26.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 185/4


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-eżiti tad-disa' Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ

(2023/C 185/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,

WAQT LI JFAKKRU LI:

1.

L-għanijiet ta’ din ir-riżoluzzjoni huma li jiżguraw li l-eżiti tad-Disa’ Ċiklu tad-Djalogu tal-Unjoni Ewropea maż-Żgħażagħ (EUYD) jiġu rikonoxxuti u jingħataw segwitu mill-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, u li jiżguraw kwalità u kontinwità fl-implimentazzjoni tal-proċess tal-EUYD u l-eżiti tiegħu. Dan id-dokument għandu l-għan ukoll li jikkontribwixxi għal aktar trasparenza fl-EUYD u li jipprovdi feedback mill-ħidma li saret fid-disa’ ċiklu u ċ-ċikli preċedenti.

2.

Din ir-riżoluzzjoni tibni fuq ir-Riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (1) u l-għanijiet Ewropej tagħha dwar iż-Żgħażagħ, kif ukoll l-Anness I tar-Riżoluzzjoni li jistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tal-EUYD, u l-eżiti taċ-ċikli preċedenti tal-EUYD. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tappella għal involviment akbar taż-żgħażagħ fid-djalogu ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u għall-involviment taż-żgħażagħ minn diversi sfondi u gruppi soċjali.

3.

Id-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (minn hawn ’il quddiem “EYY”) tenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet għal futur li jkun aktar ekoloġiku, aktar diġitali u aktar inklużiv.

4.

L-EUYD huwa mekkaniżmu ta’ parteċipazzjoni għaż-żgħażagħ fl-UE. Dan iservi ta’ forum għal riflessjoni konġunta kontinwa u għal konsultazzjonijiet dwar il-prijoritajiet, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom kif ukoll ir-riċerkaturi. Permezz tal-EUYD hija possibbli sħubija kontinwa fil-governanza ta’ dawn il-proċessi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

5.

L-eżiti tad-disa’ ċiklu tal-EUYD huma bbażati fuq it-tliet Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ taċ-ċiklu, fuq feedback minn konsultazzjonijiet u avvenimenti kwalitattivi nazzjonali u Ewropej mill-fażi tad-djalogu, u fuq ir-riżultati mill-fażi ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew. Dawn l-eżiti jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-implimentazzjoni fuq diversi livelli u trans-settorjali tal-Għan dwar iż-Żgħażagħ #10 “Ewropa Ekoloġika Sostenibbli” u tal-Għan taż-Żgħażagħ #3 “Soċjetajiet Inklużivi” taħt it-titolu “Naħdmu flimkien għal Ewropa sostenibbli u inklużiva”.

6.

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi ħafna (2)fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u żiedet l-inugwaljanzi bejn il-gruppi ta’ żgħażagħ. Barra minn hekk, il-gwerra ta’ aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, u l-kriżi tal-enerġija konsegwenti, iż-żieda fil-migrazzjoni u l-inflazzjoni globali għandhom effetti serji fuq iż-żgħażagħ u l-komunitajiet fl-Ewropa. Il-fatt li ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet għandhom inqas aċċess għad-drittijiet tal-bniedem u speċjalment dawk soċjali minn żgħażagħ b’aktar opportunitajiet jidher b’mod saħansitra aktar ċar matul dawn il-kriżijiet.

7.

L-istedina mit-8 ċiklu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri hija biex

tissaħħaħ il-memorja istituzzjonali fit-tul u l-kontinwità tal-ħidma bejn iċ-ċikli tal-EUYD;

tappella biex jiġu organizzati skambji u koordinazzjoni regolari mmexxija miż-żgħażagħ u appoġġati b'mod adegwat bejn it-triju ta' Presidenzi, il-Kummissjoni u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, u biex id-dokumentazzjoni tal-Grupp ta' Tmexxija Ewropew issir pubblika fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ;

tipprovdi feedback kontinwu liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ involuti fl-istadji kollha tal-proċess tal-EUYD biex jiġi żgurat djalogu sinifikanti u parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-livelli kollha;

tagħti prijorità u viżibbiltà lill-EUYD f'avvenimenti nazzjonali u fil-livell tal-UE u tippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha.

8.

Is-sett ta’ għodod tad-disa’ ċiklu tal-EUYD ipprovda mezzi għall-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali biex tinġabar informazzjoni dwar il-pjanijiet li ħolqu għaċ-ċiklu, u dwar eżempji ta’ prattika tajba li identifikaw fil-ħames oqsma ewlenin, jiġifieri:

a)

l-informazzjoni u l-edukazzjoni,

b)

l-azzjoni u awtonomizzazzjoni,

c)

il-governanza,

d)

il-mobbiltà u s-solidarjetà,

e)

l-aċċess għall-infrastruttura.

Dan il-proċess ġabar l-opinjonijiet taż-żgħażagħ u kkontribwixxa għall-iżvilupp ta' metodi ta' ħidma u tal-aħjar prattiki, filwaqt li ffaċilita l-implimentazzjoni tad-disa' ċiklu tal-EUYD.

WAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

9.

L-EUYD huwa bbażat fuq it-tmexxija u s-sjieda kondiviża tal-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali, fejn possibbli, ikkoordinati mill-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Dan jippermetti li għadd divers ta’ żgħażagħ jipparteċipaw fid-djalogu u jgħaqqad il-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali differenti mal-proċess.

10.

Il-kontribut tal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali taż-Żgħażagħ Mhux Governattivi (INGYOs) huwa importanti biex iwassal firxa ta’ perspettivi minn madwar l-Ewropa għad-djalogu politiku u biex jiġi żgurat kontribut ta’ kwalità dwar id-dimensjoni tranżnazzjonali tal-proċess tal-EUYD.

IQISU LI:

11.

Il-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali u l-INGYOs użaw varjetà ta’ metodi, bħal djalogu u avvenimenti ta’ diskussjoni madwar mejda (kemm online kif ukoll offline), stħarriġ fuq il-media soċjali u attivitajiet immirati ma’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

12.

Li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jitqiegħdu fil-qalba tat-tfassil, l-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u s-segwitu taċ-ċiklu u l-attivitajiet kollha tiegħu, pereżempju billi jiġi żgurat li l-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-presidenza kellhom id-dritt li jikkopresiedu l-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, kien aspett ewlieni fl-implimentazzjoni tad-Disa’ Ċiklu tal-EUYD.

JINNOTAW IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET LI ĠEJJIN TAL-KONFERENZA TAL-UE DWAR IŻ-ŻGĦAŻAGĦ (3):

13.

Rakkomandazzjoni għas-sottotema 1 dwar l-informazzjoni u l-edukazzjoni: “Aħna nitolbu li l-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għal informazzjoni faċli għall-utent dwar is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima permezz ta’ edukazzjoni inklużiva u li tħeġġeġ l-awtonomija mhux formali u formali li trawwem id-djalogu u t-tagħlim interġenerazzjonali”.

14.

Rakkomandazzjoni għas-sottotema 2 dwar l-azzjoni u l-awtonomizzazzjoni: “Aħna nħeġġu lill-Istati Membri jiggarantixxu bordijiet konsultattivi indipendenti fuq livell lokali (eż. kunsilli taż-żgħażagħ) li jikkonsistu miż-żgħażagħ u jintgħażlu minnhom, b’enfasi intersezzjonali fuq iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, filwaqt li jittieħed approċċ sostenibbli”.

15.

Rakkomandazzjoni għas-sottotema 3 dwar il-governanza: “Aħna nirrakkomandaw l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni li tiżgura r-responsabbiltà u t-trasparenza fil-proċessi tat-tfassil tal-politika dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u l-appoġġ ta’ mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni u evalwazzjoni li jippermettu dan (eż. korpi taż-żgħażagħ, testijiet taż-żgħażagħ) fil-livell lokali, reġjonali u Ewropew”.

16.

Rakkomandazzjoni għas-sottotema 4 dwar il-mobbiltà u s-solidarjetà: “Aħna nħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex joħolqu pjanijiet ta’ azzjoni, immirati lejn is-settur tal-edukazzjoni formali u lejn is-suq tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent formali tal-esperjenza u l-kompetenzi ewlenin miksuba permezz tal-parteċipazzjoni fil-volontarjat u l-mobbiltà għat-tagħlim”.

17.

Rakkomandazzjoni għas-sottotema 5 dwar l-aċċess għall-infrastruttura: "Aħna nirrakkomandaw lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jipprovdu “Youth Climate Ticket” affordabbli u aċċessibbli bħala għodda multimodali universali għat-trasport pubbliku fil-livelli reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, u lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jipproponu modi sostenibbli ta’ trasport pubbliku.

JAGĦRFU LI:

18.

Il-parteċipanti tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ saħqu dwar il-ħtieġa li l-aspetti kollha tal-EUYD isiru aktar inklużivi u diversi u li diversi gruppi ta’ żgħażagħ isiru jafu aktar dwaru, inkluż permezz ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni fit-tul, eż. permezz ta’ logo komuni, promozzjoni tar-riżultati fuq skala wiesgħa u informazzjoni aċċessibbli u adattata għaż-żgħażagħ, li tmur lil hinn mid-delegati tal-konferenzi u l-parteċipanti ewlenin fl-EUYD.

19.

Il-parteċipanti tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ enfasizzaw ukoll li kooperazzjoni transsettorjali effiċjenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE kienet importanti biex ir-riżultati tal-EUYD jinħarġu barra mill-isfera tal-politika taż-żgħażagħ biex jinħoloq impatt lil hinn mis-settur taż-żgħażagħ. Ġie nnutat ukoll li l-Istati Membri u l-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali kellhom rwol ewlieni fil-monitoraġġ u l-għoti ta’ feedback sistematiku sabiex tissaħħaħ it-trasparenza interna tal-proċess.

JILQGĦU:

20.

Id-Deċiżjoni dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (4), li titfa’ l-attenzjoni fuq iż-żgħażagħ u r-rwol importanti tagħhom fis-soċjetà kif ukoll li tawtonomizza u terġa’ tagħti l-fiduċja lill-ġenerazzjoni żagħżugħa li batiet l-aktar matul il-pandemija tal-COVID-19.

21.

L-evoluzzjoni tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-funzjoni affermata mill-ġdid tiegħu bħala punt uniku ta’ servizz għall-EUYD u d-dokumenti relatati bħala kontribut biex tiġi żgurata l-memorja istituzzjonali bejn iċ-ċikli.

22.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-trawwim tal-involviment fost iż-żgħażagħ bħala atturi tal-bidla sabiex jitħares l-ambjent, speċjalment l-enfasi li tpoġġiet fuq l-appoġġ għaż-żgħażagħ fl-involviment tagħhom fl-ambjent u l-azzjonijiet tagħhom fl-iżvilupp kontinwu tas-soċjetà kollha kemm hi.

23.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tad-dimensjoni interġenerazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ biex jitrawmu d-djalogu u l-koeżjoni soċjali, b’mod partikolari b’enfasi fuq il-benefiċċji li jinġabru flimkien l-esperjenza u l-kompetenzi ta’ ġenerazzjonijiet differenti fil-bini ta’ soċjetajiet paċifiċi u koeżivi.

24.

L-enfasi tat-tmien ċiklu tal-EUYD fuq l-Għan taż-Żgħażagħ #9 “Spazju u Parteċipazzjoni għal Kulħadd” u l-proċess parteċipattiv li wassal għall-approvazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-governanza f’diversi livelli meta tiġi promossa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-salvagwardja u l-ħolqien ta’ spazji ċiviċi għaż-żgħażagħ li jiffaċilitaw parteċipazzjoni sinifikattiva taż-żgħażagħ.

25.

Il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ u tal-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali fid-disa’ ċiklu tal-EUYD u l-inklużjoni ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’varjetà ta’ avvenimenti li jipprovdu feedback matul iċ-ċiklu kollu u l-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea taż-żgħażagħ (EYY). Barra minn hekk, jilqgħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-laqgħa informali tal-Ministri għall-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ fi Strasburgu, fis-seminar dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Proġett Ewropew fi Strasburgu, u fil-konferenza “Nieħdu Pussess tal-Futur” (Claim the Future) fi Brussell biex jinġabru fil-qosor il-kisbiet tal-EYY u biex issir riflessjoni dwar il-legat tagħha.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

26.

Jikkunsidraw, fejn xieraq, ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq fil-paragrafi 13 sa 17 meta jimplimentaw u jevalwaw ir-reazzjonijiet rilevanti fil-livell ta’ politika relatati mas-sottotemi 1 sa 5 tad-disa’ ċiklu tal-EUYD.

27.

Jikkunsidraw l-eżiti tad-disa’ ċiklu tal-EUYD, meta jimplimentaw u jevalwaw il-politiki attwali dwar iż-żgħażagħ u jfasslu politiki futuri dwar iż-żgħażagħ, f’sinerġija mal-politiki kollha li jaffettwaw liż-żgħażagħ. Jesploraw aktar modi kif jimplimentaw l-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ #10 u #3 u s-sottomiri tagħhom.

28.

Jinkoraġġixxu, jirrikonoxxu u, fejn xieraq, jappoġġaw finanzjarjament azzjonijiet u programmi mibdija u mmexxija miż-żgħażagħ fl-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari dawk li jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jżidu l-inklużjoni, sabiex ikunu jistgħu jkunu aġenti tal-bidla fis-soċjetà kollha kemm hi.

29.

Isaħħu u jtejbu l-proċess tal-EUYD billi jikkunsidraw u, fejn possibbli, jimplimentaw l-aħjar prattiki tad-disa’ Ċiklu tal-EUYD u l-prinċipji li ggwidaw l-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari billi jpoġġu liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-qalba tal-proċess u jiżguraw li l-EUYD ikun proċess immexxi miż-żgħażagħ li fih iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikollhom djalogu kostruttiv immirat li jsib is-soluzzjonijiet.

30.

Jawtonomizzaw lill-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ, fejn applikabbli, fir-rwol tagħhom bħala partijiet ikkonċernati ewlenin fil-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali biex ikunu jistgħu jikkoordinaw u jimplimentaw l-EUYD fil-livell nazzjonali.

31.

Jappellaw lill-partijiet rilevanti biex jiżguraw appoġġ amministrattiv u finanzjarju stabbli, kif ukoll l-għodod meħtieġa, lill-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ għall-kopresidenza tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, fejn applikabbli, biex ikunu jistgħu jieħdu rwol ewlieni fl-EUYD matul il-mandat tal-presidenza tal-Istat Membru tagħhom, speċjalment permezz tal-kapitolu dwar iż-Żgħażagħ tal-programm Erasmus+ f’konformità mal-bażi legali tiegħu u r-Regolament Finanzjarju tal-UE.

32.

Jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ, lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u lil partijiet ikkonċernati oħra fil-qasam taż-żgħażagħ biex jagħmlu aktar użu mill-possibbiltajiet ta’ finanzjament offruti mill-kapitolu dwar iż-Żgħażagħ tal-programm tal-UE Erasmus + sabiex isaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u d-djalogi taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u, fejn xieraq, biex jorbtuhom aktar mill-qrib mal-proċess tal-EUYD.

33.

Jirrikonoxxu l-involviment u l-kontribut tal-INGYOs fil-proċess tal-EUYD bħala atturi importanti biex jiġi żgurat li d-djalogu jkollu dimensjoni Ewropea b’saħħitha u, fejn xieraq, jipprovdu prekondizzjonijiet meħtieġa għall-parteċipazzjoni attiva u l-involviment tagħhom fil-proċess tal-EUYD.

34.

Ikomplu l-ħidma li saret fil-livelli kollha matul l-EYY biex tingħata prijorità u tiżdied il-viżibbiltà tal-EUYD f’avvenimenti lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE u tiġi promossa l-parteċipazzjoni inklużiva taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha f’konformità mal-aħjar prattika għall-inklużjoni taż-żgħażagħ.

35.

Jiżguraw li jkun hemm strateġija ta’ komunikazzjoni fit-tul fil-livell Ewropew biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-EUYD favur iż-żgħażagħ u, fejn xieraq, jipprovdu lill-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali b’appoġġ addizzjonali biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom stess dwar l-EUYD. L-istrateġija ta’ komunikazzjoni għandha preferibbilment tinħoloq taħt it-tmexxija konġunta tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inkluż logo komuni tal-EUYD, għat-tikkettar tal-azzjonijiet kollha tal-EUYD, fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

36.

Jieħdu miżuri xierqa biex jintegraw il-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha, f’konformità mal-attivitajiet imwettqa matul l-EYY, biex titrawwem perspettiva taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha. Il-qasam ta’ politika taż-żgħażagħ għandu jaġixxi bħala pont għal oqsma oħra tat-tfassil tal-politika, biex jiġi żgurat li l-ilħna tat-tfal u ż-żgħażagħ jiġu amplifikati u inklużi f’setturi oħra.

37.

Jiżviluppaw aktar il-monitoraġġ u l-feedback relatati mal-eżiti tal-EUYD biex tiżdied it-trasparenza u tiġi żgurata parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fil-partijiet kollha u fl-istadji kollha tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

38.

Jipprovdu appoġġ kif ukoll għodod u metodi mmirati biex jilħqu u jħejju liż-żgħażagħ li normalment ma jipparteċipawx, inkluż żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, fl-EUYD. Dawn jistgħu jitfasslu skont il-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi skont il-każ. L-objettiv ikun li jiġu pprovduti għodod ta’ komunikazzjoni sempliċi biex jispjegaw l-EUYD u r-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej b’mod li jinftiehem faċilment miż-żgħażagħ u jipprovdu appoġġ adegwat matul il-proċess kollu.

39.

Fejn xieraq, jiżviluppaw metodi u għodod ta’ implimentazzjoni fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE dwar kif tittieħed azzjoni dwar il-messaġġi u t-talbiet li joħorġu mill-EUYD u l-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, kif ukoll mill-EYY.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI, F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

40.

Tiżviluppa aktar il-Portal taż-Żgħażagħ tal-UE u għodod ta’ komunikazzjoni rilevanti oħra b’mod faċli għaż-żgħażagħ sabiex tiżdied il-faċilità tal-komprensjoni u l-viżibbiltà tal-EUYD, filwaqt li tibni fuq prattiki tajbin mill-EYY u d-disa’ ċiklu tal-EUYD.

41.

Tinvolvi aktar lill-Koordinatur tal-UE għaż-Żgħażagħ fl-integrazzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha tal-UE f’konformità mal-legat tal-EYY u tagħti aktar viżibbiltà lill-EUYD bħala strument għall-integrazzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.

U JINNOTAW UKOLL LI:

42.

Il-prijorità tematika ġenerali tat-Triju ta’ Presidenzi li jmiss (Spanja, il-Belġju u l-Ungerija) hija “GĦANDNA BŻONN IŻ-ŻGĦAŻAGĦ”.

43.

L-ambizzjoni hija li l-EUYD ikompli jiġi żviluppat u msaħħaħ matul l-10 ċiklu filwaqt li jitqiesu r-riżultati, ir-rakkomandazzjonijiet, iċ-ċelebrazzjoni u l-evalwazzjonijiet taċ-ċikli preċedenti.

(1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ — Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019–2027 (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1).

(2)  Eurofound (2021), impact of COVID-19 on young people in the EU, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

(3)  Dawn huma r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fil-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Marzu 2023 fi tmiem id-Disa' ċiklu tal-EUYD. Ara wkoll l-astratti ta' appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet 1 sa 5 fl-Anness II għall-anness.

(4)  Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1).


ANNESS I

REFERENZI

Bárta O., Moxon D. (2023). Rapport tal-Fażi ta' Implimentazzjoni tal-EUYD9. DOI: 10.5281/zenodo.7696299.

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar tisħiħ tal-governanza f'diversi livelli fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet (ĠU C 241, 21.6.2021, p. 3).

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar it-trawwim tal-kuxjenza demokratika u l-involviment demokratiku fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (ĠU C 415, 1.12.2020, p. 16).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-trawwim tal-involviment fost iż-żgħażagħ bħala atturi tal-bidla sabiex jitħares l-ambjent, (ĠU C 159, 12.4.2022, p. 9).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tad-dimensjoni interġenerazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ biex jitrawmu d-djalogu u l-koeżjoni soċjali, (ĠU C 495, 29.12.2022, p. 56).

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-salvagwardja u l-ħolqien ta' spazji ċiviċi għaż-żgħażagħ li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ, (ĠU C 501 I, 13.12.2021, p. 19).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar id-Djalogu Strutturat u l-iżvilupp futur tad-djalogu maż-żgħażagħ fil-kuntest tal-politiki għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018 (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 1).

Eurofound (2021), Impact of COVID-19 on young people in the EU, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-eżiti tat-tmien ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (ĠU C 504, 14.12.2021, p. 1).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-Eżiti tas-Seba' Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ: Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (OJ C 212I, 26.6.2020, p. 1).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ - Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027, (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1).


ANNESS II

ASTRATTI TA' APPOĠĠ GĦAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAS- SOTTOTEMI 1-5 TAD-DISA' ĊIKLU TAD-DJALOGU TAL-UE MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ:

Il-fażi ta' implimentazzjoni tad-disa' ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (EUYD) bniet fuq il-ħames sottotemi magħżula mill-parteċipanti tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ fi Strasburgu, Franza, f'Jannar 2022. L-analiżi tal-fażi ta' implimentazzjoni saret fi Frar u f'Marzu 2023, u pprovdiet informazzjoni intuwittiva u konkretizzazzjoni taż-żewġ oqsma ewlenin tar-rappurtar tal-implimentazzjoni, jiġifieri l-firxa ta' attivitajiet ta' implimentazzjoni, u l-impatti identifikati bħala riżultat tal-attivitajiet ta' implimentazzjoni tad-disa' Ċiklu tal-EUYD. Ir-rapport dwar il-fażi ta' implimentazzjoni (1)serva bħala bażi għad-diskussjonijiet fil-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Växjö, l-Iżvezja, f'Marzu 2023.

Dan l-anness fih l-astratti ta' appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet għas-sottotemi 1-5 taċ-ċiklu li ġew abbozzati mill-parteċipanti tal-Konferenza.

1.   Informazzjoni u edukazzjoni

“L-għan tar-rakkomandazzjoni tagħna huwa li tiġi żgurata informazzjoni affidabbli u inklużiva dwar is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima. Tali informazzjoni faċli għall-utent aċċessibbli għal persuni minn etajiet/stadji tal-ħajja differenti tgħinna niksbu Ewropa aktar ekoloġika. Jeħtieġ li nintegraw l-informazzjoni dwar dawn is-suġġetti fit-tipi kollha ta' kontenut edukattiv, kemm mhux formali kif ukoll formali. Huwa importanti li nitgħallmu flimkien u minn xulxin, filwaqt li nqisu perspettivi differenti bħal diversi kulturi u sfondi soċjoekonomiċi. Għaldaqstant, għandha titqies il-ġustizzja klimatika. Mhuwiex ġust li ż-żgħażagħ jitgħabbew bil-konsegwenzi tal-politiki li ma fasslux huma stess. Jeħtieġ li jkollna l-ġenerazzjonijiet kollha involuti b'mod attiv fl-edukazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u s-soluzzjonijiet meħtieġa.

Iż-żgħażagħ jeħtieġu l-ħiliet, l-għarfien u l-pjattaformi biex jieħdu azzjoni sinifikanti. Huwa importanti li jintuża l-potenzjal tal-edukazzjoni mhux formali u li jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji prattiċi. Aħna nipprevedu l-implimentazzjoni permezz ta' approċċ interdixxiplinari u nagħmlu użu mill-potenzjal u l-għarfien tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ diġà disponibbli. Huwa meħtieġ li jiġu pprovduti riżorsi għall-edukaturi biex jirċievu t-taħriġ u l-kapaċità xierqa biex iwettqu r-rwol tagħhom. Peress li dan huwa proċess attiv, jeħtieġ li jkun proċess kontinwu ta' evalwazzjoni, monitoraġġ u titjib.”

2.   Azzjoni u awtonomizzazzjoni

“Kemm-il darba ż-żgħażagħ jiġu injorati u esklużi mill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jħallu impatt serju fuq il-futur tagħhom. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, inħeġġu t-titjib tal-mekkaniżmi lokali ta' parteċipazzjoni minn isfel għal fuq permezz tal-awtonomizzazzjoni liż-żgħażagħ, speċjalment dawk b'inqas opportunitajiet.

Għalkemm dawn [il-bordijiet konsultattivi] attwalment jeżistu f'xi pajjiżi bħall-Finlandja, l-Estonja u l-Iżvezja, nirrikonoxxu l-ħtieġa għal qafas madwar l-Ewropa kollha biex jiġu stabbiliti mudelli aktar effiċjenti għal proċessi ta' kodeċiżjoni effettivi bejn iż-żgħażagħ lokali u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Dan l-approċċ jeħtieġ li jittieħed b'mod sostenibbli u intersezzjonali, biex jiġu żgurati kemm il-kontinwità tal-proċessi, kif ukoll l-inklużjoni ta' żgħażagħ minn sfondi differenti u esperjenzi li huma stess ikunu għaddew minnhom. It-teħid ta' approċċ intersezzjonali jimplika li persuna tista' tkun qed tesperjenza diversi forom ta' diskriminazzjoni u marġinalizzazzjoni fl-istess ħin.

Dawn il-bordijiet għandhom jiġu ffurmati permezz ta' proċessi demokratiċi u mmexxija miż-żgħażagħ fejn iż-żgħażagħ jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom stess. Il-proċess eżatt u l-loġistika tiegħu jistgħu jirriflettu l-kuntest lokali rispettiv. Il-membri tal-bordijiet ser jaġixxu bħala l-vuċi taż-żgħażagħ lokali qabel, wara u matul il-proċessi tat-tfassil tal-politika lokali.

Huwa kruċjali li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-inklużjoni u r-rappreżentanza taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Billi noħolqu bordijiet konsultattivi indipendenti fuq livell lokali u nawtonomizzaw liż-żgħażagħ, speċjalment dawk b'inqas opportunitajiet, nistgħu noħolqu futur aħjar għal kulħadd.”

3.   Governanza

“Il-konsultazzjonijiet tad-disa' ċiklu tal-EUYD urew nuqqas kbir ta' fiduċja fost iż-żgħażagħ lejn l-effettività tal-mekkaniżmi tat-tfassil tal-politika fir-rigward tal-politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Minkejja l-aspirazzjonijiet u l-isforzi biex iż-żgħażagħ jiġu inklużi f'dawn il-proċessi tat-tfassil tal-politika, iż-żgħażagħ jirrapportaw li l-involviment tagħhom x'aktarx li ma jwassalx għal bidla politika.

L-għan ta' din ir-rakkomandazzjoni huwa li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ jiġu inklużi matul il-proċess tat-tfassil tal-politika, li jsemmgħu leħinhom, filwaqt li timmonitorja u tipprovdi segwitu u feedback liż-żgħażagħ dwar l-azzjonijiet meħuda minn dawk li jfasslu l-politika wara attivitajiet ta' parteċipazzjoni u li tirrapporta pubblikament dwar il-bidliet miksuba jew tiġġustifika n-nuqqas ta' bidliet sal-iskadenzi mogħtija. Dan ser jgħin biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politika.

Ir-rakkomandazzjoni tikkontribwixxi għall-awtonomizzazzjoni tar-rwol tal-korpi taż-żgħażagħ, inklużi l-kunsilli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-EUYD u l-introduzzjoni ta' għodod ta' valutazzjoni tal-impatt bħat-testijiet relatati maż-żgħażagħ. Dan jippermetti politiki mmirati aħjar li jħallu impatt, jaħdmu biex inaqqsu d-distakki fl-inugwaljanza u jappoġġaw lill-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.”

4.   Mobbiltà u Solidarjetà

“Bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023, ġiet enfasizzata ħtieġa urġenti li tiġi promossa l-mentalità ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, li jikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli u jwassal għal settur tal-edukazzjoni formali mgħammar tajjeb u suq tax-xogħol kompetittiv. Għalhekk, aħna nħeġġu bil-qawwa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ Ewropej fil-volontarjat u l-mobbiltà għat-tagħlim bħala proċess attiv ta' tagħlim għal aktar żvilupp tal-ħiliet. B'mod parallel, hemm nuqqas ta' fehim dejjem jikber mhux biss min-naħa taż-żgħażagħ, iżda minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-politika, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni formali u s-suq tax-xogħol, li jipprevjeni r-rikonoxximent tal-valur li dawn l-esperjenzi għandhom jew il-kompetenzi li ż-żgħażagħ Ewropej jistgħu jiżviluppaw minnhom.

Il-mobbiltà mhijiex aċċessibbli għall-maġġoranza taż-żgħażagħ minħabba nuqqas ta' informazzjoni, ostakli lingwistiċi, riżorsi finanzjarji insuffiċjenti u kompiti personali oħra. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li jkun hemm informazzjoni aċċessibbli u faċli għaż-żgħażagħ, minn sors ta' fiduċja, kif ukoll kampanja ġenerali ta' sensibilizzazzjoni, biex iż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa jagħrfu dawn l-opportunitajiet, filwaqt li jrawmu soċjetà aktar inklużiva, skont l-Għan dwar iż-Żgħażagħ #3.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tniedi proċess li jinvolvi lill-Istati Membri biex ikun hemm konsultazzjonijiet sabiex jiġu żviluppati pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, f'perjodu ta' żmien ta' sentejn, li jiffoka fuq li l-volontarjat u l-mobbiltajiet tat-tagħlim isiru aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari dawk b'opportunitajiet limitati. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom joħolqu qafas biex jirrikonoxxu l-kompetenzi u l-ħiliet li wieħed ikun tgħallem matul il-volontarjat u l-mobbiltajiet tat-tagħlim fuq perjodu qasir u twil bħala parti mill-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom, filwaqt li jirrikonoxxu dawn l-esperjenzi bħala ta' benefiċċju għall-ħidma u l-kurrikuli tagħhom.”

5.   Aċċess għall-infrastruttura

“Minkejja l-iskontijiet eżistenti tat-trasport, it-trasport għadu ostaklu fil-ħajja ta' kuljum ta' ħafna żgħażagħ minħabba differenzi reġjonali, speċjalment f'żoni rurali minħabba li dan ikun antik u/jew insuffiċjenti. It-trasport jaffettwa l-istudju, ix-xogħol, u l-ħajja ta' kuljum taż-żgħażagħ. Id-disponibbiltà, l-affordabbiltà, u l-aċċessibbiltà universali huma kruċjali għall-avvanz tas-sistemi tat-trasport pubbliku tagħna. L-użu tat-trasport pubbliku miż-żgħażagħ inaqqas il-migrazzjoni rurali għal dik urbana. Dan jgħin biex tinżamm il-popolazzjoni rurali billi jnaqqas il-konġestjoni u jinċentiva liż-żgħażagħ biex jibqgħu f'dawn iż-żoni, filwaqt li jippromwovi akkomodazzjoni sostenibbli kemm fiż-żoni rurali kif ukoll f'dawk urbani.

L-inizjattiva ‘Youth Climate Ticket’ għandha l-għan li timplimenta sistema sempliċi biex tipprovdi liż-żgħażagħ bi trasport pubbliku aċċessibbli, affordabbli u disponibbli fuq skala reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Nemmnu f'approċċ olistiku għas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali. Għandna l-għan ukoll li nippermettu liż-żgħażagħ jagħżlu modi ta' vvjaġġar sostenibbli aktar ta' spiss u li l-Istati Membri jibnu infrastruttura aktar sostenibbli fit-tul u jsaħħu l-mobbiltà u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

L-EU Youth Climate Ticket huwa inizjattiva pilota li għandha l-għan li toħloq pjattaforma diġitali unika fuq tliet livelli differenti: reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. L-ewwel tnejn ikunu fakultattivi, appoġġati mill-Kummissjoni Ewropea biss fl-Istati Membri li jkunu jixtiequ. Il-livell internazzjonali jkun soġġett għall-armonizzazzjoni tal-UE. Il-pjattaforma ser ikollha l-funzjoni li tadatta għall-prezzijiet nazzjonali u ser isservi bħala forum biex jintwerew l-aħjar prattiki. Fir-rigward tat-trasport pubbliku sostenibbli, irridu li ż-żgħażagħ jirnexxu u mhux biss jissoppravivu.”


(1)  Bárta O., Moxon D. (2023). Rapport tal-Fażi ta' Implimentazzjoni tal-EUYD9. DOI: 10.5281/zenodo.7696299.