7.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 302/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Rapport dwar il-Progress tal-Programm ta' Riċerka GALILEO fil-bidu tas-2004

COM (2004) 112 finali

(2004/C 302/08)

Fil-5 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni Ewropea, b'konformità ma' Artikolu 262 tat-Trattat li jistabilixxi tal-Komunità Ewropea, iddeċidiet li tikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Rapport tal-progress tal-Programm ta' riċerka GALILEO fil-bidu tas-sena 2004”.

Is-sezzjoni dwar it-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informatika, maħtura biex tipprepara x-xogħlijiet tal-Kumitat f'din il-kwistjoni, elaborat l-opinjoni tagħha fl-10 ta' Ġunju 2004 (rapporteur: M. BUFFETAUT).

Waqt is-sessjoni plenarja Nru 410 tat-30 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2004 (seduta tat-30 ta' Ġunju) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni li ġejja b'161 vot favur, u tliet astensjonijiet.

1.   Preambolu

1.1

Il-programm GALILEO jirrapreżenta sfida kbira għall-Unjoni Ewropea u għall-indipendenza, l-ekonomija, il-kapaċitajiet teknoloġiċi u xjentifiċi tagħha, u primarjament għas-setturi spazali u telekomunikattivi tagħha. Fil-fatt f'dawn l-aħħar snin l-iżvilupp tas-settur spazjali ddependa, prinċipalment, fuq attività kummerċjali marbuta mat-telekomunizzjonjiet bis-satellita. Id-diffikultajiet li laqtu b'mod serju l-industrija tat-telekomunikazzjonj kellhom riperkussjoni, li laqtu serjament is-settur spazjali li mhux mgħejjun biżżejjed fil-livell istituzzjonali u politiku, partikolarment meta jitqabbel ma' dak tal-kompetituri prinċipali tagħna.

1.2

Pospost minħabba diskussjonijiet dwar it-tqassim “tar-ritorn ġust” tal-programm bejn l-Istati Membri ta' l-Aġenzija Spazjali Ewropea kif ukoll minħabba l-pressjonijiet esterni fuq l-Ewropa, il-programm GALILEO wasal finalment fil-fażi tal-bidu effettiv tiegħu wara l-ftehim li sar fis-26 ta' Mejju 2003 fi ħdan il-kunsill ta' l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ASE) dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri rispettivi tiegħu.

1.3

Meta mqabbel mas-sistema GPS, il-programm GALILEO għad għandu l-karatteristika importanti li hu programm ċivili. Dan il-proġett kbir ta' infrastruttura għandu importanza strateġika deċiżiva għall-Ewropa u għall-indipendenza tagħha, kif diġà enfasizzaw il-KESE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Hu qiegħed perfettament fl-istruttura ta' l-istrateġija ta' Lisbona. L-importanza ta' programm fuq skala daqshekk kbira għall-progress tal-kostruzzjoni Ewropea jixirqilha tkun enfasizzata b'mod qawwi.

1.4

Is-sistema GALILEO tagħti ħames servizzi:

is-servizz miftuħ (imqabbel mas-servizz bażiku tal-GPS);

is-servizz tas-sigurtà tal-ħajja, prinċipalment destinat għat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija u bil-baħar;

is-servizz kummerċjali, aktar preċiż mis-servizz miftuħ u ddedikat għall-użu kummerċjali;

is-servizz ta' tfittxija u ta' salvataġġ;

is-servizz governattiv riservat għall-awtoritajiet pubbliċi għall-attivitajiet tal-pulizija, tad-dwani u tal-protezzjoni ċivili. Sinjali ta' preċizjoni sigrieta għolja għandhom jiġu wżati għal dawn l-attivitajiet u jistgħu jkunu wżati wkoll għal skopijiet militari u miżuri neċessarji għandhom ikunu meħuda biex jiġi evitat kull użu b'intenzjoni ħażina.

1.5

Dan kollu ma jiqafx hawn u barra milli hu sistema ċivili l-użu essenzjali tiegħu għandu jkun dak tal-ħajja ta' kuljum, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport. Hu għandu għalhekk ikun kapaċi jassigura l-kontinwità u s-sigurtà fis-servizz u, kontrarjament għall-GPS f'każ ta' ħsara, tista' tkun milquta r-responsabbilità ċivili tiegħu.

1.6

Fl-aħħarnett GALILEO għandu jkollu preċiżjoni xi ftit aktar superjuri għall-GPS u fuq kollox jiksi l-pjaneta kollha. Barra minn hekk, hu għandu l-kapaċità li jivverifika fiż-żmien reali l-integrità tas-sinjal li huwa essenzjali għal ċerti applikazzjonijiet u b'mod speċjali għall-avjazzjoni ċivili.

1.7

L-għan ta' din il-komunikazzjoni għandu bħala skop essenzjali li jiġi stmat il-progress tal-programm GALILEO, li tingħata ħarsa lejn il-prospetti tal-futur u li jiġu identifikati l-inċertezzi li għadhom jippersistu dwar proġett li għandu jiġbor fih 3.2 biljun ewro fi tliet fażijiet:

fażi ta' żvilupp u ta' tisħiħ mill-2002 sa l-2005;

fażi tat-tħejjija għall-bidu ta' l-użu mill-2006 sa l-2007;

fażi ta' utilizzazzjoni kummerċjali li tibda fil-2008.

2.   Struttura tal-komunikazzjoni u kontenut tad-dokument

Din tinvolvi tliet temi:

l-istat tal-progress tal-fażi ta' żvilupp;

l-iżvilupp tal-kooperazzjoni internazzjonali;

il-passaġġ lejn il-fażijiet ta' tħejjija għall-użu u ta' utilizzazzjoni.

2.1   Il-fażi ta' żvilupp.

2.1.1   Intrapriża komuni.

Il-ftehim ta'Mejju 2003, fil-Kunsill ta' l-ASE, ippermetta li tissolva s-sitwazzjoni u b'hekk l-intrapriża komuni GALILEO setgħet titħaddem b'mod sħiħ mis-Sajf li għadda. Id-direttur tagħha kien innominat, filwaqt li l-flowchart u l-budget għas-snin 2003/2004 kienu adottati. EGNOS (European Geostationary Navigation Overlay Service) għandu jitpoġġa taħt il-kontroll tagħha. Baqa' biss il-problema li tikkonċerna l-istat fiskali u soċjali tal-kumpanija. li qed jiġu diskussi mal-Gvern Belġjan. Dawn ifissru sfida pjuttost kbira (5 M €/fis-sena). Għad irid ukoll jinkisbu għat-32 persuna ta' l-intrapriża komuni l-istess kondizzjonijiet tax-xogħol bħal dawk tal-membri ta' l-ASE u tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet Belġjani mhumiex kontra iżda huma jridu jkunu assigurati li l-kollaboraturi f'din l-intrapriża komuni jkunu protetti mis-sigurtà soċjali. Il-problema hija għalhekk aktar ta' natura amministrattiva milli fundamentali.

2.1.2   Studji tekniċi u xogħlijiet ta' riċerka.

Dawn jinkludu:

l-aħħar xogħlijiet tal-fażi ta' definizzjoni;

l-infrastruttura tal-bażi;

lis-sistema EGNOS, li dalwaqt se tkun operazzjonali;

il-pjan Ewropew ta' navigazzjoni bir-radju.

2.1.3   Il-konferenza dinjija dwar il-komunikazzjoniet bir-radju ta' Ġunju 2003.

2.1.3.1

L-isfidi kienu estremament importanti għall-Komunità Ewropea li għandha żewġ għanijiet:

li takkwista l-konferma tal-medda ta' frekwenzi allokati fl-2000;

li tissorvelja li ġewwa din il-medda ta' frekwenzi, it-tqassim ma jkunx ta' żvantaġġ għas-sistema Ewropea u li l-aċċess għal din il-medda jkun ġust u bbażat fuq il-prinċipji ta' l-interoperabilità.

2.1.3.2

Id-diskussjonijiet għaddejjin f'sitwazzjoni kkondizzjonata mill-monopolju storiku tas-sistemi GPS Amerikani, iżda b'mod definittiv, il-Komunità Ewropea kisbet ir-riżultati li xtaqet, kemm għall-kondizzjonijiet ta' użu tal-medda ta' frekwenza kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-esiġenza ta' koordinazzjoni multilaterali imparzjali.

2.1.4   L-integrazzjoni ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.

Ġew elaborati numru ta' inizjattivi fil-livell industrijali sabiex dawn il-pajjiżi jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-programm GALILEO skond ix-xewqa murija mill-Kummissjoni.

2.2   L-iżvilupp tal-kooperazzjoni internazzjonali.

2.2.1

Kif kien enfasizzat bosta drabi mill-Kunsill il-kooperazzjoni internazzjonali hija fattur essenzjali sabiex jiġu akkwistati l-benefiċċji kollha tal-programm GALILEO. Minħabba f'hekk is-solleċitazzjonijiet ta' pajjiżi barranin qed ikunu aktar u aktar numerużi. Rigward dan, il-Kummissjoni qed issegwi simultanjament avviċinamenti bilaterali u reġjonali.

2.2.2

L-ewwel ftehim ġie ffirmat maċ-Ċina fit-30 ta' Ottobru 2003 u għadhom għaddejjin negozjati ma' l-Indja u ma' Israel. Passi simili għaddejjin ukoll mal-Korea t'Isfel, mal-Brażil, mal-Ġappun, mal-Kanada, ma' l-Awstralja, mal-Messiku u maċ-Ċili.

2.2.3

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni reġjonali d-djalogu beda mar-reġjun tal-Mediterran, ma' l-Amerika Latina u ma' l-Afrika.

2.2.4

Fl-aħħarnett, bdew negozjati ma' l-Istati li għandhom diġà sistema ta' navigazzjoni permezz tas-satellita, jiġifieri r-Russja u l-Istati Uniti. Dawn in-negozjati huma b'mod partikolari importanti għaliex għandhom l-għan li tkun assigurata l-kompatibiltà teknika u l-interoperabilità tas-sistemi tagħhom ma' GALILEO. Hemm bżonn li wieħed jiftakar, li għal xi żmien fil-bidu, l-Istati Uniti kienu kkontestaw il-meriti tal-programm GALILEO. F'kull dubju, il-mekkanizmu ta' kooperazzjoni li jkun għadu qed jiġi diskuss għandu jistrieħ fuq simetrija ta' drittijiet u dmirijiet li għandhom l-imsieħba lejn xulxin, notevolment f'dak li għandu x'jaqsam mat-tħaddim eventwali tad-dritt tal-veto.

2.3   Il-passaġġ lejn il-fażijiet ta' żvilupp u ta' utilizzazzjoni.

Dan hu punt kruċjali. Il-fażijiet ta' żvilupp u ta' utilizzazzjoni tas-sistema għandhom jibdew rispettivament fl-2006 u fl-2008.

2.3.1   Il-mandat formali tas-sistema.

2.3.1.1

Dan il-mandat formali huwa mmaniġġjat minn erba' intrapriżi. Il-proċedura kienet mnedija f'Ottubru 2003. Erba' kandidati kienu rreġistrati u ġew aċċettati. Dawn ħerġin minn konsorzji ffurmati minn msieħba prinċipali li magħhom hemm magħquda kostellazzjoni ta' intrapriżi assoċjati. Il-kandidati kollha jikkonsidraw li l-futur tas-sistema Ewropea jista' jiġġenera dħul kummerċjali importanti u jikkalkulaw għalhekk li jistgħu jiffinanzjaw parti mhux ta' minn jinjoraha tal-kontribuzzjonijiet fl-ishma tal-kumpanija.

2.3.1.2

Dan il-fatt huwa barra minn hekk tant importanti li l-Kunsill jixtieq li l-kontribuzzjonijiet tal-fondi komunitarji ma jaqbżux terż tal-finanzjament tal-fażi ta' żvilupp. Fl-aħħarnett, għat-tieni fażi tan-negozjati kompetittivi, tliet konsorzji kienu aċċettati (Alcatel/Alenia/Vinci, EADS/Thalès/Inmarsat, Eutelsat).

2.3.1.3

Sitt tipi ta' riżorsi ġew identifikati:

il-bejgħ tas-servizzi ġġenerati minn GALILEO;

il-liċenzji u d-drittijiet tal-copyright industrijali;

il-finanzjament komunitarju,

l-għoti ta' self mill-Bank Ewropew għall-Investiment;

il-parteċipazzjoni ta' ċerti pajjizi barranin;

eventwalment liċenzja għall-kera fuq riċevituri tas-sinjali tar-radju-navigazzjoni bis-satellita.

2.3.2   L-Istruttura tas-sistema.

2.3.2.1

Il-Kummissjoni għaddiet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew proposta ta' regolamentazzjoni dwar l-istrutturi ta' l-immaniġġjar tal-programm Ewropew tar-radju-navigazzjoni bis-satellita. Kien ipproponut li tiġi mwaqqfa fuq naħa, Awtorità ta' Sorveljanza u fuq naħa oħra Ċentru responsabbli mis-sigurtà li għandhom jaqgħu taħt ir-resposabbiltà diretta tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli li jirrappreżenta l-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni. Fl-aħħarnett, Awtorità ta' Sorveljanza għandha verament tkun imwaqqfa u hi għandha tirċievi l-kompetenzi f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà. Iċ-Ċentru responsabbli mis-sigurtà m'għandux ikun imwaqqaf u għandu jkun il-Kunsill innifsu li jieħu d-deċiżjonijiet f'ħin reali f'każ ta' kriżi.

2.3.2.2

Kwistjoni oħra importanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istruttura tas-sistema hi dik li tikkonċerna xi theddid eventwali fuq il-privatezza. Hu meħtieġ li jiġi mfakkar li l-programm GALILEO ma jippreżenta fih innifsu ebda theddida fuq il-privatezza għaliex hu ma jirċievi ebda informazzjoni dwar dawk li jużawh (m'hemm l-ebda kollegament lejh). Mill-banda l-oħra, l-informazzjoni akkwistata minn dak li jużah tista' tkun trasmettita b'sistema oħra – bil-mobile GSM per eżempju – u hi tippermetti li tkun lokalizzata. Ir-responsabbilità li tirregola l-użu ta' l-informazzjoni pprovduta minn GALILEO ma taqax fuq l-istrutturi Ewropej li jmexxu l-programm, iżda taqa' fuq l-awtoritajiet nazzjonali. L-attenzjoni ta' dawn ta' l-aħħar għandha tkun miġbuda fuq il-provvedimenti li jgħabbuhom bir-responsabbiltà li jistrutturaw l-użu ta' GALILEO u, mil-lum il-quddiem, dak tal-GPS.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat japprezza il-politika deċisiva murija fid-dokument tal-Kummissjoni, peress li dan il-proġett hu wieħed ta' importanza estrema u ta' diffikultà kbira. F'dan l-ispirtu, li juri volontà li jsir suċċess, ċertu kwistjonijiet iridu jingħataw attenzjoni kontinwa:

l-integrazzjoni ta' ħtiġijiet ta' sigurtà fit-twaqqif tas-sistema u fit-tmexxija tagħha;

il-konklużjoni tan-negozjati ma' l-Istati Uniti sabiex jintlaħaq ftehim ibbażat fuq impenji simettriċi u dwar l-għan ta' interoperabilità;

it-tfittix għal finanzjament privat suffiċjenti u għal garanzija ta' self fit-tul mill-BEI (Bank Ewropew għall-Investiment);

l-għajnuna għall-ispejjeż sabiex jitwettaq il-programm fl-istruttura tal-budget provviżorju.

3.2

Is-suċċess ta' dan il-proġett jiddenpendi fuq ir-rieda politika u finanzjarja affermata b'mod ċar u miżmuma b'mod sod mill-Kunsill. Bl-involviment tiegħu f'GALILEO, il-Kunsill wera l-ambizzjoni li għandu għall-Unjoni Ewropea u għall-politika spazjali tagħha.

4.   Konklużjoni

4.1

Fil-konklużjoni tagħha, il-Kummissjoni tidher li qed turi ċertu tħassib u inċertezzi dwar il-kwistjoni tal-finanzjament. Din il-kwistjoni hija fundamentali, jekk il-finanzjament ikun dubjuż, il-programm kollu jista' jitqiegħed f'periklu. Bħalma jagħmel għall-progressi li jolqtu l-kostruzzjoni Ewropea, il-KESE ma jistax ħlief jerġa jafferma l-importanza strateġika kbira tal-proġett GALILEO għall-Unjoni Ewropea u għas-suċċess ta' settur spazjali tagħha kif diġà għamel fil-kuntest ta' l-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper u l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Politika Spazjali Ewropea. (1) Hu jaqsam is-sodisfazzjon tal-Kummissjoni dwar il-progressi effiċjenti ħafna li kienu mwettqa fil-bidu tiegħu u jixtieq li l-ottimiżmu muri ma jkunx imnaqqas bid-diffikultajiet li jinqalgħu fl-aħħar sekondi.

Brussel, 30 ta' Ġunju 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew dwar il-White Paper: Space: a new European frontier for an expanding Union – an action plan for implementing the European Space Policy (COM(2003) 673 final).

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar il-Politika Spazjali Ewropea (COM(2003) 17 final – GU C 220 of 16.9.2003)