Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u l-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew /* KUMM/2004/0493 finali - COD 2004/0165 */
Brussel 14.7.2004 KUMM(2004) 493 finali 2004/0165 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL dwar il-Fond Soċjali Ewropew (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI L-Isfidi l-ġodda għall-FSE tal-ġejjieni Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jgħin fl-għan tal-koeżjoni ekonomika u soċjali stabbilit fl-Artikolu 158 tat-Trattat tal-KE, billi jappoġġja politika u prijoritajiet maħsuba biex jinkiseb il-progress lejn xogħol għal kulħadd, li titjieb il-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, u li jitmexxew ’il quddiem l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, skond il-linjigwidi u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol (EES). Biex jintlaħaq dan l-għan, il-FSE jeħtieġ jindirzza tliet sfidi ewlenin: li jindirizza d-disparitajiet kbar tax-xogħol, l-inugwaljanzi soċjali, il-vojt tal-ħiliet u n-nuqqas ta’ xogħol f’Unjoni mkabbra; il-pass dejjem jikber fir-ristrutturar ekonomiku u soċjali minħabba l-globalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-ekonomija bbażata fuq l-għerf; u l-bidliet demografiċi li seħħew minħabba l-forza tax-xogħol li qed tiċkien u tixjieħ. It-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-FSE, l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u l-għanijiet maqbula ta’ l-Unjoni dwar l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ Ir-rabtiet bejn l-istrument finanzjarju tal-Komunità u l-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni jeħtieġ ikunu msaħħa fil-perjodu ta’ pprogrammar tal-ġejjieni biex ikunu jistgħu jgħinu aħjar biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri tax-xogħol ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona. Għal dan il-għan, il-FSE għandu jappoġġja l-politika ta’ l-Istati Membri li qed isegwu sew il-linjigwidi u r-rakkomandazzjonijiet li saru taħt l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u l-għanijiet maqbula ta’ l-Unjoni dwar l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-abbozz tar-Regolament tal-FSE għall-2007-2013 jipprovdi qafas dettaljat fuq l-interventi tal-FSE fl-Unjoni kollha. Taħt iż-żewġ għanijiet tal-“Konverġenza” u dak tal-“Kompetittività reġjonali u x-Xogħol”, il-FSE se jagħti appoġġ bil-ħsieb li jantiċipa u jmexxi l-bidla ekonomika u soċjali. L-interventi tiegħu se jiffukaw fuq erba’ oqsma ewlenin dwar azzjonijiet li ġew approvati mill-Kunsill Ewropew: li tiżdied l-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-impriżi; li jissaħħaħ l-aċċess għax-xogħol, li jkun evitat il-qgħad, li titwal il-ħajja fuq il-post tax-xogħol u li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali billi titmexxa ’l quddiem l-integrazzjoni fix-xogħol ta’ persuni li huma żvantaġġati u li tkun miġġielda d-diskriminazzjoni; u li titmexxa ’l quddiem is-sħubija għar-riforma fl-oqsma tax-xogħol u l-inklużjoni. Fir-reġjuni u l-Istati Membri li huma l-inqas sinjuri, il-Fondi se jikkonċentraw fuq it-tmexxija ’l quddiem ta’ l-aġġustament strutturali, it-tkabbir u l-ħolqien ta’ l-impjiegi. Għal dan il-għan, taħt l-għan tal-Konverġenza, f’żieda mal-prijoritajiet li ssemmew fuq, il-FSE se jappoġġja wkoll azzjoni biex jitwessa’ u jitjieb l-investiment fil-kapital uman, l-aktar billi jitjiebu s-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, u azzjoni mmirata biex ikunu żviluppati l-ħila istituzzjonali u l-effiċjenza ta’ l-amministrazzjoni pubblika fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra minn hekk, il-proposta tagħmel enfasi akbar fuq ir-rabta ta’ l-Unjoni biex tneħħi l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel: azzjonijiet speċifiċi indirizzati lejn in-nisa qed ikunu magħqudin ma’ avviċinament b’saħħtu dwar il-qsim ewlieni tal-ġeneru, biex b’hekk jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-progress tan-nisa li jaħdmu. Bl-istess mod, it-tmexxija ’l quddiem ta’ ħidmiet ġodda u kooperazzjoni transnazzjonali se jiġu integrati b’mod sħiħ fl-għan tal-FSE, u magħżula fil-programmi ta’ l-operat nazzjonali u reġjonali. Taħt l-għan tal-“Konverġenza” u dak tal-“Kompetittività Reġjonali u x-Xogħol”, il-FSE se jagħti prijorità biex jiffinanzja l-kooperazzjoni transnazzjonali, inklużi l-bdil ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiċi fl-Unjoni kollha u ħidmiet konġunti, waqt li jkunu żgurati, fejn ikun xieraq, il-koerenza u l-kumplementarjetà ma’ programmi transnazzjonali oħrajn tal-Komunità. Fl-aħħarnett, il-proposta tagħti importanza kbira lit-tmexxija ’l quddiem ta’ kontroll tajjeb. L-involviment ta’ l-imsieħba soċjali huwa ta’ importanza kbira fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-operat tal-Fond. Għal dan il-għan, taħt l-għan il-ġdid tal-Konverġenza, l-imsieħba soċjali se jkunu inkuraġġiti biex jieħdu sehem b’mod attiv f’azzjonijiet li jinvolvu l-bini ta’ ħiliet kif ukoll biex iwettqu ħidmiet konġunti fl-oqsma ta’ politika fejn dawn ikollhom sehem deċiżiv. 2004/0165 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL dwar il-Fond Soċjali Ewropew IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3], Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4], Billi: Ir-Regolament (KE) Nru […], li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni[5], iwaqqaf il-qafas għall-azzjoni mill-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni u jwaqqaf ukoll, b’mod speċjali, l-għanijiet, il-prinċipji u r-regoli li jikkonċernaw is-sħubija, l-ipprogrammar, il-valutazzjoni u t-tmexxija. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi ddefinita l-missjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-"FSE") f’rabta mal-ħidmiet preskritti taħt l-Artikolu 146 tat-Trattat, u fil-kuntest tax-xogħol ta’ l-Istati u tal-Komunità biex tkun żviluppata strateġija kkoordinata għax-xogħol, kif imfisser taħt l-Artikolu 125 tat-Trattat. Fl-interess taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 fuq il-Fond Soċjali Ewropew[6] għandu jinbidel. Jeħtieġ jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta’ ħidmiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FSE taħt l-għanijiet iddefiniti fir-Regolament (KE) Nru […] [li jwaqqaf id-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni]. Il-FSE għandu jappoġġja l-politika ta’ l-Istati Membri li qed isegwu mill-qrib il-linjigwidi u r-rakkomandazzjonijiet li saru taħt l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u l-għanijiet maqbula tal-Komunità dwar l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ, biex jgħin aktar fl-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet u l-miri li dwarhom kien hemm ftehim fil-Kunsilli Ewropej ta’ Lisbona u Goteborg. Bil-ħsieb li tkun antiċipata u mmexxija aħjar il-bidla taħt l-għan tal-kompetittività reġjonali u x-xogħol, l-għajnuna mill-FSE għandha tiffoka, l-aktar, fuq l-adattabbiltà dejjem tiżdied tal-ħaddiema u l-impriżi, li jissaħħu l-aċċess għax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali ta’ persuni li huma żvantaġġati u li tkun miġġielda d-diskriminazzjoni, kif ukoll li jitmexxew ’il quddiem sħubiji għar-riforma. F’żieda ma’ dawn il-prijoritajiet, fir-reġjuni u l-Istati Membri li huma l-anqas żviluppati, taħt l-għan tal-konverġenza u bil-ħsieb li jiżdiedu t-tkabbir ekonomiku, l-opportunitajiet tax-xogħol għan-nisa u l-irġiel kif ukoll il-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, huwa meħtieġ li jitwessa’ u jitjieb l-investiment fil-kapital uman u li titjieb ukoll il-ħila istituzzjonali, amministrattiva u ġudizzjali, l-aktar biex jitħejjew u jkunu implimentati r-riformi, u biex jissaħħaħ ukoll l- acquis . It-tmexxija ’l quddiem ta’ ħidmiet ġodda u kooperazzjoni transnazzjonali huma dimensjoni importanti li għandha tiġi integrata fl-għan tal-FSE. Huwa meħtieġ li tkun żgurata l-koerenza ta’ l-azzjoni tal-FSE mal-politika pprovduta taħt l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u li l-appoġġ tal-FSE ikun ikkonċentrat fuq l-implimentazzjoni tal-linjigwidi u r-rakkomandazzjonijiet fuq ix-xogħol. Implimentazzjoni effiċjenti u effettiva ta’ l-azzjoni appoġġjata mill-FSE tistrieħ fuq it-tmexxija tajba u s-sħubija bejn l-imsieħba territorjali u soċjo-ekonomiċi rilevanti kollha, l-aktar l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra, inkluż fuq livell reġjonali u lokali. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-FSE taħt l-Għanijiet tal-Konverġenza u tal-Kompetittività Reġjonali u x-Xogħol tgħin fit-tmexxija ’l quddiem ta’ l-ugwaljanza u t-tneħħija ta’ l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel; avviċinament ta’ qsim ewlieni tal-ġeneru għandu jkun magħqud ma’ azzjoni speċifika biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa li jaħdmu. Il-FSE għandu jappoġġja wkoll l-għajnuna teknika, b’attenzjoni speċjali fuq li jiġi inkuraġġit it-tagħlim reċiproku bit-tixrid tal-bdil ta’ esperjenzi, it-trasferiment ta’ prattiċi tajba u fuq l-importanza ta’ l-għajnuna tal-FSE biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika u l-prijoritajiet tal-Komunità, fejn għandhom x’jaqsmu x-xogħol u l-inklużjoni soċjali. Ir-Regolament (KE) Nru […] [li jwaqqaf id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni] jipprovdi li l-eliġibbiltà tan-nefqa għandha titwaqqaf fuq livell nazzjonali, b’xi ftit eċċezzjonijiet, li għal dawn ta’ l-aħħar huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. L-eċċezzjonijiet dwar il-FSE għandhom, għalhekk, jiġu stabbiliti, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Is-Suġġett Dan ir-Regolament iwaqqaf il-ħidmiet tal-Fond Soċjali Ewropew ("FSE") u l-għan ta’ l-għajnuna tiegħu b’rabta ma’ l-għan tal-"Konverġenza" u dak tal-"Kompetittività reġjonali u x-xogħol" kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru […], kif ukoll l-għamliet tan-nefqa eliġibbli għall-għajnuna. Artikolu 2 Il-Missjoni 1. Il-FSE għandu jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jappoġġja l-politika ta’ l-Istati Membri li jkunu qed jaħdmu biex jilħqu xogħol għal kulħadd, itejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol u li jmexxu ’l quddiem l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis fid-disparitajiet reġjonali tax-xogħol. L-aktar, il-FSE għandu jappoġġja dik l-azzjoni li tkun skond il-linjigwidi u r-rakkomandazzjonijiet adottati taħt l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol. 2. Fit-twettiq tal-ħidmiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-FSE għandu jappoġġja l-prijoritajiet tal-Komunità dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, waqt li għandu jsaħħaħ il-kompetittività u jmexxi ’l quddiem tkabbir ekonomiku li jkun ambjentalment b’saħħtu. L-aktar, dan għandu jqis l-għanijiet tal-Komunità fl-oqsma ta’ l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Artikolu 3 L-Għan ta’ l-għajnuna 1. Fil-qafas ta’ l-għanijiet tal-konverġenza u l-kompetittività reġjonali u x-xogħol, il-FSE għandu jappoġġja azzjoni taħt dawn il-prijoritajiet li ġejjin: (a) l-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-impriżi li qed tiżdied, l-aktar billi jitmexxew ’il quddiem: (i) l-investiment miżjud fir-riżorsi umani mill-impriżi, l-aktar l-impriżi żgħar u medji (SMEs), u fil-ħaddiema, bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ tagħlim għal tul il-ħajja u strateġiji li jiżguraw l-aċċess imtejjeb biex jitħarrġu ħaddiema b’ħiliet baxxi u li għandhom età avvanzata, it-trasparenza tal-kwalifiki u l-ħiliet, it-tixrid ta’ l-ICT u l-ħiliet tat-tmexxija kif ukoll it-tmexxija ’l quddiem ta’ l-imprenditorjat u l-innovazzjoni; (ii) l-antiċipazzjoni u t-tmexxija pożittiva tal-bidla ekonomika, l-aktar bit-tfassil u t-tixrid ta’ għamliet ġodda ta’ organizzazzjoni ta’ xogħol li jkunu aktar produttivi, inklużi saħħa u sigurtà aħjar, l-għarfien ta’ kriterji okkupazzjonali u ta’ ħiliet tal-ġejjieni, u l-iżvilupp ta’ servizzi speċifiċi ta’ xogħol, taħriġ u appoġġ lill-ħaddiema fil-kuntest tal-kumpannija u r-ristrutturar tas-settur. (b) jissaħħaħ l-aċċess għax-xogħol għal min qed ifittex impjieg u għal persuni qiegħda, li jkun evitat il-qgħad, li titwal il-ħajja fuq il-post tax-xogħol u li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa kif ukoll ta’ dawk il-persuni li jiċċaqalqu minn post għal ieħor, l-aktar billi jitmexxew ’il quddiem: (i) il-modernizzazzjoni u t-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-aktar is-servizzi tax-xogħol; (ii) l-implimentazzjoni ta’ miżuri attivi u preventivi li jkunu jiżguraw l-għarfien bikri tal-ħtiġiet u l-appoġġ personalizzat, it-tiftix għal u l-mobbiltà tax-xogħol, l-impjieg indipendenti u l-ħolqien tan-negozji; (iii) azzjoni speċifika biex tiżdied il-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa li jaħdmu, biex titnaqqas il-firda fis-suq tax-xogħol ibbażata fuq is-sessi, anki billi jkunu ttrattati l-għeruq tad-differenzi dwar kif jitħallsu n-nisa u l-irġiel, u biex tirrikonċilja l-ħajja tax-xogħol u dik privata anki billi jitħaffef l-aċċess għall-kura tat-tfal u l-kura ta’ persuni li jkunu dipendenti; (iv) azzjoni speċifika biex tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali ta’ dawk il-persuni li jiċċaqalqu minn post għal ieħor u biex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fix-xogħol, inklużi l-gwida u t-taħriġ fil-lingwa u l-validazzjoni tal-ħiliet li jkunu nkisbu barra. (c) tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali ta’ persuni żvantaġġati u li tkun miġġielda d-diskriminazzjoni, l-aktar billi jitmexxew ’il quddiem: (i) toroq għall-integrazzjoni fix-xogħol għal persuni żvantaġġati, persuni li jkunu qed ibatu minn esklużjoni soċjali, persuni li jħallu kmieni l-iskola, minoritajiet u nies b’diżabbiltà, b’miżuri ta’ impjegar, inkluż fil-qasam ta’ l-ekonomija soċjali, li jkunu jappoġġjaw azzjonijiet u appoġġ soċjali rilevanti u servizzi ta’ kura; (ii) diversità fil-post tax-xogħol u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni biex wieħed jikseb aċċess fis-suq tax-xogħol billi jkun hemm l-għarfien u l-involviment ta’ komunitajiet u impriżi lokali. (d) li jkun hemm mobilizzazzjoni għar-riformi fl-oqsma tax-xogħol u l-inklużjoni, l-aktar billi jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp ta’ sħubiji u patti permezz tan- networking tal-partijiet interessati rilevanti fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali. 2. Fil-qafas ta’ l-għan tal-konverġenza, il-FSE għandu jappoġġja azzjoni taħt dawn il-prijoritajiet li ġejjin: (a) Li jitwessa’ u jitjieb l-investiment fil-kapital uman, l-aktar billi jitmexxew ’il quddiem: (i) l-implimentazzjoni tar-riformi fl-edukazzjoni u fis-sistemi tat-taħriġ, l-aktar bil-ħsieb li tikber it-tweġiba ta’ dawn għall-ħtiġiet ta’ soċjetà bbażata fuq l-għerf, billi titjieb ir-rilevanza tas-suq tax-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bidu, u billi jiġu aġġornati kontinwament il-ħiliet ta’ l-għalliema u ħaddiema oħrajn; (ii) il-parteċipazzjoni miżjuda fl-edukazzjoni u t-taħriġ permezz taċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż b’azzjoni biex jinkisbu tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ tfal li jħallu l-iskola kmieni kif ukoll aċċess akbar fl-edukazzjoni vokazzjonali tal-bidu u f’dik terzjarja; (iii) l-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-aktar bi studji post-graduate u t-taħriġ ta’ riċerkaturi kif ukoll b’ħidmiet ta’ networking relatati bejn universitajiet, ċentri tar-riċerka u impriżi. (b) Li jissaħħew il-ħila istituzzjonali u l-effiċjenza ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi u servizzi pubbliċi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex ikunu jistgħu jitwettqu r-riformi u l-kontroll tajjeb l-aktar fil-qasam ekonomiku, f’dak tax-xogħol, u fl-oqsma soċjali, ambjentali u ġudizzjali, speċjalment billi jitmexxew ’il quddiem: (i) politika tajba u tfassil tajjeb ta’ programmi, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni, bi studji, statistiċi u esperti, appoġġ lill-koordinazzjoni interdipartimentali u d-djalogu bejn l-entitajiet pubbliċi u privati rilevanti; (ii) il-bini tal-ħiliet fit-twassil ta’ politika u programmi, inkluż dwar l-infurzar tal-leġislazzjoni, l-aktar bit-taħriġ maniġerjali u tal-ħaddiema u b’appoġġ speċifiku lejn servizzi ewlenin, spettorati u imsieħba soċjo-ekonomiċi, inklużi l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti. 3. Fit-tħaddim ta’ l-għanijiet u l-prijoritajiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-FSE għandu jappoġġja t-tmexxija ’l quddiem u l-qsim ewlieni ta’ ħidmiet ġodda kif ukoll il-kooperazzjoni transnazzjonali u inter-reġjonali l-aktar billi jsir qsim tat-tagħrif, l-esperjenzi, ir-riżultati u prattiċi ġodda, u billi jkunu żviluppati avviċinamenti kumplementari u kkoordinati jew azzjoni konġunta. 4. Fit-tħaddim tal-prijorità ta’ l-inklużjoni soċjali msemmija fil-paragrafu 2 (c) (i), l-iffinanzjar mill-FSE ta’ azzjonijiet fi ħdan l-iskop tar-Regolament (KE) Nru […] [ERDF] jista’ jlaħħaq ammont massimu ta’ 10% ta’ l-assi tal-prijorità kkonċernata. Artikolu 4 Il-Koerenza u l-konċentrazzjoni 1. L-Istati Membri u l-awtoritajiet tat-tmexxija għandhom jiżguraw li l-azzjoni appoġġjata mill-FSE tkun konsistenti ma’ u ssaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol. L-aktar, dawn għandhom jiżguraw li l-azzjoni stabbilita fil-qafas strateġiku ta’ referenza u fil-programmi ta’ l-operat tkun tmexxi ’l quddiem il-prijoritajiet u l-miri ta’ l-Istrateġija f’kull Stat Membru, waqt li jikkonċentraw l-appoġġ l-aktar fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tax-xogħol li saru taħt l-Artikolu 128(4) tat-Trattat kif ukoll ta’ l-għanijiet rilevanti tal-Komunità fil-qasam ta’ l-inklużjoni soċjali. 2. Fil-programmi ta’ l-operat, ir-riżorsi għandhom ikunu diretti lejn l-iktar ħtiġiet importanti u jiffukaw fuq dawk l-oqsma ta’ politika li għalihom l-appoġġ tal-FSE jista’ jġib effett sostanzjali minħabba li jintlaħqu l-għanijiet tal-programm. Biex jilħqu l-massimu ta’ l-effiċjenza ta’ l-appoġġ tal-FSE, il-programmi ta’ l-operat għandhom iqisu sew ir-reġjuni u l-postijiet li jkunu qed jiffaċċjaw l-aktar problemi serji, inklużi dawk l-inħawi urbani li huma neqsin minn ħtiġiet essenzjali kif ukoll dawk rurali u li jiddependu fuq is-sajd li jinsabu sejrin lura. 3. L-elementi rilevanti tar-rapport annwali ta’ l-Istati Membri msemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru […] [li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni], għandhom jiġu integrati rispettivament fil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali għax-xogħol u fil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali għall-inklużjoni soċjali li jikkorrispondu. 4. L-għanijiet ikkwantifikati u l-indikaturi magħżula biex isir il-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku nazzjonali ta’ referenza ddefinit fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru […] [li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni], għandhom ikunu dawk użati fl-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u fil-kuntest ta’ l-għanijiet maqbula tal-Komunità fl-oqsma ta’ l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-indikaturi tal-monitoraġġ tal-programmi ta’ l-operat għandhom ikunu koerenti ma’ dawn l-għanijiet ikkwantifikati. 5. Il-valutazzjonijiet li jkunu saru b’rabta ma’ l-azzjoni tal-FSE għandhom jistħarrġu l-għajnuna ta’ l-azzjoni appoġġjata mill-FSE għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u għall-għanijiet tal-Komunità fl-oqsma ta’ l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istat Membru kkonċernat. Artikolu 5 It-tmexxija tajba u s-sħubija 1. Il-FSE għandu jmexxi ’l quddiem il-kontroll tajjeb u s-sħubija. L-appoġġ tiegħu għandu jitfassal u jiġi implimentat fuq livell territorjali xieraq, b’attenzjoni kbira lejn il-livell reġjonali u lokali, skond l-arranġamenti istituzzjonali li jkunu speċifiċi għal kull Stat Membru. 2. L-Istati Membri u l-awtorità tat-tmexxija ta’ kull programm ta’ l-operat għandhom jiżguraw l-involviment ta’ l-imsieħba soċjali u l-konsultazzjoni adegwata tal-partijiet interessati mhux governattivi, fuq livell territorjali xieraq, fl-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ l-appoġġ tal-FSE. 3. L-awtoritajiet tat-tmexxija ta’ kull programm ta’ operat għandhom jinkuraġġixxu l-parteċipazzjoni u l-aċċess adegwati ta’ l-imsieħba soċjali fil-ħidmiet li jiġu ffinanzjati taħt l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. Taħt l-Għan tal-"Konverġenza", mill-inqas 2% tar-riżorsi tal-FSE għandhom ikunu allokati għall-bini ta’ ħiliet u għal ħidmiet li jitwettqu b’mod konġunt mill-imsieħba soċjali, l-aktar dwar l-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-impriżi msemmija fl-Artikolu 2 (1) (a). 4. L-awtorità tat-tmexxija ta’ kull prgramm ta’ operat għandha tinkuraġġixxi l-parteċipazzjoni u l-aċċess adegwati ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-ħidmiet li jiġu ffinanzjati, l-aktar fl-isfera ta’ l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza ta’ bejn in-nisa u l-irġiel. 5. Meta tiġi ddelegata r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni, l-appoġġ fil-qafas ta’ programm jista’ jingħata permezz ta’ għotjiet globali. Artikolu 6 L-Ugwaljanza bejn is-sessi L-Istati Membri u l-awtoritajiet tat-tmexxija għandhom jiżguraw li l-programmi ta’ l-operat ikun fihom deskrizzjoni fuq kif l-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi se titmexxa ’l quddiem fl-ipprogrammar, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ, inklużi indikaturi speċifiċi, kif ukoll fil-valutazzjoni. Artikolu 7 L-Innovazzjoni Fil-qafas ta’ kull programm ta’ operat, l-Istati Membri u l-awtoritajiet tat-tmexxija għandhom jagħtu attenzjoni kbira lit-tmexxija ’il quddiem u l-qsim ewlieni ta’ ħidmiet ġodda. Wara li tkun ikkonsultat il-Kumitat tal-Monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru […] [li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni], l-awtorità tat-tmexxija għandha tagħżel is-suġġetti għall-iffinanzjar ta’ l-innovazzjoni u għandha wkoll tiddefinixxi l-modalitajiet xierqa ta’ l-implimentazzjoni. Artikolu 8 Il-Kooperazzjoni transnazzjonali 1. L-Istati Membri u l-awtoritajiet tat-tmexxija għandhom jiżguraw li l-ipprogrammar ta’ ħidmiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u inter-reġjonali jieħu l-għamla ta’ assi ta’ prijorità speċifika f’programm ta’ l-operat jew fi programm speċifiku ta’ l-operat. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm koerenza u kumplementarjetà bejn l-azzjoni tal-Fond u l-azzjonijiet appoġġjati bi programmi transnazzjonali tal-Komunità, l-aktar fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mekkaniżmi xierqa ta’ koordinazzjoni, u li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi tal-Komunità biex ikunu appoġġjati l-edukazzjoni u t-tagħlim għal tul il-ħajja. Artikolu 9 Għajnuna teknika Il-Kummissjoni għandha tmexxi ’l quddiem l-aktar il-bdil ta’ esperjenzi, ħidmiet li jsaħħu l-għarfien, laqgħat, networking u r-reviżjonijiet fi gruppi biex ikunu magħrufa u jixxerdu l-prattiċi tajba u biex jitmexxa ’l quddiem it-tagħlim reċiproku bl-għan li jissaħħu d-dimensjoni tal-politika u l-kontribuzzjoni tal-FSE lejn l-għanijiet tal-Komunità fejn għandhom x’jaqsmu x-xogħol u l-inklużjoni soċjali. Artikolu 10 Ir-Rapporti ta’ kull sena u ta’ l-aħħar Ir-rapporti ta’ l-implimentazzjoni ta’ kull sena u dawk ta’ l-aħħar msemmija fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru […] [li jwaqqaf id-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali u l-Fond tal-Koeżjoni], għandu jkun fihom ġabra dwar l-implimentazzjoni ta’: (a) il-qsim ewlieni tal-ġeneru kif ukoll kull azzjoni speċifika dwar il-ġeneru; (b) azzjoni biex jissaħħu l-integrazzjoni soċjali u x-xogħol ta’ persuni li jħallu posthom biex imorru jgħixu post ieħor; (c) azzjoni biex jissaħħu l-integrazzjoni soċjali u x-xogħol tal-minoritajiet; (d) ħidmiet ġodda, inklużi ġustifikazzjoni tas-suġġetti magħżula għall-innovazzjoni, il-preżentazzjoni tar-riżultati tagħhom u t-tixrid u l-qsim ewlieni ta’ dawn; (e) ħidmiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u inter-reġjonali. Artikolu 11 L-Eliġibbiltà 1. Il-FSE għandu jappoġġja n-nefqa pubblika li tieħu l-għamla ta’ għotijiet individwali jew globali li ma jitħallsux lura, għotjiet li jridu jitħallsu lura, tnaqqis fl-interessi tas-self u mikro-krediti, kif ukoll ix-xiri ta’ affarijiet u servizzi b’sejħat għall-offerti pubbliċi. 2. In-nefqa li ġejja m’għandhiex tkun eliġibbli għall-appoġġ tal-FSE: (a) Il-VAT li tinġabar lura; (b) Interessi fuq id-dejn; (c) Ix-xiri ta’ infrastruttura, beni mobbli li jiddeprezzaw ruħhom, proprjetà u art. 3. Minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ir-regoli ta’ l-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru […] [fuq il-ERDF] għandhom jgħoddu għal azzjonijiet li jkunu ko-finanzjati mill-FSE u li jkunu jaqgħu fl-għan ta’ l-Artikolu [2] tar-[Regolament fuq il-ERDF]. 4. Minkejja r-regoli nazzjonali ta’ l-eliġibbiltà, in-nefqa ddikjarata taħt il-programmi ta’ l-operat ko-finanzjati mill-FSE għandha tinkludi: (a) benefiċċji jew salarji mħallsa minn parti terza għall-ġid tal-parteċipanti li jkunu ħadu sehem f’operat u li dawn ikunu ġew iċċertifikati lill-benefiċjarju, fuq kundizzjoni li dawn l-ispejjeż ikunu jsawru l-ko-finanzjar pubbliku nazzjonali għall-operat, skond ir-regoli nazzjonali li jkun hemm fis-seħħ. (b) l-ispejjeż indiretti ta’ l-operat stabbiliti fuq bażi ta’ rata fissa, sa 20% ta’ l-ispejjeż diretti ddikjarati għal dan l-operat, skond l-għamla ta’ l-operat, il-kuntest li fih dan ikun implimentat u fejn dan ikun seħħ. Artikolu 12 Dispożizzjonijiet transitorji Dan ir-Regolament għandu jaffettwa la l-implimentazzjoni ssuktata u lanqas il-modifikazzjoni, inkluż il-kanċellazzjoni parzjali, ta’ miżuri li ġew approvati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1784/99, li kienu jgħoddu qabel l-1 ta’ Jannar 2007. L-applikazzjonijiet li jkunu saru taħt ir-Regolament (KEE) Nru 1784/94 għandhom jibqgħu validi. Artikolu 13 It-Tħassir Ir-Regolament (KE) Nru 1784/99 qed jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007. Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1784/99 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Artikolu 14 Il-Klawsola tar-reviżjoni Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrevedu dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013. Artikolu 15 Id-Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Dan għandu jkun jgħodd mill-1 ta’ Jannar 2007. Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jgħodd direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, [….] Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President […] […] [1] ĠU C […], […], p. […]. [2] ĠU C […], […], p. […]. [3] ĠU C […], […], p. […]. [4] ĠU C […], […], p. […]. [5] ĠU L […], […], p. […]. [6] ĠU L 213, it-13.8.1999, p. 5.