30.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 25/1


Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

(2008/C 25/01)

IL-KUNSENS EWROPEW DWAR L-GĦAJNUNA UMANITARJA

L-isfida umanitarja

1.

L-għajnuna umanitarja hija espressjoni fundamentali tal-valur universali ta' solidarjetà bejn in-nies u imperattiv morali.

2.

Il-kriżijiet umanitarji jinkludu kemm diżastri li joriġinaw mill-bniedem kif ukoll dawk naturali. L-impatt tagħhom huwa kontinwament sever, marbut ma' għadd ta' fatturi, bħan-natura li qed tinbidel tal-kunflitt, il-bidla fil-klima, żieda fil-kompetizzjoni għall-aċċess għall-enerġija u riżorsi naturali, faqar estrem, governanza fqira u sitwazzjonijiet ta' fraġilità. Il-vittmi ewlenin huma ċ-ċittadini, ħafna drabi l-aktar fqar u vulnerabbli fosthom, li prinċipalment jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-kriżijiet umanitarji wasslu għal numri kbar ta' persuni spostati, kemm refuġjati kif ukoll persuni spostati internament.

3.

L-atturi umanitarji llum jiffaċċjaw għadd ta' sfidi maġġuri. Kien hemm tendenza dejjem tiżdied li l-Liġi Internazzjonali, inklużi l-Liġi Umanitarja Internazzjonali, l-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Liġi dwar ir-Refuġjati, ikunu injorati jew sfaċċatament miksura. L-'ispazju umanitarju' li huwa meħtieġ biex jiġu żgurat l-aċċess għal popolazzjonijiet vulnerabbli u s-sigurtà u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji għandhom ikunu ppreżervati bħala pre-kondizzjonijiet essenzjali għat-twassil ta' l-għajnuna umanitarja, u biex l-Unjoni Ewropea (UE) u l-imsieħba tagħha fil-qasam umanitarju jkunu jistgħu jwasslu l-assistenza inkluża l-protezzjoni lin-nies milquta mill-kriżijiet, abbażi tar-rispett għall-prinċipji tan-newtralità, l-imparzjalità, l-umanità u l-indipendenza ta' azzjoni umanitarja, minquxa fil-Liġi Internazzjonali, partikolarment il-Liġi Umanitarja Internazzjonali.

4.

L-għajnuna umanitarja pprovduta mill-UE hija kompetenza kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea (1). Hija tibni fuq tradizzjoni qadima u tirrifletti d-diversità ta' l-atturi tagħha. L-azzjoni umanitarja ta' l-UE tagħmel parti minn approċċ intenazzjonali ġenerali li jiġbor flimkien lin-Nazzjonijiet Uniti, il-moviment tas-Salib Aħmar u dak tan-Nofs Qamar Aħmar, l-NGOs umanitarji u oħrajn, b'appoġġ għar-risponsi lokali għall-kriżijiet umanitarji permezz ta' approċċ ta' sħubija mal-komunitajiet affettwati. L-awtoritajiet nazzjonali f'pajjiżi ffaċċjati minn kriżijiet għandhom ir-responsabbiltà primarja li jipproteġu l-popolazzjonijiet li għandhom quddiemhom id-diżastru.

5.

Kollettivament l-UE tipprovdi l-akbar sehem ta' għajnuna umanitarja internazzjonali uffiċjali attwali, magħmula mill-kontributi bilaterali tal-Komunità u l-Istati Membri ta' l-UE. Għaldaqstant l-UE għandha kemm l-esperjenza kif ukoll id-dover li tiżgura li l-kontribut ġenerali tagħha lir-rispons umanitarju huwa effettiv u xieraq, jirfed l-isforz umanitarju internazzjonali għat-twassil ta' l-għajnuna lill-poplu fil-bżonn, u jindirizza b'mod adegwat l-isfidi li l-atturi umanitarji qed jiffaċjaw illum.

6.

Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja jipprovdi viżjoni komuni li tiggwida l-azzjoni ta' l-UE, kemm f'livell ta' l-Istati Membri tagħha kif ukoll f'dak Komunitarju, fl-għajnuna umanitarja f'pajjiżi terzi. Din il-viżjoni komuni hija s-suġġett ta' l-ewwel parti tad-Dikjarazzjoni; it-tieni parti tistabbilixxi l-approċċ ta' l-għajnuna umanitarja tal-Komunità Ewropea għall-gwida ta' l-implimentazzjoni ta' din il-viżjoni fil-livell Komunitarju u tispeċifika ulterjorment il-prijoritajiet għal azzjoni konkreta fil-livell Komunitarju.

7.

Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja huwa maqbul b'mod konġunt mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. B'dan il-mod, aħna nfittxu li nikkonfermaw l-impenn tagħna għall-prinċipji li jirfdu l-għajnuna umanitarja ta' l-UE, li ntejbu l-impenji eżistenti għal prassi ta' donazzjoni tajba madwar l-UE, bi sħubija ma' partijiet interessati umanitarji oħrajn, u nistabbilixxu l-pedamenti għal ħidma aktar mill-qrib flimkien biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni l-aktar effettiva ta' għajnuna umanitarja ta' l-UE fis-snin li ġejjin.

L-EWWEL PARTI — IL-VIŻJONI TA' L-UE TA' L-GĦAJNUNA UMANITARJA

1.   Objettiv Komuni

8.

L-objettiv ta' l-għajnuna umanintarja ta' l-UE huwa li tipprovdi rispons ta' emerġenza bbażat fuq il-ħtiġijiet immirat lejn il-preservazzjoni tal-ħajja, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tas-sofferenza umana u ż-żamma tad-dinjità umana fejn ikun meħtieġ jekk il-gvernijiet u l-atturi lokali jinsabu f'diffikultà, ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jaġixxu. L-għajnuna umanitarja ta' l-UE tikkonsisti f'operazzjonijiet ta' assistenza, għajnuna u protezzjoni biex tiġi salvata u ppreżervata l-ħajja fi kriżijiet umanitarji jew immedjatament warajhom, iżda wkoll azzjonijiet immirati lejn il-faċilitar jew l-akkwist ta' aċċess għal nies fil-bżonn u l-fluss liberu ta' assistenza. L-assistenza umanitarja ta' l-UE hija pprovduta bħala rispons għal kriżijiet magħmulin mill-bniedem (inklużi emerġenzi kumplessi) u għal diżastri naturali kif meħtieġ.

9.

Ir-rispons lokali għal kriżijiet u t-tnaqqis ta' riskju ta' diżastri, inklużi t-tħejjija għal diżastri u l-irkupru minnhom, huma essenzjali biex jiġu salvati ħajjiet u biex jippermettu lill-komunitajiet iżidu r-reżistenza tagħhom għall-emerġenzi. L-attivitajiet tal-bini ta' kapaċità għall-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' l-impatt tad-diżastri u għat-titjib tar-rispons umanitarju huma parti wkoll mill-għajnuna umanitarja ta' l-UE.

2.   Prinċipji Komuni u Prassi Tajba

2.1.   Prinċipji umanitarji fundamentali

10.

L-UE hija impenjata bis-sod biex tħares u tippromwovi l-prinċipji umanitarji fundamentali ta' l-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. Dan l-approċċ bi prinċipju huwa essenzjali għall-aċċettazzjoni u l-abbiltà ta' l-UE, u l-atturi umanitarji b'mod ġenerali, biex joperaw fil-post f'kuntesti politiċi u ta' sigurtà spiss kumplessi. Il-perċezzjoni ta' l-UE u l-impennn tagħha għal dawn il-prinċipji fundamentali f'azzjoni umanitarja huma marbutin ma' l-imġiba u l-involviment fuq il-post ta' l-atturi ta' l-UE kollha.

11.

Il-prinċipju ta' l-umanità jfisser li s-sofferenza umana għandha tiġi indirizzata kull fejn tinstab, b'attenzjoni partikolari lill-aktar vulnerabbli fil-popolazzjoni. Id-dinjità tal-vittmi kollha għandha tiġi rrispettata u protetta.

12.

In-newtralità tfisser li l-għajnuna umanitarja m'għandha tiffavorixxi lill-ebda naħa f'konflitt armat jew tilwim ieħor.

13.

L-imparzjalità tfisser li l-għajnuna umanitarja għandha tiġi pprovduta biss abbażi tal-ħtieġa, mingħajr diskriminazzjoni bejn jew fost popolazzjonijiet affettwati.

14.

Ir-rispett lejn l-indipendenza jfisser l-awtonomija ta' l-objettivi umanitarji mill-objettivi politiċi, ekonomiċi, militari jew oħrajn, u sservi biex tiżgura li l-uniku għan ta' l-għajnuna umanitarja jibqa' t-tnaqqis u l-prevenzjoni tas-sofferenza tal-vittmi ta' kriżijiet umanitarji.

15.

L-għajnuna umanitarja ta' l-UE mhijiex għodda ta' maniġġar ta' kriżijiet.

2.2.   Liġi internazzjonali

16.

L-UE ser tippromwovi b'qawwa u b'mod konsistenti ir-rispett lejn il-Liġi Internazzjonali, inklużi l-Liġi Umanitarja Internazzjonali, (2) il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Liġi dwar ir-Refuġjati. Fl-2005, l-UE adottat Linji Gwida dwar il-promozzjoni tal-konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali. L-UE hija impenjata li tirrendi aktar operattivi dawn il-Linji Gwida fir-relazzjonijiet esterni tagħha (3).

17.

L-UE tfakkar fl-impenn lejn ir-responsabbiltà tal-protezzjoni, skond ir-Riżoluzzjoni 60/1 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' l-24 ta' Ottubru 2005 (Riżultat tas-Summit Dinji 2005). Kull Stat individwali għandu r-responsabilità li jipproteġi l-popolazzjonijiet tiegħu minn ġenoċidu, krimini tal-gwerra, tindif etniku u krimini kontra l-umanità. Il-komunità internazzjonali, permezz tan-Nazzjonijiet Uniti, għandha wkoll ir-responsabbiltà li tipproteġi l-popolazzjonijiet minn dawk il-krimini. Fejn l-awtoritajiet nazzjonali qed ifallu manifestament milli jissodisfaw ir-responsabbiltà li jipproteġu, il-komunità intenazzjonali kkonfermat li hija lesta li tieħu azzjoni kollettiva permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

2.3.   Għoti ta' Għajnuna Umanitarja Tajba

18.

Filwaqt li jirrikonoxxu diversità ta' kapaċità, skala u ta' modalitajiet speċifiċi applikabbli għall-għajnuna umanitarja fl-UE, bil-qbil ta' dan il-Kunsens Ewropew, id-donaturi ta' l-UE kollha qed jimpenjaw ruħhom għall-Prinċipji tad-Donazzjoni Umanitarja Tajba (GHD) u jintrabtu li jaħdmu flimkien, u ma' oħrajn, biex ifittxu li japplikaw l-aħjar prassi ta' donazzjoni (4). Dan jinkludi l-allokazzjoni ta' finanzjament umanitarju fi proporzjoni mal-ħtiġijiet u abbażi ta' valutazzjonijiet ta' ħtiġijiet.

19.

Bħala l-UE, aħna nimpenjaw ruħna li nippromwovu dibattitu sostantiv dwar elementi ta' l-aħjar prassi ta' donazzjoni biex jiġi żgurat li għoti tajjeb jinbidel f'assistenza aħjar għal nies li jiffaċjaw kriżijiet umanitarji.

20.

L-UE tirrikonoxxi li l-livell globali tal-ħtieġa umanitarja jeħtieġ approċċ internazzjonali konsolidat bi sħubija ma' oħrajn, inkluż it-tħeġġiġ tal-finanzjament ta' l-għajnuna minn donaturi uffiċjali ġodda u emerġenti u benefatturi privati li jirrispettaw il-prinċipji umanitarji.

21.

Is-sħubija hija fil-qalba ta' l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna umanitarja u għalhekk l-UE tilqa' bil-qalb approċċ ta' sħubija intenazzjonali usa', li jlaqqa' flimkien lid-donaturi, lill-imsieħba li jimplimentaw u lil partijiet interessati oħrajn, biex tiġi żgurata azzjoni umanitarja effettiva, li tibni fuq il-korp eżistenti ta' standards u l-aħjar prassi.

2.4.   Relazzjoni ma' linji ta' politika oħrajn

22.

Il-prinċipji li japplikaw għall-għajnuna umanitarja huma speċifiċi u distinti minn forom oħrajn ta' għajnuna. L-għajnuna umanitarja ta' l-UE, inkluż l-irkupru kmieni, għandha tieħu kont ta' l-objettivi ta' l-iżvilupp għall-perijodu fit-tul fejn hu possibbli, u hija marbuta mill-qrib mal-kooperazzjoni ta' l-iżvilupp li l-prinċipji u l-prassi tagħha jinsabu mniżżlin fi 'Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp' (5). L-għajnuna umanitarja ta' l-UE titwassal f'sitwazzjonijiet fejn strumenti oħrajn relatati mal-maniġġar ta' kriżijiet, il-protezzjoni ċivili u l-assistenza konsulari jistgħu wkoll jidħlu fix-xena. Għaldaqstant, l-UE hija impenjata li tiżgura koerenza u kumplementarjetà fir-rispons tagħha għall-kriżijiet, billi tagħmel l-aktar użu effettiv ta' l-istrumenti varji mmobilizzati. Għalhekk l-UE għandha ttejjeb l-isforzi li tqajjem kuxjenza ta' u tieħu kont tal-prinċipji u l-konsiderazzjonijiet umanitarji aktar sistematikament fil-ħidma tagħha tul l-Istituzzjonijiet tagħha.

2.5.   Id-dimensjoni tas-sessi fl-Għajnuna Umanitarja

23.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtiġijiet, il-kapaċitajiet u l-kontributi differenti tan-nisa, il-bniet, is-subien u l-irġiel, l-UE tenfasizza l-importanza li l-konsiderazzjonijiet dwar is-sessi jiġu integrati fl-għajnuna umanitarja.

24.

L-UE tirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-għajnuna umanitarja hija essenzjali, u timpenja li tippromwovi dak l-involviment.

3.   Qafas Komuni għat-Twassil ta' l-Għajnuna Umanitarja ta' l-UE

3.1.   Koordinazzjoni, Koerenza u Kumplementarjetà

25.

L-UE tappoġġa bis-sħiħ ir-rwol ċentrali u ġenerali ta' koordinament tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni ta' l-Affarijiet Umanitarji (OCHA), fil-promozzjoni ta' rispons internazzjonali koerenti għall-kriżijiet umanitarji. Dan ir-rwol huwa msaħħaħ konsiderevolement meta l-OCHA għandu preżenza attiva fuq il-post (u Koordinatur Umanitarju huwa maħtur u mibgħut). Koordinazzjoni aktar b'saħħitha ta' l-UE ttejjeb ir-rispons umanitarju internazzjonali ġenerali, inkluż l-isforzi konġunti għat-titjib tas-sistema umanitarja, u tirrinforza wkoll l-ambizzjoni ta' l-UE li taħdem mill-qrib ma' atturi umanitarji oħrajn.

26.

Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u t-tradizzjonijiet rispettivi tagħhom, id-donaturi umanitarji ta' l-UE ser jaħdmu flimkien permezz ta' koordinazzjoni u promozzjoni ta' l-UE msaħħa ta' l-aħjar prassi bil-ħsieb li tiġi promossa l-viżjoni komuni ta' l-UE b'mod flessibbli u kumplimentari li jirrinforza l-isforzi internazzjonali. Dan ifisser li l-UE ser tfittex li taġixxi b'mod konġunt għall-protezzjoni ta' l-'ispazju umanitarju' għat-tisħiħ tar-risponsi umanitarju ġenerali, inkluża l-identifikazzjoni ta' nuqqasijiet u l-appoġġ għal twassil organizzat tajjeb ta' l-għajnuna fejn hija l-aktar meħtieġa.

27.

Id-donaturi umanitarji ta' l-UE ser jippruvaw jiżguraw prassi ta' donazzjoni tajba permezz tal-kondiviżjoni ta' l-intendiment dwar il-ħtieġa u r-risponsi adatti u permezz ta' sforzi konġunti biex tiġi evitata sovrappożizzjoni u jiġi żgurat li l-ħtiġijiet umanitarji huma valutati u jintlaħqu b'mod adatt. Għandu jkun hemm iffokar partikolari fuq il-koerenza ta' l-istrateġija ta' rispons għal kriżi partikolari, u fuq il-ħidma fi sħubija fil-post.

28.

L-UE ser tiffoka fuq:

il-kondiviżjoni ta' informazzjoni f'ħin reali dwar valutazzjonijiet ta' sitwazzjoni u intenzjonijiet ta' rispons għal kriżijiet speċifiċi (fil-livell ta' kwartieri ġenerali u fil-post);

it-tisħiħ ta' l-iskambju f'livell ta' politika dwar l-għajnuna u l-istrateġiji ta' intervent, inkluż f'forum xieraq għal dibattitu regolari dwar politika fil-Kunsill;

l-iskambji għall-iżvilupp ta' l-aħjar prassi u l-kondiviżjoni ta' esperjenza settorjali;

li jiġi żgurat li wieħed jitgħallem sistematikament il-lezzjonijiet mir-rispons għall-kriżijiet.

29.

L-UE ser tikkontribwixxi għat-tfassil ta' l-aġenda umanitarja internazzjonali, u taħdem flimkien f'fora internazzjonali u dwar l-isforzi ta' tisħiħ għall-kwistjonijiet umanitarji.

30.

Mingħajr preġudizzju għall-prinċipji umanitarji ta' newtralità u indipendenza, l-UE timpenja ruħha li tiżgura koerenza tal-politika, kumplementarjetà u effettività billi tuża l-influwenza tagħha u l-firxa sħiħa ta' għodod fil-pussess tagħha biex tindirizza l-kawżi mill-għeruq tal-kriżijiet umanitarji. B'mod partikolari, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni ta' l-iżvilupp, kif ukoll l-istrumenti diversi disponibbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' stabbiltà, ser jintużaw b'mod koerenti u kumplimentari speċjalment f'kuntesti transizzjonali u f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, sabiex jintużaw il-potenzjal sħiħ ta' l-għajnuna u l-kooperazzjoni għall-perijodu qasir u dak twil.

3.2.   Il-provvediment ta' għajnuna adegwata u effettiva

31.

L-għajnuna umanitarja għandha tkun allokata b'mod trasparenti abbażi ta' ħtiġijiet identifikati u l-livell ta' vulnerabbiltà.. Dan ifisser li riċevituri ta' l-għajnuna għandhom jiġu identifikati abbażi ta' kriterji oġġettivament verifikabbli u li l-għajnuna għandha titwassal b'tali mod li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' prijorità definiti b'fondi adegwati.

32.

Sabiex tiġi żgurata allokazzjoni ta' għajnuna adegwata, effettiva, ekwitabbli u flessibbli għandu jiġi applikat approċċ ta' valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet kemm fil-livell globali kif ukoll f'dak lokali. B'kont meħud ta' l-inizjattivi eżistenti, l-UE ser tfittex li tippromwovi intendiment komuni ta' valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet fil-livell ta' l-UE sabiex jittejbu l-prassi attwali u l-applikazzjoni tagħhom. L-UE tikkonferma mill-ġdid l-importanza ta' ħidma mill-qrib ma' l-imsieħba internazzjonali dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet. Analiżi tal-ħtiġijiet globali teħtieġ qbil dwar metodoloġija adatta u prinċipji ta' programmar. Valutazzjonijiet informati dwar il-ħtiġijiet lokali, partikolarment fl-ewwel stadji ta' kriżi li tfaqqa' minnufih, jeħtieġu preżenza u esperjenza xierqa fil-post, informazzjoni affidabbli u l-iffissar ta' prijorità ċara. It-timijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Valutazzjoni u Koordinazzjoni ta' Diżastri (UNDAC) għandhom rwol ċentrali fil-valutazzjoni fuq il-post meta jkunu skjerati.

33.

L-UE tafferma l-impenn tagħha biex jiġi żgurat bilanċ ta' rispons bejn kriżijiet differenti abbażi ta' ħtieġa, inkluża l-għajnuna għall-kriżijiet mtawla. Kriżijiet minsijin jew kriżijiet fejn l-intervent huwa partikolarment diffiċli u fejn ir-rispons umanitarju internazzjonali ġenerali mhuwiex adegwat, jeħtieġu attenzjoni speċjali mill-UE. Ħtiġijiet mitluqin bħala rispons għal kriżijiet speċifiċi jimmeritaw ukoll konsiderazzjoni partikolari.

34.

Fil-kuntest umanitarju, l-għajnuna f'emerġenza għall-ikel hija parti integrali u importanti ta' strateġija ta' rispons umanitarju għall-perijodu qasir biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet vulnerabbli.. Konsegwentement l-għajnuna f'emerġenza għall-ikel għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet rigoruża u trasparenti, li tipprovdi analiżi ta' l-aktar taħlita adegwata u xierqa ta' għajnuna għall-ikel u risponsi li mhumiex għall-ikel, u tieħu kont tar-riskju li tħarbat is-swieq mingħajr bżonn. Ir-rabta bejn l-għajnuna għall-ikel ma' forom oħrajn ta' appoġġ għall-għixien tgħin it-titjib tal-mekkaniżmi biex ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet affettwati.

35.

Kull meta jkun possibbli, mingħajr ma' tħarbat is-swieq mingħajr bżonn, l-għajnuna inkluża l-għajnuna għall-ikel, għandha tuża' r-riżorsi u l-akkwisti lokali u reġjonali. L-użu ta' tali riżorsi u akkwisti mhux biss jevita spejjeż ambjentali u finanzjarji addizzjonali, iżda jinvolvi wkoll il-kapaċitajiet lokali u jippromwovi l-ekonomija lokali u reġjonali. Għandhom ikunu kkunsidrati wkoll modalitajiet innovattivi biex titwassal l-għajnuna, inkluż approċċi mhux ibbażati fuq il-komodità (bħal flus kontanti u kupuni).

36.

L-UE ser tiżgura li wegħdiet ta' għajnuna umanitarja jiġu trasformati f'impenji u sburżamenti f'waqthom u marbutin b'mod ċar mal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, aġġustati kif meħtieġ bħala rispons għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu.

37.

L-għajnuna umanitarja għandha tkun ibbażata il-ħtieġa valutata, milli miri speċifiċi. Madankollu, hemm nuqqas sostantiv ta' finanzjament fil-livell globali għar-rispons ta' ħtiġijiet umanitarji eżistenti. Huwa mistenni li l-ħtieġa għal assistenza umanitarja tista' fil-fatt tiżdied fil-perijodu qasir sa medju bħala riżultat ta' fatturi demografiċi, politiċi/ta' sigurtà u ambjentali (inkluża l-bidla fil-klima). It-tqabbil tal-ħtiġijiet umanitarji x'aktarx għalhekk ikun jeħtieġ mobilizzazzjoni ta' aktar riżorsi intenazzjonalment, inkluż minn bażi mwessa' ta' donazzjoni.

38.

B'mod kollettiv, l-UE diġà tipprovdi l-akbar sehem ta' għajnuna umanitarja internazzjonali uffiċjali. L-UE hija diġà impenjata f'żieda ta' l-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) ġenerali, li minnha joħorġu wkoll kontributi għall-għajnuna umanitarja. L-UE timmira li turi l-impenn tagħha għar-rispons umanitarju bil-mobilizzazzjoni ta' fondi adegwati għall-għajnuna umanitarja abbażi ta' ħtieġa valutata. F'dan ir-rigward, tkun xierqa valutazzjoni ta' l-adegwatezza tar-riżorsi disponibbli għall-għajnuna umanitarja tal-Komunità Ewropea fid-dawl tal-vantaġġ komparattiv tagħha. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll il-kontributi bilaterali tagħhom għall-għajnuna umanitarja fi ħdan iż-żieda ta' l-ODA ġenerali.

39.

Fir-rispons għall-ħtiġijiet umanitarji għandu jittieħed kont ta' vulnerabbiltajiet partikolari. F'dan il-kuntest, l-UE ser tagħti attenzjoni partikolari lin-nisa, lit-tfal, lill-anzjani, lill-morda u lill-persuni b'diżabbiltà, u li tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhhom. Barra minn hekk, l-istrateġiji ta' protezzjoni kontra l-vjolenza sesswali u dik abbażi ta' sessi għandhom jiġu nkorporati fl-aspetti kollha ta' l-assistenza umanitarja.

3.3.   Kwalità, effettività u responsabbiltà (6)

40.

L-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-veloċità u l-kwalità huma t-tnejn kritiċi fl-għoti ta' l-għajnuna umanitarja b'mod effettiv. Bħala donaturi aħna għandna r-responsabbiltà biex niżguraw li l-għajnuna mwassla tirrappreżenta l-aħjar għażla disponibbli u hi adatta għall-fini li għalih hija intiża. Għalhekk, l-azzjoni umanitarja għandha ssegwi sett ta' standards u prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment. Dawn tniżżlu fil-'Kodiċi ta' Kondotta għall-Għaqda Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Moviment tan-Nofs-Qamar l-Aħmar u Organizzazzjonijiet Non-Governattivi ta' Għajnuna fid-Diżastri (7) u nkorporati b'mod wiesa' fil-'Karta Umanitarja'. Standards minimi rikonoxxuti b'mod wiesa' dwar Rispons għad-Diżastri ġew stabbiliti b'mod ġenerali u għal kull settur inkluż permezz tal-Proġett Sphere (8). Dawn il-prinċipji għall-forniment ta' għajnuna jikkorelataw mal-kriterji ta' l-OECD/DAC aċċettati internazzjonalment għall-evalwazzjoni ta' l-Għajnuna Umanitarja (9). L-UE tinnota wkoll b'mod pożittiv il-ħidma dwar il-Liġijiet, ir-Regoli u l-Prinċipji Internazzjonali ta' Rispons għad-Diżastri (IDRL).

41.

L-UE hija sottoskritta b'mod sħiħ għal dawn is-settijiet ta' prinċipji, standards u kriterji ta' evalwazzjoni, li flimkien ma' l-inizjattiva tal-GHD, jikkostitwixxu l-qafas ġenerali biex jiġi żgurat approċċ ta' kwalità għall-provvediment ta' l-għajnuna umanitarja ta' l-UE.

42.

Il-linji ta' politika fl-oqsma settorjali differenti ta' l-intervent ta' għajnuna umanitarja, bħas-saħħa, in-nutrimenti, l-ilma u s-sanità, appoġġ u protezzjoni ta' l-għixien, għandhom jiġu adattati għall-kuntest u għar-riċevituri sabiex ikollom impatt massimu. Il-“prinċipju tagħmilx ħsara” huwa r-rekwiżit minimu li huwa l-bażi ta' tali linji ta' politika u approċċi ta' għajnuna, li jfisser ukoll li għandu jittieħed kont tal-konsiderazzjonijiet ambjentali u oħrajn għall-perijodu fit-tul mill-bidunett anke f'interventi ta' emerġenza għall-perijodu qasir.

43.

Il-kontabbiltà fil-kuntest ta' l-għajnuna umanitarja tiġbor kemm il-kontabbiltà għaċ-ċittadini Ewropej dwar l-użu tajjeb ta' fondi pubbliċi, kif ukoll il-kontabbiltà lejn dawk fil-bżonn fil-pajjiżi li qed jiffaċċjaw kriżijiet umanitarji, biex jiġi żgurat li l-għajnuna hija adatta sewwa għaċ-ċirkostanzi u tiġi pprovduta b'mod li ttejjeb il-prospetti għall-irkupru.

44.

Kontribut kwalitattiv u indikaturi tal-prestazzjoni, kriterji ta' effettività ta' l-ispejjeż (eżempju l-pagi tan-nies fi proporzjoni ma' l-għajnuna għar-riċevituri), u, sa fejn hu possibbli, approċċ ta' parteċipazzjoni mal-popolazzjonijiet lokali fid-diversi stadji tal-programmi ta' assistenza, partikolarment fi kriżijiet mtawla, huma kollha elementi li l-UE ser tikkunsidra bir-reqqa.

45.

Il-kontabbiltà lil nies assistiti timpenja lill-fornitur ta' l-għajnuna biex jaħdem f'qafas ta' standards, prinċipji, linji ta' politika u linji gwida ta' kwalità, u tippromwovi attivitajiet ta' taħriġ u l-bini ta' kapaċità, fejn jiġi żgurat l-involviment ta' dawk assistiti. Approċċ ta' kwalità jitlob livell għoli ta' assikurazzjoni mill-imsieħba permezz ta' l-applikazzjoni ta' kriterji ta' eliġibilità ta' imsieħba u monitoraġġ tal-prestazzjoni matul l-implimentazzjoni ta' l-operazzjoni. Tali assikurazzjonijiet ta' kwalita għandhom jinkisbu mill-imsieħba, b'kont meħud tad-daqs u l-livell ta' speċjalizzazzjoni tagħhom.

46.

Għalhekk miżuri ta' kontabbiltà jinkludu l-kontroll finanzjarju u r-rappurtar dwar operazzjonijiet umanitarji, l-evalwazzjoni u l-kejl tar-riżultati u l-effettività, analiżi ta' spejjeż u impatt ta' għażliet differenti ta' rispons, assikurazzjoni ta' kwalità, trasparenza, approċċi ta' parteċipazzjoni għall-assistenza, u komunikazzjoni.

47.

Evalwazzjoni regolari u eżerċizzji ta' lezzjonijiet meħuda li jirrevedu r-rispons għal kriżijiet speċifiċi huma komponenti ta' valur li jsaħħu l-effettività ta' l-għajnuna umanitarja. L-UE tista' taħdem b'mod utli flimkien kemm dwar approċċi konġunti kif ukoll dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-evalwazzjoni magħmula minn kull donatur individwali. Għalhekk l-UE ser tiskambja informazzjoni dwar l-ippjanar, ir-riżultati u r-risponsi ta' l-evalwazzjoni, inkluż dwar il-kwalità ta' sħubija u timpenja ruħha f'eżerċizzji konġunti ta' lezzjonijiet meħuda bħala rispons għal kriżijiet kbar li jinvolvu donaturi multipli. L-UE għandha kollettivament tirrevedi d-dispożizzjoni tagħha għal għajnuna umanitarja ġenerali regolarment, fejn possibbli kull sena.

3.4.   Diversità u kwalità fis-sħubija

48.

Bħala appoġġ tal-kapaċitajiet lokali, rispons mgħaġġel u effiċjenti għall-kriżijiet umanitarji jiddependi fuq id-disponibbiltà ta' l-imsieħba fil-post, partikolarment is-soċjetà ċivili l-organizzazzjonijiet internazzjonali b'mandat, li l-leġittimità, l-esperjenza u r-riżorsi tagħhom jippermettulhom ilaħħqu ma' aspett partikolari ta' kriżi.

49.

In-NU u l-aġenziji ta' Għajnuna tagħha huma fil-qalba tas-sistema umanitarja internazzjonali bħala stabbilaturi ta' normi, bħala koordinatur u bħala l-akbar implimentatur ta' l-għajnuna umanitarja. B'mod simili, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar għandu mandat speċjalizzat ibbażat fuq trattati internazzjonali u f'ħafna kuntesti, partikolarment f'sitwazzjonijiet ta' konflitt, huwa wieħed mill-ftit — xi drabi l-uniku wieħed — imsieħeb b'aċċess sabiex ikun jista' jipprovdi protezzjoni u jwassal l-assistenza umanitarja. Is-Soċjetajiet Nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs-Qamar l-Aħmar appoġġati mill-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs-Qamar l-Aħmar għandhom għeruq partikolarment b'saħħithom f'komunitajiet lokali u spiss huma fl-aħjar sitwazzjoni biex jipprovdu rispons immedjat għal diżastri naturali. Organizzazzjonijiet Non-Governattivi (NGOs) huma essenzjali għar-rispons umanitarju peress li huma jwasslu l-maġġoranza ta' l-għajnuna umanitarja internazzjonali minħabba l-preżenza fil-post u l-flessibbiltà tagħhom, spiss b'livell għoli ta' speċjalizzazzjoni. Huma wkoll espressjoni diretta ta' ċittadinanza attiva għas-servizz tal-kawża umanitarja.

50.

L-UE tissottolinja l-appoġġġ intrinsiku tagħha għal pluralità ta' l-Imsieħba li jimplimentaw — in-NU, l-Moviment tas-Salib l-Aħmar u dak tan-Nofs-Qamar l-Aħmar u l-NGOs — u tirrikonoxxi li kull wieħed għandu vantaġġi komparattivi fir-rispons għal ċerti sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi. Madankollu, l-UE tirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa għal koordinazzjoni, koerenza u kumplimentarjetà mill-qrib bejn l-Imsieħba li jimplimentaw fil-post.

51.

Fl-UE u internazzjonalment hemm diversi approċċi għall-għażla u l-assikurazzjoni ta' kwalità ta' imsieħba li jimplimentaw il-provvediment ta' l-għajnuna umanitarja. Il-kriterji tad-donaturi ta' l-UE għall-għażla ta' imsieħba li jimplimentaw jinkludu l-professjonaliżmu u l-kapaċità ta' maniġġar, il-kapaċità għal rispons ta' ħtieġa identifikata (kapaċità teknika u loġistika, inkluż il-preżenza u l-aċċess), l-aderenza għall-prinċipji umanitarji u l-liġi internazzjonali, kif ukoll kodiċi ta' kondotta internazzjonali, linji gwida u l-aħjar prassi fit-twassil ta' l-għajnuna, għarfien speċjalizzat jew mandat, l-effiċjenza ta' l-ispejjeż, sħubija lokali u esperjenza f'kuntesti operattivi, disponibbiltà li wieħed jieħu sehem f'attivitajiet ta' koordinazzjoni stabbiliti għall-effettività operattiva ġenerali, kontabbiltà, inkluż ir-rappurtar trasparenti dwar riżultati, u kwalità tal-kapaċità ta' implimentazzjoni, inkluż ġestjoni finanzjarja soda. Abbażi tat-tradizzjonijiet diversi tagħhom, l-Istati Membri ta' l-UE u l-Kummissjoni ser jiskambjaw informazzjoni dwar il-prattika tagħhom ta' l-għażla ta' imsieħba li jimplimentaw.

52.

L-allokazzjoni ta' l-għajnuna teħtieġ proċeduri amministrattivi speċifiċi li jvarjaw minn donatur għal ieħor. Id-donaturi kollha ta' l-UE ser ifittxu li jimmassimizzaw l-opportunità għall-flessibbiltà fis-sistemi tagħhom u jirrazzjonalizzaw il-proċeduri sa l-aktar punt possibbli sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq organizzazzjonijiet li jimplimentaw, filwaqt li tiġi żgurata l-kwalità fis-sħubija u l-kontabbiltà b'saħħitha fit-twassil ta' l-għajnuna.

53.

Ir-rispons lokali dwar kif wieħed ilaħħaq mal-kriżijiet umanitarji huwa komponent vitali. L-atturi lokali huma fuq quddiem meta jinqala' diżastru minnufih u b'mod dejjem jiżdied ukoll fil-qalba tar-risponsi umanitarji f'emerġenzi kumplessi. L-UE ser teżamina kif tista' bl-aħjar mod toffri appoġġ għal attivitajiet ta' bini ta' kapaċità għat-tisħiħ sostenibbli tar-rispons għal diżastri lokali, u tinkoraġġixxi lill-imsieħba li jimplimentaw li jrawmu sħubija ma' organizzazzjonijiet lokali f'komunitajiet affettwati.

3.5.   Kapaċità u Rispons Rapidu

54.

Fl-UE, jeżistu diġà kapaċitajiet varji għal skjerament rapidu ta' timijiet speċjalizzati u d-dispaċċ rapidu ta' għajnuna umanitarja jew oġġetti ta' għajnuna. L-UE tfittex li tevita d-dupplikazzjoni billi tirrinforza l-isforzi tagħha biex tindirizza n-nuqqasijiet ta' kapaċità billi tibni fuq sistemi eżistenti b'appoġġ ta' l-isforzi intenazzjonali, partikolarment iċ-ċentri loġistiċi reġjonali varji.

55.

Għalhekk l-UE ser teżamina metodi kif issaħħaħ ir-rispons rapidu tagħha għall-kriżijiet umanitarji billi taħdem flimkien fil-bini fuq setgħat komparattivi eżistenti, f'koordinazzjoni ma' l-isforzi magħmula mill-komunità umanitarja usa'. L-UE tfittex li tirfed l-isforzi internazzjonali biex tfassal stampa ċara u tneħħi l-vojt identifikat fir-rispons, bħalma huma dawk relatati mal-koordinazzjoni internazzjonali tal-loġistika, mat-trasport, mal-komunikazzjoni, u ma' l-arranġamenti ta' żieda għar-rispons rapidu fid-diżastri. L-UE ser tippromwovi l-aċċess għall-firxa wiesgħa ta' imsieħba għal servizzi umanitarji komuni.

56.

Fl-ewwel każ l-UE ser tikkontribwixxi permezz ta' tfassil trasparenti u komprensiv ta' l-elementi kollha tal-kapaċitajiet attwali tagħha, bil-għan li jkollha stampa ġenerali tal-kapaċitajiet eżistenti u potenzjali u l-aktar mod effiċjenti kif tagħmel użu minnhom.

3.6.   L-użu tal-protezzjoni ċivili u ta' assi u kapaċitajiet ta' protezzjoni ċivili u militari

57.

L-użu ta' riżorsi tal-protezzjoni ċivili u assi militari b'rispons għal sitwazzjonijiet umanitarji għandu jkun f'konformità mal-Linji Gwida dwar l-Użu ta' l-Assi Militari u ta' Difiża Ċivili f'emerġenzi kumplessi (10) u l-Linji Gwida ta' Oslo dwar l-Użu ta' l-Assi Militari u ta' Difiża Ċivili f'Għajnuna Internazzjonali għal Diżastri (11), b'mod partikolari tiġi salvagwardjata l-konformità mal-prinċipji umanitarji ta' newtralità, umanità, imparzjalità u indipendenza. L-UE ser tippromwovi intendiment komuni ta' dawn il-linji gwida. L-UE ser tinkoraġġixxi wkoll taħriġ komuni dwar il-liġi internazzjonali u l-prinċipji umanitarji fundamentali.

Protezzjoni Ċivili (12)

58.

L-għajnuna umanitarja Ewropea tista' tkun ibbażata fuq diversi strumenti tal-Komunità u ta' l-Istati Membri, inklużi r-riżorsi tal-protezzjoni ċivili, li jkopru firxa wiesgħa ta' assi li huma proprjetà ta' l-istat u dawk li mhumiex. Dawn l-assi, meta skjerati f'kuntest umanitarju f'pajjiżi terzi, huma taħt il-kmand ċivili u fi prinċipju jiġu skjerati b'rispons għal talba formali mill-istat affettwat. Dawn jintbagħtu bilateralment, permezz tan-NU jew permezz taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) fil-qafas tal-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili. L-Istati Membri jużaw dejjem iktar il-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili tagħhom fir-rispons għal diżastri f'pajjiżi terzi, prinċipalment f'diżastri naturali u emerġenzi teknoloġiċi u ambjentali. Meta skjerati fi kwalunkwe kriżi umanitarja, l-użu ta' riżorsi ta' protezzjoni ċivili għandu jkun immexxi skond il-ħtieġa u kumplimentari għal u koerenti ma' l-għajnuna umanitarja. Għalhekk, il-koordinazzjoni xierqa bejn l-atturi Ewropej differenti u l-istrumenti hija essenzjali, hekk kif huwa r-rispett għar-rwol ta' koordinament ġenerali tan-NU. F'livell ta' l-UE, l-użu tar-riżorsi tal-protezzjoni ċivili fil-qafas tal-Mekkaniżmu huwa soġġett għal kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza. Persunal tal-protezzjoni ċivili skjerat għall-finijiet umanitarji ser ikun dejjem diżarmat.

59.

F'diżastri naturali u f'emerġenzi teknoloġiċi u ambjentali, ir-riżorsi tal-protezzjoni ċivili jistgħu jipprovdu kontribut importanti għall-azzjonijiet umanitarji bbażati fuq valutazzjonijiet ta' ħtiġijiet umanitarji u l-vantaġġi possibbli tagħhom f'termini ta' veloċità, speċjalizzazzjoni, effiċjenza u effettività, speċjalment fil-fażi bikrija tar-rispons ta' l-għajnuna.

60.

F'emerġenzi kumplessi r-rikors għall-assi tal-protezzjoni ċivili għandu pjuttost ikun l-eċċezzjoni. L-użu tagħhom f'emerġenzi kumplessi, inkluż f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, huwa speċjalment delikat u sensittiv peress li hemm ir-riskju li tiġi kompromessa l-perċezzjoni tan-newtralità u l-imparzjalità ta' l-isforz ta' l-għajnuna. Dan jista' jirriżulta fl-esponiment tal-ħaddiema ta' l-għajnuna kif ukoll il-popolazzjoni affettwata għal attakki minn partijiet fil-ġlied, u bl-aċċess irrifjutat għall-popolazzjoni affettwata mhux biss fl-emerġenzi attwali, iżda wkoll f'dawk tal-futur. Dawn ir-riskji jeħtieġ li jintiżnu sew kontra l-immedjatezza tal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u l-ħtieġa għar-riżorsi tal-protezzjoni ċivili biex ikopruhom.

Assi militari

61.

Taħt kondizzjonijiet speċifiċi ħafna, l-għajnuna umanitarja tista' tuża assi militari, notevolement għal appoġġ loġistiku u ta' infrastruttura prinċipalment fil-kuntest ta' diżastri naturali. L-UE żviluppat Qafas Ġenerali għall-użu ta' assi ta' trasport militari jew mikrijin mill-militar ta' l-Istati Membri u ta' għodod ta' koordinazzjoni tal-PESD b'appoġġ għar-rispons ta' l-UE għal diżastri (13). Ġew żviluppati proċeduri standard ta' l-operat. L-UE stabbiliet ukoll arranġamenti għal appoġġ militari għar-rispons ta' l-UE għal diżastri (identifikazzjoni u koordinazzjoni ta' assi u kapaċitajiet disponibbli) (14). Sabiex jiġi evitat in-nuqqas ta' ċarezza bejn l-operazzjonijiet militari u l-għajnuna umanitarja, huwa essenzjali li l-assi u l-kapaċitajiet militari jintużaw biss f'ċirkostanzi limitati ħafna b'appoġġ għall-operazzjoni ta' għajnuna umanitarja bħala l-“aħħar għażla”, jiġifieri fejn ma hemm l-ebda alternattiva ċivili komparabbli u l-użu ta' assi militari li huma uniċi f'kapaċità u disponibbiltà biss jistgħu jissodisfaw ħtieġa umanitarja kritika.

62.

Fejn f'tali ċirkostanzi jiġu skjerati assi jew kapaċitajiet militari, ir-responsabbiltà primarja ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat affettwat kif ukoll ir-rwol u r-responsabbiltà ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-koordinament ta' l-assistenza għal għajnuna internazzjonali f'pajjiżi terzi jeħtieġu li jiġu rrispettati.

63.

L-UE tafferma mill-ġdid li operazzjoni umanitarja li tagħmel użu ta' assi militari għandha żżomm in-natura u l-karattru ċivili tagħha. Dan ifisser li, filwaqt li l-assi militari jibqgħu taħt il-kontroll militari, l-operazzjoni umanitarja ġenerali għandha tibqa' taħt l-awtorità u l-kontroll ġenerali ta' l-organizzazzjoni umanitarja responsabbli, jiġifieri l-OCHA u l-Koordinatur Umanitarju (b'responsabbiltà ġenerali għall-isforz ta' l-għajnuna). Dan ma jagħti l-ebda kmand ċivili u status ta' kontroll fuq l-assi militari.

64.

L-UE tikkunsidra li l-koordinazzjoni ċivili-militari, bħala l-interazzjoni essenzjali bejn l-atturi ċivili/umanitarji u militari f'emerġenzi umanitarji, hija vitali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-prinċipji umanitarji. Il-koordinazzjoni hija ffaċilitata bi djalogu, kollegament u taħriġ komuni.

65.

L-UE tafferma l-impenn tagħha li l-proviżjoni ta' assi ta' trasport militari jew mikrijin mill-militar u/jew ta' kapaċitajiet oħrajn għal azzjonijiet umanitarji li jsalvaw il-ħajja ta' l-Istati Membri għandhom jiġu pprovduti mingħajr spejjeż għall-Istat affettwat jew attur umanitarju riċevitur. L-UE tinkoraġġixxi sforzi miżjuda ta' atturi umanitarji u militari għat-titjib ta' l-intendiment reċiproku u r-rispett dwar mandati u rwoli rispettivi u għall-kollegament dwar approċċi potenzjali għar-rispons għal diżastru. Għal dan il-għan l-UE hija impenjata li fejn huwa meħtieġ u xieraq tibgħat uffiċjal(i) ta' kollegament ċivili-militari għall-faċilitar u l-impenn attiv ta' koordinazzjoni ċivili-militari.

4.   Azzjoni umanitarja internazzjonali

66.

L-azzjoni umanitarja hija responsabbiltà kollettiva f'livell internazzjonali, li tinvolvi ħafna organizzazzjonijiet, gvernijiet, komunitajiet lokali u individwi differenti. Għall-UE, l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità globali kollettiva għar-rispons ta' kriżijiet umanitarji huwa wieħed mis-sisien fundamentali ta' l-approċċ tagħna. L-UE timpenja ruħha li ma tiddupplikax il-mekkaniżmi internazzjonali eżistenti.

67.

Sforzi internazzjonali biex jiġi żgurat rispons umanitarju ġenerali adegwat ġew rinfurzati fis-snin reċenti b'riformi mmexxija min-NU tas-sistema umanitaja, f'kooperazzjoni ma' atturi u donaturi umanitarji oħrajn. L-UE ttenni l-appoġġ qawwi tagħha għar-riforma tas-sistema umanitarja bil-għan li jiġi żgurat rispons aħjar għal dawk fil-bżonn.

68.

Sfida waħda importanti hija ż-żieda tal-volum ġenerali tal-finanzjament għal azzjoni umanitarja biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet dejjem jikbru. L-UE tappoġġa l-għan ta' tisħiħ tal-prevedibbiltà u l-flessibbiltà tal-finanzjament umanitarju kemm b'mekkaniżmi multilaterali kif ukoll b'mekkaniżmi diretti (bilaterali), it-tnejn b'vantaġġi komparattivi. Għal dan il-għan ġew stabbiliti mekkaniżmi finanzjarji ġodda, partikolarment il-Fond Ċentrali għal Rispons f'Emerġenza tan-NU (CERF) u l-Fondi Umanitarji Komuni (15). L-UE tilqa' dawn il-mekkaniżmi ġodda bħala suppliment utli għall-firxa ta' strumenti ta' finanzjament disponibbli. L-UE tfakkar li l-kontributi għas-CERF għandhom ikunu addizzjonali għal impenji attwali, (16) u m'għandhomx jieħdu post l-appoġġ finanzjarju disponibbli għal operazzjonijiet umanitarji oħrajn u għal firxa sħiħa ta' msieħba li jimplimentaw.

69.

L-UE tilqa' l-enfasi mogħtija min-NU għal kriżijiet “sotto-finanzjati” permezz ta' komponent speċifiku tas-CERF immirat li jindirizza r-riżorsi supplimentari għal dawk il-kriżijiet, partikolarment fejn dawn jikkorrispondu għal “kriżijiet minsijin”, (17) u tfakkar l-importanza ta' allokazzjoni trasparenti bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-finanzjament tas-CERF.

70.

Fokus maġġuri ieħor għat-titjib ta-rispons globali għall-kriżijiet umanitarji huwa l-attentat biex jiġu żgurati koerenza u koordinazzjoni aħjar tad-diversi atturi, u prijoritizzazzjoni u identifikazzjoni ċari tal-vojt fir-rispons permezz ta' l-applikazzjoni tas-'sistema magħquda (18)' u t-tisħiħ tas-sistema tal-Koordinatur Umanitarju. L-UE tappoġġa bis-sħiħ dawn l-isforzi, waqt li tfakkar li huma għandhom jinkludu b'mod wiesa' l-atturi umanitarji kollha u għandhom iservu l-għan li jittejjeb it-twassil ta' l-għajnuna umanitarja fil-post lil dawk l-aktar fil-bżonn.

71.

Minbarra l-isforzi segwiti fl-UE dwar l-assistenza umanitarja, l-UE tirrikonoxxi bis-sħiħ il-ħtieġa li tirrinforza l-ħidma mill-qrib ma' oħrajn dwar kwistjonijiet ta' l-għoti tajjeb u rispons u t-tisħiħ umanitarji effettivi. L-UE tirriafferma li l-isforzi tagħha għandhom ikunu marbutin sewwa f'approċċi internazzjonali usa', bil-UN-OCHA fir-rwol ċentrali ta' koordinament. Ir-riżoluzzjoni 46/182 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU tibqa' referenza ta' gwida f'dan ir-rigward.

72.

L-UE tirrikonoxxi li l-kontribut tagħha, bħala Unjoni ta' donaturi (governattivi) tradizzjonali ta' l-għajnuna umanitarja, jirrappreżenta biss parti żgħira tas-solidarjetà u l-umanità ġenerali ħafna drabi espressa permezz ta' donazzjonijiet privati, u appoġġ tal-familja estiża jew grupp għal dawk fil-bżonn. It-twessigħ tal-bażi ta' donaturi governattivi jista' jikkontribwixxi sinifikament biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet umanitarji dejjem jiżdiedu. Il-forom kollha ta' għajnuna umanitarja għandhom jingħataw skond il-prinċipji umanitarji. Biex jiġi żgurat li r-riżorsi jimxu mal-ħtiġijiet u biex il-kontabbiltà tiġi rrinfurzata, huwa importanti li d-donaturi kollha jirrappurtaw il-kontributi ta' l-għajnuna umanitarja tagħhom lis-Servizz ta' Traċċar Finanzjarju ġestit mill-UN-OCHA. Jistgħu jiġu esplorati b'mod utli mezzi għar-reġistrazzjoni aktar sħiħa tas-sorsi ta' finanzjament li ma jiġix mill-gvernijiet fis-sistema ta' Traċċar Finanzjarju sabiex tinżamm stampa preċiża tar-rispons umanitarju ġenerali.

73.

L-UE ser tkompli taħdem mill-qrib ma' donaturi maġġuri oħrajn ta' assistenza umanitarja uffiċjali kemm fl-inizjattiva ta' l-Għoti Umanitarju Tajjeb kif ukoll permezz tal-firxa wiesgħa ta' kuntatti bejn donaturi f'kuntest bilaterali kif ukoll dak multilaterali. L-UE ser tħeġġeġ ukoll sforzi mifruxa konġunti u bilaterali għall-espansjoni tal-bażi ta' donaturi lil hinn mil-limiti tradizzjonali tagħha.

74.

L-UE tirrikonoxxi li element ċentrali biex jiġu salvati ħajjiet — partikolarment f'diżastri naturali li jfaqqgħu minnufih — huwa l-kapaċità lokali. Għalhekk, hija ser issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprovdi aktar bini ta' kapaċità lokali lil dawk fl-aħjar post biex jirrispondu meta jfaqqa' diżastru.

5.   Il-Continuum/contiguum ta' l-Għajnuna

5.1.   Tnaqqis tar-Riskju u l-Vulnerabbiltà permezz ta' Tħejjija Msaħħa

75.

L-UE tirrikonoxxi li t-tnaqqis tar-riskju u l-vulnerabbiltà permezz ta' tħejjija mtejba huwa essenzjali għallpreservazzjoni tal-ħajja, speċjalment f'żoni vulnerabbli għal diżastri naturali u t-tibdil fil-klima. L-UE hija impenjata fil-promozzjoni tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u t-tħejjija għal diżastri f'pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' azzjoni koerenti u koordinata f'livell lokali, nazzjonali u reġjonali. Għalhekk l-UE ser tippromwovi l-isforzi internazzjonali fi ħdan il-Qafas Hyogo għall-Azzjoni kif ukoll tappoġġa r-rwol ta' koordinament ta' l-Istrateġija Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri, biex jiżdiedu l-kapaċitajiet fil-livelli kollha permezz ta' ppjanar u azzjoni strateġiċi.

76.

L-UE ser tistabbilixxi approċċ ta' politika globali ta' l-UE biex tappoġġa azzjoni f'dan il-qasam b'iffokar speċjali fuq il-pajjiżi u r-reġjuni li l-aktar jintlaqtu mid-diżastri u l-gruppi l-aktar vulnerabbli. L-UE ser tappoġġa attivitajiet ta' tħejjija abbażi komunitarja f'operazzjonijiet umanitarji u tinkludi t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-politika ta' żvilupp tagħha abbażi ta' appartenenza u strateġiji nazzjonali ta' pajjiżi li l-aktar jintlaqtu mid-diżastri (19)  (20).

5.2.   Transizzjoni u Rkupru Bikri u żgurar tar-rabta ma' l-Għajnua għall-Iżvilupp

77.

L-irkupru u r-rikostruzzjoni wara diżastru hija sfida kbira, li teħtieġ azzjoni strutturali u ta' żvilupp lil hinn mill-għajnuna ta' emerġenza immedjata. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li strumenti umanitarji, ta' l-iżvilupp u ta' għajnuna rilevanti oħrajn jaħdmu aħjar flimkien, partikolarment f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità u fejn il-komunitajiet qed ifittxu li jirkupraw mill-effetti ta' kriżijiet. Il-ksib ta' rabta aħjar bejn Għajnuna, Rijabiltazzjoni u Żvilupp (LBRD) teħtieġ atturi umanitarji u ta' żvilupp biex jikkoordinaw mill-aktar fażijiet bikrija ta' rispons għal kriżi u biex jaġixxu b'mod paralLel bil-ħsieb li tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel. Dan jeħtieġ għarfien reċiproku tal-modalitajiet, strumenti u approċċi differenti min-naħa ta' l-atturi kollha ta' l-għajnuna, u strateġiji ta' transizzjoni flessibbli u innovattivi. F'livell internazzjonali s-'sistema magħquda ta' rkupru kmieni' qed tħares speċifikament lejn l-indirizzar tar-rabta bejn l-għajnuna u l-għajnuna ta' l-iżvilupp fl-istadji l-aktar bikrija tar-rispons għal diżastru.

78.

L-UE ser taħdem flimkien dwar approċċi prattiċi ta' avvanz għal-LRRD. Dawn l-approċċi għandhom ikunu bbażati fuq l-esperjenzi u l-lezzjonijiet meħuda u jindirizzaw il-kooperazzjoni mtejba bejn l-aġenziji umanitarji u ta' żvilupp u atturi oħra ta' għajnuna, inkluż fil-komunità internazzjonali, partikolarment fil-livell tal-post u f'sitwazzjonijiet ta' emerġenzi fraġli jew kumplessi. F'ambjenti transitorji, tibqa' l-ħtieġa li jiġu żgurati sinerġiji bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp filwaqt li jiġu rispettati l-objettivi, il-prinċipji u l-approċċi distinti tagħhom.

IT-TIENI PARTI — IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-GĦAJNUNA UMANITARJA

79.

Il-politika Komunitarja fil-qasam ta' l-għajnuna umanitarja hija rregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1257/96 ta' l-20 ta' Ġunju 1996 (21) li jistabbilixxi l-objettivi prinċipali ta' l-għajnuna umanitarja Komunitarja lill-pajjiżi terzi.

80.

Il-Komunità ser tapplika l-prinċipji komuni u l-prassi tajba definiti fl-Ewwel Parti, fil-qafas komuni mfassal biex iwassal l-għajnuna umanitarja ta' l-UE.

1.   Vantaġġ komparattiv

81.

Il-Komunità tista' tiġi distinta permezz tal-vantaġġ komparattiv u l-valur miżjud tagħha, li jippermettu l-kumplementarjetà mal-linji ta' politika bilaterali ta' l-Istati Membri u donaturi umanitarji oħrajn.

82.

F'isem il-Komunità, il-Kummissjoni tipprovdi valur miżjud permezz tar-rwoli li ġejjin:

83.

L-ewwel, preżenza globali. L-implimentazzjoni ta' l-għajnuna umanitarja Komunitarja hija appoġġata min-netwerk ta' esperti fil-qasam li jinsabu mad-dinja kollha, li jaħdmu minn uffiċċji fil-post, inklużi Uffiċċji Reġjonali ta' Appoġġ. Dan jagħmel lill-Komunità donatur wieħed minn ftit biss bi preżenza umanitarja speċjalizzata estensiva fil-livell ta' post. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tuża l-appoġġ tan-netwerk estensiv tagħha ta' Delegazzjonijiet. Dan jippermetti lill-Komunità biex taqdi b'mod effiċjenti l-funzjoni tagħha fl-allokazzjoni ta' l-għajnuna abbażi ta' preżenza, esperti (notevolment fil-ħtieġa ta' valutazzjoni), u r-rapidità tar-rispons, u biex tassisti l-imsieħba b'mod attiv fil-post għat-titjib tar-rispons umanitarju ġenerali. Barra minn hekk, il-Komunità hija f'pożizzjoni tajba li tikkumplimenta rapidament kif meħtieġ il-kontributi bilaterali ta' l-Istati Membri ta' l-UE fir-rispons għall-krizijiet.

84.

It-tieni, bl-appoġġ ta' l-Istati Membri, tiżgura koerenza fil-linji ta' politika Komunitarji, partikolarment fil-punti ta' laqgħa bejn il-linji ta' politika Komunitarji fil-qasam ta' l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp, is-sigurtà fl-ikel, is-saħħa pubblika u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tar-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD), it-tnaqqis tar-riskju għad-diżastri u l-istrateġiji ta' tħejjija.

85.

It-tielet, il-promozzjoni ta' prassi umanitarjA tajBA. Matul is-snin, il-Komunità akkwistat livelli għolja ta' rikonoxximent bħala donatur ta' referenza u kontributur importanti għal azzjoni umanitarja. Il-Komunità tmexxi fit-triq ta' l-iżgurar li l-allokazzjonijiet ta' l-għajnuna umanitarja huma bbażati fuq il-ħtiġijiet u li l-ebda kriżi umanitarja ma tintesa fir-rispons umanitarju intenazzjonali. Il-Komunità hija wkoll fil-pożizzjoni unika li tista' tinkoraġġixxi donaturi umanitarji oħrajn biex jimplimentaw strateġiji ta' għajnuna umanitarja li huma effettivi u bi prinċipji.

86.

Ir-raba', il-Komunità spiss għandha vantaġġ komparattiv li tikun tista' tintervjeni f'sitwazzjonijiet politikament sensittivi b'aktar flessibbiltà.

87.

Il-ħames, fil-faċilità tal-koordinazzjoni. Il-Kummissjoni ser tkompli tippromwovi l-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-attivitajiet tagħha stess u dawk ta' l-Istati Membri, kemm fil-livell ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll fuq il-post. Il-Kummissjoni ser tappoġġa wkoll il-koordinazzjoni ma' donaturi oħrajn u taħdem mas-sistema tan-NU biex tiżgura koordinazzjoni strateġika kemm tar-risponsi speċifiċi għall-kriżijiet kif ukoll tal-kwistjonijiet ta' politika fil-livell ta' kwartieri ġenerali u dak fuq il-post.

2.   Tqegħid ta' għoti xieraq fil-prattika

88.

Rigward il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija speċifika għall-analiżi tal-vulnerabbiltà ġenerali u s-sitwazzjoni tal-kriżijiet f'livell komparattiv ta' pajjiż fuq bażi annwali — il-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet Globali. Dan huwa kondiviż pubblikament u infirex b'mod wiesa' bħala 'prassi tajba' fil-qafas ta' l-Għoti Umanitarju Tajjeb. Dan l-approċċ jinkwadra l-istrateġija Komunitarja annwali għall-ipprogrammar ta' l-għajnuna umanitarja. Qed jitwettqu valutazzjonijiet dettaljati tal-ħtiġijiet li jsawru risponsi speċifiċi għall-kriżijiet, bl-użu ta' esperjenza operattiva ta' valur u li jorbtu mill-qrib ma' l-imsieħba li jimplimentaw.

89.

Biex jiġi żgurat approċċ ekwitabbli li jagħti attenzjoni partikolari lill-kriżijiet li huma mwarrbin fir-rispons umanitarju ġenerali, il-Kummissjoni tapplika approċċ speċifiku għall-identifikazzjoni ta' “Kriżijiet Minsijin” u biex jiġi żgurat rispons ta' finanzjament xieraq.

90.

Il-Kummissjoni, permezz tal-finanzjament tagħha għat-tħejjija għad-diżastri, inkluż DIPECHO, appoġġata mill-baġit għall-għajnuna umanitarja, akkwistat esperjenza prattika konsiderevoli fit-tħejjija għad-diżastri bl-iffokar fuq attivitajiet b'bażi komunitarja, inkluż: li tqajjem kuxjenza, provi ta' emerġenza, sistemi lokali ta' allarm bikri, taħriġ u edukazzjoni. Tali attivitajiet iservu biex jitnaqqsu l-effetti tad-diżastri fuq popolazzjonijiet vulnerabbli. Dan l-approċċ b'bażi komunitarja ta' tħejjija għad-diżastri għandu jitkompla flimkien ma' aktar sforzi għall-inklużjoni tat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri f'għajnuna għall-iżvilupp għall-perijodu itwal.

91.

Il-Kummissjoni ser iżżomm rispons ta' kwalità għolja u l-abbiltà li tirreaġixxi malajr. Sabiex tagħmel dan hija tista' tirrinforza b'mod utli t-tlestija tagħha ta' qabel il-kriżi, inkluż valutazzjonijiet tas-sitwazzjoni u analiżi tal-kapaċitajiet għall-arranġamenti ta' rispons u ta' żieda, partikolarment li tagħmel użu mill-esperjenza u l-preżenza umanitarja estensiva tal-Kummissjoni fil-post (esperti ta' l-ECHO u l-Uffiċji Reġjonali ta' Appoġġ). L-arranġamenti tal-Kummissjoni ser ikomplu jipprovdu valur addizzjonali u għandhom jorbtu ma' dawk ta' l-Istati Membri u ta' l-imsieħba tagħha li jimplimentaw (inkluż it-timijiet tal-Valutazzjoni u l-Koordinazzjoni ta' Diżastri tan-Nazzjonijiet Uniti).

92.

Il-Kummissjoni taħdem fi sħubija mill-qrib ma' l-organizzazzjonijiet umanitarji — partikolarment l-aġenziji ta' għajnuna tan-NU, il-Moviment tas-Salib l-Aħmar u dak tan-Nofs-Qamar l-Aħmar u l-NGOs li qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jimplimentaw l-għajnuna umanitarja fil-post. Approċċ qawwi ta' sħubija huwa minqux fil-ftehim li jirregolaw ir-relazzjonijiet ma' dawn l-organizzazzjonijiet.

93.

Kemm għall-protezzjoni ċivili kif ukoll għall-mekkaniżmi ta' rispons għall-kriżijiet il-Komunità teħtieġ tiżgura l-indipendenza ta' l-azzjoni umanitarja minn objettivi oħrajn bħal dawk politiċi u militari.

94.

Il-kontabbiltà finanzjarja dwar il-baġit Komunitarju hija stretta fil-livell ta' l-UE. Ir-rekwiżiti u l-proċeduri ta' rappurtar u proċeduri għall-għajnuna umanitarja ġestita mill-Kummissjoni huwa għalhekk attwalment fost l-aktar kompleti minn kwalunkwe donatur uffiċjali maġġuri. Din hija ħtieġa ċara f'termini ta' kontabbiltà għaċ-ċittadini Ewropej li hija sorveljata b'reqqa mill-istituzzjonijiet u riflessa bil-fatt li d-deċiżjonijiet Komunitarji kollha ta' finanzjament isiru pubbliċi. Il-Komunità timpenja ruħha li tkompli l-isforzi biex tirrazzjonalizza u tissimplifika l-proċeduri tagħha għall-għajnuna umanitarja sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw fil-qafas tar-regoli applikabbli. L-armonizzazzjoni tar-rappurtar mill-Komunità fil-qasam umanitarju ser iseħħ skond id-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kontabbiltà u l-kontroll finanzjarji ġenerali.

95.

Sabiex jiġu garantiti u mtejba l-effettività u l-konsistenza tas-sistemi ta' għajnuna umanitarja tal-Komunità u l-Istati Membri, il-Kummissjoni topera s-“sistema ta' 14-il punt” għall-Istati Membri biex jirrappurtaw il-kontributi umanitarji tagħhom. Dan ir-rappurtar huwa armonizzat ma' u mressaq lis-Servizz ta' Traċċar Finanzjarju ta' l-OCHA, bil-kontribut għall-kwalità ġenerali ta' rappurtar umanitarju.

96.

L-Istati Membri u l-Parlament Ewropew iħeġġu lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' prassi ta' donazzjoni tajba u jimpenjaw ruħhom li jqisu bir-reqqa l-kwistjoni ta' l-adegwatezza ta' l-allokazzjoni tal-baġit għall-għajnuna umanitarja taħt Perspettivi Finanzjarji futuri.

97.

B'mod konkret, il-Komunità ser tfittex fil-perijodu medju li:

issaħħaħ ir-rwol tagħha fit-tisħiħ umanitarju;

issaħħaħ l-isforzi biex tqajjem kuxjenza tal-prinċipji/konsiderazzjonijiet umanitarji fil-ħidma ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE;

taġixxi bħala forza ta' tmexxija, partikolarment fl-UE, biex tmexxi 'l quddiem approċċ ta' l-“aħjar prassi” kkoordinat tajjeb għad-dispożzzjoni ta' l-għajnuna umanitarja;

tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri kollha fid-dispożizzjoni tagħhom ta' l-għajnuna umanitarja permezz tal-kondiviżjoni ta' l-esperjenza akkumulata u toffri gwida speċifika (eżempju dwar modalitajiet, imsieħba) kif xieraq, b'attenzjoni partikolari biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri aderenti ġodda ta' l-UE;

taħdem ma' oħrajn, inklużi n-NU, il-Moviment tas-Salib l-Aħmar/l-Moviment tan-Nofs-Qamar l-Aħmar u NGOs umanitarji, biex tiġi żgurata analiżi aħjar tal-ħtiġijiet u jiġi identifikat il-vojt kontinwu fir-rispons;

tippromwovi l-kondiviżjoni ta' strateġiji, valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u analiżi tal-kuntest b'mod aktar sistematiku għat-titjib tal-prestazzjoni kollettiva biex l-għajnuna titwassal aħjar;

tippromwovi linji ta' politika settorjali b'valur miżjud dwar l-aħjar prassi intenazzjonali f'oqsma ta' politika speċifiċi (eżempju tfal f'emerġenzi, għajnuna għall-ikel, saħħa);

tirrinforza l-koordinazzjoni ma' linji ta' politika u strumenti oħrajn (LRRD, stabbiltà u strumenti ta' protezzjoni ċivili);

ittejjeb aktar l-abbiltà tagħha biex tirrispondi b'mod rapidu u flessibbli f'każ ta' diżastru li jfaqqa' minnufih;

teżamina aktar mill-qrib il-kwistjoni tat-trasport u l-loġistika u t-tlestija ta' qabel diżastru, inkluż il-pre-pożizzjonament tal-ħażniet;

tkompli l-ħidma ma' l-imsieħba biex jiġu żgurati l-kwalità u l-kontabbiltà fl-għajnuna umanitarja, filwaqt li jiġi ffaċilitat rispons flessibbli u rapidu fejn meħtieġ;

tkompli tirrazzjonalizza u tissimplifika l-ħtiġiet amministrattivi tagħha sabiex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni ma' l-imsieħba u tittejjeb l-effettività fil-post;

tiżgura intendiment konsistenti u l-applikazzjoni ta' standards u linji gwida maqbula internazzjonalment fit-twassil ta' l-għajnuna, billi dawk il-linji gwida jiġu ssupplimentati b'approċċ adattat jekk jiġi identifikat vojt;

tissistematizza l-lezzjonijiet meħudin mir-rispons għall-kriżijiet, flimkien maż-żamma ta' programm regolari ta' evalwazzjoni u verifika esterni, b'hekk isir kontribut għaż-żieda ta' l-effettività ta' operazzjonijiet ta' għajnuna ffinanzjati mill-Komunità;

tikkomunika l-impatt u l-importanza ta' l-għajnuna umanitarja Komunitarja lill-pubbliku Ewropew biex jiġu żgurati livelli għolja kontinwi ta' appoġġ miċ-ċittadini.

98.

Għalhekk il-Komunità tfittex li żżid valur billi tpoġġi fil-prattika hija stess għotja tajba u sħubija b'saħħitha, filwaqt li tħeġġeġ oħrajn jgħamlu l-istess, bil-promozzjoni ta' risponsi ta' kwalità abbażi ta' ħtiġijiet li jassimilaw lezzjonijiet meħudin minn kriżijiet preċedenti, billi tkompli tistinka kontinwament għat-titjib tal-prestazzjoni u l-professjonaliżmu fit-twassil ta' l-għajnuna.

IT-TIELET PARTI — DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

99.

Bil-qbil ma' din id-Dikjarazzjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jimpenjaw ruħhom li jaħdmu għal aktar effettività ta' l-għajnuna umanitarja ta' l-UE.

100.

Il-Kummissjoni Ewropea ser tippreżenta pjan ta' azzjoni għal miżuri prattiċi għall-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' partijiet interessati rilevanti oħrajn u b'konsiderazzjoni debita tar-rwoli u l-kompetenzi rispettivi ta' l-atturi kollha involuti fid-dispożizzjoni ta' l-għajnuna umanitarja ta' l-UE.

101.

Il-progress ta' l-UE fl-implimentazzjoni ta' dan il-Kunsens dwar l-Għajnuna Umanitarja għandu jiġu diskuss regolarment fil-Kunsill u mal-Parlament Ewropew, u jiġi rivedut ħames snin wara l-firma.


(1)  L-għajnuna umanitarja Komunitarja hija bbażata fuq l-Artikolu 179 (Kooperazzjoni ta' l-Iżvilupp) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(2)  L-Istati Membri huma Partijiet għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom (1977).

(3)  Il-Linji Gwida ta' l-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali, ĠU C 327, 23.12.2005, p. 4.

(4)  Il-Prinċipji u l-prassi Tajba ta' l-Għoti Umanitarju, Stokkolma, 17 ta' Ġunju 2003; endorsjat mill-OECD — DAC f'April 2006.

(5)  Dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: “Il-Konsensus Ewropew”, ĠU C46, ta' l-24.2.2006, p. 1.

(6)  Il-prinċipji, l-istandards u l-kriterji ta' evalwazzjoni għall-għajnuna umanitarja huma mniżżlin fl-Anness għal din id-Dikjarazzjoni Konġunta.

(7)  “Prinċipji ta' Kondotta għall-Għaqda Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Moviment tan-Nofs-Qamar l-aħmar u NGOs fil-Programmi ta' Rispons għad-Diżastri” (1994).

(8)  “Karta Umanitarja” SPHERE u Standards Minimi.

(9)  Gwida OECD/DAC għall-Evalwazzjoni ta' l-Assistenza Umanitarja f'Emerġenzi Kumplessi.

(10)  Il-Linji Gwida dwar l-Użu ta' l-Assi Militari u ta' Difiża Ċivili bħala appoġġ għall-Attivitajiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f'Emerġenzi Kumplessi (Marzu 2003).

(11)  Il-Linji Gwida dwar l-Użu ta' l-Assi Militari u ta' Difiża Ċivili fl-Għajnuna Internazzjonali għal Diżastri — “Il-Linji Gwida ta' Oslo” (imnedija mill-ġdid mill-UN OCHA f'Novembru 2006).

(12)  F'dan il-kuntest, it-terminu “protezzjoni ċivili” jirreferi għall-operazzjonijiet ta' għajnuna biss. Minbarra operazzjonijiet ta' għajnuna, il-protezzjoni ċivili tista' wkoll tintuża bħala għodda għall-maniġġar ta' kriżijiet taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'appoġġ għall-assistenza konsulari.

(13)  Qafas Ġenerali għall-użu ta' assi ta' trasport militari jew mikrijin mill-militar ta' l-Istati Membri u ta' għodod ta' koordinazzjoni tal-PESD b'appoġġ għar-rispons ta' l-UE għal diżastri, dok 8976/06.

(14)  Appoġġ militari għar-rispons ta' l-UE għal diżastri — identifikazzjoni u koordinazzjoni ta' assi u kapaċitajiet disponibbli, dok. 9462/3/06 REV 3 u dok. 14540/06 + COR 1.

(15)  Fondi miġbura bbażati fuq il-pajjiż aċċessibbli għall-imsieħba umanitarji li jimplimentaw u amministrati mill-Koordinatur Residenti/Koordinatur Umanitarju tan-NU.

(16)  Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU 60/124 tal-15 ta' Diċembru 2005.

(17)  Kriżijiet Umanitarji identifikati mill-Valutazzjoni ta' Kriżijiet Minsijin tal-Kummissjoni (DG ECHO) bħala li għandhom rispons ta' donazzjonijiet limitat, skarsezzi ta' finanzjament ġenerali u livell baxx ta' attenzjoni mill-medja.

(18)  “Nota ta' Gwida dwar l-użu tas-sistema magħquda għat-tisħiħ tar-rispons umanitarju” tal-Kumitat Permanenti Inter-Aġenzija, 23 ta' Novembru 2006. Is-sistema magħquda topera fuq żewġ livelli. Fil-livell globali, is-sistema tibni l-kapaċità f'oqsma 'nieqsa' ewlenin identifikati. Fil-livell tal-post, is-sistema magħquda ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kapaċità ta' rispons billi timmobilizza għaqdiet ta' aġenziji u atturi umanitarji biex jirrispondu f'oqsma partikolari ta' attività, kull għaqda b'mexxej ċar maħtur u responsabbli.

(19)  Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, il-paragrafu 21.

(20)  F'dan il-kuntest, l-UE tinnota pożittivament il-prinċipji tal-Bini mill-Ġdid Aħjar elenkati fil-“Proposti ċentral għall-Bini mill-Ġdid Aħjar” — Rapport mill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-irkupru mit-Tsunami, William J. Clinton, Diċembru 2006.

(21)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.


ANNESS

Prinċipji, standards u kriterji ta' evalwazzjoni għall-għajnuna umanitarja

L-għajnuna u l-protezzjoni għandhom jiġu pprovduti skond ir-rispett għad-Dinjità Umana, il-valuri umanitarji u d-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilit fil-liġi internazzjonali. Dan jeħtieġ li d-dispożizzjoni għall-għajnuna m'għandhiex tiġi influwenzata b'interessi speċifiċi sew jekk ekonomiċi, politiċi, kulturali jew reliġjużi. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għandha fil-każijiet kollha tkun is-sisien fundamentali tal-programm umanitarju. Dan jirreferi għall-prinċipji umanitarji ta' l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza minn kwalunkwe aġenda politika, ekonomika jew reliġjuża, inkluż il-politika barranija ta' kwalunkwe gvern jew grupp ta' Gvernijiet. (--> Kriterji ta' l-OECD-DAC dwar l-impatt, il-kopertura u l-effettività)

Għandha tiġi pprovduta għajnuna ta' emerġenza ta' kwalità mill-qrib kemm jista' jkun possibbli ta' l-ikbar għadd ta' nies possibbli affettwati, rapidament kemm jista' jkun, bir-riżorsi disponibbli. Dan jeħtieġ l-iżvilupp ta' tħejjija għall-emerġenzi u kapaċitajiet ta' rispons xierqa u fil-ħin. (--> Kriterji ta' l-OECD-DAC dwar il-ħin, il-kopertura u l-effettività)

Amministraturi ta' l-għajnuna għandhom ikunu responsabbli għar-riżultati u l-impatt li huma jiksbu, u mhux biss dwar kif jiġu ġestiti r-riżorsi. Huma għandhom ikunu responsabbli lejn in-nies affettwati u lejn id-donaturi li jħallsu t-taxxa. L-ippjanar, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-verifika professjonali huma l-għodod għall-kisba tal-kontabbiltà u t-trasparenza. (--> Kriterji ta' l-OECD-DAC dwar l-impatt, is-sostenibbiltà, il-kopertura u l-effettività)

In-nies kollha affettwati għandhom jiġu ttrattati bħala bnedmin kapaċi u b'dinjità, aktar milli bħala nies bla ħila. Il-mod kif tiġi pprovduta l-għajnuna jista' jkun daqstant importanti daqs l-għajnuna nfisha. Popolazzjonijiet affettwati għandhom jipparteċipaw fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-ħajjithom. Il-parteċipazzjoni hija kemm dritt universali kif ukoll prassi tajjeb ta' ġestjoni. (--> Kriterji ta' l-OECD-DAC dwar l-adattament u r-rilevanza)

L-għajnuna għandha tiġi pprovduta b'tali mod li tieħu kont tal-kumplessità u l-varjetà tal-vulnerabbilitajiet umani u għandha tinkludi kwistjonijiet trasversali bħall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impatt immedjat u għall-perijodu fit-tul fuq l-ambjent. Il-ħtiġijiet ta' l-irġiel mhumiex identiċi ma' dawk tan-nisa. L-anqas ma huma l-istess id-drittijiet u l-ħtiġijiet tat-tfal bħal dawk ta' żgħażugħ jew adult. B'mod simili, gruppi etniċi jew reliġjużi speċifiċi jistgħu jeħtieġu approċċi, konsiderazzjonijiet u sensittivitajiet partikolari, rigward per eżempju t-tip ta' ikel ipprovdut għall-konsum tagħhom. (--> Kriterji ta' l-OECD-DAC dwar l-adattament u r-rilevanza)

Filwaqt li l-ħtiġijiet immedjati sostenibbli u li jsalvaw il-ħajja huma prijorità assoluta, l-għajnuna għal emerġenza għandha tkun il-pedament solidu għall-iżvilupp tal-bniedem għall-perijodu fit-tul, inkluż l-iżvilupp kulturali u ambjentali. Huwa meħtieġ ippjanar u l-koordinazzjoni għall-perijodu itwal ma' donaturi ta' l-iżvilupp biex jinkisbu programmi integrati li jorbtu l-programmi ta' emerġenza ma' programmi ta' nofs it-teminu, partikolarment programmi ta' riabilitazzjoni, rikostruzzjoni u ta' l-iżvilupp. Dan għandu jimmira biex jiġu assistiti popolazzjonijiet biex jirristabbilixxu u jsaħħu l-mekkaniżmi tradizzjonali tagħhom stess dwar kif ilaħħqu. (--> Kriterji ta' l-OECD-DAC dwar l-impatt, il-kollegament, il-koerenza u is-sostenibbiltà)

Riżorsi ta' emerġenza għandhom jiġu ġestiti professjonalment u b'attenzjoni sħiħa għall-ispejjeż implikati. Prassi tajba fil-ġestjoni u l-appoġġ għall-persunal hija funzjoni ċentrali ta' ġestjoni, fejn is-sigurtà, il-benesseri, id-drittijiet, id-dinjità u l-effettività tal-persunal huma prijorità. (--> Kriterji ta' l-OECD-DAC dwar l-effiċjenza (ta' l-ispejjeż) u l-effettività)

L-effetti ta' ħsara mhux intenzjonati potenzjali tar-rispons umanitarju (eżempju l-estensjoni tal-konflitt) jew l-effetti li jippromwovu n-nuqqas ta' ekwità fost ir-riċevituri ta' l-għajnuna għandhom jiġu identifikati mill-istadji tal-bidu tat-tfassil tal-programm u għandhom jiġu evitati pro-attivament. (--> Kriterji ta' l-OECD-DAC dwar l-effettività, l-adattament, ir-rilevanza u l-impatt)