1.2.2005 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
CE 25/19 |
POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 2/2005
adottata mill-Kunsill fl-24 ta' Settembru 2004
bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru.../2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta'...., li tistabbilixxi programm pluriennali tal-Komunitá sabiex il-kontenut diġitali jsir iktar aċċessibli u jista' jiġi wżat u sfruttat aktar
(Test b' relevanza għaż-ŻEE)
(2005/C 25E/02)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)
Billi:
(1) |
L-evoluzzjoni tas-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-itfaċċar tal-broadband jinfluwenzaw il-ħajja ta' kull ċittadin fl-Unjoni Ewropea billi, inter alia, jistimulaw l-aċċess għat-tagħrif u modi ġodda ta' kif jinkiseb it-tagħrif u b'hekk iżidu t-talba għal kontenut, applikazzjonijiet u servizzi ġodda. |
(2) |
Il-penetrazzjoni ta' l-Internet fil-Komunità għadha qed tikber b'mod konsiderevoli. L-opportunitajiet li joffri l-Internet għandhom jiġu sfruttati sabiex jippermettu lil kull individwu u organizzazzjoni fil-Komunità jgawdi il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi mill-qsim ta' l-informazzjoni u t-tagħrif. Fl-Ewropa t-triq hija mħejjija sabiex il-potenzjal tal-kontenut diġitali jiġi sfruttat. |
(3) |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li sar f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000 saħqu li l-bidla lejn ekonomija diġitali bbażata fuq it-tagħrif, imħeġġa minn beni u servizzi ġodda, ser tkun mutur b'saħħtu għall-iżvilupp, il-kompetittività u l-impjiegi. F'dik l-okkażjoni ġie rikonoxxut b'mod speċifiku r-rwol ta' l-industriji tal-kontenut fil-ħolqien ta' valur miżjud billi jisfruttaw u jirretikolaw id-diversità kulturali Ewropea. |
(4) |
Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005, li jiżviluppa l-istrateġija ta' Lisbona, jagħmel sejħa għal azzjonijiet li jistimulaw l-emerġenza ta' servizzi, applikazzjonijiet u kontenut sikuri fuq networks ta' broadband u b'hekk jipprovdu ambjent favorevoli għal investiment privat, għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, biex tiżdied il-produttività, biex jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi u biex tingħata l-opportunità lil kulħadd biex jipparteċipa fis-soċjetà ta' l-informazzjoni globali. |
(5) |
It-talba għal kontenut diġitali ta' kwalità fl-Ewropa, bi drittijiet bilanċjati ta' aċċess u ta' utenti, minn komunità wiesgħa, kemm jekk huma ċittadini fis-soċjetà, studenti, riċerkaturi, SMEs u utenti kummerċjali oħra, jew persuni bi bżonnijiet speċjali li jixtiequ jkabbru t-tagħrif tagħhom, jew utenti mill-ġdid li jixtiequ jisfruttaw ir-riżorsi tal-kontenut diġitali biex joħolqu servizzi, hija dejjem iżjed evidenti. |
(6) |
Il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali huma fornituri tal-kontenut (inklużi organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi u privati li joħolqu, jiġbru jew huma sidien ta' kontenut diġitali) u utenti tal-kontenut (inklużi organizzazzjonijiet u intrapriżi li huma utenti finali li jerġgħu jużaw u/jew iżidu fil-valur tal-kontenut diġitali). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tas-SMEs. |
(7) |
Il-Programm eContent (2001-2004) adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/48/KE tat-22 ta' Diċembru 2000 (3) għen l-iżvilupp u l-użu tal-kontenut diġitali Ewropew fuq l-Internet u d-diversità lingwistika ta' web-sites Ewropej fis-soċjetà ta' l-informazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Ottubru 2003 dwar il-valutazzjoni mid-term tal-programm eContent jerġa' jafferma l-importanza li tittieħed azzjoni f'dan il-qasam. |
(8) |
L-avvanzi teknoloġiċi joffru l-potenzjal biex jiżdied il-valur tal-kontent fil-forma ta' tagħrif inkorporat u biex tittejjeb l-interoperabilità fuq il-livell ta' servizz, li hu fundamentali għall-aċċess u l-użu u d-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali. Dan huwa rilevanti b'mod partikolari għal dawk l-oqsma ta' interess pubbliku li għandhom jiġu ttrattati minn dan il-programm. |
(9) |
It-trawwim ta' mudelli kummerċjali sodi isaħħaħ il-kontinwità tal-proġetti mibdija taħt dan il-programm, u b'hekk ittejjeb il-kondizzjonijiet għal rendiment ekonomiku ikbar minn servizzi bbażati fuq l-aċċess għall-kontenut diġitali, u l-użu mill-ġdid tiegħu. |
(10) |
Ġie definit qafas leġiżlattiv biex jittratta l-isfidi tal-kontenut diġitali fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (4) (5) (6). |
(11) |
Prattiċi differenti fost l-Istati Membri għadhom joħolqu ostakoli tekniċi li jfixklu l-aċċess, l-użu, l-użu mill-ġdid u l-isfruttament wiesgħa ta' l-informazzjoni tas-settur pubbliku fil-Komunità. |
(12) |
Fejn il-kontenut diġitali jinvolvi data personali, id-Direttivi 95/46/KE (7) u 2002/58/KE (8) għandhom jiġu rispettati u t-teknoloġiji wżati għandhom jirrispettaw u, fejn possibbli, isaħħu l-privatezza. |
(13) |
Azzjonijiet Komunitarji meħuda dwar il-kontenut ta' l-informazzjoni għandhom jippromwovu l-ispeċifiċità multilingwistika u multikulturali tal-Komunità. |
(14) |
Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (9). |
(15) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija ma' inizjattivi u programmi Komunitarji relatati, b'mod partikolari dawk relatati ma' l-edukazzjoni u l-kultura u mal-Kwadru Ewropew ta' l-Interoperabiltà. |
(16) |
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul sħiħ tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, skond it-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-budget u t-titjib tal-proċedura (10) tal-budget, ta' l-awtorità tal-budget matul il-proċedura annwali tal-budget. |
(17) |
Peress li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-karattru transnazzjonali tal-kwistjonijiet involuti u jistgħu, għaldaqstant, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni u l-effetti Ewropej ta' l-azzjonijiet, jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għan tal-Programm
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm Komunitarju għall-perijodu 2005-2008 sabiex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir iżjed aċċessibbli u jkun jista' jiġi wżat u sfruttat iktar, b'hekk jiġu ffaċilitati l-ħolqien u d-diffużjoni ta' l-informazzjoni - f'oqsma ta' interess pubbliku - fuq livell Komunitarju.
Il-programm għandu jkun magħruf bħala l-programm “eContentplus” (minn issa `l quddiem “il-Programm”)
2. Sabiex jintlaħaq il-għan ġenerali tal-Programm, il-linji ta' azzjoni li ġejjin għandhom jiġu ttrattati:
(a) |
il-faċilitatazzjoni fuq livell Komunitarju ta' l-aċċess għall-kontenut diġitali, l-użu u l-isfruttament tiegħu |
(b) |
il-faċilitazzjoni tat-titjib tal-kwalità u tisħiħ ta' l-aħjar prattika relatata mal-kontenut diġitali bejn il-fornituri u l-utenti tal-kontenut, u fis-setturi kollha |
(ċ) |
ir-rafforzar tal-koperazzjoni bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali u l-għarfien. |
L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt dawk il-linji ta' azzjoni jiffukaw fuq oqsma ta' informazzjoni tas-settur pubbliku, data spazjali u kontenut edukattiv, kulturali u xjentifiku kif stabbilit fl-Anness I. Il-programm għandu jiġi implimentat skond l-Anness II.
Artikolu 2
Parteċipazzjoni
1. Il-Parteċipazzjoni fil-Programm għandha tkun miftuħa għal entijiet legali stabbiliti fl-Istati Membri. Għandha wkoll tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' entijiet legali stabbiliti fil-pajjiżi kandidati skond ftehim bilaterali eżistenti jew li għad iridu jiġu konklużi ma' dawk il-pajjiżi.
2. Il-parteċipazzjoni fil-Programm tista' tkun miftuħa għal entijiet legali stabbiliti fl-Istati ta' l-EFTA li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim.
3. Il-parteċipazzjoni fil-Programm tista' tkun miftuħa, mingħajr sostenn finanzjarju mill-Komunità, għal entijiet legali stabbiliti f'pajjiżi terzi u għal organizzazzjonijiet internazzjonali, fejn din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-Programm. Id-deċiżjoni biex tiġi permessa din il-parteċipazzjoni għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2).
Artikolu 3
Kompetenzi tal-Kummissjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm.
2. Il-Kummissjoni għandha tfassal programm ta' ħidma fuq il-bażi ta' din id-Deċiżjoni.
3. Fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tiżgura konsistenza u komplementarità ġenerali ma' politika, programmi u azzjonijiet oħra rilevanti tal-Komunità li għandhom effett fuq l-iżvilupp u l-użu tal-kontenut diġitali Ewropew u l-promozzjoni tad-diversità lingwistika fis-soċjetà ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari l-programmi ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Komunità, IDA, eTEN, eInclusion, eLearning, MODINIS u Internet Aktar Sikur.
4. Il-Kummissjoni għandha taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2) għall-iskopijiet ta' dan li ġej:
(a) |
adozzjoni u modifiki tal-programm ta' ħidma; |
(b) |
iffissar tal-kriterji u l-kontenut tas-sejħiet għal proposti, f'konformità ma' l-għanjiet stabbiliti fl-Artikolu 1; |
(ċ) |
stima tal-proġetti proposti taħt sejħiet għal proposti għal finanzjament Komunitarju ta' ammont stmat ta' kontribuzzjoni Komunitarja daqs, jew aktar minn, EUR 1 miljun; |
(d) |
kwalunkwe nuqqas ta' osservanza tar-regoli stabbiliti fl-Anness II. |
5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 4 dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Programm.
Artikolu 4
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn kumitat.
2. Fejn hemm riferiment għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.
Artikolu 5
Monitoraġġ u Valutazzjoni
1. Sabiex tiżgura li l-għajnuna Komunitarja tiġi wżata b'mod effiċjenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li azzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni jkunu suġġett għal stima minn qabel, segwitu u valutazzjoni sussegwenti.
2. Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' proġetti taħt il-Programm. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-mod li bih ġew imwettqa l-proġetti u l-impatt ta' l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tistma jekk intlaħqux l-għanjiet oriġinali
3. Il-Kummissjoni għandha tirraporta dwar l-implimentazzjoni tal-linji ta' azzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni sa mhux aktar tard minn nofs l-2006. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tirraporta dwar il-konsistenza ta' l-ammont għall-2007-2008 mal-perspettiva finanzjarja. Jekk applikabbli, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa fil-proċeduri tal-budget għall-2007-2008 biex tiżgura l-konsistenza ta' l-appropjazzjonijiet annwali mal-perspettiva finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport finali ta' valutazzjoni fl-aħħar tal-Programm.
4. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-riżultati tal-valutazzjonijiet kwantitativi u kwalitativi tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma' proposti xierqa biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata. Ir-riżultati għandhom ikunu mgħoddija qabel il-presentazzjoni ta' l-abbozz tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007 u 2009 rispettivament.
Artikolu 6
Qafas Finanzjarju
1. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet Komunitarji taħt din id-Deċiżjoni għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2008 huwa hawnhekk stabbilit għal EUR 135 miljun, li EUR 55,6 miljun minnhom huwa għall-perijodu sal-31 ta' Diċembru 2006.
2. Għall-perijodu wara il-31 ta' Diċembru 2006, l-ammont għandu jitqies konfermat jekk ikun konsistenti għal din il-fażi mal-perspettiva finanzjarja fis-seħħ għall-perijodu li jibda fl-2007.
3. L-approprjazzjonijiet annwali għall-perijodu mill-2005 sa l-2008 għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja. Tqassim indikattiv ta' l-infiq jinsab fl-Anness III.
Magħmula fi Brussel,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
Għall-Kunsill
Il-President
(1) ĠU L 117, 30.4.2004, p. 49.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2004 (ĠU C 104E, 30.4.2004), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 2004 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).
(5) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).
(6) Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).
(7) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31). Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(8) Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(9) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(10) ĠU Ċ 172, 18.6.1999, p. 1. Ftehim kif emendat mid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 25).
ANNESS I
AZZJONIJIET
I. INTRODUZZJONI
eContentplus għandu l-għan globali li jagħmel il-kontenut diġitali fl-Ewropa iżjed aċċessibbli u li jkun jista' jiġi wżat u sfruttat iktar, u b'hekk jiffaċilita l-ħolqien u d-diffużjoni ta' l-informazzjoni - f'oqsma ta' interess pubbliku – fuq il-livell tal-Komunità.
Dan joħloq kondizzjonijiet aħjar għall-aċċess u l-amministrazzjoni ta' kontenut u servizzi diġitali f'ambjenti multilingwistiċi u multikulturali. Dan iwessgħa l-għażla ta' l-utenti u jsostni modi ġodda ta' interazzjoni ma' kontenut diġitali msaħħaħ b'tagħrif, karatteristika li qed issir essenzjali biex il-kontenut isir iżjed dinamiku u mfassal għal kuntesti speċifiċi (tagħlim, kultura, persuni bi bżonnijiet speċjali, eċċ.).
Il-Programm iħejji t-triq għal qafas strutturat għal kontenut diġitali ta' kwalità fl-Ewropa - Iż-Żona Ewropea ta' Kontenut Diġitali - billi jiffaċilita t-trasferiment ta' esperjenzi, l-aħjar prattika u inkroċjament bejn setturi ta' kontenut u fornituri u utenti tal-kontenut.
Huma previsti tliet linji ta' azzjoni:
(a) |
il-faċilitatazzjoni fuq livell Komunitarju ta' l-aċċess għall-kontenut diġitali, l-użu u l-isfruttament tiegħu; |
(b) |
il-faċilitazzjoni tat-titjib tal-kwalità u t-tisħiħ ta' l-aħjar prattika relatata mal-kontenut diġitali bejn il-fornituri u l-utenti tal-kontenut, u bejn is-setturi; |
(ċ) |
ir-rafforzar tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali u l-għarfien. |
II. LINJI TA' AZZJONI
A. Il-faċilitazzjoni ta' l-aċċess fuq livell Komunitarju għall-kontenut diġitali, l-użu u l-isfruttament tiegħu
L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt din il-linja ta' azzjoni jkopru l-istabbiliment ta' rettikolati u allejanzi bejn il-partijiet li għandhom interess, u b'hekk iħeġġu l-ħolqien ta' servizzi ġodda.
L-informazzjoni tas-settur pubbliku, id-data spazjali u l-kontenut edukattiv u kulturali huma l-oqsma mmirati.
Ikun hemm iffukar fuq:
(a) |
is-sostenn ta' rikonoxximent usa' ta' l-importanza ta' l-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI), il-valur kummerċjali tagħha u l-implikazzjonijiet għas-soċjetà assoċjati ta' l-użu tagħha. L-attivitajiet għandhom itejbu l-użu u l-isfruttament transkonfini effettiv tal-PSI bejn organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u kumpaniji privati, inklużi s-SMEs, għal prodotti u servizzi ta' informazzjoni ta' valur miżjud; |
(b) |
l-inkoraġġiment għal użu usa' ta' data spazjali mill-korpi tas-settur pubbliku, kumpaniji privati, inklużi s-SMEs, u ċittadini permezz ta' mekkaniżmi ta' koperazzjoni f'livell Ewropew. L-attivitajiet għandhom jittrattaw kwistjonijiet kemm tekniċi kif ukoll organizzattivi, filwaqt li jevitaw duplikazzjonijiet u gruppi ta' data spazjali mhux żviluppati biżżejjed. Għandhom jippromwovu l-interoperabiltà transkonfini, filwaqt li jsostnu l-koordinazzjoni bejn aġenziji kartografiċi u t-trawwim ta' servizzi ġodda fuq livell Ewropew għal utenti mobbli. Għandhom isostnu wkoll l-użu ta' standards miftuħa; |
(ċ) |
it-trawwim tal-proliferazzjoni ta' ġabriet ta' tagħrif Ewropej miftuħa ta' oġġetti diġitali, għal komunitajiet ta' edukazzjoni u ta' riċerka, kif ukoll għall-individwu. L-attivitajiet isostnu l-ħolqien ta' servizzi ta' sensarija trans-Ewropej għal kontenut diġitali ta' tagħlim, b'mudelli kummerċjali relatati. L-attivitajiet għandhom ukoll iħeġġu l-użu ta' standards miftuħa, u l-ħolqien ta' gruppi kbar ta' utenti li janaliżżaw u jittestjaw skemi ta' qabel l-istandardizzazzjoni u ta' speċifikazzjoni bil-għan li jgħaddu l-aspetti multilingwistiċi u multikulturali Ewropej fil-proċess ta' definizzjoni ta' standards globali għall-kontenut diġitali ta' tagħlim; |
(d) |
il-promozzjoni ta' l-emerġenza ta' infrastrutturi ta' informazzjoni trans-Ewropej għall-aċċess u l-użu ta' riżorsi diġitali kulturali u xjentifiċi Ewropej ta' kwalita għolja permezz tal-kollegament ta' libreriji virtwali, memorji komunitarji, eċċ. L-attivitajiet għandhom ikopru approċċi koordinati għad-diġitizzazzjoni u l-bini ta' kollezzjonijiet, il-konservazzjoni ta' oġġetti diġitali u inventarji ta' riżorsi diġitali kulturali u xjentifiċi. Għandhom itejbu l-aċċess għall-assi diġitali kulturali u xjentifiċi permezz ta' skemi ta' liċenzji effettivi u l-awtorizzazzjoni kollettiva minn qabel tad-drittijiet. |
B. Il-faċilitazzjoni tat-titjib tal-kwalità u tisħiħ ta' l-aħjar prattika relatata mal-kontenut diġitali bejn il-fornituri u l-utenti tal-kontenut, u bejn is-setturi.
L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt din il-linja ta' azzjoni huma maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u d-diffużjoni fil-wisa' ta' l-aħjar prattika fil-metodi, proċessi u operazzjonijiet biex jinkisbu kwalità ogħla, effiċjenza u effikaċja akbar fil-ħolqien, l-użu u d-distribuzzjoni ta' kontenut diġitali.
Dawn l-attivitajiet ikopru esperimenti li juru li l-kontenut diġitali jista' jiġi mfittex, użat, użat mill-ġdid, kompost u interoperat fil-kuntest tal-qafas legali eżistenti filwaqt li mill-istadju bikri tal-proċess jilħqu l-ħtiġiet ta' gruppi mmirati u swieq differenti f'ambjent dejjem iżjed multilingwistiku u multikulturali, u jestendu lil hinn minn sempliċi teknoloġiji ta' lokalizzazzjoni.
Dawn l-attivitajiet jisfruttaw il-benefiċċji tat-tisħiħ tal-kontenut diġitali b'data li tinftiehem mill-makni (metadata mfissra sew min-naħa semantika bbażati fuq terminoloġija deskrittiva, lessiċi u ontoloġiji rilevanti).
L-esperimenti jitwettqu fi gruppi tematiċi. Il-ġbir, disseminazzjoni u l-inkroċjament bejn is-setturi ta' tagħrif miksub ikunu parti integrali ta' l-esperimenti.
L-informazzjoni tas-settur pubbliku, d-data spazjali, il-kontenut diġitali edukattiv u kulturali, kif ukoll il-kontenut diġitali xjentifiku u akkademiku huma l-oqsma mmirati ta' applikazzjoni.
Ċ. Ir-rafforzar tal-koperazzjoni bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali u l-għarfien.
L-attivitajiet li għandhom jitwettqu taħt din il-linja ta' azzjoni jinkludu miżuri li jakkompanjaw leġiżlazzjoni rilevanti li għandha x'taqsam mal-kontenut diġitali, u li jrawwmu kollaborazzjoni akbar bejn il-partijiet li għandhom interess fil-kontenut diġitali, kif ukoll il-bini ta' għarfien. Dawn l-attivitajiet isostnu l-iżvilupp ta' għodda għal benchmarking, monitoraġġ u analiżi, l-istima ta' l-impatt tal-Programm u id-disseminazzjoni ta' riżultati. Huma jidentifikaw u janalizzaw opportunitajiet u problemi emerġenti (e.g. fiduċja, immarkar tal-kwalità, drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-edukazzjoni) u jipproponu soluzzjonijiet, kif ikun meħtieġ.
ANNESS II
IL-MEZZI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM
1. |
Il-Kummissjoni timplimenta l-Programm skond il-kontenut tekniku speċifikat fl-Anness I. |
2. |
Il-Programm jiġi mwettaq permezz ta' azzjoni indiretta li tinkludi:
|
3. |
L-għażla ta' azzjonijiet bi spejjeż maqsuma tkun ibbażata fuq sejħiet għal proposti ppubblikati fuq is-sit ta' l-Internet tal-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet finanzjarji fis-seħħ. |
4. |
Applikazzjonijiet għal sostenn Komunitarju għandhom jipprovdu, fejn xieraq, pjan finanzjarju li jelenka l-elementi kollha tal-finanzjament tal-proġetti, inklużi s-sostenn finanzjarju mitlub mill-Komunità, u kwalunkwe talba oħra għal jew għotjiet ta' sostenn minn għejjun oħra. |
5. |
Miżuri ta' akkompanjament jiġu implimentati permezz ta' sejħiet għall-offerti skond id-dispożizzjonijiet finanzjarji fis-seħħ. |
ANNESS III
TQASSIM INDIKATTIV TA' L-INFIQ
|
40 – 50 % |
||
|
45 – 55 % |
||
|
8 – 12 % |
DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL
I. INTRODUZZJONI
1. |
Fit-13 ta' Frar 2004 il-Kummissjoni adottat il-proposta msemmija hawn fuq għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (1). Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 157(3) tat-Trattat. |
2. |
Il-Parlament Ewropew ta' l-Opinjoni tiegħu fit-22 ta' April 2004, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fid-29 ta' April 2004 u l-Kumitat tar-Reġjuni rrinunzja milli jagħti Opinjoni. |
3. |
Il-Kummissjoni bagħtet il-proposta ememdata tagħha lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-4 ta' Mejju 2004. |
4. |
Fl-24 ta' Settembru 2004 il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251 tat-Trattat. |
II. GĦAN
L-għan ta' din il-proposta hu li toħloq kondizzjonijiet għall-aċċess iktar wiesá għal u użu tal- kontenut diġitali u fejn meħtieġ għal profit ekonomiku ikbar minn servizzi bbażati fuq aċċess u użu mill-ġdid ta' kontenut diġitali billi jsir kontribut sinifikanti għall-istrateġija eEurope f'setturi bħal tagħlim elettroniku, gvern elettroniku ecc. (programm suċċessiv għal programm eContent attwali li jiskadi fl-aħħar ta' 2004).
III. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI
Il-pożizzjoni komuni taqsam l-għan ġenerali tal-proposta sottomessa mill-Kummissjoni, kif ukoll, f'termini ġenerali, il-mezzi proposti biex jintlaħaq dak l-għan. Iżda, fil-kors tad-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill, il-kliem fit-test tal-proposta ġie mibdul b'mod parzjali. Il-punti ewlenin tal-pożizzjoni komuni li huma differenti mill-proposta tal-Kummissjoni u l-emendi tal-Parlament Ewropew (ara punt IV hawn isfel) huma kif ġej:
1. |
Wara li ttieħed kont tad-daqs tal-proġetti previsti fil-proposta, il-Kunsill ikkunsidra xieraq li jagħmel referenza għal SMEs u l-attenzjoni partikolari li għandha tingħata lill-parteċipazzjoni tagħhom (Reċiti 5 u 6 kif ukoll l-Anness I.II.A). Barra minn hekk, referenza għal nies bi bżonnijiet speċjali kienet miżjuda għar-Reċita 5 u l-Anness I.I. |
2. |
Il-pożizzjoni komuni timmodifika l-Artikolu 3 billi żżid paragrafu ġdid li jispeċifika l-konsistenza u kumplimentarjetà tal-programm ma' politiki, programmi u azzjonijiet rilevanti oħra tal-Komunità. |
3. |
Il-Kunsill jikkunsidra li fl-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni għandha taħdem f'koperazzjoni stretta ma' l-Istati Membri u tiżgura t-trasparenza. B'hekk il-pożizzjoni komuni mmodifikat l-Artikoli 3 u 4 safejn il-komitoloġija hi konċernata favur proċedura ta' amministrazzjoni. Dawn il-bidliet huma ċċarati iktar fir-Reċita 14. |
4. |
Safejn il-qafas finanzjarju (Artikolu 6) tal-programm hu konċernat, il-pożizzjoni komuni tnaqqas l-ammont totali propost mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet proponiet żieda sostanzjali tal-budget mill-programm attwali u, waqt li l-Istati Membri kollha rrikonoxxew l-importanza tal-programm, żieda inqas ġiet kkunsidrata xierqa. Skond leġislazzjoni oħra klawżola ta' rexissjoni ġiet inserita biex tinżamm dixxiplina tal-budget hekk kif il-programm jestendi lil hinn mill-perspettiva finanzjarja attwali. |
5. |
Il-pożizzjoni komuni timmodifika wkoll analiżi statistika ta' l-infiq indikattiva fl-Anness III. Il-Kunsill jikkonsidra xieraq li jagħti iktar impetu dwar linja ta' Azzjoni 1. |
IV. EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW
1. L-emendi tal-Parlament Ewropew aċċettati mill-Kummissjoni u adottati mill-Kunsill
— |
Emenda 1 ġie nkorporat fil-pożizzjoni komuni bħal reċita 6 b'żieda mill-Kunsill dwar l-SMEs. |
— |
L-Emenda 2 ġie nkorporat fl-Artikolu 1(1). |
— |
L-Emendi 3, 4 u 5 ġew nkorporati fl-Artikolu 1 (2) tal-pożizzjoni komuni ħlief ir-referenza għal 'oqsma għal interess pubbliku' li l-Kunsill ikkunsidra li diġà kienu koperti fil-paragrafu 1 ta' l-istess artikolu. Barra minn hekk, il-Kunsill żamm ir-referenza għal 'kuxjenza' fil-paragrafu 2, li jikkunsidra importanti. Dan hu validu wkoll għall-emendi relatati 11, 12, 13, 14 u 16 li l-Kunsill inkorpora fl-Annessi I u III. |
— |
Il-Kunsill inkorpora l-emendi 6 u 7 fl-Artikolu 5 tal-pożizzjoni komuni tiegħu, għalkemm fi kliem li reġa' ġie kemmxejn abbozzat għall-emenda 6. |
— |
L-emendi 8, 9 u 10 ġew inkorporati kollha fl-Artikolu 6 tal-pożizzjoni komuni ħlief għall-ammont totali tal-qafas finanzjarju, li l-Kunsill biddel skond ir-raġunijiet li ngħataw fuq. |
2. L-emendi tal-Parlament Ewropew aċċettati mill-Kummissjoni iżda mhux adottati mill-Kunsill
— |
Il-Kunsill ma adottax l-emenda 15 għax iħoss li l-bini ta' kuxjenza hu parti importanti tal-programm. |