7.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 302/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tema “It-tieni pilastru tal-PAK: il-perspettivi ta' adattament tal-politika ta' l-iżvilupp tat-territorji rurali (Is-segwitu tal-konferenza ta' Salzburg)”

(2004/C 302/13)

Nhar id-29 ta' Jannar 2004, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjai Ewropew, skond l-Artikolu 29, paragrafu 2 tar-Regolament Intern tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar is-suġġett li ġej: “ it-tieni pilastru tal-PAK: il-perspettivi ta' adattament tal-politika ta' l-iżvilupp tat-territorji rurali (Is-segwitu tal-konferenza ta' Salzburg )”.

Is-sezzjoni speċjalizzata “Agrikoltura, żvilupp rurali, ambjent”, ġiet mitluba tħejji x-xogħlijiet tal-Kumitat f'dan is-suġġett.

Permezz ta' ittra bid-data tat-3 ta' Mejju 2004 indirizzata lill-KESE mis-Sur Silva Rodriguez, DĠ Agrikoltura, il-Kummissjoni Ewropea wriet ix-xewqa li ssir taf dwar il-pożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar dan is-suġġett fl-iqsar żmien possibli. Minħabba l-urġenza tax-xogħlijiet, matul is-sessjoni plenarja numru 410 tat-30 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2004 (laqgħa tat-30 ta' Ġunju 2004) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur Gilbert BROS bħala rapporteur ġenerali* u adotta din l-opinjoni b'127 vot favur u 9 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Il-Kummissjoni organizzat konferenza f'Novembru 2003, f'Salzburg, dwar il-futur tal-politika komunitarja ta' l-iżvilupp rurali fil-perspettiva tat-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. Din il-konferenza tat lok, fid-dawl ta' dik ta' Cork favur “qafas rurali viventi”, sabiex:

tiġbor l-atturi prinċipali involuti fit-tħejjija u t-twettiq tal-politika ta' l-iżvilupp rurali;

tipproponi, f'dikjarazzjoni, l-orjentazzjonijiet politiċi prinċipali ta' l-atturi ta' l-iżvilupp rurali;

tgħid b'mod preċiż liem huma l-assi ta' intervent ta' “fond rurali” 'il fuq mid-dibattitu dwar il-perspettivi finanzjarji għall-perjodu 2007-2013.

Hu għalhekk li l-Kumitat jipproponi li r-riflessjoni dwar l-adattamenti tal-politika ta' żvilupp tat-territorji rurali għall-perjodu 2007-2013 isserraħ fuq il-konklużjonijiet ta' din il-konferenza.

1.2

Wara li jitkellem dwar il-fatt li t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea jintroduċi diversità ħafna akbar ta' territorji rurali, u aktar minn hekk dwar l-importanza tal-kwistjoni soċjali u tax-xogħol fl-Istati membri ġodda, il-Kumitat iqis li jaqbel li tiġi ikkunsidrata l-koerenza u l-artikolazzjoni bejn il-politika reġjonali u t-tieni pilastru tal-PAK.

1.3

Il-Kummissjoni ippubblikat żewġ dokumenti li jippreżentaw il-perspettivi finanzjarji għall-perjodu ta' programmazzjoni futur u t-tielet rapport dwar il-Koeżjoni. Minn dawn iż-żewġ dokumenti jidher li l-politika reġjonali tidħol bis-sħiħ fl-istrateġija ta' Lisbona favur ekonomija kompetittiva u ta' l-għarfien u l-politika futura dwar l-iżvilupp rurali tinsab f'rubrika bl-isem ta' “Żvilupp sostenibbli u l-ħarsien tar-riżorsi naturali” li tirreferi għall-istrateġija ta' żvilupp sostenibbli. Din ir-rubrika tinkludi wkoll l-ewwel pilastru tal-PAK u l-programmi komunitarji tal-ħarsien ta' l-ambjent.

1.4

Il-konklużjonijiet tas-Summit Ewropew ta' Goteborg, tal-15 ta' Ġunju 2001, taw lok għall-adozjoni ta' strateġija Ewropea favur l-iżvilupp sostenibbli, li fiha jiġi ppreċiżat li Politika Agrikola Komuni “…fost l-oħrajn għandha tipprevedi sabiex tagħti kontribut għal żvilupp sostenibbli billi qabel kollox tħeġġeġ il-prodotti tajbin u ta' kwalità għolja, u metodi ta' produzzjoni ekoloġikament viabbli..;”.

1.5

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill “Biedja u Sajd” tal-Lussemburgu ta' l-20 ta' Ġunju 2003 jikkonfermaw tisħiħ tat-tieni pilastru tal-PAK bil-għan li “… ssir promozzjoni ta' l-ambjent, tal-kwalità u tas-saħħa ta' l-annimali u biex il-bdiewa jkunu megħjuna ħalli jikkonformaw man-normi ta' produzzjoni Ewropea li se jidħlu fis-seħħ fl-2005”. Hu għalhekk li din l-opinjoni fuq inizjattiva tal-Kumitat stess trid tanalizza u tapprofondixxi r-riflessjoni dwar it-tliet assi ta' azzjoni msemmija f'Salzburg, jiġifieri agrikoltura kompetittiva, il-ħarsien ta' l-ambjent u l-kontribut għal koeżjoni ekonomika u soċjali fit-territorji rurali.

1.6

L-atturi ta' l-iżvilupp rurali saħqu wkoll fid-dikjarazzjoni finali ta' Salzburg li kien hemm bżonn u urġenza ta' simplifikazzjoni tal-politika komunitarja ta' l-iżvilupp rurali. Din is-simplifikazzjoni fl-istess ħin kellha tagħti responsabilitajiet lill-imsieħba tal-programmi sabiex l-istrateġiji jiġu definiti u mwettqa.

1.7

Il-Kumitat għalhekk ippropona li jeżamina, fil-qafas ta' l-opinjoni ta' inizjattiva, il-koerenza bejn il-politika reġjonali futura u l-politika ta' żvilupp rurali futura sabiex jiġu limitati “ż-żoni griżi”, sabiex il-proposta tat-tliet assi futuri li jiffurmaw il-politika ta' żvilupp rurali tiġi approfondita u biex jinstabu l-elementi ta' simplifikazzjoni amministrattiva.

A.   IL-KUMPLIMENTARJETA' BEJN POLITIKA TA' ŻVILUPP REĠJONALI U TA' ŻVILUPP RURALI

2.   Il-politika reġjonali: mill-prinċipju ta' koeżjoni ekonomika u soċjali għall-prinċipju ta' solidarjetà territorjali

2.1

L-adozzjoni ta' l-Att Uniku fl-1986 għaġġel il-proċess ta' integrazzjoni ta' ekonomiji ta' l-Istati Membri. Madankollu, id-diversità tal-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni tat-territorju ta' l-Unjoni Ewropea u l-kompetizzjoni bejniethom ħolqu l-premessi għal politika ta' koeżjoni li kellha twassal għar-reċiproċità a' l-obbligi tas-Suq waħdieni għall-pajjiżi tan-nofsinhar ta' l-Ewropa u r-reġjuni l-anqas favoriti. Wara dan, it-Trattat ta' Maastricht dwar l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1993, ta dimensjoni istituzzjonali lill-politika ta' koeżjoni ekonomika u soċjali.

2.2

B'mod parallel, l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali ta' l-Unjoni u l-ftuħ progressiv tas-suq intern kompla żied il-kompetizzjoni fost ir-reġjuni Ewropej filwaqt li huma ma mhux kollha kellhom l-istess possibilitajiet. Għalhekk, matul is-snin Disgħin il-politika strutturali kellha tħabbat wiċċha ma' dawn l-isfidi li ġejjin:

tnaqqas id-differenzi ta' l-iżvilupp bl-appoġġ għall-ħolqien ta' xogħol fiz-zoni l-anqas favoriti;

tikkumpensa għan-nuqqasijiet tar-reġjuni li ma jibbenefikawx mill-istess possibilitajiet u aċċess għas-suq dinji;

tappoġġja l-fatturi li joħolqu l-ġid fiz-zoni l-anqas favoriti.

2.3

Billi tawlet l-elementi tal-politika strutturali eżistenti, ir-riforma deċiża fl-1999 (Agenda 2000) kellha l-ħsieb li:

tisħaq fuq trasferiment finanzjarju mir-reġjuni “l-aktar vantaġġjati” lejn ir-reġjuni li kienu lura fir-rata ta' tkabbir (tnaqqis tan-numru ta' għanijiet u 75 % tal-fondi ddedikati għall-għan 1),

tiżviluppa r-relazzjonijiet ekonomiċi fost dawn ir-reġjuni (Interreg III),

tappoġġja l-integrazzjoni tar-reġjuni li kienu lura fir-rata ta' żvilupp fis-suq waħdieni grazzi għall-fondi ta' koeżjoni.

2.4

Id-dikjarazzjoni tal-Ministri ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea responsabbli għall-Iżvilupp tat-territorju (Postdam, 10-11 ta' Mejju 1999) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Goteborg (Ġunju 2001) dwar id-definizzjoni ta' strateġija Ewropea favur l-iżvilupp sostenibbli jisħqu dwar il-bżonn ta' koeżjoni territorjali għal żvilupp tat-territoji ta' l-Unjoni Ewropea ekwilibrat u sostenibbli. Dan il-proċess laħaq il-massimu meta l-Konvenzjoni ipproponiet, fl-Artikolu 3 tal-proġett ta' Kostituzzjoni għall-Ewropa, li tinkludi l-koeżjoni territorjali fl-għanijiet ta' l-Unjoni.

2.5

Aktar minn hekk, ir-Regolament Nru 1260/99 li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-fondi strutturali jagħraf li l-bini fuq potenzjal lokali f'żoni rurali jibqa' għan prinċipali għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-adattament strutturali ta' reġjuni li waqgħu lura fir-rata ta' żvilupp.

2.6

Fid-dawl ta' l-evoluzzjoni tal-prinċipji li jmexxu l-politika strutturali, jiġifieri l-appoġġ tat-tkabbir u l-iżvilupp li jtul, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifakkru, fil-qafas tal-koeżjoni territorjali, li l-iżvilupp tat-territorji rurali għandu jibqa' wieħed mill-għanijiet prioritarji tal-politika reġjonali. Barra minn hekk, il-problemi tal-ħolqien tax-xogħol, tat-tagħlim kontinwu u ta' l-aċċess għal teknoloġiji ta' informazzjoni ġodda fil-qasam rurali għandhom isibu r-risposti tagħhom f'din il-politika.

3.   Il-politika ta' l-iżvilupp rurali: mill-“Ewropa Ambjentali għall-Kompromess ta' Lussemburgu”

3.1

Il-bidliet li saru fl-agrikoltura matul dawn l-aħħar ħamsin sena kienu sostanzjali. Maż-żmien inħoloq mudell ta' evoluzzjoni tal-politika komunitarja ta' l-istrutturi agrikoli. Mill-1962 sa l-1972, l-intervent komunitarju kien limitat għall-koordinazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni tas-swieq, peress li dawn kienu fil-proċess ta' ħolqien tagħhom. Mill-1972 sa' l-1985, ħarġu żewġ kategoriji ta' azzjonijiet supplementari kbar: minn naħa l-azzjonijiet orizzontali, applikabbli fl-Istati Membri kollha (formazzjoni professjonali, irtirar minn kmieni…), minn naħa l-oħra l-azzjonijiet reġjonali maħsuba biex itaffu n-nuqqasijiet naturali strutturali u biex itejbu l-agrikoltura kollha.

3.2

Mill-1985 sa' l-1999, il-politika strutturali agrikola evolviet fid-dimensjoni agrikola ta' l-istrateġija politika l-ġdida bħala riżultat ta' numru ta' fatturi, jiġifieri ir-riċerka għal bilanċ bejn it-tijib neċessarju fil-kompetittività tas-settur agrikolu Ewropew minn naħa u l-adattament tal-produzzjoni potenzjali mal-kondizzjonijiet tas-suq minn naħa l-oħra, ħarsien ambjentali u l-iżvilupp ta' reġjuni anqas favoriti. Għalhekk il-politika strutturali mhux biss tinvolvi l-miżuri orizzontali, iżda tinkludi wkoll azzjonijiet maħsuba biex jipproteġu zoni rurali, iħarsu l-ambjent u jiżviluppaw infrastruttura rurali u turistika u attivitajiet ta' biedja.

3.3

Fuq il-bażi tal-konferenza ta' Cork, Aġenda 2000 ippermettiet it-twettiq ta' politika integrata ta' l-iżvilupp rurali permez taż-żewġ strumenti ġuridiċi (FEAGG Garanzija u FEAGG- Orjentazzjoni). Dawn huma maħsuba għal koerenza aħjar bejn il-politika ta' l-iżvilupp rurali (it-tieni pilastru tal-PAK) u l-politika tas-swieq (l-ewwel pilastru tal-PAK) billi jippromwovu, b'mod partikolari, id-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali.

3.4

Barra minn hekk, kienet introdotta l-għażla ta' modulazzjoni ta' għajnuniet diretti. Hi tippermetti li jiżdiedu l-mezzi finanzjarji għall-miżuri agro-ambjentali, ta' rtirar kmieni, ta' afforestazzjoni jew dawk maħsuba għaz-zoni anqas favoriti fuq l-għajnuniet kompensatorji permezz ta' taxxa fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet istituzzjonali deċiżi fl-organizzazjonijiet komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli.

3.5

Ir-Regolament Nru 1257/99 rigward l-għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-FEAGG jisħaq dwar il-konsiderazzjonijiet li ġejjin:

il-miżuri ta' żvilupp rurali għandhom jakkumpanjaw u jikkumplimentaw il-politika tas-swieq;

it-tliet miżuri ta' akkompanjament stipulati mir-riforma tal-PAK fl-1992 għandhom jikkumplimentaw ir-reġim favur iz-zoni l-anqas favoriti (sfidi naturali) u taz-zoni sottomessi għal sfidi ambjentali;

miżuri oħra ta' żvilupp rurali jistgħu jidħlu fil-programmi ta' żvilupp integrat favur ir-reġjuni ta' l-għanijiet Nru 1 u Nru 2.

3.6

Is-serje tat-22 miżura, li l-Istati Membri jistgħu jinkludu fil-programm tagħhom fil-qasam ta' l-iżvilupp rurali, tinqasam kif ġej fil-programm 2000-2006: 39,2 % għat-titjib tal-kompetittività u l-adattament ta' l-agrikoltura, 35 % għaz-zoni l-anqas favoriti u l-miżuri agro-ambjentali u 25,8 % għall-adattament u l-iżvilupp taz-zoni rurali.

3.7

Ir-riforma tal-PAK, adottata f'Ġunju 2003, saħħet waħda mill-missjonijiet tal-politika ta' żvilupp rurali, jiġifieri l-miżuri biex l-agrikoltura tiġi adattata għall-esiġenzi tas-soċjetà. Il-kamp tal-miżuri twessa' sal-promozzjoni tal-kwalità tal-prodotti, it-titjib tal-livelli ta' produzzjoni (ambjent, saħħa ta' l-annimali), it-twettiq ta' Natura 2000 u t-tisħiħ tal-miżuri favur l-involviment tal-bdiewa żgħażagħ.

3.8

Barra minn hekk, il-modulazzjoni issa hi obbligatorja fuq livell Ewropew. Se tfisser trasferimentr finanzjarju ta' kważi 1.2 biljun Ewro, f'sena sħiħa, mill-politika tas-swieq lejn il-politika ta' l-iżvilupp rurali.

3.9

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, il-Kumitat jisħaq li t-tieni pilastru tal-PAK għandu jkollu bħala għan ewlieni l-appoġġ ta' l-agrikoltura fl-adattament tagħha biex tirrispondi għall-evoluzzjonijiet strutturali ta' l-istennija taċ-ċittadini.

3.10

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-perspettivi finanzjarji għall-perjodu 2007-2013 tippreżenta budget stabbli u pjuttost baxx li jżomm il-livell tar-riżorsi ta' l-Unjoni Ewropea għal 1,24 % tal-PGD. Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni u jisħaq li tnaqqis tar-riżorsi komunitarji jkun sinjal ħażin fil-mument li fih it-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea jkun qiegħed iseħħ.

3.11.

Dan jgħodd ukoll għall-politika ta' żvilupp rurali. Fil-fatt, l-unika riżorsa “supplementari” għal din il-politika tkun l-applikazzjoni tal-modulazzjoni. Li tippermetti biss transfer finanzjarju bejn l-ewwel u t-tieni pilastru tal-PAK. Hu għalhekk li l-Kumitat bħalissa jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jagħtu l-mezzi finanzjarji adegwati għal din il-politika li tinsab fil-periklu li titlef is-sustanza tagħha.

3.12

Fl-aħħar, il-politika ta' żvilupp rurali futura se titwettaq minn Kummissjoni ġdida li se tinkludi 25 Kummissarju. Ġestjoni ta' żewġ pilastri tal-PAK minn Kummissarji distinti tirrapreżenta riskji ta' telf ta' koerenza serju bejn dawn iż-żewġ policies. Il-Kumitat jixtieq jisħaq dwar l-oppożizzjoni tiegħu għal kull volontà li jitħaddmu żewġ Direzzjonijiet ġenerali distinti u għall-ħatra ta' Kummissarju differenti għall-kwistjonijiet agrikoli u ta' l-iżvilupp rurali.

4.   Ir-rwol tal-multifunzjonalità ta' l-agrikoltura fil-politika ta' l-iżvilupp rurali

4.1

Il-Kumitat diġa` fakkar, fl-opinjonijiet li ħareġ qabel, li s-swieq agrikoli huma instabbli minnhom u sottomessi għal varjazzjonijiet fil-prezzijiet. Hu għalhekk, il-mekkaniżmi tar-regolamentazzjoni ta' l-offerta u tas-suq huma l-kondizzjoni sine qua non sabiex l-esplojtazzjonijiet agrikoli jkunu jistgħu jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' produzzjoni agrikola li ttul. Il-Kumitat jisħaq li ż-żamma ta' politika favur ir-regolamentazzjoni tas-swieq tal-prodotti agrikoli tgħin ukoll sabiex politika ta' żvilupp tat-territorji rurali tkun tista' tirnexxi.

4.2

Barra minn hekk, is-soppressjoni ta' relazzjoni bejn l-att ta' produzzjoni u l-appoġġ pubbliku għall-agrikoltura ġie introdott waqt l-aħħar riforma tal-PAK tas-26 ta' Ġunju 2003. Din l-evoluzzjoni ssaħħaħ il-bżonn ta' perspettiva ta' żvilupp ekonomiku ta' attivitajiet agrikoli sabiex ikun hemm konsiderazzjoni aħjar ta' esiġenzi ġodda bħall-biodiversità, il-manteniment ta' pajsaġġi speċifiċi jew il-ħolqien ta' impjiegi minn dan is-settur. B'hekk il-Kumitat jixtieq ifakkar li l-attività tal-produzzjoni agrikola l-ewwel u qabel kollox taħdem favur l-emerġenza tal-kampanji viventi peress li hi tippermetti l-iżvilupp ta' relazzjoni diretta bejn l-attivitajiet umani u t-territorji tagħhom.

4.2.1.

Ir-rabta territorjali tas-sistemi ta' produzzjoni, il-mezzi ta' valoriżżazjoni tal-produzzjonijiet agrikoli, b'mod partikolari permezz ta' l-iżvilupp ta' Denominazzjonijiet ta' Oriġini Protetta (DOP) u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Produzzjoni (IGP), u l-bejgħ dirett huma whud mill-aspetti ta' multifunzjonalità ta' l-agrikoltura favur l-iżvilupp rurali.

4.3

Fl-Unjoni tal-25 Stat Membru l-agrikoltura se tirrapreżenta aktar minn 13-il miljun impjieg dirett u aktar minn 5 miljun impjieg indirett fis-settur marbut ma' l-agrikoltura. Dawn l-impjiegi huma marbuta mat-territorju bis-sħiħ minħabba n-natura tagħhom. U l-evoluzzjoni ta' l-iskambji intrakomunitarji lejn parti dejjem aktar dominanti ta' prodotti agroalimentari mibdula, issaħħaħ ir-relazzjoni bejn is-settur agrikolu u dak agroalimentari. Il-manteniment u t-tqassim ta' l-attività agrikola fit-territorji rurali b'hekk isiru priorità b'riskju li tkun fattur limitattiv għall-integrazzjoni taz-zoni rurali fl-ekonomija reġjonali.

4.4

L-attivita` agrikola se titwessa' għal 45 % tat-territorju Ewropew, jiġifieri 190 miljun ettaru (UE tas-27). Fl-2001, aktar minn 10 % ta' Wiċċ Agrikolu Utli (SAU) kien taħt miżuri agro-ambjentali. 15 % taz-zoni klassifikati taħt id-direttiva “ħarsien ta' l-ambjent u ta' l-għasafar” huma zoni agrikoli. U 38 % ta' l-artijiet agrikoli fl-UE tal-15 kienu msemmija bħala “żona vulnerabbli għan-nitrati”. Dawn il-miżuri jirrispondu għal għanijiet lokali ta' manteniment ta' l-ambjent u/jew ta' żvilupp tat-territorju. Jidher ċar li l-attività agrikola dejjem se tokkupa post minn ta' quddiem fil-ġestjoni tat-territorji.

4.5

Il-Kumitat jixtieq ifakkar li l-aspetti multifunzjonali tal-produzzjoni agrikola jaħdmu, taħt diversi aspetti, għal manteniment ta' kampanja ħajja. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom ifakkru dan qabel kull orjentazzjoni ġdida tal-politika ta' żvilupp rurali.

4.6

Filwaqt li jappoġġja l-konklużjonijiet tal-konferenza ta' Salzburg dwar id-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali, il-Kumitat jisħaq li jkun jaqbel li jiġi evitat l-iżball ta' l--urbanizzazjoni tal-kampanja, jiġifieri li l-istess azzjonijiet ta' żvilupp taz-zoni urbani jiġu applikati għaz-zoni rurali. Dwar dan, il-Kumitat bħalissa qiegħed iħejji opinjoni fuq inizjattiva dwar l-agrikoltura peri-urbana. Hu għalhekk li l-assi “diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali” fil-qafas ta' politika ta' żvilupp rurali għandu jikkonċentra dwar xi temi b'rabta mill-qrib ma' l-agrikoltura, b'mod partikolari s-servizzi għall-popolazzjoni agrikola li jtejjbu l-kondizzjonijiet ta' ħajja tagħhom, l-iżvilupp ta' l-agrituriżmu u l-appoġg tal-pluriattivita' bbażata fuq attività agrikola.

5.   L-ispeċifitajiet u l-limiti tal-politika ta' żvilupp rurali

5.1

Il-konklużjonijiet tat-tielet rapport dwar il-koeżjoni juru li d-differenzi kbar bejn ir-reġjuni fil-qasam tal-produzzjoni li ttul, tal-produttivita` u tal-ħolqien ta' l-impjiegi tirriżulta minn nuqqasijiet strutturali li jikkonċernaw il-fatturi prinċipali tal-kompetittivita'. Il-Kumitat jisħaq li l-politika ta' żvilupp rurali għandha tiġi ispirata wkoll minn dawn il-prinċipji sabiex tidħol ukoll fi programm ta' żvilupp strutturali tat-territorji rurali.

5.2

It-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea jsaħħaħ il-problematika ta' l-iżvilupp ekonomiku tat-territorji rurali minħabba l-prezenza qawwija tal-“qgħad moħbi” fl-Istati Membri ġodda. Dan ikompli jgerfex id-distinzjoni bejn il-politika reġjonali u dik ta' żvilupp rurali. Il-Kumitat jipproponi li t-tematiċi komuni għall-politika reġjonali u għall-iżvilupp rurali jkunu ppreċiżati fil-qafas ta' regolament ġdid dwar il-fondi strutturali u li n-numru ta' miżuri li jistgħu jkunu finanzjati minn waħda minn dawn il-policies ikun limitat sabiex dawn isiru aktar mifhuma.

5.3

Għalkemm l-agrikoltura ma tistax tasal, waħidha, biex tassigura l-iżvilupp tat-territorji rurali, jidher li dan is-settur jibqa' indispensabbli sabiex il-politika ta' żvilupp rurali tirnexxi. Ir-relazzjoni ta' l-impjiegi diretti u indiretti mat-territorju u l-firxa ta' l-ispazju immaniġgjat, li huma l-akkumpanjament ta' l-agrikoltura fl-adattament tagħha għall-evoluzzjonijiet ta' l-istennija taċ-ċittadini, tibqa' prioritarja. Barra minn hekk, kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni pilastru tal-PAK jieħdu sehem fl-għanijiet ta' l-iżvilupp rurali billi jżommu jew isaħħu l-attivitajiet agrikoli.

5.4

It-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea jirrapreżenta wkoll sfida importanti għall-ġejjieni tal-PAK. Il-Kumitat jisħaq li l-iskambji ta' esperjenzi u t-trasferiment tal-metodoloġiji għandhom jokkupaw post partikolari fil-kondizzjonijiet tat-twettiq tat-tieni pilastru tal-PAK għall-perjodu li ġej.

5.5

Il-Kumitat jixtieq jisħaq li r-reġjuni b'popolazzjoni b'densità baxxa bħall-gżejjer, ir-reġjun Artiku u ż-żoni fil-muntanji jiddependu dejjem, minħabba n-nuqqasijiet naturali permanenti tagħhom, mill-għan tas-suċċess tas-suq uniku. Kemm il-politika reġjonali kif ukoll il-politika ta' żvilupp rurali għandhom jikkonsidraw dan l-aspett fil-modalitajiet ta' twettiq tagħhom, b'mod partikolari billi jipproponu rata ta' kofinanzjament għola sabiex jiġu kkunsidrati dawn id-difetti. Barra minn hekk, il-Kumitat bħalissa qiegħed iħejji opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess li tittratta aktar mill-qrib il-modalitajiet li jippermettu integrazzjoni aħjar taż-żoni b'nuqqas naturali fl-ekonomija reġjonali.

5.6

Fl-aħħar, il-Kumitat jisħaq li l-politika ta' żvilupp rurali u l-politika reġjonali m'humiex l-uniċi mezzi ta' azzjoni pubbliċi favur żvilupp armonjuż tat-territorji ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat ifakkar li stabbiliment territorjali adegwat tas-servizzi pubbliċi għall-popolazzjoni jgħin ukoll fl-għan tal-koeżjoni territorjali.

B.   L-APPROFONDIMENT TAL-PROPOSTI TA' TITJIB TAL-MIŻURI

6.   Il-Miżuri deċiżi fil-qafas tal-kompromess tal-Lussemburgu tas-26 ta' Ġunju 2003

6.1

Ir-riforma tal-PAK li saret f'Ġunju 2003 ħolqot relazzjoni msaħħa bejn it-tieni pilastru tal-PAK, dedikat għall-iżvilupp rurali, u l-adattament ta' l-ewwel pilastru. Barra minn hekk ġiet introdotta serje ta' miżuri ġodda ta' akkumpanjament ta' l-ewwel pilastru tal-PAK biex b'hekk in-numru ta' dawn il-miżuri tela' minn 22 għal 26.

6.1.1

Żewġ miżuri ġodda ġew introdotti favur il-kwalità ta' l-ikel (sehem volontarju fi programm nazzjonali ta' tikketti ta' kwalità rikonoxxuti u azzjonijiet ta' promozzjoni u tagħrif ta' dawn il-prodotti lill-konsumaturi). Iż-żewġ miżuri ġodda l-oħra huma marbuta ma' l-adattament tat-tekniki ta' produzzjoni għal-livelli Ewropew rigward l-ambjent u s-saħħa ta' l-annimali u tal-pjanti.

6.1.2

Diversi miżuri eżistenti ġew adottati (konsiderazzjoni tal-kwistjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali fil-qafas tal-miżuri agro-ambjentali, tisħiħ ta' l-appoġġ pubbliku għall-installazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ, it-twettiq tad-Direttiva “Abitat u għasafar” u finanzjament ta' investimenti forestali fil-qafas tal-foresti immaniġgjati skond il-kriterji ambjentali u soċjali).

6.2

Rigward l-Istati Membri ġodda, programm ta' żvilupp rurali temporanju ġie adottat għall-perjodu bejn l-2004 u l-2006. Dan, minn barra l-erba' miżuri ta' akkumpanjament ġodda, se jiffinanzja: l-għajnuna fi grupp lill-bdiewa, għajnuna għall-irziezet li fuqhom wieħed kważi jgħix, għajnuna teknika u kumplament għall-għajnuniet diretti ta' l-ewwel pilastru tal-PAK.

7.   Toroq ġodda għat-tliet assi msemmija f'Salzburg

7.1

Is-suċċess tas-suq waħdieni u l-ftuħ progressiv tas-suq intern għal ekonomiji agrikoli li jibbenefikaw minn vantaġġi komparattivi naturali u mill-iżgħar normi ambjentali jagħtu lok li l-mudell agrikolu Ewropew jibqa' taħt il-bżonn ta' titjib bżonnjuż tal-kompetittività tiegħu.

7.2

Għalħekk il-Kumitat jaqbel li l-assi “għajnuna għall-investimenti fl-affarijiet agrikoli”, fil-qafas ta' politika ta' żvilupp rurali, dejjem għandu jkun imsaħħaħ. L-investimenti li jippermettu lill-produzzjoni agrikola sabiex tikkonsidra kemm l-esiġenzi ambjentali kif ukoll it-tijib tas-saħħa ta' l-annimali u l-kondizzjonijiet ta' xogħol għandhom ikunu appoġġjati, dejjem aktar jekk huma jagħtu kontribut lill-attività agrikola f'territorju.

7.3

Il-Kumitat jisħaq li t-twettiq tal-miżura “Kunsill agrikolu” li tippermetti għajnuna għall-adattament tal-livelli ta' produzzjoni ġodda għandu jsir qabel. Fil-fatt hi ma tistax titwettaq b'mod effettiv fi ħdan l-Istati Membri ħlief mill-2006 'il quddiem. Issa, l-kondizzjonalita` se tibda tapplika mill-2005 'il quddiem.

7.4

Id-dgħjufija ta' l-għodda tar-regolamentazzjoni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, l-evoluzzjonijiet klimatiċi u l-miżuri marbuta mal-kriżijiet sanitarji għal dawn l-aħħar snin qajjmu mill-ġdid l-importanza tal-kontroll taċ-ċifra ta' produzzjoni. Fil-qafas tar-riforma tal-PAK li saret fl-2003, il-Kummissjoni ipprevediet li tistudja, f'rapport, il-possibilità li persentaġġ tal-modulazzjoni jkun jista' jintuża fuq livell nazzjonali għal miżuri speċifiċi maħsuba biex jaffaċċjaw ir-riskji, l-kriżijiet u l-katastrofi naturali. Il-Kumitat ifakkar li l-Kummissjoni għandha tikkomunika dan ir-rapport qabel tmiem l-2004 u għandha titkellem ukoll dwar it-toroq, kemm nazzjonali kif ukoll komunitarji, ta' żvilupp tas-sistemi ta' assigurazzjoni agrikola. Hu jitlob, jekk ikun il-każ, li l-kontribuzzjoni tat-tieni pilastru tal-PAK ikun analizzat bħala strument ta' akkumpanjament.

7.5

Il-politika futura ta' żvilupp rurali għandha tikkonferma bħala t-tieni assi l-ħarsien ta' l-ambjent u l-ġestjoni ta' l-ispazju, u għandu jkollha bħala għodda prinċipali l-miżuri agro-ambjentali u l-kumpens għan-nuqqasijiet naturali, fuq il-bażi tal-kriterji komuni bil-għan li tiġi żgurata ż-żamma ta' l-ekwilibriju territorjali.

7.6

Ir-riforma tal-PAK introduċiet il-prinċipju ta' kundizzjonalità ta' l-għajnuniet diretti lill-agrikoltura fir-rispett tal-leġislazzjoni komunitarja (19-il direttiva u regolament) li jinvolvu l-ambjent, is-saħħa pubblika, u dik ta' l-annimali u l-ħxejjex. Il-Kumitat jisħaq li dan l-aspett il-ġdid ta' l-ewwel pilastru tal-PAK ma jistax ikun konfuż mal-miżuri agro-ambjentali (MAE). Dawn ta' l-aħħar ma jsegwux loġika regolamentari iżda jappoġġjaw l-azzjonijiet volontarji u parteċipattivi tal-bdiewa bil-għan li jwettqu metodi ta' produzzjoni agrikola maħsuba biex iħarsu l-ambjent u jipprespervaw l-ispajzu naturali.

7.7

Il-Kumitat jisħaq li d-dispożizzjonijiet amministrattivi tat-twettiq tal-MAE għandhom ikunu semplifikati. Jisħaq ukoll li d-definizzjoni ta' l-għanijiet ta' dawn il-miżuri għandha tiddependi fuq is-sussidjarjetà. Hu jistaqsi anke dwar il-bżonn li l-kamp ta' dawn il-miżuri jitwessa' għal problemi ambjentali oħra meta wieħed iqis l-istabilità baġitarja. Madankollu, għandha tingħata importanza partikolari lill-MAE li jaħdmu favur id-diversità tas-sistemi ta' produzzjoni agrikola bil-għan li l-ekwilibriju ta' l-agro-sistemi jiġi ppreservat.

7.7.1

Minħabba d-dikjarazzjoni tas-Summit Ewropew ta' Goteborg, il-miżuri agro-ambjentali għandhom isiru obbligatorji f'kull wieħed mill-programmi nazzjonali.

7.7.2

Il-Kumitat jisħaq li l-finanzjament ta' Natura 2000 m'għandux isir għad-detriment tal-miżuri eżistenti. Hu għalhekk li hu jixtieq li l-Kummissjoni tidentifika finanzjamenti ġodda għall-kumpens ta' l-ispejjeż maħluqha mill-applikazzjoni tad-Direttiva “Abitati u Għasafar”.

7.8

It-tielet assi tal-politika futura ta' l-iżvilupp rurali għandu jkun ibbażat fuq id-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali b'relazzjoni ma' l-attività agrikola sabiex iservi bħala kontribut għall-manteniment tal-popolazzjoni fl-ispazju rurali.

7.9.

Il-Kummissjoni tisħaq fit-tielet rapport ta' koeżjoni tagħha li tliet tipi ta' azzjonijiet, jiġifieri t-turiżmu, l-artiġjanat u l-patrimonju rurali, għandhom jiddependu mill-kamp komuni tal-politika reġjonali u tal-politika ta' żvilupp rurali. Il-Kumitat għandu interess li dan l-ekwilibriju jinżamm. Jidher li l-infrastrutturi rurali m'għandhomx jibqgħu jkunu iffinanzjati mill-fondi strutturali. Għalhekk il-Kumitat hu kontra li jsir dan it-trasferiment ta' responsabilità ta' dan it-tip ta' investiment mill-politika reġjonali għall-politika ta' żvilupp rurali.

7.10

Barra minn hekk il-Kumitat jipproponi li, minħabba l-evoluzzjoni tal-politika reġjonali, l-azzjonijiet tar-rinnovazzjoni jew valorizzazjoni tal-patrimonju rurali li ma jidħlux fi proġett “agroturistiku” ma jibqgħux jgħoddu fuq il-politika ta' żvilupp rurali.

7.11

Fl-aħħar, il-Kumitat jipproponi li l-assi “ekonomija rurali” jikkonsidra ċertu numru ta' servizzi li jippermettu titjib tal-kwalita` tal-ħajja favur il-popolazzjoni agrikola (servizzi ta' rimpjazzament tal-bdiewa, per eżempju).

Ċ.   TITJIB TAL-KONDIZZJONIJIET TA' ĠESTJONI TAL-POLITIKA TA' ŻVILUPP RURALI

8

L-ewwel punt li fih għandu jsir titjib tal-kondizzjonijiet ta' ġestjoni hu l-kontinwazzjoni tal-programmazzjoni tal-pjanijiet ta' żvilupp rurali. Il-Kumitat għalhekk jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforz tagħha għat-tħejjija ta' politika ġdida ta' żvilupp rurali sabiex “iż-żmien ta' waqfien” bejn żewġ perjodi ta' programmazzjoni jkun limitat kemm jista' jkun.

8.1.

Id-diffikultajiet li nħolqu f'xi Stati Membri rigward it-twettiq amministrattiv tal-politika ta' żvilupp rurali juru li l-intervent ta' diversi strumenti finanzjarji għar-regoli differenti jista' jmur kontra leġġibilita` aħjar ta' l-azzjoni pubblika. Anke l-mossa pożittiva li kienet tirrapreżenta r-raggruppament ta' l-azzjonijiet favur żvilupp rurali fi ħdan l-istess regolament setgħet kienet mequsja mill-benefiċjarji bħala sors ta' kumplessità amministrattiva żejda.

8.2

Is-simplifikazzjoni tal-programm twassal sabiex ma jkunx hemm aktar minn fond wieħed li jħaddem l-azzjonijiet rilevanti mill-politika ta' żvilupp rurali. Madankollu, l-Kumitat jisħaq li l-modalitajiet ta' ġestjoni ta' dan il-fond uniku għandhom ikunu koerenti ma' dawk applikati mill-fondi strutturali.

8.3

L-istrutturazzjoni tal-politika futura ta' żvilupp rurali fuq tliet assi (kompettività ta' l-agrikoltura, ġestjoni ta' l-ispazju u diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali) wkoll għandha tinstab fit-tħejjija tar-regolament li jmiss dwar l-iżvilupp rurali. Dan jista' jippreċiża l-prinċipji ta' intervent, l-għanijiet tat-tliet assi u jagħmel lista tat-tipi ta' azzjoni possibli (għajnuna għall-investimenti, self bonifikat, għajnuna pubblika pluriannwali fuq garanzija ta' ċerti speċifikazzjonijiet, għajnuna teknika, inġenerija finanzjarja...). Il-modalitajiet tat-twettiq ta' kull waħda mill-miżuri msemmija għandhom jiġu mis-sussidjarjetà nazzjonali. Il-Kumitat jisħaq li l-ġestjoni ta' deċiżjoni waħda mill-Istat Membri permezz ta' dokument strateġiku jkollha l-vantaġg li tistabbilixxi qafas komunitarju fiss għal matul il-perjodu ta' programmazzjoni.

8.4

Il-proċedura attwali ta' adozzjoni tal-modifiki tal-miżuri fil-Kumitat STAR (Kumitat ta' Ġestjoni ta' l-Istrutturi Agrikoli u ta' l-Iżvilupp Rurali) mhix ċara biżżejjed peress li l-proċedura ta' evalwazzjoni ex-ante għadha twila wisq. Il-Kumitat jipproponi li l-proċedura ġdida li għandha titwettaq hi ispirata minn dik tal-validazzjoni ta' għajnuniet ta' l-Istat. Jiġifieri li meta l-pjan ta' żvilupp rurali jkun adottat fil-bidu ta' programmazzjoni, il-modifiki ta' intervent tal-miżuri jistgħu jkunu mibgħuta lill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-legalità (evalwazzjoni ex-post).

8.5

Il-validazzjoni tal-programmi operattivi għandha tiġi mis-sussidjarjetà nazzjonali jew infra-nazzjonali skond l-organizzazjoni ta' l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk hi responsabbli biex tara li tevita kull tgħawwiġ fil-kompetizzjoni permezz tat-twettiq ta' l-azzjonijiet tagħha, li tivverifika l-legalità tal-modalitajiet ta` intervent u li tassigura ruħha mill-koerenza bil-fondi strutturali. Il-Kumitat jisħaq ukoll li l-Kummissjoni, minħabba l-esperjenza li kisbet, tista' takkumpanja dawn l-azzjonijiet ta' trasferiment ma' esperjenzi fil-qafas ta' l-għajnuna teknika, b'mod partikolari għall-Istati Membri ġodda.

8.6

Il-Kumitat jixtieq li n-numru ta' stadji għall-validazzjoni tal-programmi jitnaqqas billi tiġi deskritta r-responsabilità ta` kull wieħed mill-livelli deċiżivi: Kummissjoni, Stati Membri u kolletivitajiet territorjali.

8.7

L-għażla ta' fond uniku għall-azzjonijiet li jiddependu mill-politika ta' l-iżvilupp rurali tista' twassal ukoll għas-simplifikazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja. Fil-loġika tal-fondi strutturali, dan il-fond ġdid għandu jkollu l-karatteristiċi prinċipali tagħhom jiġifieri:

jkun ibbażat fuq kalendarju proviżorju u annwali,

iwettaq programmazzjoni pluri-annwali,

jibbenefika mill-modalitajiet ta' ħlas aktar flessibli minn dawk ta' FEAGG-Garanzija (krediti fuq wegħda- krediti ta' ħlas).

8.8

Il-kwistjoni tal-kontrolli għandha bzonn ukoll tas-simplifikazzjoni tal-ġestjoni amministrattiva tal-politika ta' żvilupp rurali. Il-Kumitat jappoġġja l-orjentazzjonijiet tal-Kummissjoni ippreżentati fil-qafas tat-tielet rapport dwar il-Koeżjoni, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-propozjonalità tax-xogħol ta' kontroll. Taħt ċertu limitu, l-Istat Membri jista' jagħżel li japplika s-sistema ta' kontroll nazzjonali tiegħu għall-programmi konċernati. Il-Kumitat jisħaq li dawn l-orjentazzjonijiet għandhom jiġu applikati għall-ġestjoni ta' politika ta' żvilupp rurali safejn jassiguraw l-istess effikaċità tal-kontrolli u għalhekk l-użu xieraq tal-fondi komunitarji.

8.9

Ir-riserva li tingħata skond ir-rendiment, kif imwaqqfa għall-fondi strutturali fil-qafas ta' l-Aġenda 2000, hi aktar meqjusa bħala frustrazzjoni wara r-riskju tat-twettiq amministrattiv tal-programmi. Aktar minn hekk, l-attribut tagħha fid-dawl ta' l-uuniku kriterju li jserraħ fuq il-konsum tal-krediti jista' jkollu inċidenzi negattivi li jħajjru programmazzjoni ta' malajr segwita minn segwitu limitat tat-twettiq ta' dawn l-operazzjonijiet, li ma jaqbilx ma' animazzjoni ta' programm multiannwali ta' l-iżvilupp rurali. Hu għalhekk li l-Kumitat jisħaq li l-prinċipju ta' riserva, li tingħata skond ir-rendiment, m'għandux jiġi applikat għall-politika futura ta' żvilupp rurali.

8.10

Il-kwistjoni tas-sħubija tirrispondi wkoll għal loġika ta' simplifikazzjoni fit-twettiq tal-programmi. Fid-dawl ta' dak li jsir fil-qafas tal-politika reġjonali, il-Kumitat jixtieq li kull Stat jagħmel l-almu tiegħu sabiex jorganizza l-koperazzjoni bejn il-livelli ta' amministrazzjoni differenti iżda wkoll ma' l-imsieħba soċjali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u organizzata, mill-fażi tal-bidu sat-twettiq u s-segwitu tal-programmi.

8.11

Minn meta tnediet l-inizjattiva Leader fl-1989, il-post ċentrali tar-riċerka ta' modi ta' żvilupp f'zoni rurali kien parti mis-suċċess ta' din l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-fażi attwali tal-programmazzjoni poġġiet l-evidenza fuq il-fatt li jimmultiplika l-iskambji ta' esperjenzi billi jiffaċilita s-sħubija fost gruppi ta' azzjoni lokali tal-pajjiżi differenti. Il-Kumitat jisħaq dwar il-fatt li l-inzjattiva Leader għandha tkompli takkumpanja l-inizjattivi lokali filwaqt li tesplora toroq ġodda ta' żvilupp għaz-zoni rurali, b'mod partikolari permezz ta' linja identifikata fil-politika ta' żvilupp rurali: kif jiġu antiċipati l-bżonnijiet ta' formazzjoni kontinwa fuq territorju, ir-riċerka ta' opportunitajiet ġodda għall-prodotti agrikoli, l-iżvilupp ta' sinerġiji bejn l-atturi ekonomiċi fi ħdan l-istess territorju wkoll huma suġġetti li jistgħu jitfgħu dawl ġdid fuq il-futur tal-politika ta' l-iżvilupp rurali. B'hekk il-Kumitat jappoġġja l-kontinwazzjoni ta' l-inzijattiva Leader fil-qafas ta' politika ta' żvilupp bil-ħsieb tar-riċerka ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-iżvilupp taz-zoni rurali.

Brussel, 30 ta' Ġunju 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH