiċjenza ta’ l-investimenti fil-kapital uman (Il-linja ta’ gwida integrata nru 22). Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex jiżdied u jitjieb l-investiment fl-R&D” (nru 12).

Li jitwaqqfu għanijiet ambizzjużi u li jiżdied il-livell ta’ l-investiment minn dawk kollha involuti mhuwiex biżżejjed. Biex ikun assigurat li fil-prattika l-provvista tkun qed tilħaq id-domanda, is-sistemi ta’ tagħlim għal tul il-ħajja għandhom jistgħu jiġu akkwistati għaliex hemm il-mezzi, aċċessibbli u sensibbli għall-ħtiġiet li qed jinbidlu. L-adattament u l-bini tal-kapaċità ta’ l-edukazzjoni u tas-sistemi ta’ taħriġ huma meħtieġa biex itejbu r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, is-sensibilità tagħhom għall-ħtiġiet ta’ l-ekonomija bbażata fuq il-konoxxenza u s-soċjetà, kif ukoll l-effiċjenza tagħhom. L-ICT jistgħu jintużaw sabiex itejbu l-aċċess għat-tagħlim u jfassluh aħjar skond il-ħtiġiet ta’ min jimpjega u l-impjegati. Mobilità akbar kemm għall-finijiet tax-xogħol kif ukoll għal dawk tat-tagħlim hija wkoll meħtieġa biex ikun hemm aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol aktar wiesa’ madwar l-UE kollha. L-ostakli li fadal għall-mobilità fi ħdan is-suq tax-xogħol Ewropew għandhom jitneħħew, b’mod partikulari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-għarfien u t-trasparenza ta’ kwalifiki u kompetenzi. Ikun importanti ħafna li jsir użu mill-istrumenti u r-referenzi Ewropej miftiehma ħalli jkunu appoġġjati r-riformi fis-sistemi nazzjonali ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Linja ta’ gwida: Li s-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu adattati bi tweġiba għal kriterji ġodda ta’ kompetenza permezz ta’: identifikazzjoni aħjar ta’ ħtiġiet tax-xogħol u kompetenzi essenzjali, u li jaħsbu bil-quddiem għall-kriterji tal-ħiliet tal-ġejjieni; li titwessa’ l-provvista ta’ l-għodod edukattivi u tat-taħriġ; li jiġu żviluppati oqfsa biex jappoġġjaw it-trasparenza tal-kwalifiki, l-għarfien effettiv tagħhom u t-tisħiħ tat-tagħlim mhux formali u informali; li jkunu assigurati l-ġibda, il-ftuħ u l-istandards għoljin ta’ kwalità fis-sistemi edukattivi u tat-taħriġ (Il-linja ta’ gwida integrata nru 23).

*

* *

Waqt li jieħdu azzjoni, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni speċjali biex jassiguraw li l-politika tax-xogħol titmexxa sew. Iridu jistabbilixxu sħubija wiesa’ għat-tibdil billi jinvolvu lill-entitatjiet parlamentari u lil dawk interessati, inklużi dawk fil-livelli reġjonali u lokali. L-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali għandhom jilagħbu rwol ċentrali. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-impenni u l-miri skond il-Linji ta’ Gwida u r-Rakkomandazzjonijiet ta’ l-UE. Tmexxija tajba teħtieġ ukoll trasparenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi amministrattivi u finanzjarji. Fi ftehim mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jimmiraw lejn ir-riżorsi tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, fuq l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol u jjirrapportaw dwar l-azzjoni li tittieħed. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi fl-Istati Membri.

Fl-implimentazzjoni, tal-linji ta’ gwida tal-politika stabbiliti hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jinnotaw li r-rakkomandazzjonijiet nazzjonali, l-indikaturi ta’ progress u l-miri stabbili fil-Linji ta’ Gwida għax-Xogħol ta’ l-2003 u r-Rakkomandazzjonijiet ta’ l-2004 jibqgħu validi bħala referenzi fl-isfond.

[1] Ir-rapport anness mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2005, (http://ue.eu.int/cms3_fo/showPage.asp?lang=en&id=432&mode=g&name=)

[2] COM(2005)24 ta’ 2.2.2005, « Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi. Bidu ġdid għall-istrateġija ta’ Lisbona ».

[3] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2005, (http://ue.eu.int/cms3_fo/showPage.asp?lang=en&id=432&mode=g&name=).

[4] Fil-komunikazzjoni l-oħra dwar il-programmi nazzjonali ta’ riforma, il-Kummissjoni se tippreżenta l-opinjonijiet tagħha fuq il-kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni tar-rapporti li jsegwu metodi miftuħa ta’ koordinazzjoni u tal-pjanijiet strateġiċi dwar il-fondi strutturali.

[5] COM(2005)24 ta’ 2.2.2005, «Naħdmu flimkien għat-tkabbir u għax-xogħol. Sforz ġdid għall-istrateġija ta’ Lisbona».

[6] SEC(2005)192 ta’ 3.2.2005, dokument ta’ appoġġ għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew.

[7] L-Aġenda Soċjali (COM(2005)33) tkopri dawn l-elementi b’dettal akbar.

[8] Biex jimplimentaw il-linji ta’ gwida tal-politika stabbiliti hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jinnotaw li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż partikulari, maħruġa fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 fuq il-linji ta’ gwida wesgħin tal-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità għall-perijodu 2003-2005, kif mitmuma u aġġornati fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2004 fuq l-aġġornament ta’ l-2004 ta’ dawn il-linji ta’ gwida, jibqgħu validi bħala referenzi fl-isfond.

[9] ĠU C …, …, p. .

[10] ĠU C …, …, p. .

[11] ĠU C …, …, p. .

[12] ĠU C …, …, p. .

[13] ĠU L326 ta’ 19.10.2004.