Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet speċjali għall-kummerċ ma' dawk l-inħawi tar-Repubblika ta' Ċipru li fuqhom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv /* KUMM/2004/0466 finali - ACC 2004/0148 */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar kundizzjonijiet speċjali għall-kummerċ ma' dawk l-inħawi tar-Repubblika ta' Ċipru li fuqhom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Il-Kunsill Ewropew tenna kemm-il darba x-xewqa tiegħu għad-dħul fl-Unjoni Ewropea ta' Ċipru maqgħud mill-ġdid. Sa issa, soluzzjoni komprensiva għadha ma nstabitx. "Is-Soluzzjoni Komprensiva tal-Problema Ċiprijotta" kif imlestija mis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Kofi Annan, ġiet approvata mill-elettorat Turko-Ċiprijott fir-referenda separati li seħħew fl-istess perjodu fl-24 ta' April 2004. Fid-dawl tal-vot Turko-Ċiprijott, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, fir-rapport dwar il-missjoni tiegħu ta' bon uffiċċju f' Ċipru [1], esprima t-tama tiegħu li l-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU "jistgħu jimmotivaw lill-Istati kollha biex jikkooperaw kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fi ħdan korpi internazzjonali biex jeliminaw restrizzjonijiet u ostakli żejdali fil-fatt jiżolaw liċ-Ciprijotti Torok u jxekklulhom l-iżvilupp" (para. 93). [1] Rapport tas-Segretarju-Ġenerali dwar il-missjoni tiegħu ta' bon uffiċċju li għamel f'Ċipru fit-28 ta' Mejju, 2004 (UN Doc S/2004/437). Wara r-riżultat tar-referenda, il-Kunsill stqarr fis-26 ta'April 2004: "Il-komunità Turko-Ċiprijotta esprimiet ix-xewqa ċara tagħħa li jkollha ġejjieni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill huwa iddeterminat li jtemm l-iżolament tal-komunità Turko-Ċiprijotta, u li jħaffef ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru billi jħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti konkreti f'dan ir-rigward, b'enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira u t-titjib fil-kuntatt bejn iż-żewġ komunitajiet u ma' l-UE." L-abbozz propost mehmuż għal Regolament tal-Kunsill jilqa' l-istedina tal-Kunsill u jipproponi miżura importanti li tikkontribwixxi lejn it-tmiem ta' l-iżolament ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta, għaliex iħaffef il-kummerċ bejn il-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru u t-Territorju Doganali ta' l-UE. L-abbozz propost joffri skema preferenzjali għal prodotti deħlin fit-Territorju Doganali ta' l-UE u jinkludi inter alia regoli dettaljati li jiċċertifikaw l-oriġni tal-oġġetti u li għandu jinħareġ mill-Kamra tal-Kummerċ Turko-Ċiprijotta jew korp awtorizzat ieħor, l-spezzjonijiet fitosanitarji, is-sigurtà ta' l-ikel u prodotti, kwistjonijiet ta' taxxa, obbligi komunikattivi, u miżuri ta' ħarsien fl-eventwalità ta' nuqqas ta' kooperazzjoni, irregolaritajiet u frodi. Huwa propost li l-iskema preferenzjali tieħu l-forma ta' kwota ta' tariffi li għandha tiġi stabbilita bil-għan li tinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku filwaqt li tevita l-ħolqien ta' xejriet ta' kummerċ artifiċjali jew li tistimola l-frodi. Għandu jkun magħruf li dan ir-Regolament ikopri l-kummerċ u mhux oqsma oħra bħal ma huwa t-trasport. Dan ir-Regolament huwa għalhekk bla ħsaragħall-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti biex jistgħu jiġu rrispettati regoli internazzjonali dwar is-sigurtà tat-trasport marittimu u dak bl-ajru. Barra minn hekk, sal-punt li kundizzjonijiet speċjali mhumiex determinati, ir-regoli ġenerali li jiggvernaw il-kummerċ estern tal-Komunità huma applikabbli, inkluż per eżempju ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 li jikkonċerna l-kontrolli ta' oġġetti importati bil-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-prodott. Il-bażi legali għal dan ir-Regolament tista' jkun biss l-Artikolu 133 KE. Ċipru bit-territorju kollu tiegħu sar Stat Membru fl-1 ta' Mejju 2004. Madanakollu, l-acquis huwa sospiż f'dawk l-inħawi li m'humiex taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru (l-"Inħawi") skond l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll 10 ta' l-Att ta' Sħubija. Dan ifisser inter alia li l-kodiċi doganali tal-komunità li jiddefinixxi t-territorju doganali tal-KE ma japplikax fl-"Inħawi". B'riżultat ta' dan, il-kummerċ ma' l-Inħawi isegwi r-regoli applikabli lil pajjiżiterzi . Din m' hijiex qagħda unika. Hemm territorji oħrajn ta' l-UE li m' humiex inklużi fit-territorju doganali tal-KE. Għal Ceuta, Melilla u Ġibiltà, apparti mir-regoli speċjali, jeżistu regoli tal-kummerċ ibbażati fuq l-Artikolu 133 KE, filwaqt li għal Büsingen, Campione d'Italia u Helgoland ir-regoli tal-pajjiżi terzi relevanti japplikaw ġeneralment. 2004/0148 (ACC) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar kundizzjonijiet speċjali għall-kummerċ ma' dawk l-inħawi tar-Repubblika ta' Ċipru li fuqhom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li qies it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 ta' dan it-Trattat, Wara li qies il-proposta tal-Kummissjoni [2], [2] ĠU L [...], [...], p. [...]. Billi: (1) Il-Kunsill Ewropew saħaq kemm-il darba x-xewqa tiegħu għad-dħul fl-Unjoni Ewropea ta' Ċipru maqgħud mill-ġdid. S' issa, soluzzjoni komprensiva għadha ma nstabitx. Fid-dawl tal-fatt li l-komunità Turko-Ċiprijotta, f'referendum fuq is-soluzzjoni komprensiva tal-problema Ċiprijotta kif propost mis-Segretarju Generali tan-NU, esprimiet ix-xewqa qawwija tagħha li jkollha ġejjieni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill, fis-26 ta' April, esprima d-determinazzjoni tiegħu li jtemm l-iżolament tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jiffaċilita ir-rijunifikazzjoni ta' Ċipru billi jistimola l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem proposti komprensivi għal dan il-għan. (2) Sakemm ma jitlaħaqx ftehim, l-applikazzjoni ta' l-acquis ġiet sospiża in segwitu għall-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni 2003 [3] f' dawk l-inħawi fejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv, li minn hawn 'il quddiem jissejħu "l-Inħawi". [3] ĠU L 236, 23.9.2003, p. 955. (3) In segwitu għall-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru. 10, miżuri li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' l-Inħawi m'humiex preklużi bis-sospensjoni ta' l-acquis. L-iżvilupp tal-kummerċ ma' l-Inħawi jikkontribwixxi għall-proċess ta' żvilupp ekonomiku ta' l-Inħawi hawn fuq imsemmija. Regoli speċjali biex jitħaffef il-kummerċ bejn dawk l-Inħawi u Stati Membri oħra għajr Ċipru għalhekk jistgħu għalhekk jitfasslu. M' għandhomx jimminaw il-livelli ta' protezzjoni u ta' sigurtà fl-UE, b'mod partikolari dawk ir-regoli tal-KE li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-ambjent u tal-konsumatur, ir-regoli dwar il-projbizzjoni ta' l-importazzjoni ta' affarijiet foloz jew ta' kuntrabandu, jew li jwasslu għal riskji inaċċettabli għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità. Bl-istess mod m'għandhomx jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tagħha. (4) Il-Kummissjoni għandha tiddetermina kwoti tariffarji annwali għall-prodotti b'tali mod li jiġi stimulat l-iżvilupp tal-kummerċ, filwaqt li tevita l-ħolqien ta' xejriet artifiċjali ta' kummerċ jew li tiffaċilita l-frodi. (5) Fl-interess tal-ħarsien ta' l-interessi tal-Komunità, il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn dispożizzjonijiet li jippermettu l-irtirar temporanju jew permanenti tagħhom, fit-totalità jew ta' partijiet tagħhom biss, f'każi fejn frodi u irregolaritajiet huma ssuspettati jew stabbiliti. (6) Sakemm jintlaħqu livelli ta' sanità veterinarja u pubblika, iċ-ċaqliq ta' bhejjem u tal-prodotti tagħhom għandu jkun ipprojbit. (7) L-intitolar għal benefiċċju minn dawn il-miżuri huwa kkondizzjonat mill-involviment tal-kamra tal-kummerċ Turko-Ċiprijotta, jew kwalunkwe korp ieħor li ġie awtorizzat kif xieraq għal dak l-iskop mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni effettiva mal-Kummissjoni u ma' l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri biex b' hekk jitħarsu mir-riskju tal-frodi. Dan il-permess għandu jkun soġġett għal impenji bil-kitba minn qabel tal-korp awtorizzat, u għandu jiġi rtirat jekk dan il-korp jonqos milli jwettaq wieħed jew aktar minn dawn il-wegħdiet b'tali mod u manjiera li jipperikola l-applikazzjoni korretta ta'dan ir-Regolament. (8) Id-dispożizzjonijiet ta dan ir-Regolament, b'mod partikolari meta termini meħudin mill-acquis huma wżati, għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' dawk iċ-ċirkostanzi partikolari ta' l-Inħawi. (9) Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92 [4], Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2454/93 [5] u Regolament tal-Kunsill (XX) dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 866/2004 [6] għandhom ukoll japplikaw fil-qafas ta' dan ir-Regolament. [4] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. [5] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. [6] ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128. (10) Dawn l-arranġamenti għandhom jiġu riveduti fid-dawl ta' l-esperjenza miġbura fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. (11) Sakemm dan ir-Regolament ma jiddeterminax kundizzjonijiet speċjali, ir-regoli ġenerali tal-kummerċ estern tal-Komunità japplikaw. (12) Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għall-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti sabiex ikunu jistgħu jiġu rrispettati ir-regoli internazzjonali dwar is-sigurtà tat-trasport marittimu u dak bl-ajru. (13) Il-miżuri huma parti mill- proposti komprensivi imsemmija hawn fuq bi tweġiba għas-sitwazzjoni speċifika f' Ċipru. M' għandhomx jikkostitwu preċedent għall-politika dwar il-kummerċ tal-Komunità, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Trattament ta' l-oġġetti li jaslu mill-Inħawi 1. Prodotti li, fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92, joriġinaw mill-Inħawi u huma ttrasportati direttament minn hemmhekk, jistgħu jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsaa fit-territorju doganali tal-Komunità b'eżenzjoni minn taxxi doganali u minn piżijiet ta' effett simili sakemm ma jintlaħqux il-limiti ta' kwoti tariffarji annwali li huma stabiliti skond l-Artikolu 2(2) u sakemm m' humiex eliġibbli għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew miżuri ta' intervenzjoni. Dan huwa bla ħsara għal taxxi indiretti li għandhom jitħallsu fuq l-importazzjoni. 2. B' deroga minn dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura tal-kumitat tal-ġestjoni relevanti li hija stabbilita taħt il-politika agrikola komuni, tiddetermina kundizzjonijiet preferenzjali u modalitajiet ta' aċċess għal prodotti li huma eliġibbli għal rifużjonijiet fuq l-esportazzoni jew miżuri ta' intervenzjoni. 3. Id-dħul fil-Komunità ta' bhejjem ħajjin u prodotti annimali li huma soġġetti għal-leġislazzjoni Komunitarja fuq il-kriterji veterinarji mill-Inħawi ser ikunu pprojbiti sakemm ikunu jistgħu jiġu żguratilivelli adekwati ta sanità veterinarja u pubblika. It-tmiem ta' din il-projbizzjoni jeħtieġ l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni in segwitu għall-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru. 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [7], li jistipula l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kummerċ. [7] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. 4. Għal raġunijiet ta' sigurtà tal-ikel, id-dħul ta' għalf tal-bhejjem fil-Komunità mill-Inħawi ser ikun ipprojbit. 5. Għal raġunijiet ta' sigurtà tal-ikel, id-dħul fil-Komunità mill-Inħawi ta' oġġetti ta' kwalità mniżżla fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li huma elenkati fl-Anness IV ser ikun ipprojbit. L-istess se japplika għall-oġġetti koperti minn deċiżjonijiet simili adottati f'miżuri ta' ħarsien fil-ġejjieni in segwitu għad-Direttiva 93/43/KE [8] jew ir-Regolament 178/2002/KE. Għal affarijiet ta' l-ikel oħra, l-eżaminar u l-ittestjar ta' livelli ta' sigurtà ta' l-ikel in segwitu għall-miżuri adottati skond l-Artikolu 95 tat-Trattat KE ser ikunu osservati bis-sħiħ. [8] ĠU L 175, 19.7.1993, p. 1. 6. Id-dħul fil-Komunità ta' oġġetti li huma soġġetti għal miżuri ta' difiża tal-kummerċ, inkluż oġġetti li fihom xi materjali li huma soġġetti għal dawn il-miżuri, ser ikunu pprojbiti. Dan huwa bla ħsara għall- applikazzjoni tal-miżuri Komunitarji kontra d-dumping, kontra s-sussidji, miżuri ta' ħarsien jew miżuri protezzjonisti oħra. Artikolu 2 Kundizzjonijiet għal trattament speċjali 1. L-arranġamenti li għalihom kien hemm referenza fl-Artikolu 1 ma huma ser ikunu ta' kundizzjoni fuq l-ebda taxxa doganali ġdida jew miżjuda jew piż b' effett simili, l-ebda miżura kwantitattiva ġdida, jew l-ebda restrizzjoni oħra, li hija applikata fl-Inħawi fuq id-dħul ta' oġġetti mill-Komunità mill-ġurnata tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. 2. Il-Kamra tal-Kummerċ Turko-Ċiprijotta, jew korp ieħor awtorizzat kif għandu jkun għal dak l-iskop mill-Kummissjoni, skond il-kriterji mniżżla fl-Artikolu 5, ser joħorġu dokument anċillari li jiċċertifika li l-oġġetti li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 1 (1) joriġinaw f' dawk l-inħawi li jaqgħu fl-iskop ta' l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal- Kunsill (KEE) Nru. 2913/92. Dan id-dokument ser jieħu l-forma ta' l-eżemplari mogħti fl-Anness I. 3. Operaturi li jixtiequ jitolbu kopja ta' dokument anċillari għandhom japplikaw bil-kitba lil dawk il-korpi hawn fuq imsemmija. Il-formola ta' l-applikazzjoni għandha tieħu l-forma ta' l-eżemplari mogħti fl-Anness Nru. II 4. Il-Kamra tal-Kummerċ Turko-Ċiprijotta jew korp ieħor awtorizzat kif xieraq ser jikkomunika lill-Kummissjoni kull xahar il-kwalità, il-volum u l-valur ta' l-oġġetti li għalihom ħarġet id-dokumenti u li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 2 (2). Ser jiġu kkomunikati wkoll dettalji ta' kull irregolarità li tinstab kif ukoll ta' kull sanzjoni li tiġi applikata. Artikolu 3 Regoli ta' l-oriġni L-oriġini ta' kull prodott li għalih japplika dan ir-Regolament ser ikun iddeterminat skond id-dispożizzjonijiet relatati mad-definizzjoni ta' oriġini mhux preferenzjali fis-seħħ fil-Komunità. Artikolu 4 Kwoti Tariffarji 1. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura stipulata mill-Artikolu 248 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92, tiddetermina l-kwoti tariffarji annwali għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) b' tali mod u manjiera li tħaffef l-iżvilupp tal-kummerċ, filwaqt li trażżan il-ħolqien ta' xejriet artifiċjali ta' kummerċ jew li tiffaċilita l-frodi. Fid-definizzjoni tagħha ta' kategoriji ta' prodotti u l-livelli ta' kwoti ta' tariffi għal dawn il-kategoriji, il-Kummissjoni ser tiġbor u tqis informazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ Turko-Ċiprijotta jew korpi oħra xierqa dwar il-kapaċitajiet ta' produzzjoni eżistenti u l-potenzjal għat-tkabbir tagħhom, xejriet ta' konsum tradizzjonali kif ukoll kull informazzjoni relevanti oħra. 2. Il-kwoti tariffarji ser ikunu ġestiti mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 308a sa 308c tar-Regolament (KEE) Nru. 2454/93. Artikolu 5 Awtorizzazzjoni 1. L-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) ser tkun soġġetta b'mod partikolari għall-impenn bil-miktub tal-Kamra tal-Kummerċ Turko-Ċiprijotta jew kull korp ieħor awtorizzat kif xieraq biex tiġi applikata u segwita l-applikazzjoni korretta mill-operaturi li qed jagħmlu t-talba, il-leġislazzjoni Komunitarja li tikkonċerna d-definizzjoni ta' l-oriġni mhux preferenzjali skond l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92 u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni, jinkudu l-obbligu, inter alia (a) li jsiru kontrolli skond il-ħtieġa biex jiġi aċċertat li l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija mill-operatur li għamel it-talba fuq il-formola ta' l-applikazzjoni li msemmija fl-Artikolu 2 (3) huma preċiżi; (b) li jinħareġ id-dokument anċillari u li jiġi ċċertifikat b'mod ċar li l-oġġetti li għalihom huwa relatat joriġinaw mill-Inħawi kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni 2003 in segwitu għall-Artikolu 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92 u d-dispożizzjonijiet ta' l-implimentazzjonijiet tiegħu; (c) li jintbagħtu lill-Kummissjoni eżemplari tat-timbri użati għall-ħruġ tad-dokument anċillari; (d) li jkun hemm l-impenn li jinżammu disponibbli għal żmien ta' mill-anqas tliet snin il-formola ta' l-applikazzjoni għad-dokument anċillari kif ukoll kulle dokument oriġinali anċillari; (e) li jjkun hemm kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri f'dak li għandu x' jaqsam mal-verifika ta' l-awtentiċità u l-korrettezza tad-dokument anċillari kif ukoll li jrażżnu r-riskju ta' frodi u irregolaritajiet oħra. (f) li jitwettqu fuq inizjattiva personali, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni jew l-amministrazzjoni ta' Stat Membru, inkjesti xierqa meta jkun hemm informazzjoni li tindika li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma ġewx osservati; (g) li jiġu aċċettati kontrolli, verifiki jew investigazzjonijiet fuq il-post minn ġewwa l-korp u li jħaffef dawn il-kontrolli, verifiki jew investigazzjonijiet fuq il-post fejn jaħdmu tal-operaturi li jkunu talbu l-istabbiliment ta' dokument anċillari kif ukoll ta' l-awtentiċità ta' dan id-dokument; (h) li sseħħ komunikazzjoni mal-Kummisjoni fuq bażi mensili il-kwalità, il-volum u l-valur ta' l-oġġetti li għalihom ħarġet id-dokumenti anċillari; u dettalji ta' kull irregolarita li tkun ġiet osservata u kull sanzjoni li tkun ġiet imposta. 2. Meta l-korp awtorizzat jonqos milli jwettaq din il-wegħda, u fejn dan in-nuqqas huwa tali li jipperikola l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ser tirtira l-awtorizzazzjoni. Artikolu 6 Spezzjonar u Rrappurtar Fitosanitarju 1. Meta l-oġġetti jikkonsistu fi pjanti, prodotti ta' pjanti u oġġetti oħra koperti minn Sezzjoni B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE [9], esperti fitosanitarji indipendenti, maħtura mill-Kummissjoni u li joperaw b' kooperazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ Turko-Ċiprijotta, jew kull korp awtorizzat kif xieraq, ser jispezzjonaw l-oġġetti fil-fażi ta' produzzjoni, u għal darb' oħra fil-ħsad u fil-fażi ta' preparazzjoni għal-introduzzjoni fis-suq. [9] ĠU L 169, 19.7.2000, p. 1. Fil-każ tal-patata, dawn l-esperti hawn fuq imsemmija ser jivverifikaw li l-patata fil-konsenja tkabbret direttament minn patata għaż-żrigħ li ġiet iċċertifikata f'wieħed mill-Istati Membri, jew minn patata għaż-żrigħ ċċertifikata minn kull pajjiż ieħor li għalih id-dħul fil-Komunità tal-patata intiża għaż-żrigħ m'huwiex ipprojbit in segwitu għall-Anness III tad-Direttiva 2000/29/KE. Fil-każ ta' frott taċ-ċitru, l-esperti hawn fuq imsemmija ser jivverifikaw li l-frott instab li huwa ħieles mill-weraq u pedunkli u li għandu l-marka ta' l-oriġni meħtieġa. 2. Jekk dawn l-esperti hawn fuq imsemmija, sa fejn jafu huma u sa fejn jistgħu isiru jafu, jistabbilixxu li l-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti relevanti oħra fil-konsenja huma kkunsidrati ħielsa minn organiżmi perikolużi in segwitu għall-Anness I, u fejn applikabbli, l-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE kif ġiet emendata, u li jaderixxu mad-dispożizzjonijiet tat-tieni u t-tielet sub-paragrafi ta' paragrafu 1, ser jirrapportaw is-sejbiet tagħhom permezz tal-formola mogħtija bħala eżempju "Rapport ta' Spezzjoni Fitosanitarja" taħt l-Anness III. Ir- "Rapport ta' Spezzjoni Fitosanitarja" ser ikun inkluż bħala suppliment mad-dokument anċillari, in segwitu għall-Artikolu 2 (2). L-esperti mhux ser joħorġu "Rapporti ta' Spezzjoni Fitosanitarja" fil-każ ta' pjanti li m'humiex maħsuba għat-tħawwil. Inklużi huma t-tuberi tas-Solanum tuberosum (L.) li huma intenzjonati għat-tħawwil. 3. L-esperti ser jissiġillaw jew jagħlqu l-ippakkjar tal-konsenja jew tal-mezz ta' trasport użat għall-konsenja b' tali mod li l-prodotti kkonċernati ma jistgħux jikkawżaw infestazzjoni jew infezzjoni waqt it-trasport tagħhom u li l-identità tagħhom tibqa' mhux mibdula. L-ebda prodott koperti mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandu jiċċaqlaq għal ġewwa t-territorju tal-Komunità sakemm ir-rapport imsemmi ma jkunx imtela għal kollox u jkun ġie ffirmat kif xieraq minn għallinqas wieħed mill-esperti fitosanitarji imsemmija hawnfuq. 4. L-awtoritajiet kompetenti ser jeżaminaw il-konsenja hekk kif tasal fit-territorju doganali tal-Komunità. Fejn huwa applikabbli, ir-Rapport ta' Spezzjoni Fitosanitarja ser ikun sostitwit minn passaport għall-pjanti, maħruġ in segwitu għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE [10] u 93/51/KEE [11]. [10] ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22. [11] ĠU L 205, 17.8.1993, p. 24. 5. Jekk il-konsenja tikkonsisti fi, jew fiha qatgħet tal-patata, xi partijiet kif meħtieġ minn dawn il-qatgħet ser jiġu eżaminati għar-Ralstonia solanacearum (Smith) Yabuuchi et al. u Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckermann et Kotthoff) Davis et al., in segwitu għall-metodi stabbiliti mill-Komunità għall-individwazzjoni u d-dianjonżi ta' dawn l-organiżmi ta' ħsara. Artikolu 7 Sospensjoni temporanja 1. Bla ħsara għas-setgħa tal-Kummissjoni li tirrevoka l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 (2), il-Kummisjoni tista' tissospendi temporanjament l-arranġament speċjali previst f' dan ir-Regolament, meta tkun għamlet xi sejba, abbażi ta' informazzjoni oġġettiva, li tissuġġerixxi irregolaritajiet jew frodi. 2. Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, is-sejba ta' irregolaritajiet jew frodi, tista' ssir, inter alia, fejn hemm żjieda mgħaġġla, mingħajr spjegazzjoni sodisfaċenti, fid-dħul ta'oġġetti mill-Inħawi fit-territorju doganali tal-Komunità, li jaqbeż il-livell regolari ta' produzzjoni fl-Inħawi li huwa assoċjat ma' informazzjoni oġġettiva li tirrigwarda irregolaritajiet jew frodi. 3. L-applikazzjoni ta' sospensjoni temporanja ser tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet hawn taħt elenkati: (a) Meta l-Kummissjoni tkun għamlet sejba, abbażi ta' informazzjoni oġġettiva, ta' irregolaritajiet jew frodi, għandha mingħajr telf ta' żmien tinforma lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali li huwa istitwit mill-Artikolu 247 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92 bis-sejbiet tagħha flimkien ma' l-informazzjoni oġġettiva. (b) Sospensjoni temporanja taħt dan l-Artikolu ser tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunità. M' għandhomx jaqbżu l-perjodu ta' sitt xhur, li jista' jiġġedded kif ikun meħtieġ. 4. Il-Kummissjoni ser tippubblika avviż lill-operaturi ekonomiċi fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. L-avviż lill-operaturi ekonomiċi għandu jindika li hemm sejba abbażi ta' informazzjoni oġġettiva, ta' l-irregolaritajiet jew frodi. Artikolu 8 Regoli ta' l-Implimentazzjoni Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli ta' l-implimentazzjoni in segwitu għall-proċeduri stipolati taħt l-Artikolu 4 (12), l-aħħar sentenza tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 866/2004; fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' l-Artikoli 4,5 u 7, dispożizzjonijiet ta' Implimentazzjoni jistgħu jiġu adottati in segwitu għall-proċeduri tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2913/92. Artikolu 9 Reviżjoni, Sorveljanza u Kooperazzjoni 1. Il-Kummissjoni ser tirrapporta lill-Kunsill fuq bażi annwali, u dan jinbeda mhux aktar tard minn sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament u s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tagħha, filwaqt li tehmeż ma' dan ir-rapport proposti għat-titjib jekk dan ikun meħtieġ. 2. Il-Kummissjoni ser teżamina b'mod partikolari x-xejriet tal-kummerċ li ser jiżviluppaw taħt dan ir-Regolament, bħalma huma l-volum u l-valur tal-kummerċ u l-prodotti involuti. 3. L-Istati Membri u l-Kummisjoni ser jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dan ir-Regolament jiġi rrispettat. Artikolu 10 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament ser jidħol fis-seħħ fl-10 jum wara li jkun ġie ppubllikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament ser jorbot fl-intier tiegħu u ser japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, [...] Għall-Kunsill Il-President [...] ANNESS I Eżemplari tad-dokument anċillari msemmi fl-Artikolu 2(2) >TABELPOSITION> ANNESS II Eżemplar tad-dokument anċillari li għalih hemm referenza fl-Artikolu 2(3) >TABELPOSITION> ANNESS III Eżemplar tar-"Rapport ta' Spezzjoni Fitosanitarja" imsemmi fl-Artikolu 6 (2) 1. Rapport ta' Spezzjoni Fitosanitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill xxx/2004 Numru 2. Isem jew isem tal-kumpanija, u indirizz sħiħ tal-konsenjatur // 3. Isem jew isem tal-kumpanija, u indirizz sħiħ tar-riċevitur 4. Numru tar-reġistrazzjoni tal-produttur (ma' l-esperti fitosanitarji) u post tal- produzzjoni // 5. Isem u indirizz sħiħ ta' l-istazzjon ta' l-ippakkjar 6. Deskrizzjoni tal-konsenja (marki ta' distinzjoni; isem tal-prodott; isem botaniku) // 7. Kwantità ddikjarata 8. Mezz ta' trasport // 9. Trattament ta' wara l-ħsad (Trattament; Ingredjent attiv; Konċentrazzjoni; Temperatura) 10. L-espert fitosanitarju li jiffirma hawn taħt in segwitu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) xxx/2004, li - spezzjona l-prodott hawn fuq imsemmi skond il-proċeduri kif xieraq, fl-istadju tal-produzzjoni u wkoll wara l-ħsad u fl-istadju tat-tħejjija għall-introduzzjoni fis-suq - kien xhud tat-tagħbija fuq il-mezz tat-trasport u ssiġillah meta ntemmet it-tagħbija, b' daqshekk jikkonkludi li sa fejn jaf hu, u sa fejn jista' jkun magħruf, l-oġġetti - huma kkunsidrati li jikkonformaw mar-regolamenti fitosanitarji kurrenti ta' l-UE u b' mod partikolari - huma kkunsidrati ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara f'Anness I u, fejn japplika, Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE, kif ġiet emendata, - Fil-każ tal-patata, li l-patata fil-konsenja tkabbret direttament minn patata għaż-żrigħ li ġiet iċċertifikata f' wieħed mill- Istati Membri, jew minn patata għaż- żrigħ ċċertifikata ġewwa kull pajjiż ieħor li għalih id-dħul fil-Komunità tal-patata intiża għat- tiżrigħ, m' huwiex ipprojbit in segwitu għall-Anness III tad-Direttiva 2000/29/KE. - Fil-każ ta' frott taċ-ċitru, li l-frott instab li huwa ħieles mill-weraq u pedunkli u li għandu l-marka tal-oriġni meħtieġa. Isem u firma ta' l-espert/i fitosanitarju/i Post u data tal-ħruġ (1) ......................... (2) Firma tat-tieni espert (mhux obbligatorja) ANNESS IV Lista tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 1 (5) - Id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 2002/80/KE, kif ġiet emendata l-aħħar mid-deċiżjoni 2004/429/KE, li timponi kundizzjonijiet speċjali fuq l-importazzjoni tat-tin, ġellewż u pistaċċi u ċerti prodotti tagħhom li joriġinaw minn jew ikkonsenjati mit-Turkija - Id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 2002/79/KE, kif ġiet emendata l-aħħar minn 2004/429/KE, li timponi kundizzjonijiet speċjali fuq l-importazzjoni tal-karawett u ċerti prodotti minnhu magħmula li joriġinaw minn jew ikkonsenjati miċ-Ċina. - Id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 2000/49/KE, kif ġiet emendata l-aħħar minn 2004/429/KE, li timponi kundizzjonijiet speċjali fuq l-importazzjoni tal-karawett u ċerti prodotti derivati minnu li joriġinaw minn jew ikkonsenjati mill-Eġittu - Id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 2003/493/KE, kif ġiet emendata l-aħħar minn 2004/428/KE, li timponi kundizzjonijiet speċjali fuq l-importazzjoni ta' ġwież tal-Brażil fil-qoxra li joriġinaw minn jew li ġew konsenjati mill-Brażil - Id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 1997/830/KE, kif ġiet emendata l-aħħar minn 2004/429/KE, li timponi kundizzjonijiet speċjali fuq l-importazzjoni tal-pistaċċi u ċerti prodotti tagħhom li joriġinaw minn jew ikkonsenjati mill-Iran - Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/92/KE tal-21 ta' Jannar 2004 fuq il-miżuri ta' l-emerġenza li għandhom x' jaqsmu mal-bżar aħmar u l-prodotti tiegħu