7.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 302/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2000/819/KE dwar programm multiannwali għall-intrapriża u l-imprenditorjalità, u b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SME) (2001-2005)”

COM(2003) 758 finali 2003/0292 (COD)

(2004/C 302/02)

Fit-23 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, skond l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il-“il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2000/819/KE dwar programm multiannwali għall-intrapriża u l-imprenditorjalità, u b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SME) (2001-2005)”.

Is-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, li kienet responsabbli għall-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fid-9 ta' Ġunju 2004. Ir-rapporteur kien Is-Sur Dimitriadis.

Fis-sessjoni plenarja nru. 410 tat-30 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2004 (laqgħa tat-30 ta' Ġunju 2004), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'140 vot favur, 1 kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Daħla

1.1

L-UE iffaċċjat u għadha tiffaċċja, kemm qabel kif ukoll wara l-istabbiliment ta' l-għanijiet ta' Lisbona,: (1) problemi serji rigward il-kompetittività u l-modernizzazzjoni tal-kumpanniji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, (2) nuqqasijiet serji ta' effiċjenza u burokrazija eċċessiva ta' l-awtoritajiet pubbliċi meta tippromwovi l-ħidma bl-ispirtu ta' l-intrapriżi, (3) nuqqas ta' koordinazzjoni bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs, awtoritajiet pubbliċi u l-Kummissjoni fil-promozzjoni ta' l-imprenditorjalità, (4) nuqqas ta' koordinazzjoni bejn policies nazzjonali għall-appoġġ ta' l-SMEs, (5) nuqqas ta' strateġija essenzjali fit-tul għall-SMEs fl-Istati Membri, (6) problemi serji rigward appoġġ finanzjarju għall-kumpaniji (b'mod partikolari l-SMEs) mis-settur tal-banek u l-industrija tal-venture capital, (7) spejjeż għoljin ta' self minħabba d-daqs żgħir ta' l-SMEs u r-riskju ogħla u (8) nuqqas ta' politika permanenti dwar l-SMEs.

1.2

L-UE tagħraf illi, filwaqt li s-Suq Uniku ġie milħuq rigward leġislazzjoni u regoli, l-SMEs ma għamlux użu sħiħ mis-sistema kurrenti u l-vantaġġi potenzjali tagħha, u mhumiex qegħdin jużaw dak il-potenzjal kollu.

1.3

L-UE qiegħda tiġġieled kontra l-kompetizzjoni internazzjonali, kontra l-influenza konsiderevoli ekonomika u politika ta' l-Istati Uniti (1), li laħqet kompetittività u produttività għoljin ħafna, u kontra l-Ġappun, il-pajjiżi tal-Lbiċ ta' l-Asja (2) u l-ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil.

1.4

Il-problema l-aktar serja soċjali u ekonomika li tiffaċċja l-UE hija l-qgħad, u għamlet il-ħolqien ta' impiegi ġodda għan primarju, partikolarment fl-SMEs, li jikkostitwixxu l-maġġoranza kbira tal-kumpaniji Ewropej.

1.5

L-UE qiegħda tagħmel sforz enormi biex ittejjeb ir-riċerka u t-teknoloġija għaliex taf illi t-titjib f'dawn is-setturi huwa l-uniku mod biex l-iżvilupp u l-progress jiġu ggarantiti, iżda l-istrateġija proposta mhux dejjem tipproduċi r-riżultati mistennija minħabba nuqqas ta' mekkaniżmi flessibbli u minħabba qafas regolatorji li jinkoraġġixxu l-burokrazija, inaqqsu l-effettività u joħolqu dewmien żejjed.

1.6

B'risposta għal dan li ntqal qabel, il-Kunsill ta' Amsterdam (Ġunju 1997) u s-Summit speċjali dwar l-Impjiegi (Novembru 1997 fil-Lussemburgu) waqqfu s-sisien għall-inizjattiva tat-Tkabbir u ta' l-Impjieg, filwaqt li l-Kunsill tal-Ministri – bid-Deċiżjonijiet 98/347/KE (3) u 2000/819/KE (4) – waqqaf is-sisien għal appoġġ organizzat u kontinwu għall-ispirtu Ewropew tal-ħidma fl-intrapriżi, flimkien ma' programmi speċifiċi biex jinħolqu aktar impjiegi.

2.   Introduzzjoni

2.1   Għanijiet

L-għan tal-programm huwa l-promozzjoni tal-ħolqien ta' l-impjiegi u l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi ż-żgħar u medji innovattivi, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE, billi jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji disponibbli u b'hekk jiżdied l-investiment fl-SMEs.

2.1.1

Ir-raġuni għaliex l-SMEs jingħataw l-appoġġ hija li ntwera illi huma joħolqu impjiegi ġodda aktar faċilment għaliex jaddattaw tajjeb għall-kundizzjonijiet tas-suq li jkunu qed jinbidlu, jieħdu d-deċiżjonjiet faċilment u jimplimentaw ir-rekwiżiti l-ġodda aktar malajr minn kumpanniji kbar. Minbarra dan, spiss huma l-SME li għandhom l-aktar problemi biex jistabbilixxu ruħhom (minħabba l-burokrazija u n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji), jippromwovu proġetti innovattivi (minħabba n-nuqqas ta' kapaċità tagħhom li jaċċessaw il-fondi mill-banek u, fl-iStati Membri l-ġodda, in-nuqqas ta' sistema ta' banek kapaċi li jipprovdu fondi simili) u ż-żieda fil-kooperazzjoni internazzjonali.

2.2   Deskrizzjoni – għan tal-programm

Il-programm jikkonsisti fi tliet skemi: (i) skema tal-venture capital (Faċilità ETF Start-up (5)), imħaddma mill-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF), (ii) skema ta' appoġġ finanzjarju għall-promozzjoni tal-ħolqien ta' intrapriżi konġunti transnazzjonali bejn l-SME fl-UE (Intrapriża Konġunta Ewropea – JEV), imħaddma mill-Kummissjoni, u (iii) skema ta' garanzija (Faċilità ta' Garanzija għall-SME), imħaddma mill-EIF.

2.2.1

Il-budget għall-programm kien €432.56 miljun, kompost minn €168 miljun għall-Faċilità ta' l-ETF Start-up, €57 miljun għall-JEV u €198.56 miljun għall- Faċilità ta' Garanzija għall-SME. Minħabba l-użu qawwi tal- Faċilità ta' Garanzija għall-SME, ġew trasferiti €30.56 miljun minnha għall-JEV. Sad-29 ta' Mejju 2002, jew it-tmiem tal-perjodu li jkopri l-irbit tal-fondi tal-budget, l-allokazzjoni inizzjali fil-budget għall-Faċilità ta' l-ETF Start-up u l-Faċilità ta' Garanzija għall-SME kienet marbuta kollha mill-EIF. Għall-JEF, total ta' €14.5 miljun kien disponibbli għall-implimentazzjoni ta' diversi proġetti.

2.2.2

L-iskema tal-venture capital (Faċilità ta' l-ETF Start-up) tappoġġja l-investiment tal-venture capital fl-SMEs, b'mod partikolari matul il-bidu tagħhom u l-ewwel stadji ta' l-iżvilupp tagħhom, u/jew f'SMEs, bl-investiment ta' fondi speċjaliżżati tal-venture.

2.2.2.1

Taħt l-Intrapriża Konġunta Ewropea (JEV), l-UE tipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-SME biex tistabbilixxi intrapriżi konġunti transnazzjonali fl-UE.

2.2.2.2

Taħt il-Faċilità ta' Garanzija għall-SME, l-UE tagħti fondi biex tkopri l-ispejjeż tal-garanziji ta' l-EIF u kontro-garanziji biex tippromwovi żieda fis-self lejn SME innovattivi. Dan jiġi akkwistat billi tiżdied il-kapaċità ta' skemi ta' garanzija li joperaw fl-iStati Membri u jirrelata kemm għal programmi ġodda kif ukoll dawk eżistenti. Il-Faċilità tkopri parti mit-telf imġarrab taħt il-garanziji sa ammont iddeterminat minn qabel, b'enfasi partikolari fuq il-fondi għall-assi intanġibbli ta' l-SME.

3.   Impatt tal-programm

3.1

Skond ir-rapport tal-Kummissjoni, taħt il-Faċilità ta' l-ETF Start-up, madwar 206 SME fis-settur tat-teknoloġija għolja (bioteknoloġija/xjenzi tal-ħajja u teknoloġija informatika) ibbenefikaw mill-programm sa Ġunju 2002 (6); kienu kisbu wkoll riżultati pożittivi ħafna bħala ħolqien ta' impjiegi. Il-Faċilità ta' Garanzija għall-SME appoġġjat 112,000 kumpaniji iżgħar, li żiedu l-impieg b'aktar minn 30 %, filwaqt li l-JEV appoġġjat l-inqas proposti (ġew aċċettati 137 proposta biss).

4.   Osservazzjonijiet

4.1

Ir-Rapport tal-Kummissjoni (7) dwar it-tliet skemi huwa bbażat fuq kampjun żgħir ħafna ta' intrapriżi li jfisser illi l-konklużjonijiet magħmula għandhom probabbiltà qawwija ta' żball statistiku fih ukoll fattwali.

4.2

Fl-erba' snin mill-1998 (l-ewwel sena) sa l-2002 (sena ta' evalwazzjoni), madwar 206 SME ibbenefikaw mill-Faċilità ta' l-ETF Start-up. Il-KESE jqis dan in-numru baxx meta mqabbel ma' inizjattivi ekwivalenti fl-Istati Uniti, fejn kien hemm tixrid tal-bidu ta' SMEs u spirtu imprenditorjali akbar ibbażati fuq miżuri simili appoġġjati minn venture capital ta' riskju għoli. Ġew stabbiliti biss 31 intrapriżi konġunti transnazzjonali u nħolqu 252 impieg ġdid taħt il-JEV, riżultat li ma laħaqx l-aspettattivi. Ir-riżultati tal-Faċilità ta' Garanzija għall-SME huma meqjusa bħala tajbin.

4.3

Il-previżjonijiet li saru fir-rapport għall-ħolqien ta' l-impjiegi fil-kumpanniji li jirċievu l-appoġġ huma bbażati fuq tagħrif ta' qabel (2001 sa nofs l-2002) u ma jistgħux jitqiesu xierqa għal dawn it-tliet skemi.

4.4

Il-KESE m'għandux tagħrif definittiv, konkret u sħiħ dwar il-ħolqien ta' impjiegi ġodda (1998-2003), li jagħmilha diffiċli ħafna li tiġi stmata s-sitwazzjoni, u li jiġu ppreżentati l-pożizzjonijiet u l-konklużjonijiet. Madankollu l-KESE jerġa' jindika l-interess partikokari tiegħu fl-isforzi biex jinħolqu l-impjiegi, jsejjaħ lill-Kummissjoni dan isir priorità wara li jiġi adottat il-programm multiannwali.

4.5

L-investiment b'riskju għoli huwa prerekwiżit essenzjali għall-promozzjoni ta' ideat innovattivi li jiġu ttrasformati f'intrapriżi ta' negozju u jirriżultaw f'proġetti ta' investiment li jirnexxu. Is-suċċess fenomenali ta' xi intrapriżi bħal dawn ipattu għall-falliment ta' intrapriżi oħrajn innovattivi li ma jiġux attivati fis-suq.

4.6

L-iskema tinjora għal kollox l-ekonomija tradizzjonali. Billi tirreferi b'mod kostanti għal attivitajiet innovattivi, teskludi l-possibilità ta' aċċess għall-fondi lil intrapriżi tradizzjonali ta' daqs żgħir u medju. L-innovazzjoni hija għodda importanti ħafna għall-modernizzazzjoni ta' l-ekonomija u biex tiżdied il-kompetittività. Iżda għandu jiġi enfasizzat illi: (a) l-intrapriżi Ewropej jirriskjaw li jitilfu ishma mis-suq b'mod permanenti għall-importazzjojnijiet ta' prodotti tas-setturi tradizzjonali minn pajjiżi terzi irħas, (b) jekk ma jingħatax appoġġ lil intrapriżi tradizzjonali żgħar u medji, hemm riskju li jinħalqu l-oligopoliji fis-setturi tal-kummerċ u tad-distribuzzjoni, b'effetti negattivi għall-proċess kollu tal-produzzjoni, u telf nett ta' l-impjiegi.

4.7

It-tnaqqis tal-burokrazija permezz ta' l-istabbiliment ta' one-stop shops responsabbli għall-proċeduri ta' l-implimentazzjoni u tneħħija ta' dokumenti żejda bl-użu tat-teknoloġija moderna huma rekwiżiti bażiċi għall-involviment ta' l-SMEs fil-programmi rilevanti.

5.   Konklużjonijiet

5.1

Il-KESE jaqbel ma' l-emendi għad-Deċiżjoni 2000/819/KE proposti mill-Kummissjoni.

5.2

Il-Kumitat jaqbel mal-perspettiva tal-Kummissjoni li l-impatt sħiħ tat-tliet strumenti ta' fondi jista' jiġi stmat biss wara li jgħaddi żmien konsiderevoli, iżda jemmen illi għadda biżżejjed żmien minn meta ġew introdotti biex isiru l-konklużjonijiet bi skop li jsiru xi aġġustamenti, u li fl-ekonomija li hija bħalissa globaliżżata u kompetittiva b'mod qawwi, iż-żmien huwa essenzjali, minħabba li t-tendenzi u l-perspettivi tan-negozju dejjem qiegħdin jinbidlu.

5.3

Il-KESE jirrealiżża illi matul l-2001 u l-2002 l-ambjent internazzjonali tan-negozju ma kienx favorevoli u li kien hemm provvista mnaqqsa ta' venture capital fl-UE u riluttanza da parti tal-banek il-kbar li jsellfu lill-SMEs. Fl-2002, kibret it-talba għall-garanziji fl-Ewropa b'mod sostanzjali, minħabba li l-banek il-kbar bdew jitolbu aktar garanziji minħabba r-riskju għoli u l-ispiża għolja assoċjata ma' l-amministrazzjoni tas-self. F'din is-sitwazzjoni, il-KESE jqis l-istrumenti, speċjalment il-Faċilità tal-Garanzija u l-Faċilita' ta' l-iStart-up, bħala utli. Jissuġġerixxi wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-banek żgħar speċjaliżżati li jaħdmu l-aktar ma' SME u għandhom sistemi ta' l-komunikazzjoni flessibbli.

5.4

Il-KESE jaqbel mal-proġetti taħt it-tliet skemi u jagħraf li hemm ħtieġa għalihom. Iżda, jqis il-proċess li bih l-SME jaċċesaw l-istrumenti bħala oneruż, burokratiku u inflessibbli, minħabba li l-kumpanniji spiss għandhom problemi ta' natura konsiderevoli biex jiksbu t-tagħrif u bil-proċeduri interni.

5.5

Il-KESE jqis 'il-Faċilità tal-Garanzija ta' l-SME bħala partikolarment utli u jsejjaħ biex dawn il-fondi jiżdiedu b'mod sustanzjali u biex isir kull sforz biex jiġu inklużi direttament dawk il-pajjiżi li s'issa ġew esklużi (il-Greċja, l-Irlanda u l-Lussemburgu).

5.6

Il-KESE jappoġġa l-isforzi biex il-Faċlità tal-Garanzija tiġi estiża bl-iskop ta' l-adeżjoni ta' l-iStati Membri l-ġodda, li fihom eluf ta' SMEs li m' għandhomx aċċess għal self mill-banek u għalhekk ma jistgħx jinvestu b'mod effettiv u joħolqu impiegi ġodda.

5.7

Il-KESE jaħseb li l-budget għall-programm għandu jiġi rivedut bl-iskop li jiġu koperti l-ħtieġiet ta' l-iStati Membri l-ġodda. Il-budget disponibbli bħalissa kien maħsub għal 15-il Stat Membru biss, u mhux 25, u l-membri l-ġodda żgur se jkollhom ħtiġiet akbar.

5.8

Il-KESE jagħmel sejħa lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa biex tkompli ttejjeb il-Faċilità ta' l-ETF Start-up, minħabba li hija strument essenzjali għall-ħolqien ta' SMEs innovattivi u l-appoġġ ta' intrapriżi ta' negozju b'riskju għoli, li huma neċessarji għall-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija, kif ukoll skemi oħrajn ta' l-investiment ta' l-SMEs li ma jaqgħux taħt l-intestatura ta' teknoloġija għolja iżda li huma ta' interess kummerċjali sostanzjali u jridu jkollhom aċċess għal kull tip ta' mezz ta' fondi u ta' trasport. Il-Kumitat għalhekk jipproponi li:

a)

jingħataw garanziji għall-forom legali kollha ta' kumpanniji, mingħajr riferenza għat-tip ta' attività tagħhom,

b)

jkunu disponibbli l-fondi permezz ta' l-ETF Start-up għat-tipi kollha ta' kumpaniji;

c)

jingħata aktar appoġġ għal inizzjattivi innovattivi u ta' riskju għoli

d)

fil-każijiet kollha għandu jkun hemm żieda progressiva fil-kapital tal-bidu (EFT) ibbażat fuq impiegi, jew żieda fl-impiegi u fl-innovazzjoni,

e)

is-sistema tal-banek tiġi involuta fit-tixrid ta' tagħrif u fondi ta' appoġġ u programmi ta' garanzija,

f)

titqies il-possibilità li tiġi negozjata r-rata ta' l-interessi għall-kumpaniji benefiċarji fuq bażi ta' ftehim ċentrali bejn il-faċilità tal-garanzija u l-banek,

g)

titqies il-possibilità li jingħata appoġġ għal inizjattivi nazzjonali permeżż tal-faċilità tal-garanzija.

5.9

Il-KESE jqis li l-kapital privat u pubbliku disponibbli fl-UE għall-RTD mhuwiex xieraq biex ikopri l-ħtiġiet akbar ta' l-SME fis-setturi ta' l-informazzjoni, tat-teknoloġiji ġodda u tal-bioteknoloġija. Il-Kumitat jagħmel sejħa biex jinstabu fondi sostanzjalment akbar sabiex jiġu koperti dawk il-ħtiġiet.

5.10

Fejn meħtieġ, is-sistemi mgħaġġlin u flessibbli stabbiliti u mħaddma b'ħafna suċċess fl-Amerika għandhom jitqiesu, jiġu stmati u jintużaw. Għandu jkun hemm ukoll aktar skop għall-kooperazzjoni ma' fondi tal-venture capital speċjalizzati, kull fejn u kull meta jeżisti interess dwar l-investiment. (8) Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tieħu l-inizjattiva fuq din il-kwistjoni.

5.11

Il-KESE jaħseb li għandu jkun hemm sforz akbar biex l-SMEs jiġu mgħarrfa dwar l-eżistenza u l-ħidma tal-Faċilità tal-Garanzija u biex jinstabu modi aħjar ta' aċċess għal u komunikazzjoni ma' l-EIF u l-EIB. L-istaħriġ imwettaq wera li l-parti l-kbira ta' l-SMEs mhumiex konxji li l-UE stabbiixxa sistema ta' appoġġ formali għalihom. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu involuti direttament organiżżazzjonijiet tan-negozji (kmamar tal-kummerċ, għaqdiet tal-kummerċ, organizzazzjonijiet ta' intrapriżi żgħar u medji, eċċ.) sabiex jitjieb il-provvediment ta' tagħrif u l-komunikazzjoni ma' l-SME issir aktar diretta u aktar effettiva, u jissolvew aktar malajr il-problemi prattiċi meta jiġi implimentat il-programm.

5.12

Il-KESE jaħseb li ftit wara l-adeżjoni ta' l-iStati Membri l-ġodda, tista' ssir stima speċjali biex jiġi stabbilit it-teħid tal-faċilitajiet, minħabba li għalkemm jittieħed kont tal-problemi li bħalissa qed jiġu esperjenzati fil-pajjiżi ta' l-adeżjoni, huwa ċerti illi: a) is-sitwazzjoni attwali tkun inqas favorevoli minn dik rapportata, b) ikunu meħtieġa livelli sostanzjali ta' appoġġ li bħalissa ma jistgħux jiġu stmati u, c) ikun meħtieġ perjodu ta' aġġustament li jinolvi riskji serji għall-SMEs.

5.13

Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li ttemm il-JEV kmieni, filwaqt li tiftakar l-istruttura tagħha li bħalissa hija kkritikata. Iżda, il-KESE jixtieq jenfasiżża illi huwa jkompli wkoll jappoġġja intrapriżi konġunti transnazzjonali minħabba li huwa jemmen li hemm nuqqas sostanzjali fil-proġetti transnazzjonali u intrapriżi tan-negozju fl-UE u li għandhom jitneħħew il-fruntieri tal-kummerċ fl-Ewropa.

5.14

Ikun ukoll meħtieġ li titqies il-possibilità li jerġa jiġi introdott il-programm JEV jew programm ibbażat fuq prinċijpu simili, jekk u meta jkun hemm possibilitajiet ta' tkabbir għall-ħolqien ta' intrapriżi transnazzjonali fl-UE u fiż-ŻEE. Għalhekk għandu jkun hemm politika li tappoġġja l-intrapriżi transnazzjonali bejn l-SME sabiex ikun possibbli li jintlaħaq dan l-għan importanti, mingħajr il-burokrazija eċċessiva li ttellef il-programm JEV u li kienet ir-raġuni għaliex falla.

5.15

Il-KESE jemmen li wara l-esperjenza diġà miksuba mas-Sixth Framework Programme għar-Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku għandhom jerġgħu jiġu introdotti programmi fuq skala żgħira għall-SMEs, minħabba li dawn il-programmi mhumiex parti mill-kunċett tal-programm multiannwali bħalissa.

5.16

Il-KESE jagħraf li hemm spejjeż kbar amministrattivi involuti fl-implimentazzjoni ta programmi ta' fondi fuq livell baxx u li għalhekk hemm tendenza li dawn jiġu limitati b'mod sostanzjali. Madankollu, jinnota li tnaqqis ta' dawn il-programmi jneħħi l-aċċess għall-SMEs, li ma jistgħux jibbenefikaw mill-programmi ta' fondi fuq livell għoli. Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jaqbel mal-Parlament Ewropew u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun partikolarment attenta rigward it-tnaqqis jew tneħħija ta' dawn il-programmi, speċjalment minħabba li huma manifestament jilqu l-ħtiġiet ta' l-SME. Il-Kumitat iqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni taħdem flimkien ma' l-organizzazzjonijiet tan-negozji għal dan l-iskop.

5.17

Il-KESE jqis li l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar addottata fil-Kunsill Ewropew f'Feira (19 ta' Ġunju 2002) hija inizzjattiva partikolarment importanti u kiteb ħafna opinjonijiet fuq dan. Il-Kumitat jirrepeti l-ħtieġa li jiġu implimentati d-disposizzjonijiet tal-Karta fil-prattika bbażati fuq regoli legali ċari.

5.18

Il-KESE jaqbel ma' l-għanijiet tal-fondi fl-Anness I (deskrizzjoni ta' sferi ta' azzjoni) għall-Faċilità tal-Garanzija ta' l-SMEs (Anness I, punt 4(a)(i)), iżda jemmen li dan jista' jitwessa' aktar wara djalogu serju u kontinwat ma' l-organiżżazzjonijiet rappreżentanti ta' l-SMEs (eż., sistemi ta' kwalità, studji ambjentali, studji tal-kwalità, appoġġ tekniku u teknoloġiku, trasferiment tat-teknoloġija).

5.19

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni aktar deċisiva u effettiva biex jissaħħu l-SME innovattivi u titnaqqas il-burokrazija fil-programmi (eż., ħelsien minn dokumenti żejda, jitħaffu l-proċeduri, eċċ) minħabba li din għandha konsegwenzi negattivi u tikkawża dewmien żejjed.

5.20

Il-KESE jilqa' t-tendenza ġenerali tal-programmi u jispera li jkomplu jiġu appoġġjati u mtejba.

Brussel, 30 ta' Ġunju 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: “Pjan ta' Azzjoni: l-Aġenda Ewropea għall-Ispirtu tal-Ħidma fl-Intrapriżi”, COM(2004) 70 finali, 11.02.2004.

(2)  Dokument ta' ħidma tal-ħaddiema tal-Kummissjoni: “ Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2003”, SEC(2003) 1299, 12.11.2003.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 98/347/KE dwar miżuri ta' assistenza finanzjarja għall-intrapriżi żgħar u medji innovattivi u li joħolqu l-impiegi (SME) – l-inizzjattiva dwar it-tkabbir u l-impieg – ĠU L 155 of 29.05.1998.

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/819/KE dwar programm multiannwali għall-intrapriżi u għall-ispirtu tal-ħidma fl-intrapriżi, u b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SME) (2001-2005).

(5)  ETF: Faċilità Ewropea tat-Teknoloġija, mwaqqfa mill-Bank Ewropew ta' l-Investimemt (EIB) sabiex tiġġenera l-venture capital għall-SME fis-settur tat-teknoloġija għolja billi tipprovdi fondi ta' investiment permezz ta' fondi eżistenti tal-venture capital.

(6)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – COM(2003) 758 finali, tat-8.12 2003.

(7)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – COM(2003) 758 finali, tat-8.12 2003.

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-kapital ta' risku (RCAP), COM(2002) 563, 16.10.2002