42000Y0413(01)



Official Journal 106 , 13/04/2000 P. 0001 - 0002


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-27 ta' Marzu 2000

li tawtorizza d-Direttur ta' l-Europol li jidħol f'negozjati dwar ftehim ma' Stati terzi u ma' għaqdiet li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea

(2000/C 106/01)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 42(2), l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni dwar l-istabbiliment ta' l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropea (Konvenzjoni dwar il-Europol) [1],

Wara li kkunsidra l-Att tal-Kunsill tat-3 ta' Novembru 1998 li jistabbilixxi r-Regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet esterni ta' l-Europol u għaqdiet li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 2 ta' dawk ir-Regoli [2],

Wara li kkunsidra l-Att tal-Kunsill tat-3 ta' Novembru 1998 li jistabbilixxi r-Regoli dwar l-aċċettazzjoni ta' informazzjoni mill-Europol minn persuni terzi, u partikolarment l-Artikolu 2 ta' dawk ir-Regoli [3],

Wara li kkunsidra l-Att tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 1999 li jadotta r-Regoli li jirregolaw it-trasmissjoni ta' informazzjoni personali mill-Europol lill-Istati terzi u għaqdiet terzi, u partikolarment l-Artikoli 2 u 3 ta' dawk ir-Regoli [4],

Billi:

(1) L-effiċjenza tal-ġlieda kontra forom organizzati ta' kriminalità permezz ta' l-Europol tista' tittejjeb permezz ta' relazzjonijiet xierqa bejn il-Europol u Stati terzi u għaqdiet.

(2) Din id-Deċiżjoni tawtorizza d-Direttur ta' l-Europol li jidħol f'negozjati ma' l-ewwel grupp ta' Stati terzi u għaqdiet li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea magħżula skond ir-rekwiżiti ta' operazzjoni u l-bżonn li jkunu miġġielda b'mod effettiv forom organizzati ta' kriminalità mill-Europol.

(3) Din id-Deċiżjoni ma teskludix il-Kunsill milli jżid f'deċiżjoni oħra ta' Stati terzi u għaqdiet li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea.

(4) Il-Kunsill għamel dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 42 tal-Konvenzjoni ta' l-Europol li skond din il-Europol għandu bħala priorità tistabbilixxi relazzjonijiet ma' għaqdiet kompetenti ta' dawk l-Istati li magħhom il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom stabbilixxew djalogu strutturat.

(5) Id-Direttur ta' l-Europol jista jidħol biss f'negozjati li jikkonċernaw it-trasmissjoni ta' data personali ġaladarba l-Kunsill huwa sodisfatt li m'hemmx ostakoli biex jibdew dawn in-negozjati, waqt li jittieħed kont tal-liġijiet u prattiċi amministrattivi fil-qasam ta' protezzjoni tad-data fil-pajjiż terz jew għaqda li ma għandhiex x'taqsam ma' l-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

1. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, id-Direttur ta' l-Europol ser ikun awtorizzat li jidħol f'negozjati ma' Stati terzi u għaqdiet li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 2.

2. Sakemm huma maħsuba biex ipartu informazzjoni personali, il-ftehim li ser ikun innegozjat ser jikkonsisti f'dispożizzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni ta' informazzjoni mill-Europol, it-tip ta' informazzjoni li ser tkun trasmessa u l-iskop li għalih l-informazzjoni ser tkun trasmessa jew użata, u għandha tassigura konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet relevanti kollha tal-Konvenzjoni ta' l-Europol u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tagħha f'dan ir-rigward.

3. Sakemm huwa maħsub biex tpartat informazzjoni suġġetta għar-rekwiżiti ta' kunfidenzalità, il-ftehim ser jikkonsisti f'dispożizzjonijiet dwar kunfidenzjalità skond l-Artikolu 18(6) tal-Konvenzjoni ta' l-Europol.

4. Il-ftehim jista' jikkonsisti f'dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid ta' uffiċjali biex jikkoperaw minn Stati terzi u għaqdiet terzi lill-Europol, u fejn ikun neċessarju, fuq it-tqegħid ta' uffiċjali li jikkoperaw mill-Europol.

5. Madankollu, meta ftehim li jinkludi t-trasmissjoni ta' informazzjoni personali mill-Europol lill-Istati terzi u għaqdiet li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea huwa maħsub, id-Direttur ta' l-Europol jista' jibda n-negozjati wara li l-Kunsill jiddeċiedi, waqt li jaġixxi unanimament, fuq bażi ta' rapport li ser jingħata lilu mill-Bord ta' Tmexxija ta' l-Europol, li l-ebda ostakoli ma jeżistu biex jibdew dawn in-negozjati. Il-Bord ta' Tmexxija ser jikkonsulta l-Korp ta' Sorveljanza Konġunta dwar dawn ir-rapporti. Meta tintlaħaq din id-Deċiżjoni fuq il-bidu ta' negozjati l-Kunsill ser jieħu kont ta' l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(3) tar-Regoli li jirregolaw it-trasmissjoni ta' informazzjoni personali mill-Europol lill-Istati terzi u għaqdiet terzi.

Artikolu 2

1. Bla ħsara għar-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għall-Europol, negozjati ser isiru mas-segwenti Stati terzi u għaqdiet li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea:

Stati terzi:

- Bolivja

- Bulgarija

- Kanada

- Kolumbja

- Ċipru

- Repubblika Ċeka

- Estonja

- Ungerija

- Islanda

- Latvja

- Litwanja

- Malta

- Marokk

- Norveġja

- Peru

- Polonja

- Rumanija

- Federazzjoni Russa

- Slovakkja

- Slovenja

- Svizzera

- Turkija

- Stati Uniti ta' l-Amerika.

Għaqdiet li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-Unjoni Ewropea:

- ICPO-Interpol

- UNDCP (Programm ta' Nazzjonijiet Uniti dwar kontroll tad-droga)

- Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana.

2. Il-Bord ta' Tmexxija ser, meta jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu skond l-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni, jiddeċiedi fuq il-priorità tan-negozjati, waqt li jittieħed kont tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill fuq l-Artikolu 42 tal-Konvenzjoni ta' l-Europol.

Artikolu 3

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(5), il-Europol ser tidħol f'negozjati maħsuba f'din id-Deċiżjoni hekk kif il-Bord ta' Tmexxija ikun sodisfatt li dawn in-negozjati ġew ippreparati b'mod xieraq. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jipprovdi d-Direttur ta' l-Europol bi kwalunkwe struzzjonijiet oħra dwar in-negozjati kif huwa jqis jixraq.

2. Il-Bord ta' Tmexxija ser ikun informat b'mod permanenti bl-istat tan-negozjati. Rapport dwar progress ser jingħata lill-Bord kull sitt xhur, l-ewwel wieħed ser ikun ippreżentat qabel l-1 ta' Jannar 2001.

Artikolu 4

1. Din id-Deċiżjoni ser tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

2. Din id-Deċiżjoni ser tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Marzu 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Gomes

[1] ĠU C 316, tas-27.11.1995, p. 2.

[2] ĠU C 26, tat-30.1.1999, p. 19.

[3] ĠU C 26, tat-30.1.1999, p. 17.

[4] ĠU C 88, tat-30.3.1999, p. 1.

--------------------------------------------------