26.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 75/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tas-17 ta' Marzu 2008 ta' dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabbiltajiet fl-Unjoni Ewropea

(2008/C 75/01)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

Waqt li jfakkru li:

1.

il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni tan-NU”) adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-wieħed u sittin sessjoni tagħha f'Diċembru 2006 mhux biss tikkonferma li d-diżabbiltà hija kwistjoni ta' drittijiet tal-bniedem u materja ta' liġi, iżda wkoll timmira li tiżgura li l-persuni b'diżabbiltà jgawdu d-drittijiet tal-bniedem fuq bażi indaqs ma' l-oħrajn;

2.

id-dikjarazzjoni dwar il-persuni b'diżabbiltà annessa għat-Trattat ta' Amsterdam tipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom jieħdu kont tal-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabbiltajiet waqt it-tfassil ta' miżuri taħt l-Artikolu 95 tat-Trattat;

3.

il-Kunsill adotta konklużjonijiet f'Diċembru 2003 dwar is-segwitu għas-Sena Ewropea tal-Persuni b'Diżabbiltajiet, li jendorsjaw inklużjoni soċjali komprensiva u l-kisba sħiħa ta' opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabbiltajiet bħala l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Diżabbiltà għall-2004-2010;

4.

il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Diżabbiltà għall-2004-2010 jenfasizza tliet objettivi operattivi: l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (1), l-integrazzjoni b'suċċess tal-kwistjonijiet ta' diżabbiltà fil-linji politiċi Komunitarji rilevanti, u t-titjib ta' l-aċċessibilità għal kulħadd;

5.

il-prinċipji bażiċi li jimmiraw għall-iżgurar tat-tgawdija effettiva ndaqs tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet minn persuni b'diżabbiltajiet taħt il-Konvenzjoni tan-NU huma: id-dinjità u l-awtonomija individwali, in-non-diskriminazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni sħiħa u effettiva fis-soċjetà u fil-qasam tax-xogħol, ir-rispett għad-differenza, l-ugwaljanza fl-opportunità, l-aċċessibbiltà, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha mit-tfal;

6.

fl-ewwel laqgħa ministerjali informali dwar il-kwistjonijiet ta' diżabbiltà fil-11 ta' Ġunju 2007, il-Konvenzjoni tan-NU ġiet endorsjata bħala pass fundamentali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-realizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-persuni kollha b'diżabbiltajiet. Il-ministri impenjaw ruħhom li jiżviluppaw aktar il-linji politiċi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni u appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-prijoritajiet il-ġodda tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Diżabbiltà jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU;

7.

fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar is-Segwitu għas-Sena Ewropea ta' l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007) (2) adottata f'Diċembru 2007, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex ikomplu l-proċess ta' ffirmar, konklużjoni u ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU.

Jilqgħu:

1.

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà fl-Unjoni Ewropea: il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew 2008-2009, li jiddeskrivi f'termini tanġibbli l-impenn Ewropew li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltajiet jiġu indirizzati bħala ċittadini u atturi soċjo-ekonomiċi attivi li jikkontribwixxu għall-bini ta' Ewropea sostenibbli u koeżiva li toffri opportunitajiet indaqs għal kulħadd. L-azzjonijiet kollha f'dan il-Pjan jimmiraw biex jintlaħqu l-ħtiġijiet individwali u diversi tal-persuni b'diżabbiltajiet;

2.

ir-riżultati miskuba fl-implimentazzjoni tat-tieni fażi tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Diżabbiltà (2006-2007), li jenfasizza d-dinjità, id-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, il-ġustizzja u l-koeżjoni soċjali. Issa huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li l-integrazzjoni hija s-sigriet għall-avvanzar fil-kwistjonijiet ta' diżabbiltà u għaldaqstant, il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Diżabbiltà inkoraġġixxa l-attività u ppromwova l-aċċess għas-servizzi soċjali waqt li rawwem prodotti u servizzi aċċessibbli;

3.

il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar miżuri ġodda kontra d-diskriminazzjoni biex tiġi ttrattata d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-reliġjon, it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali f'oqsma lil hinn mill-impjiegi;

4.

il-progress li nkiseb mill-Istati Membri u l-Komunità Ewropea wara l-firma tal-Konvenzjoni tan-NU;

5.

il-konverġenza tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Diżabbiltà u l-Konvenzjoni tan-NU.

Jirrikonoxxu li:

1.

il-persuni b'diżabbiltajiet sikwit jibqgħu żvantaġġjati u marġinati, speċjalment fil-qasam tax-xogħol. Aċċess insuffiċjenti għas-suq tax-xogħol jista' jfisser li persuni b'diżabbiltajiet jitqiegħdu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli fis-soċjetà u jiġu esposti għal riskji serji ta' diskriminazzjoni, faqar u esklużjoni soċjali;

2.

għalkemm f'xi Stati Membri r-rata tal-qgħad tal-persuni b'diżabbiltajiet tibqa' għolja, fi Stati Membri oħra r-rati ta' impjieg qed jogħlew. Dan juri li l-isforzi nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej huma dejjem aktar effettivi u għandhom jiġu segwiti u mtejba aktar;

3.

analiżi ta' l-aktar data reċenti tikkonferma r-rabta qawwija bejn id-diżabbiltà u x-xjuħija. In-numru ta' persuni xjuħ inkluż persuni xjuħ b'diżabbiltajiet, qiegħed jikber, u hemm ħtieġa li qed tikber fil-Komunità għal prodotti, servizzi u infrastruttura aċċessibbli. Is-settur tas-servizzi soċjali qiegħed fil-fatt jespandi, u li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni li qed tixjieħ ser ifisser ukoll il-ħolqien ta' xogħolijiet ġodda;

4.

l-effett kumulattiv tas-sess u d-diżabbiltà jimplika li n-nisa b'diżabbiltajiet sikwit jiffaċċjaw diversi forom ta' diskriminazzjoni, ikollhom inqas indipendenza, inqas aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi u s-servizzi tas-saħħa, u għalhekk sikwit jiffaċċjaw riskju akbar ta' esklużjoni, faqar u abbuż;

Jissottolinjaw li:

1.

l-Istrateġija ta' l-UE dwar id-Diżabbiltà tenfasizza l-importanza ta' aċċess indaqs għal edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja inklussivi u ta' kwalità, li huma kruċjali biex persuni b'diżabbiltajiet ikunu jistgħu jipparteċipaw bi sħiħ fis-soċjetà u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom;

2.

l-ambjenti mibnija b'mod aċċessibbli, it-trasport u t-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali, huma kruċjali biex tiġi realizzata soċjetà li tipprovdi aċċess ġenwin għad-drittijiet indaqs, li toffri liċ-ċittadini tagħha awtonomija reali u l-mezzi biex ifittxu ħajjiet ekonomiċi u soċjali indipendenti u attivi. Tali aċċessibilità tirrappreżenta xejn anqas mill-pedament ta' soċjetà inklussiva bbażata fuq in-non-diskriminazzjoni;

3.

l-istatistika dwar id-diżabbiltà hija meħtieġa biex tiġi stabbilita stampa tas-sitwazzjoni ġenerali tal-persuni b'diżabbiltajiet fl-Ewropa. Tali data ta' l-istatistika u tar-riċerka tippermetti li jiġu fformulati u implimentati fil-livelli differenti tat-tmexxija linji politiċi informati dwar id-diżabbiltà;

4.

persuni b'diżabbiltajiet u l-organizzazzjonijiet tagħhom fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jiġu rrikonoxxuti mill-Istati Membri bħala li għandhom rwol konsultattiv importanti meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar materji ta' diżabbiltà u jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet.

Jistiednu lill-Kummissjoni biex:

1.

issaħħaħ l-isforzi biex tipprevjeni u tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, ġewwa u barra s-suq tax-xogħol, waqt li tippromwovi l-aċċess kemm għas-suq tax-xogħol u kif ukoll għal prodotti u servizzi, f'konformità ma' l-istrateġija qafas għan-non-diskriminazzjoni;

2.

tippreżenta malajr kemm jista' jkun proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-NU u biex timplimenta l-Konvenzjoni fl-oqsma ta' kompetenza Komunitarja;

3.

tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU fil-livelli differenti tat-tmexxija, b'mod partikolari wara l-konklużjoni tagħha mill-Komunità u r-ratifika mill-Istati Membri, inkluż permezz ta' sensibilizzazzjoni u permezz ta' finanzjament ta' attivitajiet taħt il-programmi Komunitarji eżistenti bħall-Programm Progress (3).

Jistiednu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jiżguraw

1.

Li l-persuni b'diżabbiltajiet igawdu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom bi sħiħ, billi:

(a)

jirratifikaw u jikkonkludu, u mbagħad jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU, waqt li jinkludu soluzzjonijiet Ewropej kondiviżi fi ħdan approċċ koerenti u koordinat għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU;

(b)

jiżviluppaw aktar taħlita ta' politika komprensiva ta' l-istrumenti xierqa kollha bil-ħsieb kemm ta' l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kif ukoll ta' l-inklużjoni fis-soċjetà ta' persuni b'diżabbiltajiet, ibbażata fuq l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni tad-diżabbiltà;

(c)

jinkoraġġixxu lill-persuni b'diżabbiltajiet biex ikunu attivi fil-forza tax-xogħol billi jiżguraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra d-diskriminazzjoni, appoġġ attiv, u t-tneħħija ta' l-ostakoli;

(d)

jindirizzaw il-kwistjoni ta' diskriminazzjoni multipla ta' nisa b'diżabbiltajiet u jiffaċilitaw l-iżvilupp sħiħ, l-avvanz u l-emanċipazzjoni tagħhom;

(e)

jieħdu miżuri biex il-persuni b'diżabbiltajiet ikunu jistgħu, sakemm hu possibbli, jgħixu b'mod indipendenti, jiġu inklużi fil-komunità, u jkollhom aċċess għal kura ta' kwalità u servizzi ta' appoġġ;

(f)

jirrinforzaw l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' diżabbiltà, waqt li jibnu fuq l-isforzi li saru mill-Istati Membri biex jobbligaw lill-korpi pubbliċi biex jippromwovu l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet għall-persuni b'diżabbiltajiet;

(g)

jappoġġaw aktar lill-Istati Membri u l-komunitajiet reġjonali u lokali fil-proċess ta' de-istituzzjonalizzazzjoni kull meta dan ikun ta' benefiċċju għall-persuni b'diżabbiltajiet;

(h)

jeżaminaw kwalunkwe lakuna li tista' teżisti fil-qafas leġislattiv Komunitarju attwali ta' protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari għar-raġunijiet ta' diżabbiltà, u jikkunsidraw risposti xierqa u mmirati;

(i)

isaħħu l-kapaċitajiet kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell Komunitarju biex tinġabar u tiġi analizzata informazzjoni xierqa, inkluż data statistika u ta' riċerka, f'konformità mas-salvagwardji legali u r-regoli ta' protezzjoni tad-data.

2.

Aċċessibbiltà għal nies b'diżabbiltajiet:

(a)

it-titjib ta' l-aċċessibilità hija prekondizzjoni għall-awtonomija, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni, u tippermetti lil nies b'diżabbiltajiet biex igawdu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

(b)

it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol permezz ta' kombinazzoni ta' skemi flessibbli ta' impjiegi, impjiegi b'appoġġ, ekonomija soċjali, inklużjoni attiva u miżuri pożittivi bħal servizzi ta' appoġġ, sussidji għall-pagi, adattamenti tal-post tax-xogħol, l-użu ta' teknoloġiji assistivi u assistenza personali, ser iwassal għal opportunitajiet ta' impjiegi aħjar għall-persuni kollha b'diżabbiltajiet u jtejjeb ukoll il-produttività;

(c)

il-persuni b'diżabbiltajiet għandhom jiġu provduti b'aċċess tajjeb għall-edukazzjoni u għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi, fejn xieraq, biex it-tfal b'diżabbiltajiet ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-edukazzjoni ewlenija;

(d)

l-użu tal-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), biex jiġu appoġġati l-impjiegi, it-taħriġ u l-opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabbiltajiet għandhom jiġu promossi aktar;

(e)

il-ħidma li għaddejja fuq l-iżvilupp ta' standards Ewropej kondiviżi għall-aċċessibilità għandu jiġu promoss u l-applikazzoni tagħhom fl-akkwist pubbliku għandha tiġi nkoraġġuta;

(f)

is-servizzi ta' kwalità ta' interess ġenerali, inkluż is-servizzi soċjali, tas-saħħa u tar-rijabilitazzjoni, għandhom isiru aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltajiet u l-familji tagħhom permezz ta' l-iżvilupp ta' oqsfa volontarji ta' kwalità fl-Ewropa kollha;

(g)

l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha fis-Soċjetà ta' l-Informazzjoni għandha tiġi promossa f'konformità mad-dikjarazzjoni ta' Riga dwar l-inklużjoni elettronika bl-iżvilupp ta' teknoloġiji aċċessibbli ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni u permezz ta' teknoloġiji assistivi għal persuni b'diżabbiltajiet;

(h)

l-aċċess għall-prodotti, is-servizzi u l-infrastruttura ewlenin għandu jiġi mtejjeb, sabiex il-persuni b'diżabbiltà jingħataw is-setgħa li jaġixxu bħala konsumaturi;

(i)

il-persuni b'diżabbiltajiet għandhom jiġu ggarantiti tgawdija sħiħa tad-drittijiet tagħhom bħala passiġieri safejn huwa raġonevolament possibbli, u d-drittijiet tagħhom għandhom jiġu assigurati permezz tal-promozzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea relevanti dwar it-trasport;

(j)

għandhom jiġu promossi d-drittijiet tal-persuni kollha b'diżabbiltà li jiġu inklużi fis-soċjetà u, kull fejn huwa xieraq, għandha tiġi inkoraġġuta s-sostituzzjoni gradwali ta' l-istituzzjonijiet tal-kura b'alternattivi bbażati fuq il-komunità.

3.

Dik il-ħidma tibda fuq strateġija Ewropea dwar id-diżabbiltà bħala suċċessur tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Diżabbiltà 2004-2010 attwali, inkluż permezz ta'

(a)

l-implimentazzjoni bi sħiħ tal-Pjan ta' Azzoni Ewropew 2008-2009;

(b)

l-ivvalutar ta' kif l-azzjonijiet nazzjonali jirriflettu l-impenji magħmula mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri biex jimplimentaw bi sħiħ il-Konvenzjoni tan-NU fil-livell Ewropew, u l-ikkunsidrar li jiġu stabbiliti miri nazzjonali konsistenti u komparabbli għal dak l-għan.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea huma mistiedna:

jkomplu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu trattament u opportunitajiet ugwali lill-applikanti kollha għall-impjieg, inklużi nies b'diżabbiltajiet. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea huma mħeġġa jtejjbu aktar l-aċċessibilità tal-bini u faċilitajiet tagħhom stess.

Jistiednu lill-persuni b'diżabbiltajiet u l-organizzazzjonijiet tagħhom:

4.

biex ikomplu l-koordinazzjoni tagħhom sabiex jikkomunikaw il-ħtiġiet tagħhom lil dawk li jfasslu l-politika u biex jidentifikaw u janalizzzaw l-għażliet ta' politika;

5.

biex jipparteċipaw fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Diżabbiltà u l-Konvenzjoni tan-NU flimkien mal-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Jistiednu lill-partijiet interessati kollha biex:

1.

iżommu djalogu (inkluż il-persuni b'diżabbiltajiet u l-organizzazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet pubbliċi, u l-imsieħba soċjali) sabiex jifhmu l-ħtiġiet ta' xulxin u jiġġeneraw soluzzjonijiet kunsenswali;

2.

jużaw l-opportunitajiet ipprovduti mill-parteċipazzjoni tagħhom fill-Grupp ta' Livell Għoli ta' l-UE dwar id-Diżabbiltà sabiex isostnu l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' diżabbiltà fil-linji politiċi Komunitarji.

Jistiednu lill-Presidenzi futuri:

biex ikomplu jsaħħu l-approċċ Ewropew tad-drittijiet tal-bniedem għad-diżabbiltà, waqt li jiżguraw inklużjoni soċjali komprensiva u l-kisba sħiħa ta' opportunitajiet indaqs għal persuni b'diżabbiltajiet u, għal dak l-għan, biex iżommu d-djalogu u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità, l-Istati Membri, l-persuni b'diżabbiltajiet u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u partijiet interessati oħra.


(1)  Direttiva 2000/78/KE. (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

(2)  ĠU C 308, 19.12.2007, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali — Progress (ĠU L 315, 15.11. 2006, p. 1).