28.9.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 241/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-Djalogu Transatlantiku: kif se tittejjeb ir-Relazzjoni Transatlantika

(2004/C 241/15)

Fis-16 u 17 ta' Lulju 2003, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li aġixxa skond ir-Regola 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess bl-isem ta' Id-Djalogu Transatlantiku: kif se tittejjeb ir-Relazzjoni Transatlantika.

Is-Sezzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Esterni, responsabbli mit-tħejjija tax-xogħol tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-20 ta' April 2004. Ir-rapporteur kienet Is-Sinjorina Belabed.

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu numru 409 (laqgħa tat-3 ta' Ġunju) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni segwenti, b'160 vot favur, 15 kontra u 18 –il astensjoni.

1.   Sommarju Eżekuttiv

A.

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom storja twila li bbenefikat liż-żewġ naħat u li żżomm fuq pedamenti sodi mibnija fuq twemmin komuni dwar soċjetajiet miftuħa u demokratiċi. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti impenjaw ruħhom għal relazzjoni sħiħa u ugwali bejniethom f'ambjent ġeo-strateġiku mibdul wara t-tmiem tal-Gwerra l-Bierda. Għalkemm din il-bidla fl-ambjent provdiet sfidi fuq ir-relazzjonijiet bejniethom f'diversi okkażjonijiet, il-pedamenti ta' din ir-relazzjoni baqgħu f'posthom.

B.

L-opinjoni pubblika fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku turi kemm ideat komuni kif ukoll differenzi. Filwaqt li d-differenzi huma aktar evidenti rigward temi dwar il-politika barranija, hemm aktar qbil milli wieħed jistenna f'oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali u hemm kunsens mifrux li djalogu kontinwu u intens hu meħtieġ mhux biss fl-interess, fuq medda twila ta' żmien ta' l-UE u l-Istati Uniti, iżda wkoll għall-bqija tad-dinja.

C.

L-Ekonomija Transatlantika, aktar ma jgħaddi ż-żmien, saret dejjem aktar marbuta ma' l-investimenti diretti ferm aktar milli mal-kummerċ. Għalkemm spiss nisimgħu dwar kunflitti kummerċjali, dawn jammontaw għal anqas minn 1 % tal-kummerċ transatlantiku. L-interdipendenza ekonomika li dejjem qed tikber twassal għal tensjonijiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri u li jħallu impatt fuq oqsma domestiċi fundamentali bħat-tassazzjoni, is-sistema tat-tmexxija (governance), jew regolament.

D.

Ir-rendiment ekonomiku ta' l-UE u l-Istati Uniti jippreżenta stampa mħallta li turi li ż-żewġ ekonomiji għandhom l-oqsma b'saħħithom u d-dgħjufijiet tagħhom. Diversi sfidi importanti qed jistennew liż-żewġ ekonomiji fis-snin li ġejjin, u dan iwassal għal bżonn ta' żieda fid-djalogu u l-koperazzjoni b'mod li l-ekonomija taħdem b'mod aktar sottili għall-popolazzjoni fuq iż-żewġ naħat.

E.

Il-bidliet fl-isfidi u t-theddid ġeopolitiku provdew sfida lir-relazzjoni f'diversi okkażjonijiet. Il-bini u t-titjib ta' sistemi ta' tmexxija (governance) aktar tajba, bl-involviment ta' l-imsieħba soċjali u l-istrutturi tas-soċjetà madwar id-dinja kollha jistgħu jagħtu kontribut utli biex id-dinja tkun aktar sigura u biex jitjiebu l-opportunitajiet taċ-ċittadin biex jieħu sehem fid-deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol tiegħu.

F.

Għalkemm il-globalizzazzjoni wasslet għal diversi benefiċċji, ħeġġet soċjetajiet u ekonomiji miftuħa u wasslet għal żieda fil-kummerċ, investiment barrani u l-prosperità dinjija, l-effetti pożittivi ma seħħewx għal kulħadd. L-UE u l-Istati Uniti, bl-isforzi tagħhom flimkien, jistgħu jagħtu kontribut biex isaħħu l-potenzjal ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-globalizzazzjoni billi jtejjbu s-sistema ta' tmexxija (governance) kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dawk internazzjonali, bl-inklużjoni tad-djalogu soċjali u ċivili.

G.

Iż-żewġ naħat jenfasizzaw l-importanza strateġika tar-relazzjoni UE-Stati Uniti u l-kuntest multilaterali, hekk kif sfidi globali qed jeħtieġu forzi maqgħuda. Proposti reċenti biex jiġu mtejjba l-arranġamenti istituzzjonali għar-relazzjonijiet transatlantiċi enfasizzaw l-importanza ta' djalogu sostenut u intens kemm bl-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni kif ukoll bil-ħsieb li jkun hemm koperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali u partijiet oħra tad-dinja.

H.

Il-KESE jappoġġa firmament il-koperazzjoni transatlantika u jirrakomanda li din għandha tissaħħaħ u titwessa' kemm f'termini li jkunu involuti l-akbar numru ta' interessi u atturi possibbli kif ukoll fis-sens li jkun żviluppat u mwessa' l-metodu tar-relazzjoni b'mod li jkunu inklużi oqsma relavanti għad-Djalogi u l-kostitwenzi rispettivi fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku.

I.

Bi qbil mal-Presidenza Irlandiża, il-KESE jappoġġa fermament il-koperazzjoni transatlantika u l-involviment kostruttutiv tal-komunitajiet ta' interess relevanti mis-Soċjetà Ċivili Amerikana u Ewropea. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ it-tisħiħ u t-twessigħ tan-networks tas-soċjetà ċivili inklużi d-Djalogi, u jinsab lest li jagħti kontribut għal żieda fl-informazzjoni u l-interazzjoni bejn dawn in-networks u d-djalogi, li jistgħu jwasslu għal koperazzjoni regolari u kontinwa u għat-twaqqif ta' Kumitat Ekonomiku u Soċjali Transatlantiku u/jew Amerikan.

J.

Il-KESE joffri li jservi bħala forum għall-promozzjoni tad-djalogu u post fejn naħat differenti jiltaqgħu flimkien. Il-Kumitat f'dan il-kuntest joffri li jorganizza konferenza flimkien ma' l-atturi u l-istituzzjonijiet relevanti biex jissaħħaħ id-djalogu. Il-vantaġġ ta' djalogu msaħħaħ ikun jikkonsisti fl-attivazzjoni tas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku mhux biss fl-interess fuq medda twila ta' żmien ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti iżda wkoll għal bqija tad-dinja.

2.   Sfond

2.1

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom storja twila li bbenefikat liż-żewġ naħat u kienu partikolarment intensi matul il-Gwerra Bierda. Il-Pjan Marshall biex l-Ewropa tirkupra mit-Tieni Gwerra kien wieħed mill-aktar elementi importanti ta' din l-era. Wara t-tmiem tal-Gwerra Bierda, l-Istati Uniti u l-UE adottaw serje ta' dokumenti b'mod li jistipulaw il-prinċipji u jipprovdu qafas għall-koperazzjoni futura tagħhom f'ambjent ġeo-strateġiku mibdul. (1). Il-promozzjoni tal-paċi, stabilità u tkabbir ekonomiku, il-ħtieġa li jinstabu risposti għal sfidi globali, koperazzjoni fiż-żona ekonomika kif ukoll il-bini ta' pontijiet fuq l-Atlantiku kienu fil-qalba ta' dawn il-ftehim. Fid-Dikjarazzjoni ta' Bonn, adottata matul is-Summit UE-Stati Uniti tal-21 ta' Ġunju 1999, f'Bonn, iż-żewġ naħat impenjaw ruħhom favur “relazzjoni sħiħa u ugwali” fl-oqsma ekonomiċi, politiċi u ta' sigurtà.

2.2

Dawn il-ftehimiet, appoġġati mill-KESE, u li ħolqu sett ta' arranġamenti istituzzjonali, fosthom id-Djalogi Transatlantiċi, għamluha possibbli għall-imsieħba soċjali u għas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem f'dawn l-isforzi.

2.3

Matul is-Snin Disgħin u f'dawn l-aħħar snin, ir-relazzjonijiet għaddew minn ċikli differenti li fihom iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku kellhom jadattaw ruħhom f'livelli differenti ta' diffikultà għar-realtajiet il-ġodda. Filwaqt li l-pedamenti għal relazzjoni transatlantika b'saħħitha baqgħu hemm, dawn il-bidliet waslu għal tensjonijiet u nuqqas ta' qbil bejn iż-żewġ naħat, parti minħabba differenza fl-opinjonijiet u l-orjentazzjonijiet u parti minħabba li nħassu ċertu nuqqasijiet fl-arraġamenti istituzzjonali (2).

2.4

Biex ikun faċilitat dan id-djalogu u biex il-politika tkun orjentata lejn għanijiet komuni, jista' jkun utli li nagħtu ħarsa lejn l-opinjonijiet ta' persuni konċernati kif espressi f'diversi stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika (bħal dawk magħmula mill-Fond Marshall għall-Ġermanja ta' l-Istati Uniti jew iċ-Ċentru ta' Riċerka Pew) (3). L-opinjoni pubblika fl-Istati Uniti u fl-Ewropa turi kemm pożizzjonijiet komuni kif ukoll differenzi (4). L-Amerikani u l-Ewropej jaqblu fuq twemmin bażiku dwar soċjetajiet demokratiċi miftuħa, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-supremazija tal-liġi, kif ukoll it-twemmin f'politika ekonomika tas-suq. (5) Madankollu, il-valuri tagħhom mhux dejjem huma identiċi. Meta mistoqsija jekk l-Ewropej u l-Amerikani għandhomx valuri soċjali u kulturali differenti, il-maġġoranza l-kbira fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku qablet (83 % ta' Amerikani u 79 % ta' l-Ewropej li wieġbu (6)).

2.5

Għalkemm l-Amerikani taw aktar importanza lill-aspett internazzjonali fl-2002 milli qabel il-11 ta' Settembru, 2001, l-Amerikani u l-Ewropej għandhom pożizzjonijiet differenti rigward temi ta' politika barranija bħall-amministrazzjoni globali ta' l-Istati Uniti jew dwar kif għandha tingħata risposta għat-theddid li jinqala'. (7). Kemm l-Amerikani kif ukoll l-Ewropej jaraw l-unilateraliżmu bħala problema. It-tnejn jaraw il-Ġnus Maqgħuda b'ottika favorevoli u jixtiequ jsaħħuha iżda l-Amerikani huma lesti li jaqbżu l-Ġnus Maqgħuda jekk dan ikun meħtieġ fl-interess nazzjonali. Għalkemm il-kunċett ta' soft power ħareġ kemm mill-kultura u l-politika Amerikana, (8) l-Ewropa tpoġġi enfasi akbar fuqu (9) u l-maġġoranza kbira fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku jgħidu li l-poter limitat ta' l-UE jista' jkollu impatt fis-soluzzjoni tal-problemi dinjija permezz tad-diplomazija, kummerċ jew għajnuna favur l-iżvilupp. (10).

2.6

Fl-2003 l-Amerikani kienu aktar numerużi fl-appoġġ tagħhom għal imsieħeb Ewropew b'saħħtu, filwaqt li l-Ewropej kienu anqas lesti li jħallu f'idejn l-Istati Uniti fuq temi ta' politika barranija. (11). Filwaqt li l-Gwerra ta' l-Iraq aktarx li ħalliet effett fuq din il-bidla fl-opinjonijiet Ewropej, “sorprendentement, l-Amerikani huma aktar pożittivi dwar l-Unjoni Ewropea.

In-nuqqas ta' simmetrija, bl-Ewropej iħossuhom agħar bl-Istati Uniti, u l-Amerikani jħossuhom aħjar bl-UE, hi sorprendenti u potenzjalment sinifikanti għal dawk involuti fit-tħejjija tal-politika fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku” (12).

2.7

Rigward temi soċjali, negozju u ambjent, hemm aktar perspettivi komuni milli wieħed jistenna, iżda dawn mhumiex, madankollu, riflessi fuq livell ta' Gvern. Filwaqt li hu magħruf li l-Ewropej jagħtu importnza lid-dimensjoni soċjali u ambjentali li l-Ewropa żiedet mad-demokrazija politika, l-Amerikani wkoll jitfgħu enfasi fuq l-għajnuna għal min għandu bżonn u fuq il-ħarsien ta' l-ambjent. L-ekonomija, l-edukazzjoni u s-sigurtà soċjali jiddominaw l-aġenda politika pubblika fl-Istati Uniti (13). Filwaqt li l-Amerikani japprezzaw is-saħħa mogħtija lilhom u jappoġġaw l-intrapriża privata, żewġ terzi minnhom jaraw il-bżonn li l-Gvern jipprovdi mezzi ta' sigurtà għal min għandu bżonn (14) u li jiggarantixxi li kull ċittadin ikollu biżżejjed x'jiekol u post fejn jorqod. Aktar minn 50 % jemmnu li l-Gvern għandu jgħin lil min hu fil-bżonn anke jekk dan ifisser li jikber id-dejn, 86 % jaqblu li hemm bżonn ta' liġijiet u regolamenti aktar b'saħħithom favur l-ambjent, nofs il-popolazzjoni tgħid li s-sistema fiskali mhix ġusta fil-konfronti tagħhom u jeżisti appoġġ konsiderevoli (aktar minn 75 %) għad-dħul ta' restrizzjonijiet u kontrolli fuq persuni li jmorru fl-Istati Uniti biex jgħixu hemmhekk. L-Amerikani jidhru li jaqblu wkoll, sa ċertu punt, mat-tħassib ta' l-Ewropej dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM), għaliex 92 % tagħhom huma favur li tintuża tikketta għal OĠM. (15).

2.8

Hemm kunsens wiesa' li djalogu profond, intens u kontwinu hu meħtieġ b'mod li jsir progress fuq l-interessi komuni, biex jingħelbu d-differenzi u biex jingħaraf l-interess komuni f'aġenda komuni f'diversi oqsma ta' l-ekonomija dinija. Il-KESE f'opinjonijiet preċedenti għaraf l-importanza tar-relazzjoni transatlantika u enfasizza li r-relazzjoni wiesa' u l-koperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq ftehim reċiproku u rispett lejn il-viżjonijiet, valuri, interessi mudelli ta' soċjetà ta' xulxin (16).

3.   Dimensjonijiet tar-relazzjoni transatlantika

3.1

L-aktar dimensjonijiet importanti li jifformaw parti mir-relazzjonijiet Transatlantiċi huma dawn: Relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali UE-Stati Uniti, politika globali u sigurtà, globalizzazzjoni – żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali internazzjonali, istituzzjonijiet transatlantiċi, impenn lejn ir-relazzjoni transatlantika u sistema ta' tmexxija (governance) multilaterali.

3.2   Relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali UE-Stati Uniti

3.2.1

Kif juri r-Rapport Quinlan (17) dwar ir-Relazzjonijiet Ekonomiċi Transatlantiċi, l-ekonomija transatlantika saret aktar marbuta u interdipendenti wara l-waqa' tal-Ħajt ta' Berlin, u l-investiment barrani hu ferm aktar importanti fil-konfront tal-kummerċ.

3.2.2

Per eżempju, madwar nofs ta' l-Investiment Barrani Dirett ta' l-Istati Uniti fis-Snin Disgħin mar fl-Ewropa. Il-proporzjon ta' investiment ta' l-Ewropa fl-Istati Uniti fis-sena 2000 kien ta' kważi 25 % akbar mill-proporzjon Amerikan fl-Ewropa. Fl-2001, u matul parti kbira mis-snin Disgħin, fl-Ewropa sar nofs il-qliegħ globali totali ta' kumpaniji Amerikani. L-ammont ta' kapital investit minn kumpaniji Amerikani hu aktar mid-doppju fl-Olanda milli fil-Messiku. L-investiment Ewropew fit-Texax biss hu akbar mill-investiment Amerikan kollu fil-Ġappun.

3.2.3

Għalkemm spiss nisimgħu dwar kunflitti kummerċjali transatlantiċi, il-kummerċ innifsu jammonta għal anqas minn 20 % mill-kummerċ transatlantiku, u l-kunflitti kummerċjali bejn l-UE u l-Istait Uniti jammontaw għal anqas minn 1 % tal-kummerċ transatlantiku. Minkejja mekkaniżmu ta' twissija minn kmieni żviluppat fl-1999, kunflitti dwar mekkaniżmi intiżi biex jiddefendu l-kummerċ (bħal miżuri ta' salvagwardja, anti-dumping u dazji protettivi), temi marbuta ma' sussidji, drittijiet tal-proprjetà intelletwali u miżuri oħra fl-oqsma bħall-azzar, banana, ormoni tal-laħam taċ-ċanga, organiżmi ġenetikament modifikati (OGM), trejdmarks/indikazzjonijiet ġeografiċi kienu r-raġuni ta' nuqqas ta' qbil u disgwid serju. Sa mis-16 ta' Marzu 2004, l-UE kellha 14-il kunflitt attiv fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ma' l-Istati Uniti (18). Fl-aktar każ riċenti dwar il-Korporazzjonijiet tal-Bejgħ Barrani, l-UE imponiet tariffi fuq serje ta' prodotti Amerikani sakemm l-Att relevanti, li kien dikjarat bħala llegali mill-ODK, ma jkunx adattat għar-regoli ta' l-ODK.

3.2.4

Uħud mit-tensjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma r-riżultat ta' din iż-żieda fl-interdipendenza. F'diversi każi, dawn mhumiex il-kunflitti kummerċjali tradizzjonali “ta' mal-fruntiera”, iżda jmorru lil hinn mill-fruntiera u jħallu effett fuq temi domestiċi fundamentali dwar il-mod ta' kif l-Amerikani u l-Ewropej huma intaxxati, dwar kif is-soċjetajiet tagħna huma amministrati u dwar kif l-ekonomiji tagħna huma regolati. (19).

3.2.5

Ir-rendiment ekonomiku ta' l-UE u l-Istati Uniti jippreżenta stampa mħallta. Kuntrarju ta' l-opinjoni komuni li l-ekonomija Amerikana qed trendi bil-wisq aktar minn dik Ewropea, anke t-tagħrif tal-FMI u OECD juru li l-Ewropa marret aħjar f'ċertu oqsma (20): Vera li r-rati ġenerali ta' tkabbir fl-Istati Uniti kienu ogħla fl-Istati Uniti milli fl-Ewropa, iżda l-livelli ta' l-għajxien kibru aktar malajr fl-UE milli fl-Istati Uniti.

3.2.6

Dwar il-produttività tax-xogħol, in-numri huma mħallta, skond il-perjodu ta' żmien ikkunsidrat. Il-produttività Amerikana hi fil-medja ogħla minn dik Ewropea sa mill-1995, iżda aktar baxxa jekk jitqies il-perjodu itwal mill-1990 sa 2002. Anke minkejja li l-medja Ewropea hi ogħla fl-Istati Uniti, ħames pajjiżi Ewropej marru aħjar. Il-medja tal-qgħad hi ogħla fl-Ewropa, iżda seba' pajjiżi għandhom qgħad aktar baxx mill-Istati Uniti.

3.2.7

Il-qgħad hi problema kemm għall-ekonomija ġenerali – għaliex ifisser li għandek riżorsi li mhux qed jintużaw – kif ukoll għall-persuni, speċjalment jekk il-qgħad hu akkumpanjat minn nuqqas ta' ħarsien soċjali. Barra mill-politika makroekonomika, fatturi bħall-istruttura tas-suq tax-xogħol, livelli ta' edukazzjoni, jew il-mod ta' kif huma ddisinjati s-sistemi ta' ħarsien soċjali jistgħu jħallu impatt fuq ir-rata ta' parteċipazzjoni. Il-qgħad, flimkien ma' l-inugwaljanza fid-dħul, nuqqas ta' ħarsien soċjali kif ukoll il-livelli ta' l-edukazzjoni, hu wieħed mill-fatturi li jħalli effett u jagħti spjegazzjoni, għar-rata tal-faqar.

3.2.8

Fil-medja, l-Ewropa għandha aktar taxxi milli l-Istati Uniti. Iżda dan ma jfissirx neċessarjament żvantaġġ. Jekk it-taxxi jintefqu sew, huma jistgħu jagħtu spinta lill-produttività ekonomika. Il-Forum Ekonomiku Dinji għaraf dan waqt li biddel il-metodu ta' kalkolazzjoni tal-budgets pubbliċi li rriżultataw fil-fatt li l-Finlandja marret aħjar mill-Istati Uniti skond ir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali 2003-2004, filwaqt li l-Isvezja u d-Danimarka wkoll tejjbu l-pożizzjoni tagħhom u issa jinsabu t-tielet u r-raba' (preċedentement kienu l-ħames u l-għaxar (21).)

3.2.9

Jekk inħarsu lejn il-produttività u t-taxxi fl-istess ħin naraw li taxxi ogħla mhux neċessarjament jostakolaw il-produttività. Fost il-ħames pajjiżi fejn il-produttività kibret b'rata aktar minn ta' l-Istati Uniti mill-1995: Belġju, Awstrija, Finlandja, Greċja u Irlanda, u s-sitt pajjiżi li kellhom livelli ta' produttività ogħla: Ġermanja, Olanda, Irlanda, Franza, Belġju u n-Norveġja (li mhix membru ta' l-UE), l-Irlanda biss hi pajjiż b'taxxi baxxi.

3.2.10

Minn dan kollu l-lezzjoni hi: l-ekonomiji ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti huma marbuta ħafna. It-tnejn li huma għandhom il-punti b'saħħithom u dawk dgħajjfin. Iż-żewġ ekonomiji se jiltaqgħu ma' sfidi importanti fis-snin li ġejjin, u dan se jagħti lok għal djalogu u koperazzjoni akbar b'mod li l-ekonomija taħdem b'mod sottili għaċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat.

3.3   Politika Globali u Sigurtà

3.3.1

Il-bidla mill-Gwerra l-Bierda, sitwazzjoni mmarkata b'interessi simili bejn l-UE u l-Istati Uniti, għal sitwazzjoni fejn l-isfidi strateġiċi prinċipali għandhom oriġini geografiċi differenti u li fihom in-natura tat-theddid inbidlet, wasslet għal pożizzjonijiet differenti dwar x'azzjonijiet għandhom jittieħdu fil-konfront tagħhom.

3.3.2

Il-potenzjal tal-globalizzazzjoni biex isir it-tajjeb huwa immens u din wasslet għal ħafna benefiċċji. Hemm ukoll, madankollu, żbilanċi b'saħħithom u persistenti fil-mod preżenti ta' kif taħdem l-ekonomija globali. Fl-opinjoni tal-maġġoranza ta' irġiel u nisa, il-globalizzazzjoni ma laħqitx l-aspirazzjonijiet sempliċi u leġittimi tagħhom ta' impjiegi deċenti u futur aħjar għal uliedhom. Hekk kif soċjetajiet miftuħa huma mhedda mit-terroriżmu globali, is-sistema ta' tmexxija (governance) globali għandha tiffoka fuq it-tħassib u l-aspirazzjonijiet tal-poplu u tfittex li ttejjeb l-akkontabilità u d-demokrazija kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali biex tiżdied is-sigurtà globali. Il-globalizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq valuri li hemm qbil universali dwarhom, fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u fuq id-dinjità individwali. (22). Jekk il-globalizzazzjoni tkun amministrata aħjar, id-dinja tista' tingħaqad aktar u ssir aktar sinjura. Titjib fil-globalizzazzjoni hi ċ-ċavetta lejn ħajja aħjar u aktar sigura għal kulħadd fis-seklu 21. Jekk tibqa' amministrata b'mod fqir, l-iskuntentizza lejn il-globalizzazzjoni se tikber.

3.3.3

F'dan il-kuntest, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, dittatorjati u gvernijiet li fallew, kif ukoll il-bini ta' strutturi għall-imsieħba soċjali u għas-soċjetà ċivili madwar id-dinja kollha, speċjalment f'pajjiżi fejn l-istrutturi ta' tmexxija (governance) huma dgħajjfa jew għad iridu jkunu żviluppati, jistgħu jagħtu kontribut utli biex id-dinja ssir aktar sigura u biex jitjiebu l-opportunitajiet li ċ-ċittadini għandhom biex jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol tagħhom.

3.3.4

Il-KESE għandu tradizzjoni twila ta' kontribuzzjonijiet favur il-bini u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali u ċivili fil-pajjiżi l-membri l-ġodda futuri ta' l-UE kif ukoll f'pajjiżi mhux membri. Il-KESE kien wkoll imsieħeb attiv tal-Proċess ta' Barċellona ta' l-UE, li jista' jkun bażi utli ta' min jibni fuqha. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-proċess ta' demokratizzazzjoni u l-bini ta' imsieħba soċjali fl-Iraq jista', per eżempju, isir proġett komuni bejn l-UE u l-Istati Uniti.

3.3.5

Is-sigurtà tat-trasport hu wkoll settur li għandu bżonn ta' titjib fil-koperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-UE. Il-KESE (23) jara “bżonn urġenti li l-UE tieħu l-inzjattiva internazzjonali biex tiżviluppa qafas usa' għas-sigurtà li jindirizza wkoll l-kawżi tat-terroriżmu u mhux biss li tfittex li telimina l-effetti tiegħu. […] Minħabba l-karattru internazzjonali tat-trasport marittimu u bl-ajru, il-ħtiġijiet ta' sigurtà għandhom ikunu bbażati fuq arranġamenti reċiproċi, applikati informalment u mingħajr diskriminazzjoni, filwaqt li jitħalla għaddej proċess effiċjenti ta' kummerċ”. Iktar minn hekk, il-KESE wissa li “l-filosofija u l-kultura Ewropea jsostnu rispett qawwi għad-drittijiet tal-bniedem u kull reazzjoni għat-theddid tat-terroriżmu m'għandiex twarrab dawn il-prinċipji li ġew imħaddna għal żmien twil”. Il-ftehim bejn l-Istati Uniti u l-UE dwar is-sigurtà tal-kontejners (Novembru 2003) u l-implimentazzjoni tiegħu joffru opportunità għal diskussjoni fid-djalogu Transnazzjonali. L-Istati Uniti u l-UE qed jikkoperaw ukoll fuq livell internazzjonali fl-ILO dwar is-sigurtà fil-faċilitajiet portwali.

3.4   Globalizzazzjoni – żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali internazzjonali

3.4.1

Il-globalizzazzjoni wasslet għal diversi benefiċċji, ippromwoviet soċjetajiet miftuħa u ħeġġet skambju aktar ħieles ta' prodotti, ideat u għarfien. Bdiet tikber kuxjenza verament globali, li hi sensittiva għall-inugwaljanzi tal-faqar, għan-nuqqas ta' rispett tal-libertà ta' assoċjazzjoni, għad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, għax-xogħol imwettaq mit-tfal u għad-degradazzjoni ambjentali jseħħu fejn iseħħu. (24).

3.4.2

Madankollu, minkejja żieda fil-kummerċ, investiment barrani u prosperità dinjija, il-globalizzazzjoni ma ħallietx effetti pożittivi għal kulħadd. It-tnaqqis ta' ostakli għall-kummerċ, għaċ-ċaqliq tal-kapital kif ukoll għas-servizzi u l-moviment tal-persuni madwar id-dinja ffaċilita s-sorsi globali għal kumpaniji iżda wkoll kienu r-raġuni li nħolqu kondizzjonijiet għal kompetizzjoni dinjija b'impatt li jħasseb fuq il-ħaddiema, taxxi u s-sostenibilità finanzjarja tas-sistemi ta' ħarsien soċjali u s-servizzi ta' interess ġenerali. Madwar id-dinja din wasslet biex il-faqar żdied f'54 pajjiż sa mill-1990. (25). L-inugwaljanza bejn il-pajjiżi żdiedet, l-istabilità ta' l-ekonomija dinjija hi mhedda mill-volatilità tas-swieq finanzjarji kif ukoll mill-iżbilanċ makro-ekonomiku bħar-relazzjonijiet bejn il-muniti u żbilanċ fil-kummerċ.

3.4.3

L-isforzi konġunti ta' l-UE u l-Istati Uniti jistgħu jagħtu kontribut biex il-potenzjal ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-globalizzazzjoni jintlaħaq bis-sħiħ, billi tittejjeb is-sistema ta' tmexxija (governance)(kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali, kif ukoll b'titjib fir-regoli tal-kummerċ internazzjonali, investiment, finanzi u migrazzjoni b'konsiderazzjoni ta' l-interessi, drittijiet u responsabilitajiet ta' kulħadd u b'hekk tkun tista' tinkiseb distribuzzjoni aktar wiesa' u ġusta tal-benefiċċji tat-tkabbir b'mod li tipprovdi sigurtà u stabilità għal benefiċċju ta' kulħadd.

3.4.4

F'dan il-kuntest, is-sistema ta' tmexxija globali (governance) teħtieġ li titjieb. L-organizzazzjonijiet internazzjonali, li bħalissa għandhom mandati differenti, għandhom bżonn jikkordinaw l-isforzi tagħhom. Amministrazzjoni aħjar tal-globalizzazzjoni teħtieġ koordinazzjoni aħjar fix-xogħol tal-ODK, FMI, Bank Dinji u OECD ma' għaqdiet internazzjonali oħra, partikolarment l-ILO u l-Ġnus Maqgħuda, kif ukoll titjib fis-sistema ta' tmexxija (governance) ta' dawn l-istituzzjonijiet, bl-inklużjoni tad-djalogu soċjali u ċivili.

3.4.5

Il-KESE jisħaq dwar l-importanza tar-rispett u l-implimentazzjoni ta' l-istandards ewlenin fil-qasam tax-xogħol u jilqa' l-isforzi tad-Dipartiment tat-Teżor Amerikan biex iżomm il-momentum fl-għarfien ta' l-istandards ewlenin fil-qasam tax-xogħol kif stipulat mill-Bank Dinji u l-FMI bħala tema importanti li għandha tkun integrata fl-aġenda ta' żvilupp tagħhom (26).

3.4.6

Il-KESE mhux konvint mill-promozzjoni ta' deregolamentazzjoni radikali tas-suq tax-xogħol fl-Ewropa mill-Fond Monetarju Internazzjonali (27), għaliex iqis li dan jista' jkollu implikazzjonijiet serji fuq il-Mudell Ewropew ta' soċjetà u jfakkar li sigurtà soċjali minima tipprovdi mezz lejn stabilità fi żminijiet ta' diffikultajiet ekonomiċi.

3.4.7

Hemm tħassib dejjem akbar fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku dwar impjiegi li qed jiġu esportati lejn reġjuni oħra minħabba possibilitajiet teknoloġiċi, inqas ostakli għall-kummerċ, kif ukoll vantaġġi kompettitivi permezz ta' sistemi regolatorji differenti, li bażikament jikkonsistu fi standards aktar baxxi fil-qasam tal-xogħol u l-ambjent u l-protezzjoni ta' l-annimali. L-ekonomisti aċċettaw parti kbira minn dan il-proċess bħala fenomenu loġiku tal-kummerċ ħieles. (28), li ffaċilita t-trasferiment ta' impjiegi lejn pajjiżi b'salarji baxxi. Dan hu mistenni li se jikkawża qagħad strutturali fuq medda twila ta' żmien fil-futur. Peress li kemm it-trattati ta' l-UE kif ukoll l-abbozz għall-kostituzzjoni futura ta' l-UE jsejħu għal titjib fil-kondizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol, hemm bżonn ta' ċertu ħsieb dwar iż-żieda ta' l-istandards tax-xogħol u ta' l-ambjent f'dawn il-pajjiżi filwaqt li dawn jinżammu u jitjiebu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.

3.4.8

Wara l-iskandli ta' korporazzjonijiet f'dawn l-aħħar snin, l-opinjoni pubblika fl-Istati Uniti saret aktar kritika tal-korporazzjonijiet: 77 % ta' l-Amerikani jgħidu li hemm wisq poter ikkonċentrat f'idejn ftit kumpaniji kbar, 62 % jgħidu li korporazzjonijiet tan-negozju qed jagħmlu profitt kbir wisq (29). Għalhekk, il-kunċett ta' Corporate Governance hu tema prinċipali. Barra minn l-azzjonijiet konkreti li diġà ttieħdu u għaddejjin bħalissa bħas-Sarbanes-Oxley fl-Istati Uniti, ir-Reviżjonijiet tal-Prinċipji ta' Corporate Governance ta' l-OECD u attivitajiet fuq livell ta' UE u nazzjonali, hemm bżonn ta' sforzi koordinati biex ikun assigurat li l-korporazzjonijiet jitmexxew b'mod responsabbli li jikkunsidra l-interessi ta' dawk kollha li huma involuti fihom.

3.4.9

Kemm l-UE u l-Istati Uniti agħfsu favur il-progress matul in-negozjati ta' Doha. Biex ikun assigurat li l-opinjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu inklużi fin-negozjati fuq livell ta' l-UE, id-DĠ-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea qed jinvolvi lis-soċjetà ċivili fit-tħejjija u s-segwitu tan-negozjati u l-KESE hu involut bis-sħiħ f'dan il-proċess. Il-KESE se jieħu wkoll l-inzjattiva biex jorganizza djalogu ma' l-imsieħba konċernati fil-kontinenti kollha b'mod li jagħti kontribut aktar effettiv għall-proċess u f'dan ir-rigward se jorganizza konferenza dwar temi marbuta ma' l-ODK (30) f'Lulju 2004.

3.4.10

L-ambjent u l-bidla klimatika huma bla dubju oqsma fejn il-popli fiż-żewġ naħat għandhom tħassib komuni, iżda l-gvernijiet għandhom ideat pjuttost differenti. Il-Pentagon dan l-aħħar ħareġ studju dwar l-effetti fuq is-sigurtà tax-xenarji differenti marbuta mal-bidla klimatika. B'konsiderazzjoni tad-diverġenti preżenti dwar ir-ratifika tal-Protokoll ta' Kyoto, l-effetti potenzjali tal-bidla klimatika żgur li huma fost l-aktar temi importanti, għalkemm diffiċli, li għandhom jiġu diskussi.

3.4.11

Il-KESE rrimarka wkoll l-importanza ta' żvilupp sostenibbli f'diversi okkażjonijiet. Filwaqt li saru dikjarazzjonijiet solenni f'laqgħat internazzjonali u saru ftehim bħas-Summit Dinji, l-Għanijiet tal-Millenju, jew l-Istrateġija ta' Lisbona, azzjoni konkreta għadha kemmxejn lura. Il-KESE għalhekk jirrimarka s-sejħa tiegħu għall-progress li kien espress f'numru ta' opinjonijiet (31).

3.4.12

L-UE enfasizzat ir-rwol tas-sigurtà fl-ikel, il-ħarsien tal-konsumatur u l-ħarsien ta' l-annimali matul in-negozjati tal-ODK f'Doha, minbarra l-miżuri dwar il-politika kummerċjali. L-UE temmen li hemm bżonn li jkun hemm regoli aħjar u aktar trasparenti għall-kummerċ internazzjonali fejn tidħol sigurtà ta' l-ikel.

3.4.13

Il-kummerċ agrikolu hu wieħed mill-aktar suġġetti diffiċli f'temi bħall-marda ta' ġenn il-baqar (BSE), l-ormoni tal-laħam taċ-ċanga, is-sistema tal-biedja, is-sigurtà ta' l-ikel u l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM). L-UE u l-Istati Uniti għandhom kummerċ u koperazzjoni kummerċjali kbira bejniethom fil-qasam tan-negozju agrikolu. Dawn iż-żewġ imsieħba kummerċjali kbar kellhom xi diffikultajiet fil-politika kummerċjali dwar l-OĠM u l-ormoni tal-laħam taċ-ċanga. Hu importanti li nagħrfu li l-UE u l-Istati Uniti laħqu kompromessi kostruttivi fin-negozjati preżenti ta' Doha speċjalment fis-settur agrikolu. L-UE għamlet enfasi fuq ir-rwol tal-mudell agrikolu Ewropew li jirrispetta l-ambjent u l-ħarsien ta' l-annimali u riformi moderati fil-politika agrikola, fejn ikun importanti ħafna li jkunu kkunsidrati kwistjonijiet oħra lil hinn mill-kummerċ u l-preferenzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi ftehim u regoli kummerċjali futuri.

3.4.14

L-aktar tkabbir reċenti ta' l-UE jippreżenta lill-UE l-akbar sfida sal-lum u fl-istess ħin jikkostitwixxi proċess dinamiku favur l-unifikazzjoni ta' l-Ewropa, bit-tisħiħ tal-paċi, sigurtà u prosperità madwar il-kontinent kollu. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti huma interessati fl-iżvilupp tal-pajjiżi membri l-ġodda, kif ukoll fit-titjib tar-relazzjonijiet mar-Russja u mal-ġirien il-ġodda ta' l-UE.

3.5   Istituzzjonijiet Transatlantiċi

3.5.1

L-arranġamenti istituzzjonali li hemm dispożizzjoni għalihom fi ftehim milħuq matul is-snin Disgħin kienu s-sors ta' nuqqas ta' sodisfazzjon. Ir-raġunijiet għal dan kienu l-assimetrija fil-poter bejn l-UE u l-Istati Uniti, id-differenzi fis-sħubija fin-NATO, UE u istituzzjonijiet oħra, l-integrazzjoni mhux kompluta ta' l-UE u nuqqas ta' sodifsfazzjon ġenerali dwar is-Summit UE-Stati Uniti (32).

3.5.2

Proposti reċenti biex jittejjebu l-arranġamenti istituzzjonali wrew li l-aktar fattur importanti għall-progress hu t-tnedija ta' djalogu sostnut u intens fuq l-aktar oqsma importanti f'kwalunkwe xenarju istituzzjonali jkun meqjus bħala l-aktar xieraq. Sfortunatament, l-ebda minn dawn il-metodi ma jikkunsidra adegwatament il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu bl-inklużjoni ta' l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

3.6   Impenn lejn ir-relazzjoni transatlantika u sistema ta' tmexxija (governance) (33)

3.6.1

Iż-żewġ naħat tar-relazzjoni UE-Stati Uniti u l-kuntest multilaterali, bħala sfidi globali jeħtieġu forzi maqgħuda.

3.6.2

Kif iddikjara l-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2003, “xejn ma jista' jieħu post ir-relazzjoni transatlantika u l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ għal relazzjoni kostruttuiva, bilanċjata u li tħares 'il quddiem ma' l-imsieħba transatlantiċi tagħna” (34).

3.6.3

Il-KESE jabqel mal-Kunsill Ewropew li hu importanti li jinżamm djalogu permanenti bħala imsieħba strateġiċi u jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kunsill li jħeġġeġ kull forma ta' djalogu bejn organi leġislattivi u s-soċjetajiet ċivili fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku.

3.6.4

Bix-xogħol bilaterali tagħhom u fi ħdan il-qafas ta' istituzzjonijiet multilaterali, l-imsieħba transatlantiċi se jgħaqqdu l-viżjoni u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi taż-żminijiet.

3.6.5

Serje ta' inizjattivi differenti li għaddejjin bħalissa rrimarkaw l-importanza u l-ħtieġa ta' koperazzjoni transatlantika kontinwa u msaħħa. Il-Fond Marshall ta' l-Istati Uniti għall-Ġermanja u t-Transatlantic Policy Network kien fost l-aktar organizzazzjonijiet attivi li ħadmu fuq ir-relazzjoni UE-Stati Uniti. L-attivitajiet tagħhom ivarjaw mill-analiżi ta' l-opinjoni pubblika fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku, inklużi aspetti ekonomiċi tar-relazzjoni, jorganizzaw kuntatti u konferenzi u jipproponu rakkomandazzjonijiet u strateġiji għal relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-Stati Uniti.

3.6.6

It-Transatlantic Policy Network żviluppa pjan ta' 10 snin ibbażat fuq 10 punti biex tissaħħaħ ir-relazzjoni transatlantika li għandha tiġi implimentata mill-2005 sal-2015 fuq il-bażi ta' għanijiet, azzjonijiet u benchmarks għall-progress li fuqhom jaqblu ż-żewġ naħat. L-istrateġija tibni fuq erba' oqsma ta' interess: Ekonomiku, Difiża u Sigurtà, Politiku u Istituzzjonali (35).

3.6.7

Filwaqt li dan il-programm jifforma sforz validu biex jiżviluppa r-relazzjoni, il-KESE jiddispjaċih li d-dimensjoni soċjali tar-relazzjoni bil-kemm tissemma.

3.6.8

Mil-lat ekonomiku, hemm dibattitu li ilu għaddej dwar is-Suq Transatlantiku. It-TPN għamlet sejħa favur it-tkabbir u t-twessiegħ tas-suq transatlantiku, filwaqt li oħrajn marru lil hinn u sejħu għal Żona ta' Kummerċ Ħieles Transatlantika. (36). B'konsiderazzjoni ta' l-esperjenza kemm ta' l-integrazzjoni ta' l-UE u tan-NAFTA, il-KESE hu favur proċess li jgħaqqad fliemkien id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali ibbażata fuq koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Dan hu kostanti wkoll ma' l-abbozz ta' kostituzzjoni għall-UE li ssejjaħ għall-ekonomija tas-suq soċjali bħala waħda mill-għanijiet ta' l-Unjoni.

4.   Titjib tar-Relazzjoni Translatlantika – għala u kif ?

4.1

Relazzjoni transatlantika b'saħħitha hi fattur importanti ta' għajnuna għall-isfidi li ġejjin. Kemm l-Ewropa kif ukoll l-Istati Uniti qed jikkoperaw bilateralment u permezz ta' l-appoġġ ta' l-istituzzjonijiet internazzjonali ma' partijiet differenti tad-dinja skond il-valuri, twemmin u politika rispettivi tagħhom. Il-koeżjoni soċjali u ekonomika u d-djalogu soċjali u ċivili jikkostitwixxu elementi bażiċi fis-sistema ta' tmexxija (governance) fl-Ewropa, filwaqt li huma ferm anqas importanti mill-Istati Uniti. Dawn il-metodi differenti għalhekk jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjonijiet u mudelli ta' koperazzjoni kunfliġġenti fir-reġjuni konċernati.

4.1.1

Per eżempju, filwaqt li l-Istati Uniti kienu l-mutur ewlieni fil-ħolqien taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles ta' l-Amerika fuq il-mudell tal-Ftehim NAFTA, opinjonijiet oħra fir-reġjun argumentaw li għandha tkun segwita l-esperejnza ta' integrazzjoni Ewropea. Atturi differenti bħall-Gvern Brażiljan, il-President tal-Messiku Vicente Fox (“NAFTA plus”), rappreżentanti Amerikani u network ta' trade unions għamlu sejħa għal alternattiva għall-FTAA li tkun tinkludi elementi simili għall-UE bħall-fond ta' żvilupp biex jitnaqqsu d-disparitajiet, iċ-ċaqliq ħieles tal-persuni, parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet, munita komuni u standards soċjali li jistgħu jiġu infurzati. (37).

4.1.2

Eżempju ieħor huma r-riformi ekonomiċi u soċjali fil-Pajjiżi Membri l-ġodda mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant matul dawn l-aħħar 10-15-il sena li kellhom l-appoġġ kemm ta' l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-FMI u l-Bank Dinji. Peress li l-UE għandha biss kompetenza u patrimonju legali limitati f'ċerti oqsma – eż. Sistemi ta' ħarsien soċjali – riformi f'dawn l-oqsma kienu mmexxija minn istituzzjonijiet internazzjonali orjentati fuq mudell ta' soċjetà b'valuri inċiżi u prinċipji li mhumiex kompletament kompatibbli mal-Mudell Ewropew ta' soċjetà u dan jista' joħloq il-problemi bis-sħubija ta' dawn il-pajjiżi l-ġodda. (38).

4.2

Jekk l-Ewropa trid vuċi aktar b'saħħitha fix-xena internazzjonali, se jkollha bżonn tintegra aktar f'mod li ssaħħaħ il-ħila tagħha li titkellem u taġixxi fil-komunità internazzjonali. F'dan il-kuntest, il-KESE jilqa' l-isforzi magħmula mill-Presidenza Irlandiża u jittama li żviluppi reċenti fil-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri se jagħtu kontribut biex jintlaħaq kunsens dwar il-kostituzzjoni futura.

4.3

Ir-Relazzjoni Transatlantika ħolqot sett ta' arranġamenti istituzzjonali inklużi gvernijiet kif ukoll leġislaturi u networks tas-soċjetà ċivili. Is-soċjetà ċivili tieħu sehem fi Djalogi Transatlantiċi differenti li jidhru li mhumiex attivi bl-istess mod:

4.3.1

Id-Djalogu Transatlantiku dwar in-Negozju (TABD) kien l-ewwel u għal żmien l-aktar djalogu attiv. Madankollu kien hemm xi dubji dwar kemm kien effettiv u dwar l-implimentazzjoni tar-riżultati. Dan reġa' ingħata l-ħajja matul is-summit UE-Stati Uniti ta' l-2003. Iż-żewġ ko-presidenti l-ġodda reċentement iddikjaraw li raw il-bżonn li jergġu jqajjmu t-TABD biex jgħin fil-ħolqien ta' suq transatlantiku mingħajr ostakli u biex jistimula l-koperazzjoni trasatlantika.

4.3.2

Id-Djalogu Transatlantiku dwar ix-Xogħol (TALD) seħħ primarjament fi ħdan konfederazzjoni ta' trade unions eżistenti. B'mod li jagħti kontribut sħiħ għad-Djalogu Transatlantiku u jiżviluppa d-dimensjoni soċjali tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti, it-TALD għandu bżonn jiġi msaħħaħ. Matul l-2001-2003, proġett konġunt dwar “Titjib tad-djalogu transatlantiku – id-dinja tax-xogħol” ġabar flimkien rappreżentanti ta' l-unions minn kumpaniji multinazzjonali permezz ta' serji ta' workshops ta' taħriġ.

4.3.3

Fuq perjodu ta' sitt snin, id-Djalogu Transatlantiku dwar il-Konsumatur (TACD) żviluppa fl-aktar djalogu attiv. Dan jiddiskuti t-tħassib fost iż-żewġ naħat dwar l-OĠM, posta elettronika mhux soliċitata (spam), drittijiet ta' l-awtur diġitali, kif ukoll temi li għandhom effett fuq il-konsumaturi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan jgħaqqad flimkien lil rappreżentanti tal-konsumaturi mill-UE u l-Istati Uniti u jirrapreżenta ż-żewġ perspettivi liż-żewġ amministrazzjonijiet.

4.3.4

Id-Djalogu Transatlantiku Ambjentali (TAED) dam inqas minn sentejn minħabba diffikultajiet ta' finanzjament, iżda hu element kruċjali fir-rispett tat-temi ambjentali involuti.

4.3.5

Kooperazjoni istituzzjonalizzata eżistenti bejn iż-żewġ parlamenti żviluppat biex saret id-Djalogu Transatlantiku tal-Leġislaturi, li issa jorganizza vidjo-konferenzi u laqgħat bi-annwali.

4.3.6

Id-djaolgu transatlantiku informali bejn il-bdiewa għandu jissaħaħ u jkun integrat fid-djalogi u networks transatlantiċi, u jinkludi temi bħall-OĠM, ormoni u b'mod partikolari, il-mudell Ewropew ta' l-agrikoltura.

4.3.7

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nidiet żewġ inizjattivi minn nies għan-nies fil-qasam ta' l-edukazzjoni u l-policy-making, bl-involviment ta' ċentri ta' l-UE f'Universitajiet Amerikani kif ukoll think tanks, istituzzjonijiet akkademiċi u networks fil-livell lokali.

4.3.8

Barra minn dawn, hemm djalogi informali oħrajn.

4.4

Il-KESE, ibbażat fuq ir-rwol konsultattiv tiegħu fl-Ewropew u l-attivitajiet ta' koperazzjoni tiegħu ma' imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili madwar id-dinja, jista' jkun jinsab f'qagħda tajba biex iservi bħala forum biex jippromwovi d-djalogu u jwassal flimkien lill-partijiet relevanti.

5.   Proposti – rakkomandazzjonijiet

5.1

Bi qbil mal-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill Ewropew, li għandha l-għan li tassigura relazzjoni transatlantika politika u kummerċjali solida u produttiva, il-KESE jappoġġa bis-sħiħ il-koperazzjoni transatlantika u jirrakomanda li din għandha tissaħħaħ u titwessa' kemm f'termini ta' involvement ta' l-akbar firxa possibbli ta' interessi u atturi kif ukoll mil-lat ta' żvilupp u twessiegħ tal-metodu applikat b'mod li jkunu inklużi temi relevanti għad-djalogi u l-kostitweni rispettivi tagħhom fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku.

5.2

Il-KESE jappoġġa bis-sħiħ l-involviment kostruttiv tal-komunitajiet ta' interess relevanti mis-soċjetà ċivili Amerikana u Ewropea. L-Istruttura tad-Djalogu, stabbilita bi ftehim fis-Snin Disgħin hu strument utli li jista' u għandu jkun żviluppat b'mod ulterjuri biex jinkludi firxa aktar wiesa' ta' networks tas-soċjetà ċivili.

5.2.1

Biex dawn id-djalogi u networks jaħdmu b'mod aktar effettiv, se jkun hemm bżonn li wieħed jibni fuq l-interessi u aspirazzjonijiet rispettivi tagħhom u fuq suġġetti ewlenin ta' interess komuni għall-imsieħba konċernati. Jista' jkun utli li jsir dibattitu profond fuq ir-rwol u l-missjoni tagħhom kif ukoll fuq kif tista' titjieb l-effettività tagħhom. Dan jinkludi l-iżvilupp ta' ftehim komuni ma' gvernijiet u parlamenti, li huma msieħba politiċi importanti ta' dawn id-djalogi.

5.2.2

Mill-esperjenza tal-passat, dawn id-djalogi u networks, għandhom ikollhom aċċess ugwali għall-gvernijiet u uffiċjali ta' l-ogħla livell, għaliex dan jagħmel it-tħaddim tagħhom aktar attraenti għall-gruppi ta' interess rispettivi tagħhom. It-tisħiħ tagħhom jeħtieġ ukoll li r-riżultati tal-konsiderazzjonijiet tagħhom ikunu ikkunsidrati aħjar fid-deċiżjonijiet politiċi.

5.2.3

Li żżomm id-djalogi u n-networks għaddejjin u li ssaħħaħom jeħtieġ impenn u finanzjament inklużi l-ispejjeż ewlenin. F'dan il-kuntest il-KESE jisħaq li l-fondi għandhom jinkludu appoġġ għal laqgħat, li jistgħu jkunu meħtieġa biex jinstabu punti komuni u għall-iżvilupp ta' proġetti komuni.

5.2.4

Fuq medda ta' żmien, il-KESE hu lest li jagħti kontribut għal żieda fl-informazzjoni u l-interazzjoni bejn dawn id-djalogi u networks li jistgħu jwasslu għal koperazzjoni regolari u kontinwa. It-twaqqif tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Translatlantiku u/jew Amerikan għandu jkun ikkunsidrat ukoll.

5.3

L-oqsma li jridu jiġu kkunsidrati għandhom jibnu fuq l-interessi, aspirazzjonijiet u tħassib rispettiv tad-djalogi u n-networks u l-kostitwenzi tagħhom. Id-Djalogi diġà ddeċidew dwar jew issuġġerew temi li jixtiequ jiddiskutu u stipulaw l-għanijiet li jixtiequ jilħqu.

5.3.1

It-TABD reċentement ġedded id-dedikazzjoni tiegħu lejn ir-relazzjoni transatlantika u favur il-koperazzjoni ekonomika u l-iżvilupp. It-TABD impenja ruħu biex isegwi aġenda ewlenija kif indikata mill-membri tiegħu. Dan jixtieq li b'mod proattiv jidentifika l-isfidi tal-ġejjieni u jagħti sehem konkret fl-ogħla livell lill-aġenda leġislattiva u politika ta' l-UE u l-Istati Uniti billi jiżviluppa rakkomandazzjonijiet ewlenin lill-amministrazzjoni Amerikana u lill-Kummissjoni Ewropea. Dan għandu l-għan li joħroġ b'soluzzjonijiet għall-problemi transatlantiċi fil-qasam ta' l-ekonomija, kummerċ u investiment u biex jirrakomanda oqsma għall-azzjoni konġunta mill-gvernijiet fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku. Erba' oqsma prioritarji kienu identifikati riċentement: il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u n-negozjati ta' Doha, drittijiet ta' proprjetà intelletwali, standards internazzjonali fl-accounting u temi ta' sigurtà u kummerċ. L-għan tiegħu hu li “jgħin fit-twaqqif ta' suq transatlantiku mingħajr ostakli li se jservi ta' punt ta' riferiment għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ globali u l-prosperità u biex jistimula l-innovazzjoni, l-investiment u t-tkabbir ekonomiku u biex jinħolqu impjiegi ġodda”. It-TABD għandu l-għan ukoll li josserva l-progress tal-gvernijiet fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. (39).

5.3.2

Għat-TALD, it-trade unions jagħtu importanza lin-natura vitali tar-relazzjoni transatlantika u jikkunsidraw metodi ta' kif din tista' tkun imkabbra u mwessa'. Għal snin twal, it-trade unions żviluppaw ir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom u jixtiequ jaraw d-Djalogu Transatlantiku dwar ix-Xogħol jiġi estiż. Hemm diversi suġġetti li jistgħu jiġu diskussi fl-oqsma tad-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u tax-xogħol. Il-fatt li ħaddiema jintbagħtu jaħdmu postijiet oħra, li jseħħ fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku jista' jkun suġġett għal skambju ta' x'inhu l-aħjar li jista' jsir. Wara il-fallimenti ta' kumpaniji kbar, jinħtieġ titjib fis-sistema ta' tmexxija ta' kumpaniji kbar (corporate governance), biex titjib l-akkontabilità tagħhom u l-vuċi tal-ħaddiema hi tema oħra. Analiżi tal-ħarsien soċjali, kura tas-saħħa, edukazzjoni u taħriġ dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, sistemi tal-pensjoni, relazzjonijiet industrijali aktar wiesa' li jinkludu qafas ta' ftehim u żvilupp ta' għajnuna fil-qasam ta' l-istandards internazzjonali ewlenin fil-qasam tax-xogħol huma suġġetti relevanti oħra għad-djalogu. (40).

5.3.3

It-TACD jiżviluppa rakkomandazzjonijiet konġunti dwar il-politika dwar il-konsumatur lill-gvern Amerikan u lill-Unjoni Ewropea biex jippromwovi l-interessi tal-konsumatur fil-formazzjoni tal-policies fl-UE u fl-Istati Uniti. 45 organizzazzjoni mill-UE u 20 mill-Istati Uniti jieħdu sehem f'diversi gruppi tax-xogħol, dwar temi marbuta ma' l-ikel, kummerċ elettroniku, kummerċ, temi ekonomiċi u proprjetà intelletwali u dawn jiżviluppaw u jipproduċu pożizzjonijiet komuni għat-TACD. Il-prioritajiet tiegħu għall-azzjoni tal-gvern 2003-2004 jinkludu r-Regoli Globali dwar il-Proprjetà Intelletwali dwar l-Aċċess għall-Mediċini, Organiżmi Ġenetikament Modifikati, Tikketta Nutrizzjonali, Posta Elettronika mhux Soliċitata (spam), frodi minn fuq l-Internet u indenizz lill-konsumatur, Tikketti tal-Prodotti u Regoli Kummerċjali, Trasparenza u Twissija minn kmieni (41).

5.3.4

Id-Djalogu Transatlantiku Ambjentali sfortunatament ikkollassa iżda meta nqisu l-importanza ta' żviluppi bħat-tisħin globali, attivitajiet tan-networks tas-soċjetà ċivili transatlantika f'dan il-qasam għandhom għalhekk ikunu mħeġġa.

5.4

Il-KESE jista' jkun f'pożizzjoni ideali biex jagħti lid-djalogi transatlantiċi u lin-networks vuċi aktar b'saħħitha u biex itejjeb l-interazzjoni tagħhom.

5.4.1

Il-KESE f'dan il-kuntest joffri li jorganizza konferenza flimkien ma' l-atturi relevanti. L-iskop ta' din il-konferenza jkun li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' networks tas-soċjetà ċivili dwar temi ambjentali, biex ikun żviluppat ftehim komuni dwar l-importanza tad-djalogu fuq livell mhux governattiv, it-temi li għandhom jiġu diskussi u liema huma l-aħjar metodi biex jinkisbu l-għanijiet u strateġiji rispettivi u biex jiġu skambjati opinjonijiet u ħidma flimkien.

5.4.2

Fit-tħejjija għall-konferenza, il-KESE se jagħmel kuntatt ma' l-atturi u l-istituzzjonijiet relevanti tas-soċjetà ċivili b'mod li jidentifika il-partijiet relevanti tas-soċjetà ċivili li għandhom ikunu rappreżentati fil-konferenza, biex jara x'inhuma l-interessi u t-tħassib tagħhom kif ukoll liema suġġetti jixtiequ jiddiskutu biex jibnu l-possibilità ta'

5.4.3

Il-benefiċċju ta' tisħiħ fid-djalogu jkun jikkonsisti fl-attivazzjoni tas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat ta' l-Atlantiku, il-ħolqien ta' networks effettivi, l-opportunità ta' skambju ta' ideat fi ħdan u bejn in-networks transatlantiċi tas-soċjetà ċivili inklużi d-Djalogi, jipprovdi aċċess fil-livelli għoljin tal-Gvern, jgħin jifforma relazzjonijiet professjonali bejn dawn in-networks u d-djalogi u l-gvern/amministrazzjoni. Dan għalhekk se jsaħħaħ u jtejjeb l-istrutturi istituzzjonali li hu fl-interess fuq medda twila ta' żmien mhux biss għall-UE u l-Istati Uniti iżda wkoll għal bqija tad-dinja.

Brussel, 3 ta' Ġunju 2004

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  Dikjarazzjoni Transatlantika (1990), New Transatlantic Agenda (NTA) u Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Stati Uniti (1995), Transatlantic Economic Partnership and New Transatlantic Marketplace (1998)

(2)  Cf. Christopher J. Makins (President tal-Kunsill Atlantiku ta' l-Istati Uniti): Renewing the Transatlantic Partnership: Why and How?, Dikjarazzjoni mħejjija mis-Sottokumitat dwar l-Ewropa tal-Kumitat Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Kamra tad-Deputati, 11 ta' Ġunju, 2003.

(3)  Ara: Transatlantic Trends 2003, stħarriġ tal-Fond Marshall Ġermaniż ta' l-Istati Uniti u ċ-Ċentru ta' Riċerka Pew: Public more internationalist than in 1990s; Stampat 12 ta' Diċembru 2002; http://people-press.org/reports/print.php3?PageID=656

(4)  Transatlantic Trends 2003

(5)  Christopher J. Makins (President tal-Kunsill Atlantiku ta' l-Istati Uniti): Renewing the Transatlantic Partnership: Why and How?, Dikjarazzjoni mħejjija mis-Sottokumitat dwar l-Ewropa tal-Kumitat Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Kamra tad-Deputati, 11 ta' Ġunju, 2003.

(6)  Transatlantic Trends 2003

(7)  Ċentru ta' Riċerka Pew: Public more internationalist than in 1990s; Stampat 12 ta' Diċembru 2002; http://people-press.org/reports/print.php3?PageID=656

(8)  Joseph Nye Jr: Propaganda isn't the Way: Soft Power, The International Herald Tribune, 10 ta' Jannar 2003; www.ksg.harvard.edu/news/opeds/2003/nye_soft_power_iht_011003.htm

(9)  Robert Kagan: Of Paradise and Power : America and Europe in the New World Order, Knopf 2003

(10)  Transatlantic Trends 2003

(11)  Transatlantic Trends 2003

(12)  Transatlantic Trends 2003

(13)  Ċentru ta' Riċerka Pew: Economy, Education, Social Security Dominate Public's Policy agenda, Stampat: 6 ta' Settembru 2001, www.people-press.org/reports/print.php3?PageID=33

(14)  Ċentru ta' Riċerka Pew: The 2004 Political Landscape, Page 39ff; Kategoriji jinkludu: jaqblu kompletament u jaqblu fi-parti l-kbira, www.people-press.org

(15)  Stħarriġ ta' ABC skond Süddeutsche Zeitung, 19.8.2003.

(16)  KESE: Tiġdid tar-relazzjoni u d-djalogu transatlantiku (Re-invigorating the transatlantic partnership and dialogue) (KES 719/2001)

(17)  Joseph P. Quinlan: Drifting apart or Growing together? the Primacy of the Transatlantic Economy. Washington, DC, Ċentru għar-Relazzjonijiet Transatlantiċi, 2003

(18)  Kummissjoni Ewropeea: General Overview of Active WTO Dispute Settlement Cases involving the EC as complainant or defendant. http://europa.eu.int/comm/trade/issues/newround/index_en.htm

(19)  Joseph P. Quinlan: Drifting apart or Growing together? the Primacy of the Transatlantic Economy. Washington, DC, Ċentru għar-Relazzjonijiet Translatlantiċi, 2003

(20)  Philippe Legrain: Europe's mighty Economy, http://www.philippelegrain.com/Articles/europe' smightyec.html

(21)  Forum Ekonomiku Dinji: Rapport dwar il-Kompettitività Globali Report 2003 – 2004; http://www.weforum.org

(22)  ILO: A fair Globalisation: Creating opportunities for all, Geneva, 24 ta' Frar, 2004

(23)  KESE: Opinjonijiet KESE 156/2002 u ĠU C 32 tal-5/02/2004

(24)  ILO: A fair Globalisation: Creating opportunities for all, Geneva, 24 ta' Frar, 2004

(25)  UNHDR 2003, skond Süddeutsche Zeitung, 9.7.2003

(26)  Dipartiment tat-Teżor Amerikan: 2002 Rapport lill-Kungress dwar Temi marbuta max-Xogħol u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, 31 ta' Marzu 2003

(27)  FMI – (Fond Monetarju Internazzjonali) World Economic Outlook, April 2003, Kapitolu IV: Unemployment and labour market institutions: why reforms pay off'.

(28)  Preparing America to Compete Globally: A Forum on Offshoring, Brookings Institution, 3 ta' Marzu, 2004; www.brook.edu/comm/op-ed/20040303offshoring.htm

(29)  Ċentru ta' Riċerka Pew 2004 political landscape

(30)  Il-kontribuzzjoni tas-soċjetà ċivili għax-xogħol ta' l-ODK, 8 ta' Lulju 2004, KESE, Brussel

(31)  L-Istrateġija ta' Lisbona u l-Iżvilupp Sostenibbli, ĠU C95 tat-23/04/2003; Lejn partnership globali favur żvilupp sostenibbli, 30 ta' Mejju 2002, ĠU C 221 tas- 17/09/2002.

(32)  Christopher J. Makins (President tal-Kunsill Atlantiku ta' l-Istati Uniti): Renewing the Transatlantic Partnership: Why and How?, Dikjarazzjoni mħejjija mis-Sottokumitat dwar l-Ewropa tal-Kumitat Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Kamra tad-Deputati, 11 ta' Ġunju, 2003.

(33)  Sistema ta' Tmexxija Multilaterali tfisser teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan sett ta' Istituzzjonijiet Internazzjonali bħall-Ġnus Maqgħuda, l-ODK, il-FMI, il-Bank Dinji, l-ILO, l-OECD, eċċ.

(34)  Kunsill Ewropew – Konklużjonijiet tal-Presidenza ....

(35)  Transatlantic Policy Network: A Strategy to strengthen Transatlantic Partnership, Washington-Brussel – 4 ta' Diċembru 2003

(36)  Cf. The Transatlantic Market: a leitmotiv for economic cooperation, Erika Mann, MPE, Novembru 2003.

(37)  Sarah Anderson, John Cavanagh: Lessons of European Integration for the Americas, Istitut għall-Istudji Politiċi, Washington, Frar 2004.

(38)  KESE: Konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tat-tkabbir fil-pajjiżi kandidati, ĠU C85 tat- 8/04/2003

(39)  Kummenti u dokumenti tat-TABD, imqassma f'laqgħa tal-grupp ta' studju, f' Dublin, 24 ta' Marzu, 2004.

(40)  Messaġġ tat-Trade Union lil-laqgħa tal-grupp ta' studju, Dublin 24 ta' Marzu 2004.

(41)  TACD Website: www.tacd.org