52004PC0856

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lid-Danimarka biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 14 (1) (d) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi tad-dħul /* KUMM/2004/0856 finali */


Brussel 06.01.2005

KUMM(2004) 856 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lid-Danimarka biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 14 (1) (d) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi tad-dħul

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

B’ittra rreġistrata fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 2004, l-awtoritajiet Daniżi talbu l-awtorizzazzjoni, taħt l-Artikolu 27 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi tad-dħul – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ assessjar[1](minn issa ‘l quddiem is-Sitt Direttiva), biex jintroduċu miżuri speċjali għad-deroga mill-Artikolu 14(1) (d) tad-Direttiva, sabiex jiġi evitat ċertu tip ta’ evażjoni jew skartar tat-taxxa.

F’konformità ma' l-Artikolu 27(2) tas-Sitt Direttiva, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra ta’ 15.10.2004 bit-talba magħmula mill-Gvern Daniż u b’ittra ta’ 19.10.2004 il-Kummissjoni nnotifikat lid-Danimarka li kellha l-informazzjoni kollha li tikkonsidra neċessarja għall-ivvalutar tat-talba.

L-Artikolu 14 (1) (d) tad-Direttiva 77/388/KEE tad-Direttiva msemmija jistipula li l-Istati Membri għandhom jeżentaw l-importazzjoni finali ta’ l-oġġetti li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni mit-taxxi tad-dwana ħlief kif hu pprovdut għalihom taħt it-Tariffa Komuni tad-Dwana. L-Artikolu 14 (1) (d) ġie implimentat bid-Direttiva 83/181/KEE[2]u b’mod partikolari bl-Artikolu 22 tagħha li jistipula li oġġetti b’valur totali li ma jaqbiżx l-10 Euros għandhom ikunu eżentati meta jidħlu. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-eżenzjoni għal oġġetti importati ta’ valur totali ta’ aktar minn 10 Euros imma li ma jaqbżux it-22 Euro. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu wkoll jeskludu minn din l-eżenzjoni oġġetti li ġew importati b’ordni postali.

Id-Danimarka bħalissa teżenta mill-VAT importazzjonijiet ta’ konsenji żgħar ta’ natura kummerċjali minn barra l-UE. Il-limitu Daniż għall-eżenzjoni tal-VAT hu ta’ DKK 80 (10 EUR). Madanakollu, l-awtoritajiet Daniżi skoprew li kumpaniji ta’ pubblikazzjoni jibdlu r-rotta ta’ distribuzzjoni ta’ ċertu magazins u perjodiċi minn territorji li m’humiex koperti bis-Sitt Direttiva tal-VAT. Skond l-investigazzjoni, l-awtoritajiet Daniżi fl-ewwel disa’ xhur ta’ l-2003 madwar 3.5 miljuni ta’ magazins u pubblikazzjonijiet ta’ kull ġimgħa kienu importati mill-Gżejjer Åland biss, li fisser telf ta’ dħul għall-Istat stmat għal madwar xi DKK 47 miljun (madwar 6.2 miljun Euro). Hemm riskju li dan it-telf jiżdied sakemm ir-regoli tal-VAT ma jiġux emendati biex jiġi evitat dan l-iskartar tat-taxxa. It-telf fuq id-dħul mill-VAT fid-Danimarka għandu wkoll impatt negattiv fuq ir-riżorsi tal-Komunità nnifisha.

Minn mindu ġiet introdotta d-Direttiva 83/181/KEE, l-Istati Membri m’għadx għandhom l-għażla li ma jagħtux l-eżenzjoni għal dawn l-importazzjonijiet fuq il-bażi ta’ l-Ewwel Sub-Paragrafu ta’ l-Artikolu 14 (1) (d) tas-Sitt Direttiva u f’kwalunkwe każ il-gvern Daniż ma jistax jistabbilixxi jekk dawn l-importazzjonijiet għandhomx effett serju fuq il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni. It-talba għad-deroga tolqot biss lill-konsenji u x-xenarji suġġetti għall-iskema ta’ skartar u m’hijiex intenzjonata li teskludi l-ordnijiet postali kollha għall-konsenji fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22 tad-Direttiva 83/181/KEE.

Jidher għalhekk li d-deroga ppjanata mill-Artikolu 14 (1) (d) hi fil-fatt l-aktar soluzzjoni adatta fiċ-ċirkostanzi speċifiċi u għax-xenarju partikolari ta’ skartar tat-taxxa li jrid jiġi indirizzat. Id-deroga tevita t-telf tal-VAT.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lid-Danimarka biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 14 (1) (d) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi tad-dħul

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mat-taxxi tad-dħul – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ assessjar(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3]

Billi:

(1) F’ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 2004 l-awtoritajiet Daniżi talbu awtorizzazzjoni biex jintroduċu miżuri speċjali għal deroga mill-Artikolu 14 (1) (d) tad-Direttiva, sabiex jevitaw ċertu tipi ta’ evitar u skartar tat-taxxa. L-Istati Membri l-oħra kienu infurmati b’din it-talba fil- 15.10.2004,

(2) Il-miżura derogatorja hija intenzjonata biex teskludi ċertu magazins u perjodiċi importati fid-Danimarka milli jibbenefikaw mill-eżenjoni taħt l-Artikolu 14 (1) (d) tad-Direttiva u japplikaw il-VAT fuqhom. L-Artikolu 14 (1) (d) ġie implimentat bid-Direttiva 83/181/KEE[4]u b’mod partikolari bl-Artikolu 22 tagħha li jistipula li oġġetti b’valur totali li ma jaqbiżx l-10 Euros għandhom ikunu eżentati fid-dħul. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjoni għal oġġetti importati b’valur totali ta’ aktar minn 10 Euros imma li ma jaqbżux it-22 Euro. Id-Danimarka bħalissa teżenta mill-VAT importazzjonijiet ta’ konsenji żgħar ta’ natura kummerċjali minn barra l-UE. Il-limitu Daniż għall-eżenzjoni tal-VAT hu ta’ DKK 80 (10 EUR).

(3) L-awtoritajiet Daniżi skoprew li xi kumpaniji ta’ pubblikazzjoni jibdlu r-rotta tad-distribuzzjonijiet tal-pubblikazzjonijiet tagħhom lill-abbonati tagħhom fid-Danimarka minn territorji li m’humiex koperti bis-Sitt Direttiva tal-VAT, b’telf ta’ dħul għad-Danimarka u konsegwentament b’impatt negattiv fuq ir-riżorsi tal-Komunità stess.

(4) Hemm riskju li t-telf fid-dħul jiżdied sakemm id-Danimarka ma tiġix awtorizzata biex tevita din it-tip ta' evażjoni tat-taxxa. Minn mindu ġiet introdotta d-Direttiva 83/181/KEE, l-Istati Membri m’għadx għandhom l-għażla li ma jagħtux l-eżenzjoni għal dawn l-importazzjonijiet fuq il-bażi ta’ l-Ewwel Subparagrafu ta’ l-Artikolu 14 (1) (d) tas-Sitt Direttiva. F’kull każ, il-gvern Daniż ma jistax jistabbilixxi jekk l-importazzjonijiet in kwestjoni humiex qed jaffettwaw serjament il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Aktar minn hekk, it-talba għad-deroga tolqot biss lill-konsenji u x-xenarji suġġetti għall-iskema ta’ skartar u m’hijiex intenzjonata li teskludi mill-eżenzjoni l-ordnijiet postali kollha għall-konsenji fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22 tad-Direttiva 83/181/KEE. Jidher għalhekk li d-deroga ppjanata mill-Artikolu 14 (1) (d) hi fil-fatt l-aktar soluzzjoni adatta fiċ-ċirkostanzi speċifiċi.

(5) Id-deroga tevita telf tal-VAT u għalhekk ma taffettwax b’mod negattiv ir-riżorsi tal-Komunitajiet stess mill-VAT.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 14(1) (d) tad-Direttiva 77/388/KE id-Danimarka hi awtorizzata biex tapplika l-VAT fuq l-importazzjoni fid-Danimarka ta’ magazins, perjodiċi jew pubblikazzjonijiet oħra simili stampati fl-UE u mibgħuta lil individwi privati fid-Danimarka.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lid-Danimarka.

Magħmula fi Brussel, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 145, 13.6.1977, p.1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/7/KE (ĠU L 27, 30.1.2004, p.44).

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C […], […], p. […].

[4] ĠU C […], […], p. […].