41967D0446



Official Journal 152 , 13/07/1967 P. 0018 - 0020
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 1 P. 0033
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 1 P. 0033


Id-Deċiżjoni

tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li tirrigwarda it-twaqqif fuq bażi proviżorja ta' ċerti istituzzjonijet u servizzi tal-Komunitajiet

(67/446/KEE)

(67/30/Euratom)

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI,

Wara li kkunsidraw l-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidraw illi huwa xieraq, fiż-żmien li fih jiġu stabbiliti Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej, sabiex jiġu solvuti ċerti problemi partikolari għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li l-Lussemburgu jiġi nnominat bħala l-post proviżorju ta' ħidma ta' ċerti istituzzjonijiet u dipartimenti, mingħajr preġuduzzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 77 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Faħam u l-Azzar, l-Artikolu 216 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija Atomika u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment

IDDEĊIDEW:

Artikolu 1

Il-Lussemburgu, Brussel u Strasburgu għandhom jibqgħu l-postijiet proviżorji ta' ħidma ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet.

Artikolu 2

Matul ix-xhur ta' April, Ġunju u Ottubru, il-Kunsill għandu jżomm is-sessjonijiet tiegħu fil-Lussemburgu.

Artikolu 3

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa' fil-Lussemburgu.

Għandhom ikunu lokati wkoll fil-Lussemburgu l-korpi ġudizzjarji jew kważi-ġudizzjarji, inklużi dawk komeptenti sabiex japplikaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, li diġà jeżistu jew li għad iridu jiġu stabbiliti skond it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità ta' l-Enerġija Atomika, jew ta' konvenzjonijiet konklużi fil-qafas tal-Komunitajiet, sewwa bejn l-Istati Membri u sewwa ma' pajjiżi terzi.

Artikolu 4

Is-Segretarjat Ġenerali ta' l-Assemblea u d-dipartimenti tagħha għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.

Artikolu 5

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jkun lokat fil-Lussemburgu, fejn għandhom jiltaqgħu l-korpi governattivi tiegħu u għandhom jitwettqu l-attivitajiet kollha tiegħu.

Din id-dispożizzjoni għandha x'taqsam b'mod partikolari ma' l-iżvilupp ta' l-attivitajiet preżenti tiegħu, b'mod speċjali dawk imsemmija fl-Artikolu 130 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, għall-estensjoni possibli ta' dawk l-attivitajiet f'oqsma oħra u f' dawk il-kompiti l-ġodda li jistgħu jiġu assenjati lill-Bank.

Għandu jkun lokat fil-Lussemburgu uffiċċju ta' kollegament bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment bil-kompitu partikolari li jiffaċilita l-operazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

Artikolu 6

Il-Kumitat Monetarju għandu jiltaqa' fil-Lussemburgu u fi Brussel.

Artikolu 7

Id-dipartimenti finanzjarji tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għandhom ikunu lokati fil-Lussemburgu. Dawn jikkomprendu d-Direttorat-Ġenerali tal-kreditu u l-investimenti, id-dipartiment responsabbli mill-ġbir ta' l-imposti u d-dipartimenti tal-kontijiet annessi magħhom.

Artikolu 8

Għandu jkun lokat fil-Lussemburgu Uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li minnu jagħmlu parti uffiċċju konġunt tal-bejgħ u servizz tat-traduzzjoni ta' żmien medju u fit-tul.

Artikolu 9

Barra minn hekk, id-dipartimenti tal-Kummissjoni li ġejjin għandhom ikunu lokati fil-Lussemburgu:

(a) l-uffiċċju ta' l-istatistika u d-dipartiment ta' l-ipproċessar tad-data;

(b) id-dipartimenti ta' l-iġjene u tas-sigurtà industrijali tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar;

(ċ) id-Direttorat-Ġenerali għat-tixrid ta' l-informazzjoni, id-Direttorat għall-protezzjoni tas-saħħa u d-Direttorat tas-salvagwardi tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika;

u l-infrastruttura amministrattiva u teknika xierqa.

Artikolu 10

Il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri huma lesti li jillokaw fil-Lusemburgu, jew li jittrasferixxu hemmhekk, korpi u dipartimenti Komunitarji oħra, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-finanzi, sakemm jista' jiġi żgurat il-funzjonament sewwa tagħhom.

Għal dan il-għan, huma jitolbu lill-Kummissjoni tippreżentalhom kull sena rapport dwar is-sitwazzjoni kurrenti dwar il-lok tal-korpi u tad-dipartimenti Komunitarji u dwar il-possibbiltà li jittieħdu passi ġodda sabiex jagħtu effett lil din id-dispożizzjoni, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-funzjoni sewwa tal-komunitajiet.

Artikolu 11

Sabiex jiġi żgurat il-fuzjonament sewwa tal-Komuniità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Kummissjoni hija mitluba li tittrasferixxi d-dipartimenti varji f'manjiera gradwali u kkoordinata, billi tittrasferixxi l-aħħar id-dipartimenti li jamministraw is-swieq tal-faħam u l-azzar.

Artikolu 12

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' qabel, din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-postijiet proviżorji ta' ħidma ta' l-istituzzjonijiet u d-dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej, kif stabbiliti b'deċiżjonijiet preċedenti tal-Gvernijiet, u lanqas ir-raggruppament mill-ġdid ta' dipartimenti kkawżat bl-istabbiliment ta' Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda.

Artikolu 13

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-istess data bħat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fit-tmienja ta' April elf disa' mija u ħamsa u sittin.

Paul-Henri Spaak

Kurt Schmücker

Maurice Couve De Murville

Amintore Fanfani

Pierre Werner

J. M. A. H. Luns

--------------------------------------------------