Miri strateġiċi 2005 - 2009 - Ewropa 2010: Sħubija għat-Tiġdid Ewropew Prosperità, Solidarjetà u Sigurtà - Komunikazzjoni mill-President bi ftehim mal-Viċi-President Wallström /* KUMM/2005/0012 finali */
Brussel, 26.1.2005 COM(2005) 12 finali MIRI STRATEĠIĊI 2005 - 2009 Ewropa 2010: Sħubija għat-Tiġdid Ewropew Prosperità, Solidarjetà u Sigurtà Komunikazzjoni mill-President bi ftehim mal-Viċi-President Wallström EWROPA 2010: SĦUBIJA GĦAT-TIĠDID EWROPEW Tul l-aħħar ftit snin, l-Unjoni Ewropea għamlet passi kbar ’il quddiem: - l-akbar tkabbir fl-istorja, li għaqqad ħafna mill-kontinent tagħna f'Ewropa ta' libertà - l-introduzzjoni ta’ l-Euro, li kkonsolida żona ta’ stabbiltà finanzjarja - l-iffirmar tal-Kostituzzjoni, l-immodernizzar tar-regoli ta’ Ewropa mkabbra bbażata biss fuq il-leġittimità doppja ta' l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha - il-progress lejn żona komuni ta’ Sigurtà u Ġustizzja madwar l-Ewropa - il-bini ta’ l-ewwel stadji ta’ Politika Ewropea ta' Difiża Politikament, l-Ewropa ħawdet lill-kritiċi tagħha u wriet kapaċità li timxi ’il quddiem. It-twessiegħ ta’ l-isħubija tagħna kabbar il-potenzjal ta’ l-Unjoni u żied mar-rikkezza tad-diversità tagħhna: dan huwa sors ta’ saħħa, mhux dgħjufija għall-futur. B'mod aktar ġenerali, l-iżvilupp ta' l-Unjoni fi sferi differenti ta' azzjoni jfisser illi għaċ-ċittadini fl-Istati Membri tagħna kollha, deċiżjonijiet fil-livell Ewropew ser jiksbu firxa usa', għalkemm ftit wisq huma konxji mill-iskala ta’ dak li kisbet l-Ewropa jew kemm dan għandu impatt fuq ħajjithom. Fuq in-naħa l-oħra, sezzjonijiet sinjifikanti tal-pubbliku Ewropew mhumiex konvinti li l-Ewropa tinsab għaddejja fit-triq it-tajba. Fil-livell Ewropew nistgħu inkunu effettivi biss jekk inkunu lesti nirrikonoxxu dawn il-biżgħat. Għalkemm l-istampa tvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri, hemm sensazzjonijiet mifruxa ta’ indifferenza lejn l-idea Ewropea. Anqas minn wieħed minn kull żewġ ċittadini ivvutaw fl-aħħar elezzjonijiet Ewropew. Ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' fiduċja huma kumplessi u jinkludu tkabbir ekonomiku batut, sensazzjonijiet ta' nuqqas ta' sigurtà ekonomika u personali, biżgħa ta’ telf ta’ identità u sensazzjoni aktar ġenerali ta' “nuqqas ta’ konnessjoni” bejn dak li jiġri fi “Brussel” u fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Hemm ħtieġa urġenti li nuru b’mod aktar ċar il-valur ta’ xi ġġib l-Unjoni u l-leġittimità tad-deċiżjonijiet tagħha. L-Ewropa għalhekk tinsab f’salib it-toroq. L-Unjoni għandha twassal lill-Ewropej sens ġdid li aħna nifhmu l-isfidi tal-futur u li għandna strateġiji kredibbli biex nindirizzawhom. L-Ewropa tista’ terġa' taqbad il-pass jekk it-tmexxija tfassal viżjoni ċara u soda tad-direzzjoni li l-Unjoni ser tieħu fit-tieni nofs tad-deċennju, u turi li għandha l-politiki u l-impenji biex tiġi sodisfatta din il-viżjoni. Il-prijorità għandha tkun li l-proġetti l-kbar li jinbdew jiġu mitmuma b'suċċess. Il-missjoni ta’ l-istituzzjonijiet għandha tkun li jieħdu l-Ewropa tal-lum u jagħmluha taħdem. X’għandhom ikunu l-miri għall-ħames snin li ġejjin? - Li l-Ewropa terġa’ titpoġġa fit-triq tal-prosperità fit-tul. L-Aġenda rinvigorata u ffukata mill-ġdid ta’ Lisbona ser tpoġġi l-Ewropa lura fuq dik it-triq, bil-mira ta' impjiegi ġodda u aħjar tintlaħaq permezz ta' rata ogħla ta’ tkabbir. Iż-żewġ pedamenti ta’ Ewropa aktar kompetittiva u dinamika huma r-riformi ekonomiċi u soċjali u ekonomija li trendi bbażata fuq il-konoxxenza. Aħna ser nikkontribwixxu għall-ekonomija bbażata fuq il-konoxxenza permezz tat-twaqqif ta’ żona Ewropea ta’ edukazzjoni u taż-żona Ewropea tar-riċerka. Ambjent makro-ekonomiku b’saħħtu u munita stabbli ser jergħu jsaħħu l-kundizzjonijiet ta' tkabbir u ser jagħmilha finanzjarjament sostenibbli fit-terminu medju u fit-tul. - Li inżommu u nsaħħu l-impenn ta’ l-Ewropa lejn is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali sabiex insaħħu l-koeżjoni ta’ Unjoni mkabbra hekk kif iżid il-pass id-dinamiżmu ekonomiku. Li nnaqqsu f'termini reali d-diżugwaljanzi ekonomiċi. Li nippermettu sabiex l-aktar reġjuni foqra jibdew ilaħħqu. Li niftħu opportunitajiet ekonomiċi ġodda fil-partijiet kollha ta’ l-Unjoni fejn, taħt pressjoni mill-forzi inevitabbli tal-globalizzazzjoni u kompetizzjoni aktar intensa, l-impjiegi qegħdin dejjem taħt theddida. Li nkunu għamilna avvanzi ulterjuri fil-promozzjoni tad-drittijiet indaqs. L-Unjoni ser tikkontribwixxi lejn is-solidarjetà fost il-ġenerazzjonijiet billi tissodisfa l-obbligi internazzjonali biex tikkumbatti l-bidla fil-klima, tnaqqis fit-tinġis u s-salvagwardja tal-provvista futura ta’ l-enerġija. - Li nġibu benefiċċji prattiċi tanġibbli għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej permezz ta’ miżuri ġodda biex isaħħu s-sigurtà tagħhom li tista’ tinkiseb biss billi naġixxu flimlien fil-livell Ewropew sabiex nimmaniġġjaw aħjar u nnaqqsu r-riskji fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Għall-Unjoni biex tikseb dimensjoni ġdida, li tieħu azzjoni b’saħħitha kontra l-ħażen tat-terroriżmu, drogi, traffikar tan-nies u kriminalità organizzata. Li tippermetti liċ-ċittadini sabiex igawdu aċċess sħiħ għall-ġustizzja u drittijiet fundamentali madwar l-Unjoni. - Li tagħti lill-Unjoni vuċi aktar b’saħħitha fid-dinja, bil-proposta ta’ Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ġdid, mgħejjun mis-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna, li jirrappreżenta l-politika barranija ta’ l-Unjoni esternament u billi jkun hemm aktar koerenza fl-azzjonijiet kollha tagħna. Biex nippreparaw attivament it-tkabbir futur u jressqu l-Balkani tal-Punent eqreb lejn is-sħubija. Li tistabbilixxi sħubija effettiva maċ-ċirku ta’ pajjiżi ġirien li jdawru l-Unjoni. Li tiggarantixxi żona estiża ta’ stabbiltà u progress demokratiku lil hinn mill-Unjoni nfisha. Li tilgħab rwol fundamentali billi l-ewwel tiżgura u mbagħad timplementa arranġament ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, li hija ċavetta ta’ progress fil-Lvant Nofsani usa’. Li timplementa politika progressiva ta’ kummerċ lil hinn minn mid-Doha Development Round li nisperaw li jkun suċċess. F’kuntest usa’, li nissodisfaw l-impenn li niksbu l-Miri ta' Żvilupp tal-Millennju, l-ewwel nett fl-Afrika, u li nagħmlu lill-Unjoni sieħba globali ewlenija għall-ġustizzja globali, żvilupp sostenibbli, tkabbir u prosperità. Kif sejra l-Unjoni tissodisfa dawn l-aspettattivi sa l-2010? Biex tkun effettiva, l-Unjoni Ewropea trid tkun ċara dwar il-prijoritajiet politiċi tagħha. L-aktar punt urġenti li qed jaffaċċja lill-Ewropa llum huwa car: tkabbir u impjiegi. Ir-rendiment ekonomiku b’saħħtu u t-tkabbir dinamiku kienu l-pedament li fuqu nbena l-mudell Ewropew ta’ solidarjetà soċjali u sostenibbiltà. Il-prijorità ewlenija hija li terġa’ ġġib tkabbir dinamiku sostenibbli fl-Ewropa skond l-istrateġija ta’ Lisbona. Tkabbir imġedded huwa vitali għall-prosperità, jistgħa jerġa’ jġib sitwazzjoni ta’ impjieg sħiħ u huwa l-pedament ta’ ġustizzja soċjali u opportunitajiet indaqs għall-kulħadd. Huwa wkoll vitali għall-pożizzjoni ta’ l-Ewropa fid-dinja u l-kapaċità ta' l-Unjoni li ċċaqlaq ir-riżorsi sabiex taffronta d-diversi sfidi globali. Ma jfissirx illi li nagħmlu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi l-prijorità immedjata ewlenija nkunu qed innaqqsu fil-valur ta’ miri oħrajn. It-tkabbir huwa essenzjali biex jiġu sostnuti dawn il-miri: wieħed irid biss jaħseb kemm altrimenti s-soċjetà tagħna li qed dejjem tixjieħ tkun ta’ theddida għas-sostenibbilità fit-tul tal-mudell soċjali tagħna. Li nżidu l-kompetittività u nerġgħu inqajmu t-tkabbir huma mezzi biex niksbu l-mira, mhux miri fihom infushom: it-tkabbir fih inniffsu ma jiggarantix solidarjetà soċjali jew sostenibbiltà. Din hija r-raġuni għaliex is-solidarjetà u s-sigurtà hemm bżonn illi u sejrin jibqgħu miri Ewropej ċentrali flimkien mal-prosperità. Bl-istess mod għandna nagħmlu dawk l-għażliet ta’ politika li jiżguraw illi l-miri diversi tagħna jsaħħu lil xulxin. Azzjonijiet li jippromwovu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u ambjent b’saħħtu, jsaħħu lil xulxin. Dawn kollha huma elementi essenzjali tal-mira prinċipali ta’ l-iżvilupp sostenibbli li nridu nagħtu aħna. Mingħajr solidarjetà u sigurtà, il-prosperità ma tinkisibx kompletament: l-ekonomija qiegħda hemm biex isservi lin-nies, mhux bil-kontra. Biex l-Ewropej ikollhom fiduċja li din il-viżjoni ser tinkiseb fil-prattika, l-Unjoni trid taħdem magħhom. Hemm bzonn illi naħdmu permezz ta’ Sħubija għat-Tiġdid Ewropew dinamika. Is-soċjetà Ewropea – l-istituzzjonijiet tagħha, in-netwerks tagħha, iċ-ċittadini u l-Istati Membri tagħha – jridu jiġbdu ħabel wieħed sabiex il-miri komuni tagħna jsiru realtà. F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet Ewropej jaħdmu flimkien sabiex jaqsmu programm komuni ta’ azzjoni għas-snin li ġejjin. Dan mhux biss sens komun: Il-Kostituzzjoni tirrikonoxxi l-valur t'a programm komuni li jrid jinqasam bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Din hija r-raġuni għaliex, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-istituzzjonijiet l-oħrajn sabiex jieħdu l-ispirazzjoni mid-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni f’dan l-istadju. Il-miri strateġiċi li joħorġu huma għaldaqstant bażi għal pjattaforma ta’ azzjoni komuni mill-istituzzjonijiet Ewropej fil-5 snin li ġejjin. L-isfidi li qed jaffaċċjaw l-istituzzjonijiet Ewropej tant infirxu u saru kumplessi illi jridu jiġu biss affrontati flimkien: - Kull min għandu kontribut u l-atturi kollha jridu jaħdmu flimkien – mhux biss l-istituzzjonijiet, iżda l-Parlamenti nazzjonali, l-gvernijiet, l-isħab soċjali u s-soċjetà ċivili fil-livelli kollha. - L-aktar importanti, iċ-ċittadini individwali jridu jiddaħħlu f’din is-sħubija: permezz ta’ kjarezza dwar x’qed tipprova tikseb l-Ewropa, u parteċipazzjoni fl-isforz komuni. - Bis-sħubija tiġi wkoll ir-responsabbiltà. Kull Ewropew għandu sehem fil-ħidma ta’ l-Unjoni, u kull Ewropew għandu sehem fir-responsabbiltà sabiex niksbu l-miri komuni tagħna. Biex niksbu din is-sħubija, l-Unjoni għandha turi r-riżultati f’termini ta’ implementazzjoni u tilħaq kull ċittadin Ewropew. L-ewwel, l-Unjoni trid taħdem sew, u tkun tidher li qed taħdem sew: - In-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-liġi Ewropea huwa ta’ ħsara għall-effettività tal-politika ta’ l-Unjoni u jkisser il-fiduċja li fuqha tiddependi l-Unjoni. L-idea li “aħna nimxu skond ir-regoli imma l-oħrajn le”, kull meta jkun il-każ, tagħmel ħsara kbira lis-sens ta’ solidarjetà Ewropea. Għandu jkun hemm kontinwità mill-iżvilupp ta’ politika sat–twettiq ta’ dik il-politika, mgħejjuna minn amministrazzjoni moderna, effettiva u orjentata fuq is-servizzi fil-livelli kollha. Trasposizzjoni f’waqtha u adegwata u t-tiftix b’saħħtu tal-ksur huwa kritiku għall-kredibilità tal-liġi Ewropea u l-effettività tal-politiki. - Il-liġi trid tkun immirata għall-ogħla livelli ta’ kwalità, koerenza u effettività. Regolamentazzjoni aħjar tfisser li l-liġi trid tkun ippreparata sew u kemm jista’ jkun sempliċi. Irid ikun hemm dejjem eżami ta’ l-impatt, inkluż fuq il-kompetittività, qabel ma l-inizjattivi jiġu varati u tul il-proċess leġislattiv kollu. Għandhom jibdew isiru b’mod sistematiku reviżjonijiet tal-liġijiet fis-seħħ. Is-sussidjarjetà u l-propozjonalità għandhom jiġu applikati bis-sħiħ. Regolamentazzjoni aħjar għandha tkun prijorità wkoll fil-livell ta’ l-Istati Membri. - L-adozzjoni tal-Kostituzzjoni hija pass kritiku ieħor. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaħdmu flimkien ma’ l-Istati Membri lejn dħul fis-seħħ b’suċċess tal-Kostituzzjoni. Din ser issaħħaħ l-Unjoni f’termini ta’ demokrazija, trasparenza u parteċipazzjoni, kif ukoll l-effettività permezz ta’ użu akbar tal-metodu tal-Komunità. - Il-qafas tal-baġit fuq diversi snin li jrid jiġi stipulat fil-Perspettivi Finanzjarji jrid jipprovdi lill-Unjoni b'mezzi xierqa sabiex tkun tista tonera l-impenji tagħha, bħall-kompetittività u l-koeżjoni, kif ukoll l-immaniġġjar sostenibbli ta’ riżorsi, f’Unjoni mkabbra. Trid ukoll tiżgura dixxiplina fil-baġit u effiċjenza fl-ispiża pubblika. Fit-tieni lok, iċ-ċittadini Ewropej iridu wkoll isiru konxji u jibdew jifhmu xi tkun qed tagħmel l-Unjoni għalihom, u jiġu offruti sehem fil-kostruzzjoni Ewropea. L-istituzzjonijiet Ewropej kollha jridu jadottaw il-fehma li huma qegħdin għas-servizz taċ-ċittadini: - Fl-idea tas-sħubija nfisha hemm il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni. L-inizzjattivi jrid ikollhom il-benefiċċju ta’ parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlamenti nazzjonali, awtoritajiet pubbliċi fil-liveli kollha, sħab soċjali, soċjetà ċivili u l-vuċijiet ta’ kull min għandu interess madwar il-komunità. Id-djalogu jrid ilaħħaq lil hinn mid-dibattitu bbażat fi Brussel lejn Spazju Pubbliku Ewropew sħiħ, Li jwassal għal konoxxenza tal-kulturi, l-identità u l-ħsieb politiku ta’ l-oħrajn. Dan jgħin sabiex jinħoloq sens ta’ identità Ewropea, partikolarment fost iż-żgħażagħ. - L-Unjoni trid tkun miftuħa għall-iskrutinju tal-pubbliku u jrid ikollha kontabbiltà għal xogħolha. Dan jitlob livell għoli ta’ trasparenza. Għandu jkun ċar kif l-Unjoni tkun waslet għal deċiżjoni, permezz ta’ analiżi bħall-eżami ta’ l-impatt u permezz ta’ aċċess pubbliku għall-ħidmiet ta’ l-istituzzjonijiet. Hawnhekk huma mportanti d-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni għall-Kunsill sabiex jilleġisla fil-pubbliku. Il-kontabilità għandha tissaħħaħ billi tintalab dikjarazzjoni pożittiva ta’ assigurazzjoni mill-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni, għandu jissaħħaħ id-deterrent tal-frodi permezz ta’ aktar trasparenza u kooperazzjoni. - Xejn minn dan ma jkun jista’ jaħdem jekk l-intenzjonijiet u l-azzjonijiet ta' l-Unjoni ma jkunux ibbażati fuq komunikazzjoni eżatta u effettiva. Il-bażijiet ta' l-istrateġija l-ġdida tal-Komunikazzjonijiet għandha tkun mhux biss illi l-Unjoni tiddefendi l-politiki tagħha b'mod ċar, imma li tkun riċettiva; tintegra l-komunikazzjoni fit-tfassil tal-politika tagħha mill-bidu nett u tiffoka bis-sħiħ fuq l-adattament tal-komunikazzjoni għall-ħtiġijiet nazzjonali. Din hija responsabbiltà li trid tinvolvi l-istituzzjonijiet Ewropej kollha kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali. * * * EWROPA 2010: MIRI STRATEĠIĊI PROSPERITÀ L-aktar suġġett urġenti li qed taffaċċja l-Ewropa huwa n-nuqqas ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi li jiggarantixxi l-livell ta’ għajxien u protezzjoni soċjali li l-Ewropej issa draw. Is-Suq Uniku u l-Euro fetħu l-bibien għall-kisba ta’ effiċjenza akbar permezz ta’ l-ekonomiji tad-daqs u l-ambitu, innovazzjoni aktar malajr, aktar opportunitajiet ta’ tkabbir għall-impriżi li qed jikbru – fi kliem ieħor għan-negozji f'kull Stat Membru, billi s-suq Ewropew isir is-suq domestiku tagħhom, biex ikunu jistgħu jiksbu l-kompetittività fuq skala Ewropea u jkunu mgħammra aħjar sabiex jiffaċċjaw l-isfidi tal-kompetizzjoni globali. Madanakollu, sal-lum l-Ewropa għadha ma rrealizzatx dawn l-opportunitajiet bis-sħiħ. Fl-aħħar deċennju, t-tkabbir u l-produttività ta’ l-Ewropa ma laħħqux ma dawk ta’ l-isħab ekonomiċi ewlenin tagħha. Fil-prinċipju, hekk kif il-forzi tal-kompetizzjoni fl-Ewropa iżidu n-negozju fil-katina ta’ valur u s-saħħa fl-hekk imsejħa ekonomija bbażata fuq il-konoxxenza ssir dejjem aktar importanti, l-Ewropa għandu jkollha vantaġġi ekonomiċi importanti fl-ekonomija dinjija – stabilità politika u ekonomika, ħaddiema mħarrġa, tradizzjoni ta’ sħubija soċjali, bażi xjentifika żviluppata tajjeb u li tmur lura bosta snin, u l-istimolu ta' l-espansjoni ekonomika mill-membri l-ġodda ta’ l-Unjoni. Dawn huma l-isfidi ndirizzati mill-istrateġija ta’ Lisbona miftiehma fl-2000. Madanakollu, il-progress lejn il-kisba tal-miri tagħha waqa’ lura s’issa, u dan jitlob impuls deċisiv li jista’ jerġa’ jpoġġiha fit-triq it-tajba. Il-mira tagħna hija li nagħmlu l-ekonomija Ewropea waħda mill-aktar attrajenti biex tinvesti, tipproduċi u taħdem fiha. Dan jitlob impuls ġdid għar-riformi li jwasslu għal titjib sostanzjali fl-ambjent tan-negozju; tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni f’setturi ewlenin; u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol Ewropej u sistemi ta' protezzjoni soċjali. Ambjent amikevoli għan-negozju - Huma essenzjali għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u għall-bidla, pedamenti makro-economiċi sodi. Il-funzjonament kif suppost tal-Patt ta' Tkabbir u Żvilupp huwa kritiku għal Euro b’saħħtu fit-triq lejn it-tkabbir taż-żona ta’ l-Euro, b’mod partikolari bl-Istati Membri l-ġodda. Għal dan il-għan, għandu jittejjeb billi jsir aktar effettiv f’fażijiet ekonomiċi b’saħħithom u aktar realistiku fil-korrezzjoni ta’ defiċits, filwaqt illi jevita l-inċentivi negattivi għar-riformi ekonomiċi ewlenin. - Wasal iż-żmien illi nibdew fażi ġdida fl-integrazzjoni ekonomika. Irid ikun hemm regolamentazzjoni li tippermetti l-ekonomija produttiva. Il-kumpaniji għandhom ikunu kapaċi joperaw fi ħdan reġim li jkun verament imferrex madwar l-Ewropa, bi drittijiet indaqs biex tibda negozju, metodu komuni ta' tmexxija tal-kumpaniji u għall-propjetà intelletwali, regoli ġusti ta’ taxxa fuq il-kumpaniji u sistemi ta’ dwana li jippromwovu l-kummerċ. Regolamentazzjoni aħjar u kompetizzjoni b’saħħitha għandha tiżgura li jitneħħew l-ostakoli, jinftetħu s-swieq ta’ l-oġġetti u s-servizzi u li tkun mgħejjuna l-innovazzjoni għall-benefiċċju ta’ l-aktar produtturi u konsumaturi effiċjenti. B’mod partikolari, is-settur tas-servizzi għandu potenzjal kbir ta’ espansjoni. Servizzi effiċjenti jfissru wkoll spejjeż aktar baxxi għan-negozji. Sa l-aħħar tad-deċennju, għandu jkun naturali li toffri s-servizzi b’mod transfruntier fi ħdan l-Unjoni bl-istess mod li jiġu trasportati l-oġġetti, fil-waqt illi r-rwol speċjali rikonoxxut għas-servizzi ta’ interess ġenerali għandhu jiġi preservat. - It-tkabbir ta’ l-innovazzjoni u l-użu ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni u informazzjoni huma kruċjali għal ekonomija aktar dinamika u kompetittiva. L-użu ta’ teknoloġija ġdida mill-utenti u żviluppi ġodda mill-fornituri it-tnejn joħorġu minn taħlita ta’ azzjonijiet u politiki dwar ir-riċerka, it-taħriġ u l-innovazzjoni. - L-Ewropa jeħtieġ li tnaqqas il-piż tar-regolamentazzjoni fil-livelli kollha sabiex iżżid l-imprenditorija u l-investiment, prinċipalment għall-impriżi ż-żgħar u dawk medju, li huma l-magna tal-ħolqien ta’ l-impjiegi. Investiment għall-prosperità - Il-prosperità u t-tkabbir ma jistgħux jiġu mingħajr l-investiment. Il-promoturi tat-tkabbir – riċerka u żvilupp, teknoloġija moderna, l-ogħla snajja, netwerks effiċjenti – għandhom prezz. Il-baġit ta’ l-Unjoni diġà jinvesti somom sostanzjali f’dawn l-oqsma bis-saħħa tad-diversi fondi. L-attenzjoni prinċipali fuq it-tkabbir u l-impjiegi trid tissaħħaħ aktar fil-Perspettivi Finanzjarji li jmiss. - L-Unjoni hija mpenjata li tinvesti 3% tal-GDP f’riċerka, b’terz jiġi mis-settur pubbliku u biex iżżid b’mod sinjifikanti l-investiment fl-edukazzjoni għolja. Iżda mhux biżżejjed li wieħed jonfoq. L-Ewropa trid issir aktar attraneti għar-riċerkaturi u x-xjentisti, bil-frott tar-riċerka jintuża b’mod effettiv mill-kumpaniji Ewropej. Il-qsim tar-riżorsi fil-livell Ewropew jista' joffri valur miżjud reali: il-promozzjoni u t-tixrid ta' l-eċċellenza, l-offerta ta’ l-ekonomiji tad-daqs, il-ħolqien ta’ konnessjonijiet ġodda u netwerks ġodda. Il-mobilità fl-edukazzjoni u t-tagħlim tiftaħ dimensjoni ġdida għall-iżvilupp tal-ġabra ta’ snajja ta’ l-Ewropa: wara l-miljun milħuq fl-2002, 3 miljun student universitarju għandhom ikunu pparteċipaw fi programmi ta’ mobilità sa l-2011. - L-ekonomija Ewropea qatt mhi ser tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha jekk tkun kompromessa minn punti ta’ konġestjoni fin-netwerks tat-trasport, telekomunikazzjoni jew enerġija. Tali dgħjufiji għandhom jiġu indirizzati fuq skala transfruntiera li huwa l-uniku mod kif tgħaqqad l-Ewropa mkabbra. Nilqgħu l-bidla - Nadattaw is-swieq tax-xogħol biex ninkoraġġixxu l-ħolqien ta’ l-impjiegi. L-Ewropa għandha bżonn ħaddiema li jkunu mħarrġa aħjar u li jadattaw aħjar għall-bidla. L-edukazzjoni tul il-ħajja ser tgħin biex tibda ċirku ta’ impjiegi aħjar u tkabbir ogħla. L-Isħubiji għar-riforma u l-bidla mħabbra mill-Kunsill Ewropew fl-2004 huma l-aħjar metodu kif wieħed jiżgura li s-swieq tax-xogħol iwasslu għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar. - Inressqu aktar nies lejn ix-xogħol. Apparti mill-użu aktar effettiv ta’ ħaddiema li dejjem qed jixjieħu u l-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema, għandna nikkunsidraw il-potenzjal ta' l-immigrazzjoni. Il-Green Paper dwar l-immigrazzjoni ekonomika turi kif proċess immaniġġjat ta’ immigrazzjoni li jkun jindirizza snajja ewlenin jista' jkun parti mis-soluzzjoni. Is-soċjetajiet Ewropej huma konċernati li l-benefiċċji jistgħu jiġu megħluba mill-piżijiet ta’ l-integrazzjoni: izda jista’ jinstab bilanċ li jkun ta’ benefiċċju kemm għall-immigranti kif ukoll għas-soċjetajiet ospitanti. SOLIDARJETÀ L-essenza ta' l-Unjoni Ewropea hija l-ħidma lejn żvilupp sostenibbli bħala mira suprema li tipprova tissodisfa l-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma tikkomprometti l-kapaċita tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Il-proġett komuni tagħna jġib miegħu responsabbiltà li noffru sostenn reċiproku u li nipproteġu u niġġestixxu l-ambjent ta’ madwarna aħjar. Soċjetà Ewropea b’saħħita tiddependi fuq il-kisba effettiva ta’ dan il-proġett komuni. Is-solidarjetà trid espressjoni konkreta, kemm mal-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll dawk futuri, permezz ta': - Koeżjoni ekonomika u soċjali, li ser tgħin żoni żvantaġġati u gruppi ta’ popolazzjoni fl-Unjoni biex inaqqsu l-inugwaljanzi permezz ta’ aktar tkabbir u kompetittività; - Immaniġġjar u protezzjoni sostenibbli ta’ l-ambjent tagħna, tar-riżorsi naturali u l-ħarsien tal-provvista fit-tul ta’ l-enerġija; - Riforma u mmaniġġjar adegwat tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, sabiex niżguraw is-sostenibbiltà fit-terminu medju/twil; - Preservazzjoni u tisħiħ tal-valuri komuni tagħna. Koeżjoni ekonomika u soċjali - Il-politiki ta’ koeżjoni huma fil-qalba ta’ kif taħdek l-Unjoni mkabbra. Il-qabża bejn l-aktar reġjun sinjur u l-aktar reġjun fqir fl-Ewropa ttripplikat mid-data ta’ l-adeżjoni. Politika ta’ koeżjoni tindirizza l-mira ta’ konverġenza ekonomika u tipprova tiżblokka l-potenzjal moħbi għal tkabbir ogħla. Hija strument essenzjali għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività. Komunitajiet rurali, żoni tal-kosta u reġjuni ultra-periferali wkoll jaffaċċjaw sfidi partikolari f'termini ta’ żvilupp ekonomiku, esklużjoni soċjali u depopolazzjoni. L-iżvilupp rurali, per eżempju, huwa mod kif tissaħħaħ il-koeżjoni u tiġi promossa l-prosperità u t-tkabbir mill-ġdid taż-żoni rurali, kif ukoll l-immaniġġjar aħjar tar-riżorsi naturali. - Risposta mfassla apposta għall-isfidi demografiċi għall-popolazzjoni Ewropea. Sa nofs dan is-seklu, ir-relazzjoni bejn popolazzjoni rtirata u popolazzjoni fl-età tax-xogħol ser tirdoppja mill-24% tal-lum sa kważi 50% fl-2050. B'mod ċentrali għas-solidarjetà hemm risposta adattata għall-ħtiġijiet ta’ sezzjonijiet differenti tas-soċjetà, kemm ċittadini anzjani u żgħażagħ, per eżempju permezz ta’ inizjattiva għaż-Żgħażagħ, li timmassimizza l-kontribut lis-soċjetà tagħna tal-ġenerazzjonijiet kollha. - Protezzjoni ta’ l-aktar dgħajfa fis-soċjetà. L-Ewropa ma tistax tikkompeti globalment billi tmur wara pagi baxxi jew kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena. L-aġenda soċjali toffri l-istess kundizzjonijiet għal standards soċjali adegwati; u l-mudell soċjali Ewropew jista’ jkun ta’ stimulu għat-tkabbir meta taġixxi bħala xibka ta’ protezzjoni u katalist għall-bidla. Sabiex tħares is-sostenibbiltà tal-mudell ir-riforma meħtieġa fis-suq tax-xogħol u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għandha timmaterjalizza fil-ħin, filwaqt illi r-riforma ekonomika u politiki ekonomiċi sodi għandhom jirnexxilhom iżidu l-potenzjal ta’ tkabbir. Solidarjetà mal-ġenerazzjonijiet futuri - Il-protezzjoni ambjentali tibqa’ dmir ewlieni li aħna għandna fil-konfront tal-ġenerazzjoni futuri. It-tibdil fil-klima huwa theddida li qegħda dejjem issir aktar tanġibbli tul is-snin. Hija theddida għall-ambjent fiżiku, imma wkoll għat-tkabbir u l-prosperità. L-Ewropa trid tkompli tieħu rwol ewlieni L-eko-innovazzjoni trid tiġi promossa u l-eko-effiċjenza nkoraġġuta: b’effett fit-tul ta’ imbottatura għall-produttività u l-innovazzjoni, is-settur fundamentali tat-teknoloġija ambjentali tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea. - L-Ewropa hija kontinent sinjur fir-riżorsi. L-immaniġġjar ta’ riżorsi hija essenzjali biex tissalvagwardja l-interess fit-tul. L-implementazzjoni tar-riforma fis-setturi agrikoli u tas-sajd ser jippermettu mmaniġġjar sostenibbli ta’ l-assi ewlenin, u żieda fil-kompetittività. - Minħabba l-valur ambjentali u ekonomiku ta’ l-oċeani u ta’ l-ibħra, hemm ħtieġa partikolari għal politika marittima li tiġbor kollox indirizzata lejn l-iżvilupp ta’ ekonomija marittima li trendi u lejn il-potenzjal sħiħ ta’ l-attività bbażata fuq il-baħar b’mod ambjentalment sostenibbli. Tali politika għandha tkun sostnuta minn eċċellenza fir-riċerka xjentifika marina, fit-teknoloġija u l-innovazzjoni. Responsabilitajiet komuni għall-valuri komuni - Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni trid titpoġġa fuq quddiem nett ta’ l-azzjoni Ewropea b'inizjattivi ġodda kontra d-diskriminazzjoni u t-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali. L-assigurazzjoni ta’ drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inkluż l-ugwaljanza bejn is-sess, għandha tibda tifforma part minn kull azzjoni Ewropea. L-Ewropa għandha tkun il-punt ta’ referenza madwar id-dinja għall-applikazzjoni prattika tad-drittijiet fundamentali. Il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tat-tfal, kemm kontra l-isfruttament ekonomiku kif ukoll kull forma ta' abbuż, għandha tkun prijorità partikolari bl-Unjoni taġixxi bħala dawl għall-bqija tad-dinja. - Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali fl-Ewropa hija fil-qalba tal-valuri ta’ l-Unjoni. F’dinja fejn il-globalizzazzjoni timbotta lejn l-omogeneità, din ir-rikkezza kulturali trid tiġi mfisqija permezz ta’ azzjoni li tippreserva r-rispett reċiproku madwar il-fruntieri. F'dan ir-rigward, il-promozzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti awdjoviżivi Ewropej huma essenzjali. Il-mobiltà, it-tagħlim tal-lingwi, id-djalogu inter-kulturali u soċjali u l-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva huwa fost l-aħjar metodi biex jinbena dan ir-rispett. - Is-solidarjetà ma tieqafx maċ-ċittadini ta’ l-Unjoni. Għandu jiġi żviluppat approċċ komuni dwar id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ l-immigranti, u l-immigranti minn ġo jew minn barra l-Unjoni jeħtieġu sostenn bl-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet il-ġodda fir-rispett totali tad-dinjità umana. Tali politika ta’ immigrazzjoni jeħtieġ li tkun fuq terminu twil: tiżgura li l-impatt ta’ l-immigrazzjoni fuq is-soċjetà jiġi mnaqqas permezz ta’ integrazzjoni aktar gradwali. SIGURTÀ U LIBERTÀ L-istituzzjonijiet Ewropej iridu jindirizzaw ir-riskji affrontati miċ-ċittadini fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Il-protezzjoni tal-ħajja u tal-propjetà taċ-ċittadini huwa kompitu ċentrali li jagħti leġittimità lill-poter pubbliku u lill-politiki pubbliċi. Il-libertà tista’ titgawda biss f’qafas ta’ sigurta provdut mil-liġi. Iċ-ċittadini leġittimament jistennew illi t-theddid għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom jiġu ndirizzati fil-livell Ewropew. Il-Kostituzzjoni ser issaħħaħ l-abilità ta’ azzjoni ta’ l-Unjoni. Iżda diġà jista’ jsir ħafna issa. Fl-ewwel lok, hemm is-sigurtà personali taċ-ċittadini Ewropej fil-konfront tal-kriminalità u t-terroriżmu. Il-libertà f’Ewropa mingħajr fruntieri tagħti lill-Unjoni responsabbiltà speċjali. Dan huwa l-każ għall-kontroll fuq il-fruntieri, asil u immigrazzjoni, u t-traffikar tal-persuni. Is-sigurtà tikkonċerna wkoll il-kapaċità taċ-ċittadini li jkomplu jgħixu l-ħajja tagħhom ta' kuljum fis-sigurtà. Dan jista’ jiġi ppreġudikat b'diżastri naturali, ambjentali jew kriżijiet fis-saħħa u theddid fit-trasport u l-enerġija. L-Unjoni għandha rwol x’tilgħab fl-istadji kollha: prevenzjoni tar-riskju, avviż minn qabel, immaniġġjar ta’ kriżi, u azzjoni f’solidarjetà mal-vittmi tad-diżastri. Sigurtà u Ġustizzja fl-Ewropa - L-implementazzjoni tal-Programm ta’ The Hague miftiehem fl-2004 hija risposta koordinata għar-riskji li qed jaffaċċjaw iċ-ċittadini fl-Ewropa. Il-Programm jindirizza l-medda kollha ta’ miżuri meħtieġa. Miżuri ta’ prevenzjoni u biex inkunu lesti jistgħu joffru valur miżjud għall-isforzi ta’ l-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’titjib fl-iskambju ta’ intelliġenza, kooperazzjoni operattiva effettiva, u kuntatt aħjar ma’ forom oħra ta’ kriminalità. Għandhu jiġi ndirizzat b’mod aktar effettiv il-finanzjament tat-terroriżmu. Metodu ta’ ħidma strateġiku għall-kriminalità organizzata jista’ jnaqqas l-opportunità li kriminali jisfruttaw l-Ewropa mingħajr fruntieri. - Il-kapaċità ta’ azzjoni fil-livell Ewropew ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji, ta' intelliġenza, puliżija u awtoritajiet doganali għandha tissaħħaħ. L-integrazzjoni ta’ l-Europol fl-Unjoni jfisser pass fil-bidla fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni, it-traffikar tad-droga u l-kriminalità fuq l-internet. - L-immaniġġjar integrat tal-fruntieri esterni u politika komuni ta’ viża hija essenzjali. L-Unjoni qed taffaċċja responsabbiltà maqsuma biex timmaniġġja fruntieri esterni ta’ l-art ta’ madwar 11,000 km u fruntieri marittimi ta’ 68,000 km, b’riskji ovvji f'termini ta' immigrazzjoni illegali u traffikar tal-persuni. Hemm bżonn ta’ qafas Ewropew koerenti għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz madwar l-UE. U dan irid jaħdem fl-istess waqt li jiġu affrontati l-għeruq tal-problema tat-traffikar tal-persuni. Politika komuni dwar l-asil għandha tippermetti lill-Unjoni ddaħħal persuni li jkunu qed ifittxu asil f’każijiet ġustifikati b’mod ekwu. - Rikonoxximent reċiproku u ċirkolazzjoni ħielsa ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili u kriminali jgħinu sabiex jiġi żgurat illi ssir ġustizzka, u jsaħħu l-protezzjoni għall-familiji li jkunu qed jaffaċċjaw problemi transfruntiera. Iż-żieda fil-moviment personali u attività ekonomika transfruntiera mill-ħolqien tas-Suq Uniku lil hawn żiedet l-urġenza li niżguraw aċċess faċli, reali u mhux diskriminatorju għall-ġustizzja permezz ta' Spazju Ewropew tal-Ġustizzja. L-Immaniġjar tar-riskju fid-dinja moderna Element ewlieni tal-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini hija politika li timmaniġġja u tnaqqas ir-riskji li bihom jiġu affaċċjati bħad-diżastri naturali, il-kriżijiet ambjentali u tas-saħħa u theddid għat-trasport u l-enerġija. - Riskji ambjentali u tas-saħħa bħaż-żieda fit-theddid ta’ għargħar jew nixfa wara t-tibdil fil-klima, il-konsegwenzi ta’ attakki bijoloġiċi, kimiċi jew radjoloġiċi potenzjali jew it-tfaqqigħ serju ta’ mard għandhom implikazzjonijiet immedjati madwar l-UE. Dawn iridu jiġu affrontati f’żewġ metodi: bil-kapaċità li noffru avviż fil-ħin u risposta immedjata għal xi kriżi partikolari u bil-prevenzjoni fit-tul. In-netwerks ta’ informazzjoni u sorveljanza għandhom bżonn ikunu effettivi jekk iridu jlaħħqu sew mat-theddid transfruntier. - Inċidenti kbar fuq il-baħar, ir-risku ta’ attakki terroristiċi u kriżijiet fil-provvista ta’ l-enerġija qajmu l-allarm fost il-pubbliku għas-sigurtà tat-trasport, partikolarment it-trasport bl-ajru, kif ukoll is-sigurtà marittima u fit-toroq. - Sakemm ma titteħidx azzjoni, id-dipendenza ta’ l-Ewropa fuq żejt estern ser tiżdied għal 90% sa l-2030 (imqabbla mas-70% ta’ issa). Jista' jkollna provvista ta' enerġija aktar sigura bl-isforz flimkien sabiex innaqqsu d-domanda għall-enerġija, insaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi u ta' transitu ewlenin; kif kull bil-promozzjoni b'saħħitha ta' enerġiji rinnovabbli. L-EWROPA BĦALA SIEĦBA MONDJALI Fid-dinja tal-lum, nistgħu biss nilħqu kompletament il-prijoritajiet interni tagħna jekk nirnexxu fuq ix-xena mondjali. Il-globalizzazzjoni u l-interdipendenza dejjem tiżdied neħħew ħafna mid-distinzjonijet bejnn sfidi tal-politika interna u dik esterna. Is-saħħa politika ta’ l-Unjoni għandha tkun tikkumbaċja aħjar mal-piż ekonomiku tagħha. Biex nindirizzaw din il-mira, l-Unjoni trid tikseb koerenza politika akbar fl-azzjoni esterna: il-koerenza bejn il-branki differenti tal-politika esterna; koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni; koerenza fl-azzjoni bejn dik ta’ l-Unjoni u dik ta’ l-Istati Membri bilateralment. Jekk trid ikollha preżenza u influwenza aktar b'saħħitha fix-xena internazzjonali, għandha bżonn titkellem b'vuċi waħda u tippromwovi pożizzjoni koerenti. Bl-istess mod, il-kapaċità tagħha li tinfluwenza tiddependi wkoll fuq il-kapaċità li tistabbilixxi relazzjonijiet koerenti u effettivi ma’ l-isħab prinċipali, b’mod partikolari r-relazzjoni transatlantika. L-Ewropa trid tkompli fl-impenn tagħha għal multilateralizmu effettiv li huwa l-aħjar mod kif taħdem ma’ l-isħab globali. L-arkitettura ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandha bżonn tissaħħaħ bi proċess kontinwat ta’ riforma u tiġdid: in-Nazzjonijiet Uniti huwa l-uniku triq biex naffrontaw il-problemi globali li jitolbu soluzzjonijiet globali. Protagonista aktar b’saħħitha fl-ekonomija mondjali - Ir-rwol ta’ l-Ewropa fid-dinja ma jistax jipprexxindi mis-saħħa interna tagħha. Il-kapaċità tagħha li tinfluwenza jiddependi bis-sħiġ fuq is-saħħa ta’ l-ekonomija tagħha. Aktar ma’ jkun dinamiku l-progress ta’ l-Ewropa stess u aktar ma effettivament l-Ewropa taġixxi flimkien, aktar ikollha influwenza fuq l-avvenimenti mondjali kif ukoll aktar ikollha kapaċità li tikseb il-globalizzazzjoni b'ġustizzja soċjali u sostenibilità. Id-dimensjoni esterna tal-politiki interni għandh tintuża bis-sħiħ. - It-tkabbir futur ta’ l-Unjoni Ewropea ser iżid is-saħħa globali tagħha, bil-proċess tas-sħubija li ser jkompli miexi bl-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Romanija fl-2007 biex jipprepara għal tkabbir ulterjuri, b’attenzjoin fuq in-negozjati mal-Kroazja u t-Turkija u tindirizza l-applikazzjoni ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Fl-istess waqt, il-Balkani tal-Punent l-oħrajn ser jitressqu aktar qrib għall-perspettiva ta’ sħubija. - L-Ewropa ma tistax’ tibni l-prosperità waħedha. Politika ta’ viċinat li tkun suċeess ser iżżid il-firxa ta’ l-akbar ekonomija fid-dinja. Il-futuri tagħna huma marbutin kollha flimkien mill-qrib u l-ħolqien ta’ spazju aktar integrat mal-ġirien tagħna huwa bżonn: kummerċ; immigrazzjoni; netwerks; servizzi huma biss ftit eżempji ta' l-oqsma li jitolbu tali spazju integrat. Dawn ser ikunu l-prijorità tagħna għar-relazzjonijiet mar-Russja, l-Ukranja u l-pajjiżi ġirien l-oħrajn. Il-progress ekonomiku u soċjali taż-żona tal-Mediterran kollha u l-pajjiżi li jikkonfinaw magħha ser ikunu ta' rilevanza ewlenija għall-Ewropa. - Il-kummerċ internazzjonali huwa ċavetta għall-promozzjoni tal-kompetittività u t-tkabbir. Aħna nibbenefikaw minn ftuħ fl-isforz biex nirrealizzaw il-potenzjal kompetittiv fis-suq domestiku. L-Ewropej għandhom ikunu kunfidenti li l-isfidi tal-globalizzazzjoni jistgħu jiġu trasformati għall-vantaġġ ta’ l-Ewropa u jistgħu jgħinuha tisfrutta l-potenzjal kompetittiv tagħha. Il-liberalizzazzjoni fil-kummerċ ser tiggarantixxi opportunitajiet ġodda għall-esportazzjoni u impjiegi ta’ kwalità fis-swieq kompetittivi, miftuħa u regolati. In-negozjati jridu jitmexxew bis-saħħa fil-liveli kollha: prinċipalment fl-Organizzazjoni Mondjali tal-Kummerċ, bħal fil-każ tar-rawnd ta’ Doha, iżda wkoll ma’ l-isħab bilaterali u reġjonali ewlenin. Konverġenza regolatorja mmirata ma’ l-isħab ewlenin uriet li hija ta’ benefiċċju reċiproku, u għandha tiġi mfittxa b’mod partikolari fir-relazzjonijiet transatlantiċi. Għandna bżonn niżviluppaw sħubiji aktar mill-qrib, ibbażati fuq l-interess ekonomiċi li naqsmu bejnietna, ma’ l-isħab kummerċjali fl-Asja bħaċ-Ċina u l-Indja, kif ukoll mal-Brażil u l-Amerika Latina b'mod aktar ġenerali. Solidarjetà globali - Ir-relazzjonijiet esterni tagħna huma wkoll mod kif nippromwovu u nipproteġu l-valuri barra l-fruntieri tagħna. L-Ewropa trid tippromwovi tkabbir internazzjonali stabbli bbażat fuq żvilupp sostenibbli u tibqa’ fidila għall-impenn tagħha lejn id-drittijiet umani. Trid ukoll timmira l-implementazzjoni effettiva ta’ miri ewlenin fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali. Għal dan il-għan trid taqsam ir-responsabbiltà ma’ l-isħab ewlenin tagħha. - Il-Miri ta’ Żvilupp tal-Millennju stabbiliti għall-2015 iridu jkunu l-għan gwida għall-politika ta’ żvilupp ta’ l-Unjoni. L-analiżi tagħhom fl-2005 toffri l-opportunità li nagħmlu pass importanti ’l quddiem b’dikjarazzjoni politika ta’ żvilupp biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibli u t-tnaqqis tal-faqar permezz ta' multilateraliżmu effettiv u liberalizzazjoni tal-kummerċ li tiffaċilita l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija mondjali. - L-Unjoni għandha bżonn ta’ risposta speċifika għall-Afrika. L-Afrika, b’mod partikolari l-Afrika ta’ taħt is-Saħara, qed taqa’ lura. Fil-qafas tal-kooperazzjoni esterna tagħha, l-Ewropa għandha tgħaqqad l-azzjoni biex toffri pass ġdid fis-sostenn ta' l-Afrika kemm f'termini ta' kwantità kif ukoll ta' kwalità. Trid tindirizza l-mira ta’ sħubija reali bbażata fuq relazzjoni kummerċjali u politika matura. Inħaddmu s-sigurtà madwar id-dinja - L-Ewropa ma tistax tissoppravvivi bħala gżira ta’ paċi f’dinja ta’ instabilità. Il-politika esterna ta’ l-Unjoni trid tiġi aġġustata għall-iżviluppi internazzjonali inkluż il-kriżijiet u l-isfidi globali għas-sigurtà. L-Unjoni għandha l-potenzjal li tirrendi aktar influwenza fuq l-għażliet politiċi u ekonomiċi fit-tul li jiddeterminaw il-prosperità u l-istabbiltà fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Dan imbagħad jinfluwenza l-benesseri u s-sigurtà ta’ l-Ewropej. - Hija meħtieġa wkoll azzjoni esterna biex taffronta materji ta’ stabbiltà u s-sigurtà fl-għeruq tagħhom billi tippromwovi bis-saħħa żvilupp sostenibbli permezz kemm ta’ kanali multilaterali kif ukoll oħrajn bilaterali. Dawn iridu jkunu fil-qalba tar-relazzjonijiet esterni kollha ta’ l-Unjoni. Politika ta’ viċinanza li tkun suċċess ser tkun pass lejn stabbiltà u sigurtà mondjali. U l-istess ser ikun l-impenn ta' l-Ewropa li tilgħab rwol attiv fit-tiftix għal u l-implementazzjoni fit-territorju ta’ ftehim ta' paċi għal-Lvant Nofsani. U bl-istess mod tkun il-kooperazzjoni aktar mill-qrib fis-sigurtà ma’ l-Istati Uniti fil-qfas ta’ sħubija transatlantika rinvigorata. - Il-kapaċitajiet ta' sigurtà u difiża ta’ l-Ewropa jridu jkunu jaqblu ma’ dawn l-isfidi billi jipprovdu kapaċità ta’ azzjoni kredibbli, permezz ta’ l-implementazzjoni sħiħa ta’ l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà u Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża aktar effettiva. *** Dawn huma l-miri strateġiċi li l-Kummissjoni bi ħsieba ssegwi tul il-mandat tagħha. Fit-tfassil tagħhom, il-Kummissjoni tat każ tad-dibattiti fil-Parlament Ewropew li wasslu għall-ħatra tagħha f’Diċembru 2004. Tat każ ukoll tal-programm multi-annwali eżistenti tal-presidenzi li ġejjin. Minħabba l-għamla komprensiva tagħhom, il-Kummissjoni qed tressaqhom ’il quddiem bħala bażi għal pjattaforma komuni ta' l-istituzzjonijiet Ewropej għall-azzjoni fil-5 snin li ġejjin. Nisperaw, li jista’ jintlaħaq ftehim dwarhom mit-tlett istituzzjonijiet qabel ma tintemm il-Presidenza tal-Lussemburgu. Ladarba jiġu miftiehma, l-miri strateġiċi ser joffru qafas stabbli għall-istituzzjonijiet biex jaħdmu flimkien ħalli jfittxu miri komuni u fil-qadi tar-rwol tagħhom fl-isħubija proposta.