15.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/26


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) nru. 13/2005

adottata mill-Kunsll fid-9 ta' Diċembru 2004

bil-għan li tigi adottata d-Direttiva 2005/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… li temenda id-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburant marin

(2005/C 63 E/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

BILLI:

(1)

Il-politika ambjentali tal-Komunità, kif stabbilita fil-programmi ta' azzjoni dwar l-ambjent u, b'mod partikolari, fis-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali adottata bid-Deċisjoni Nru. 1600/2002/KE (4), fuq il-bażi ta' l-Artikolu 174 tat-Trattat, hija intiża biex tikseb livelli ta' kwalità ta' l-arja li ma jagħtux lok għal impatti inaċċettabbli fuq, u riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi (5) li tistabbilixxi l-kontenut massimu ta' kubrit permess fiż-żejt karburant tqil, fil-gas oil, u fil-gas oil marin użati fil-Komunità.

(3)

Id-Direttiva 1999/32/KE tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra liema miżuri jistgħu jittieħdu sabiex titnaqqas il-kontribuzzjoni għall-aċidifikazzjoni mill-ħruq ta' karburanti marini barra l-gas oils u, jekk ikun xieraq, tagħmel proposta.

(4)

L-emissjonijiet li jirriżultaw mit-trasport marittimu minħabba l-ħruq ta' karburanti marini li jkun fihom kontenut għoli ta' kubrit jikkontribwixxu għat-tniġġis ta' l-arja fil-forma ta' diossidju tal-kubrit u partikuli ta' materja oħra. Dan jagħmel ħsara lill-ambjent minħabba l-aċidifikazzjoni u huwa dannuż għas-saħħa tal-bniedem, għall-proprjetà u għall-wirt kulturali, b'mod partikolari madwar fiż-żoni madwar ix-xtut u fil-portijiet.

(5)

Il-miżuri f'din id-Direttiva li jnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport marittimu f'ibħra internazzjonali jikkomplementaw il-miżuri nazzjonali ta' l-Istati Membri biex jikkonformaw mal-limiti massimi imposti fuq l-emissjonijiet ta' sostanzi li jniġġsu l-atmosfera stabbiliti fid-Direttiva 2001/81/KE (6).

(6)

Ir-riduzzjoni tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għandu ċerti vantaġġi għall-bastimenti, f'termini ta' effiċjenza operazzjonali u spejjeż ta' manutenzjoni, u jiffaċilita l-użu effikaċi ta' ċerti teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet bħar-riduzzjoni silettiva katalitika.

(7)

It-Trattat jeħtieġ li jittieħdu in konsiderazzjoni l-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni l-aktar estremi tal-Komunità, u ċioe' id-dipartimenti Franċiżi barranin, il-gżejjer ta' l-Ażores, Madeira u Kanari.

(8)

Fl-1997, ġie adottat Protokoll minn konferenza diplomatika li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut ma' l-istess Konvenzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “MARPOL”). Dan il-Protokoll iżid l-Anness VI mal-MARPOL, li fih regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-arja mill-bastimenti. Il-Protokoll ta' l-1997, u konsegwentement l-Anness VI mal-MARPOL, sejrin jidħlu fis-seħħ fid-19 ta' Mejju 2005.

(9)

L-Anness VI mal-MARPOL jipprovdi għad-dikjarazzjoni ta' ċerti żoni bħala Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-Ossidju tal-Kubrit (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx”). Huwa diġà jiddikjara l-Baħar Baltiku bħala żona ta' dan it-tip. Xi diskussjonijiet fi ħdan l-Organizzazjoni Marittima Internazzjonali (IMO) wasslu għal ftehim dwar il-prinċipju li l-Baħar tat-Tramuntana, inkluż il-Kanal Ingliż jiġi ddikjarat bħala Żona ta' Kontroll fuq l-Emissjoni tas-Sox wara d-dħul fis-seħħ ta' l-Anness VI.

(10)

L-infurzar ta' l-obbligi fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marini huwa meħtieġ biex jiżgura l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva. It-teħid effettiv ta' kampjuni u pieni dissważivi madwar il-Komunità huma meħtieġa biex tiġi assigurata l-implimentazzjoni kredibbli ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u dawk li jkunu fil-portijiet tagħhom. Huwa l-każ ukoll li l-Istati Membri jikkoperaw mill-qrib sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

(11)

Bil-għan li l-industrija marittima jkollha biżżejjed żmien għall-addattazzjoni teknika għal-limitu massimu ta' 0.1 % kubrit fil-piż għall-karburanti marini wżati minn bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità, id-data li fiha jibda japplika dan ir-rekwiżit għandha tkun l-1 ta' Jannar 2010. Peress li din id-data tista' tkun teknikament problematika għall-Greċja, jeħtieġ li tingħata deroga temporanja lil ċerti bastimenti speċifiċi li joperaw fit-territorju tal-Greċja.

(12)

Huwa essenzjali li l-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri fin-negozjati ta' l-IMO jkunu rinforzati, speċjalment biex, fil-fażi tar-reviżjoni ta' l-Anness VI mal-MARPOL, jiġu promossi miżuri aktar ambizzjużi dwar limiti aktar stretti fuq il-kubrit fiż-żejt karburant tqil li jintuża mill-bastimenti u l-użu ta' miżuri ekwivalenti alternattivi għat-tnaqqis.

(13)

Fir-riżoluzzjoni tagħha A.926(22), l-Assemblea ta' l-IMO stiednet lill-Gvernijiet, b'mod partikolari lil dawk fejn ġew dikjarati xi Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx, sabiex jiżguraw id-disponibbiltà ta' żejt karburant b'kontenut ta' kubrit baxx f'żoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

(14)

L-IMO adottat linjigwidagħat-teħid ta' kampjuni taż-żejt karburant sabiex tiġi stabbilita l-osservanza ta' l-Anness VI mal-MARPOL, u sejra tiżviluppa linjigwida dwar is-sistemi ta' tindif tal-gass li joħroġ mill-egżost u metodi teknoloġiċi oħra intiżi biex jillimitaw l-emissjonijiet SOx f'Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx

(15)

Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet fl-arja ta' ċerti sostanzi li jniġġsu li joħorġu minn impjanti kbar tal-kombustjoni (7) tfassal mill-ġdid id-Direttiva 88/609/KEE. Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi riveduta, skond kif previst fl-Artikolu 3(4) tagħha.

(16)

Huwa xieraq li l-Kumitat attwali għall-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru. 2099/2002 (8) jassisti lill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-approvazzjoni ta' eknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet.

(17)

It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet, dejjem jekk dawn ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-ekosistemi u dejjem jekk huma jkunu żviluppati taħt sorveljanza ta' mekkaniżmi adegwati ta' approvazzjoni u kontroll, jistgħu jwasslu għal, ta' l-inqas, l-istess jew iktar riduzzjonijiet fl-emissjonijiet milli kieku jintuża karburant b'kontenut ta' kubrit baxx. Jeħtieġ li jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet korretti sabiex jippromwovu l-ħolqien ta' teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis.

(18)

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skond il-każ, fis-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(19)

Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (9).

(20)

Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 1999/32/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 1(2) jiġi mibdul bis-segwenti:

“2.   It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit li jirriżulta mill-kombustjoni ta' ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt għandu jinkiseb billi jkunu imposti limiti fuq il-kontenut ta' kubrit f'tali karburanti bħala kondizzjoni għall-użu tagħhom ġewwa t-territorju, l-ibħra territorjali u ż-żoni ekonomiċi esklussivi jew żoni ta' kontroll tat-tniġġis.

Il-limitazzjonijiet fuq il-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt kif stabbiliti f'din id-Direttiva ma għandhomx, madankollu, japplikaw għal:

(a)

karburanti maħsuba għal skopijiet ta' riċerka u ittestjar;

(b)

karburanti maħsuba għall-ipproċessar qabel il-kombustjoni finali;

(ċ)

karburanti li għandhom jiġu proċessati fl-industrija tar-raffinazzjoni;

(d)

karburanti wżati u mqiegħda fis-suq fir-reġjuni l-iktar estremi tal-Komunità biss jekk l-Istati Membri relevanti jiżguraw li f'dawk ir-reġjuni:

l-istandards tal-kwalità ta' l-arja huma osservati;

żjut karburanti tqal ma jkunux użati f'każ li l-kontenut tagħhom ta' kubrit jeċċedi t-3 % fil-massa;

(e)

karburanti wżati minn bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħra f'servizz militari. Madankollu, kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu sabiex jiżgura, billi jadotta l-miżuri adegwati li ma jxekklux l-operazzjonijiet jew il-kapaċità operazzjonali ta' tali bastimenti, li dawn il-bastimenti joperaw b'mod konsistenti, safejn dan ikun raġonevoli u prattiku, ma' din id-Direttiva;

(f)

kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment meħtieġ għall-iskop speċifiku tal-protezzjoni tas-sigurtà ta' bastiment jew biex tiġi salvata l-ħajja fuq il-baħar;

(ġ)

kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment li jsir meħtieġ minħabba xi danni li jkun sofra l-bastiment jew it-tagħmir tiegħu, biss jekk il-miżuri raġonevoli kollha jittieħdu wara l-okkorrenza tad-dannu sabiex jipprevjenu jew jimminimizzaw emissjonijiet eċċessivi u jekk jittieħdu miżuri minnufih għat-tiswija tad-dannu. Dan ma għandux japplika jekk is-sid jew il-kaptan ikun aġixxa bil-ħsieb li jikkawża d-dannu, jew bi traskuraġni;

(h)

karburant użat abbord bastimenti li jimpjegaw teknoloġiji approvati li jnaqqsu l-emissjonijiet skond l-Artikolu 4ċ.”;

2)

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil- punt 1, l-ewwel inċiż jiġi mibdul b'dan li ġej:

“-

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant marin, li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 2710 19 51 sa 2710 19 69, jew;”

(b)

Fil- punt 2, l-ewwel subparagrafu jiġi mibdul b'dan li ġej:

gas oil tfisser:

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant marin, li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 19 25, 2710 19 29, 2710 19 45 jew 2710 19 49; jew,

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant marin, li minnu anqas minn 65 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mal-250oC u li minnu ta' l-anqas 85 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mat-350oC bil-metodu ASTM D86.;”

(ċ)

il- punt 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.

karburant marin tfisser kull karburant likwidu derivanti miż-żejt maħsub għal jew użat abbord xi bastiment, inklużi dawk il-karburanti definiti fl-ISO 8217;”

(d)

jiġu nseriti l-punti li ġejjin:

“3a

żejt diesel marin tfisser kull karburant marin li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMB u DMC fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

3b

gas oil marin tfisser kull karburant marin li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMX u DMA fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

MARPOL tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut magħha;

3d

MARPOL Anness VI tfisser l-Anness, intitolat ‘Regolamenti għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis ta' l-Arja mill-Bastimenti’, li l-Protokoll ta' l-1997 iżid mal-MARPOL;

3e

Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx tfisser żoni ta' baħar definiti bħala tali mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fil-MARPOL Anness VI;

3f

Bastimenti tal-passiġġieri tfisser bastimenti li jġorru aktar minn tnax-il passiġġier, fejn passiġġier huwa kull persuna li mhijiex:

(i)

il-kaptan u l-membri ta' l-ekwipaġġ jew xi persuna oħra impjegata jew ingaġġata fi kwalunkwe kapaċità abbord bastiment fix-xogħol ta' dak il-bastiment, u

(ii)

tarbija taħt l-età ta' sena;

3g

servizzi regolari tfisser serje ta' vjaġġi ta' bastiment tal-passiġġieri magħmula sabiex jaqdu l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess zewġ portijiet jew aktar, jew serje ta' vjaġġi minn u sa l-istess port mingħajr waqfien intermedji:

(i)

skond itinerarju ppubblikat, jew

(ii)

ta' traversati tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu skeda rikonoxxibbli;

3h

bastiment tal-gwerra tfisser bastiment li huwa parti minn qawwa armata ta' xi Stat li jkollu marki esterni li jiddistingwuh bin-nazzjonalità, taħt il-kmand ta' uffiċjal li jkun debitament imqabbad mill-Gvern ta' l-Istat u li ismu jkun jidher fil-lista adatta tas-servizz jew fl-ekwivalenti tagħha, u li jkun ekwipaġġat b'persunal taħt iddixxiplina ta' forzi armati regolari;

3i

bastimenti irmiġġati tfisser bastimenti li jkunu sorġuti jew ankrati sewwa f'port fil-Komunità filwaqt li jgħabbu, jħottu jew jakkomodaw persuni, inkluż il-ħin li fih ma jkunux involuti fl-operazzjonijiet ta' tagħbija;

3j

bastiment tal-passaġġi ta' l-ilma interni tfisser bastiment maħsub b'mod partikolari għall-użu f' passaġġi navigabbli f'ilmijet interni kif definit fid-Direttiva 82/714/KEE li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastiment tal-passaġġi ta' l-ilma interni (10), inkluż kull bastiment li jġorr:

ċertifikat għan-navigazzjoni interna fil-Komunità, kif stabbilit fid-Direttiva 82/714/KEE,

ċertifikat maħruġ skond l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine;

3k

tqegħid fis-suq tfisser il-forniment jew il-prokura ta' karburanti marini għall-kombustjoni abbord, lil terzi persuni, bi ħlas jew b'xejn, fi kwalunkwe parti fil-ġurisdizzjonijiet ta' l-Istati Membri. Din teskludi il-forniment jew il-prokura ta' karburanti marini għall-esportazzjoni f'tankijiet tat-tagħbija tal-bastimenti;

3l

reġjuni l-aktar estremi tfisser id-dipartimenti Franċiżi barranin, l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer ta' Canary, kif stabbiliti fl-Artikolu 299 tat-Trattat;

3m

teknoloġija li tnaqqas l-emissjonijiet tfisser xi sistema li tnaddaf il-gass ta' l-exhaust, jew kull metodu teknoloġiku ieħor li huwa verifikabbli u inforzabbli.

(e)

Il-punt 6 jiġi mħassar.

3)

L-Artikolu 3 jiġi mibdul b'li ġej:

“Artikolu 3

Kontenut massimu ta' kubrit fiż-żejt karburant tqil

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li mill-1 ta' Jannar 2003, żjut karburanti tqal ma jintużawx ġewwa t-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit tagħhom jeċċedi l-1 % fil-massa.

2.

(i)

Soġġett għas-sorveljanza adegwata ta' l-emissjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għal żjut karburanti tqal użati:

(a)

f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta 23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (11), li huma ikkunsidrati impjanti ġodda skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(9) ta' l-istess Direttiva u li jikkonformaw mal-limiti ta' emissjoni ta' diossidju tal-kubrit stabbiliti għal tali impjanti stipulati fl- Anness IV ta' dik id-Direttiva u applikati skond l-Artikolu 4 tagħha.

(b)

f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE, li huma ikkunsidrati impjanti eżistenti skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(10) tagħha, fejn l-emissjonijiet tad-diossidju tal-kubrit minn dawn l-impjanti huma ugwali għal jew anqas minn 1700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta, u fejn, mill-1 ta' Jannar 2008, l-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit mill-impjanti tal-kombustjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2001/80/KE huma ugwali jew anqas minn dawk riżultanti mill-osservanza tal-valuri ta' limiti ta' l-emissjonijiet imposti għal impjanti ġodda msemmija fil-Parti A ta' l-Anness IV ma' dik id-Direttiva, u fejn ikun il-każ, bl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 5, 7 u 8 ta' l-istess;

(ċ)

f'impjanti ta' kombustjoni oħra, li ma jaqgħux fl-ambitu ta' (a) jew (b), fejn l-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit minn dawk l-impjanti ma jeċċedux l-1700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta;

(d)

għall-kombustjoni f'raffineriji, fejn il-medji ta' emissjonijiet kull xahar ta' diossidu tal-kubrit meta mkejla mal-medja ta' l-impjanti kollha fir-raffinerija, irrispettivament mit-tip ta' karburant jew kombinazzjoni ta' karburanti wżati, ikunu jaqgħu f'limitu li għandu jiġi stabbilit minn kull Stat Membru, li ma għandux jeċċedi l-1700 mg/Nm3. Dan ma għandux japplika għall-impjanti tal-kombustjoni li jaqgħu taħt (a) jew, mill-1 ta' Jannar 2008, għal dawk li jaqgħu taħt (b).

(ii)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull impjant ta' kombustjoni li juża żejt karburant tqil b'konċentrazzjoni ta' kubrit ogħla minn dik imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandux jiġi operat mingħajr permess mogħti minn awtorità kompetenti, li tispeċifika l-limiti ta' l-emissjonijiet.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom jiġu riveduti u, jekk xieraq, emendati fid-dawl ta' kwalunkwe reviżjoni futura tad-Direttiva 2001/80/KE.

4)

L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

(a)

B'effett mill-1 ta' Jannar 2010:

(i)

fil-paragrafu 1, jitħassru l-kliem “inkluż il-gas oil marin”;

(ii)

il-paragrafu 2 jiġi mħassar.

(b)

B'effett minn........... (12), il-paragrafi 3 u 4 jiġu mħassra.;

5)

Jiġu nseriti l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti marini użati f'Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni tas-SOx u minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b'servizzi regolari sa u minn portijiet fil-Komunità Ewropea

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti marini ma jintużawx fiż-żoni ta' l-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u f'żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom li jaqgħu f'Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-Sox jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. Dan għandu japplika għall-bastimenti kollha tal-bnadar kolha, inklużi l-bastimenti li jibdew il-vjaġġ tagħhom minn barra l-Komunità.

2.   Id-dati tal-bidu ta' l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom ikunu kif ġej:

(a)

għaż-żona tal-Baħar Baltiku imsemmi fir-regolament 14(3)(a) tal-MARPOL Anness VI, … (13);

(b)

għaż-żoni tal-Baħar tat-Tramuntana u ta' ibħra oħra, inklużi il-portijiet, li sussegwentement jiġu nominati mill-IMO bħala Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx skond ir-regolament 14(3)(b) tal-MARPOL Anness VI:

12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dik in-nomina, jew

…….. (14),

skond liema tkun l-aħħar data minnhom.

3.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar tal-paragrafu 1 ta' l-inqas fir-rigward ta:

bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom; u

fil-każ ta' Stati Membri li jikkonfinaw ma' xi żona ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx, il-bastimenti li jtajru kawlunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jieħdu wkoll azzjoni addizzjonali ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

4.   Mid-data imsemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti marini ma jintużawx fl-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u fiż-żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw f'servizzi regolari sa u minn kwalunkwe port Komunitarju jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar ta' dan ir-rekwiżit ta' l-inqas fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandieri tagħhom u ta' bastimenti li jtajru kawlunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom

5.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-kompletament korrett tal-ġurnal uffiċjali ta' abbord, inklużi d-dettalji ta' l-operazzjonijiet tal-bdil tal-karburant, bħala kundizzjoni għad-dħul tal-bastiment fil-portijiet tal-Komunità.

6.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marini kollha mibjugħin fit-territorju tagħhom jiġi dokumentat mill-fornitur fuq nota ta' kunsinna tal-bunker, akkumpanjata b'kampjun issiġillat.

7.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żjut diesel marini ma jiġux imqiegħda fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk iż-żjut diesel marini jeċċedi l-1.5 % fil-massa.

8.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bid-dati ta' applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) u għandha tippubblikhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Atikolu 4b

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti marini wżati minn bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità

1.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-bastimenti li ġejjin ma jagħmlux użu minn karburanti marini b'kontenut ta' kubrit li jeċċedi l-0.1 % fil-massa:

(a)

bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni; u

(b)

bastimenti irmiġġati f'portijiet Komunitarji, wara li jingħata żmien suffiċjenti sabiex l-ekwipaġġ iwettaq l-operazzjoni tal-bidla neċessarja ta' karburant kemm jista' jkun malajr wara l-wasla fl-irmiġġ u l-aktar tard possibbli qabel it-tluq.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-ħin tat-tul ta' l-operazzjoni tal-bdil tal-karburant jitniżżel fil-ġurnal uffiċjali ta' abbord.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a)

meta, skond l-itinerarji ppubblikati, il-bastimenti jkunu se jdumu irmiġġati għal inqas minn sagħtejn;

(b)

għall-bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni li jkollhom ċertifikat li juri l-konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, 1974, kif emendata, waqt li dawk il-bastimenti jkunu fuq il-baħar;

(ċ)

sal-1 ta' Jannar 2012 għall-bastimenti elenkati fl-Anness u li joperaw esklussivament fit-territorju tal-Greċja.

3.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2012, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gas oils marini ma jitqegħdux fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk l-istess gas oils marini jaqbeż jeċċedi l-0.1 % fil-massa.

Artikolu 4ċ

Provi u użu ta' teknoloġiji ġodda li jnaqqsu l-emissjonijiet

1.   L-Istati Membri jistgħu, b'koperazzjoni ma' Stati Membri oħra, skond kif xieraq, japprovaw l-użu bi prova ta' teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet fuq bastimenti fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, jew f'żoni ta' baħar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Matul dawn il-provi ma għandux ikun obbligatorju l-użu ta' karburanti marini konformi mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b, biss jekk:

il-Kummissjoni u kwalunkwe Stat portwali konċernat jiġu notifikati bil-miktub ta' l-inqas 6 xhur qabel ma jibdew il-provi;

il-permessi għall-provi ma jeċċedux 18-il xahar fit-tul;

il-bastimenti kollha involuti jiġu mgħammra b'tagħmir protett mit-tbagħbis għas-sorveljanza kontinwa tal-funnel gas emissions u jużawh matul il-perjodu ta' prova kollu;

il-bastimenti kollha involuti jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun ta' l-inqas ekwivalenti għal dak li jkun jintlaħaq bl-impożizzjoni tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva;

matul il-perjodu tal-prova kollu jkun hemm sistemi tajbin għall-immaniġġjar ta' l-iskart għal kwalunkwe skart ġenerat mit-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet;

matul il-perjodu tal-prova kollu issir stima ta' l-impatti fuq l-ambjent marin, b'mod partikolari fuq l-ekosistemi f'portijiet magħluqa, portijiet u estwarji; u

fis-sitt xhur wara t-tmiem tal-provi, ir-riżultati kompleti jingħataw lill-Kummissjoni u jingħata aċċess għalihom lill-pubbliku.

2.   It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru għandhom jiġu approvati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru. 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru ta' l-2002 li jistabilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (15), b'kont meħud:

ta' linjigwidali għandhom jiġu żviluppati mill-IMO;

ta' riżultati ta' kwalunkwe provi magħmulin skond il-paragrafu 1;

ta' l-effetti fuq l-ambjent, inkluż it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet li jista' jintlaħaq, u l-impatti fuq l-ekosistemi f'portijiet magħluqa, portijiet u estwarji;

tal-vijabbiltà tas-sorveljanza u tal-verifiki.

3.   Għandhom jiġu stabbiliti kriterji għall-użu, tat-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet, minn bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera f'portijiet magħluqa, portijiet u estwarji fil-Komunità skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawn il-kriterji lill-IMO.

4.   Bħala alternattiva għall-użu ta' karburanti marini b'kontenut ta' kubrit baxx li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li bastimenti jużaw xi teknoloġija approvata għat-tnaqqis ta' emissjonijiet, biss jekk dawn il-bastimenti:

jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li huwa ta' l-inqas ekwivalenti għal dak li jkun jintlaħaq permezz tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva; u

jiddokumentaw b'mod rigoruż li kwalunkwe flussi ta' skart rilaxxjati f'portijiet magħluqa, f'portijiet u fl-estwarji ma jkollhom l-ebda impatt fuq l-ekosistemi, u dan fuq il-bażi ta' kriterji komunikati mill-awtoritajiet ta' l-Istati portwali lill-IMO.

6)

L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Jiġi nserit il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marini jikkonforma mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikoli 4a u 4b.

Kull wieħed minn dawn il-mezzi ta' teħid ta' kampjuni, ta' analiżi u ta' ispezzjoni għandu jintuża skond kif xieraq:

it-teħid ta' kampjuni tal-karburant marin għall-kombustjoni abbord waqt li jiġi kunsinnat lill-bastimenti, skond il-linjigwidata' l-IMO, u l-analiżi tal-kontenut tiegħu ta' kubrit;

it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-kontenut ta' kubrit fil-karburant marin għall-kombustjoni abbord li jkun qiegħed f'tankijiet, fejn ikun possibbli, u f'kampjuni siġillati tal-bunker abbord;

l-ispezzjoni tal-ġurnali uffiċjali ta' abbord u tan-noti ta' kunsinna tal-bunker.

It-teħid ta' kampjuni għandu jibda mad-data li fiha jidħol fis-seħħ il-limitu relevanti għall-kontenut massimu ta' kubrit fil-karburant. Dan għandu jsir bi frekwenza suffiċjenti, fi kwantitajiet suffiċjenti, u b'tali mod li l-kampjuni ikunu rappreżentattivi tal-karburant eżaminat, u tal-karburant li jkun qiegħed jintuża mill-bastimenti meta dawn ikunu f'żoni ta' ibħra, portijiet u passaġġi ta' l-ilma interni relevanti.

L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri raġonevoli, skond ir-rekwiżiti tal-każ, sabiex jissorveljaw il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marini barra minn dawk li għalihom japplikaw l-Artikoli 4a u 4b.”.

(b)

Fil-paragrafu 2, il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“(a)

Il-metodu ISO 8754 (1992) u PrEN ISO 14596 għaż-żejt karburant tqil u karburanti marini;”.

7)

L-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“Artikolu 7

Rapportar u reviżjoni

1.   Fuq il-bażi tar-riżultati tal-kampjuni, ta' l-analiżi u ta' l-ispezzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport qasir dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti likwidi li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva u wżati fit-territorju tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi reġistrazzjoni tan-numru totali ta' kampjuni eżaminati skond it-tip ta' karburant u għandu jindika l-kwantità korrispondenti ta' karburant użat, u l-kontenut medju ta' kubrit kalkulat. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar in-numru ta' ispezzjonijiet magħmula abbord, u għandhom jirreġistraw il-kontenut medju ta' kubrit fil-karburanti marini wżati fit-territorju tagħhom li ma jaqgħux fl-ambitu ta' din id-Direttiva fi... (16).

2.   Fuq il-bażi, inter alia:

(a)

ta' rapporti annwali sottomessi skond il-paragrafu 1;

(b)

tat-tendenzi osservati fil-kwalità ta' l-arja, fl-aċidifikazzjoni, fl-ispejjeż tal-karburant u fil-bdil modali; u

(ċ)

tal-progress fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidju tal-kubrit minn bastimenti permezz ta' mekkaniżmi ta' l-IMO fuq inizjattivi Komunitarji f'dan ir-rigward;

(d)

ta' analiżi ġdida tal-benefiċċji kontra l-ispejjeż, inklużi benefiċċji ambjentali diretti u indiretti, miksuba mill-miżuri elenkati fl-Artikolu 4a(4),

il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2008.

Flimkien mar-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti għal emendi f'din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' stadju ieħor ta' valuri ta' limiti fuq il-kubrit stabbiliti għal kull kategorija ta' karburant u, b'kont meħud tax-xogħol fl-IMO, taż-żoni tal-baħar fejn għandhom jiġu wżati karburanti marini b'kontenut baxx ta' kubrit.

3.   Sal-31 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu possibbli ta' strumenti ekonomiċi, inklużi mekkaniżmi bħal taxxi differenzjati u imposti fuq il-kilometri, permessi ta' l-emissjoni negozjabbli u tpaċija.

4.   Kwalunkwe emendi li jkunu meħtieġa biex isiru adattamenti tekniċi fl-Artikolu 2, punti 1, 2, 3a, 3b u (4) jew fl-Artikolu 6(2) fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Tali adattamenti ma għandhomx jirriżultaw f'bidliet diretti fll-ambitu ta' din id-Direttiva jew fil-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva.”;

8)

L-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“Artikolu 9

Il-Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn isir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (17), b'kont meħud għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

9)

Jiżdied ma' din id-Direttiva t-test li jinsab fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa …… (18). Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva meta l-Istati Membri jadottawhom, jew jiġu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta' dan ir-riferiment.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU Ċ 45 E, tal-25.2.2003, p. 277.

(2)  ĠU Ċ 208, tat-3.9.2003, p. 27.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Ġunju 2003 (ĠU Ċ 68E, tat-18.3.2004, p. 311), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad 9 ta' Diċembru 2004 u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta'....... (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 242, ta' l-10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 121, tal-11.5.1999, p. 13. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 22. Direttiva kif emendata bl-Att ta' Adezzjoni ta' l-2003.

(7)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif emendata fl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(8)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).

(9)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(10)  ĠU L 301, 28.10.1982, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata fl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003”;

(11)  ĠU L 309, tat-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003”.

(12)  Data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(13)  19 ta' Mejju 2006 jew, jekk iktar tard, 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(14)  12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(15)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).”;

(16)  Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(17)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.”.

(18)  12–il xahar wara l-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS

“ANNESS

BASTIMENTI GRIEGI

ISEM TAL-BASTIMENT

SENA TAL-KUNSINNA

NUMRU TA' L- IMO

ARIADNE PALACE

2002

9221310

IKARUS PALACE

1997

9144811

KNOSSOS PALACE

2001

9204063

OLYMPIA PALACE

2001

9220330

PASIPHAE PALACE

1997

9161948

FESTOS PALACE

2001

9204568

EUROPA PALACE

2002

9220342

BLUE STAR I

2000

9197105

BLUE STAR II

2000

9207584

BLUE STAR ITHAKI

1999

9203916

BLUE STAR NAXOS

2002

9241786

BLUE STAR PAROS

2002

9241774

HELLENIC SPIRIT

2001

9216030

OLYMPIC CHAMPION

2000

9216028

LEFKA ORI

1991

9035876

SOPHOKLIS VENIZELOS

1990

8916607


ABBOZZ TA' DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-28 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit f'karburanti marittimi.

2.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-sessjoni tiegħu mit-2 sal-5 ta' Ġunju 2003.

3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ssottometta l-opinjoni tiegħu fl-14 ta' Mejju 2003.

4.

Il-Kumitat tar-Reġjuni indika fl-20 ta' Jannar 2003 l-intenzjoni tiegħu li ma joħroġx opinjoni.

5.

Il-Kummissjoni adottat proposta emendata fl-1 ta' Awissu 2003.

6.

Fid-9 ta' Diembru 2004, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251(2) tat-Trattat.

II.   GĦAN

L-emendi proposti għad-Direttiva 1999/32/KE jfittxu li jestendu l-firxa ta' applikazzjoni tagħha għat-tipi kollha ta' karburanti likwidi derivati miż-żejt użati fuq bastimenti u biex jiġi limitat il-kontenut ta' kubrit f'dawn il-karburanti marittimi meta jkunu qed jiġu użati minn bastimenti f'ċerti partijiet ta' l-Unjoni Ewropea.

L-għan hu li jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet mill-bastimenti ta' diossidu tal-kubrit u materjal partikulat (PM) kif stabbilit fl-istrateġija parallela ta' l-UE biex jiġu mnaqqsa emissjonijiet atmosferiċi minn bastimenti marittimi. Il-proposta għandha l-għan li timplimenta ż-Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjoni ta' Diossidu tal-Kubrit diġà magħżula mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fil-konvenzjoni tagħha dwar it-tniġġis ta' l-arja, l-Anness VI tal-MARPOL. Il-proposta timmodifika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marittimi, kif ġej:

tintroduċi limitu ta' 1.5 % ta' kontenut ta' kubrit fuq karburanti marini użati mill-bastimenti kollha, fil-Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Kanal Ingliż, skond l-Anness VI tal-MARPOL, sabiex jitnaqqas l-effett ta' l-emissjonijiet tal-bastimenti fuq l-aċidifikazzjoni fl-Ewropa tat-Tramuntana;

tintroduċi limitu ta' 1.5 % ta' kontenut ta' kubrit fuq karburanti marittimi użati minn bastimenti tal-passiġġieri f'servizz regolari lejn u minn kwalunkwe port Komunitarju, sabiex tittejjeb il-kwalità ta' l-arja, b'mod partikolari madwar portijiet u kosti u tinħoloq domanda suffiċjenti biex tiġi żgurata provvista fl-UE kollha ta' karburant b'kontenut ta' kubrit ta' mhux aktar minn 1.5 %.

temenda d-dispożizzjoni eżistenti dwar żjut tal-gass marittimi billi teħtieġ li bastimenti rmiġġati u vetturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni jużaw karburanti b'kontenut ta' kubrit ta' 0.1 % jew anqas (mill-1 ta' Jannar 2010), sabiex jitnaqqsu emissjonijiet lokali ta' SO2 u PM u tittejjeb il-kwalità ta' l-arja lokali. Deroga għal 16-il bastiment speċifiku fil-Greċja tapplika sa l-1 ta' Jannar 2012;

Sabiex jiġi żgurat li karburanti li jikkonformaw huma disponibbli, tipprojbixxi l-bejgħ ta' żjut tal-gass marittimi (gradi DMA u DMX) b'kontenut ta' aktar minn 0.1 % kubrit sa l-2010, biex jitneħħa l-limitu attwali ta' 0.2 % ta' kontenut ta' kubrit fuq żjut tad-diesel marittimi tal-gradi DMB u DMC, u sussegwentement tipprojbixxi l-bejgħ ta' tali karburanti b'kontenut ta' aktar minn 1.5 % ta' kubrit.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Il-Parlament Ewropew adotta 36 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni.

Fil-fehma tal-Kunsill, il-pożizzjoni komuni tikkostitwixxi kompromess bilanċjat fejn:

hemm sett koerenti ta' dati għad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, b'kont meħud tad-dħul fis-seħħ issa imminenti ta' l-Anness VI tal-MARPOL (f'Mejju 2005);

l-ebda deroga ma hi stabbilita f'konflitt mad-dħul fis-seħħ ta' l-Anness VI tal-MARPOL u l-istabbiliment ta' SOxECAs;

il-problemi tekniċi u prattiċi tal-ħtiġiet ġodda għal bastimenti rmiġġati huma kkunsidrati b'mod raġonevoli, inkluża d-deroga temporanja speċifika mitluba mill-EL għal ċerti vapuri Roll on/Roll off.

L-Anness VI tal-MARPOL jidħol fis-seħħ internazzjonalment sena wara li jkun ġie ratifikat minn ta' l-inqas 15-il Stat tal-bandiera li jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tat-tunnellaġġ gross ta' bastimenti merkantili fid-dinja. Sal-15 ta' Ottubru 2004, 17-il pajjiż issa rratifikaw - l-Isvezja, in-Norveġja, Singapor, il-Baħamas, il-Gżejjer Marshall, il-Liberja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Vanwatu, il-Panama, il-Greċja, il-Bangladex, Spanja, il-Barbados, Samoa, l-Ażerbajġan u r-Renju Unit - li jirrappreżentaw iżjed minn 50 % tat-tunnellaġġ dinji. Samoa, il-15-il Stat, irratifikat l-Anness VI tal-MARPOL fid-19 ta' Mejju 2004, u b'hekk ħejjiet it-triq biex l-Anness VI jiddaħħal fl-operazzjoni mid-19 ta' Mejju 2005 u r-Regolament 14 (SOxECA tal-Baħar Baltiku) jiddaħħal fl-operazzjoni fid-19 ta' Mejju 2006. Sitt Stati Membri ta' l-UE (DK, DE, EL, ES, SE, UK) diġà rratifikaw il-MARPOL, u erba' Stati Membri (NL, FI, CY, PL) huma fl-aħħar stadju ta' ratifika, mistennija din is-sena.

Il-pożizzjoni komuni hija skond il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew fir-rigward ta' l-għan li tiġi estiża l-firxa ta' applikazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE għall-karburanti likwidi kollha derivati miż-żejt użati fuq bastimenti li joperaw fl-ilmijiet ta' l-Istati Membri.

Il-Kunsill:

(a)

Introduċa fil-pożizzjoni komuni 21 emenda b'mod sħiħ, parzjali jew fil-prinċipju, kif ġej:

L-Emenda 1:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkorporat fil-Premessa 4.

L-Emenda 3:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkorporat fil-Premessa 5.

L-Emenda 4:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkorporat fil-Premessa 4.

L-Emenda 5:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkorporat fil-Premessa 6.

L-Emenda 6:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa rifless fil-Premessi 6 kif ukoll is-17.

L-Emenda 7:

inkorporata b'mod sħiħ fil-Premessa 7.

L-Emenda 8:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkluż fil-Premessa 10.

L-Emenda 40:

skond ir-regoli ġenerali għall-abbozzar ta' leġislazzjoni Komunitarja l-għan ta' premessa hu li tistabblixxi raġunijiet konċiżi għal dispożizzjoni prinċipali tat-termini ta' promulgazzjoni, u m'għandux ikun fihom dispożizzjonijiet normattivi jew eżortazzjonijiet politiċi; madankollu, l-ispirtu ta' din l-emenda huwa rifless fil-Premessa 12.

L-Emenda 18:

l-għan ta' din l-emenda huwa inkorporat mill-Artikolu 1(1)(d).

L-Emenda 30:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa msemmi fil-Premessa 19.

L-Emenda 38:

id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2 (3j) issegwi l-ispirtu ta' din l-emenda.

L-Emenda 39:

id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2 (3k) tirrifletti l-għan ta' din l-emenda b'mod aktar dettaljat u speċifiku.

L-Emenda 10:

din l-emenda hija inkluża fl-Artikolu 4 b'emendi konsegwenzjali fir-rigward ta' l-iskeda taż-żmien.

L-Emenda 23:

din hija indirizzata mill-Artikolu 4b ġdid li jipposponi l-implimentazzjoni sa l-2010 għal kull tip ta' bastiment.

L-Emenda 43:

din hija indirizzata b'mod komprensiv mill-Artikolu 4ċ ġdid.

L-Emenda 27:

din hija riflessa fit-test ġdid ta' l-Artikolu 6 bl-abbozzar ikun kjarifikat biex tiġi evitata kwalunkwe diffikultà teknika fl-applikazzjoni.

L-Emenda 29:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa segwit fil-Premessa 10 u huwa ttrattat ukoll fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 99/32.

L-Emenda 31:

dan it-tħassib huwa ttrattat bl-użu ta' l-espressjoni “karburanti likwidi”.

L-Emenda 32:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa rifless fil-Premessi 4 u 6 u fl-Artikolu 7.2.

L-Emenda 33:

hija aċċettata.

L-Emenda 44:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa rifless fl-Artikolu 7.

(b)

ma inkorporax 15-il emenda (2, 4, 13, 14, 15, 16, 17, 21, 22, 28, 41, 42, 24, 25, 26, 37) fil-pożizzjoni komuni:

L-Emenda 2:

din l-emenda ma setgħatx tiġi inkorporata għax inħass li ma kinitx rilevanti.

L-Emenda 14:

din l-emenda ma setgħatx tiġi inkorporata għax il-paragrafu li għalih tirreferi ġie mħassar.

L-Emendi 15, 16, 17:

dawn l-emendi ma setgħux jiġu inkorporati. Madankollu, l-ispirtu ta' dawn l-emendi huwa rifless fl-Artikolu 4(a)2 li għandu l-għan li jġib 'il quddiem id-dħul fis-seħħ għal Mejju 2006, biex tkun allinjata ma' l-Anness VI tal-MARPOL.

L-Emendi 21 u 22:

ma setgħux jiġu inkorporati.

L-Emenda 28:

ma setgħatx tiġi inkorporata.

L-Emendi 41 u 42:

ma setgħux jiġu aċċettati għax il-Kunsill ħass li kien prematur li tiġi antiċipata leġislazzjoni futura (tieni fażi), li jkun jiddependi fuq il-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-emendi attwali. Minkejja dan, il-ħtieġa għal aktar titjib fil-futur hija rikonoxxuta mill-Artikolu 7.2 ġdid.

L-Emenda 24:

ma setgħatx tiġi inkorporata.

L-Emenda 25:

ma setgħatx tiġi inkorporata għax inħass li ma kinitx proporzjonata.

L-Emenda 26:

ma setgħatx tiġi aċċettata billi l-Emenda 42 kienet ġiet respinta (l-Artikolu 4.a.a ġdid).

L-Emenda 37:

ma setgħatx tiġi inkorporata għax il-Kunsill ħass li jkunu meħtieġa 12-il xahar għat-traspożizzjoni.

(ċ)

Il-Kunsill introduċa l-Artikolu 4a (3) u (4) biex jikkjarifika kwistjonijiet relatati ma' l-infurzar tad-dispożizzjonijiet differenti tad-Direttiva.

IV.   KONKLUŻJONI

Minkejja l-fatt li l-Kunsill ma jistax jaċċetta l-emendi kollha adottati mill-Parlament Ewropew, jikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tissodisfa fil-wisgħa t-tħassib tal-Parlament Ewropew u li tikkonforma mal-proposta emendata tal-Kummissjoni, u tnaqqas b'mod sostanzjali l-emmissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit fl-UE, bi tnaqqis immirat li jagħti l-akbar numru ta' benefiċċji possibbli fi u madwar linji tal-kosta u portijiet popolati u fl-ekosistemi sensittivi għall-aċidu.

Dan l-eżerċizzju jagħti inċentiv lill-Istati Membri ta' l-UE biex internazzjonalment jagħmlu aktar biex itejbu l-istandards ambjentali għall-bastimenti u b'mod partikolari permezz tar-ratifika u t-tisħiħ ta' l-Anness VI tal-MARPOL.