7.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 302/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati

(2004/C 302/12)

Fid-29 ta' Jannar 2004 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, skond l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni dwar “il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati”.

It-Taqsima tax-Xogħol, Affarijiet Soċjali u Ċittadinanza, li kienet responsabbli biex tipprepara x-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett addottat l-opinjoni tagħha fl-14 ta' Ġunju 2004. Ir-rapporteur kien is-Sur Pariza Castaños.

Fis-sessjoni plenarja Nru 410 tat-30 ta' Ġunju u l-31 ta' Lulju 2004 (laqgħa tat-30 ta' Ġunju 2004 ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew addotta din l-opinjoni b'162 vot favur, 3 kontra u 11-il astensjoni.

1.   Daħla

1.1

Il-konvenzjoni ġiet addottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fir-riżoluzzjoni tagħha Nru. 45/158 tat-18 ta' Diċembru 1990. Daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003 wara ratifika mill-ewwel 20 stat. S'issa, 25 stat irratifikaw il-konvenzjoni (1). Kif inhu huwa trattat internazzjonali li jista' jiġi għal kollox inforzat u li għandu jiġi osservat mill-Istati firmatarji.

1.2

L-għan tal-konvenzjoni huwa li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-persuni mad-dinja kollha li jemigraw għal skopijiet ekonomiċi jew raġunijiet relatati ma' l-impieg permezz ta' leġiżlazzjoni xierqa u prattika nazzjonali tajba. Il-bażi komuni għal tali leġiżlazzjoni internazzjonali dwar il-prattiki fil-migrazzjoni għandha tkun il-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Il-Konvenzjoni tissalvagwardja wkoll il-bilanċ bejn is-sitwazzjonijiet differenti kemm fil-pajjiżi ta' l-oriġini kif ukoll fil-pajjiżi li jilqgħu.

1.3

Din il-konvenzjoni hija waħda mis-seba' trattati internazzjonali tal-Ġnus Magħquda li jirregolaw id-drittijiet tal-bniedem. Hija tagħraf illi xi drittijiet bażiċi tal-bniedem, kif definiti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem għandhom jiġu ggarantiti fuq livell internazzjonali għall-ħaddiema immigrati kollha u għall-familji tagħhom. Hija tikkodifika d-drittijiet tal-ħaddiema u tal- ħaddiema immigrati kollha b' mod komprensiv u universali, a bażi tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Hija tistabbilixxi dawk id-drittijiet li għandhom jingħataw lill-immigrati li jinsabu f' sitwazzjoni regolari u irregolari, filwaqt li tistabbilixxi standards minimi ta' ħarsien bħala drittijiet ċivili, ekonomiċi, politiċi, soċjali u ta' l-impieg u tagħraf li l-ħaddiema immigrati għandu jkollhom drittijiet fundamentali li jiġu ssalvagwardjati bir-regoli internazzjonali.

1.4

Din il-konvenzjoni tkompli tiżviluppa konvenzjonijiet ta' l-ILO (2) billi testendi l-qafas legali għall-immigrati mad-dinja kollha, u tippromwovi t-trattament ġust għall-immigrati u tipprova trażżan l-esplojtazzjoni ta' l-immigrati rregolari. Hija tħares lejn il-proċess sħiħ tal-migrazzjoni, mill-edukazzjoni, l-għażla, it-tluq, it-transitu u r-residenza fil-pajjiż ta' l-impieg sa r-ritorn u l-istabbiliment mill-ġdid fil-pajjiż ta' l-oriġini.

1.5

L-istati individwali huma responsabbli biex jimmaniġġjaw il-movimenti migratorji.Il-KESE tappoġġja l-perspettiva tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u hija favorevoli lejn kooperazzjoni aħjar bilaterali, reġjunali u internazzjonali bejn pajjiżi ta' l-oriġini u l-pajjiżi li jilqgħu. Il-konvenzjoni la tippromwovi u lanqas tamministra l-movimenti migratorji, iżda timmira biss illi tiggarantixxi l-għarfien universali tad-drittijiet umani bażiċi u ssaħħaħ il-ħarsien tagħhom fid-dinja kollha.

1.6

Il-konvenzjoni tqis is-sitwazzjonijiet amministrattivi possibbli ta' l-immigrati f'modi differenti: tiggarantixxi l-ħarsien tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem għall-individwi kollha, u tapplika d-drittijiet bi skop usa' għall-immigrati legali.

1.7

Permezz ta' din il-konvenzjoni, il-komunità internazzjonali u l-Ġnus Magħquda reġgħu asserixxew ix-xewqa tagħhom li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati sabiex jitrażżnu u jiġu meqruda t-traffikar u l-impjiegi klandestini ta' immigrati li jinsabu f'sitwazzjoni rregolari, kif ukoll li l-ħarsien tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem tiġi estiża mad-dinja kollha (3).

2.   Drittijiet ta' l-immigrati

2.1

Il-konvenzjoni timmira li tiggaranttixxi t-trattament ugwali u l-istess kondizzjonijiet legali għall-ħaddiema immigrati bħall-ħaddiema nazzjonali. Dan jimplika:

Li jiġu evitati livelli ta' l-għixien u kundizzjonijiet tax-xogħol inumani, abbuż fiżiku u sesswali u trattament degradanti, li jinkludi l-iskjavitù (Artikoli 10, 11, 25, 54);

garanzija tad-drittijiet ta' l-immigrati għal-libertà tal-ħsieb, ta' l-espressjoni u tar-reliġjon (Artikoli 12, 13);

għarfien tad-drittijiet ta' l-immigrati għall-privatezza u s-sigurtà personali (Artikoli 14, 15, 16);

l-istabbiliment ta' l-aċċess għal assistenza legali effettiva permezz ta' proċeduri legali ekwi li jiggarantixxu d-dritt għall-ugwaljanza fil-liġi u d-dritt tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u li fihom jiġu applikati proċeduri legali xierqa għall-immigrati u jingħataw servizzi ta' interpretazzjoni (Artikoli 18, 19, 20);

garanzija ta' l-aċċess għall-informazzjoni lill-immigrati dwar id-drittijiet tagħhom (Artikoli 33, 37);

garanzija ta' l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni u s-servizzi soċjali għall-immigrati kollha (Artikoli 27, 28, 30, 43 to 45, 54);

għarfien tad-dritt ta' l-immigrati li jieħdu sehem u jipparteċipaw fit-trade unions (Artikoli 26, 40).

2.2

Il-konvenzjoni tistipula wkoll li l-immigrati għandu jkollhom id-dritt li jżommu l-kuntatt mal-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom. Dan jimplika:

li jiġi żgurat li l-immigrati jistgħu jmorru lura fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom jekk jixtiequ u jitħallew kultanti iżuruhom u jżommu konnessjonijiet kulturali (Artikoli 8, 31, 38);

li tiġi garantita l-parteċipazzjoni politika ta' l-immigrati fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom (Artikoli 41, 42);

li jiġi ssalvagwardjat id-dritt ta' l-immigrati li jittrasferixxu d-dħul lejn il-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom (Artikoli 32, 46, 48).

2.3

Il-konvenzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju fundamentali li jiġi żgurat livell minimu ta' ħarsien għall-immigrati kollha. Hija tqis iż-żewġ sitwazzjonijiet li jistgħu possibilment jinsabu fihom il-ħaddiema immigrati (regolari u irregolari), u tistabbilixxi serje ta' drittijiet bi skop usa' għall-immigrati legali u tagħraf xi drittijiet bażiċi għall-immigrati illegali.

2.4

Il-konvenzjoni tipproponi li jittieħdu inizjattivi sabiex l-immigrazzjoni illegali tiġi eradikata, prinċipalment billi telimina l-informazzjoni li tista' tikkrea disgwid użata biex in-nies jitqarrqu f' immigrazzjoni irregolari u billi timponi sanzjonijiet fuq it-traffikanti u fuq min iħaddem 'l-immigrati mhux dokumentati.

2.5

Hija tistabbilixxi Kumitat għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigrati kollha u l-Membri tal-Familja tagħhom, jikkonsisti f' għaxar esperti li għandhom jiġu appuntati mill-istati partijiet u li għandu jissorvelja l-applikazzjoni tal-konvenzjoni.

3.   Il-pajjiżi tal-punent għadhom ma rratifikawx il-konvenzjoni

3.1

L-immigrazzjoni internazzjonali hija konsegwenza tan-nuqqas kbir ta' ugwaljanza ekonomika u soċjali bejn il-pajjiżi għonja tat-tramuntana u l-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw. Dan in-nuqqas ta' ugwaljanza qiegħed jikber fis-sistema ekonomika tal-lum li dejjem qiegħda ssir aktar globalizzata. U xorta, il-parti l-kbira ta' dawk il-pajjiżi li s'issa rratifikaw il-konvenzjoni huma l-pajjiżi ta' l-oriġini ta' l-immigrati. L-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Kanada, l-Awstralja, il-Ġappun u l-pajjiżi li jifdal fil-punent, li jospitaw numru kbir ħafna ta' immigrati (4), s' issa la rratifikaw u lanqas iffirmaw (5) il-konvenzjoni.

3.2

L-Unjoni Ewropea, li hija ħerqana li tistabbilixxi regoli internazzjonali f' numru kbir ta' oqsma (fil-kummerċ internazzjonali ġewwa l-ODK, fl-ambjent permezz ta' Kyoto, u oħrajn), għandha wkoll tiżgura illi d-drittijiet bażiċi ta' l-immigrati jiġu ggarantiti permezz ta' regoli internazzjonali.

4.   Il-politika ta' l-immigrazzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea

4.1

L-Unjoni Ewropea hija żona fejn id-drittijiet umani huma appoġġati u mħarsa u jiġu applikati ħafna mill-istrumenti legali internazzjonali tal-Ġnus Magħquda. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll l-istrumenti tagħha f'dan il-qasam, bħall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.2

L-Unjoni Ewropea żviluppat ukoll serje ta' strumenti legali biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni (6). Minkejja dan, diversi esperti, inkluż iċ-Ċentru Ewropew għas-Sorveljanza fuq ir-Razziżmu u x-Xenofobija, irrappurtaw li xi immigrati sofrew diskriminazzjoni rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

4.3

Minn żmien il-Kunsill Ewropew ta' Tampere, l-Unjoni Ewropea kienet fil-proċess li tabbozza leġislazzjoni komuni li tkopri l-eżilju politiku u l-immigrazzjoni. Tampere stabilixxa bażi politika soda li tippermetti lill-Unjoni tarmonizza l-legislazzjoni tagħha rigward l-immigrazzjoni u l-eżilju politiku u ttejjeb il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex timmaniġġja l-migrazzjoni aħjar. Minbarra dan, intlaħaq qbil f'Tampere rigward il-ħtieġa li jiġi ggarantit trattament ugwali għall-individwi kollha u li tiġu żviluppati politika għall-promozzjoni ta' l-integrazzjoni u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni.

4.4

Il-Kummissjoni fformolat diversi proposti leġislattivi li, madankollu, ġew irreżistiti b'mod konsiderevoli mill-Kunsill (7). Erba' snin wara, ir-riżultati għadhom fqar: il-leġislazzjoni li ġiet addottata hija diżappuntanti u tbiegħdet konsiderevolment mill-għanijiet ta' Tampere, mill-proposti tal-Kummissjoni, mill-opinjoni tal-Parlament u mill-pożizzjoni tal-KESE. Is-sistema kurrenti wżata fil-Kunsill biex jiġu addottati l-ftehim tippermetti li l-proposti jiġu mblukkati. Dan, flimkien ma' l-attitudnijiet ta' xi gvernijiet, jagħmilha diffiċli ħafna li jintlaħaq ftehim.

4.5

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sejjaħ lill-Kunsill permezz ta' serje ta' opinjonijiet sabiex jaġixxi b'responsabbiltà akbar u jaddotta metodu aktar kostruttiv fuq bażi tal-koperazzjoni mtejjba. Qiegħed isir dejjem aktar neċessarju li l-Unjoni Ewropea jkollha leġislazzjoni komuni xierqa biex tkun tista' timmaniġġja l-immigrazzjoni b'mod legali u trasparenti.

4.6

Il-KESE abbozzat diversi opinjonijiet (8) li fihom hija tħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea taddotta politika li tiżgura li l-immigrazzjoni ekonomika tiġi pproċessata mit-toroq legali korretti, li tiġi mrażżna l-immigrazzjoni irregolari u li jieqaf it-traffikar illegali tan-nies.

4.7

Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, l-approvazzjoni tad-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul, residenza u aċċess għall-impieg, għall-immigrati, li hija bbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni (9) u tikkunsidra l-opinjoni tal-KESE (10), issa saret kwistjoni ta' urġenza.

4.8

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg (11), li fiha tipproġetta li l-immigrazzjoni fuq xogħol lejn l-Unjoni Ewropea ser tiżdied b' mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin u li għalhekk tkun meħtieġa leġislazzjoni xierqa li tippermetti li l-immigrazzjoni tiġi mmaniġġjata f' qafas legali. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li jkunu meħtieġa policies dwar l-integrazzjoni li jiffukaw fuq il-popolazzjoni immigrati u li jipprovaw jeliminaw kull forma ta' esplojtazzjoni u diskriminazzjoni.

4.9

Xi legislazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni mhiex għal kollox skond il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem applikabbli, u xi Direttivi Ewropej (per eżempju, dwar l-għaqda mill-ġdid tal-familji) anke jitqiesu minn diversi OMG u mill-Parlament Ewropew bħala kuntrarji għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem. Il-KESE jemmen illi l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem eżistenti kif ukoll il-Karta ta' l-UE tad-Drittijiet Fundamentali għandhom ikunu l-bażi ta' l-istruttura sħiħa leġislattiva Ewropea fejn tidħol l-immigrazzjoni.

5.   Il-valuri globali ta' l-Unjoni Ewropea

5.1

Dan l-aħħar, l-Istati Uniti kienet qiegħda tiżviluppa metodu unilaterali għat-tmexxija ta' l-affarijiet internazzjonali. Bħala riżultat ta' din is-sitwazzjoni, is-sistema sħiħa tal-Ġnus Magħquda qiegħda tiffaċċja problemi serji. B'riżultat ta' dan, l-unika sistema eżistenti bħalissa li fiha jistgħu jiġu mfittxija soluzzjonijiet multilaterali għal kunflitti internazzjonali permezz tal-kooperazzjoni, tinsab fil-periklu.

5.2

Minkejja li qed tiltaqa' ma diffikultajiet kbar, l-Unjoni Ewropea qiegħda tifformola l-politika barranija komuni tagħħa li fiha l-Ġnus Magħquda jkollha rwol essenzjali. It-Trattat Kostituzzjonali tal-futur ser jikkonsolida dan il-mandat tal-politika esterna bħala wieħed mill-funzjonijiet tal-Komunità.

5.3

Ir-relazzjonijiet esterni ta' l-Unjoni Ewroepea huma bbażati fuq il-multilateraliżmu u kompromess attiv fil-Ġnus Magħquda. F' document reċenti (12) il-Kummissjoni Ewropea sostniet illi: “L-isfida li l-ĠM qiegħda tiffaċċja bħalissa hija ċara: ir-'regolamentazzjoni globali' tibqa' dgħafa jekk l-istituzzjonijiet multilaterali ma jistgħux jiżguraw implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet u tar-regoli tagħhom – kemm fl-isfera ta' 'politika għolja' tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, kif ukoll fl-implimentazzjoni prattika tar-rabtiet li saru f' konferenzi reċenti tal-GM fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u ambjentali. L-UE għandha responsabbiltà partikolari f' dan ir-rigward. Minn banda, irrendiet lill-multilateraliżmu bħala prinċipju kostanti tar-relazzjonijiet esterni tagħha. Min-naħa l-oħra, tista' u għandha sservi bħala mudell lill-oħrajn fl-implimentazzjoni – u anke oltre – tar-rabtiet internazzjonali tagħha”.

5.4

Il-globalizzazzjoni qiegħda tiġġenera opportunitajiet ġodda u problemi ġodda għar-regolamentazzjoni globali (13). Bħalissa, l-immigrazzjoni timplika problemi maġġuri kemm għall-immigrati stess kif ukoll għall-pajiżi ta' l-oriġini u l-pajjiżi li jospitaw. L-isfida li niffaċċjaw hija li nittrasformaw dawn il-problemi f' opportunitajiet għal kulħadd, għall-immigrati, għall-pajjiżi ta' l-oriġini u għall-pajjiżi li jospitaw. Il-multilteraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali huma t-triq lejn regolamentazzjoni globali tajba, għal sistema ta' regoli u istituzzjonijiet stabbiliti mill-komunità internazzjonali u magħrufa universalment.

5.5

Kif qal Kofi Annan, Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, fil-Parlament Ewropew tad-29 ta' Jannar 2004, il-kooperazzjoni internazzjonali huwa l-aħjar metodu biex tiġi mmaniġġjata ż-żieda fl-immigrazzjoni fis-snin li ġejjin. “Nistgħu nibnu relazzjoni bejn il-pajjiżi li qed jilqgħu u dawk li jibagħtu fl-interessi tat-tnejn; nesploraw l-innovazzjonijiet biex l-immigrazzjoni tkun kaġun ta' l-iżvilupp; nikkumbattu l-kuntrabandu u t-traffikanti; u naqblu dwar standards komuni għat-trattament ta' l-immigrati u biex tiġi mmaniġġjata l-immigrazzjoni bil-kooperazzjoni biss – bilaterali, reġjonali u globali”.

5.6

L-Ewropa hija żona ta' libertà, demokrazija u rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-popli kollha. Sabiex insaħħu dawn il-valuri fil-futur, l-Istati Membri ta' l-UE għandhom jirratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali li jħarsu dawk id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-preċetti legali tagħħom għandhom jiġu inkorporati fil-leġislazzjoni kemm Komunitarja kif ukoll nazzjonali.

5.7

L-Artikolu 7 ta' l-abbozz tal-Kostituzzjoni għall-Ewropa tappoġġa l-adeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem. Il-KESE tappoġġja dan. Il-KESE tappoġġja wkoll l-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni fil-Kostituzzjoni, li toħloq bażi komuni għad-drittijiet tan-nies kollha ġewwa l-Unjoni.

5.8

Dawn il-valuri għandhom ukoll isiru parti integrali tar-relazzjonijiet interni ta' l-Unjoni. L-Ewropa għandha tippromwovi l-ħolqien ta' korp ġudizzjarju komuni għall-ħarsien fid-dinja kollha tad-drittijiet bażiċi tan-nies kollha, irrispettivament mill-oriġini nazzjonali u l-post tar-residenza, fuq bażi tal-konvenzjonijiet internazzjonali li saru mill-Ġnus Magħquda.

6.   Proposta tal-KESE

6.1

Skond l-opinjonijiet li fformolat dwar il-politika ta' l-immigrazzjoni Ewropea u b' appoġġ ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Immigrati Kollha u l-Membri tal-Familja tagħhom, li ġiet approvata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fir-risoluzzjoni Nru 45/158 tat-18 ta' Diċembru 1990, u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003.

6.2

Il-KESE ssejjaħ lill-President tal-Kummissjoni u l-Presidenza kurrenti tal-Kunsill biex jieħdu l-inizjattivi politiċi meħtieġa biex jiżguraw li l-Istati Membri jirratifikaw din il-konvenzjoni fl-24 xahar li ġejjn u li l-UE tirratifikaha wkoll hekk kif il-Kostituzzjoni tagħtiha s-saħħa li tiffirma ftehim internazzjonali. Biex tiġi ffaċilitata r-ratifika, il-Kummissjoni għandha twettaq studju li janalizza l-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja rigward il-konvenzjoni. Iktar minn hekk, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili se jissieħbu mal-KESE u l-Kummissjoni biex iħeġġu r-ratifikazzjoni.

Brussel, 30 ta' Ġunju, 2004

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  L-Azerbaijan, Belize, il-Bolivja, il-Bożnja-Herżegovina, Burkina Faso, Cape Verde, il-Kolombja, l-Ekwador, l-Egittu, El Salvador, il-Gana, il-Gwatemala, Guinea, Kirgiżtan, il-Mali, il-Messiku, il-Marokk, il-Filippini, Senegal, Seychelles, Sri Lanka, it-Tajikistan, Timor tal-Lvant, l-Uganda, l-Urugwaj.

(2)  Konvenzjoni Nru. 97 ta' l-1949 u Konvenzjoni Nru. 143 ta' l-1975.

(3)  Skond l-Organizzazzjoni Internazzjonali ghall-Migrazzjoni, bhalissa 175 miljun persuna tghix f' pajjiż li mhuwiex il-pajjiż tat-twelid jew fejn ghandu n-nazzjonalità.

(4)  55 % ta' l-immigrati tad-dinja jghixu fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa tal-punent.

(5)  L-istati firmatarji huma stati li indikaw ix-xewqa taghhom li jsiru membri tal-konvenzjoni fil-futur, bhac-Cili, il-Bangladexx, it-Turkija, Komoros, Guinea-Bissau, il-Paragwaj, São Tomé and Principe, Sierra Leone, Burkina Faso u t-Togo.

(6)  Direttiva 2000/43 u Direttiva 2000/78.

(7)  Sa mill-1994, il-Kummissjoni, fil-White Paper dwar il-Politika Socjali Ewropea (COM(1994) 333 final), irrakomandat li l-Istati Membri jirratifikaw din il-Konvenzjoni.

(8)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE dwar l-ghaqda mill-gdid tal-familji, GU C 204 tat-18.7.2000 u GU C 241 tas-7.10.2002; dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar politika ta' l-immigrazzjoni Komunitarja, GU C 260 of 17.9.2001; dwar l-istat ta' residenti fit-tul, GU C 36 of 8.2.2002; dwar il-kondizzjonijiet ghad-dhul u r-residenza ghall-iskop ta' impieg bil-hlas, GU C 80 tat-3.4.2002; dwar politika komuni dwar l-immigrazzjoni illegali, GU C 149 tat-21.6.2002; dwar il-kondizzjonijiet ghad-dhul u r-residenza ghall-iskop ta' studju, tahrig vokazzjonali jew servizzi volontarji, GU C 133 tas-6.6.2003; u dwar l-access ghac-cittadinanza Ewropea, GU C 208 of 3.9.2003.

(9)  Cf. GU C 332 tas-27.11.2001.

(10)  Opinjoni tal-KESE f' GU C 80 tat-3.4.2002 (rapporteur Is-Sur Pariza Castaños).

(11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2003) 336 finali u opinjoni tal-KESE fil-GU C 80 tat-30.03.2004 (rapporteur Is-Sur Pariza Castaños).

(12)  COM(526) 2003, “L-Unjoni Ewropea u l-Gnus Maghquda: L-ghażla tal-multilateraliżmu”.

(13)  “ l-immaniggjar tal-globalizzazzjoni – l-unika ghażla ghall-aktar vulnerabbli.”