6.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/1


FTEHIM INTERN

bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020, skont il-ftehim ta’ sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,

WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

WARA LI KKONSULTAW mal-Kummissjoni Ewropea,

WARA LI KKONSULTAW mal-Bank Ewropew tal-Investiment,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) u kif emendat għat-tieni darba f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (3) (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), jipprevedi d-definizzjoni tal-protokolli finanzjarji għal kull perijodu ta’ ħames snin.

(2)

Fis-17 ta’ Lulju 2006, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, adottaw Ftehim Intern dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna Komunitarja skont il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu bejn l-2008 sal-2013, skont il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-KE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat tal-KE (4).

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ewropea (5) (“id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea”) hija applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013. Deċiżjoni ġdida għandha tiġi adottata qabel dik id-data.

(4)

Sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea, għandu jiġi stabbilit il-11-il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u għandha tiġi stipulata proċedura għad-determinazzjoni tal-allokazzjoni ta’ fondi u l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għal dawk il-fondi.

(5)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f’konformità mal-Anness Ib tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, għamlu reviżjoni tal-prestazzjoni, flimkien mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“l-Istati AKP”), fejn ġie vvalutat il-grad tal-attwazzjoni tal-impenji u l-ħlasijiet.

(6)

Għandhom ikunu determinati r-regoli ta’ amministrazzjoni għall-kooperazzjoni finanzjarja.

(7)

Fil-Kummissjoni għandu jitwaqqaf Kumitat ta’ Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (il-“Kumitat tal-FEŻ”), u għandu jitwaqqaf Kumitat simili fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Għandhom jiġu armonizzati l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-BEI fl-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea.

(8)

Il-politika tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija ggwidata mill-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta’ Settembru 2000, inkluża kull modifika sussegwenti.

(9)

Fit-22 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni adottaw Stqarrija Konġunta dwar Politika ta’ Żvilupp tal-Unjoni Ewropea: Il-Kunsens Ewropew (6).

(10)

Fid-9 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar Responsabbiltà u Trasparenza Reċiproċi: Ir-Raba’ Kapitolu għall-Qafas Operattiv tal-UE dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna. Dawk il-konklużjonijiet ġew miżjuda mat-test konsolidat tal-Qafas Operattiv dwar l-Effettività tal-Għajnunafejn ġew affermati mill-ġdid il-ftehimiet taħt id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (2005), il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp (2007), u l-Linji Gwida tal-UE għall-Aġenda ta’ Accra għall-Azzjoni (2008). Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill adotta wkoll pożizzjoni komuni tal-UE, anke dwar il-Garanzija ta’ Trasparenza tal-UE u aspetti oħra ta’ trasparenza u responsabbiltà, għar-raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f’Busan, fil-Korea t’Isfel li rriżulta, inter alia, fid-Dokument tal-Eżitu ta’ Busan. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qablu għad-Dokument tal-Eżitu ta’ Busan. Fl-14 ta’ Mejju 2012, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar iż-Żieda fl-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla u dwar l-Approċċ Futur għall-Appoġġ Baġitarju tal-UE għal Pajjiżi Terzi.

(11)

Il-miri tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) indikati fil-konklużjonijiet imsemmijin fil-premessa 10 għandhom jiġu kkunsidrati. Fir-rappurtar tan-nefqa tal-11-il FEŻ lill-Istati Membri u lill-Kumitat tal-Assistenza għall-Iżvilupp tal-OECD, il-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn l-attivitajiet tal-ODA u attivitajiet li mhumiex tal-ODA.

(12)

Fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-relazzjonijiet tal-UE ma’ Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (OCTs).

(13)

L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkun konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (7).

(14)

Sabiex tkun evitata kull interruzzjoni tal-finanzjament minn Marzu sa Diċembru 2020, huwa tajjeb li l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-11-il FEŻ isir l-istess bħal dak għall-qafas finanzjarju pluriennali fir-rigward tal-perijodu mill-2014 sal-2020 applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Huwa għalhekk iktar favorevoli li d-data finali għall-impenji tal-fondi tal-11-il FEŻ tkun il-31 ta’ Diċembru 2020 milli t-28 ta’ Frar 2020 li tkun id-data finali tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

(15)

Permezz tal-prinċipji fundamentali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE bħala sisien, l-objettivi tal-11-il FEŻ huma l-eliminazzjoni tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni gradwali tal-Istati AKP fl-ekonomija dinjija. Għandu jingħata trattament speċjali lill-pajjiżi l-anqas żviluppati.

(16)

Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni soċjoekonomika bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u l-Istati AKP, kif ukoll l-OCTs fil-Karibew, fl-Afrika tal-Punent u fl-Oċean Indjan, ir-regolamenti dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar il-kooperazzjoni territorjali Ewropea għandhom jinkludu t-tisħiħ tal-allokazzjonijiet għall-perijodu mill-2014 sal-2020 għal tali kooperazzjoni bejniethom,

FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

KAPITOLU 1

RIŻORSI FINANZJARJI

Artikolu 1

Riżorsi tal-11-il FEŻ

1.   L-Istati Membri b’dan jistabbilixxu l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, minn hawn ’il quddiem “il-11-il FEŻ”.

2.   Il-11-il FEŻ għandu jikkonsisti f’dan li ġej:

(a)

ammont ta’ EUR 30 506 miljun (fi prezzijiet attwali) ikkontribwit mill-Istati Membri kif ġej:

Stat Membru

Fattur tal-kontribuzzjoni

(%)

Kontribuzzjoni f’EUR

Belġju

3,24927

991 222 306

Bulgarija

0,21853

66 664 762

Repubblika Ċeka

0,79745

243 270 097

Danimarka

1,98045

604 156 077

Ġermanja

20,5798

6 278 073 788

Estonja

0,08635

26 341 931

Irlanda

0,94006

286 774 704

Greċja

1,50735

459 832 191

Spanja

7,93248

2 419 882 349

Franza

17,81269

5 433 939 212

Kroazja (*)

0,22518

68 693 411

Italja

12,53009

3 822 429 255

Ċipru

0,11162

34 050 797

Latvja

0,11612

35 423 567

Litwanja

0,18077

55 145 696

Lussemburgu

0,25509

77 817 755

Ungerija

0,61456

187 477 674

Malta

0,03801

11 595 331

Pajjiżi l-Baxxi

4,77678

1 457 204 507

Awstrija

2,39757

731 402 704

Polonja

2,00734

612 359 140

Portugall

1,19679

365 092 757

Rumanija

0,71815

219 078 839

Slovenja

0,22452

68 492 071

Slovakkja

0,37616

114 751 370

Finlandja

1,50909

460 362 995

Svezja

2,93911

896 604 897

Renju Unit

14,67862

4 477 859 817

TOTAL

100,00000

30 506 000 000

L-ammont ta’ EUR 30 506 miljun għandu jkun disponibbli mid-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali, għall-perijodu mill-2014 sal-2020, li minnhom

(i)

EUR 29 089 miljun għandhom jiġu allokati lill-Istati AKP;

(ii)

EUR 364,5 miljun għandhom jiġu allokati lill-OCTs;

(iii)

EUR 1 052,5 miljun għandhom jiġu allokati lill-Kummissjoni għas-sostenn tan-nefqa kif imsemmi fl-Artikolu 6, konnessi mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ; li ta’ mill-inqas EUR 76,3 miljun minnhom għandhom jiġu allokati lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-impatt tal-programmi FEŻ kif imsemmi fl-Artikolu 6(3).

(b)

b’eċċezzjoni tal-għotjiet għall-iffinanzjar tas-sussidji tar-rata ta’ interess, il-fondi msemmija fl-Annessi I u Ib għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Annessi II A u II Aa tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea u allokati taħt id-9 FEŻ u l-10 FEŻ għall-iffinanzjar tar-riżorsi tal-Faċilitajiet ta’ Investiment mhumiex affettwati mid-Deċiżjoni 2005/446/KE (8), u l-paragrafu 5 tal-Anness Ib għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE li jistipula d-dati sa meta jistgħu jiġu allokati l-fondi tad-9 FEŻ u l-10 FEŻ. Dawk il-fondi għandhom jiġu trasferiti fil-11-il FEŻ u jiġu ġestiti skont l-arranġamenti għall-implimentazzjoni fil-11-il FEŻ, fir-rigward tal-fondi msemmija fl-Annessi I u Ib għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020 skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u, fir-rigward tal-fondi msemmija fl-Annessi II A u II Aa tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea, mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-assistenza finanzjarja lill-OCTs għall-perijodu mill-2014 sal-2020.

3.   Wara l-31 ta’ Diċembru 2013, jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020 jekk dik id-data tinzerta aktar tard, il-bilanċi mill-10 FEŻ jew minn FEŻ preċedenti ma għandhomx ikunu aktar impenjati, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kunsill b’mod unanimu, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-bilanċi u l-fondi diżimpenjati wara d-data rilevanti u li jirriżultaw mis-sistema li tiggarantixxi l-istabbilizzazzjoni tad-dħul mill-esportazzjoni minn prodotti agrikoli primarji (Stabex) taħt il-FEŻ qabel id-9 FEŻ, u ta’ dawk il-fondi msemmija fil-paragrafu 2(b).

4.   Il-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 FEŻ jew mill-FEŻ preċedenti wara l-31 ta’ Diċembru 2013, jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020 jekk dik id-data tinzerta aktar tard, ma għandhomx jibqgħu impenjati, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kunsill b’mod unanimu, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-fondi diżimpenjati wara d-data rilevanti u li jirriżultaw mis-sistema li tiggarantixxi l-istabbilizzazzjoni tad-dħul mill-esportazzjoni minn prodotti agrikoli primarji (Stabex) taħt il-FEŻ qabel id-9 FEŻ, li għandhom awtomatikament jiġu ttrasferiti għall-programmi indikattivi nazzjonali rispettivi msemmija fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3(1), u l-fondi sabiex jiffinanzjaw ir-riżorsi tal-Faċilitajiet ta’ Investiment imsemmija fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu.

5.   L-ammont totali tar-riżorsi tal-11-il FEŻ għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-fondi tal-11-il FEŻ, u fil-każ tal-Faċilità tal-Investiment il-fondi li ġejjin minn rimborżi, ma għandhomx jibqgħu impenjati wara l-31 ta’ Diċembru 2020, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b’mod unanimu, fuq proposta tal-Kummissjoni. Madankollu, il-fondi sottoskritti mill-Istati Membri taħt id-9, l-10 u 11-il FEŻ sabiex jiffinanzjaw il-Faċilità tal-Investiment għandhom jibqgħu disponibbli għall-infiq wara l-31 ta’ Diċembru 2020, sad-data li trid tiġi stabbilita fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2).

6.   Id-dħul minn imgħax li jirriżulta minn operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-impenji li saru taħt il-FEŻ preċedenti u fuq il-fondi tal-11-il FEŻ ġestiti mill-Kummissjoni għandhom jiġu kkreditati f’kont bankarju wieħed jew aktar miftuħa f’isem il-Kummissjoni, u għandhom jintużaw skont it-termini tal-Artikolu 6. L-użu tad-dħul iġġenerat minn imgħax fuq il-fondi ġestiti mill-BEI għandu jiġi determinat fil-qafas tar-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2).

7.   Jekk Stat ġdid jissieħeb mal-Unjoni, l-ammonti u l-koeffiċjenti tal-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) għandhom jiġu emendati b’deċiżjoni tal-Kunsill li taġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni.

8.   Ir-riżorsi finanzjarji jistgħu wkoll jiġu aġġustati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu, partikolarment bi qbil mal-Artikolu 62(2) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

9.   Kull Stat Membru jista’, mingħajr ħsara għar-regoli dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 8, jagħti lill-Kummissjoni jew lill-BEI kontribuzzjonijiet volontarji biex jappoġġa l-objettivi tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE. L-Istati Membri jistgħu wkoll jikkofinanzjaw proġetti jew programmi, eż. taħt inizjattivi speċifiċi ġestiti mill-Kummissjoni jew mill-BEI. Is-sjieda ta’ tali inizjattivi mill-Istati AKP fil-livell nazzjonali għandha tiġi garantita.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u dak Finanzjarju msemmijin fl-Artikolu 10 għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-kofinanzjament mill-11-il FEŻ, u dwar il-kofinanzjament tal-attivitajiet implimentati mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kunsill bil-quddiem dwar il-kontribuzzjoni volontarji tagħhom.

10.   L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu reviżjoni tal-prestazzjoni, b’valutazzjoni tal-grad ta’ twettiq tal-impenji u ħlasijiet, u r-riżultati u l-impatt tal-għajnuna mogħtija. Ir-reviżjoni għandha ssir abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Riżorsi allokati għall-Istati AKP

L-ammont ta’ EUR 29 089 miljun imsemmi fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 1(2) għandu jiġi allokat bejn l-istrumenti ta’ kooperazzjoni kif ġej:

(a)

l-ammont ta’ EUR 24 365 miljun għall-finanzjament ta’ programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali. Din l-allokazzjoni għandha tintuża biex jiġu ffinanzjati:

(i)

il-programmi indikattivi nazzjonali tal-Istati AKP skont l-Artikoli 1 sa 5 tal-Anness IV għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE;

(ii)

programmi indikattivi reġjonali ta’ appoġġ għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali u inter-reġjonali tal-Istati AKP skont l-Artikoli 6 sa 11 tal-Anness IV għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE;

(b)

l-ammont ta’ EUR 3 590 miljun għall-finanzjament ta’ kooperazzjoni intra-AKP u interreġjonali bl-involviment ta’ ħafna mill-Istati AKP jew kollha kemm huma, skont l-Artikoli 12 sa 14 tal-Anness IV għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE. Dan il-pakkett jista’ jinkludi l-appoġġ strutturali għal istituzzjonijiet u korpi maħluqa skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE. Dan il-pakkett għandu jkopri l-assistenza għan-nefqa operattiva tas-Segretarjat tal-AKP imsemmi fil-punti 1 u 2 tal-Protokoll 1 mehmuż mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE;

(c)

parti mir-riżorsi msemmija taħt il-punti (a) u (b) jistgħu jintużaw biex ikopru ħtiġijiet mhux previsti u biex itaffu l-effetti negattivi b’terminu qasir ta’ xokkijiet eżoġeni, skont l-Artikoli 60, 66, 68, 72, 72a u 73 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikoli 3 u 9 tal-Anness IV mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, inkluż, kif adatt, għajnuna umanitarja kumplimentarja b’terminu qasir u assistenza ta’ emerġenza fejn tali appoġġ ma jistax jiġi ffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni;

(d)

l-ammont ta’ EUR 1 134 miljun allokat lill-BEI sabiex jiffinanzja l-Faċilità ta’ Investiment skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, li jinkludu kontribuzzjoni addizzjonali ta’ EUR 500 miljun għar-riżorsi tal-Faċilità ta’ Investiment, amministrati bħal fond li jista’ jerġa’ jintuża, u EUR 634 miljun fil-forma ta’ għotjiet għall-finanzjament ta’ sussidji fuq ir-rati tal-interessi u assistenza teknika marbuta ma’ proġetti stipulati fl-Artikoli 1, 2 u 4 tal-Anness II mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE matul il-perijodu tal-11-il FEŻ.

Artikolu 3

Riżorsi allokati għall-OCTs

1.   L-ammont ta’ EUR 364,5 miljun imsemmi fil-punt (a)(ii) tal-Artikolu 1(2) għandu jiġi allokat skont Deċiżjoni ġdida dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea li għandha tittieħed mill-Kunsill qabel il-31 ta’ Diċembru 2013, li minnhom EUR 359,5 miljun għandhom jiġu allokati biex jiġu ffinanzjati programmi territorjali u reġjonali, u EUR 5 miljuni għandhom ikunu fil-forma ta’ allokazzjoni lil l-BEI għall-finanzjament ta’ sussidji tal-imgħax u ta’ assistenza teknika skont id-Deċiżjoni ġdida dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea.

2.   Meta OCT isir indipendenti u jissieħeb mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, l-ammont indikat fil-paragrafu 1, jiġifieri EUR 364,5 miljun, għandu jitnaqqas u l-ammonti indikati fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 2 għandhom jiżdiedu b’mod li jikkorrispondi, b’deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Self mir-riżorsi proprji tal-BEI

1.   Mal-ammont allokat għall-Faċilità ta’ Investiment taħt id-9, l-10 u l-11-il FEŻ imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) u l-ammont imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 2 għandu jiżdied ammont indikattiv sa mhux aktar EUR 2 600 miljun fil-forma ta’ self mogħti mill-BEI mir-riżorsi proprji tiegħu. Dawk ir-riżorsi għandhom jiġu allokati għall-finijiet stabbiliti fl-Anness II għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE sa ammont ta’ EUR 2 500 miljun li jista’ jiżdied f’nofs it-terminu wara deċiżjoni li għandha tittieħed mill-korpi ta’ ġestjoni tal-BEI, u sa ammont ta’ mhux aktar minn EUR 100 miljun għall-finijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Istatuti tagħha u t-termini u l-kundizzjonijiet rilevanti għall-finanzjament ta’ investiment kif stipulati fl-Anness II għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea.

2.   L-Istati Membri għandhom jintrabtu li jaġixxu bħala garanti għall-BEI skont il-proporzjon tal-kontribuzzjoni tagħhom mal-kapital tiegħu, waqt li jirrinunzjaw għad-dritt li joġġezzjonaw, fir-rigward tal-impenji finanzjarji kollha li jirriżultaw minn dawk li jissellfu fuq kuntratti ta’ self konklużi mal-BEI mir-riżorsi proprji tiegħu skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness II mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni.

3.   Il-garanzija msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun ristretta għall-75 % tal-ammont totali tal-krediti miftuħa mill-BEI skont il-kuntratti kollha tas-self u għandha tkopri r-riskji kollha għal proġetti fis-settur pubbliku. Għal proġetti fis-settur privat, il-garanzija għandha tkopri r-riskji politiċi kollha, iżda l-BEI se jassumi r-riskju kummerċjali sħiħ.

4.   L-impriżi msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom ikunu s-suġġett ta’ kuntratti ta’ garanzija bejn kull Stat Membru u l-BEI.

Artikolu 5

Operazzjonijiet ġestiti mill-BEI

1.   Pagamenti magħmula lill-BEI fir-rigward ta’ self speċjali mogħti lill-Istati AKP, lill-OCTs u lid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej flimkien mal-introjtu u d-dħul mill-operazzjonijiet ta’ kapital ta’ riskju, taħt il-FEŻ qabel id-9 FEŻ, għandhom jiġu kreditati lill-Istati Membri pro rata skont il-kontribuzzjonijiet tagħhom lejn il-FEŻ li jikkonċerna l-ammonti, dment li l-Kunsill ma jiddeċidix b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jpoġġiehom f’risreva jew li jallokahom għal xi skopijiet oħrajn.

2.   Kull kummissjoni dovuta lill-BEI għall-amminstrazzjoni tas-self u l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha titnaqqsas bil-quddiem mill-ammonti li għandhom jiġu kkreditati lill-Istati Membri.

3.   L-introjtu u d-dħul akkwistati mill-BEI minn operazzjonijiet taħt il-Faċiltà tal-Investiment taħt id-9, l-10 u l-11-il FEŻ għandhom jintużaw għal aktar operazzjonijiet taħt il-Faċilità tal-Investiment, skont l-Artikolu 3 tal-Anness II tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u wara t-tnaqqis ta’ spejjeż u responsabbilitajiet eċċezzjonali li jirriżultaw b’konnessjoni mal-Faċilità tal-Investiment.

4.   Il-BEI għandu jitħallas b’garanzija sħiħa għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-Faċilità tal-Investiment imsemmija fil-paragrafu 3, skont l-Artikolu 3(1a) tal-Anness II mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea.

Artikolu 6

Riżorsi riservati għan-nefqa tal-appoġġ tal-Kummissjoni marbuta mal-FEŻ

1.   Ir-riżorsi tal-11-il FEŻ għandhom ikopru l-ispejjeż tal-miżuri ta’ appoġġ. Ir-riżorsi msemmija fil-punt (a)(iii) tal-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 1(6) għandhom ikopru l-ispejjeż marbutin mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-FEŻ li mhumiex neċessarjament koperti mill-karti ta’ strateġija u programmi indikattivi multiannwali msemmijin fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni għandha, kull sentejn,tipprovdi informazzjoni dwar kif jintefqu dawn ir-riżorsi u dwar sforzi ulterjuri biex isir iffrankar ta’ effiċjenza u gwadann ta’ effiċjenza. Il-Kummissjoni għandha tagħti pariri lill-Istati Membri qabel kull ammont addizzjonali li jiġi miġbud mill-baġit tal-UE għall-implimentazzjoni tal-FEŻ.

2.   Ir-riżorsi għal miżuri ta’ appoġġ jistgħu jkopru l-infiq tal-Kummissjoni assoċjat ma’:

(a)

l-attivitajiet ta’ tħejjija, segwitu, monitoraġġ, kontabbiltà, verifika u evalwazzjoni, inkluż rappurtar dwar ir-riżultati, meħtieġa b’mod dirett għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ;

(b)

il-kisba tal-għanijiet tal-FEŻ, permezz ta’ attivitajiet ta’ riċerka dwar il-politika għall-iżvilupp, studji, laqgħat, informazzjoni, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ u attivitajiet ta’ pubblikazzjoni, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni u attivitajiet ta’ komunikazzjoni li, fost l-oħrajn, jirrappurtaw dwar ir-riżultati tal-programmi tal-FEŻ. Il-baġit allokat għall-komunikazzjoni taħt dan il-Ftehim għandu jkopri wkoll komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-FEŻ; u

(c)

in-netwerks tal-kompjuter għall-iskambju ta’ informazzjoni, u kwalunkwe nfiq għall-assistenza amministrattiva jew teknika oħra għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-FEŻ.

Ir-riżorsi msemmija fil-punt (a)(iii) tal-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 1(6) għandhom ikopru wkoll in-nefqa kemm fil-Kwartieri Ġenerali u fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni dwar l-appoġġ amministrattiv meħtieġ biex jiġu pprogrammati u amministrati operazzjonijiet iffinanzjati skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea.

Ir-riżorsi msemmija fil-punt (a)(iii) tal-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 1(6) ma għandhomx ikunu assenjati għall-kompiti prinċipali tas-servizz pubbliku Ewropew.

3.   Ir-riżorsi għal miżuri ta’ appoġġ biex jittejjeb l-impatt ta’ programmi tal-FEŻ mogħtija f’punt (a)(iii) tal-Artikolu 1(2) għandhom jinkludu l-infiq tal-Kummissjoni assoċjat mal-implimentazzjoni ta’ qafas komprensiv ta’ riżultati u sorveljanza u evalwazzjoni aħjar tal-programmi tal-FEŻ mill-2014 ’l hawn. Ir-riżorsi għandhom jappoġġaw ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-ġestjoni u t-tbassir finanzjarju tal-FEŻ b’rapporti regolari dwar il-progress.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI U FINALI

Artikolu 7

Kontribuzzjonijiet għall-11-il FEŻ

1.   Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis il-previżjonijiet tal-BEI li jikkonċernaw l-amministrazzjoni u l-operat tal-Faċilità tal-Investiment, tistabbilixxi u tikkomunika lill-Kunsill sal-20 ta’ Ottubru ta’ kull sena dikjarazzjoni tal-impenji, il-ħlasijiet u l-ammont annwali tas-sejħiet għal kontribuzzjonijiet li għandhom isiru fis-sena baġitarja attwali u fis-sentejn baġitarji segwenti. Dawn l-ammonti għandhom ikunu bbażati fuq il-kapaċità li jitwassal il-livell propost ta’ riżorsi b’mod effettiv.

2.   Fuq proposta mill-Kummissjoni, li tispeċifika ishma rispettivi għall-Kummissjoni u għall-BEI, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, kif stipulat fl-Artikolu 8, dwar il-limitu massimu għall-kontribuzzjoni annwali għat-tieni sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n + 2) u, fil-limitu massimu deċiż fis-sena preċedenti, dwar l-ammont annwali għas-sejħa għall-kontribuzzjonijiet għall-ewwel sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n + 1).

3.   Jekk il-kontribuzzjonijiet deċiżi skont il-paragrafu 2 jitbiegħdu mill-ħtiġijiet attwali tal-11-il FEŻ matul is-sena finanzjarja inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill il-proposti għall-emendar tal-ammonti ta’ kontribuzzjoni fil-limitu msemmi fil-paragrafu 2. F’dan ir-rigward, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni permezz ta’ maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 8.

4.   Is-sejħiet għal kontribuzzjonijiet ma jistgħux jaqbżu l-limitu massimu msemmi fil-paragrafu 2, u lanqas ma jista’ jiżdied il-limitu massimu għajr meta jkun deċiż hekk mill-Kunsill permezz ta’ maġġoranza kwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 8 f’każijiet ta’ ħtiġijiet speċjali li jirriżultaw minn ċirkostanzi eċċezzjonali jew imprevisti, bħalma huma sitwazzjonijiet ta’ wara l-kriżi. F’dan il-każ, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jikkorrispondu mal-ħlasijiet mistennija.

5.   Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis il-previżjonijiet tal-BEI, tikkomunika lill-Kunsill sal-20 Ottubru ta’ kull sena l-istimi tagħha għall-impenji, il-ħlasijiet u l-kontribuzzjonijiet għal kull waħda mit-tliet snin baġitarji segwenti.

6.   Fir-rigward tal-fondi trasferiti mill-FEŻ preċedenti għall-11-il FEŻ skont il-punt (b) tal-Artikolu 1(2), il-kontribuzzjonijiet ta’ kull Stat Membru għandhom jiġu kkalkulati pro rata skont il-kontribuzzjonijiet ta’ kull Stat Membru għall-FEŻ inkwistjoni.

Fir-rigward ta’ kwalunkwe fondi tal-10 FEŻ u fondi tal-FEŻ preċedenti li ma jiġux trasferiti għall-11-il FEŻ, l-impatt tal-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għandu jiġi kkalkulat pro rata skont il-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għall-10 FEŻ.

7.   Ir-regoli dettaljati għall-ħlasijiet ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għandhom jiġu determinati permezz tar-Regolament Finanzjarju imsemmi fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 8

Il-Kumitat tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

1.   Kumitat (“il-Kumitat tal-FEŻ”) li jikkonsisti f’Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għandu jkun stabbilit fil-Kummissjoni għar-riżorsi tal-11-il FEŻ li tamministra l-Kummissjoni. Il-Kumitat tal-FEŻ għandu jiġi presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, u s-segretarjat tiegħu għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Osservatur mill-BEI għandu jipparteċipa fil-proċedimenti tal-kumitat fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-BEI.

2.   Fi ħdan il-Kumitat tal-FEŻ, il-voti tal-Istati Membri għandhom jiġu ppeżati kif ġej:

Stat Membru

Votes

Belġju

33

Bulgarija

2

Repubblika Ċeka

8

Danimarka

20

Ġermanja

206

Estonja

1

Irlanda

9

Greċja

15

Spanja

79

Franza

178

Kroazja (**)

[2]

Italja

125

Ċipru

1

Latvja

1

Litwanja

2

Lussemburgu

3

Ungerija

6

Malta

1

Pajjiżi l-Baxxi

48

Awstrija

24

Polonja

20

Portugall

12

Rumanija

7

Slovenja

2

Slovakkja

4

Finlandja

15

Isvezja

29

Renju Unit

147

Total UE 27

998

Total UE 28 (**)

[1 000 ]

3.   Il-Kumitat tal-FEŻ għandu jaġixxi b’ maġġoranza kwalifikata ta’ 720 vot minn 998, li jesprimu vot favur mingħand mill-inqas 14-il Stat Membru. Il-minoranza li timblokka għandha tikkonsisti f’279 vot.

4.   Jekk Stat ġdid jissieħeb mal-Unjoni, l-ippeżar stabbilit fil-paragrafu 2 u l-maġġoranza kwalifikata msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu emendati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b ’mod unanimu.

5.   Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-FEŻ waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Il-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment

1.   Kumitat (“il-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment”) li jikkonsisti minn Rapreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri u minn rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun stabbilit taħt l-awspiċji tal-BEI. Il-BEI għandu jipprovdi s-segretarjat tal-Kumitat u s-servizzi ta’ appoġġ. Il-President tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment għandu jiġi elett mill-membri tal-Kumitat u minn fosthom.

2.   Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment, li jaġixxi b’mod unanimu.

3.   Il-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, kif stipulat fl-Artikolu 8(2) u 8(3).

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet implimentattivi

1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim u d-dritt tal-vot tal-Istati Membri taħtu, id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 tal- 14 ta’ Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp taħt il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (9) u għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2304/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 li jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (10) fir-rigward ta’ assistenza lill-OCTs għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm issir l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ regolament ta’ implimentazzjoni tal-11-il FEŻ (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-11-il FEŻ”) u għar-regoli ta’ implimentazzjoni għal Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea. Ir-Regolament tal-Implimentazzjoni għall-11-il FEŻ għandu jiġi deċiż b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jiġi kkonsultat il-BEI. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għall-assistenza finanzjarja mill-Unjoni lill-OCTs għandhom ikunu adottati wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni ġdida dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea riveduta mill-Kunsill b’mod unanimu u b’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-11-il FEŻ u r-regoli ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea għandhom jinkludu l-modifiki u t-titjib xierqa għall-ipprogrammar u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, biex ikomplu jarmonizzaw il-proċeduri tal-Unjoni u tal-11-il FEŻ kemm jista’ jkun. Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-11-il FEŻ għandu, barra minn hekk, iżomm ċerti proċeduri ta’ ġestjoni għall-Faċilità għall-Paċi Afrikana. Bil-ħsieb li l-assistenza finanzjarja u teknika għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11b tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ser tkun iffinanzjata minn strumenti speċifiċi għajr dawk maħsuba għall-finanzjament tal-Kooperazzjoni AKP-UE, l-attivitajiet żviluppati skont dawk id-dispożizzjonijiet jeħtieġu li jiġu approvati minn qabel permezz ta’ proċeduri ta’ ġestjoni baġitarji speċifikati.

Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-11-il FEŻ għandu jkun fih miżuri adatti sabiex jiġi permess it-tqabbil tal-finanzjament ta’ krediti mill-11-il FEŻ u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jiġu ffinanzjati proġetti ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u l-Istati AKP kif ukoll l-OCTs fil-Karibew, fl-Afrika tal-Punent u fl-Oċean Indjan, b’mod partikolari mekkaniżmi simplifikati għall-ġestjoni konġunta ta’ tali proġetti.

2.   Għandu jiġi adottat Regolament Finanzjarju mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata kif stabbilit fl-Artikolu 8, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni u wara li tkun ingħatat opinjoni mill-BEI dwar dawk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernawh, kif ukoll mill-Qorti tal-Awdituri.

3.   Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti tagħha għar-regolamenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 waqt li tagħmel dispożizzjoni, inter alia, għall-possibbiltà li tiddelega l-implimentazzjoni tal-kompiti lil partijiet terzi.

Artikolu 11

L-implimentazzjoni finanzjarja, il-kontabbiltà, il-verifika u l-kwittanza

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb l-implimentazzjoni finanzjarja tal-pakketti li tamministra u partikolarment l-eżekuzzjoni finanzjarja ta’ proġetti u programmi, skont ir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2). Dwar l-irkupru ta’ somom imħallsa indebitament, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu infurzabbli f’konformità mal-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.   Il-BEI għandu jamministra l-Faċilità tal-Investiment u jwettaq operazzjonijiet stabbiliti hemmhekk f’isem l-Unjoni, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2). Meta jagħmel dan, il-BEI ikun qed jaġixxi għar-riskju tal-Istati Membri. Xi drittijiet li jirriżultaw minn tali operazzjonijiet, partikolarment id-drittijiet bħala kreditur jew padrun, għandhom ikunu mogħtija lill-Istati Membri.

3.   Il-BEI għandu jwettaq, skont l-istatuti u l-aħjar prattika bankarja, l-implimentazzjoni finanzjarja ta’ operazzjonijiet permezz ta’ self mir-riżorsi proprji tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 4, meta applikabbli flimkien ma’ sussidji fuq ir-rata tal-interessi meħuda minn riżorsi tal-għotjiet tal-FEŻ.

4.   Għal kull sena finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tfassal u tapprova l-kontijiet tal-FEŻ u tibgħathom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

5.   Kull sena, il-BEI għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ir-rapport annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ li huwa jamministra.

6.   Suġġett għall-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Awdituri għandha teżerċita s-setgħat konferiti lilha permezz tal-Artikolu 287 tat-TFUE fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-FEŻ. Il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti tal-Awdituri teżerċita l-poteri tagħha għandhom ikunu stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju msemmi fl-Artikolu 10(2).

7.   Il-kwittanza tal-amministrazzjoni finanzjarja tal-FEŻ, esklużi l-operazzjonijiet amministrati mill-BEI, għandha tingħata lill-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata kif stabbilit fl-Artikolu 8.

8.   L-operazzjonijiet finanzjati mir-riżorsi tal-FEŻ ġestiti mill-BEI għandhom jiġu suġġetti għall-kontroll u l-proċeduri ta’ kwittanza stabilliti permezz tal-Istatut tal-BEI għall-operazzjonijiet kollha tiegħu.

Artikolu 12

Klawsola ta’ reviżjoni

L-Artikolu 1(3) u l-Artikoli li jinsabu fil-Kapitolu II, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 8, jistgħu jiġu emendati mill-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-BEI għandu jkun assoċċjat mal-proposta tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet li jirrigwardjaw l-attivitajiet tiegħu u dawk tal-Faċilità tal-Investiment.

Artikolu 13

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkun f’konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Artikolu 14

Ratifika, dħul fis-seħħ u perijodu ta’ validità

1.   Kull Stat Membru għandu japprova dan il-Ftehim skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu stess. Il-Gvern ta’ kull Stat Membru għandu jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea meta l-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ikunu twettqu.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara n-notifika ta’ approvazzjoni ta’ dan il-Ftehim tal-aħħar Stat Membru.

3.   Dan il-Ftehim huwa konkluż għall-istess perijodu ta’ validità bħall-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020 anness mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-perijodu ta’ validità tad-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea (2014 sa 2020). Madankollu, minkejja l-Artikolu 1(4), dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ sabiex l-operazzjonijiet kollha ffinanzjati taħt il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea u l-qafas finanzjarju pluriennali jkunu twettqu kompletament.

Artikolu 15

Lingwi awtentiċi

Dan il-Ftehim, imfassal f’oriġinal wieħed bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, b’kull test minnhom ugwalment awtentiku, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-Gvernijiet tal-Istati firmatarji.

Съставено в Люксембург и Брюксел съответно на двадесет и четвърти юни и на двадесет и шести юни две хиляди и тринадесета година.

Hecho en Luxemburgo y en Bruselas, el veinticuatro de junio de dos mil trece y el veintiseis de junio de dos mil trece respectivamente.

V Lucemburku dne dvacátého čtvrtého června dva tisíce třináct a v Bruselu dne dvacátého šestého června dva tisíce třináct.

Udfærdiget i Luxembourg og Bruxelles, henholdsvis den fireogtyvende juni og den seksogtyvende juni to tusind og tretten.

Geschehen zu Luxemburg und Brüssel am vierundzwanzigsten Juni beziehungsweise am sechsundzwanzigsten Juni zweitausenddreizehn.

Kahe tuhande kolmeteistkümnenda aasta juunikuu kahekümne neljandal päeval Luxembourgis ja kahe tuhande kolmeteistkümnenda aasta juunikuu kahekümne kuuendal päeval Brüsselis.

Έγινε στο Λουξεμβούργο και στις Βρυξέλλες στις είκοσι τέσσερις Ιουνίου και στις είκοσι έξι Ιουνίου του έτους δύο χιλιάδες δεκατρία, αντιστοίχως.

Done at Luxembourg and Brussels, on the twenty-fourth day of June and on the the twenty-sixth day of June in the year two thousand and thirteen, respectively.

Fait à Luxembourg et à Bruxelles, le vingt-quatre juin et le vingt-six juin deux mille treize respectivement.

Fatto a Lussemburgo e a Bruxelles, rispettivamente addì ventiquattro giugno e ventisei giugno duemilatredici.

Luksemburgā un Briselē, attiecīgi, divi tūkstoši trīspadsmitā gada divdesmit ceturtajā jūnijā un divdesmit sestajā jūnijā.

Priimta atitinkamai du tūkstančiai tryliktų metų birželio dvidešimt ketvirtą dieną ir birželio dvidešimt šeštą dieną Liuksemburge ir Briuselyje.

Kelt Luxembourgban, a kétezer-tizenharmadik év június havának huszonnegyedik napján, illetve Brüsszelben, a kétezer-tizenharmadik év június havának huszonhatodik napján.

Magħmul fil-Lussemburgu u fi Brussell, fl-erbgħa u għoxrin jum ta' Ġunju u fis-sitta u għoxrin jum ta' Ġunju fis-sena elfejn u tlettax, rispettivament.

Gedaan te Luxemburg en te Brussel op vierentwintig, respectievelijk zesentwintig juni tweeduizend dertien

Sporządzono w Luksemburgu i w Brukseli odpowiednio dnia dwudziestego czwartego czerwca i dwudziestego szóstego czerwca roku dwa tysiące trzynastego

Feito no Luxemburgo e em Bruxelas, em vinte e quarto e vinte e seis de junho de dois mil e treze, respetivamente.

Întocmit la Luxemburg și Bruxelles, la douăzeci și patru iunie și, respectiv, la douăzeci și șase iunie două mii treisprezece.

V Luxemburgu dvadsiateho štvrtého júna a v Bruseli dvadsiateho šiesteho júna dvetisíctrinásť.

Sestavljeno v Luxembourgu in Bruslju na štiriindvajseti dan meseca junija oziroma šestindvajseti dan meseca junija leta dva tisoč trinajst.

Tehty Luxemburgissa kahdentenakymmenentenäneljäntenä päivänä kesäkuuta ja Brysselissä kahdentenakymmenentenäkuudentena päivänä kesäkuuta vuonna kaksituhattakolmetoista.

Som skedde i Luxemburg och Bryssel den tjugofjärde juni respektive den tjugosjätte juni tjugohundratretton.

Voor het Koninkrijk België

Pour le Royaume de Belgique

Für das Königreich Belgien

Image

За Република България

Image

Za prezidenta České republiky

Image

For Hendes Majestæt Danmarks Dronning

Image

Für den Präsidenten der Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi nimel

Image

Thar ceann Uachtarán na hÉireann

For the President of Ireland

Image

Για τον Πρόεδρο της Ελληνικής Δημοκρατίας

Image

Por Su Majestad el Rey de España

Image

Pour le Président de la République française

Image

Per il Presidente della Repubblica italiana

Image

Για τον Πρόεδρο της Κυπριακής Δημοκρατίας

Image

Latvijas Republikas Valsts prezidenta vārdā –

Image

Lietuvos Respublikos Prezidento vardu

Image

Pour Son Altesse Royale le Grand-Duc de Luxembourg

Image

Magyarország köztársasági elnöke részéről

Image

Għall-President tar-Repubblika ta' Malta

Image

Voor Zijne Majesteit de Koning der Nederlanden

Image

Für den Bundespräsidenten der Republik Österreich

Image

Za Prezydenta Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pelo Presidente da República Portuguesa

Image

Pentru România

Image

Za predsednika Republike Slovenije

Image

Za prezidenta Slovenskej republiky

Image

Suomen tasavallan hallituksen puolesta

För republiken Finlands regering

Image

För Konungariket Sveriges regering

Image

For Her Majesty The Queen of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

(3)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(4)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(5)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

(6)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

(*)  Ammont stmat.

(8)  Id-Deċiżjoni 2005/446/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2005 li tistabbilixxi terminu perentorju għall-impenn tal-fondi tad-Disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 19).

(**)  Vot stmat.

(9)  ĠU L 152, 13.6.2007, p. 1.

(10)  ĠU L 348, 21.12.2002, p. 82.