Proposta għall- Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna r-rappreżentanza tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew fil-każ ta' ftehim għall-problema ta' Ċipru /* KUMM/2004/0421 finali */
Proposta għall- DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tikkonċerna r-rappreżentanza tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew fil-każ ta' ftehim għall-problema ta' Ċipru (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI l-Unjoni Ewropea ripetutament issottolinejat il-preferenza qawwija tagħha għall-adeżjoni ta' Ċipru bħala pajjiż magħqud. Sa issa għadu ma ntlaħaqx ftehim komprensiv għall-problema ta' Ċipru. Skond l-Artikolu 1 (1)tal-Protokoll 10 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni 2003, l-applikazzjoni ta' l-acquis hija sospiża f'dawk l-inħawi ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv. Fl-eventwalità ta' ftehim, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-irtirar tas-sospensjoni skond l-Artikolu 1 (2) tal-Protokoll 10. B'konsegwenza ta' din il-leġislazzjoni tal-Komunità tibda taffettwa liċ-Ċiprijotti li jgħixu fl-inħawi msemmija hawn fuq. Skond l-Artikolu 189 tat-Trattat tal-KE, il-Parlament Ewropew jikkonsisti f'rappreżentanti tal-popli ta' l-Istati miġbura flimkien fil-Kommunità. L-Artikolu 190(1) tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 39(2) tal-Karta tas-Drittijiet Fundamentali ta' L-Unjoni jipprovdi għall-elezzjoni, b'vot popolari, għall-membri tal-Parlament Ewropew. Biex tiġi ggarantita r-rappreżentanza u d-drittijiet elettorali taċ-Ċiprijotti kollha, inkluża l-Komunità Ċiprijotta Torka fil-każ ta' ftehim komprensiv, huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment għall-għeluq kmieni tal-mandat tar-rappreżentanti tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew u li jsiru elezzjonijiet straordinarji f'Ċipru kollu għat-terminu taż-żmien li jkun baqa' tal-Parlament Ewropew. Il-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill huwa l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-2003, li jagħti s-setgħa lill-Kunsilll, fil-każ ta' ftehim, li jiddeċiedi fuq l-adattament tat-termini li jikkonċernaw l-adeżjoni ta' Ċipru fl-Unjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam mal-Komunità Ċiprijotta Torka. Id-deċiżjoni tal-Kunsill għandha tidħol fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bejn l-10 u t-13 ta' Ġunju 2004. Proposta għall- DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tikkonċerna r-rappreżentanza tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew fil-każ ta' ftehim għall-problema ta' Ċipru IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-2003, u partikolarment l-Artikolu 4 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta minn għand il-Kummissjoni, [1] [1] ĠU C, , p. 1 Billi: (1) Il-Kunsill Ewropew ripetutament issottolineja il-preferenza qawwija tiegħu għall-adeżjoni ta' Ċipru bħala pajjiż magħqud. S'issa, għandu ma ntlaħaqx ftehim komprensiv għall-problema ta' Ċipru u l-għaqda mill-ġdid tal-gżira. (2) Għalhekk sakemm jintlaħaq ftehim, l-applikazzjoni ta' l-acquis hija sospiża skond l-Artikolu 1 (1) tal-Protokoll Nru 10 f'dawk l-inħawi ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv. (3) Fil-każ ta' ftehim komprensiv għall-problema ta' Ċipru, il-Kunsill għandu jiddeċiedi fuq l-irtirar ta' din is-sospensjoni skond l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 10. Bħala konsegwenza l-acquis għandha tkun applikata wkoll f'dawk l-inħawi ta' Ċipru fejn bħalissa il-Gvern tar-Repubblika ta' Cipru ma jeżerċitax kontroll effettiv, u tkun taffettwa ċ-Ċiprijotti li joqgħodu f'dawn l-inħawi. (4) Skond l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Parlament Ewropew jikkonsisti fir-rappreżentanti tal-popli ta' l-Istati li ingħaqdu flimkien fil-Komunità. Il-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti b'suffraġju universali dirett bi qbil ma' l-Artikolu 190 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Artikolu 108 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika u l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/ECSC, KEE, Euratom [2], kif emendat b' Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom [3]. (minn issa msejjaħ l-Att tal-1976'). [2] ĠU L 278, tat-8.10.1976, p. 1. [3] ĠU L 283, tal-21.10.2002, p. 1. (5) Il-membri tal-Parlament Ewropew għat-terminu li jmiss li jkopri l-perjodu bejn l-2004 u l-2009 għandhom ikunu eletti fl-elezzjonijiet li għandhom isiru bejn l-10 u t-13 ta' Ġunju 2004. Skond l-Artikolu 11 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni tal-2003, in-numru ta' rappreżentanti eletti f'Ċipru mill-bidu tat-terminu 2004-2009 għandu jkun ta' sitta. Iżda l-elezzjonijiet għal dan it-terminu 2004-2009 m'għandhomx jsiru fil-parti ta' Ċipru fejn l-applikazzjoni ta' l-acquis tinsab sospiża. (6) Biex tiġi ggarantita r-rappreżentanza u d-drittijiet elettorali taċ-Ċiprijotti kollha, inkluża l-Komunità Ċiprijotta Torka fil-każ ta' ftehim komprensiv, huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment għall-għeluq kmieni tal-mandat tar-rappreżentanti tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew u li jsiru elezzjonijiet straordinarji f'Ċipru kollu għat-terminu taż-żmien li jkun baqa' tal-Parlament Ewropew. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Fl-eventwalità tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim komprensiv għall-problema ta' Ċipru, id-disposizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw b'deroga minn Artikolu 190 (3) tat-Trattat tal-KE kif ukoll l-Artikolu 5 u l-Artikolu 10 (1) u l-Artikolu 11 (2) ta' l-Att tal-1976. a) Il-mandat tar-rappreżentanti eletti tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew għandu jintemm fil-ftuħ ta' l-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet kif imsemmija fl-ittra (b). b) Elezzjonijiet straordinarji tar-rappreżentanti tal-poplu ta' Ċipru fil-Parlament Ewropew għandhom isiru f'Ċipru kollu għall-bqija tat-terminu 2004 - 2009 jew xi terminu sussegwenti tal-Parlament Ewropew fil-ġurnata tal-Ħadd li tiġi wara t-tmiem tal-perjodu ta' erba' xhur wara l-adozzjoni mill-Kunsill, bi qbil ma' l-Artikolu 1 (2) tal-Protokoll Nru. 10 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni 2003, ta' l-ewwel deċiżjoni ta' l-irtirar tas-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis. c) Il-mandat tal-membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-elezzjonijiet imsemmija f'ittra(b) għandu jibda fil-ftuħ ta' l-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet imsemmija fl-ittra (b) u għandu jintemm fil-ftuħ ta' l-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjoni li jkun imiss. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussel, Għall-Kunsill Il-President