52004DC0698

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - Il-prevenzjoni, it-tħejjija u t-tweġiba għall-attakki terroristiċi /* KUMM/2004/0698 finali */


Brussel 20.10.2004

KUMM(2004) 698 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

Il-prevenzjoni, it-tħejjija u t-tweġiba għall-attakki terroristiċi

WERREJ

1. DAĦLA 3

2. IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-ĠLIEDA KONTRA T-TERRORIŻMU 3

2.1. Id-difiża tad-drittijiet fondamentali kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti 4

2.2. Djalogu Pubbliku-Privat dwar is-Sigurtà 4

2.3. Il-vittmi tat-terroriżmu 4

2.4. Il-11 ta’ Marzu jum ta’ dibattitu ċiviku u demokratiku dwar kif jinkiseb il-ħelsien 5

3. STRATEĠIJA INTEGRATA GĦALL-PREVENZJONI, IT-TĦEJJIJA U T-TWEĠIBA GĦALL-ATTAKKI TERRORISTIĊI FL-ISFERA TAL-KOMUNITÀ 5

3.1. L-istrateġiji politiċi tal-Komunità fil-ġlieda kontra t-terroriżmu 5

3.2. Il-kooperazzjoni esterna 6

3.3. L-integrazzjoni tas-sistema Ewropea mas-sistemi nazzjonali 7

3.4. L-Awtoritajiet f’komunikazzjoni mal-pubbliku 7

3.5. Kuntatt mal-komunità li tinforza l-liġi 8

3.6. Il-prijorità tar-riċerka fis-sigurtà 8

3.7. Ir-rwol tas-settur privat 9

3.8. L-Isplużivi 9

1. DAĦLA

WARA L-GħAJB TERRORISTIKU LI LAQGħAT LILL-MADRID U L-UNJONI EWROPEA KOLLHA FIL-11 TA ’ Marzu, il-Kunsill Ewropew wasal għal ftehim[1] dwar sett ta’ għanjiet strateġiċi li, minn dak iż-żmien s’issa, urew it-triq fil-ġlieda ta’ l-Unjoni kontra t-terroriżmu.

Fil-laqgħa li kellu tat-18 ta’ Ġunju 2004[2] il-Kunsill Ewropew approva r-reviżjoni tal- Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE fit-Taqbida kontra t-Terroriżmu. Il-prevenzjoni effettiva, it-tħejjija u t-tweġiba ta’ l-Unjoni għall-attakki terroristiċi huma miri globali li jidhru f’ħafna miżuri b’medda wiesa’ u azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni, li lejh il-Kummissjoni għamlet kontribuzzjoni deċiżiva[3]. F’din il-laqgħa, il-Kunsill Ewropew identifika numru ta’ problemi prijoritarji li għandhom jiġu eżaminati qabel l-aħħar ta’ l-2004: il-prevenzjoni u l-immaneġġjar tal-konsegwenzi ta’ l-attakki terroristiċi, il-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

Din il-Komunikazzjoni, u t-tliet Komunikazzjonijiet individwali adottati fl-istess ħin mill-Kummissjoni[4] fuq kull wieħed mill-oqsma msemmija, jwieġbu għal dawn it-talbiet tal-Kunsill Ewropew u għandhom l-għan li jikkontribwixxu fit-tħejjija, flimkien mal-Kunsill, tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2004.

2. IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-ĠLIEDA KONTRA T-TERRORIŻMU

Id-drittijiet għall-ħajja, il-ħelsien u s-sigurtà[5] huma fost l-aktar egħżież mid-drittijiet umani – jekk mhux l-aktar importanti[6]. It-terroriżmu huwa theddida għalihom kollha. Il-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet huwa fondamentali u fid-demokraziji tagħna jeħtieġ s-sehem ta’ l-atturi soċjali kollha. Għalhekk, mhux biżżejjed li l-istrateġiji politiċi Ewropej ikunu integrati, jeħtieġ li jkunu wkoll inklużivi. Għandhom jinvolvu l-parlamenti, l-aġenti ekonomiċi, l-għaqdiet tas-soċjetajiet ċivili u ċ-ċittadini kollha Ewropej.

Il-ħarsien tal-ħajja, is-sigurtà u l-ħelsien jitlob, fi żminijietna, għal soluzzjonijiet, mezzi u strateġiji ġodda. Jekk wieħed irid iċaħħad lit-terroristi milli-jużaw il-ħelsien kontra l-ħelsien innifsu, jeħtieġ is-sehem tas-soċjetà kollha fid-definizzjoni u l-iżvilupp ta’ għodda u kontrolli ġodda: l-aktar għodda effettiva meħtieġa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu globali u l-kontrolli ġodda effettivi meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ bejn is-sigurtà kollettiva u l-ħelsien ta’ l-individwu. L-għanjiet tas-sigurtà għandhom madankollu jibqgħu kompatibbli mal-prinċipji tal-libertajiet fondamentali; u mar-regoli internazzjonali ta’ l-impriża ħielsa u l-iskambji kummerċjali; il-konfidenzjalità ta’ l-informazzjoni kummerċjali u dik dwar l-individwu miġbura għal raġunijiet ta’ servizzi ta’ sigurtà għandha assolutament tkun garantita fl-UE u anki mis-soċji kummerċjali tagħna.

2.1. Id-difiża tad-drittijiet fondamentali kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti

L-oppożizzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti fi ħdan is-socjetajiet tagħna u l-isfrattu tal-kondizzjonijiet li jippermettu l-ingaġġ tat-terroristi għandhom ikunu prijoritajiet fondamentali fi strateġija ta’ prevenzjoni kontra t-terroriżmu. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tikkontribwixxi fix-xogħol li l-Kunsill f’dan ir-rigward ser jagħmel fl-2005 billi fost l-oħrjan tibbaża fuq il-kompetenza taċ-ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija, l-esperti u r-riċerkaturi. L-għan tagħha ser ikun, minn naħa, li tidentifika fejn il-politika u l-istrumenti Ewropej jistgħu jkollhom rwol preventiv kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti u, min-naħa l-oħra, li teżamina kif tista’ tħares bl-aħjar mod id-drittijiet u l-libertajiet fondamentali mnaqqxa fit-Trattat Kostituzzjonali Ewropew minn dawk – huma min huma – li jitħajru jippruvaw jattakkawhom permezz tal-vjolenza u t-terrur.

2.2. Djalogu Pubbliku-Privat dwar is-Sigurtà

Minħabba r-rwol importanti tas-settur privat fil-prevenzjoni, it-tħejjija u t-tweġiba għall-attakki terroristiċi, kif deher f’kull wieħed mit-tliet kontribuzzjonijiet l-oħra fit-tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni tqis li hu meħtieġ li tidħol fi “Djalogu ta’ Sigurtà Pubbliku-Privat” mar-rappreżentanti tal-federazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u tas-settur u ta’ għaqdiet oħra rappreżentattivi. Dan għandu jkun bbażat fuq ix-xogħol li sar f’dan il-qasam u fuq sħubijiet li jeżistu diġa, l-aktar f’dak li jirrigwarda t-twaqqif ta’ Sħubijiet Pubbliċi-Privati ta’ kontra l-kriminalità organizzata. M’għandux iwassal għall-ħolqien ta’ strutturi ġodda, iżda għandu aktar ikun opportunità biex iż-żewġ naħat jidħlu fi djalogu produttiv dwar kif jista’ jinstab bilanċ bejn il-ħtigijiet ta’ sigurtà ta’ l-Ewropa u l-ħtieġa li ma tfixkelx iċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti u servizzi ma’ l-Ewropa kollha, fil-waqt li tirrispetta l-konfidenzjalità tad- data individwali u kummerċjali miġbura għal għanijiet ta’ sigurtà u żżomm l-impatt fuq l-impriżi u l-industriji marbuta ma’ dawn il-miżuri proposti fi proporzjon mat-tnaqqis fir-riskji ta’ sigurtà.

2.3. Il-vittmi tat-terroriżmu

L-appoġġ għall-vittmi u l-familji tagħhom kif ukoll kull kontribuzzjoni fi sforz ta’ riabilitazzjoni għandhom ikunu parti integranti mit-tweġiba għall-attakki terroristiċi f’soċjetà b’rabtiet ta’ solidarjetà. Fil-25 ta’ Marzu, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni “ tiżgura b’mod urġenti li l-allokazzjoni ta’ fondi disponibbli fil-baġit ta’ l-2004 tkun għall-appoġġ tal-vittmi tat-terroriżmu.”

Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda taħdem fuq bosta aspetti differenti ta’ din it-tweġiba u qed timplimenta proġett bdot li dwaru ntlaħaq ftehim fil-parlament biex tappoġġja l-iffinanzjar ta’ proġetti maħsuba biex jgħinu lill-vittmi jirkupraw malajr u biex tqajjem għarfien fost il-pubbliku kontra t-theddida tat-terroriżmu.

Barra minn hekk, għandu jitwaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu l-piż ekonomiku ta’ xi ġrajja li ġġib magħha danni estremi, bħal per eżempju l-attakki kontra l-World Trade Centre ta’ New York, jinqasam fost l-Unjoni Ewropea kollha. Bit-tħaddim ta’ din is-solidarjetà, kull Stat Membru ser isibha eħfef li jlaħħaq mal-konsegwenzi ta’ xi attakk ta’ dan id-daqs. Il-Kummissjoni qed tagħmel studju dwar l-għażliet differenti għal mekkaniżmu bħal dan bil-ħsieb ta’ xi proposta possibbli f’nofs l-2005.

2.4. Il-11 ta ’ Marzu jum ta’ dibattitu ċiviku u demokratiku dwar kif jinkiseb il-ħelsien

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tikkontribwixxi fit-tifkira tal-memorja tal-vittmi ta’ l-għajb tal-11 ta’ Marzu 2004, permezz taċ-ċerimonji li ser iseħħu fl-1 jum Ewropew tal-vittmi tat-terroriżmu, fil-11 ta’ Marzu 2005. Il-Kummissjoni tqis li l-aħjar mod li bih tista’ tagħti l-kontribut tagħha f’dan huwa li tgħin li tagħmel minn dan il-jum, jum ta’ dibattitu ċiviku u demokratiku dwar kif jinkiseb il-ħelsien. Fil-ġranet ta’ wara l-11 ta’ Marzu miljuni ta’ ċittadini Ewropej fl-istati membri kollha u bi ħġarhom urew solidarjetà, impenn, kuraġġ u fiduċja fl-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej. L-Unjoni għandha tonora din il-maturità demokratika u tikkontribwixxi f’dibattitu infurmat dwar il-bilanċ delikat li għandu jinstab jekk l-Ewropa trid tikkunsidra l-ogħla livell ta’ sigurtà pubblika ndaqs bħall-ħarsien l-aktar strett tal-libertà u l-garanziji li jikkaratterizzaw l-Ewropa. Il-Kummissjoni hija disposta tikkontribwixxi, bil-kooperazzjoni tal-Kunsill, fil-produzzjoni ta’ Rapport Kommemorattiv li għandu jiġi indirizzat lill-parlamenti Ewropej, Nazzjonali u parlamenti oħrajn kif ukoll liċ-ċittadini Ewropej kollha u li jiddeskrivi l-miżuri meħuda mill-Ewropa bejn il-11 ta’ Marzu 2004 u l-11 ta’ Marzu 2005 u l-qagħda rispettiva ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew kif ukoll l-isfidi prinċipali li jinsabu quddiemna. Rapport bħal dan, tifkira tal-vittmi tat-terroriżmu, jista’ jkollu bħala daħla, messaġġ mill-Kunsill Ewropew.

3. STRATEĠIJA INTEGRATA GĦALL-PREVENZJONI, IT-TĦEJJIJA U T-TWEĠIBA GĦALL-ATTAKKI TERRORISTIĊI FL-ISFERA TAL-KOMUNITÀ

3.1. L-istrateġiji politiċi tal-Komunità fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

Fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2004, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza ta’ strateġija integrata fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u wera l-importanza ta’ l-użu tal-medda wiesa’ ta’ għodda ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni taqbel bis-sħiħ ma’ din il-fehma li għaliha wkoll isservi bħala gwida.

It-Trattat Kostituzzjonali abbozz jabolixxi t-tielet pilastru u, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet, jintegra l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fi ħdan l-istrateġiji l-oħra tal-politika ta’ l-Unjoni. Il-Kummissjoni kisbet esperjenza konsiderevoli fl-ewwel pilastru f’dawk l-oqsma li dwarhom il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju tagħlab l-kontribuzzjoni tagħha. Dan iwitti t-triq għal anqas problemi istituzzjonali f’dawk l-oqsma fejn il-Kummissjoni, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat, ser ikollha r-rwol tradizzjonali ta’ tħejjija u attwazzjoni. Il-Kummissjoni tqies li l-konsistenza u l-effikaċja fit-taqbida kontra t-terroriżmu tista’ tinkiseb biss permezz ta’ integrazzjoni aħjar tal-kooperazzjoni tal-pulizija ma’ dik ġudizjarja fil-politika globali tagħna.

Kull waħda mit-tliet Komunikazzjonijiet li jiffurmaw parti mill-kontribuzzjoni attwali, teżamina l-modi li bihom il-Kummissjoni, bl-għodda li għandha bħalissa u, f’xi każijiet, attrezzata b’għodda ġdida, tista’ ttejjeb il-prevenzjoni, it-tħejjija u t-tweġiba Ewropea għall-attakki terroristiċi, rispettivament fir-rigward tal-finanzjament tat-terroriżmu, il-prevenzjoni u l-immaneġġjar tal-konsegwenzi tat-terroriżmu u l-protezzjoni ta’ l-infrastruttura kritika fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Jenfasizzaw ukoll l-importanza ta’ bosta ħtiġijiet ġenerali li jibbażaw fuq ħafna strumenti u mezzi li jinstabu tul medda wiesa’ ħafna ta’ strateġiji politiċi tal-Komunità.

L-azzjonijiet li ġejjin juru l-integrazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ sigurtà f’bosta strateġiji politiċi tal-komunità bil-ħsieb li jkun hemm prevenzjoni, tħejjija u tweġiba għall-attakki terroristiċi. Din mhix lista eżawrjenti ta’ l-oqsma kollha ta’ politika li fihom il-Kummissjoni bħalissa qed tikkontribwixxi direttament fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-Unjoni fit-Taqbida kontra t-Terroriżmu. Lista bħal din, u dik ta’ oqsma oħra ta’ politika li fihom il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-prijoritajiet strateġiċi stabbiliti mill-kunsill Ewropew fil-25 ta’ Marzu, ser tkun tinkludi oqsma daqstant differenti bħat-trasport, l-enerġija u l-ispazju.

3.2. Il-kooperazzjoni esterna

Il-Kunsill Ewropew enfasizza fil-laqgħa tiegħu tat-18 ta’ Ġunju “il-ħtieġa li jiżgura li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun integrata b’mod sħiħ fil-politika tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE u jitlob li jiġu ppreżentati proposti konkreti fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru dwar kif dan jista’ jinkiseb bl-aktar mod effettiv.”

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem f’kollaborazzjoni mal-Kunsill għall-Kunsill Ewropew dwar kif tinkorpora l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-bosta elementi tal-politika tar-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE. Bħala l-ewwel kontribut, is-servizzi tal-Kummissjoni pproduċew Dokument Informali, “L-Istrateġija tal-Kummissjoni f’Assistenza Teknika fit-Taqbida kontra t-Terroriżmu” ( “The Commission’s Counter-Terrorism Technical Assistance Strategy” ).

Dan id-dokument jistabbilixxi l-bażi loġika tal-politika strateġika għall-iżvilupp tal-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni fl-istrateġija globali ta’ l-UE fil-provvista ta’ assistenza kontra t-terroriżmu lill-pajjiżi u r-reġjunijiet terzi Din l-istrateġija hija bbażata fuq il-ġustifikazzjoni li ġejja: l-assistenza tal-KE għandha tinbena fuq il-kooperazzjoni u l-assistenza eżistenti, u tkun karatterizzata minn strateġija ta’ kollaborazzjoni mal-pajjiżi benefiċjarji; għandha tiffoka fuq oqsma ta’ vantaġġ komparattiv għall-KE – ġeografikament, b’enfasi partikolari fuq il-viċinanzi Ewropej aktar Wiesa’ u – tematikament, billi tipprovdi l-issodar ta’ istituzzjonijiet fuq medda itwal ta’ żmien biex jiġu żgurati riżultati aktar fit-tul, li jkopru oqsma ta’ prijorità UNSCR 1373 bħall-kooperazzjoni ġudizjarja u mal-pulizija, il-liġi u l-prassi finanzjarja, u l-immaneġġjar tal-fruntiera.

Il-Kummissjoni ser tiżviluppa aktar l-aspetti kollha ta’ sigurtà fit-trasport u l-enerġija fil-kuntest tat-taqbida kontra t-terroriżmu inkluż l-ipprogrammar ta’ assistenza esterna u bil-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi. Il-livell ta’ sigurtà f’termini ta’ infrastruttura u proċeduri fil-pajjiżi ġirien ta’ l-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha relazzjonijiet kummerċjali intensivi jeħtieġ li jkun kemm jista’ jkun għoli. Jkun xi jkun il-każ, dan għandu jkun konformi ma’ l-istandards stabbiliti internazzjonalment.

Sabiex jiġi evitat screening jew iċċekkjar doppju ta’ l-importazzjonijiet jew prodotti jew persuni mal-wasla tagħhom jew meta jkunu in transitu, għandu jsir abbozz u jintlaħaq ftehim minn naħa tal-Kummissjoni ta’ għarfien reċiproku dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri internazzjonali miftehma u għandu jiġu mressaq għall-approvazzjoni ta’ l-Istati Membri. Għandhom isiru regolarment valutazzjonijiet minn nies ta’ l-istess grad ta’ dawn is-sistemi rispettivi.

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tħejji kontributi addizzjonali fuq aspetti oħra ta’ l-istrateġija ta’ l-UE li tintegra l-ġlieda kontra t-terroriżmu fir-relazzjonijiet esterni tagħha, jiġifieri: li tiżviluppa djalogu kulturali mad-dinja ta’ l-Islam; teżamina l-fatturi li huma l-ħtija tat-terroriżmu; u taffronta l-problema tar-rabtiet bejn il-kriminalità internazzjonali organizzata u t-terroriżmu.

Hemm ukoll rabtiet importanti max-xogħol li qed jitħejja bil-kooperazzjoni tal-Kunsill fil-qasam tan-nonproliferazzjoni ta’ l-armi tal-qirda tal-massa inklużi l-miżuri marbuta ma’ prodotti li għandhom użu doppju u l-kontroll ta’ l-esportazzjoni.

Huwa wkoll importanti li wieħed jinnota li dawn il-kwistjonijiet jiffurmaw parti importanti mill-programmi ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali li għandha sehem fihom il-Kummissjoni.

3.3. L-integrazzjoni tas-sistema Ewropea mas-sistemi nazzjonali

Jekk l-Ewropa trid tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha fuq l-ogħla livelli possibbli għandha tibbaża fuq l-aqwa informazzjoni u l-aqwa kompetenza, kull fejn jinstabu.

Il-Kummissjoni żviluppat numru ta’ sistemi rapidi ta’ allarm u sistema ta’ protezzjoni ċivili li tippermetti turija konkreta, koordinata u effettiva ta’ solidarjetà fil-każijiet ta’ emerġenza, inklużi dawk ta’ oriġini terrorista. L-uffiċċju tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jopera 24 siegħa kull jum u 7 ijiem fil-ġimgħa. L-uffiċċju jservi ta’ kuntatt għall-biċċa l-kbira tas-sistemi ta’ allarm. Barra minn hekk, hemm ċentri ta’ direzzjoni u kmamar għall-każijiet ta’ kriżi f’bosta servizzi, li jiġu attivati f’każ ta’ allarm u li huma marbuta ma’ ċentri oħra bħalhom fl-Istati Membri kollha ta’ l-Unjoni. Il-Kummissjoni qiegħda bħalissa tikkonsidra b’mod attiv it-twaqqif ta’ struttura ċentrali li, jekk ikun meħtieġ, tgħaqqad is-sottosistemi kollha u tospita, f’każ ta’ kriżi, timijiet mgħaqqdin li flimkien jiġbru l-informazzjoni u l-kompetenza kollha rilevanti.

Jeħtieġu proċessi analogi ta’ konsolidament u integrazzjoni fuq livell Ewropew u fil-fatt dawn dalwaqt jitwettqu fl-oqsma ta’ kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu – bħal per eżempju l-aċċess f’ħin reali mis-servizzi ta’ l-infurzar tal-liġi u l- intelligence għad- databases ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ klijenti u transazzjonijiet.

Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-katina tal-fornitura, il-Kummissjoni bħalissa għandha proposta quddiem il-Kunsill u l-Parlament li l-mira tagħha hi li jkun hemm sistema aħjar ta’ allarm li tirrigwarda l-iskambju ta’ merkanzija biex tiżgura kontroll aħjar tal-movimenti kollha suspettużi mingħajr ma xxekkel il-kummerċ regolari.

3.4. L-Awtoritajiet f’komunikazzjoni mal-pubbliku

Fil-waqt li l-komunikazzjoni interna bejn l-awtoritajiet hija kritika f’każ ta’ attakk terroristiku jew xi emerġenza simili, tista’ tkun daqstant kritika l-komunikazzjoni mal-pubbliku. Bħal ma wera l- black out fl-Italja, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni xierqa mal-pubbliku jista’ jwassal għall-irvell u anki l-isteriżmu tal-massa. Bl-istess mod, li wieħed jonqos li jagħraf sinjali importanti mill-pubbliku jista’ jwassal għal ċerti disgrazzji li kieku wieħed seta’ jilqgħalhom minn qabel jew itaffihom.

Komunikazzjoni tajba mal-pubbliku teħtieġ sistemi moderni u aġġornati ta’ pproċessar ta’ informazzjoni u proċeduri li jistgħu jiġu adattati għal dan l-ambjent ġdid ta’ theddid. Sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni effettivi jistgħu jkunu ta’ għajnuna fl-iskoperta bikrija ta’ xi ġrajja, l-analiżi fil-pront, u s-sejħa ta’ allarm għall-popolazzjoni fl-oqsma milquta. Huma għalhekk l-istrumenti prinċipali fl-ilqugħ u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ta’ kull theddida jew attakk. Bosta Stati Membri bħalissa qegħdin jippruvaw is-sistemi tagħhom ta’ twissija għall-pubbliku u l-ħila teknika ġdida bħal per eżempju l-ittestjar u t-tqiegħid fil-post li diġa qed isir ta’ xandir bil-GSM.

L-ambjent ġdid ta’ sigurtà globali u l-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla jġibu magħhom sfidi kbar u ġodda għas-sigurtà pubblika u s-servizzi ta’ komunikazzjoni ta’emerġenza. Il-Kummissjoni qed tirsisti biex jitwaqqaf forum għall-utent magħmul minn uffiċjali fil-qasam tas-sigurtà pubblika u s-servizzi ta’ komunikazzjoni ta’ emerġenza. Bis-saħħa ta’ dan il-forum ser ikun hemm djalogu aktar permanenti bejn l-operaturi tas-servizz ta’ emerġenza u l-awtoritajiet dwar is-sistemi ta’ interoperazzjoni għal kif tittratta sitwazzjoni ta’ emerġenza u kunċetti ġodda għas-sistemi u proċeduri pubbliċi ta’ twissija.

3.5. Kuntatt mal-komunità li tinforza l-liġi

Ħtieġa oħra tirrigwarda l-involviment ta’ l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi u l-awtoritajiet tas-sigurtà interna. Fl-oqsma kollha msemmija dawn l-aġenziji jistgħu jkollhom bżonn li jintervjenu. Dan ir-rwol huwa kruċjali fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroristi, ta’ min jirrakkmandah ħafna fit-twettiq ta’ l-assessjar ta’ vulnerabilità u l-elaborazzjoni ta’ l-istandards fil-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika u inevitabbli, anki jekk mhux dejjem bl-istess mod, fit-tweġiba għal kull attakk terroristiku.

Iżda, l-iskambju ta’ twissija ta’ allarm bejn is-sistemi tal-Komunità u l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi u s-sigurtà interna fl-Istati Membri jista’, u għandu, fil-fehma tal-Kummissjoni, jitjieb b’mod sinifikanti. Dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom aċċess għat-twissijiet imxandra mill-bosta sistemi Ewropej u għandhom ikunu f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’xi informazzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-Europol għandu jkollha mekkaniżmu ta’ twissija għall-infurzar tal-liġi (In-Network ta’ l-Infurzar tal-Liġi, the Law Enforcement Network , LEN) u tiżgura l-irbiet tagħha mas-sistemi Ewropej ta’ twissija u tweġiba fil-pront. Il-parteċipazzjoni ta’ l-Europol għandha sseħħ ġewwa l-limiti tal-Konvenzjoni ta’ l-Europol.

Il-Kummissjoni hi wkoll tal-fehma li l-Europol għandha rwol importanti fit-twaqqif tal-Programm Ewropew għall-Protezzjoni ta’ l-Infrastruttura Kritika (EPCIP) li għandha l-għan li tikkonkludi t-tħejjija tiegħu matul l-2005.

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-Europol, il-Eurojust u awtoritajiet kompetenti oħra għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni l-aktar kompleta u aġġornata biex tiżgura ġlieda effettiva kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Huwa importanti li jkun hemm disponibbiltà, fuq il-livelli nazzjonali, dak ta’ l-UE u dak internazzjonali, fl-iskambju ta’ informazzjoni li tirrigwarda reati ta’ terroriżmu, inkluż is-sehem fl-attivitajiet ta’ xi grupp terrorista permezz ta’ kull forma ta’ ffinanzjar.

3.6. Il-prijorità tar-riċerka fis-sigurtà

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li hemm bżonn li l-Unjoni tieħu passi deċiżivi, f’termini kwantitattivi u kwalitattivi, biex issaħħaħ ir-riċerka xjentifika u teknoloġika fil-qasam tas-sigurtà b’mod sinifikattiv.

Kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni ċivili (inkluża s-sigurtà bijoloġika u l-protezzjoni kontra r-riskji minħabba attakki terroristiċi) u mat-treġġija fi żmien ta’ kriżi huma koperti mit-taqsima Appoġġ Xjentifiku għall-Istrateġija Politika tas-6 Programm ta’ Qafas dwar ir-Riċerka. Barra mill-inizjattivi li hemm bħalissa, il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat Komunikazzjoni dwar "Ir-riċerka dwar is-Sigurtà – x’passi jmis", fuq il-bażi ta’ rapport imtella minn Grupp ta’ Personalitajiet fil-Qasam tar-Riċerka dwar is-Siġurtà. Dan ir-rapport jirrakkmanda li ta’ l-inqas għandu jkun hemm fond addizzjonali ta’ biljun € kull sena għal Programm ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà ta’ l-Unjoni Ewropea mill-2007 ‘il quddiem. Il-Kummissjoni ħadet nota tar-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ personalitajiet li r-riċerka tas-sigurtà għandha tingħata livell xieraq ta’ riżorsi. Fil-perspettivi finanzjarji ħasbet f’miżuri ta’ baġit u oħrajn politiċi biex twettaq din ir-rakkomandazzjoni.

Programm ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà ta’ l-Unjoni Ewropea jsaħħaħ b’mod konsiderevoli l-attivitajiet f’ħafna oqsma, li bosta minnhom huma meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika u l-iżvilupp ta’ treġġija aħjar tal-konsegwenzi. Barra minn hekk, l-importanza tas-sigurtà ta’ l-informatika bħala ċ-ċentru tal-Programm IST ser tibqa’ għolja peress li l-iżvilupp ta’ l-“e-economy” jeħtieġ jitjieb b’mod parallell ma’ l-“e-security”.

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li s-settur privat għandu rwol importanti – u għandu jinvesti b’mod konkret – fir-riċerka dwar is-sigurtà. Minn naħa tagħha, l-Unjoni għandha tkun disposta li tappoġġja l-iżvilupp ta’ proġetti komuni ta’ riċerka innovattiva b’mezzi sew privati kemm pubbliċi.

3.7. Ir-rwol tas-settur privat

Ħtieġa oħra ġenerali importanti hija dik ta’ kooperazzjoni effettiva u integrata mas-settur privat. Sew jekk wieħed jikkunsidra l-ħtieġa li jissorvelja l-moviment ta’ flus sew jekk li jsaħħaħ l-elastiċità ta’ l-infrastruttura kritika, l-operaturi privati dejjem ser ikollhom rwol kruċjali. Il-Kummissjoni temmen li jeħtieġ li tinvolvi s-settur privat kemm jista’ jkun kmieni fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda bil-għan li ssaħħaħ is-sigurtà ta’ prodotti u servizzi.

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-parti l-kbira tal-każijiet ser teħtieġ l-innovazzjoni teknoloġika u forom ġodda ta’ sħubija li ser iwasslu għal aktar kompetittività interna u esterna. Il-parteċipazzjoni strutturata tas-settur privat fl-iżvilupp ta’ livelli għoljin, drawwiet professjonali u proċeduri bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-prodotti u s-servizzi għandha tikkontribwixxi, fejn hu possibbli, biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ ħtiġijiet leġislattivi ġodda fuq l-industrija. Il-preservazzjoni u t-tisħiħ ta’ l-integrità tas-suq intern jeħtieġu li dan ix-xogħol isir permezz ta’ kooperazzjoni fuq livell Ewropew.

3.8. L-Isplużivi

Fl-istqarrija li għamel fil-25 ta’ Marzu, il-Kunsill Ewropew għaraf “ li hemm il-ħtieġa li tiżgura lil-għaqdiet u l-gruppi terroristiċi ma jsibux l-istrumenti ta’ l-attività taghħom ”. Enfasizza ukoll il “ ħtieġa li tiżgura sigurtà akbar fl-armi tan-nar, l-isplużivi u t-tagħmir biex isiru l-bombi, u t-teknoloġiji li jikkontribwixxu fil-perpetrazzjoni ta’ l-għajb terrorista .” Il-kwistjoni ġiet wara eżaminata fil-“Kompendju” tal-Kummissjoni u integrata fil-Pjan ta’ Azzjoni rivedut.

Il-Kummissjoni għada għaddejja bix-xogħol b’mod attiv biex tikseb l-għanjiet ta’ hawn fuq u qed tikkontribwixxi fil-każijiet tal-Kunsill, l-aktar permezz ta’ dokumenti ta’ xogħol ta’ l-impjegati tagħha. Dan ix-xogħol qed isir b’mod inklużiv u qed jinvolvi l-komunità ta’ riċerkaturi, l-esperti, l-Europol u l-produtturi ta’ l-isplużivi u d-detonaturi. L-għan prinċipali huwa li l-proċeduri ta’ traċċjabilità, tfittix, identifikazzjoni aħjar, ħażna, żamma ta’ kontijiet, trasport u tqandil fir-rigward ta’ l-isplużivi u d-detonaturi Ewropej għandhom jikkontribwixxu b’mod effettiv biex ikun hemm l-ogħla livell possibbli ta’ sigurtà. Jekk ikun meħtieġ, ser jiġu ppreżentati proposti għal dan il-għan.

[1] Stqarrija tal-Kunsill Ewropew dwar it-Taqbida kontra t-Terroriżmu tal-25 ta’ Marzu 2004, http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/79637.pdf

[2] Kunsill Ewropew ta’ Brussell – 17 u 18 ta’ Ġunju 2004 – konklużjonijiet tal-presidenza, 10679/2/04-REV2, http://ue.eu.int/uedocs/cmsUpload/81742.pdf

[3] Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Impjegati tal-Kummissjoni, “ Compendium Counter-Terrorist Actions: Contribution of the Commission Services ”, SEK(2004) 669 tal-25 ta’ Mejju 2004

[4] Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “L-Iffinanzjar tat-Terroriżmu – kif iġġib ‘l quddiem il-ġlieda” [COM(2004) 700], “Il-prevenzjoni u l-immaneġġjar tal-konsegwenzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu” [COM(2004) 701], u “It-tħaris ta’ l-Infrastruttura Kritika fil-ġlieda kontra t-terroriżmu” [COM(2004) 702],

[5] L-Artikolu 3 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem: “Kullħadd għandu d-dritt għall-ħajja, il-ħelsien u s-sigurtà tal-persuna.”

[6] Qabbel l-Artikoli 2.1 “Kullħadd għandu d-dritt għall-ħajja” u 6 “Kullħadd għandu d-dritt għall-ħelsien u s-sigurtà tal-persuna” tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, http://www.europarl.eu.int/charter/pdf/text_en.pdf