|
14.6.2005 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C NaN/24 |
POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 22/2005
adottata mill-Kunsill fl-4 ta' April 2005
bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda għat-tnejn-u-għoxrin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-markiting u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ftalati f'ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal)
(2005/C 144 E/04)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Waqt li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 14 tat-Trattat jistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni li fiha huwa żgurat il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital. |
|
(2) |
Ix-xogħol fuq is-suq intern għandu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur. Din id-Direttiva tikkonforma mal-ħtieġa li jiġu żgurati livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u protezzjoni tal-konsumatur fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet kollha tal-Komunità. |
|
(3) |
L-użu ta' ċerti ftalati f'ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal magħmula minn materjal plastiċizzat jew li jinkludu partijiet ta' materjal plastiċizzat għandu jiġi projbit minħabba li l-preżenza ta' ċerti ftalati tippreżenta jew tista' potenzjalment tippreżenta riskji relatati mas-saħħa tat-tfal. |
|
(4) |
Il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE), wara li ġie konsultat mill-Kummissjoni, ta opinjonijiet dwar ir-riskji għas-saħħa kkawżati minn dawn il-ftalati. |
|
(5) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/485/KE ta' l-1 ta' Lulju 1998 dwar artikoli għall-kura tat-tfal u ġugarelli intiżi biex jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta' taħt it-tliet snin, magħmula minn PVC artab li fih ċerti ftalati (4), stiednet lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tat-tfal fir-rigward ta' dawn il-prodotti. |
|
(6) |
Mill-1999, l-użu ta' sitt ftalati f'ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal intiżi biex jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta' taħt it-tliet snin huwa soġġett għal projbizzjoni temporanja fuq il-livell ta' l-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/815/KE (5) fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta' Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (6). Din id-Deċiżjoni qiegħda tiġi mġedda regolarment. |
|
(7) |
Limitazzjonijiet diġà adottati minn ċerti Stati Membri dwar it-tqegħid fuq is-suq ta' ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal minħabba l-kontenut tagħhom ta' ftalati jaffettwaw b'mod dirett l-ikkompletar u l-funzjonament tas-suq intern. Huwa għalhekk meħtieġ li l-liġijiet ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam jiġu approssimati u b'konsegwenza li jiġi emendat l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE (7). |
|
(8) |
Il-prinċipju ta' prekawzjoni għandu jiġi applikat fejn l-evalwazzjoni xjentifika ma tippermettix li r-riskju jiġi determinat b'biżżejjed ċertezza sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, b'mod partikolari għat-tfal. |
|
(9) |
It-tfal bħala organiżmi li qed jiżviluppaw huma partikolarment vulnerabbli għal sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni. Għaldaqstant, l-esposizzjoni ta' tfal għal kull fonti ta' emissjoni ta' dawn is-sustanzi li jistgħu jiġu evitati b'mod prattiku, speċjalment għal artikoli li jitqiegħdu fil-ħalq mit-tfal, għandha titnaqqas kemm jista' jkun. |
|
(10) |
Matul l-istimi ta' riskju u/jew fi ħdan id-Direttiva kwadru tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (8), id-DEHP, id-DBP u l-BBP ġew identifikati bħala sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni u għalhekk ġew klassifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni, kategorija 2. |
|
(11) |
Informazzjoni xjentifika fir-rigward tad-DINP, id-DIDP u d-DNOP hija nieqsa jew kontradittorja, iżda ma jistax jiġi eskluż li jponu riskju potenzjali jekk użati f'ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal, li bid-definizzjoni tagħhom huma prodotti għat-tfal. |
|
(12) |
L-inċertezzi fl-evalwazzjoni ta' esposizzjoni għal dawn il-ftalati, bħal ħinijiet li fihom il-prodotti konċernati jkunu fil-ħalq u esposizzjoni minn fonti oħra, jeħtieġu li jittieħed kont ta' konsiderazzjonijiet ta' prekawzjoni. Għalhekk, għandhom jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq l-użu ta' dawn il-ftalati għal ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal u fuq it-tqegħid fis-suq ta' tali artikoli. Madankollu, ir-restrizzjonijiet għad-DINP, id-DIDP u d-DNOP għandhom inkunu inqas ħarxa minn dawk proposti għad-DEHP, id-DBP u d-BBP għal raġunijiet ta' proporzjonalità. |
|
(13) |
F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Prinċipju tal-Prekawzjoni, il-miżuri bbażati fuq dan il-prinċipju għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni fid-dawl ta' informazzjoni xjentifika ġdida. |
|
(14) |
F' kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri responsabbli għas-sorveljanza u l-infurzar tas-suq għal ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal, u b'konsultazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet rilevanti ta' produtturi u importaturi, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-użu ta' ftalati u sustanzi oħra bħal plastifikanti f'ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal. |
|
(15) |
Għall-fini tad-Direttiva 76/769/KEE, għandu jiġi definit it-terminu “artikolu għall-kura tat-tfal”. |
|
(16) |
Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar ta' liġijiet (9), il-Kunsill għandu jħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, tabelli, li, sa fejn ikun possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' trasposizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni ser tirrevedi l-użu tal-ftalati elenkati fl-anness I għad-Direttiva 76/769/KEE fi prodotti oħra meta l-evalwazzjoni tar-riskju taħt ir-Regolament tal-Kunsill 793/93/KEE tat-23 ta' Marzu 1993 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (10)tkun ġiet fi tmiema. |
|
(18) |
Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi ħtiġiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurta' u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (11)u fid-direttivi individwali bbażati fuqha, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 90/394/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' l-espożissjoni għall-kanċeroġeni fuq il-post tax-xogħol (12)u d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskju relatat ma' aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (13). |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 76/769/KEE qegħda hawn tiġi emendata kif ġej:
|
1. |
Is-sub-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 1(3):
|
|
2. |
L-Anness I għandu jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ma din id-Direttiva. |
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha terġa' tevalwa, sa … (14) l-aktar tard, il-miżuri previsti fid-Direttiva 76/769/KEE kif emendata min din id-Direttiva fid-dawl ta' informazzjoni xjentifika ġdida dwar sustanzi deskritti fl-Anness ta' din id-Direttiva u s-sostituti tagħhom, u jekk ikun ġustifikat, dawn il-miżuri għandhom jiġu modifikati kif xieraq.
Artikolu 3
1. Sa … (15) l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jinformaw b' dan lill-Kummissjoni minnufih.
Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn … (16).
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir it-tali referenza jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta' liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 4
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik li fih tkun ġiet pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
…
Għall-Kunsill
Il-President
…
(1) ĠU C 116 E, tat-30.4.2000, p. 14.
(2) ĠU C 117, tas-26.4.2000, p. 59.
(3) L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2000 (ĠU C 121, ta' l-24.4.2001, p.410), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-4 ta’ April 2005 u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-...(għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 35.
(5) ĠU L 315, tad-9.12.1999, p. 46. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2004/781/KE (ĠU L 344, ta' l-20.11.2004 p. 35).
(6) ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24. Direttiva mibdula bid-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 11, tal-15.1.2002 p. 4).
(7) ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/98/KE (ĠU L 305, ta' l-1.10.2004. p. 63).
(8) ĠU L 196, tas-16.8.1967. p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, tat-30.4.2004, p. 1).
(9) ĠU C 321, tal-31.12.2003, p. 1.
(10) ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p.1).
(11) ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.
(12) ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1. Direttiva mħassra mid-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 158, tat-30.4.2004, p. 50).
(13) ĠU L 131, tal-5.5.1998, p. 11.
(14) Erba' snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(15) Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(16) Tnax-il-xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
L-ANNESS
Il-punti li ġejjin għandhom jiġu miżjuda ma' l-Anness I għad-Direttiva 76/769/KEE:
|
M'għandhomx jintużaw bħala sustanzi jew bħala kostitwenti ta' preparazzjonijiet, f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0.1 % tal-massa tal-materjal plastiċizzat, f'ġugarelli u artikoli għall- kura tat-tfal. Tali ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal li fihom dawn il-ftalati f'konċentrazzjoni akbar mill-limitu msemmi hawn fuq m' għandhomx jitqiegħdu fis-suq. |
||
|
M'għandhomx jintużaw bħala sustanzi jew bħala kostitwenti ta' preparazzjonijiet, f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0.1 % tal-massa tal-materjal plastiċizzat, f'ġugarelli u artikoli għall- kura tat-tfal intiżi għal tfal taħt it-tliet snin u li jistgħu jitqiegħdu fil-ħalq minnhom. Tali ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal li fihom dawn il-ftalati f'konċentrazzjoni akbar mill-limitu msemmi hawn fuq m' għandhomx jitqiegħdu fis-suq. ” |
DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL
I. INTRODUZZJONI
Il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew il-proposta (1) tagħha biex tiġi emendata għat-22 darba d-Direttiva 76/769/KEE fl-24 ta' Novembru 1999, ibbażata fuq l-Art. 95 tat-Trattat tal-KE.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta Opinjoni (2) fil-15 ta' Frar 2000.
Il-Parlament Ewropew temm l-ewwel qari tiegħu u ta Opinjoni (3) fis-6 ta' Lulju 2003.
Fl-4 ta' April 2005, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu kif imniżżla fid-dok. 5467/05.
II. L-GĦAN
L-abbozz tad-Direttiva għandu x'jaqsam mal-markiting u l-użu ta' ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal li jikkontjenu ftalati. Fil-forma oriġinali tagħha hi pprevediet il-projbizzjoni ta' sitt ftalati differenti f'ġugarelli u f'artikoli għall-kura tat-tfal li jikkontjenu l-PVC u maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta' taħt it-tliet snin.
Il-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari tiegħu, adotta riżoluzzjoni dwar ftalati u sigurtà tal-ġugarelli li tipproponi xi emendi għall-proposta tal-Kummissjoni. L-emendi prinċipali huma dawn li ġejjin:
|
— |
Fil-każ ta' ġugarelli li jikkontjenu ftalati u li huma maħsuba għal tfal ta' bejn it-tliet u s-sitt snin, imma li tfal iżgħar jistgħu jdaħħlu f'ħalqhom, għandhom jitpoġġew twissijiet fuq l-imballaġġ u fuq il-ġugarell innifsu. |
|
— |
Il-projbizzjoni għandha tapplika għall-ftalati kollha u mhux biss għas-sitta mniżżla fil-proposta tal-Kummissjoni. |
|
— |
Il-projbizzjoni għandha tiġi estiża wkoll għall-ġugarelli kollha, mhux biss għall-ġugarelli maħsuba għal tfal ta' taħt it-tliet snin, u mhux biss għall-ġugarelli li huma magħmula biex jitpoġġew fil-ħalq. Ġugarelli li t-tfal jistgħu jpoġġuhom fil-ħalq jista' jkollhom konċentrazzjonijiet ta' mhux aktar minn 0,5 %, flok 1 % kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni. |
|
— |
M'għandhomx jiżdiedu fwejjaħ ma' ġugarelli, li jikkontjenu ftalati, li t-tfal jistgħu jpoġġu f'ħalqhom. |
Fil-25 ta' Mejju 2000, il-Kunsill eżamina l-fajl imma ma kienx kapaċi jilħaq ftehim dwar pożizzjoni komuni.
Sadattant, ir-riżultati ta' valutazzjonijiet ta' riskji ġodda saru disponibbli, u deher xieraq li jissaħħu ftit mid-dispożizzjonijiet oriġinali, f'konformità ma' dak li l-Parlament Ewropew ikkonkluda. Fl-24 ta' Settembru 2004, il-Kunsill laħaq qbil politiku b'unanimità dwar l-abbozz tad-Direttiva, li temenda għat-22 darba d-Direttiva 76/769/KEE, kif imniżżla fl-Anness I għad-dokument 12469/04.
III. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI KIF IMNIŻŻLA FID-DOK. 5467/05
1. Ġenerali
Għalkemm ma tinkorporax l-emendi kollha tal-Parlament Ewropew, il-Pożizzjoni Komuni twessa konsiderevolment il-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni, billi tissostitwixxi t-tikkettjar bi projbizzjoni diretta u tiżgura ċertezza legali billi tiddefinixxi b'mod ċar il-punti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni (definizzjoni ta' artikolu għall-kura tat-tfal, identika għal dik li hemm fid-Direttiva tal-Ġugarelli (4), ġiet miżjuda).
L-emendi 1, 3, 4, 6 u 8 ġew aċċettati fil-prinċipju, għalkemm ġew abbozzati mill-ġdid.
L-emendi 18, 2, 5, 11, 24, 7, 17/rev., 16 u 19 ma ġewx meqjusa aċċettabbli.
2. Elementi ġodda li jinsabu fil-Pożizzjoni Komuni kif imqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni
Ir-reċiti 3, 4 u 7 sarulhom tibdiliet żgħar fl-abbozzar, il-biċċa l-kbira minnhom ta' natura legali. Ir-reċiti ġodda 6 u minn 9 sa 15 ġew miżjuda, biex jindikaw li projbizzjoni temporanja hija diġà fis-seħħ u biex jiċċaraw ir-relazzjoni bejn il-ftalati li jridu jiġu pprojbiti, il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju.
Id-definizzjoni ta' “artikolu għall-kura tat-tfal” ġiet introdotta fl-Art. 1(1) il-ġdid.
L-Artikolu 2 ġie abbozzat mill-ġdid biex jintroduċi l-obbligu għall-Kummissjoni li tirrevedi dawn il-miżuri fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ tagħhom.
L-Artikolu 3 ġie abbozzat mill-ġdid biex jikkonforma mal-linji gwida dwar l-abbozzar ta' testi leġislattivi, u biex iżid l-obbligu għall-Istati Membri biex jinnotifikaw il-miżuri ta' trasposizzjoni lill-Kummissjoni.
Fl-Anness, il-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni ġiet iċċarata, billi ġiet estiża, minn DEHP, DBP u BBP għal ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal kollha; għal DINP, DIDP u DNOB, il-projbizzjoni tkopri ġugarelli u artikoli għall-kura tat-tfal intiżi għal tfal ta' taħt it-tliet snin u li huma jistgħu jpoġġu f'ħalqhom. Fiż-żewġ każi, ġie ċċarat li l-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 0,1 % tal-massa japplika għall-massa ta' materjal plastiċizzat, sabiex fil-każ ta' oġġetti li jinkludu kemm materjal plastiċizzat u komponenti oħra, jibqa' applikabbli bi sħiħ għall-parti plastiċizzata biss.
IV. KONKLUŻJONI
Il-Kunsill, permezz tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu, jixtieq li jimxi 'l quddiem fl-istess direzzjoni bħall-Parlament Ewropew, billi jwessa' b'mod sinifikanti l-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni, jissostitwixxi t-tikkettjar bi projbizzjoni diretta. Il-Kunsill jemmen li dan ser jassisti ħafna lejn l-adozzjoni ta' projbizzjoni permanenti, soġġetta għal reviżjoni kontinwa, u jwassal għal projbizzjoni iżjed usa, jekk toħroġ evidenza xjentifika ġdida wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
(1) ĠU C 116 E tas-26 ta' April 2000, p. 14.
(2) ĠU C 117 tas-26 ta' April 2000, p. 17.
(3) ĠU C 121 ta' l-24 ta' April 2001, p. 410.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 1999/815/KE (ĠU L 315 tad-9 ta' Diċembru 1999, p. 46.)