19.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 393/20 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2012 dwar it-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza għat-tfassil tal-politika dwar l-isport
2012/C 393/06
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,
1. FILWAQT LI JFAKKRU:
1. |
fil-mandat tal-UE, f'konformità mal-Artikolu 165 TFUE, biex tiġi żviluppata d-dimensjoni Ewropea fl-isport u jiġu promossi kwistjonijiet tal-isport Ewropew; |
2. |
fil-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (1), adottat fl-20 ta' Mejju 2011, li ta prijorità għolja lill-ħidma lejn politika dwar l-isport ibbażata fuq l-evidenza fil-livell tal-UE u li stabbilixxiet Grupp ta' Esperti dwar l-Istatistika tal-Isport bil-mandat li jirrakkomanda mezzi għall-promozzjoni ulterjuri tal-ġbir ta' data fil-qasam tal-isport ibbażata fuq il-ħidma li għaddejja; |
3. |
fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport tas-7 ta' Lulju 2007 (2) u l-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport tat-18 ta' Jannar 2011 (3), li ssottolinjaw l-importanza ta' bażi ta' evidenza soda bħala sostenn għat-tfassil tal-politika dwar l-isport, inkluż data komparabbli mifruxa mal-UE dwar aspetti soċjali u ekonomiċi tal-isport, u li jistabbilixxu azzjoni konkreta biex tiġi indirizzata din il-ħtieġa; |
4. |
fil-kooperazzjoni strutturata fil-livell tal-UE bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-istatistika dwar l-isport, iffaċilitata mill-Kummissjoni, li ilha għaddejja mill-2006 u li wasslet għall-iżvilupp ta' metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-importanza ekonomika tal-isport, ibbażata fuq definizzjoni miftiehma tal-UE (“Id-Definizzjoni ta' Sport ta' Vilnius”), u l-iżvilupp tal-Kontijiet Satellita għall-Isport (Sport Satellite Accounts (4)) f'diversi Stati Membri; |
5. |
fl-istudji mifruxin mal-UE li tnedew mill-Kummissjoni fl-2010 u l-2011 rispettivament dwar “Il-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE” u dwar “Funzjoni ta' monitoraġġ possibbli futura għall-isport fl-UE” (5); |
6. |
fl-ewwel Konferenza tal-UE dwar l-Istatistika tal-Isport, li saret fi Brussell fit-23 ta' Marzu 2011, li kkonfermat l-importanza ta' data aħjar u aktar komparabbli dwar l-isport (6). |
2. FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:
1. |
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali għandha impatt kbir fuq in-nefqa pubblika fl-UE, li twassal biex ħafna Stati Membri jimmiraw ir-riżorsi lejn l-oqsma ta' politika li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi; |
2. |
Għalkemm twettqet riċerka dwar l-impatt ekonomiku tal-isport f'livelli differenti, ir-riżultati ġeneralment ma setgħux jitqabblu minn pajjiż għall-ieħor. Illum il-ġurnata, hemm evidenza dejjem tikber li l-isport jagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomija tal-Ewropa u huwa mutur importanti għat-tkabbir u l-impjiegi (7), waqt li jiżgura wkoll l-koeżjoni soċjali, il-benesseri u l-iżvilupp ta' ħiliet personali (8), li b'hekk jagħti kontribut distint għall-kisba tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020. |
3. |
Skont studju riċenti mifrux mal-UE, is-sehem tal-isport jammonta għal 1,76 % tal-valur miżjud gross globali fl-UE (9). Meta jittieħed kont tal-effetti multiplikaturi, is-sehem tal-isport jiżdied ukoll sa 2,98 % tal-valur miżjud gross globali fl-UE. Barra minn hekk, it-tkabbir fis-settur tal-isport wera li jirrikjedi ħafna ħaddiema, kif rifless minn sehem ogħla tal-isport fl-impjieg kollu tal-UE (li jammonta għal 2,12 %) milli fil-valur miżjud gross. Minħabba l-intensità sproporzjonatament għolja tal-impjiegi tiegħu, l-isport għandu rwol importanti biex jassigura l-impjiegi; |
4. |
Il-ġbir ta' varjetà ta' data marbuta mal-isport u l-użu tagħha fit-tfassil ta' politika jista' jżid il-kwalità tal-politika tal-isport. F'dan ir-rigward, il-kontijiet satellita għall-isport jitqiesu bħala strument prezzjuż li jiġġenera l-evidenza għat-tfassil tal-politika dwar l-isport. Sar progress eċċellenti f'xi Stati Membri meta huma kejlu l-importanza ekonomika tal-isport permezz tat-twaqqid ta' Kont Satellita għall-Isport fil-livell nazzjonali. |
5. |
Il-kooperazzjoni msaħħa għat-titjib tal-livell ta' għarfien dwar l-isport fl-UE tista' tinkiseb l-aħjar permezz ta' kooperazzjoni transettorjali bejn l-akkademiċi, l-industrija tal-isport, il-moviment tal-isport kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej, inklużi l-uffiċċji ta' statistika; |
6. |
L-istħarriġ tal-Ewrobarometru wera li huwa għodda siewja biex jitqabblu xejriet fost l-Istati Membri fuq perijodu ta' żmien fir-rigward tal-eżitu ta' politika differenti dwar l-isport; dan ma jistax, madankollu, jieħu post data statistika soda pprovduta mill-Eurostat permezz tas-sistema statistika Ewropea; |
7. |
F'konformità mal-mandat tiegħu, il-Grupp ta' Esperti dwar l-Istatistika tal-Isport żviluppa l-ewwel sett ta' riżultati tanġibbli (10) rigward aspetti speċifiċi ta' bażi ta' evidenza aktar imsaħħa għall-isport. Dan jinkludi:
|
8. |
L-iżvilupp ta' bażi ta' evidenza mtejba għat-tfassil tal-politika tal-isport għandu jieħu kont tal-limiti baġitarji fil-livell nazzjonali u dak Ewropew li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja u ekonomika. |
3. JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE:
1. |
Ikomplu l-progress fl-iżvilupp volontarju tal-Kontijiet Satellita għall-Isport abbażi tal-istrumenti metodoloġiċi disponibbli, permezz tal-użu tal-istrutturi ta' kooperazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE u billi jippruvaw jinvolvu strutturi governattivi rilevanti, inkluż uffiċċji nazzjonali tal-istatistika. |
2. |
Jinkoraġġixxu u jappoġġaw inizjattivi mmirati biex itejbu l-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni u d-data rigward l-isport, inkluż id-data nazzjonali eżistenti, bħala mezz biex tissaħħaħ il-politika dwar l-isport ibbażata fuq l-evidenza. |
4. JISTIEDNU LILL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, L-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM BIEX:
1. |
Itejbu l-bażi ta' evidenza dwar l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-isport fl-UE u l-Istati Membri tagħha, pereżempju billi jinkludu dawn is-suġġetti fil-Programm Statistiku Ewropew 2013-2017 u Programmi ta' Ħidma Statistiċi Annwali sussegwenti. |
2. |
Jippruvaw itejbu l-kooperazzjoni bejn l-istrutturi istituzzjonali rilevanti għall-isport u għall-istatistika fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa ta' data soda u soda dwar l-isport. |
3. |
Jippromwovu fehim usa', b'kont meħud tal-evidenza eżistenti, tar-rwol kruċjali tal-isport bħala mutur għat-tkabbir, l-impjiegi u l-iżvilupp ta' ħiliet, kif ukoll għall-koeżjoni soċjali, fl-ambitu tat-tfassil tal-politika nazzjonali u reġjonali kif ukoll tal-istrateġija Ewropa 2020. |
5. JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:
1. |
Abbażi tal-ħidma preċedenti f'dan il-qasam, bl-użu ta' strumenti ta' finanzjament disponibbli u dawk futuri tal-UE, tikkunsidra li tappoġġa sforzi nazzjonali biex jiġu żviluppati Kontijiet Satellita għall-Isport. |
2. |
Tippromwovi t-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza għall-isport, b'mod partikolari billi tappoġġa, abbażi tal-ħidma preċedenti f'dan il-qasam, sforzi nazzjonali biex jiġu żviluppati Kontijiet Satellita għall-Isport u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki fil-livell tal-UE sabiex jitkejjel b'mod empiriku l-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u għas-salvagwardja u l-espansjoni tal-impjiegi fl-Ewropa;
|
(2) White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Isport, COM(2007) 391 final.
(3) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “L-iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport”, COM(2011) 12 final.
(4) Sistema ta' kontijiet satellita (hawnhekk: kont satellita għall-isport — SSA) hija definita bħala qafas statistiku sod li jkejjel l-importanza ekonomika ta' industrija speċifika (hawnhekk: is-settur tal-isport) fl-ekonomija nazzjonali.
(5) http://ec.europa.eu/sport/preparatory_actions/studies-surveys-conferences-and-seminars_en.htm
(6) http://ec.europa.eu/sport/news/eu-conference-on-sport-statistics_en.htm
(7) Taqsira eżekuttiva “Studju dwar il-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE”: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/b1/eusf2012-executive-summary-study-costegaeiteu-august-2012.pdf. Wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-istudju kien li jiġi żviluppat qafas metodoloġiku li jqis l-impatt ekonomiku tal-isport fl-UE. Biex wieħed jasal għal dan tal-aħħar, l-istudju inkorpora l-estimi nazzjonali kollha f'sistema multireġjonali ta' kontijiet satellita għall-isport (li jinterpreta kull Stat Membru bħala rappreżentattiv ta' entità reġjonali tal-UE-27) f'konformità mad-Definizzjoni tal-Isport ta' Vilnius.
(8) Ħiliet u kompetenzi personali — l-abbiltà li wieħed jaħdem fi grupp, id-dixxiplina, l-inizjattiva, il-perseveranza, il-ħiliet organizzattivi — miksuba billi wieħed jieħu sehem jew jorganizza sport fil-livell l-aktar bażiku, jaqdu rwol essenzjali fit-tħejjija tal-individwi għal suq tax-xogħol fejn ħiliet bħal dawn huma ta' valur kbir.
(9) Is-sehem tal-isport fil-valur miżjud Ewropew huwa għalhekk komparabbli mas-sehem tal-agrikoltura, il-forestrija, u s-sajd flimkien u madwar 2,5 darbiet aktar mill-minjieri u l-barrieri, u jirrappreżenta mill-anqas aktar minn għoxrin fil-mija tal-attivitajiet tas-servizzi finanzjarji, inkluż fondi tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet. Wieħed minn kull sittin Euro ġġenerata u maqlugħa fl-UE hija relatata mal-isport. “Studju dwar il-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE”: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/b1/eusf2012-executive-summary-study-costegaeiteu-august-2012.pdf
(10) http://ec.europa.eu/sport/library/documents