Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) 998/2003 biex iqis l-adeżjoni ta' Malta /* KUMM/2004/0441 finali */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda r-Regolament (KE) 998/2003 biex iqis l-adeżjoni ta' Malta (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Ċerti atti adottati mill-Unjoni Ewropea jeħtieġu adattament minħabba l-Adeżjoni, u li għall-adattamenti neċessarji ma sarux provvedimenti fl-Att ta' Adeżjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 hu wieħed minn dawn l-atti u jistabbilixxi kundizzjonijiet veterinarji applikabbli għal spostament mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa domestiċi. Il-gżira ta' Malta baqgħet iżżomm sistema ta' 6 xhur kwarantina għal speċi kompatibbli importati sal-ġurnata ta' llum, iżda bħala Stat Membru ġdid li ngħaqad mal-Komunità Ewropea, se jkollha tabbanduna din is-sistema biex minflok iddaħħal u timplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 b'effett mit-3 ta' Lulju 2004. Fin-negozjati tat-tkabbir, Malta sostniet li bħala gżira bi status ta' saħħa ħieles mir- rabja bħal dak ta' l-Isvezja, l-Irlanda u r-Renju Unit, Malta għandha tiġi ttrattata fl-istess kategorija bħal dawn it-tliet Stati Membri u din il-pożizzjoni kienet aċċettata fil-Kunsill fil-proċess tan-negozjati ma' l-Istati Membri kollha. Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jaqsam l-Istati Membri f'żewġ kategoriji skond l-istorja tal-kontrolli tagħhom kontra r-rabja, u lill-Isvezja, l-Irlanda u r-Renju Unit ippermettielhom perjodu ta' transizzjoni ta' ħames snin għall-kontrolli fuq klieb, qtates u inmsa li jkunu deħlin fit-territorju tagħhom. Għalhekk Malta għandha tiżdied fil-lista kurrenti tat-tliet Stati Membri - l-Isvezja, l-Irlanda u r-Renju Unit, li ngħataw perjodu ta' transizzjoni bis-saħħa ta' dan ir-Regolament; matul dan il-perjodu l-istess miżuri li japplikaw għal spostamenti lejn dawn it-tliet Stati Membri fir-rigward ta' spostamenti mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa domestiċi, għandhom japplikaw għal spostamenti lejn f'Malta. Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 għandu jiġi emendat f'dan is-sens. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda r-Regolament (KE) 998/2003 biex iqis l-adeżjoni ta' Malta (Test b'relevanza għall-EEA) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Konformi mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Konformi ma' l-Att ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja [1], u b'mod partikulari, Artikolu 57 ta' dan, [1] OJ L 236, 23.9.2003, p. 33. Billi: (1) Għal ċerti atti adottati mill-Unjoni Ewropea, li jibqgħu validi wara l-1 ta' Mejju 2004, u li jeħtieġu adattament minħabba l-adeżjoni, l-adattamenti neċessarji ma sarux provvedimenti għalihom fl-Att ta' l-Adeżjoni, b'mod partikulari f'Anness II ta' dan. (2) Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 [2] jistabbilixxi kundizzjonijiet veterinarji li japplikaw għal spostamenti mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa domestiċi, u hu wieħed minn dawn l-atti li jrid jiġi adattat. [2] OJ L 146, 13.6.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 592/2004 (OJ L 94, 31.3.2004, p. 7). (3) Malta baqgħet iżżomm sistema ta' 6 xhur kwarantina għall-ispeċi kkonċernati importati sal-ġurnata ta' llum, iżda għandha tabbanduna din is-sistema biex minflok iddaħħal u timplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 b'effett mit-3 ta' Lulju 2004. (4) Fil-proċess tan-negozjati tat-tkabbir kien aċċettat li peress li Malta hija gżira bi status ta' saħħa ħieles mir-rabja bħal dak ta' l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Isvezja, għandha tiġi ttrattata fl-istess kategorija bħal dawn it-tliet Stati Membri. (5) Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jaqsam l-Istati Membri f'żewġ kategoriji skond l-istorja tal-kontrolli tagħhom kontra r-rabja, u jagħti lill-Isvezja, l-Irlanda u r-Renju Unit perjodu ta' transizzjoni ta' ħames snin għal kontrolli fuq klieb, qtates u inmsa li jkunu deħlin fit-territorju tagħhom. (6) Għalhekk Malta għandha tiżdied fil-lista ta' Stati Membri li ngħataw perjodu ta' transizzjoni bis-saħħa ta' dan ir-Regolament. (7) Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 għandu jiġi emendat f'dan is-sens. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar ir-rekwiżiti ta' saħħet l-annimali applikabbli għal spostament mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE hu emendat kif ġej: 1. F'Artikolu 6.1 l-ewwel sentenza tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 il-kelma "Malta," tiżdied wara l-kelma "Irlanda". 2. F'Artikolu 6.1 it-tielet paragrafu l-kliem "dawn it-tliet Stati Membri" jiġu sostitwiti bil-kliem "dawn l-erba' Stati Membri". 3. F'Anness II parti A fil-lista ta' pajjiżi u territorji, il-kelma "Malta," tiżdied wara "l-Irlanda". Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President